Language of document :

Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 2009 - United Phosphorus vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-95/09 R)

("Miżuri provviżorji - Direttiva 91/414/KEE - Deċiżjoni dwar in-noninklużjoni tan-napropamide fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 - Talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni u għall-miżuri provviżorji - Fumus boni juris - Urġenza - Ibbilanċjar tal-interessi")

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: United Phosphorus Ltd (Warrington, Cheshire, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: L. Parpala u N. Rasmussen, aġenti, assistiti minn J. Stuyck, avukat)

Suġġett

Minn naħa, talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/902/KE, tas-7 ta' Novembru 2008, dwar in-noninklużjoni tan-napropamide fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza (ĠU L 326, p. 35) sal-għoti tas-sentenza tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, talba għall-miżuri provviżorji.

Dispożittiv

1)    L-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/902/KE, tas-7 ta' Novembru 2008, dwar in-noninklużjoni tan-napropamide fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza, hija sospiża sas-7 ta' Mejju 2010 - iżda mhux iktar tard mill-għoti tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

2)    L-imsemmija sospensjoni hija suġġeta għall-kundizzjoni li United Phosphorus Ltd u l-Kummissjoni jippreżentaw, mhux iktar tard mill-15 ta' Marzu 2010, fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza, osservazzjonijiet fuq l-evoluzzjoni tal-proċedura aċċellerata li nbdiet, fir-rigward tan-napropamide, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta' Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414 fir-rigward ta' proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta' sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta' dik id-direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I.

3)    Il-Kumissjoni hija ordnata tieħu, fuq talba eventwali ta' United Phosphorus, il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-effett sħiħ ta' dan id-digriet fir-rigward tal-Istati Membri li, qabel is-7 ta' Mejju 2009, kienu diġà annullaw, irtiraw jew irrifjutaw, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/902, awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom in-napropamide.

4)    L-ispejjeż huma rriżervati.

____________