Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Settembru 2017 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ – Kriterju ta’ kreditur privat – Kundizzjonijiet għall-applikabbiltà – Applikazzjoni – Obbligi ta’ investigazzjoni li jaqgħu fuq il-Kummissjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑300/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Mejju 2016,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Walkerová u L. Armati kif ukoll minn T. Maxian Rusche u B. Stromsky, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Frucona Košice a.s., stabbilita f’Košice (is-Slovakkja), irrappreżentata minn K. Lasok, QC, B. Hartnett, barrister, J. Holmes, QC, u O. Geiss, Rechtsanwalt,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, A. Arabadjiev (Relatur), C.G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (T‑103/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:152), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/342/UE, tas-16 ta’ Ottubru 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.18211 (C 25/2005) (ex NN 21/2005) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s. (ĠU 2014, L 176, p. 38, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma spjegati kif ġej fil-punti 1 sa 34 tas-sentenza appellata kif ġej:

L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni [ta’ Frucona Košice] u l-proċedura ta’ arranġament ġuridiku

1      […] Frucona Košice a.s. […] hija kumpannija rregolata taħt id-dritt Slovakk li kienet attiva, b’mod partikolari, fis-settur tal-produzzjoni tal-alkoħol u tal-ispirti.

2      Bejn Novembru 2002 u Novembru 2003, [Frucona Košice] bbenefikat minn diversi posponimenti ta’ ħlas ta’ djun fiskali kkostitwiti minn dazji tas-sisa dovuti minnha. Dawn il-posponimenti ta’ ħlas ingħatawlha wara li ġew ikkostitwiti garanziji finanzjarji favur l-awtorità tat-taxxa lokali tagħha, jiġifieri l-uffiċċju Košice IV (iktar ’il quddiem l-‘awtorità tat-taxxa lokali’).

3      Fil-25 ta’ Frar 2004, minħabba diffikultajiet finanzjarji li hija kellha, [Frucona Košice] ma kinitx f’pożizzjoni li tħallas id-dazji tas-sisa dovuti minnha għax-xahar ta’ Jannar 2004. Wara bidla leġiżlattiva b’effett mill-1 ta’ Jannar 2004, [Frucona Košice] ma setgħetx iktar tikseb il-posponiment fir-rigward tal-ħlas ta’ dawn id-dazji tas-sisa.

4      Għaldaqstant, il-liċenzja [ta’ Frucona Košice] sabiex tipproduċi u tipproċessa alkoħol u spirti ġiet irtirata. Minn dak iż-żmien, hija llimitat l-attività tagħha għad-distribuzzjoni, taħt it-trade mark Frucona, ta’ spirti mixtrija mingħand O.H., kumpannija li, skont ftehim [ma’ Frucona Košice], kienet tipproduċihom b’liċenzja fid-distilleriji ta’ din tal-aħħar.

5      [Frucona Košice] kienet tinsab ukoll f’sitwazzjoni ta’ dejn fis-sens taz-zákon č. 328/1991 Zb. o konkurze a vyrovnaní (Liġi Nru 328/1991 dwar stralċijiet ġudizzjarji u arranġamenti ġuridiċi).

6      Fit-8 ta’ Marzu 2004, [Frucona Košice] ressqet talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ arranġament ġuridiku quddiem il-Krajský súd v Košiciach [qorti reġjonali ta’ Košice (is-Slovakkja)], li fiha pproponiet lill-kredituri tagħha tħallas lil kull wieħed minnhom 35 % tal-ammont tas-somma li hija kellha tagħtihom (iktar ’il quddiem il-‘proposta ta’ arranġament ġuridiku’). Id-dejn totali [ta’ Frucona Košice] kien jammonta għal madwar SKK 644.6 miljun [(madwar EUR 21.4 miljun)], li madwar SKK 640.8 miljun [(madwar EUR 21.3 miljun)] minnhom kienu dejn fiskali.

7      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2004, il-Krajský súd v Košiciach [(qorti reġjonali ta’ Košice)] awtorizzat il-proċedura ta’ arranġament ġuridiku.

8      Fid-9 ta’ Lulju 2004, il-kredituri [ta’ Frucona Košice], inkluża l-awtorità tat-taxxa lokali, aċċettaw il-proposta ta’ arranġament ġuridiku matul seduta dwar dan l-arranġament. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ arranġament ġuridiku, l-awtorità tat-taxxa lokali kienet qed taġixxi bħala kreditur separat, kwalità li hija kienet tgawdi minnha minħabba l-garanziji kkostitwiti favur tagħha waqt il-posponimenti ta’ ħlas tad-dazji tas-sisa dovuti [minn Frucona Košice] (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).

9      Qabel id-9 ta’ Lulju 2004, [Frucona Košice] tiddikjara li bagħtet lill-awtorità tat-taxxa lokali, b’mod partikolari, rapport ta’ verifika mfassal minn kumpannija ta’ awdituri indipendenti (iktar ’il quddiem ir-‘rapport E’), sabiex tippermetti lil din l-awtorità tevalwa l-vantaġġi rispettivi tal-arranġament ġuridiku u tal-istralċ ġudizzjarju.

10      Fil-21 ta’ Ġunju 2004, l-awtoritajiet tat-taxxa Slovakki għamlu spezzjoni fuq il-post, fl-uffiċini [ta’ Frucona Košice]. Waqt din l-ispezzjoni, ġiet iddeterminata s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar fis‑17 ta’ Ġunju 2004.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2004, il-Krajský súd v Košiciach [(qorti reġjonali ta’ Košice)] ikkonfermat l-arranġament ġuridiku. Skont dan l-arranġament ġuridiku, il-kreditu tal-awtoritajiet tat-taxxa Slovakki kellu jiġi rrimborsat sa 35 %, jiġifieri kellu jitħallas ammont ta’ madwar SKK 224.3 miljun [(madwar EUR 7.45 miljun)].

12      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2004, l-awtorità tat-taxxa lokali indikat b’mod partikolari [lil Frucona Košice] li l-modalitajiet tal-arranġament ġuridiku, li jipprevedu li parti mid-dejn fiskali ma kellhiex tiġi rrimborsata, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat indiretta suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

13      Fis-17 ta’ Diċembru 2004, [Frucona Košice] ħalset b’mod partikolari lill-awtorità tat-taxxa lokali ammont ta’ SKK 224.3 miljun [(madwar EUR 7.45 miljun)], li kien jikkorrispondi għal 35 % tad-dejn fiskali totali tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2004, il-Krajský súd v Košiciach [(qorti reġjonali ta’ Košice)] iddikjarat l-għeluq tal-proċedura ta’ arranġament ġuridiku. Fit-18 ta’ Awwissu 2006, il-Krajský súd v Košiciach [(qorti reġhonali ta’ Košice)] naqqset l-ammont li kellu jitħallas lill-awtorità tat-taxxa lokali għal SKK 224.1 miljun [(madwar EUR 7.44 miljun)].

Il-proċedura amministrattiva

14      Fil-15 ta’ Ottubru 2004, tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat preżumibbilment illegali favur [Frucona Košice].

15      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Jannar 2005, ir-Repubblika Slovakka informat lill-Kummissjoni, wara talba għal informazzjoni min-naħa ta’ din tal-aħħar, bil-possibbiltà li [Frucona Košice] kienet irċeviet għajnuna illegali u talbitha tawtorizza din l-għajnuna bħala għajnuna biex tiġi salvata impriża f’diffikultà.

16      Wara li ġabret informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni innotifikat lir-Repubblika Slovakka, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Lulju 2005, bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE dwar il-miżura inkwistjoni. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, C 233, p. 47).

17      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2005, ir-Repubblika Slovakka kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-miżura inkwistjoni lill-Kummissjoni. Bl-istess mod, permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Ottubru 2005, [Frucona Košice] kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-miżura inkwistjoni lill-Kummissjoni. Dawn intbagħtu lir-Repubblika Slovakka sabiex hija tkun tista’ twieġeb, hekk kif hija għamlet permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Diċembru 2005.

Id-deċiżjoni inizjali

18      Fis-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/254/KE, dwar l-għajnuna mill-Istat C 25/05 (ex NN 21/05) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice (ĠU 2007, L 112, p. 14, iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni inizjali’). Id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni kien jipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha, li l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Slovakka [lil Frucona Košice], ta’ ammont ta’ SKK 416 515 990 [(madwar EUR 13 900 000)], kienet inkompatibbli mas-suq komuni u kien jordna, fl-Artikolu 2 tagħha, l-irkupru ta’ din l-għajnuna.

Il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

19      Fit-12 ta’ Jannar 2007, [Frucona Košice] ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali.

20      Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni [(T‑11/07, EU:T:2010:498)], il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.

21      Adita b’appell ippreżentat [minn Frucona Košice] skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni [(C‑73/11 P, EU:C:2013:32)], annullat is-sentenza [tas-7 ta’ Diċembru 2010, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2010:498)]. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar il-mertu tat-tilwima fl-ewwel istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, it-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni jew, sa fejn hija kienet ħadet dan il-fattur inkunsiderazzjoni, kienet naqset milli timmotiva d-deċiżjoni inizjali b’mod suffiċjenti fid-dritt. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-motivi mressqa quddiemha li hija ma kinitx iddeċidiet fir-rigward tagħhom.

22      Sussegwentement għas-sentenza [tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32)], u sabiex tirrimedja għal-lakuni identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, fis-16 ta’ Ottubru 2013, adottat id-Deċiżjoni [kontenzjuża], li l-Artikolu 1 tagħha jipprovdi li d-deċiżjoni inizjali ‘hija mħassra’.

23      Kien sussegwentement li, permezz [tad-digriet tal-21 ta’ Marzu 2014, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (T-11/07 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2014:173)], il-Qorti Ġenerali […] ikkonstatat li ma kienx hemm iktar lok li tiddeċiedi dwar ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali.

Id-deċiżjoni [kontenzjuża]

[…]

25      Fid-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni qieset, b’mod partikolari, li kien neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni, essenzjalment, jekk, billi aċċettat il-proposta ta’ arranġament ġuridiku u, għaldaqstant, l-iskont ta’ 65 % tal-kreditu tagħha, l-awtorità tat-taxxa lokali kinitx aġixxiet fir-rigward [ta’ Frucona Košice] bħala kreditur privat f’ekonomija tas-suq. F’dan ir-rigward hija ppreċiżat li l-pożizzjoni ta’ din l-awtorità bħala l-kreditur [ta’ Frucona Košice] kienet eċċezzjonalment qawwija sa fejn din l-awtorità kienet tinsab f’sitwazzjoni ġuridika u ekonomika iktar favorevoli mill-kredituri privati [ta’ Frucona Košice]. L-awtorità tat-taxxa lokali kellha fil-fatt iktar minn 99 % tal-krediti kollha rreġistrati u kienet kreditur separat li l-krediti tagħha setgħu jiġu onorati f’kull ħin matul il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju permezz tal-bejgħ tal-attivi ggarantiti (premessa 80 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

26      L-ewwel nett [Fl-ewwel lok], fir-rigward tal-kriterju ta’ kreditur privat, il-Kummissjoni b’mod partikolari osservat li l-applikabbiltà ta’ dan tal-aħħar kienet tiddependi fuq jekk l-Istat Membru kkonċernat kienx ta vantaġġ ekonomiku lil impriża b’mod ieħor għajr fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika u li, jekk l-Istat Membru kien invoka dan il-kriterju matul il-proċedura amministrattiva, huwa kellu, fil-każ ta’ dubju, jistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ provi oġġettivi u li jistgħu jiġu vverifikati li l-implementazzjoni tal-miżura kienet marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ operatur ekonomiku privat fis-suq. F’dan ir-rigward hija rreferiet għas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF [(C‑124/P, EU:C:2012:318)], punti 81 sa 85) (premessa 82 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

27      Fil-premessa 83 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni rrilevat dan li ġej:

‘Fi ftit kliem, ir-Repubblika Slovakka tiddikjara li, fil-fehma tagħha, il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Hija rrikonoxxiet li, fiż-żmien tal-arranġament, il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat sempliċiment ma ġietx ikkunsidrata, u talbet li l-miżura kkontestata tiġi ttrattata bħala għajnuna ta’ salvataġġ. Għalhekk jidher li, f’dan il-każ, ma kienx hemm konformità mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza msemmija hawn fuq u li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1), […] TFUE.’

28      It-tieni nett [Fit-tieni lok], wara li osservat, fil-premessa 84 tad-deċiżjoni [kontenzjuża] li, ‘[Frucona Košice] kien[et] [dik] li allega[t] li l-miżura [kienet] ħielsa minn kull għajnuna u qed [t]ippreżenta d-dokumenti deskritti hawn fuq, b’mod partikolari r-rapporti minn żewġ awdituri’, il-Kummissjoni vverifikat jekk ir-Repubblika Slovakka kinitx aġixxiet, fir-rigward [ta’ Frucona Košice], bħala kreditur privat.

29      Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ipparagunat, fir-rigward tal-provi prodotti [minn Frucona Košice], il-proċeduri ta’ arranġament ġuridiku u ta’ stralċ ġudizzjarju (premessi 88 sa 119 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]), it-tieni nett, ipparagunat il-proċeduri ta’ arranġament ġuridiku u ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa (premessi 120 sa 127 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]) u, it-tielet nett, evalwat il-provi l-oħra prodotti mill-awtoritajiet Slovakki u [Frucona Košice] (premessi 128 sa 138 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]). Essenzjalment, il-Kummissjoni qieset li kemm il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kif ukoll dik ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienu, mil-lat tal-awtoritajiet tat-taxxa lokali, alternattivi iktar vantaġġużi mill-proposta ta’ arranġament ġuridiku (premessi 119, 124 u 127 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

30      Fil-premessa 139 tad-deċiżjoni [kontenzjuża] l-Kummissjoni kkonkludiet li l-kriterju ta’ kreditur privat ma kienx issodisfatt u li r-Repubblika Slovakka kienet tat [lil Frucona Košice], vantaġġ li din ma setgħetx tikseb f’kundizzjonijiet tas-suq. Fil-premessa 140 ta’ din id-deċiżjoni, hija kkonkludiet li l-annullament tad-dejn approvat mill-awtorità tat-taxxa lokali fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fl-aħħar, fil-premessa 182 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li din l-għajnuna mill-Istat ma kinitx kompatibbli mas-suq intern.

31      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni [kontenzjuża] jinkludi ħames artikoli

32      Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], ‘[i]d-[d]eċiżjoni [inizjali] hija mħassra’ (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

33      Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Slovakka [lil Frucona Košice], li tammonta għal SKK 416 515 990 [(madwar EUR 13 900 000)], hija inkompatibbli mas-suq intern.

34      Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni tordna lir-Repubblika Slovakka tirkupra l-għajnuna inkwistjoni, mogħtija illegalment [lil Frucona Košice], flimkien mal-interessi.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Frar 2014, Frucona Košice ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

4        Insostenn tar-rikors tagħha, hija qajmet erba’ motivi bbażati, l-ewwel, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni, fuq żball ta’ liġi li jivvizzja l-premessa 83 tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-tielet, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzjaw il-konklużjoni li l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kienet iktar vantaġġuża mill-proposta ta’ arranġament ġuridiku u, ir-raba’, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzjaw il-konklużjoni li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienet iktar vantaġġuża mill-proposta ta’ arranġament ġuridiku.

5        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel u t-tieni motivi u laqgħet it-tielet u r-raba’ motivi. Konsegwentement hija annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 It-talbiet tal-partijiet

6        Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors u tikkundanna lil Frucona Košice għall-ispejjeż, u

–        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

7        Frucona Košice titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

8        Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem sitt aggravji bbażati, l-ewwel, fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-tieni u r-raba’ fuq ksur tal-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat, it-tielet, fuq fehim żbaljat tal-prinċipji ta’ awtorità ta’ res judicata u ta’ ne ultra petita, il-ħames, fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ kreditur privat u, is-sitt, fuq ksur tal-limiti tal-obbligu tagħha li twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali.

9        Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġu eżaminati t-tieni u r-raba’ aggravji, fit-tieni lok, l-ewwel aggravju, fit-tielet lok, it-tielet aggravju u, fl-aħħar lok, il-ħames u s-sitt aggravji.

 Fuq it-tieni u r-raba’ aggravji, dwar l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat

 L-argumenti tal-partijiet

10      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma kkunsidratx, fil-punti 109 sa 118 tas-sentenza appellata, li l-kriterju ta’ kreditur privat jista’ jiġi invokat b’mod effettiv mill-benefiċjarju tal-għajnuna.

11      Skont il-Kummissjoni, dan il-kriterju jirreferi għall-perspettiva suġġettiva tal-organu pubbliku meta jieħu d-deċiżjoni li jadotta l-miżura inkwistjoni. Għaldaqstant, minn naħa, l-iżvelar jew le ta’ x’kienu l-intenzjonijiet tiegħu f’dak il-mument speċifiku jirriżulta minn għażla li tikkostitwixxi dritt suġġettiv tal-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li dan id-dritt ma jistax jiġi invokat minn terzi. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru biss ikollu l-elementi rilevanti kollha li fuq il-bażi tagħhom ikun fassal il-fehma tiegħu meta ħa d-deċiżjoni li jadotta l-miżura inkwistjoni. Għaldaqstant huwa l-imsemmi Istat Membru li għandu jinvoka l-kriterju ta’ kreditur privat u li jipprovdi l-elementi meħtieġa.

12      Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessi 128 sa 132 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tidher li kienet fil-pussess ta’ elementi li juru li l-pożizzjoni tar-Repubblika Slovakka kienet ċara u koerenti, kemm meta wieġbet l-ilment kif ukoll fil-mument innifsu tal-approvazzjoni tal-arranġament ġuridiku, dan l-Istat Membru dejjem kien indika li, fil-fehma tiegħu, din kienet għajnuna tal-Istat.

13      Il-Kummissjoni żiedet li, għalkemm kien korrett li jitqies li l-benefiċjarju tal-għajnuna jista’ jinvoka l-kriterju ta’ kreditur privat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma imponietx lil Frucona Košice li tistabbilixxi, bħal fil-każ ta’ Stat Membru, mingħajr dubji u fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, li l-miżura implementata tirriżulta mill-kwalità ta’ kreditur privat tal-imsemmi Stat Membru.

14      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 247 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tistax tagħmel distinzjoni, fid-dawl tal-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat, tas-soluzzjonijiet differenti ta’ sostituzzjoni mal-miżura kontenzjuża.

15      Peress li l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat jistrieħ fuq l-elementi pprovduti sabiex jiġi stabbilit il-kriterju tiegħu, l-iżball tal-Qorti Ġenerali jinsab fid-deċiżjoni tagħha li l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju huwa eżerċizzju astratt intiż sabiex jirrikostitwixxi minn rajh l-aġir tal-ipotetiku kreditur privat ideali, razzjonali u għalkollox informat.

16      Għaldaqstant, peress li huwa ċar li ma ġiet sottomessa ebda informazzjoni dwar mod ta’ aġir speċifiku lill-kreditur pubbliku, kull paragun tal-aġir ta’ din l-entità ma’ kreditur privat f’sitwazzjoni simili ma jagħmel ebda sens. Għaldaqstant dan il-kriterju ma japplikax f’din iċ-ċirkustanza.

17      Il-Kummissjoni tosserva li huwa paċifiku, f’dan il-każ, li ebda paragun, taħt il-kriterju ta’ kreditur privat, tal-proposta ta’ arranġament ġuridiku u tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa ma kien sar dak iż-żmien. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali missha ddeċidiet dwar jekk il-premessa 120 tad-deċiżjoni kontenzjuża kinitx fil-fatt tinkludi l-konklużjoni impliċita li l-kriterju ta’ kreditur privat ma kienx applikabbli.

18      Frucona Košice tikkontesta l-fondatezza tal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

19      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwalifika bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jiġu sodisfatti. B’hekk, l-ewwel nett, dan għandu jkun intervent mill-Istat jew għandu jirriżulta permezz ta’ fondi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53).

20      Il-kunċett ta’ “għajnuna” ma jinkludix biss prestazzjonijiet pożittivi, bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, f’forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 30).

21      Madankollu, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, ma jiġux issodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja kienet setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Din l-evalwazzjoni ssir, meta kreditur pubbliku jagħti faċilitajiet ta’ ħlas għal dejn li huwa dovut lilu minn impriża, bl-applikazzjoni, bħala prinċipju, tal-kriterju ta’ kreditur privat (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C-405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 32).

23      Għaldaqstant, il-kriterju ta’ kreditur privat ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba ta’ Stat Membru, meta l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat inkompatabbli mas-suq komuni, imsemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE, jiġu ssodisfatti. Fil-fatt, dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 103, kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 32).

24      Konsegwentement, meta jidher li l-kriterju ta’ kreditur privat jista’ jiġi applikat, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex issodisfatti (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 33).

25      Fl-ewwel lok, minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta jidher li l-kriterju ta’ kreditur privat ikun jista’ jiġi applikat, il-Kummissjoni għandha teżamina din l-ipoteżi indipendentement minn kull talba f’dan is-sens.

26      Għaldaqstant, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, xejn ma jipprekludi lill-benefiċjarju tal-għajnuna milli jinvoka l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju u, min-naħa l-oħra, jekk huwa jinvoka dan il-kriterju, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina l-applikabbiltà tiegħu u, jekk ikun il-każ, l-applikazzjoni tiegħu.

27      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rilevanza tal-perspettiva suġġettiva tal-Istat Membru, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, hekk kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterju tal-operatur privat għandux japplika, ikun meħtieġ li titqies bħala punt ta’ tluq in-natura ekonomika tal-azzjoni tal-Istat Membru u mhux il-mod kif, suġġettivament, dan l-Istat Membru kellu l-intenzjoni li jaġixxi jew il-modi ta’ aġir alternattivi fil-ħsieb ta’ dan l-Istat Membru qabel ma adotta l-miżura inkwistjoni.

28      Fi kwalunkwe każ, il-kriterju ta’ kreditur privat huwa intiż li jeżamina jekk l-impriża benefiċjarja kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli ta’ kreditur privat fl-iktar sitwazzjoni simili possibbli għal dik tal-kreditur pubbliku li jkun qiegħed jipprova jikseb il-ħlas tal-ammonti dovuti lilu minn debitur li jinsab f’diffikultà finanzjarja (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 72) u, għaldaqstant, jekk din l-impriża setgħetx tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi ta’ kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 70).

29      Issa, minn dan jirriżulta li l-eżami li, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha twettaq, ma jistax jillimita lilu nnifsu biss għall-possibbiltajiet effettivament meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtorità pubblika kompetenti, iżda għandu neċessarjament jinkludi l-possibbiltajiet kollha li kreditur privat kien jieħu inkunsiderazzjoni f’sitwazzjoni bħal din.

30      Fir-rigward tal-argument invokat mill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-raba’ aggravju, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddikjarat fil-punt 247 tas-sentenza appellata li, ġaladarba l-kriterju ta’ kreditur privat kien applikabbli inkwantu tali, il-Kummissjoni ma tistax tagħmel distinzjoni, bil-ħsieb tal-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju, skont l-alternattivi differenti għall-miżura kontenzjuża.

31      Għaldaqstant it-tieni u r-raba’ aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża

 L-argumenti tal-partijiet

32      Il-Kummissjoni ssostni, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kontenzjuża meta ddeċidiet, fil-punti 101 sa 104 tas-sentenza appellata, li din l-istituzzjoni kienet ikkunsidrat, fl-imsemmija deċiżjoni, li l-kriterju ta’ kreditur privat kien applikabbli għall-fatti tal-każ.

33      Għalhekk, kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li mill-aħħar sentenza tal-premessa 80 ta’ din l-istess deċiżjoni kellu jiġi inferit li l-kriterju ta’ kreditur privat kien applikabbli f’dan il-każ. Dan l-iżball fl-interpretazzjoni jidher meta jitqiesu l-premessi sussegwenti ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, il-premessa 81 ma tittrattax b’mod speċifiku l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, il-premessa 82 tispeċifika b’mod speċifiku s-sitwazzjoni fir-rigward tal-applikabbiltà tal-imsemmi kriterju u l-premessa 83, bħall-premessi 128 sa 132, jittrattaw il-kwistjoni dwar jekk dan l-istess kriterju huwiex applikabbli.

34      Frucona Košice tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35      Qabel kollox, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tispeċifikax espressament li l-kriterju ta’ kreditur privat ma japplikax f’dan il-każ. Għall-kuntrarju, fl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju hija bbażata espliċitament il-konklużjoni ddikjarata fil-premessi 139 u 140 tagħha, li l-miżura kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

36      Sussegwentement, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni kellu jkollha dubji fir-rigward tal-applikabbiltà tal-imsemmi kriterju, jeħtieġ li jitfakkar li hija missha, hekk kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, talbet lill-Istat Slovakk jipprovdilha informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward u pproċediet għal evalwazzjoni globali ta’ dawn l-elementi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 86). Issa, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tinkludi ebda indikazzjoni la ta’ tali talba u lanqas ta’ tali eżami.

37      Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni applikat il-kriterju ta’ kreditur privat wara li indikat, fil-punti 84 u 86 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-benefiċjarju kien sostna li l-fatt li l-proposta ta’ arranġament ġuridiku ntlaqgħet ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ġaladarba l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kellu jkun inqas favorevoli għall-Istat Slovakk.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet aggravju,dwar il-prinċipji tal-awtorità ta’ res judicata u ta’ ne ultra petita

 L-argumenti tal-partijiet

39      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-prinċipji tal- awtorità ta’ res judicata u ta’ ne eat iudex ultra petita partium meta kkunsidrat, fil-punti 123 sa 126 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet impliċitament iżda neċessarjament ikkunsidrat, fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32), li l-kriterju ta’ kreditur privat kien applikabbli għall-fatt tal-każ u li, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża proposta mill-Kummissjoni tmur kontra l-awtorità ta’ res judicata.

40      Frucona Košice tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Peress li t-tielet aggravju huwa intiż għal raġunament ulterjuri insostenn tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha l-kriterju ta’ kreditur privat kien applikabbli għall-fatt tal-każ u peress li l-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravji, li jikkritikaw din l-istess deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, ġew miċħuda bħala infondati, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq il-ħames u s-sitt aggravji, dwar l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat u fuq l-obbligu għall-Kummissjoni li twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali

 L-argumenti tal-partijiet

42      Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, issostni li l-kriterju ta’ kreditur privat jimplika li hija għandha tiddetermina l-perspettiva suġġettiva tal-awtorità pubblika u tipparagunaha ma’ dik li kreditur privat kien ikollu fl-istess ċirkustanzi. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huma biss rilevanti l-elementi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fil-mument li d-deċiżjoni ttieħdet minn din l-awtorità pubblika.

43      Minn dan il-Kummissjoni tislet li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri li, sabiex ħa d-deċiżjoni tiegħu, huwa effettivament ħa tali elementi u żviluppi inkunsiderazzjoni, li għandhom ikunu paragunabbli ma’ dawk li operatur privat kien jeżiġi li jkun jaf qabel ma jieħu l-istess deċiżjoni.

44      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat teskludi li huwa seta aġixxa b’kumbinazzjoni, iżda pjuttost f’għarfien perfett tal-fatti, ġaladarba, skont din il-ġurisprudenza evalwazzjonijiet ekonomiċi stabbiliti wara l-għoti tal-vantaġġ inkwistjoni, il-konstatazzjoni retrospettiva tal-vijabbiltà effettiva tal-investiment magħmul mill-Istat Membru kkonċernat jew ġustifikazzjonijiet ulterjuri tal-għażla effettiva ma humiex suffiċjenti.

45      Dan madankollu ma jfissirx li l-partijiet ikkonċernati ma jistgħux jissottomettu informazzjoni jew elementi utli li jservu ta’ kjarifika għall-Kummissjoni, pereżempju dwar in-natura u l-oġġett tal-miżura inkwistjoni, dwar il-kuntest tagħha jew dwar l-għan imfittex. Madankollu, dawn il-partijiet ma għandhomx jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom ma’ dik effettivament imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat meta dan ikun ħa d-deċiżjoni tiegħu, hekk kif il-Kummissjoni ma għandhiex tirrikostitwixxi minn rajha l-aġir tal-ipotetiku kreditur privat ideali, razzjonali u għalkollox informat.

46      L-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni minbarra dik invokata mill-Istat Membru kkonċernat tista’ tkun intiża sabiex jiġi pprovat jekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni li dan l-Istat Membru effettivament ħa inkunsiderazzjoni, kreditur privat kienx jaġixxi bl-istess mod. Madankollu din l-informazzjoni, ma tistax tiġġustifika d-deċiżjoni meħuda b’riferiment għal informazzjoni jew elementi li ma ttiħdux effettivament inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat.

47      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li meta l-Qorti Ġenerali fformulat, fil-punt 137 tad-deċiżjoni appellata, il-kriterju tagħha ta’ eżami, hija naqset milli tillimita l-obbligu ta’ verifika ta’ din l-istituzzjoni għall-elementi rilevanti li hija kellha għad-dispożizzjoni. Dan in-nuqqas kien wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex jikkunsidra, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni jmissha pprovat tikseb informazzjoni supplimentari sabiex tivverifika u tissostanzja l-konklużjonijiet tagħha li hija inferiet mill-fajl tal-proċedura amministrattiva.

48      Fl-imsemmi punt 201, il-Qorti Ġenerali b’hekk ħolqot rekwiżit ġdid li skontu l-Kummissjoni kellha tirrikostitwixxi l-aġir tal-ipotetiku kreditur privat ideali, razzjonali u għalkollox informat billi tfittex l-elementi u l-informazzjoni kollha “immaġinabbli”, rekwiżit li jmur kontra l-filosofija nfisha li fuqha huwa bbażat il-kriterju ta’ kreditur privat, jiġifieri evalwazzjoni mill-perspettiva suġġettiva tal-awtorità pubblika fil-mument tad-deċiżjoni tagħha.

49      Skont il-Kummissjoni, il-punti 137 u 180 sa 213 tas-sentenza appellata huma għaldaqstant ibbażati, minn naħa, fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet timponi lill-Kummissjoni twettaq analiżi oġġettiva u kompleta tal-vantaġġi u tal-inkonvenjenti tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju pjuttost milli analiżi bbażata fuq is-sitwazzjoni suġġettiva tal-awtorità pubblika u, min-naħa l-oħra, fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens li minnha jirriżulta li din l-istituzzjoni kienet wettqet tali analiżi.

50      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata fuq il-qagħda tal-assi ta’ Frucona Košice fis-17 ta’ Ġunju 2004 u li, skont il-Qorti Ġenerali, hija kienet ġustament ma aċċettatx il-metodoloġija tar-Rapport E fir-rigward tad-determinazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni tal-imsemmija assi. Madankollu, peress li din l-informazzjoni ekonomika kienet l-unika waħda għad-dispożizzjoni tal-awtorità tat-taxxa lokali meta ddeċidiet li taċċetta l-proposta ta’ arranġament ġudizzjarju, il-konsegwenza loġika ta’ dawn il-konstatazzjonijiet fattwali hija li kreditur privat fil-pussess ta’ din l-informazzjoni biss ma kienx jagħti kunsens għal arranġament ġudizzjarju. Fil-fatt, filwaqt li bl-aġir tiegħu huwa kien talab l-informazzjoni supplimentari, tali kreditur ma kienx jaċċetta l-proposta ta’ arranġament ġudizzjarju.

51      Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-fatt li hija kellha twettaq verifika esklużivament fir-rigward tal-informazzjoni u l-elementi li effettivament kienu fil-pussess tal-kreditur pubbliku jew li kienu ta’ għarfien pubbliku, il-fajl amministrattiv kien jissostanzja, fi kwalunkwe każ, validament il-konklużjoni tagħha li kreditur privat ma kienx jagħti kunsens għall-arranġament ġudizzjarju. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma kienet indikat ebda element supplimentari li kien rilevanti fil-mument tal-fatti u li l-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni.

52      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 186 u 235 tas-sentenza appellata, li l-elementi tal-fajl ma kinux tali li jissostanzjaw suffiċjentement kif meħtieġ mid-dritt u b’mod inekwivoku l-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni bil-għan tal-evalwazzjoni, ta’ SKK 435 000 000 (madwar EUR 14 500 000), tal-prodott tal-bejgħ tal-assi fl-okkażjoni tal-istralċ ġudizzjarju. Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti Ġenerali ma indikatx il-portata tal-prova li l-Kummissjoni għandha tipproduċi u lanqas jekk hija tqisx li dan l-istandard jobbligax lill-Kummissjoni tistabbilixxi, b’mod inekwivoku, x’kien ikun il-prodott tal-bejgħ.

53      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni li l-iżbalji ta’ liġi li hija kkonstatat ivvizzjaw ukoll l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kif ukoll dik relatata mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa. Fil-fatt, dawn l-evalwazzjonijiet huma bbażati fuq l-istess kriterju żbaljat u fuq iċ-ċaħda tal-evalwazzjoni mill-Kumissjoni tal-prodott ta’ likwidazzjoni tal-assi ta’ Frucona Košice.

54      Permezz tas-sitt aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-punti 191 sa 195 tas-sentenza appellata jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jakkużaw lill-Kummissjoni bi ksur tal-obbligu tagħha li twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali. Minkejja li din l-interpretazzjoni hija korretta, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali attribwixxiet portata żbaljata lil dan l-obbligu u imponiet oneru eċċessiv fuqu.

55      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, fil-punti 187 u 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ċaħdet il-valur probatorju tar-Rapport E u li għaldaqstant hija waslet sabiex tinferixxi mill-elementi mressqa minn Frucona Košice jew mhux ikkontestati minnha. Sussegwentement hija ddeċidiet li tikkundanna lill-Kummissjoni talli ma talbitx informazzjoni supplimentari intiża sabiex tivverifika u tissostanzja l-konklużjonijiet li hija kienet siltet minn dawn l-elementi, mingħajr ma tispjega t-tip ta’ elementi supplimentari li din l-istituzzjoni eventwalment kienet setgħet talbet.

56      Jidher li l-Kummissjoni kienet ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq l-elementi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha effettivament f’dak il-mument speċifiku u kienet qieset li hija setgħet tirreferi għall-ammont stabbilit mill-benefiċjarju, aċċettat mill-awtorità tat-taxxa u bbażat fuq rapporti indipendenti, mingħajr ma tirrikjedi l-produzzjoni ta’ rapporti oħra. Fi kwalunkwe każ, kreditur pubbliku ma kienx jaċċetta min-naħa tad-debitur tiegħu li huwa ma jissostanzjax suffiċjentement l-istima tiegħu tal-valur tal-assi li jkun qed joffri bħala garanzija bil-għan li jikseb posponiment tad-dejn fiskali tiegħu. F’dan il-każ, l-awtorità tat-taxxa lokali kellha l-konklużjonijiet tagħha stess fir-rigward tal-valur ta’ dawn l-assi, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ posponiment tad-dejn.

57      Frucona Košice tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li l-ħames u s-sitt aggravji jirrigwardaw, essenzjalment, il-portata tal-obbligi ta’ investigazzjoni li għandha l-Kummissjoni meta hija tagħmel evalwazzjonijiet fir-rigward tal-kriterju ta’ kreditur privat, hekk kif ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali meta eżaminat il-partijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-proċeduri kemm ta’ stralċ ġudizzjarju kif ukoll ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa.

59      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jiġi applikat il-kriterju ta’ kreditur privat, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti tal-każ li jippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja kinitx manifestament tikseb faċilitajiet paragunabbli minn kreditur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 73, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 47).

60      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandha titqies li hija rilevanti kull informazzjoni li tista’ tinfluwenza, b’mod mhux negliġibbli l-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat normalment prudenti u diliġenti, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-kreditur pubbliku u li jipprova jikseb il-ħlas ta’ somom dovuti lilu minn debitur li għandu diffikultajiet sabiex iħallas (sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 78, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, EU:C:2013:186, punt 54).

61      Min-naħa l-oħra, huma rilevanti biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, l-elementi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli meta ttieħdet din d-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 105).

62      Tali eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk miżuri speċifiċi jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma aġixxewx bl-istess mod bħal kreditur privat, jirrikjedi li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa (sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 74, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 48).

63      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni Ewropea jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni (sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 75, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 49).

64      Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnha (sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 76, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 50).

65      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ħames u s-sitt aggravji li huma diretti kontra l-parti tas-sentenza appellata dwar il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju.

66      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandhom jiġu esklużi l-argumenti invokati mill-Kummissjoni u bbażati fuq il-fatt li jkun hemm lok, inizjalment, li tiġi ddeterminata l-perspettiva suġġettiva tal-awtorità pubblika kompetenti u, sussegwentement, li tiġi pparagunata l-attitudni ta’ din l-awtorità ma’ dik ta’ kreditur privat ipotetiku, fejn ir-rilevanza ta’ tali raġunament diġà ġiet eskluża, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni u tar-raba’ motivi, sa fejn dan ir-raġunament jistrieħ fuq portata żbaljata tal-kriterju ta’ kreditur privat.

67      It-tieni nett, sa fejn il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali bil-ħolqien, b’mod partikolari billi naqset milli tillimita l-obbligu ta’ verifika ta’ din l-istituzzjoni għall-elementi li hija kellha għad-dispożizzjoni, rekwiżit ġdid li kien jimponilha oneru eċċessiv, li jikkonsisti fil-ħtieġa ta’ tiftix tal-elementi u informazzjoni kollha “immaġinabbli”, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-Kummissjoni jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata.

68      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali indikat, b’mod partikolari fil-punti 134 sa 137 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat għandha ssir b’rabta mal-iktar sitwazzjoni simili possibbli għal dik tal-awtorità pubblika inkwistjoni.

69      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punti 138 sa 143 tas-sentenza appellata, il-prinċipji li jirregolaw, fil-fehma tagħha, l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni u indikat, f’dan il-kuntest, l-elementi li din l-istituzzjoni għandha, jekk ikun il-każ, tikseb u tieħu inkunsiderazzjoni meta twettaq eżami, kif ukoll il-limiti ġenerali tal-obbligi investigattivi tagħha, hekk kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni.

70      F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jitfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha għad-dispożizzjoni meta hija adottatha (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Issa, l-informazzjoni li l-Kummissjoni “setgħet kellha għad-dispożizzjoni” tinkludi dik li tidher rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 60 sa 62 ta’ din is-sentenza u li tagħha hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni matul il-proċedura amministrattiva.

72      Fl-aħħar nett, fil-punti 171 sa 178 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont il-ġurisprudenza tagħha, il-Kummissjoni b’ebda mod ma hija suġġetta għal obbligu ġenerali li tissottoskrivi lilha nfisha mal-qbil ta’ esperti esterni u ċaħdet, fuq din il-bażi, il-pretensjonijiet ta’ Frucona Košice li din l-istituzzjoni jmissha kkummissjonat perizzji esterni ġodda.

73      Issa, il-punti 180 sa 213 u 235 tas-sentenza appellata, li kontrihom hija diretta l-kritika tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, ma jinvolvux, meta jiġu interpretati fid-dawl ta’ dan il-kuntest ġuridiku mfakkar mill-Qorti Ġenerali, rekwiżiti ġodda inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

74      B’hekk, il-konstatazzjoni fattwali magħmula fil-punt 185 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet iddeterminat il-koeffiċjenti ta’ stralċ permezz ta’ tnaqqis fuq il-bażi tal-elementi tal-fajl tal-proċedura amministrattiva, ma kienet wettqet ebda analiżi metodoloġika jew ekonomika u ma kinitx talbet informazzjoni supplimentari intiża sabiex jiġu vverifikati u ssostanzjati l-konklużjonijiet li hija kienet siltet minn dawn l-elementi, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tiġbor fiha rekwiżit li jmur lil hinn minn dawk meħtieġa skont il-prinċipji mfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punti 138 sa 143 tas-sentenza appellata jew li hija inkompatibbli ma’ dawk esposti fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza.

75      Fir-rigward tal-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 186, 196, 200 u 201 tas-sentenza appellata, li skonthom l-elementi tal-fajl tal-proċedura amministrattiva ma kinux tali li jissostanzjaw suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-evalwazzjonijiet mill-Kummissjoni tal-koeffiċjenti ta’ stralċ u li, għaldaqstant, hija jmissha pprovat tikseb informazzjoni supplimentari sabiex tissostanzja l-konklużjonijiet tagħha, dawn b’ebda mod ma jmorru lil hinn mil-limiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, u lanqas ma jistgħu jitqiesu li jinkludu rekwiżit li huwa inkompatibbli mal-prinċipji esposti fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza.

76      Sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 186 tas-sentenza appellata, li l-elementi tal-fajl tal-proċedura amministrattiva għandhom jissostanzjaw il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni mhux biss suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, iżda wkoll b’mod inekwivoku, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li mill-punti 187 sa 201 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ tali rekwiżit u ma għamlitx iżjed riferiment għalih fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet tagħha li jinsabu fil-punti 196, 200, 201 u 235 tas-sentenza appellata.

77      Fil-fatt, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 125 u 131 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 191 sa 195, 198 u 199 tas-sentenza appellata ħadet ħsieb li tikkonstata kontradizzjonijiet interni tad-deċiżjoni kontenzjuża u li twettaq il-konstatazzjonijiet fattwali li skonthom ebda element tal-fajl amministrattiv ma jista’ jipprovdi spjegazzjoni relatata mal-koeffiċjenti ta’ stralċ ikkunsidrati mill-Kummissjoni.

78      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma applikatx kriterju ġuridiku żbaljat. Għalhekk il-pretensjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment ineffettivi u parzjalment infondati.

79      Fit-tieni lok, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-iżbalji ta’ liġi li hija identifikat ivvizzjaw ukoll l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, li tinsab fil-punti 223 sa 235 tas-sentenza appellata, kif ukoll dik relatata mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, li tinsab fil-punti 277 sa 284 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, peress li l-eżami tal-pretensjonijiet tal-Kummissjoni ma tat lok għal ebda konstatazzjoni ta’ żball ta’ liġi, dan l-argument huwa nieqes minn kull bażi.

80      Barra minn hekk, fil-punti 279, 282 u 283 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet naqset, qabel kollox, milli tinforma ruħha dwar it-tul prevedibbli ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, sussegwentement, milli tieħu inkunsiderazzjoni li din setgħet tiġi interrotta minħabba l-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u, fl-aħħar nett, milli tinforma ruħha fir-rigward tal-ispejjeż li tista’ tiġġenera proċedura ta’ dan it-tip.

81      Issa, sa fejn kunsiderazzjonijiet ta’ dan it-tip jirrelataw ma’ informazzjoni li kreditur privat normalment prudenti u diliġenti, li jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dak tal-awtorità fiskali, a priori ma setax jinjora, dawn jistgħu, waħedhom, jiġġustifikaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punti 77, 78 u 81).

82      Barra minn hekk, mill-punti 69 sa 84 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali speċifikat suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, minn naħa, il-portata tal-obbligi ta’ investigazzjoni li jaqgħu fuq din l-istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, it-tip ta’ elementi supplimentari li l-imsemmija istituzzjoni ma setgħetx titlob.

83      Għaldaqstant il-ħames u s-sitt motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

84      Peress li l-aggravji kollha mressqa mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan l-appell għandhom jiġu miċħuda, hemm lok li l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

85      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

86      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

87      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn Frucona Košice.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.