Language of document : ECLI:EU:C:2024:165

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

22 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali f’materja ta’ delitti jew kważi delitti – Post fejn seħħ id-dannu – Użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni fuq vettura li jnaqqas l-effikaċja tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet – Kuntratt ta’ bejgħ ta’ din il-vettura konkluż fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ residenza tax-xerrej u tas-sede tal-manifattur – Kunsinna tal-imsemmija vettura u użu tagħha normali tagħha fl-Istat Membru ta’ residenza tax-xerrej”

Fil-Kawża C‑81/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2023, fil-proċedura

MA

vs

FCA Italy SpA,

FPT Industrial SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, J.‑C. Bonichot u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal MA, minn M. Poduschka, Rechtsanwalt,

–        għal FPT Industrial SpA, minn A. Wittwer, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u L. Wildpanner, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MA, resident Awstrijak, minn naħa, u FCA Italy SpA u FPT Industrial SpA, żewġ kumpanniji Taljani, min-naħa l-oħra, dwar ir-responsabbiltà ta’ dawn tal-aħħar għad-dannu li jirriżulta mill-inkorporazzjoni ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effikaċja tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet f’vettura mixtrija minn MA.

 Ilkuntest ġuridiku

 IrRegolament Nru 1215/2012

3        Il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru°1215/2012 huma fformulati kif ġej:

“(15)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. [...]

(16)      Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

4        Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi b’mod partikolari t-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” u t-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fl-imsemmija Taqsima 1, jipprevedi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinstab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[...]

2)      fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[...]”

 IrRegolament (KE) Nru 715/2007

6        Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1) :

“L-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll ta’ l-emissjonijiet għandu jiġi pprojbit. [...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

7        Permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ tal‑14 ta’ Marzu 2019, MA, li huwa ddomiċiljat fi Krems an der Donau (l-Awstrija), xtara, flimkien ma’ martu karavan, mingħand konċessjonarju tal-karozzi stabbilit fil-Ġermanja. Il-kunsinna tal-vettura lix-xerrejja saret permezz tal-maħżen tal-kunsinna tal-bejjiegħ, li jinsab f’Salzburg (l-Awstrija).

8        FCA Italy u FPT Industrial, żewġ kumpanniji stabbiliti fl-Italja, huma, rispettivament, il-manifattur ta’ din il-vettura u l-manifattur tal-magna tagħha.

9        Ma, peress li qieset li l-magna tal-imsemmija vettura kienet mgħammra illegalment b’apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effikaċja tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, marret quddiem il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija) b’azzjoni għal responsabbiltà delittwali kontra FCA Italy u FPT Industrial. Skont MA, din il-qorti kellha ġurisdizzjoni internazzjonali abbażi tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-azzjoni, peress li l-fatt dannuż seħħ f’Salzburg, fil-post fejn il-bejgħ sar komplet bil-kunsinna tal-oġġett.

10      FPT Industrial qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti minħabba li mis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation (C‑343/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza VKI”, EU:C:2020:534) jirriżulta li, f’tali sitwazzjoni, il-post fejn il-fatt dannuż huwa meqjus li seħħ, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, jinsab fl-Istat Membru li fih il-vettura inxtrat mingħand il-bejjiegħ. Issa, skont FPT Industrial, ix-xiri tal-karavan minn MA seħħ fil-Ġermanja, fejn il-kuntratt ta’ bejgħ ġie ffirmat bejn il-partijiet. Minn dan jirriżulta li l-post fejn seħħ il-fatt dannuż jinsab fil-Ġermanja, b’mod li huma l-qrati Ġermaniżi li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża.

11      Permezz ta’ digriet tal‑31 ta’ Mejju 2022, il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg) ċaħdet din l-eċċezzjoni, billi qieset li, kif sostna MA, id-dannu ta’ din tal-aħħar immaterjalizza ruħu biss fil-mument tal-kunsinna tal-vettura fl-Awstrija.

12      Permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Ottubru 2022, l-Oberlandesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Linz, l-Awstrija) laqgħet l-appell ippreżentat minn FPT Industrial minħabba li l-qorti tal-ewwel istanza ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, peress li l-post tax-xiri tal-vettura kien jikkorrispondi għall-post tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ li huwa l-att determinanti għall-obbligi reċiproċi tal-partijiet.

13      L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita b’appell għal reviżjoni kontra din is-sentenza.

14      Il-qorti tar-rinviju tesponi li, b’differenza mis-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza VKI, f’dan il-każ, il-post tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ u l-post tal-kunsinna tal-vettura lix-xerrej ma jikkoinċidux.

15      L-imsemmija qorti tindika li, fid-dritt Awstrijak, ix-xiri ta’ dritt ta’ proprjetà fuq oġġett mobbli huwa kompost mill-att li jagħti lok għal obbligi (titulus) u mill-att ta’ dispożizzjoni (modus), li jseħħ biss fil-mument u fil-post tal-kunsinna ta’ dan l-oġġett. Madankollu, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett tal-“post fejn seħħ l-effett dannuż”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, twassal għal soluzzjonijiet diverġenti u għalhekk tmur kontra n-natura awtonoma, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ dan il-kunċett.

16      Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tosserva li, jekk il-post tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ kellu jitqies bħala determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, dan imur kontra r-rekwiżit tar-rabta ta’ prossimità stretta bejn il-qorti adita u t-tilwima li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li l-kawża prinċipali ma għandhiex rabta sinjifikattiva mal-post tal-konklużjoni tal-kuntratt li jinsab fil-Ġermanja.

17      Min-naħa l-oħra, skont dik il-qorti, għalkemm, fis-sentenza VKI, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat il-kriterju tax-“xiri” tal-vettura sabiex tiddetermina l-post fejn seħħ il-fatt dannuż, il-punti 30 sa 35 ta’ din is-sentenza juru kriterju ieħor ta’ rabta importanti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dannu li jikkonsisti f’telf ta’ valur li jirriżulta mix-xiri ta’ vettura affettwata minn difett jirrappreżenta dannu inizjali li ma huwiex purament patrimonjali u li jimmaterjalizza ruħu biss fil-mument tax-xiri tal-oġġett affettwat minn dan id-difett mingħand il-bejjiegħ.

18      B’hekk, mill-imsemmija sentenza jista’ jiġi dedott li l-post fejn seħħ il-fatt dannuż ikun, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-post fejn id-difett tal-oġġett ikun wera l-effetti tiegħu. Issa, skont l-imsemmija qorti, sa fejn huwa fl-Istat Membru tad-domiċilju tar-rikorrent li vettura affettwata minn difett tkun is-suġġett ta’ użu normali tagħha, il-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ azzjoni għal responsabbiltà delittwali tkun taqa’ taħt il-qrati ta’ dak l-Istat. Tali konklużjoni hija wkoll kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

19      Fil-fatt, jekk, sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn seħħ il-fatt dannuż, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, wieħed kellu jibbaża ruħu fuq il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li fatturi speċifiċi jistgħu jiġġustifikaw li qabel kollox dan il-post jinsab fl-Istat Membru tad-domiċilju tar-rikorrent, li jwassal għalhekk għal forum actoris. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fil-qasam tal-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur ta’ obbligu li jitfassal prospett, fuq il-ksur ta’ obbligu legali ta’ informazzjoni fl-Istat Membru tad-domiċilju tar-rikorrent jew fuq dannu marbut mal-ġestjoni ta’ kontijiet ta’ investiment. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk, bl-istess mod, il-post fejn difett li jaffettwa l-funzjonament korrett ta’ oġġett jimmanifestaw ruħu jista’ jitqies ukoll bħala l-post fejn seħħ il-fatt dannuż.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ azzjoni għal responsabbiltà delittwali mressqa kontra l-iżviluppatur ta’ magna dijżil mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-[Regolament Nru 715/2007], stabbilit fi Stat Membru A (f’dan il-każ, l-Italja), il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, fil-każ fejn il-vettura tkun inxtrat mir-rikorrent iddomiċiljat fi Stat Membru B (f’dan il-każ, l-Awstrija) minn terz iddomiċiljat fi Stat Membru C (f’dan il-każ, il-Ġermanja), huwa

1)      il-post fejn ikun ġie konkluż il-kuntratt?

2)      il-post fejn tkun ġiet ikkonsenjata l-vettura, jew

jew

3)      il-post fejn ikun immaterjalizza d-difett materjali li kkostitwixxa d-dannu u, għaldaqstant, il-post fejn tintuża normalment il-vettura?”

 Fuq iddomanda preliminari

21      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta vettura, allegatament mgħammra mill-manifattur tagħha, fl-ewwel Stat Membru, b’apparat illegali ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effikaċja tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, kienet is-suġġett ta’ kuntratt ta’ bejgħ konkluż fi Stat Membru ieħor u kkunsinnata lix-xerrej fi Stat Membru ieħor fejn intużat b’mod normali, il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinsab fil-post fejn ġie konkluż dan il-kuntratt, fil-post fejn din il-vettura ġiet ikkonsenjata jew inkella fil-post tal-użu tagħha.

22      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru°1215/2012 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar strumenti ġuridiċi tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “ekwivalenti”. Issa, dan huwa l-każ tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-imsemmija konvenzjoni u tar-Regolament Nru 44/2001, minn naħa, kif ukoll tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, min-naħa l-oħra (sentenza VKI, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu, minn naħa, jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li tippermetti lir-rikorrent, b’deroga għar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut stabbilita fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, iressaq l-azzjoni tiegħu f’materji ta’ delitt jew kważi delitt quddiem il-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jitwettaq il-fatt dannuż, għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u strett. (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland, C‑498/20, EU:C:2022:173, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ konnessjoni partikolarment mill-qrib bejn il-kontestazzjoni u l-qrati tal-post fejn il-fatt dannuż ikun seħħ jew jista’ jseħħ, li tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland, C‑498/20, EU:C:2022:173, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fil-fatt, fil-qasam ta’ delitt jew kważi delitt, il-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ l-avveniment dannuż hija normalment l-iktar adattata sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ viċinanza għat-tilwima u ta’ faċilità fl-amministrazzjoni tal-provi (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland, C‑498/20, EU:C:2022:173, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Madankollu, kif ġie ripetutament deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż”, ikopri kemm il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu kif ukoll dak tal-avveniment li kkawża dan id-dannu, b’tali mod li l-konvenut jista’ jiġi mħarrek, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza VKI, C‑343/19, EU:C:2020:534, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fir-rigward tad-determinazzjoni tal-post fejn seħħ id-dannu.

28      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, id-dannu inizjali, li jirriżulta direttament mill-fatt li kkawża d-dannu, li l-post tat-twettiq tiegħu jista’ jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ dan il-post skont il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi dannużi ulterjuri li ma jistgħux jiġġustifikaw attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet li dannu li huwa biss il-konsegwenza indiretta tad-dannu sostnut inizjalment minn persuni oħra li kienu vittmi diretti tad-dannu li seħħ f’post differenti minn dak ta’ fejn il-vittma indiretta sussegwentement ġarrbet id-dannu ma jistax jiġġustifika l-ġurisdizzjoni skont din id-dispożizzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li, fil-punti 29 sa 31 tas-sentenza VKI, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat dannu li jikkonsisti f’telf ta’ valur ta’ vettura li jirriżulta mid-differenza bejn il-prezz li x-xerrej ħallas għal din il-vettura u l-valur reali tagħha minħabba l-installazzjoni ta’ software li jimmanipula d-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost ta’ “dannu inizjali”, sa fejn dan tal-aħħar ma kienx jeżisti qabel ix-xiri tal-vettura mix-xerrej finali, u mhux bħala konsegwenza indiretta tad-dannu sostnut inizjalment minn persuni oħra.

31      Fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li tali dannu ma għandux natura purament patrimonjali, peress li dan ma huwiex dannu li jippreġudika direttament l-assi finanzjarji tal-parti leża, iżda dannu materjali li jikkorrispondi għat-tnaqqis tal-valur intrinsiku tal-vettura li hija xtrat u li jseħħ li jkollha difett.

32      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex allegat li n-natura u l-klassifikazzjoni tad-dannu mitlub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali huma differenti minn dawk inkwistjoni fis-sentenza VKI.

33      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-post fejn seħħ dannu materjali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 30, 31 u 35 tas-sentenza VKI, li dan jimmaterjalizza biss fil-mument tax-xiri tal-vettura affettwata b’difett, bl-akkwist tagħha għal prezz ogħla mill-valur intrinsiku ta’ din il-vettura. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, irrispondiet għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru°1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta vettura ġiet mgħammra illegalment fi Stat Membru mill-manifattur tagħha b’software li jimmanipula d-data dwar l-emmissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost qabel ma dawn il-vetturi jinxtraw mingħand terz fi Stat Membru ieħor, il-post fejn seħħet id-dannu jinstab f’dan l-aħħar Stat Membru, peress li li huwa dak li fiha l-oġġett inxtara.

34      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu fejn jinsab il-post tal-materjalizzazzjoni tad- dannu mġarrab mix-xerrej ta’ tali vettura fil-każ li, b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza VKI, żewġ Stati Membri distinti jistgħu jkunu dak li fih din il-vettura inxtrat. Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, minn naħa, u l-kunsinna ta’ din il-vettura kif ukoll l-użu normali tagħha, min-naħa l-oħra, seħħew fi Stati Membri differenti.

35      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-post tax-xiri ta’ vettura affettwata minn difett u, għaldaqstant, il-“post fejn seħħ il-fatt dannuż”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru  215/2012, kif interpretat fis-sentenza VKI, jikkorrispondux għall-post tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ tal-vettura, għal dak fejn din tal-aħħar tkun ġiet ikkunsinnata lix-xerrej finali jew ukoll fil-post fejn ikun sar użu normali minnha, konformement mal-iskop tagħha.

36      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-post tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, dan ma jistax ikun determinanti fih innifsu sabiex jiġi stabbilit il-post ta x-xiri f’tali kuntest.

37      Fil- fatt, l-istabbiliment tar-responsabbiltà delittwali tal-manifatturi ta’ vettura huwa bbażat, bħala prinċipju, fuq l-eżistenza ta’ fatt illegali li jikkonsisti f’li din l-vettura tiġi mgħammra b’apparat illegali, ta’ dannu kkostitwit mid-differenza bejn il-prezz imħallas mix-xerrej u l-prezz reali tal-vettura u fuq l-istabbiliment tar-relazzjoni kawżali bejn tali fatt illeċitu u dan id-dannu, filwaqt li l-modalitajiet ta’ xiri tal-imsemmija vettura huma irrilevanti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ma jidhirx indispensabbli, għall-finijiet tal-eżami tal-aġir ikkritikat u tal-portata tad-dannu mitlub, li jiġi analizzat il-kontenut tal-kuntratt ta’ bejgħ li permezz tiegħu l-vittma xtrat l-istess vettura. Konsegwentement, ir-rekwiżit ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni utli tal-proċess ma jimponix, fil-kuntest ta’ azzjoni għal responsabbiltà delittwali, bħal dik fil-kawża prinċipali, l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali favur il-qorti tal-post tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ.

38      Fit-tieni lok, sa fejn i d-dannu mitlub f’dan il-każ ma jikkostitwixxix dannu purament finanzjarju, kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-“post fejn seħħ il-fatt dannuż”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, lanqas ma għandu jikkorrispondi għal dak fejn tnissel l-obbligu li titħallas id-differenza bejn il-prezz li x-xerrej leż ħallas għall-vettura vvizzjata u l-valur reali ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-qorti tal-post fejn it-telf finanzjarju jkun ġie impost b’mod definittiv fuq il-patrimonju tar-rikorrent tirriżulta rilevanti biss fil-każ ta’ dannu purament finanzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punti 30 sa 32), li ma huwiex il-każ f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39      Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-post tax-xiri tal-vettura affettwata minn difett u, konsegwentement, il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, kif interpretat fis-sentenza VKI, jikkorrispondix għall-post fejn il-vettura ġiet ikkunsinnata lix-xerrej finali, għandu jitfakkar li, fil-punt 27 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie (C‑189/08, EU:C:2009:475), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-post fejn seħħ id-dannu huwa dak fejn il-fatt li ta lok għad-dannu jipproduċi l-effetti dannużi tiegħu, jiġifieri dak fejn id-dannu kkawżat mill-prodott difettuż jimmanifesta ruħu konkretament.

40      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza kif ukoll tal-motivi li jinsabu fil-punti 36 sa 39 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, meta, bħal f’dan il-każ, l-iffirmar tal-kuntratt ta’ bejgħ, minn naħa, u l-kunsinna tal-vettura u l-użu tagħha, min-naħa l-oħra, ikunu seħħew fi Stati Membri differenti, il-post tax-xiri ta’ din il-vettura u għalhekk il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, kif interpretat fis-sentenza VKI, huwa dak fejn id-difett li jaffettwa l-imsemmija vettura, jiġifieri l-inkorporazzjoni tal-apparat illegali, li jikkostitwixxi l-fatt li kkawża d-dannu, jimmanifesta ruħu u jipproduċi l-effetti dannużi tiegħu fir-rigward tax-xerrej finali, jiġifieri l-post fejn il-vettura tkun ġiet ikkonsejata lilu.

41      Tali interpretazzjoni tissodisfa l-għan ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, imsemmi fil-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, sa fejn, b’estensjoni ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-punt 36 tas-sentenza VKI, jiġifieri li manifattur ta’ vetturi bil-mutur stabbilit fi Stat Membru li jwettaq manipulazzjonijiet illegali fuq vetturi kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra jista’ raġonevolment jistenna li jitressaq quddiem il-qrati ta’ dawn l-Istati, hemm lok li jitqies li tali manifattur għandu jistenna bl-istess mod li jitressaq quddiem il-qrati tal-Istati Membri fejn il-vetturi kkummerċjalizzati ġew ittrasferiti lix-xerrejja finali.

42      Barra minn hekk, il-post tal-użu tal-vettura affettwata minn difett ma jistax ikun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn seħħ id-dannu. Minn naħa, b’differenza mill-post tal-konsenja, tali kriterju ma jissodisfax l-għan ta’ prevedibbiltà u, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, għandu jitqies li d-dannu jimmanifesta ruħu max-xiri tal-vettura, jiġifieri, f’dan il-każ, waqt il-kunsinna tagħha.

43      Mill-motivi kollha preċedenti jirriżulta li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta vettura, allegatament mgħammra, fl-ewwel Stat Membru, mill-manifattur tagħha b’apparat illegali ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effikaċja tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, tkun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ bejgħ konkluż fit-tieni Stat Membru u tkun ġiet ikkunsinnata lix-xerrej fit-tielet Stat Membru, il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinsab f’dan l-aħħar Stat Membru.

 Fuq lispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu  2 tar-Regolament (UE) Nru1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta vettura, allegatament mgħammra, fl-ewwel Stat Membru, mill-manifattur tagħha b’apparat illegali ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effikaċja tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, tkun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ bejgħ konkluż fit-tieni Stat Membru u tkun ġiet ikkunsinnata lix-xerrej fit-tielet Stat Membru, il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinsab f’dan l-aħħar Stat Membru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.