Language of document : ECLI:EU:C:2019:622

Kawża C411/17

Inter-Environnement Wallonie ASBL
u
Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen ASBL

vs

Conseil des ministres

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad29 ta’ Lulju 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Espoo – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(3) – Kunċett ta’ ‘proġett’ – Evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat – Artikolu 6(4) – Kunċett ta’ ‘raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir’ – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 2009/147/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Artikolu 1(2)(a) – Kunċett ta’ ‘proġett’ – Artikolu 2(1) – Artikolu 4(1) – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Artikolu 2(4) – Eżenzjoni tal-evalwazzjoni – Twaqqif gradwali tal-enerġija nukleari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, minn naħa, il-bidu mill-ġdid, għal madwar għaxar snin, tal-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku minn impjant nukleari sakemm jitwaqqaf, b’effett ta’ posponiment ta’ għaxar snin mid-data inizjalment iffissata mil-leġiżlatur nazzjonali għad-diżattivazzjoni u t-tmiem tal-attività tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-posponiment, għal għaxar snin ukoll, tat-terminu inizjalment previst minn dan l-istess leġiżlatur għad-diżattivazzjoni u għat-twaqqif tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant attiv – Assenza ta’ evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent”

1.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92 – Proġett – Kunċett – Miżuri leġiżlattivi li jipprovdu l-bidu mill-ġdid ta’ impjant nukleari u l-posponiment tad-diżattivazzjoni ta’ impjant nukleari ieħor – Xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni indissoċjabbilment marbuta ma’ dawn il-miżuri – Inklużjoni – Neċessità ta’ ħruġ sussegwenti, għal ċerti xogħlijiet, ta’ awtorizzazzjonijiet ġodda – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2)(a))

(ara l-punti 61 sa 71)

2.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92 – Issuġġettar għal evalwazzjoni tal-proġetti li jaqgħu taħt il-klassijiet elenkati fl-Anness I– Proġetti li jikkonċernaw impjanti nukleari – Emendi jew estensjonijiet ta’ proġett – Kunċett – Estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ produzzjoni ta’ elettriku minn impjant nukleari – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Artikoli 2(1), 4(1) u 7(1), u l-punti 2(b) u 24 tal-Anness I)

(ara l-punti 73 sa 76, 78 sa 81)

3.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92 – Obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-evalwazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni – Kunċett ta’ awtorizzazzjoni – Liġi li tiddetermina l-karatteristiċi essenzjali tal-proġett – Inklużjoni – Neċessità tal-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet sussegwenti – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Artikoli 1(2)(c) u 2(1))

(ara l-punti 82 sa 84, 87, 88, 91, 92, 94, u d-dispożittiv 1)

4.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92 – Obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-evalwazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni – Possibbiltà ta’ eżenzjoni – Riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Artikoli 2(4) u 7)

(ara l-punt 102 u d-dispożittiv 2)

5.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92 – Kamp ta’ applikazzjoni – Proġett adottat permezz ta’ att leġiżlattiv nazzjonali – Esklużjoni – Kundizzjonijiet – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Artikolu 1(4))

(ara l-punti 104 sa 108, 110, 111, 114, u d-dispożittiv 3)

6.        Ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43 – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Obbligi tal-Istati Membri – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq sit ta’ pjan jew ta’ proġett – Kunċett ta’ proġett – Estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ produzzjoni ta’ elettriku minn impjant nukleari – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Artikolu 1(2)(a))

(ara l-punti 124 sa 133)

7.        Ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43 – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Obbligi tal-Istati Membri – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq sit ta’ pjan jew ta’ proġett – Kundizzjonijiet – Riskju ta’ assenjazzjoni sinjifikattiva tas-sit ikkonċernat – Kunċett – Estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ produzzjoni ta’ elettriku minn impjant nukleari li jinsab qrib sit protett – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3))

(ara l-punti 134 sa 139)

8.        Ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43 – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Obbligi tal-Istati Membri – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq sit ta’ pjan jew ta’ proġett – Neċessità li titwettaq l-evalwazzjoni qabel l-approvazzjoni tal-pjan jew proġett mill-awtoritajiet kompetenti

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3))

(ara l-punti 140 sa 145, u d-dispożittiv 4)

9.        Ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43 – Awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett f’sit protett għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir – Raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir – Kunċett – Sigurtà tal-provvista tal-elettriku – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Sigurtà pubblika – Theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku – Inklużjoni

(Artikolu 194(1)(b) TFUE; Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(4))

(ara l-punti 155 sa 159, u d-dispożittiv 5)

10.      Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttivi 92/43 u 2011/92 – Annullament, mill-qorti nazzjonali, ta’ miżuri inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mid-direttivi – Possibbiltà li jinżammu l-effetti tal-miżuri inkwistjoni – Kundizzjonijiet

(Artikolu 4(3) TUE; Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92)

(ara l-punti 170 sa 182, u d-dispożittiv 6)

Sunt

Permezz ta’ sentenza Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17), mogħtija fid‑29 ta’ Lulju 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, iddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 92/43 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, (1) u tad-Direttiva 2011/92 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (2). Din is-sentenza ngħatat fil-kuntest ta’ tilwima bejn żewġ assoċjazzjonijiet, Inter-Environnement Wallonie ASBL u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen ASBL, li l-għan soċjali tagħhom huwa l-protezzjoni tal-ambjent u tal-ħajja, u l-Conseil des ministres (il-Belġju), dwar il-liġi li permezz tagħha r-Renju tal-Belġju, minn naħa, ippreveda l-bidu mill-ġdid, għal perijodu ta’ kważi għaxar snin, tal-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant nukleari sakemm jitwaqqaf u, min-naħa l-oħra, ippospona b’għaxar snin it-terminu inizjalment previst għad-diżattivazzjoni u għat-twaqqif tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant nukleari attiv. Dawn l-assoċjazzjonijiet essenzjalment isostnu li l-awtoritajiet Belġjani adottaw din il-liġi mingħajr ma ġew osservati r-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni minn qabel imposti mill-imsemmija direttivi.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri kkontestati dwar l-estensjoni tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant nukleari jikkostitwixxu “proġett” fis-sens tad-Direttivi 2011/92 u 92/43, għaliex dawn neċessarjament jimplikaw it-twettiq ta’ xogħlijiet fuq skala kbira, li jbiddlu r-realtà fiżika tas-siti kkonċernati. Dan il-proġett għandu, bħala prinċipju, ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u fuq is-siti protetti kkonċernati, qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ dawn tal-aħħar timplika atti ulterjuri, bħall-ħruġ, għal wieħed mill-impjanti kkonċernati, ta’ awtorizzazzjoni individwali ġdida ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal finijiet industrijali, ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward. Ix-xogħlijiet indissoċjabbilment marbuta mal-imsemmija miżuri għandhom ukoll ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-istess miżuri jekk in-natura tagħhom u l-effetti potenzjali tagħhom fuq l-ambjent u fuq is-siti protetti jkunu suffiċjentement identifikabbli f’dan l-istadju.

Stat Membru huwa awtorizzat li jeżenta, skont id-Direttiva 2011/92, tali proġett minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent bl-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tiegħu biss fil-każ fejn huwa juri b’mod partikolari li r-riskju għas-sigurtà ta’ din il-provvista jkun raġonevolment probabbli u li l-proġett inkwistjoni jkollu natura ta’ urġenza li tista’ tiġġustifika l-assenza ta’ tali evalwazzjoni. Din il-possibbiltà ta’ eżenzjoni tirriżulta madankollu bla ħsara għall-obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali li huwa marbut mal-proġetti li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom effetti transkonfinali.

Barra minn hekk, għalkemm l-għan li tiġi żgurata, f’kull ħin, is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku ta’ Stat Membru jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku kbir, fis-sens tad-Direttiva 92/43, li tiġġustifika t-twettiq tal-proġett minkejja evalwazzjoni negattiva u fl-assenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi, dan huwa madankollu differenti fil-każ fejn is-sit protett li jista’ jiġi affettwat mill-proġett jospita tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew speċi ta’ prijorità. F’każ bħal dan, hija biss in-neċessità li tiġi eskluża theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat li hija ta’ natura li tikkostitwixxi raġuni ta’ sigurtà pubblika, fis-sens ta’ din id-direttiva, u tista’ tikkostitwixxi tali ġustifikazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali tista’, jekk id-dritt intern jippermetti dan, b’mod eċċezzjonali, iżżomm l-effetti ta’ miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkunu ġew adottati bi ksur tal-obbligi stabbiliti mid-Direttivi 2011/92 u 92/43, jekk din iż-żamma tkun iġġustifikata minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta man-neċessità li tiġi eskluża theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat, li ma tistax tiġi ffaċċjata b’mezzi u alternattivi oħra, b’mod partikolari fil-kuntest tas-suq intern. Madankollu, l-imsemmija żamma tista’ tkopri biss il-perijodu ta’ żmien li huwa strettament neċessarju sabiex tiġi rrimedjata din l-illegalità.


1      Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).


2      Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44).