Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Lulju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour constitutionnelle – il-Belġju) – Inter-Environnement Wallonie ASBL, Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen ASBL vs Conseil des ministres

(Kawża C-411/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Espoo – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(3) – Kunċett ta’ “proġett” – Evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat – Artikolu 6(4) – Kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir” – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 2009/147/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Artikolu 1(2)(a) – Kunċett ta’ “proġett” – Artikolu 2(1) – Artikolu 4(1) – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Artikolu 2(4) – Eżenzjoni tal-evalwazzjoni – Twaqqif gradwali tal-enerġija nukleari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, minn naħa, il-bidu mill-ġdid, għal madwar għaxar snin, tal-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku minn impjant nukleari sakemm jitwaqqaf, b’effett ta’ posponiment ta’ għaxar snin mid-data inizjalment iffissata mil-leġiżlatur nazzjonali għad-diżattivazzjoni u t-tmiem tal-attività tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-posponiment, għal għaxar snin ukoll, tat-terminu inizjalment previst minn dan l-istess leġiżlatur għad-diżattivazzjoni u għat-twaqqif tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant attiv – Assenza ta’ evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour constitutionnelle

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Inter-Environnement Wallonie ASBL, Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen ASBL

Konvenut: Conseil des ministres

fil-preżenza ta’: Electrabel SA

Dispożittiv

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2)(a), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-bidu mill-ġdid, għal perijodu ta’ kważi għaxar snin, tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant nukleari sakemm jitwaqqaf, b’effett ta’ posponiment ta’ għaxar snin tad-data inizjalment stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali għad-diżattivazzjoni u t-tmiem tal-attività tiegħu, u l-posponiment, ukoll ta’ għaxar snin, tat-terminu inizjalment previst minn dan l-istess leġiżlatur għad-diżattivazzjoni u għat-twaqqif tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant attiv, miżuri li jinvolvu xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni tal-impjanti kkonċernati ta’ natura li jaffettwaw l-aspett fiżiku tas-siti, jikkostitwixxu “proġett”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li għandu, bħala prinċipju, u suġġetti għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ dawn tal-aħħar timplika atti ulterjuri, bħall-ħruġ, għal wieħed mill-impjanti kkonċernati, ta’ awtorizzazzjoni individwali ġdida ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal finijiet industrijali, ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward. Ix-xogħlijiet indissoċjabbilment marbuta mal-imsemmija miżuri għandhom ukoll ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-istess miżuri jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, in-natura tagħhom u l-effetti potenzjali tagħhom fuq l-ambjent ikunu suffiċjentement identifikabbli f’dan l-istadju.

L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil Stat Membru li jeżenta proġett bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent bl-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tiegħu biss fil-każ fejn dan l-Istat Membru juri li r-riskju għas-sigurtà ta’ din il-provvista jkun raġonevolment probabbli u li l-proġett inkwistjoni jkollu natura ta’ urġenza li tista’ tiġġustifika l-assenza ta’ tali evalwazzjoni, sakemm ikunu osservati l-obbligi previsti fil-punti (a) sa (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva. Madankollu, tali possibbiltà ta’ eżenzjoni hija bla ħsara għall-obbligi imposti fuq l-Istat Membru kkonċernat bis-saħħa tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix att leġiżlattiv nazzjonali speċifiku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, eskluż, skont din id-dispożizzjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, flimkien max-xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni u tal-konformità mal-istandards attwali ta’ sigurtà, jikkostitwixxu proġett li għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-siti protetti kkonċernati. Dawn il-miżuri għandhom ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni tagħhom mil-leġiżlatur. Il-fatt li l-implimentazzjoni tal-imsemmija miżuri timplika atti ulterjuri, bħall-ħruġ, għal wieħed mill-impjanti kkonċernati, ta’ awtorizzazzjoni individwali ġdida ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal finijiet industrijali, ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward. Ix-xogħlijiet indissoċjabbilment marbuta ma’ dawn l-istess miżuri għandhom ukoll ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ dawn tal-aħħar jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, in-natura tagħhom u l-effetti potenzjali tagħhom fuq is-siti protetti jkunu suffiċjentement identifikabbli f’dan l-istadju.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan li tiġi żgurata, f’kull ħin, is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku ta’ Stat Membru jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku kbir, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn is-sit protett li jista’ jiġi affettwat minn proġett jospita tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew speċi ta’ prijorità, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, hija biss in-neċessità li tiġi eskluża theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat li hija ta’ natura li tikkostitwixxi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, raġuni ta’ sigurtà pubblika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista’, jekk id-dritt intern jippermetti dan, b’mod eċċezzjonali, iżżomm l-effetti ta’ miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkunu ġew adottati bi ksur tal-obbligi stabbiliti mid-Direttivi 2011/92 u 92/43, jekk din iż-żamma tkun iġġustifikata minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta man-neċessità li tiġi eskluża theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat, li ma tistax tiġi ffaċċjata b’mezzi u alternattivi oħra, b’mod partikolari fil-kuntest tas-suq intern. L-imsemmija żamma tista’ tkopri biss il-perijodu ta’ żmien li huwa strettament neċessarju sabiex tiġi rrimedjata din l-illegalità.

____________

1     ĠU C 300, 11.9.2017.