Language of document : ECLI:EU:C:2024:179

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem – Direttiva 2001/83/KE – Artikolu 85c – Kamp ta’ applikazzjoni – Bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku ta’ prodotti mediċinali – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika obbligatorja – Persuni awtorizzati jew intitolati li jbigħu prodotti mediċinali mill-bogħod lill-pubbliku – Fakultà, għall-Istati Membri, li jimponu kundizzjonijiet, iġġustifikati mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika, għall-provvista bl-imnut, fit-territorju tagħhom, ta’ prodotti mediċinali mibjugħa online – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 98/34/KE – Direttiva (UE) 2015/1535 – Servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali”

Fil-Kawża C‑606/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

Doctipharma SAS

vs

Union des Groupements de pharmaciens d’officine (UDGPO),

Pictime Coreyre,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur), J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Hötzel, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ April 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Doctipharma SAS, minn V. Eppendahl, L. Lesur, M. Rivasi, u A. Robert, avukati, M. Meulenbelt, advocaat,

–        għall-Union des Groupements de pharmaciens d’officine (UDGPO), minn S. Beaugendre u M. Boccon-Gibod, avocats,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. Bain, V. Depenne, A.-L. Desjonquères, M. Guiresse u N. Vincent, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn T. Machovičová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sipos u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8) (iktar ’il quddiem id-”Direttiva 98/34”), u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 174, p. 74) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/83”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Doctipharma SAS u l-Union des Groupements de pharmaciens d’officine (l-Unjoni tal-Gruppi ta’ Spiżjara fi spiżeriji, iktar ’il quddiem l-“UDGPO”) dwar il-legalità tal-attività ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika obbligatorja permezz ta’ pjattaforma mfassla u amministrata minn Doctipharma.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 98/34

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

[...]

2)      ‘servizz’: kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

–        ‘mill-bogħod’; tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

–        ‘b’mezzi elettroniċi’; tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’ wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

–        ‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’; tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

[...]”

 IdDirettiva 2001/83

4        L-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-offerta għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni lill-pubbliku permezz tas-soċjetà tal-informatika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li prodotti mediċinali jiġu offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika kif definiti fid-Direttiva [98/34], taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      il-persuna fiżika jew legali li toffri l-prodotti mediċinali hija awtorizzata jew intitolata li tforni prodotti mediċinali għall-pubbliku, anke mill-bogħod, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dik il-persuna;

b)      il-persuna msemmija fil-punt (a) tkun innotifikat lill-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha, għall-inqas l-informazzjoni li ġejja:

i)      l-isem jew l-isem tal-kumpanija u l-indirizz permanenti tal-post tal-attività minn fejn jiġu fornuti dawk il-prodotti mediċinali;

ii)      id-data tal-bidu tal-attività tal-offerta għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku permezz tas-soċjetà tal-informatika;

iii)      l-indirizz tal-websajt użat għal dak l-iskop u l-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa sabiex jiġi identifikat dak il-websajt;

iv)      jekk applikabbli, il-klassifikazzjoni skont it-Titolu VI tal-prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz tas-soċjetà tal-informatika.

Fejn ikun il-każ, dik l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata;

c)      il-prodotti mediċinali jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membru ta’ destinazzjoni skont l-Artikolu 6(1);

d)      bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stipulati fid-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), il-websajt li toffri l-prodotti mediċinali tinkludi tal-inqas:

i)      id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti jew l-awtorità notifikata skont il-punt (b);

ii)      hyperlink għall-websajt li għalih hemm referenza fil-paragrafu 4 tal-Istat Membru ta’ stabbiliment;

iii)      il-logo komuni li għalih hemm referenza fil-paragrafu 3 muri b’mod ċar fuq kull paġna tal-websajt li tirrelata mal-offerta għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku. Il-logo komuni għandu jkun illinkjat mal-entrata tal-persuna fil-lista msemmija fil-punt c tal-paragrafu 4.

2.      L-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet, iġġustifikati fuq bażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, fuq il-provvista bl-imnut fit-territorju tagħhom ta’ prodotti mediċinali għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika.

[...]

6.      Bla ħsara għad-Direttiva [2000/31] u r-rekwiżiti stipulati f’dan it-Titolu, l-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li persuni barra dawk li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 1 li joffru għall-bejgħ mill-bogħod prodotti mediċinali lill-pubbliku permezz tas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika u li joperaw fit-territorju tagħhom jkunu suġġetti għal penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

 IdDirettiva 2011/62

5        Il-premessi 21 sa 24 tad-Direttiva 2011/62 huma fformulati kif ġej:

“(21)      Il-bejgħ illegali ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku permezz tal-Internet huwa theddid importanti għas-saħħa pubblika peress li l-prodotti mediċinali ffalsifikati jistgħu jilħqu l-pubbliku b’dan il-mod. Huwa meħtieġ li tiġi indirizzata din it-theddida. Waqt li jsir dan, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-provvista bl-imnut tal-prodotti mediċinali għall-pubbliku ma ġewx armonizzati fuq livell tal-Unjoni [Ewropea] u għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet għall-provvista tal-prodotti mediċinali għall-pubbliku fil-limiti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

22)      Meta tiġi eżaminata l-kompatibilità tal-kundizzjonijiet għall-provvista bl-imnut tal-prodotti mediċinali mal-liġijiet tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti tal-Ġustizzja”) irrikonoxxiet in-natura tassew partikolari tal-prodotti mediċinali, li l-effetti terapewtiċi tagħhom jiddistingwuhom b’mod sostanzjali minn oġġetti oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll illis-saħħa u l-ħajja tal-bniedem jikklassifikaw l-ewwel fost l-assi u l-interessi protetti mit-TFUE u li huwa f’idejn l-Istati Membri biex jistabbilixxu l-livell ta’ protezzjoni li jixtiequ joffru għas-saħħa pubblika u l-mod ta’ kif dak il-livell għandu jinkiseb. Ladarba dak il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, l-Istati Membri għandhom jingħataw id-diskrezzjoni [sentenza tad-19 ta’ Mejju, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punti 19 u 31),] fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-provvista fuq it-territorju tagħhom tal-prodotti mediċinali għall-pubbliku.

(23)      B’mod partikolari, fid-dawl tar-riskji għas-saħħa pubblika u minħabba s-setgħa mogħtija lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-livell ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri jistgħu, fil-prinċipju, jirrestrinġu l-bejgħ bl-imnut tal-prodotti mediċinali lill-farmaċisti biss [sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punti 34 u 35)]

(24)      Għaldaqstant, u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jimponu kundizzjonijiet ġustifikati bil-protezzjoni tas-saħħa pubblika mal-provvista bl-imnut tal-prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ mill-bogħod permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika. Tali kundizzjonijiet m’għandhomx jirrestrinġu bla bżonn il-funzjonament tas-suq intern.”

 IdDirettiva (UE) 2015/1535

6        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1), jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

b)      ‘servizz’: kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

i)      ‘mill-bogħod’ tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

ii)      ‘b’mezzi elettroniċi’; tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’ wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

iii)      ‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’ tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali;

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b’din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness I;

[...]”

7        L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Id-Direttiva 98/34/KE, kif emendata mill-atti mniżżla fil-Parti A tal-Anness III għal din id-Direttiva, hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fil-Parti B tal-Anness III għal din id-Direttiva mħassra u fil-Parti B tal-Anness III, għal din id-Direttiva.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.”

8        Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2015/1535, din daħlet fis-seħħ fis‑7 ta’ Ottubru 2015, jiġifieri fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

 Iddritt Franċiż

9        Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 5125–25 tal-code de la santé publique (il-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali:

“L-ispiżjara huma pprojbiti milli jirċievu ordnijiet ta’ prodotti mediċinali jew prodotti jew oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu L. 4211‑1 bl-intermedjazzjoni normali ta’ sensara jew li jkunu involuti fil-provvista u fid-distribuzzjoni fid-djar ta’ prodotti mediċinali, prodotti jew oġġetti ċċitati iktar ’il fuq, li l-ordni tagħhom tkun waslet għandhom b’dan il-mod.”

10      L-Artikolu L. 5125-26 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“Huwa pprojbit il-bejgħ lill-pubbliku tal-prodotti mediċinali, prodotti u oġġetti kollha msemmija fl-Artikolu L. 4211-1 permezz ta’ kummissjonanti, gruppi ta’ xiri jew stabbilimenti li jappartjenu lil jew huma amministrati minn persuni li ma għandhomx waħda mid-diplomi, ċertifikati jew titoli oħra msemmija fl-Artikolu L. 4221-1.”

11      L-Artikolu L. 5125-33 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali tfisser l-attività ekonomika li permezz tagħha l-ispiżjar joffri jew jiżgura mill-bogħod u b’mezzi elettroniċi l-bejgħ bl-imnut u d-distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u, għal dan l-għan, jipprovdi informazzjoni dwar is-saħħa online.

L-attività ta’ kummerċ elettroniku titwettaq minn sit internet ta’ spiżerija.

Il-ftuħ u l-użu ta’ tali sit huma esklużivament irriżervati għall-ispiżjara li ġejjin:

1°      Spiżjar proprjetarju ta’ spiżerija;

2°      Spiżjar li jamministra spiżerija mutwalistika jew ta’ salvataġġ fil-minjieri, esklużivament għall-membri tagħhom.

L-ispiżjar proprjetarju tal-ispiżerija jew l-amministratur ta’ spiżerija mutwalistika jew ta’ għajnuna fil-minjieri huwa responsabbli għall-kontenut tas-sit internet li huwa jippubblika u għall-kundizzjonijiet li fihom titwettaq l-attività ta’ kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali.

Il-viċi spiżjara li rċevew delega mingħand wieħed mill-ispiżjara msemmija fis-sitt paragrafu jistgħu jipparteċipaw fl-użu tas-sit internet tal-ispiżerija.

Spiżjara li jissostitwixxu proprjetarji ta’ spiżeriji jew amministraturi ta’ spiżeriji wara l-mewt tal-proprjetarju jistgħu jużaw is-sit internet tal-ispiżerija maħluq preċedentement mill-proprjetarju tal-ispiżerija.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

12      Doctipharma fasslet is-sit internet www.doctipharma.fr, ospitat minn Pictime Coreyre, li fuqu l-utenti tal-internet setgħu jixtru, minn siti ta’ spiżeriji, prodotti farmaċewtiċi u prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika obbligatorja.

13      Peress li qieset li s-servizz ipprovdut minn Doctipharma permezz tas-sit internet tagħha kien iwassal sabiex din tipparteċipa fil-kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali meta hija ma kellhiex il-kwalità ta’ spiżjar, l-UDGPO, assoċjazzjoni ta’ gruppi ta’ spiżeriji farmaċewtiċi, ħarrket lil Doctipharma u Pictime Coreyre quddiem it-tribunal de commerce de Nanterre (il-Qorti Kummerċjali ta’ Nanterre, Franza) sabiex tiġi kkonstatata n-natura illegali ta’ dan is-sit internet u sabiex jiġi ordnat, taħt penalità, il-waqfien tal-attivitajiet ta’ dan is-sit.

14      Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, it-tribunal de commerce de Nanterre (il-Qorti Kummerċjali ta’ Nanterre) laqgħet it-talbiet tal-UDGPO. Hija ddeċidiet li s-sit internet www.doctipharma.fr kien illegali għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali u, essenzjalment, ordnat lil Doctipharma twaqqaf il-kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali fuq dan is-sit internet.

15      Doctipharma appellat quddiem il-cour d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles, Franza), li annullat is-sentenza tal-ewwel istanza permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017 minħabba, b’mod partikolari, li s-sit www.doctipharma.fr kien pjattaforma teknika li ma kinitx tikkummerċjalizza direttament prodotti mediċinali.

16      Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) annullat din is-sentenza minħabba ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikoliu L.5125-25 u l-Artikolu L.5125-26 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika u bagħtet lura l-kawża quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), il-qorti tar-rinviju. Mill-attività ta’ Doctipharma, li tikkonsisti b’mod partikolari f’li jitpoġġew f’kuntatt l-ispiżjara u l-pazjenti potenzjali għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeduċiet li din il-kumpannija għandha rwol ta’ intermedjarju u tipparteċipa għalhekk fil-kummerċ elettroniku ta’ bejgħ ta’ prodotti mediċinali mingħajr ma għandha kwalità ta’ spiżjar, bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

17      Quddiem il-qorti tar-rinviju, Doctipharma ssostni li l-attività tagħha hija limitata għal manutenzjoni teknika ta’ soluzzjoni mutwalizzata intiża għall-ispiżjara ta’ spiżerija sabiex tippermettilhom li jippubblikaw u joperaw is-sit internet tagħhom. Abbażi ta’ dan, minn naħa, hija tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq l-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83. Minn naħa, hija ssostni li s-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981), dwar l-attivitajiet tax-xufiera mhux professjonisti ta’ Uber, ma hijiex trasponibbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

18      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ispiżjara ta’ spiżerija huma, b’differenza mix-xufiera mhux professjonisti ta’ Uber, professjonisti tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali, li l-bejgħ tagħhom mill-bogħod b’mezz elettroniku huwa biss l-estensjoni ta’ dan il-bejgħ, u li ma jidhirx li Doctipharma tintervjeni fl-istabbiliment tal-prezz tal-prodotti mediċinali hekk mibjugħa b’tali mod li hija tiddubita li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981), tista’ tiġi trasposta għall-każ inkwistjoni.

19      Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li l-karatteristiċi tas-servizz propost minn Doctipharma u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 kienu s-suġġett ta’ approċċi opposti min-naħa tal-qrati Franċiżi li ħadu konjizzjoni tal-kawża prinċipali.

20      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-attività ta’ Doctipharma exerċitata fuq is-sit www.doctipharma.fr għandha tiġi kklassifikata bħala ‘servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva [98/34]?

2)      F’din l-ipoteżi, l-attività ta’ Doctipharma eżerċitata fuq u mis-sit tagħha www.doctipharma.fr taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85c tad-Direttiva [2001/83]?

3)      L-Artikolu 85c tad-Direttiva [2001/83] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni, li tirriżulta minn interpretazzjoni tal-Artikoli L. 5125-25 u L. 5125-26 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika, tal-attività ta’ Doctipharma eżerċitata fuq u mis-sit tagħha www.doctipharma.fr, tikkostitwixxi restrizzjoni ġġustifikata mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika?

4)      Jekk dan ma jkunx il-każ, l-Artikolu 85c tad-Direttiva [2001/83] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-attività ta’ Doctipharma eżerċitata fuq u mis-sit tagħha www.doctipharma.fr?

5)      F’din l-ipoteżi, il-projbizzjoni tal-attività ta’ Doctipharma, li tirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Artikoli L. 5125-25 u L. 5125-26 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika, hija ġġustifikata mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika fis-sens tal-Artikolu 85c tad-Direttiva [2001/83]?

6)      Jekk dan ma jkunx il-każ, l-Artikolu 85c tad-Direttiva [2001/83] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-attività ta’ ‘servizz tal-kumpannija [tas-soċjetà] tal-informazzjoni’ proposta minn Doctipharma?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-attività ta’ Doctipharma eżerċitata fuq u mis-sit internet tagħha www.doctipharma.fr għandhiex tiġi kklassifikata bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 98/34?

22      Minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 2015/1535, id-Direttiva 98/34 tħassret b’effett mis‑7 ta’ Ottubru 2015. Issa, Doctipharma tindika fl-osservazzjonijiet tagħha li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ipprovduti sas-sena 2016 u mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Doctipharma ġiet ikkundannata twaqqaf il-kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali fuq is-sit internet tagħha. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/1535 jistgħu wkoll japplikaw ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali.

23      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, huma fformulati b’mod identiku.

24      Min-naħa l-oħra, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-servizz offrut minn Doctipharma huwa pprovdut fuq sit internet u jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ, mis-siti ta’ spiżeriji li jkunu ssottoskrivew għal dan is-servizz, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika.

25      Konsegwentement, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li servizz ipprovdut fuq sit internet, li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ, minn siti ta’ spiżeriji li jkunu ssottoskrivew għal dan is-servizz, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika jaqax taħt il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

26      Skont il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” jinkludi fih “kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”.

27      F’dan il-każ, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni stabbilita minn dawn id-dispożizzjonijiet li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-remunerazzjoni għal servizz ipprovdut minn fornitur fil-kuntest ta’ attività ekonomika ma għandhiex neċessarjament titħallas mill-persuni li huma l-benefiċjarji tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden, C‑484/14, EU:C:2016:689, punt 41, u tal‑4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C‑339/15, EU:C:2017:335, punt 36).

28      Għalhekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, huwa irrilevanti li dan is-servizz jiġi pprovdut mingħajr ħlas lill-persuna li tixtri l-prodott mediċinali mhux suġġett għal preskrizzjoni, peress li dan jagħti lok għall-konklużjoni bejn il-fornitur ta’ dan is-servizz u kull spiżjar li jirrikorri għall-imsemmi servizz ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi flimkien ma’ ħlas.

29      Bl-istess mod, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li, kif indikat Doctipharma, hija kienet, skont il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ, remunerata mill-ispiżjara li kienu jissottoskrivu għall-pjattaforma tagħha, abbażi ta’ rata fissa jew inkella, kif indika l-Gvern Franċiż, il-fatt li s-servizz ipprovdut minn Doctipharma kien is-suġġett ta’ abbonament mensili mħallas lil Doctipharma mill-ispiżjara klijenti u ta’ ħlas lura ta’ perċentwali tal-ammont tal-bejgħ, meħud mill-pjattaforma.

30      Minn dan jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, is-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu, fi kwalunkwe każ, jitqies li ġie pprovdut bi ħlas.

31      Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet kundizzjoni previsti fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, is-servizz ipprovdut minn Doctipharma jista’, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu, jitqies li huwa pprovdut mill-bogħod u b’mezz elettroniku fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet peress li t-tqegħid f’kuntatt bejn il-klijent u l-ispiżjar isir permezz ta’ sit internet, mingħajr preżenza simultanja, minn naħa, tal-fornitur tas-servizz u, min-naħa l-oħra, tal-klijent jew tal-ispiżjar, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

32      Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari mid-deskrizzjoni tas-servizz ipprovdut minn Doctipharma jirriżulta li dan is-servizz huwa pprovdut, minn naħa, fuq it-talba individwali tal-ispiżjara, peress li dawn għandhom jissottoskrivu għas-sit internet ta’ Doctipharma sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-imsemmi servizz, u, min-naħa l-oħra, fuq talba individwali tal-klijenti, peress li dawn għandhom joħolqu kont klijent sabiex ikunu jistgħu jaċċedu għas-siti tal-ispiżjara tal-għażla tagħhom sabiex jixtru, fuq ordni, prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika.

33      Minn dan isegwi li servizz bħal dak ipprovdut minn Doctipharma għandu, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535.

34      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981), tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112), u tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Star Taxi App (C‑62/19, EU:C:2020:980).

35      Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li servizz li għandu l-għan li jqiegħed f’kuntatt klijenti u fornituri ta’ servizz ieħor ta’ natura differenti u li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, għandu jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” meta tali servizz ikun servizz distint mis-servizz ta’ natura differenti pprovdut minn dawn il-fornituri. Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti jekk ikun jidher li dan is-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt jagħmel parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu jaqa’ taħt klassifikazzjoni ġuridika differenti minn dik ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Star Taxi App, C‑62/19, EU:C:2020:980, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 u 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ, mis-siti ta’ spiżeriji li jkunu ssottoskrivew għal dan is-servizz, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika ma jistax jagħmel parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu ma jissodisfax il-klassifikazzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informatika”.

37      Konsegwentement, fl-assenza ta’ sistema legali distinta applikabbli għal tali servizz, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni u l-kriterji li jirriżultaw mis-sentenzi msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535 għandhom jiġu interpretati fis-sens li servizz ipprovdut fuq sit internet li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ, minn siti ta’ spiżeriji li jkunu ssottoskrivew għal dan is-servizz, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal riċetta medika jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq ittieni sassitt domanda

39      Permezz tat-tieni sas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jipprojbixxu l-provvista ta’ servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ sit internet, ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ, minn siti ta’ spiżeriji li jkunu ssottoskrivew għal dan is-servizz, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 20 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/62 inkluda, fid-Direttiva 2001/83, it-Titolu VIIa intitolat “Bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku”. Dan it-titolu jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 85c ta’ din tal-aħħar dwar il-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku.

41      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta, l-ewwel nett, li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw il-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kif iddefiniti fid-Direttiva 98/34, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika. Fil-fatt, projbizzjoni, mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, tal-offerta għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku hija permessa biss fir-rigward tal-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni.

42      It-tieni nett, dan l-Artikolu 85c jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet dwar il-persuni, il-prodotti mediċinali u s-siti internet li għalihom huwa suġġett il-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni tal-prodotti mediċinali u li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri.

43      B’mod partikolari, fir-rigward tal-persuni awtorizzati jew intitolati li jwettqu tali bejgħ, il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu 1 jippreċiża li l-persuna fiżika jew ġuridika li toffri tali prodotti mediċinali għandha tkun awtorizzata jew intitolata li tforni dawn il-prodotti mediċinali mill-bogħod “skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dik il-persuna”.

44      Il-kompetenza li għalhekk għandhom l-Istati Membri hija kkompletata mill-paragrafu 6 tal-imsemmi Artikolu 85c, li jipprovdi li dawn huma wkoll kompetenti sabiex jissanzjonaw lil persuni oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan, li joffru għall-bejgħ mill-bogħod prodotti mediċinali mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika, kif iddefiniti fid-Direttiva 98/34.

45      Konsegwentement, l-Istati Membri biss huma kompetenti sabiex jiddeterminaw il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi awtorizzati jew intitolati li jipprovdu prodotti mediċinali lill-pubbliku mill-bogħod.

46      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għalihom bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jista’ jkun suġġett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83, l-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet għall-provvista bl-imnut, fit-territorju tagħhom, ta’ prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

47      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux madankollu jimponu tali kundizzjonijiet għall-provvista bl-imnut ħlief jekk ikunu “iġġustifikati fuq bażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika”.

48      Sabiex jiġi ddeterminat jekk servizz bħal dak ipprovdut minn Doctipharma jistax jiġi pprojbit abbażi ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 85c(1)(a) tad-Direttiva 2001/83, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dan is-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, il-fornitur tal-imsemmi servizz għandux jitqies li huwa limitat, permezz ta’ provvista proprja u distinta mill-bejgħ, li jqiegħed f’kuntatt bejjiegħa ma’ klijenti, jew jekk dan il-fornitur għandux jitqies li huwa stess huwa fornitur tal-bejgħ.

49      F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, skont evalwazzjoni purament fattwali, mhux in-natura tas-servizz ipprovdut minn Doctipharma, li hija, fi kwalunkwe każ, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għall-ewwel domanda, servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, iżda l-persuna, ta’ Doctipharma jew ta’ spiżjara li jużaw is-servizz li hija tipprovdi, li jwettqu l-bejgħ ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika.

50      Jekk, fi tmiem din l-analiżi, kellu jiġi konkluż, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tas-servizz ipprovdut minn Doctipharma, li din għandha titqies li hija hija stess fornitur tal-bejgħ, allura l-Artikolu 85c(1)(a) tad-Direttiva 2001/83 ma jipprekludix il-projbizzjoni ta’ dan is-servizz mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita.

51      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri biss huma kompetenti sabiex jiddefinixxu l-persuni awtorizzati jew intitolati jbigħu lill-pubbliku mill-bogħod permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika. L-awtoritajiet Franċiżi jistgħu għalhekk jirriżervaw il-bejgħ mill-bogħod ta’ tali prodotti mediċinali lill-pubbliku permezz ta’ dawn is-servizzi biss għall-persuni li għandhom il-kwalità ta’ spiżjar.

52      Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li dan is-servizz jikkonsisti biss fit-tqegħid f’kuntatt tal-bejjiegħa ma’ klijenti, b’tali mod li Doctipharma tipprovdi servizz tagħha stess u distint mill-bejgħ, allura dan is-servizz ma jkunx jista’ jiġi pprojbit abbażi tal-Artikolu 85c(1)(a) tad-Direttiva 2001/83 minħabba li hija kienet tipparteċipa fil-kummerċ elettroniku ta’ bejgħ ta’ prodotti mediċinali mingħajr ma kellha l-kwalità ta’ spiżjar.

53      Barra minn hekk, f’tali ipoteżi, is-servizz ipprovdut minn Doctipharma ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet għall-provvista bl-imnut” ta’ prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83 u lanqas ma jista’ jiġi pprojbit abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

54      Fil-fatt, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, servizz ipprovdut fuq sit internet li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ, mis-siti ta’ spiżeriji li jkunu ssottoskrivew għal dan is-servizz, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għandu jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535.

55      Issa, l-Artikolu 85c(1) tad-Direttiva 2001/83 jipprevedi espliċitament li, bla ħsara għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-offerta għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti mediċinali jiġu offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika, kif iddefiniti fid-Direttiva 98/34.

56      Għaldaqstant ikun inkoerenti li jiġi kkunsidrat li l-użu ta’ tali servizz jista’ jiġi pprojbit mill-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni sas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jipprojbixxu l-provvista ta’ servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ sit internet, ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ, minn siti ta’ spiżeriji li jkunu ssottoskrivew għal dan is-servizz, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, jekk jirriżulta, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-imsemmi servizz, li l-fornitur tal-istess servizz jipproċedi huwa stess għall-bejgħ ta’ tali prodotti mediċinali mingħajr ma jkun awtorizzat jew intitolat hemmhekk mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit.

 Fuq lispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Lulju 1998, u l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

servizz ipprovdut fuq sit internet li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ, minn siti ta’ spiżeriji li jkunu ssottoskrivew għal dan is-servizz, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal riċetta medika jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

2)      L-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat8 ta’ Ġunju 2011,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-Istati Membri jistgħu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jipprojbixxu l-provvista ta’ servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ sit internet, ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ, minn siti ta’ spiżeriji li jkunu ssottoskrivew għal dan is-servizz, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, jekk jirriżulta, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-imsemmi servizz, li l-fornitur tal-istess servizz jipproċedi huwa stess għall-bejgħ ta’ tali prodotti mediċinali mingħajr ma jkun awtorizzat jew intitolat hemmhekk mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.