Language of document : ECLI:EU:C:2019:199

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘forma’ – Forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott – Trade mark bidimensjonali – Trade mark figurattiva li tikkostitwixxi wkoll xogħol fis-sens tad-drittijiet tal-awtur – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 7(1)(e)(iii) – Regolament (UE) 2015/2424”

Fil-Kawża C‑21/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell, sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarrijiet Ekonomiċi, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Textilis Ltd,

Ozgur Keskin

vs

Svenskt Tenn AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász (Relatur), M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Svenskt Tenn AB, minn B. Eliasson u M. Jerner, jur. kand.,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u K. Simonsson kif ukoll minn E. Ljung Rasmussen, J. Samnadda u G. Tolstoy, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1) u ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21, u rettifiki ĠU 2016, L 71, p. 322; ĠU 2016, L 110, p. 4; ĠU 2016, L 267, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009 emendat”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Textilis Ltd u Ozgur Keskin, minn naħa, u Svenskt Tenn AB, min-naħa l-oħra, dwar il-kummerċjalizzazzjoni mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ta’ prodotti ta’ fittings ta’ ġewwa li kienet timmina t-trade mark li Svenskt Tenn hija l-proprjetarja tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 207/2009

3        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark [tal-Unjoni Ewropea]”, jipprovdi:

“Trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

4        L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, jipprevedi fil-paragrafu 1(e) tiegħu:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

e)      sinjali li jikkonsistu esklussivament f’dawn li ġejjin:

i)      forma li tirriżulta min-natura tal-prodotti nfushom;

ii)      forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku;

iii)      forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodotti”.

 Ir-Regolament Nru 207/2009 emendat

5        Il-premessa 12 tar-Regolament 2015/2424, li emenda r-Regolament Nru 207/2009, tistipula:

“Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali u konsistenza sħiħa mal-prinċipju ta’ prijorità, li taħtu trademark preċedenti rreġistrata tieħu preċedenza fuq trademarks irreġistrati iktar tard, jeħtieġ li jiġi stipulat li l-infurzar tad-drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji miksuba qabel id-data tal-applikazzjoni jew tal-prijorità tat-trademark tal-UE. […]”

6        L-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 207/2009 emendat jipprevedi:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

e)      sinjali li jikkonsistu esklużivament f’dawn li ġejjin:

i)      il-forma, jew xi karatteristika oħra, tal-oġġetti li tirriżulta min-natura tal-oġġetti nnifishom;

ii)      il-forma, jew xi karatteristika oħra, li tkun meħtieġa biex jinkiseb riżultat tekniku;

iii)      il-forma, jew xi karatteristika oħra, tal-oġġetti li tagħti valur sostanzjali lill-oġġetti”.

7        Mill-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/2424 jirriżulta li dan daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2016.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Svenskt Tenn tikkummerċjalizza għamara u tapizzerija kif ukoll oġġetti oħrajn ta’ dekorazzjoni.

9        Matul is-snin 1930, Svenskt Tenn bdiet kollaborazzjoni mal-arkitett Joseph Frank, li ddiżinjalha diversi disinni għal tapizzerija, b’mod partikolari disinn imsejjaħ MANHATTAN, li hija tikkummerċjalizza u li fir-rigward tiegħu hija targumenta li hija l-proprjetarja ta’ drittijiet bħala drittijiet ta’ awtur.

10      Fl‑4 ta’ Jannar 2012, Svenskt Tenn ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO). Din it-trade mark figurattiva msejħa MANHATTAN ġiet irreġistrata taħt in-numru 010540268.

11      Il-prodotti u s-servizzi li l-imsemmija trade mark ġiet irreġistrata għalihom jaqgħu taħt il-Klassijiet 11, 16, 20, 21, 24, 27 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu b’mod partikolari ma’ paralumi (Klassi 11), bjankerija tal-mejda, srievet tal-karti għal fuq il-mejda, gabarrè żgħar tal-karti, karta għat-tgeżwir, kotba għall-kitba jew għat-tpinġija, kartelluni (Klassi 16), għamara (Klassi 20), oġġetti li ssajjar bihom u kontenituri, pniezel, prodotti tal-ħġieġ, porċellana u reċipjenti tal-fuħħar mhux inklużi fi klassijiet oħrajn (Klassi 21), tessuti u oġġetti tessili mhux inklużi fi klassijiet oħrajn, kutri tas-sodda u tvalji (Klassi 24), twapet, affarijiet li jiddendlu mal-ħajt (mhux tat-tessut), karta tal-ħajt (Klassi 27), servizzi ta’ bejgħ bl-imnut b’rabta mal-bejgħ ta’ għamara, kuxins, mirja (silvered glass), karta tal-ħajt, twapet, lamp, tessuti, oġġetti magħmula minn biċċiet tat-tessuti, rakkmu, oġġetti li ssajjar bihom u kontenituri, oġġetti għal fuq il-mejda, prodotti tal-ħġieġ, porċellana, reċipjenti tal-fuħħar, gandlieri, srievet tal-karti għal fuq il-mejda, basktijiet ta’ kuljum, ġojjelli, kotba u Magazins (perjodiċi) (Klassi 35).

12      It-trade mark figurattiva MANHATTAN hija rrappreżentata kif ġej: