Language of document : ECLI:EU:C:2024:181

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Vjaġġi kollox kompriż u servizzi tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 12(2) – Dritt għal vjaġġatur li jxolji kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż tax-xoljiment – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Tixrid tal-COVID‑19 – Assenza ta’ rakkomandazzjoni uffiċjali intiża sabiex tagħti parir kontra l-ivvjaġġar – Kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi personali relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-vjaġġatur ikkonċernat – Konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt kollox kompriż jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni – Ċirkustanzi eżistenti jew prevedibbli fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat – Possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li jseħħu fil-post tat-tluq jew tar-ritorn kif ukoll f’postijiet oħra”

Fil-Kawża C‑299/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

M. D.

vs

Tez Tour” UAB,

fil-preżenza ta’:

“Fridmis” AB

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: K. Hötzel, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. D., minn R. Mikulskas, advokatas,

–        għal “Tez Tour” UAB, minn E. Rusinas, advokatas,

–        għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u V. Vasiliauskienė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, A. Dimitrakopoulou, K. Georgiadis, C. Kokkosi u E. Tsaousi, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė, B.-R. Killmann u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn M. D. u “Tez Tour” UAB dwar id-dritt invokat minn M. D. li jxolji mingħajr spejjeż il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż li huwa kkonkluda ma’ din tal-aħħar minħabba r-riskju sanitarju marbut mat-tixrid tal-COVID‑19.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 5, 7, 25 u 29 sa 31 tad-Direttiva 2015/2302 huma fformulati kif ġej:

“(5)      [...] L-armonizzazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti marbuta ma’ pakketti tal-ivvjaġġar u ma’ arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta hija meħtieġa għall-ħolqien ta’ suq intern reali għall-konsumatur f’dak il-qasam, billi toħloq bilanċ tajjeb bejn livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur u l-kompetittività tan-negozji.

[...]

(7)      Il-maġġoranza ta’ vjaġġaturi li jixtru pakketti jew arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta huma konsumaturi fit-tifsira tal-liġi tal-konsumatur tal-Unjoni. [...]

[...]

(25)      Il-vjaġġatur għandu jirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa qabel ma jixtri pakkett, kemm jekk jinbiegħ permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, jew mill-post jew permezz ta’ tipi oħra ta’ distribuzzjoni. Meta jagħti dik l-informazzjoni, il-kummerċjant għandu jieħu kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-vjaġġaturi li huma partikolarment vulnerabbli minħabba l-età jew in-nuqqas ta’ saħħa fiżika tagħhom, li l-kummerċjant jista’ jipprevedi b’mod raġonevoli.

[...]

(29)      B’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet ta’ kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, għandhom jiġu stipulati d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti għall-perjodu ta’ qabel u wara l-bidu tal-pakkett, b’mod partikolari jekk il-pakkett ma jiġix eżegwit b’mod xieraq jew jekk jinbidlu xi ċirkostanzi partikolari.

(30)      Billi l-pakketti huma normalment mixtrija ferm qabel l-eżekuzzjoni tagħhom, jistgħu jseħħu avvenimenti mhux previsti. Għalhekk il-vjaġġatur għandu, taħt ċerti kondizzjonijiet, ikun intitolat li jittrasferixxi kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar lil vjaġġatur ieħor. F’tali sitwazzjonijiet, l-organizzatur għandu jkun jista’ jirkupra l-ispejjeż tiegħu, pereżempju jekk sottokuntrattur jeħtieġ tariffa biex jinbidel l-isem tal-vjaġġatur jew għall-kanċellazzjoni ta’ biljett tat-trasport u l-ħruġ ta’ wieħed ġdid.

(31)      Il-vjaġġaturi għandhom ikunu jistgħu wkoll jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett permezz ta’ ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikata, fejn jitqies l-iffrankar mistenni tal-ispejjeż u d-dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Għandu jkollhom ukoll id-dritt li jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar mingħajr il-ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni fejn ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jkunu ser jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-pakkett. Dan jista’ jkopri pereżempju gwerra, problemi serji oħra ta’ sigurtà bħat-terroriżmu, riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kondizzjonijiet tat-temp li jagħmluha impossibbli li tivvjaġġa b’mod sikur għad-destinazzjoni kif maqbul fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi jiġu approssimati ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward kuntratti dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta konklużi bejn vjaġġaturi u kummerċjanti.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(12)      ‘ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji’ tfisser sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha;

(13)      ‘nuqqas ta’ konformità’ tfisser nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni mhux xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi f’pakkett;

[...]”

6        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jistipula:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma l-vjaġġatur ikun marbut bi kwalunkwe kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, l-organizzatur [...] għandu jipprovdi lill-vjaġġatur bl-informazzjoni li ġejja fejn applikabbli għall-pakkett:

(a)      il-karatteristiċi ewlenin tas-servizzi tal-ivvjaġġar:

[...]

(ii)      il-mezzi, il-karatteristiċi u l-kategoriji tat-trasport, il-postijiet, dati u ħinijiet ta’ tluq u ritorn, it-tul u l-postijiet tal-waqfiet intermedji u l-konnessjonijiet tat-trasport.

[...]

(viii)      jekk il-vjaġġ jew il-btala jkunux adatti b’mod ġenerali għal persuni b’mobilità mnaqqsa jew le u, fuq talba tal-vjaġġatur, informazzjoni preċiża dwar kemm hu adatt il-vjaġġ jew il-btala meta jitqiesu l-ħtiġijiet tal-vjaġġatur;

[...]”

7        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u d-dritt ta’ rtirar qabel il-bidu tal-pakkett”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett. Fejn il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur jista’ jkollu jħallas tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur. Il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar jista’ jispeċifika tariffi raġonevoli standardizzati ta’ terminazzjoni bbażati fuq iż-żmien tat-terminazzjoni tal-kuntratt qabel il-bidu tal-pakkett u l-iffrankar mistenni ta’ spejjeż u dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Fin-nuqqas ta’ tariffi standardizzati ta’ terminazzjoni, l-ammont tat-tariffa ta’ terminazzjoni għandu jikkorrispondi għall-prezz tal-pakkett nieqes l-ispejjeż iffrankati u d-dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Fuq talba tal-vjaġġatur l-organizzatur għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għall-ammont tat-tariffi ta’ terminazzjoni.

2.      Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. F’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali.

3.      L-organizzatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u jagħti lill-vjaġġatur rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li jkun sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun responsabbli għal kumpens addizzjonali, jekk:

[...]

(b)      l-organizzatur ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u jinnotifika lill-vjaġġatur dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr dewmien żejjed qabel il-bidu tal-pakkett.”

8        L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-pakkett”, jistipula, fil-paragrafi 3 u 6 tiegħu:

“3.      Jekk xi wieħed mis-servizzi tal-ivvjaġġar ma jiġix eżegwit f’konformità mal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, l-organizzatur għandu jirrimedja n-nuqqas ta’ konformità, sakemm dak:

(a)      ikun impossibbli; jew

(b)      jinvolvi spejjeż sproporzjonati, b’kont meħud tal-livell tan-nuqqas ta’ konformità u l-valur tas-servizzi tal-ivvjaġġar affettwati.

Jekk l-organizzatur, skont il-punt (a) jew il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ma jirrimedjax in-nuqqas ta’ konformità, għandu japplika l-Artikolu 14.

[...]

6.      Fejn nuqqas ta’ konformità jaffettwa b’mod sostanzjali l-eżekuzzjoni tal-pakkett u l-organizzatur ikun naqas milli jsib rimedju għalih f’perjodu ta’ żmien raġonevoli ffissat mill-vjaġġatur, il-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar mingħajr ma jħallas tariffa ta’ terminazzjoni u/jew, fejn adatt, jitlob tnaqqis fil-prezz u kumpens għad-danni f’konformità mal-Artikolu 14.

[...]”

9        L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tnaqqis fil-prezz u kumpens għad-danni”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      Il-vjaġġatur għandu jkun intitolat li jirċievi kumpens adegwat mingħand l-organizzatur għal kwalunkwe dannu li l-vjaġġatur iġarrab bħala riżultat ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità. Il-kumpens għandu jingħata mingħajr dewmien żejjed.

3.      Il-vjaġġatur ma għandux ikun intitolat għal kumpens għad-danni jekk l-organizzatur jagħti prova li n-nuqqas ta’ konformità jkun:

[...]

(c)      minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji.”

 Iddritt Litwan

10      L-Artikolu 6.212 tal-Lietuvos Respublikos civilinis kodeksas (il-Kodiċi Ċivili tal-Litwanja), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), intitolat “Forza maġġuri”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Parti hija eżentata mir-responsabbiltà minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt jekk hija tipprova li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni huwa dovut għal ċirkustanzi indipendenti mill-kontroll tagħha u li ma setgħux raġonevolment jitbassru minnha fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, u li l-okkorrenza ta’ tali ċirkustanzi jew konsegwenzi ma setgħetx tiġi prekluża.”

11      L-Artikolu 6.750 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Dritt tat-turisti li jxolju l-kuntratt ta’ vjaġġ turistiku organizzat u li jirtiraw minn kuntratt ta’ vjaġġ turistiku organizzat”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“It-turisti għandhom id-dritt li jxolju l-kuntratt ta’ vjaġġ turistiku organizzat, mingħajr ma jħallsu l-ispejjeż ta’ xoljiment imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, fil-każijiet li ġejjin:

[...]

3)      jekk iseħħu ċirkustanzi ta’ forza maġġuri fil-post ta’ destinazzjoni tal-vjaġġ turistiku organizzat jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, li jista’ jirrendi impossibbli t-twettiq tal-vjaġġ turistiku organizzat jew it-trasport ta’ passiġġieri sad-destinazzjoni tal-vjaġġ. F’dan il-każ, il-vjaġġatur għandu d-dritt li jitlob ir-rimbors tas-somom imħallsa għall-vjaġġ turistiku organizzat, iżda ma għandux dritt għal kumpens addizzjonali.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

12      Fl‑10 ta’ Frar 2020, M. D. ikkonkluda ma’ Tez Tour kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż li permezz tiegħu din tal-aħħar intrabtet li torganizza, għal M. D. u għall-membri tal-familja tiegħu, vjaġġ għal vaganzi lejn l-Emirati Għarab Magħquda matul il-perijodu mill‑1 sat‑8 ta’ Marzu 2020, fejn il-vjaġġ kollox kompriż kien jinkludi, b’mod partikolari, titjira bir-ritorn bejn Vilnius (il-Litwanja) u Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda) kif ukoll soġġorn ta’ seba’ ljieli f’lukanda. Abbażi ta’ dan il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, M. D. ħallas lil Tez Tour somma ta’ flus fl-ammont ta’ EUR 4 834.

13      Fis‑27 ta’ Frar 2020, M. D. informa lil Tez Tour li huwa xtaq ixolji l-imsemmi kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż u talab sabiex jiġi awtorizzat juża l-flus imħallsa għal vjaġġ ieħor, f’data sussegwenti, meta r-riskju sanitarju marbut mat-tixrid tal-COVID‑19 ikun naqas.

14      Tez Tour irrifjutat li tilqa’ t-talba ta’ M. D.

15      Għaldaqstant, M. D. adixxa lill-qrati kompetenti, billi sostna, essenzjalment, li huwa kellu d-dritt għar-rimbors sħiħ tas-somma flus li huwa kien ħallas lil Tez Tour, sa fejn huwa kien xolja l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba l-okkorrenza, fil-post ta’ destinazzjoni tal-vjaġġ organizzat jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li setgħu jirrendu impossibbli l-eżekuzzjoni, b’sigurtà sħiħa, ta’ dan il-vjaġġ jew it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni tiegħu, b’mod partikolari mingħajr ma dawn tal-aħħar ma jkunu esposti għal inkonvenjenzi jew għal riskji sanitarji.

16      M. D. sostna li, matul ix-xahar ta’ Frar 2020, l-informazzjoni dwar it-tixrid tal-COVID‑19, ippubblikata kemm mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll fl-istampa, kienet leġittimament tippermetti li tiġi ddubitata l-possibbiltà li l-imsemmi vjaġġ isir b’mod sigur jew anki li dan tal-aħħar ikun possibbli. Għalhekk, iż-żieda fin-numru ta’ każijiet ta’ infezzjonijiet tal-COVID‑19 ikkonstatati fid-dinja, ir-restrizzjonijiet ta’ titjiriet, l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet uffiċjali intiżi sabiex jagħtu pariri lill-vjaġġaturi sabiex ma jmorrux f’postijiet iffrekwentati u ma jwettqux vjaġġi barra mill-pajjiż, kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri oħra intiżi sabiex irażżnu t-tixrid tal-COVID‑19, juru l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ perikolu fuq livell dinji.

17      Tez Tour ikkontestat il-fondatezza tal-pretensjonijiet ifformulati minn M. D., billi sostniet li t-tixrid tal-COVID‑19 ma setax, fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jitqies bħala ċirkustanza li tirrendi impossibbli l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat.

18      Dawn l-pretensjonijiet ġew miċħuda kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, peress li, skont il-qrati Litwani kkonċernati, xejn ma kien jippermetti li ċ-ċirkustanzi invokati minn M. D. jiġu kklassifikati bħala “forza maġġuri”, fis-sens tal-Artikolu 6.750 tal-Kodiċi Ċivili, kunċett li jimplimenta, fid-dritt Litwan, dak ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. Fil-fatt, minn naħa, M. D. irriżerva l-vjaġġ tiegħu meta kienet diġà teżisti informazzjoni li turi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà u, min-naħa l-oħra, fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li seħħ biss 17-il jum wara li M. D. kien għamel tali riżervazzjoni, il-livell ta’ riskju assoċjat ma’ dan il-vjaġġ ma kienx inbidel.

19      Adita b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn M. D., il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju, tosserva li għandhom jiġu ppreċiżati, għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet li fihom vjaġġatur jista’ jinvoka l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-relazzjoni eżistenti bejn dan il-kunċett u dak ta’ “forza maġġuri”, fis-sens tal-Artikolu 6.750 tal-Kodiċi Ċivili.

20      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, l-ewwel nett, jekk l-awtoritajiet tal-Istat tal-post tat-tluq jew dak tal-post ta’ destinazzjoni għandhomx ikunu ppubblikaw avviż uffiċjali intiż li jagħti parir lill-vjaġġaturi sabiex ma jagħmlux vjaġġi li ma jkunux neċessarji jew jekk il-pajjiż ta’ destinazzjoni ta’ vjaġġ ikkonċernat għandux ikun ġie elenkat bħala “żona ta’ riskju”. Hija tippreċiża li, f’dan il-każ, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Litwan kien ippubblika, fit‑12 ta’ Marzu 2020, rakkomandazzjoni indirizzata lill-vjaġġaturi, li kienet intiża sabiex tinkoraġġixxi lil dawn tal-aħħar jipposponu l-vjaġġi kollha tagħhom u li ma jivvjaġġawx, matul ix-xhur li ġejjin, barra mill-pajjiż, inkluż lejn l-Emirati Għarab Magħquda. Din ir-rakkomandazzjoni saret meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) kienet ikklassifikat mill-ġdid, lejliet, l-epidemija tal-COVID‑19 bħala “pandemija”.

21      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li, sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straodinarji” li għandhom “konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, dawn il-konsegwenzi għandhom ikunu probabbli għal vjaġġatur medju abbażi ta’ evalwazzjoni mwettqa permezz ta’ “pronjosi”, fid-dawl tad-dati tal-vjaġġ ippjanat, tad-data fattwali aċċessibbli għall-vjaġġatur ikkonċernat u tal-informazzjoni ppubblikata. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi jekk dawn iċ-“ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” jistgħux jiġu kkonstatati biss meta jkollhom konsegwenzi li jirrendu oġġettivament impossibbli l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat, jew inkella, kif hija għandha t-tendenza li tqis, anki meta jsir diffiċli li dan il-vjaġġ kollox kompriż jiġi eżegwit f’kundizzjonijiet siguri u aċċettabbli, fid-dawl, jekk ikun il-każ, ta’ fatturi suġġettivi, bħall-istat ta’ saħħa ta’ dan il-vjaġġatur.

22      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” kienu diġà jeżistu sa ċertu punt qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat jew, tal-inqas, kienu prevedibbli, għandux jitqies bħala raġuni għall-esklużjoni tad-dritt tal-vjaġġatur li jxolji dan il-kuntratt mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment.

23      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, anki jekk, qabel id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Litwan kien ippubblika, fit‑8 ta’ Jannar 2020, rakkomandazzjoni għall-attenzjoni tal-vjaġġaturi lejn l-Emirati Għarab Magħquda intiża sabiex tinkoraġġixxi lil dawn il-vjaġġaturi jieħdu prekawzjonijiet, u l-WHO kienet, fit‑30 ta’ Jannar ta’ wara, iddikjarat li l-epidemija tal-COVID-19 kienet tikkostitwixxi “emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ portata internazzjonali”, l-evoluzzjoni u l-konsegwenzi ta’ din l-epidemija kienu madankollu diffiċilment prevedibbli u l-aċċellerazzjoni tad-dinamika tal-infezzjonijiet bejn id-data tar-riżervazzjoni tal-vjaġġ ikkonċernat u dik tax-xoljiment ta’ dan il-kuntratt kienet manifesta.

24      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li M. D. isostni li l-istat ta’ emerġenza fil-livell nazzjonali kien ġie ddikjarat fil-Litwanja fis‑26 ta’ Frar 2020 minħabba t-theddida li kienet tirrappreżenta l-COVID‑19 u li, l-għada, kienet ġiet ippubblikata fl-istampa l-informazzjoni li tgħid li infezzjonijiet tal-COVID‑19 kienu ġew ikkonstatati fost persuni residenti f’lukanda li tinsab fl-Emirati Għarab Magħquda.

25      Ir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jorbot id-dritt tal-vjaġġatur ikkonċernat li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż tax-xoljiment mal-okkorrenza ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji “fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu”. Hija tixtieq tkun taf jekk, fid-dawl tan-natura tal-avveniment invokat f’dan il-każ, din l-aħħar espressjoni tistax tinkludi wkoll postijiet oħra, bħal b’mod partikolari l-post tat-tluq, kif ukoll id-diversi punti marbuta mal-bidu u mar-ritorn tal-vjaġġ ikkonċernat.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Biex ikun jista’ jitqies li seħħew ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(2) tad-[Direttiva 2015/2302] fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, huwa neċessarju li l-awtoritajiet tal-Istat tat-tluq jew tal-Istat tal-wasla jkunu ħarġu twissija uffiċjali biex ma jsirx ivvjaġġar mhux neċessarju u (jew) li l-pajjiż ta’ destinazzjoni tal-vjaġġ (jista’ jkun ukoll il-pajjiż ta’ tluq) ikun ġie kklassifikat bħala żona ta’ riskju?

2)      Biex jiġi ddeterminat jekk, fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, kinux jeżistu ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, u jekk dawn iċ-ċirkustanzi għandhomx konsegwenzi importanti fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett, i) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss ċirkustanzi oġġettivi, jiġifieri l-konsegwenzi importanti fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett li huma stess ikunu marbuta biss ma’ impossibbiltà oġġettiva u għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru biss il-każijiet li fihom l-eżekuzzjoni tal-kuntratt issir fiżikament u legalment impossibbli, jew għandhom jinkludu wkoll il-każijiet fejn l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ma tkunx impossibbli, iżda (f’dan il-każ, minħabba t-tħassib leġittimu ta’ infezzjoni mill-virus tal-COVID‑19) issir diffiċli u (jew) mhux ta’ profitt (f’termini ta’ sigurtà tal-vjaġġaturi, ta’ riskju għall ħajja u/jew għas-saħħa tagħhom, ta’ possibbiltà li jintlaħaq l-għan ta’ tgawdija tal-vjaġġ), ii) fatturi suġġettivi, bħall-fatt li l-vjaġġ iseħħ flimkien ma’ tfal ta’ età żgħira jew li persuna tkun tappartjeni għal grupp b’riskju ogħli, minħabba l-età jew l-istat ta’ saħħa tal-vjaġġatur, eċċ., huma rilevanti? Il-vjaġġatur għandu dritt li jxolji l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar fil-każ fejn, minħabba pandemija u ċirkustanzi relatati magħha, vjaġġatur medju jqis li l-wasla fil-post ta’ destinazzjoni u r-ritorn minn dan il-post ma jkunux iktar siguri, li l-vjaġġatur ser ibati inkonvenjenzi jew ikun jista’ leġittimament jibża’ minn perikolu għas-saħħa jew riskju ta’ infezzjoni minn virus perikoluż?

3)      Il-fatt li ċ-ċirkustanzi msemmija mill-vjaġġatur kienu diġà seħħew jew għall-inqas diġà prevedibbli/probabbli fil-mument meta rriżerva l-vjaġġ, għandu xi impatt fuq id-dritt għax-xoljiment tal-kuntratt mingħajr spejjeż (pereżempju, dan il-fatt iċaħħad lill-vjaġġatur minn dan id-dritt, jagħmel applikabbli kriterji ta’ evalwazzjoni iktar stretti f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi negattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett)? Fl-applikazzjoni (f’kuntest ta’ pandemija) tal-kriterju ta’ dak li kien raġonevolment prevedibbli [seta’ raġonevolment jitbassar], għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, anki jekk, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar [inkwistjoni fil-kawża prinċipali], il-WHO kienet diġà ppubblikat informazzjoni dwar it-tixrid tal-virus, l-evoluzzjoni u l-konsegwenzi tal-pandemija kienu diffiċilment prevedibbli, ma kienx hemm miżuri ċari biex tinżamm kontenuta u kkontrollata l-infezzjoni, lanqas kien hemm biżżejjed informazzjoni dwar l-infezzjoni stess, u l-aċċellerazzjoni tad-dinamika tal-infezzjonijiet bejn ir-riżervazzjoni tal-vjaġġ u x-xoljiment tal-kuntratt kienet manifesta?

4)      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-punti jekk, fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, kinux jeżistu ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, u jekk dawn iċ-ċirkustanzi għandhomx konsegwenzi serji fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett, l-espressjoni ‘fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu’ tkopri biss lill-Istat tal-wasla jew, fid-dawl tan-natura taċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji - infezzjoni virali kontaġġjuża -, tinkludi fiha wkoll lill-Istat tat-tluq, kif ukoll il-punti differenti marbuta mal-bidu u mar-ritorn tal-vjaġġ (postijiet ta’ korrispondenza, ċerti mezzi ta’ trasport, eċċ)?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, moqri fid-dawl tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tal-okkorrenza, fil-post ta’ destinazzjoni ta’ vjaġġ jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ppubblikaw rakkomandazzjoni uffiċjali intiża li tagħti parir lill-vjaġġaturi sabiex ma jmorrux fiż-żona kkonċernata jew deċiżjoni uffiċjali li tikklassifika din iż-żona bħala “żona ta’ riskju”.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jipprevedi li, “fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”, vjaġġatur għandu jkollu d-dritt ixolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż qabel il-bidu ta’ dan il-vjaġġ mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment u jikseb b’hekk rimbors sħiħ tal-ħlasijiet li jkunu saru fir-rigward ta’ dan il-vjaġġ kollox kompriż.

29      Il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, huwa ddefinit fil-punt 12 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva bħala “sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”.

30      Il-premessa 31 tal-imsemmija direttiva tippreċiża l-portata tal-imsemmi kunċett, billi tipprovdi li “[d]an jista’ jkopri pereżempju gwerra, problemi serji oħra ta’ sigurtà bħat-terroriżmu, riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kondizzjonijiet tat-temp li jagħmluha impossibbli li tivvjaġġa b’mod sikur għad-destinazzjoni kif maqbul fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar”.

31      Għalhekk, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 12(2) u tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302, kif iċċarati permezz tal-premessa 31 tagħha, jirriżulta li l-eżerċizzju, minn vjaġġatur, tad-dritt tiegħu li jxolji kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment jiddependi biss mill-okkorrenza, fil-post ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tiegħu, ta’ ċirkustanzi oġġettivi ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat.

32      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li minn dawn id-dispożizzjonijiet, mill-premessa 31 tad-Direttiva 2015/2302 jew minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi dedott li, sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li jkun hemm “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa neċessarju li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ppubblikaw rakkomandazzjoni uffiċjali intiża sabiex tagħti parir lill-vjaġġaturi sabiex ma jmorrux fiż-żona kkonċernata jew deċiżjoni uffiċjali li tikklassifika din iż-żona bħala “żona ta’ riskju”.

33      Fil-fatt, tali rekwiżit ikun kontradittorju man-natura u mal-bażi stess tal-adozzjoni ta’ tali rakkomandazzjonijiet jew ta’ tali deċiżjonijiet, li, preċiżament, jippreżupponu, bħala prinċipju, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi oġġettivi li joħolqu riskji sanitarji jew oħrajn, li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, u jikkonstataw l-istess ċirkustanzi għal finijiet ta’ informazzjoni lill-pubbliku ġenerali.

34      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 2015/2302, din tal-aħħar hija intiża sabiex tarmonizza d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minn kuntratti relatati ma’ vjaġġi kollox kompriż sabiex jinħoloq suq intern reali għall-konsumaturi f’dan is-settur.

35      Issa, kif irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni jew ta’ deċiżjoni bħalma huma dawk imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza ma humiex uniformi fid-diversi Stati Membri, b’mod li tali adozzjoni tista’ tkun suġġetta għal varjazzjonijiet bejniethom. Għalhekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 li skontha l-konstatazzjoni tal-okkorrenza ta’ “ċirkustanza inevitabbli u straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija suġġetta għall-adozzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet jew ta’ dawn id-deċiżjonijiet tista’ tikkomprometti l-għan ta’ armonizzazzjoni mfittex minn din id-direttiva.

36      Konsegwentement, l-eżistenza ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet jew ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma tistax tikkostitwixxi rekwiżit sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni dwar l-okkorrenza ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, hija ssodisfatta.

37      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm, min-natura tagħhom, l-imsemmija rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet jista’ jkollhom valur probatorju sinjifikattiv fir-rigward tar-realtà tal-okkorrenza, fil-pajjiżi kkonċernati, ta’ tali ċirkustanzi kif ukoll tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat, tali rakkomandazzjonijiet u tali deċiżjonijiet ma jistgħux, madankollu, jingħataw saħħa probatorja sal-punt li l-ineżistenza tagħhom tkun suffiċjenti sabiex tipprekludi l-konstatazzjoni tal-okkorrenza tal-imsemmija ċirkustanzi.

38      Ċertament, fl-assenza, fid-Direttiva 2015/2302, ta’ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ prova fir-rigward tal-okkorrenza ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tagħha, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, u bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-amministrazzjoni tal-prova, il-mezzi ta’ provi ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti jew ukoll il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni, minn tali qorti, tas-saħħa probatorja tal-provi prodotti quddiemha kif ukoll il-livell ta’ prova meħtieġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, W et, (C‑621/15, EU:C:2021:484, punt 25).

39      Madankollu, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-prinċipju ta’ effettività, dan jeżiġi, f’termini ta’ modalitajiet proċedurali li jirregolaw azzjonijiet intiżi għas-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li dawn il-modalitajiet ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, W et, C‑621/15, EU:C:2017:484, punt 26).

40      Issa, il-fatt li l-vjaġġatur li jixtieq jeżerċita d-dritt previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jintalab juri, sabiex jistabbilixxi r-realtà taċ-ċirkustanzi li huwa jinvoka għal dan l-għan, l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet jew ta’ deċiżjonijiet uffiċjali f’dan ir-rigward jista’ jirrendi impossibbli l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, sa fejn tali ċirkustanzi jistgħu jeżistu indipendentement mill-adozzjoni ta’ kull rakkomandazzjoni jew deċiżjoni uffiċjali.

41      F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-komunikazzjonijiet uffiċjali eżistenti fid-data tax-xoljiment, minn M. D., tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri dik tal-WHO tat‑30 ta’ Jannar 2020, li tikklassifika t-tixrid tal-COVID‑19 bħala “emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ portata internazzjonali”, id-dikjarazzjoni tal-istat ta’ emerġenza fil-Litwanja fis‑26 ta’ Frar ta’ wara u r-riferiment fl-istampa Litwana, l-għada, għal diversi każijiet ta’ infezzjoni tal-COVID‑19 ikkonstatati fl-Emirati Għarab Magħquda, filwaqt li jikkostitwixxu indizji ta’ riskju għas-saħħa ogħla b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, f’dan il-pajjiż tal-aħħar, ma kinux jagħtu parir speċifiku lill-vjaġġaturi sabiex ma jivvjaġġawx lejn l-Emirati Għarab Magħquda.

42      Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 36 u 40 ta’ din is-sentenza, din iċ-ċirkustanza ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex teskludi l-ipoteżi li t-tixrid tal-COVID‑19 seta’ jiġi invokat b’mod leġittimu minn M. D. bħala fattur li jikkostitwixxi “ċirkustanza inevitabbli u straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302.

43      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kriżi sanitarja dinjija bħalma hija l-pandemija tal-COVID‑19 għandha, bħala tali, titqies bħala li tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023 UFC - Que choiser u CLCV, C‑407/21, EU:C:2023:449, punt 45).

44      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, moqri fid-dawl tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tal-okkorrenza, fil-post tad-destinazzjoni ta’ vjaġġ jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ppubblikaw rakkomandazzjoni uffiċjali intiża li tagħti parir lill-vjaġġaturi sabiex ma jmorrux fiż-żona kkonċernata jew deċiżjoni uffiċjali li tikklassifika lil din iż-żona bħala “żona ta’ riskju”.

 Fuq ittieni domanda

45      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-possibbiltà eventwali li tittieħed inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi evalwata n-natura eżegwibbli ta’ vjaġġ kollox kompriż wara l-okkorrenza ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, il-“profittabbiltà” ta’ dan il-vjaġġ, “f’termini ta’ sigurtà tal-vjaġġaturi, ta’ riskju għal-ħajja u/jew għas-saħħa tagħhom, ta’ possibbiltà li jintlaħaq l-għan ta’ tgawdija tal-vjaġġ”. Madankollu, la mill-formulazzjoni ta’ din id-domanda u lanqas mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżulta li M. D. kellu l-intenzjoni li jinvoka dan l-aspett.

46      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji [...] li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni” tal-vjaġġ ikkonċernat ikopri biss ċirkustanzi li jirrendu impossibbli l-eżekuzzjoni ta’ dan il-vjaġġ kollox kompriż jew ukoll ċirkustanzi li, mingħajr ma jipprekludu tali eżekuzzjoni, jimplikaw li l-eżekuzzjoni tal-imsemmi vjaġġ ma tistax isseħħ mingħajr ma l-vjaġġaturi kkonċernati jiġu esposti għal riskji għas-saħħa u għas-sigurtà tagħhom, fid-dawl, jekk ikun il-każ, tal-fatturi personali relatati mas-sitwazzjoni individwali ta’ dawn il-vjaġġaturi.

47      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-evalwazzjoni ta’ tali konsegwenzi għandhiex issir billi titqies, fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat, il-perspettiva ta’ vjaġġatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

48      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni invokata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem stess “li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”, użati fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax id-dritt li jiġi xolt kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr il-ħlas ta’ spejjeż ta’ xoljiment għall-kundizzjoni li jkunu seħħew ċirkustanzi li jirrendu l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat jew it-trasferiment tal-passiġġieri lejn il-post ta’ destinazzjoni oġġettivament impossibbli. Għall-kuntrarju, konformement mas-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, dawn it-termini għandhom evidentement portata iktar wiesgħa li tkopri mhux biss il-konsegwenzi li jeskludu l-possibbiltà stess li dan il-vjaġġ kollox kompriż jiġi eżegwit, iżda wkoll dawk li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi vjaġġ.

49      Kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, il-premessa 31 tad-Direttiva 2015/2302 tikkorrobora tali interpretazzjoni, sa fejn din telenka, sabiex turi s-sitwazzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, avvenimenti bħat-terroriżmu u r-riskji serji għas-saħħa, li huma oġġettivament ta’ natura li jirrappreżentaw riskju għas-sigurtà tal-vjaġġaturi, mingħajr madankollu ma twassal għall-impossibbiltà assoluta li jiġi eżegwit il-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat.

50      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija koerenti mal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Fil-fatt, l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva 2015/2302 jagħti lill-vjaġġaturi d-dritt li jxolju kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż matul l-eżekuzzjoni tiegħu mingħajr ma jħallsu spejjeż ta’ xoljiment meta nuqqas ta’ konformità “jaffettwa b’mod sostanzjali” l-eżekuzzjoni ta’ dan il-vjaġġ kollox kompriż u l-organizzatur ikkonċernat ma jirrimedjahx fi żmien raġonevoli. Konformement mal-punt 13 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, “nuqqas ta’ konformità” tfisser nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni mhux xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fi vjaġġ kollox kompriż, fejn il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità hija, barra minn hekk, oġġettiva fis-sens li din teħtieġ biss paragun bejn is-servizzi inklużi fil-vjaġġ kollox kompriż tal-vjaġġatur ikkonċernat u dawk effettivament ipprovduti lil dan tal-aħħar (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, FTI Touristik (Vjaġġ kollox kompriż fil-Gżejjer Kanarji), C‑396/21, EU:C:2023:10, punt 22).

51      Għaldaqstant, għalkemm kull nuqqas ta’ konformità li jaffettwa l-eżekuzzjoni ta’ vjaġġ kollox kompriż kurrenti ma jistax jiġġustifika x-xoljiment mingħajr spejjeż tal-kuntratt tal-ivvjaġġar korrispondenti, xorta jibqa’ l-fatt li nuqqas ta’ konformità li jimplika eżekuzzjoni ħażina ta’ dan il-vjaġġ jista’ jkun biżżejjed sabiex jagħti lok għal tali xoljiment, sakemm dan in-nuqqas ta’ konformità “jaffettwa b’mod sostanzjali” l-eżekuzzjoni tal-imsemmi vjaġġ kollox kompriż, skont l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva 2015/2302.

52      Bl-istess mod, ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li ma jirrendux oġġettivament impossibbli l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat jippermettu li jiġi xolt, skont l-Artikolu 12(2) tad‑Direttiva 2015/2302, il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat, sakemm l-imsemmija ċirkustanzi “jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew [...] jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva.

53      Konsegwentement, kriżi sanitarja, bħat-tixrid tal-COVID‑19, tista’, fid-dawl tar-riskju serju li hija tirrappreżenta għas-saħħa tal-bniedem, titqies li “[taffettwa] sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett jew li [taffettwa] b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, indipendentement mill-fatt li din ma tkunx neċessarjament ta’ natura li tirrendi din l-eżekuzzjoni oġġettivament impossibbli.

54      Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tar-rilevanza li jista’ jkollhom, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali konsegwenzi, fatturi personali relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-vjaġġaturi, bħall-fatt li jivvjaġġaw ma’ tfal ta’ età żgħira jew li jappartjenu għal grupp ta’ riskju ogħla, għandu jiġi enfasizzat li dawn il-konsegwenzi għandhom jiġu stabbiliti b’mod oġġettiv, bħaċ-ċirkustanzi li kkawżawhom, imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

55      Madankollu, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 li jippermetti li jiġi konkluż li fatturi personali, bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu injorati fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, sa fejn huma ta’ natura oġġettiva.

56      Fil-fatt, tali fatturi jista’ jkollhom effett fuq il-gravità tal-konsegwenzi kkawżati miċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji invokati minn vjaġġatur u, bl-istess mod, fuq il-possibbiltà li jiġi eżegwit, f’kundizzjonijiet tajba, il-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat, kif miftiehem bejn l-organizzatur ta’ dan il-vjaġġ u dan il-vjaġġatur. F’dan ir-rigward, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ kriżi sanitarja, bħat-tixrid tal-COVID‑19, il-konsegwenzi li din tista’ tikkawża fuq l-eżekuzzjoni tal-imsemmi vjaġġ jistgħu jvarjaw skont, pereżempju, l-istat ta’ saħħa tal-vjaġġaturi kkonċernati.

57      Dan ma jqegħidx f’dubju l-fatt li fatturi personali ma jistgħux ikunu suffiċjenti, bħala tali, sabiex jiġġustifikaw li l-vjaġġatur ikkonċernat jeżerċita d-dritt tiegħu li jxolji kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, sa fejn dawn il-fatturi huma rilevanti biss meta jkunu ta’ natura li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi oġġettivament marbuta mal-okkorrenza ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

58      Il-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni u l-għan tad-Direttiva 2015/2302 jikkorroboraw l-interpretazzjoni esposta fil-punti 54 sa 57 ta’ din is-sentenza.

59      Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tal-kuntest tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, mill-Artikolu 5(1)(a)(viii) tagħha jirriżulta li din id-direttiva tieħu inkunsiderazzjoni b’mod espliċitu l-ħtieġa li l-vjaġġaturi jiġu informati dwar jekk, b’mod partikolari, il-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat ikunx adattat għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Issa, l-analiżi tal-konsegwenzi ta’ “ċirkustanza inevitabbli u straordinarja”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 12(2), fuq l-eżekuzzjoni ta’ tali vjaġġ kollox kompriż ma tistax tinjora l-bżonnijiet individwali ta’ dawn il-persuni li għalihom dan il-vjaġġ ġie speċifikament adattat.

60      F’dan ir-rigward, il-premessa 25 tad-Direttiva 2015/2302 tippreċiża li, meta jagħti lil vjaġġatur l-informazzjoni neċessarja, l-organizzatur għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vjaġġaturi li huma partikolarment vulnerabbli minħabba l-età jew in-nuqqas ta’ saħħa fiżika tagħhom, li dan l-organizzatur jista’ raġonevolment jipprevedi.

61      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-għan tad-Direttiva 2015/2302, dan jikkonsisti, skont l-Artikolu 1 tagħha, b’mod partikolari f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, peress li l-vjaġġaturi li jixtru vjaġġi kollox kompriż jew servizzi tal-ivvjaġġar marbuta huma, kif tippreċiża l-premessa 7 ta’ din id-direttiva, fil-parti l-kbira tagħhom, konsumaturi, fis-sens tad-dritt tal-konsum tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, kif irrilevat, essenzjalment, ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tagħha, l-għan protettiv tal-imsemmija direttiva jinkludi wkoll il-vjaġġaturi li jinsabu f’sitwazzjoni iktar vulnerabbli.

62      Konsegwentement, fatturi personali relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-vjaġġatur ikkonċernat jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex issodisfatta l-kundizzjoni li ċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji invokati minn dan il-vjaġġatur għandu jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni.

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, sabiex tiġi evalwata l-importanza ta’ dawn il-konsegwenzi, għandhiex titqies, fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat, il-perspettiva ta’ vjaġġatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li vjaġġatur li għandu l-intenzjoni jeżerċita d-dritt tiegħu li jxolji tali kuntratt mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, għandu jagħmel din l-evalwazzjoni abbażi ta’ “pronjosi”, fis-sens li konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat għandhom, fid-data tax-xoljiment ta’ dan il-kuntratt, ikunu probabbli f’għajnejn dan il-vjaġġatur.

64      Fir-rigward ta’ din il-premessa, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-dritt li jiġi xolt kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jitħallsu spejjeż ta’ xoljiment għandu imperattivament jiġi eżerċitat “qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż”.

65      Sa fejn l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa suġġett għall-kundizzjoni li “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu [...] jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew [...] jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”, din il-kundizzjoni għandha neċessarjament tiġi ssodisfatta fid-data ta’ tali xoljiment jiġifieri “qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż”.

66      Għalhekk, sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmija kundizzjoni hijiex issodisfatta, għandha, mill-perspettiva ratione temporis, tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tax-xoljiment tal-kuntratt tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat. Issa, peress li dawn il-konsegwenzi jimmanifestaw ruħhom b’mod definittiv biss waqt l-eżekuzzjoni ta’ dan il-vjaġġ kollox kompriż, l-evalwazzjoni tagħhom hija neċessarjament ta’ natura prospettiva.

67      Minn dan isegwi li, skont il-premessa li fuqha l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha, tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq “pronjosi” fir-rigward tal-probabbiltà li ċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji invokati mill-vjaġġatur ikkonċernat ikollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż, liema ċirkustanzi għandhom barra minn hekk ikunu diġà seħħew fid-data tax-xoljiment ta’ dan il-vjaġġ kollox kompriż.

68      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/2302 ma jippreċiżawx jekk hemmx lok, sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà u l-importanza ta’ dawn il-konsegwenzi, li tali evalwazzjoni ssir mill-perspettiva ta’ vjaġġatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat jew minn kwalunkwe perspettiva oħra.

69      Madankollu, konformement man-natura oġġettiva tal-imsemmija konsegwenzi, irrilevata fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, ma huwiex biżżejjed li l-vjaġġatur ikkonċernat jibbaża ruħu, meta jkun jixtieq jeżerċita d-dritt tiegħu li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment, fuq evalwazzjonijiet jew biżgħat purament suġġettivi.

70      Barra minn hekk, kif osservat ukoll, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 isegwi speċifikament l-għan li jiġi rrikonoxxut lill-vjaġġatur ikkonċernat, fil-każ tal-okkorrenza ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, dritt ta’ xoljiment li huwa tiegħu stess, indipendentement minn dak li għandu l-organizzatur ikkonċernat skont l-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, ma jistax jiġi rikjest minn dan il-vjaġġatur li jibbaża ruħu biss fuq l-evalwazzjonijiet ta’ dan l-organizzatur fir-rigward tal-possibbiltà tal-eżekuzzjoni tal-vjaġġ ikkonċernat.

71      Min-naħa l-oħra, sabiex l-imsemmi vjaġġatur ikun jista’ jinvoka b’mod utli d-dritt tiegħu ta’ xoljiment, previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, u sabiex din id-dispożizzjoni tkun tista’ tissodisfa l-għan speċifiku tagħha, moqri fid-dawl tal-għan iktar ġenerali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ta’ din id-direttiva mfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà u l-importanza tal-konsegwenzi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tali evalwazzjoni għandha ssir mill-perspettiva ta’ vjaġġatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, bħall-kriterju adottat f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑319/18, EU:C:2022:138, punt 51).

72      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji [...] li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni” tal-vjaġġ ikkonċernat, ikopri mhux biss ċirkustanzi li jirrendu impossibbli l-eżekuzzjoni ta’ dan il-vjaġġ kollox kompriż iżda wkoll ċirkustanzi li, mingħajr ma jipprekludu tali eżekuzzjoni, jimplikaw li l-eżekuzzjoni tal-imsemmi vjaġġ ma tistax isseħħ mingħajr ma l-vjaġġaturi kkonċernati jiġu esposti għal riskji għas-saħħa u għas-sigurtà tagħhom, fid-dawl, jekk ikun il-każ, tal-fatturi personali marbuta mas-sitwazzjoni individwali ta’ dawn il-vjaġġaturi. L-evalwazzjoni ta’ tali konsegwenzi għandha ssir billi titqies, fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat, il-perspettiva ta’ vjaġġatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

 Fuq ittielet domanda

73      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni li, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, kienet diġà magħrufa mill-vjaġġatur ikkonċernat jew kienet prevedibbli għalih, tistax tiġi invokata minn dan il-vjaġġatur bħala “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fid-dawl, jekk ikun il-każ, tan-natura evoluttiva ta’ din is-sitwazzjoni.

74      F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li la l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u lanqas il-punt 12 tal-Artikolu 3 tagħha, li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, ma jagħmlu riferiment espliċitu għal rekwiżit li s-sitwazzjoni invokata f’dan ir-rigward għandha, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat, tkun imprevedibbli u, a fortiori, ineżistenti. Madankollu, it-termini “inevitabbli u straordinarji” jindikaw, fihom innifishom, li dan il-kunċett ikopri biss sitwazzjonijiet li, minn naħa, ma kinux jeżistu f’dik id-data, u, min-naħa l-oħra, ma kinux prevedibbli.

75      Fil-fatt, sitwazzjoni eżistenti ma tistax min-natura tagħha tiġi kklassifikata bħala “inevitabbli”, u dan anki jekk hija setgħet tiġi kklassifikata qabel ma mmaterjalizzat ruħha. Barra minn hekk, sitwazzjoni ipotetika, peress li hija prevedibbli, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “straordinarja”.

76      Bl-istess mod, sa fejn l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jagħti lill-vjaġġaturi d-dritt li jxolju l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tagħhom mingħajr ma jħallsu spejjeż ta’ xoljiment jekk iċ-ċirkustanzi msemmija fih iseħħu, għandu jiġi kkonstatat li dawn iċ-ċirkustanzi għandhom iseħħu wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

77      Barra minn hekk, il-premessa 30 tad-Direttiva 2015/2302 tistipula li “[b]illi l-pakketti huma normalment mixtrija ferm qabel l-eżekuzzjoni tagħhom, jistgħu jseħħu avvenimenti mhux previsti”, filwaqt li l-premessa 31 tagħha tispeċifika li “[l]‑vjaġġaturi għandhom ikunu jistgħu wkoll jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett”. Id-dritt ta’ xoljiment tal-vjaġġatur ikkonċernat jidher għalhekk li jaqa’ fil-kuntest ta’ bidla mhux prevista fiċ-ċirkustanzi.

78      Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni hija koerenti mal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mid-Direttiva 2015/2302. Fil-fatt, dan l-għan ma jeżiġix li l-vjaġġaturi jiġu protetti minn riskji li, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, kienu diġà magħrufa lilhom jew kienu prevedibbli għalihom u li għalhekk huma aċċettaw għall-finijiet tal-vjaġġ tagħhom.

79      Għalhekk, ċirkustanzi diġà magħrufa mill-vjaġġatur ikkonċernat jew prevedibbli għalih fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ma jistgħux jiġġustifikaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ xoljiment tal-kuntratt mingħajr ma jitħallsu l-ispejjeż ta’ xoljiment, previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302.

80      Fir-rigward tal-evalwazzjoni, f’dan il-kuntest, ta’ sitwazzjoni eżistenti jew prevedibbli fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat, iżda evoluttiva ħafna, għandu jiġi ppreċiżat li ma jistax jiġi eskluż li, wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, tali sitwazzjoni tkun għaddiet minn żviluppi sinjifikattivi, b’tali mod li tkun differenti minn dik li tagħha l-vjaġġatur ikkonċernat kellu għarfien jew li seta’ raġonevolment jipprevedi meta kkonkluda l-imsemmi kuntratt, kif irrilevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha.

81      F’każ bħal dan, dawn l-iżviluppi jistgħu, fil-fatt, joħolqu sitwazzjoni ġdida, li tista’ tissodisfa bħala tali d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302.

82      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tqiegħed lilha nnifisha fil-perspettiva ta’ vjaġġatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jekk il-livell tar-riskju sanitarju li wassal lil M. D., fis‑27 ta’ Frar 2020, sabiex ixolji l-kuntratt tiegħu ta’ vjaġġ kollox kompriż kienx evolva b’mod sinjifikattiv meta mqabbel mar-riskju eżistenti jew prevedibbli fid-data preċedenti tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, jiġifieri fl‑10 ta’ Frar.

83      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni li, fid-data tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, kienet diġà magħrufa mill-vjaġġatur ikkonċernat jew kienet prevedibbli għalih, ma tistax tiġi invokata minn dan il-vjaġġatur bħala “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bla ħsara madankollu għall-possibbiltà, fid-dawl tan-natura evoluttiva ta’ din is-sitwazzjoni, li l-imsemmija sitwazzjoni tkun għaddiet minn bidliet sinjifikattivi wara l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ natura li joħolqu sitwazzjoni ġdida, li tista’ tissodisfa bħala tali d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq irraba’ domanda

84      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tar-raba’ domanda tagħha, dwar il-portata tal-espressjoni ta’ ċirkustanzi “fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu” li tinsab fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, u b’mod partikolari dwar jekk din l-espressjoni tistax tkopri wkoll il-post tat-tluq u/jew postijiet oħra, fid-dawl tan-natura tal-avveniment invokat, jiġifieri, f’dan il-każ, it-tixrid tal-COVID‑19 fuq livell dinji.

85      Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari minn dawk esposti fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li dik il-qorti tqis bħala stabbilit il-fatt li t-tixrid tal-COVID‑19 kien, fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, laħaq b’mod partikolari l-Emirati Għarab Magħquda, jiġifieri l-post tad-destinazzjoni tal-vjaġġ ikkonċernat. Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni li jinsabu fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet domanda, tqis tali tixrid bħala li jikkostitwixxi “ċirkustanza inevitabbli u straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, huwa paċifiku, għall-finijiet tal-kawża prinċipali, li din seħħet, b’mod partikolari, “fil-post tad-destinazzjoni”.

86      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, għalkemm it-tixrid ta’ marda serja fid-destinazzjoni kkonċernata jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dan għandu japplika a fortiori għat-tixrid ta’ marda serja fuq livell dinji, peress li l-effetti ta’ din tal-aħħar jolqtu wkoll lil dan il-post (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC - Que choiser u CLCV, C‑407/21, EU:C:2023:449, punt 48).

87      Għalhekk, is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma tiddependix mill-fatt dwar jekk il-kunċett ta’ ċirkustanzi “fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, jestendix għal ċirkustanzi li jseħħu f’post differenti minn dak tad-destinazzjoni tal-vjaġġ, bħal, b’mod partikolari, il-post tat-tluq.

88      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-ambitu tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli sabiex din tal-aħħar tkun tista’ taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 46).

89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu “jaffettwaw[x] sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew [...] jaffettwaw[x] b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-konsegwenzi li jseħħu fil-post tat-tluq kif ukoll fid-diversi postijiet marbuta mal-bidu u mar-ritorn tal-vjaġġ ikkonċernat.

90      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, moqri fid-dawl tal-premessa 31 tagħha, din id-dispożizzjoni teżiġi li ċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji invokati jseħħu, b’mod partikolari, fil-post tad-destinazzjoni previst jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jkollhom, f’dan ir-rigward, konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC - Que choiser u CLCV, C‑407/21, EU:C:2023:449, punt 47).

91      Min-naħa l-oħra, anki jekk dawn il-konsegwenzi jimmanifestaw ruħhom, bħala prinċipju, b’mod partikolari fil-post tad-destinazzjoni u fil-viċinanzi immedjati tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludi ebda limitazzjoni ġeografika fir-rigward tal-post fejn l-imsemmija konsegwenzi, ikkawżati minn tali ċirkustanzi, għandhom iseħħu sabiex dawn ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

92      Barra minn hekk, is-servizzi tal-ivvjaġġar li jagħmlu parti mill-vjaġġ kollox kompriż jistgħu b’mod partikolari jinkludu t-trasport tal-passiġġieri, f’liema każ il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat għandu, konformement mal-Artikolu 5(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2015/2302, jispeċifika l-mezzi, il-karatteristiċi u l-kategoriji ta’ trasport, il-postijiet, id-dati u l-ħinijiet tat-tluq u tar-ritorn, it-tul u l-post tal-waqfiet u tal-konnessjonijiet.

93      Minn dan jirriżulta li, meta l-konsegwenzi kkawżati minn ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji jestendu lil hinn mill-post tad-destinazzjoni sabiex jilħqu, b’mod partikolari, il-post tat-tluq jew tar-ritorn jew il-postijiet ta’ waqfien u ta’ konnessjoni tal-vjaġġ, dawn jistgħu jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat u għandhom għalhekk ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302.

94      F’dan ir-rigward, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa b’mod partikolari possibbli li jiġu adottati miżuri fil-post tat-tluq minħabba ċirkustanzi li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni, bħal miżuri li jikkonsistu f’li l-vjaġġaturi ta’ ritorn, minflok dawk tat-tluq, jiġu ssuġġettati għal restrizzjonijiet, li jistgħu għalhekk jiġu integrati fl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat.

95      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu “jaffettwaw[x] sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew [...] jaffettwaw[x] b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-konsegwenzi li jseħħu fil-post tat-tluq kif ukoll fid-diversi postijiet marbuta mal-bidu u mar-ritorn tal-vjaġġ ikkonċernat, meta dawn jaffettwaw l-eżekuzzjoni ta’ dan il-vjaġġ kollox kompriż.

 Fuq lispejjeż

96      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, moqri fid-dawl tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tagħha,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-konstatazzjoni tal-okkorrenza, fil-post tad-destinazzjoni ta’ vjaġġ jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ppubblikaw rakkomandazzjoni uffiċjali intiża li tagħti parir lill-vjaġġaturi sabiex ma jmorrux fiż-żona kkonċernata jew deċiżjoni uffiċjali li tikklassifika lil din iż-żona bħala “żona ta’ riskju”.

2)      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji [...] li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni” tal-vjaġġ ikkonċernat ikopri mhux biss ċirkustanzi li jirrendu impossibbli l-eżekuzzjoni ta’ dan il-vjaġġ kollox kompriż iżda wkoll ċirkustanzi li, mingħajr ma jipprekludu tali eżekuzzjoni, jimplikaw li l-eżekuzzjoni tal-imsemmi vjaġġ ma tkunx tista’ sseħħ mingħajr ma l-vjaġġaturi kkonċernati jiġu esposti għal riskji għas-saħħa u għas-sigurtà tagħhom, fid-dawl, jekk ikun il-każ, ta’ fatturi personali marbuta mas-sitwazzjoni individwali ta’ dawn il-vjaġġaturi. L-evalwazzjoni ta’ tali konsegwenzi għandha ssir billi titqies, fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat, il-perspettiva ta’ vjaġġatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

3)      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sitwazzjoni li, fid-data tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, kienet diġà magħrufa mill-vjaġġatur ikkonċernat jew kienet prevedibbli għalih, ma tistax tiġi invokata minn dan il-vjaġġatur bħala “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bla ħsara madankollu għall-possibbiltà, fid-dawl tan-natura evoluttiva ta’ din is-sitwazzjoni, li l-imsemmija sitwazzjoni tkun għaddiet minn bidliet sinjifikattivi wara l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ natura li joħolqu sitwazzjoni ġdida, li tista’ tissodisfa bħala tali d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

4)      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex jiġi ddeterminat jekk ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu “jaffettwaw[x] sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew [...] jaffettwaw[x] b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-konsegwenzi li jseħħu fil-post tat-tluq kif ukoll fid-diversi postijiet marbuta mal-bidu u mar-ritorn tal-vjaġġ ikkonċernat, meta dawn jaffettwaw l-eżekuzzjoni ta’ dan il-vjaġġ kollox kompriż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Litwan.