Language of document : ECLI:EU:T:2015:163

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

19 ta’ Marzu 2015 (*)

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ roti mibgħuta mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija — Estensjoni, għal dawn l-importazzjonijiet, tad-dazju antidumping definittiv stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina — Evażjoni — Nuqqas ta’ kooperazzjoni — Artikoli 13 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑412/13,

Chin Haur Indonesia, PT, stabbilita f’Tangerang (l-Indoneżja), irrappreżentata minn T. Müller-Ibold u F.-C. Laprévote, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Boelaert, bħala aġent, assistita minn R. Bierwagen, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland u M. França, bħala aġenti,

u minn

Maxcom Ltd, stabbilita fi Plovdiv (il-Bulgarija), irrappreżentata minn L. Ruessmann, avukat, u J. Beck, solicitor,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013, tad-29 ta’ Mejju 2013, li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU L 153, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. van der Woude (Relatur), President, I. Wiszniewska‑Białecka u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Chin Haur Indonesia, PT, hija impriża ta’ oriġini Tajwaniża li timporta roti li joriġinaw mill-Indoneżja fl-Unjoni Ewropea. Hija tikkontesta l-estensjoni tad-dazju antidumping definittiv, stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011, tat-3 ta’ Ottubru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 261, p. 2), għal ċerti impriżi Indoneżjani.

 Proċeduri prinċipali antidumping u ta’ kontra s-sussidji inizjali

2        Permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2474/93, tat-8 ta’ Settembru 1993, li jimponi dazju definittiv anti-dumping lejn il-Komunità ta’ biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju anti-dumping (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 51, p. 3), il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej stabbilixxa dazju antidumping definittiv ta’ 30.6 % fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina.

3        Wara eżami mill-ġdid tal-iskadenza tal-miżuri mogħti bidu konformement mar-Regolament (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, Rettifika ĠU 2010 L 7, p. 22), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”], u b’mod partikolari skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 384/96 (li sar l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku), il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1524/2000, tal-10 ta’ Lulju 2000, li jimponi dazju definttiv kontra l-iddampjar fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 319), iddeċieda li jżomm id-dazju antidumping ta’ 30.6 %.

4        Wara eżami mill-ġdid interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 384/96 (li sar l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku), il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1095/2005, tat-12 ta’ Lulju 2005, li jimponi dazju anti‑dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fil-Vjetnam, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1524/2000 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 352M, p. 192), għolla d-dazju antidumping fis-seħħ għal 48.5 %.

5        F’Ottubru 2011, wara eżami mill-ġdid tal-iskadenza tal-miżuri mogħti bidu skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 990/2011, iddeċieda li jżomm id-dazju antidumping ta’ 48.5 %.

6        F’April 2012, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-ftuħ ta’ proċedura ta’ kontra s-sussidji li tikkonċerna l-importazzjonijiet, fl-Unjoni, ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009, tal-11 ta’ Ġunju 2009, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, p. 93).

7        Minn naħa, fit-22 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni ħadet id-Deċiżjoni 2013/227/UE, li tittermina l-proċedimenti kontra s-sussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ bajsikils li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 136, p. 15), mingħajr ma stabbilixxiet miżuri oħra ta’ kontra s-sussidji. Min-naħa l-oħra, fid-29 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 502/2013, li jemenda r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 990/2011 (ĠU L 153, p. 17), wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku.

 Il-proċedura li tikkonċerna l-evażjoni

8        Fl-14 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni ġiet adita b’talba ppreżentata mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produtturi ta’ Roti (EBMA), f’isem tliet produtturi ta’ roti tal-Unjoni, fejn intalbet, minn naħa, tinvestiga fuq evażjoni possibbli tal-miżuri antidumping stabbiliti fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina, u, min-naħa l-oħra, tissuġġetta għar-reġistrazzjoni l-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, indipendentement minn jekk dawn ġewx iddikjarati li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi.

9        Fil-25 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 875/2012 li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 258, p. 21).

10      Din l-investigazzjoni kienet intiża b’mod partikolari sabiex isir studju tal-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ wara li żdied id-dazju antidumping fl-2005. Din kopriet il-perijodu ta’ mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Awwissu 2012 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). Inġabret data iktar dettaljata li tikkonċerna l-perijodu ta’ mill-1 ta’ Settembru 2011 sal-31 ta’ Awwissu 2012 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ referenza”), sabiex tiġi eżaminata n-newtralizzazzjoni possibbli tal-effetti korrettivi tal-miżuri fis-seħħ kif ukoll l-eżistenza ta’ dumping.

11      Ir-rikorrenti ġiet informata bil-ftuħ tal-investigazzjoni ta’ kontra l-evażjoni u rċeviet formola ta’ eżenzjoni fis-26 ta’ Settembru 2012. Hija ntalbet tirrispondi għall-imsemmija formola b’mod elettroniku sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Novembru 2012.

12      Fil-5 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni rċeviet mudell stampat tal-formola ta’ eżenzjoni mibgħuta mir-rikorrenti. F’din il-formola, ir-rikorrenti sostniet b’mod partikolari li ma wettqitx operazzjonijiet ta’ mmuntar f’pajjiż terz, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku.

13      Fis-27 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-rikorrenti li permezz tagħha hija talbitha tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha ċerti dokumenti matul iż-żjara ta’ verifika, b’mod partikolari d-dokumenti tax-xogħol użati sabiex titfassal ir-risposta għall-formola ta’ eżenzjoni. Ir-rikorrent ikkonfermat li kienet irċeviet l-imsemmija ittra fit‑28 ta’ Novembru 2012.

14      Fid-29 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni bagħtet ittra oħra lir-rikorrenti li titlob lil din tal-aħħar sabiex sa mhux iktar tard mit-3 ta’ Diċembru 2012 tibgħat informazzjoni ġdida dwar tlettax-il element nieqes fir-risposta tagħha għall-formola ta’ eżenzjoni. Ir-rikorrenti għaddiet xi dokumenti lill-Kummissjoni fit-3 u fl-4 ta’ Diċembru 2012.

15      Iż-żjara ta’ verifika seħħet fis-6 u fis-7 ta’ Diċembru 2012 fil-bini tar-rikorrenti. Dakinhar, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni formola ta’ eżenzjoni riveduta.

16      Fit-28 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku fir-rigward tagħha. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fl-4 ta’ Frar 2013.

17      Fil-21 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, kif ukoll lill-awtoritajiet Indoneżjani u Ċiniżi, id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali li juri l-konklużjonijiet tagħha dwar operazzjonijiet ta’ trażbord u ta’ mmuntar u jsemmi l-intenzjoni tagħha li tipproponi l-estensjoni tal-miżuri antidumping stabbiliti fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina għall-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indoneżja. Fl-Anness B tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ eżenzjoni tar-rikorrenti, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-informazzjoni ppreżentata.

18      Ir-rikorrenti kkontestat il-konklużjonijiet tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali permezz tal-ittra tagħha tad-9 ta’ April 2013. Hija ppreżentat osservazzjonijiet ġodda f’dan ir-rigward fit-28 ta’ Mejju 2013.

19      Fid-29 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 501/2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU L 153, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

 Ir-Regolament ikkontestat

20      Fil-premessi 28 sa 33 tar-Regolament ikkontestat, minn naħa, il-Kunsill enfasizza li erba’ kumpanniji Indoneżjani, li jirrappreżentaw 91 % tat-total tal-importazzjonijiet tal-Unjoni mill-Indoneżja matul il-perijodu ta’ referenza, kienu ppreżentaw talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Bażiku. Barra minn hekk, huwa qies li d-data pprovduta minn waħda minn dawn il-kumpanniji ma setgħetx tiġi vverifikata u ftit li xejn kienet affidabbli. Minkejja l-osservazzjonijiet ippreżentati, il-Kunsill qies li l-informazzjoni pprovduta minn din il-kumpannija ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni. Għaldaqstant, il-konklużjonijiet rigward din il-kumpannija kienu bbażati fuq id-data disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku. It-tliet kumpanniji l-oħra ġew ikkunsidrati li kkooperaw.

21      Fil-premessi 45 sa 58 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill, wara li studja l-evoluzzjoni tal-flussi kummerċjali bejn iċ-Ċina, l-Indoneżja u l-Unjoni, kif ukoll l-evoluzzjoni tal-volumi ta’ produzzjoni, ikkonkluda li teżisti bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn l-Indoneżja u l-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku, wara ż-żieda tad-dazji antidumping f’Lulju 2005.

22      Fil-premessi 59 sa 67 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill studja n-natura tal-prattiki ta’ evażjoni implementati.

23      Fil-premessi 60 sa 64 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill analizza l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord. Qabelxejn huwa kkonkluda li l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord ma kinitx ġiet stabbilita fir-rigward tat-tliet kumpanniji li kkooperaw. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-kumpannija li għaliha, skont il-Kunsill, l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament kienet iġġustifikata, “[l]-investigazzjoni żvelat li [hija] ma kenitx tippossjedi tagħmir suffiċjenti biex jiġġustifika l-volumi tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-[perijodu ta’ referenza]” u, “[fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni oħra,] għalhekk, jista’ jiġi konkluż li l-kumpannija kienet involuta fi prattiċi ta’ evażjoni permezz ta’ trażbord” (premessa 62 tar-Regolament ikkontestat). Fid-dawl tal-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li jikkonċernaw il-kumpannija li għaliha kienet tiġġustifika ruħha l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku u fid-dawl tal-fatt li l-produtturi-esportaturi Indoneżjani ma għamlux lilhom infushom magħrufa u għaldaqstant ma kkooperawx kollha, il-Kunsill ikkonkluda li jeżistu prattiki ta’ trażbord ta’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża li jgħaddu mill-Indoneżja.

24      Fil-premessi 65 sa 67 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill analizza l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ mmuntar. Huwa kkonkluda, minn naħa, li l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ mmuntar ma kinux ġew stabbiliti fir-rigward tat-tliet kumpanniji li kkooperaw, u, min-naħa l-oħra, li ma setax jiġi ddeterminat jekk ir-raba’ kumpannija, li għaliha kien ġie applikat l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, kinitx involuta f’operazzjonijiet ta’ mmuntar. Konsegwentement, l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ mmuntar, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku, li jgħaddu mill-Indoneżja, ma ġietx stabbilita.

25      Fil-premessa 92 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill enfasizza li l-investigazzjoni ma kienet aġġornat ebda motivazzjoni jew ġustifikazzjoni ekonomika minbarra l-intenzjoni li jiġu evitati l-miżuri fis-seħħ fuq il-prodott ikkonċernat.

26      Fil-premessi 94 u 95 tar-Regolament ikkontestat, minn naħa, il-Kunsill enfasizza li l-paragun bejn il-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara kif stabbilit fl-eżami mill-ġdid interim tal-2005 u l-medja ppeżata tal-prezz tal-esportazzjonijiet matul il-perijodu ta’ referenza kienet uriet bejgħ sinjifikattiv taħt il-prezzijiet indikattivi. Min-naħa l-oħra, huwa fakkar li ż-żieda tal-importazzjonijiet fl-Unjoni li joriġinaw mill-Indoneżja kienet tqieset notevoli f’termini ta’ kwantitajiet. Il-Kunsill għaldaqstant ikkonkluda, fil-premessa 96 tar-Regolament ikkontestat, li l-miżuri eżistenti kienu qegħdin jiġu mminati f’termini ta’ kwantità u ta’ prezz.

27      Fil-premessi 99 sa 102 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill eżamina, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku, jekk kinux jeżistu provi tal-eżistenza ta’ dumping meta mqabbel mal-valur normali stabbilit matul l-eżami mill-ġdid interim mitmum fl-2005. Sabiex jiġu ddeterminati l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet mill-Indoneżja li huma affettwati mill-evażjoni, ġew ikkunsidrati biss l-esportazzjonijiet tal-produtturi-esportaturi li ma kkooperawx. Għaldaqstant huwa għamel użu mill-aħjar data disponibbli, f’dan il-każ il-prezz medju fuq l-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ roti li joriġinaw mill-Indoneżja matul il-perijodu ta’ referenza, kif irreġistrat fid-database Comext tal-Eurostat. Wara diversi aġġustamenti tal-valur normali u tal-prezz fuq l-esportazzjoni, it-tqabbil bejn iż-żewġ varjabbli wera, skont il-Kunsill, l-eżistenza ta’ dumping.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ikkonkluda li teżisti evażjoni, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku, permezz ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord li jgħaddu mill-Indoneżja. Għaldaqstant huwa estenda d-dazju antidumping definittiv ta’ 48.5 % previst fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 990/2011 għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mibgħuta mill-Indoneżja, sew jekk dawn ġew iddikjarati bħala li joriġinaw minn dak il-pajjiż u sew jekk le. Wara l-konstatazzjonijiet imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq, il-Kunsill ta eżenzjoni tal-miżuri estiżi għal tlieta mill-erba’ esportaturi li ppreżentaw talba għal eżenzjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni.

30      Permezz ta’ att separat ippreżentat flimkien mar-rikors, ir-rikorrenti talbet ukoll lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża skont il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

31      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, u din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

32      It-talba għal trattament skont il-proċedura mħaffa ntlaqgħet bid-deċiżjoni tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2013.

33      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fis-17 ta’ Ottubru u fit-8 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni u l-EBMA talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

34      B’digriet tal-11 ta’ Novembru 2013, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tal-Kummissjoni.

35      B’digriet tas-17 ta’ Diċembru 2013, is-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal intervent tal-EBMA.

36      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Marzu 2014, Maxcom Ltd talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

37      B’ittri tas-27 ta’ Marzu u tal-15 ta’ Mejju 2014, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet xi domandi bil-miktub lir-rikorrenti u stiednet lill-Kunsill sabiex jirrispondi għal xi domandi u sabiex jippreżenta xi dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini stabbiliti.

38      B’digriet tas-16 ta’ Lulju 2014, is-Seba’ Awla tal-qorti Ġenerali laqgħet it-talba għal intervent ta’ Maxcom.

39      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament ikkontestat, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw lir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

40      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u minn Maxcom, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

41      Fil-kuntest tar-risposti bil-miktub tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, u sussegwentement fis-seduta, il-Kunsill ikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu. Abbażi ta’ artiklu tal-istampa li għalih kellu aċċess matul il-proċedura ġudizzjarja, il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma hijiex produttur Indoneżjan awtentiku tar-roti u li l-eżistenza tagħha stess hija dubjuża. Mill-artiklu tal-istampa l-Kunsill jinferixxi li l-impriża Ċiniża F. biss topera bħala produttur fl-Indoneżja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal eżenzjoni tar-rikorrenti setgħet ġiet ippreżentata f’isem il-kumpannija l-ħażina. Għaldaqstant, ir-rikors kellu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala inammissibbli.

42      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kunsill bħala infondat u bbażat fuq fatti li ma jagħmlux parti mill-proċess.

43      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-artikolu tal-istampa qasir, ta’ tul ta’ paġna waħda f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, li fuqu jibbaża ruħu l-Kunsill, huwa ambigwu, u, fi kwalunkwe ipoteżi, ma huwiex ta’ bażi għall-affermazzjoni tal-Kunsill.

44      Fil-fatt, mill-artiklu tal-istampa inkwistjoni jirriżulta li r-rikorrenti, kumpannija ta’ oriġini Tajwaniża, ilha stabbilita fl-Indoneżja sa mill-1990. Din hija produttur ta’ partijiet ta’ roti li tbigħ il-prodotti tagħha fl-Ażja tax-Xlokk, fl-Indoneżja, fl-Amerika ta’ Isfel u fl-Italja. Hija ddedikat ukoll waħda mill-fabbriki tagħha għall-immuntar ta’ roti għall-impriża Ċiniża F. Wara l-impożizzjoni tad-dazji antidumping Ewropej fuq l-importazzjonijiet ta’ roti Ċiniżi, ir-rikorrenti kriet il-fabbrika tagħha lill-impriża F., iżda r-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u din tal-aħħar ma humiex spjegati b’mod ċar.

45      Konsegwentement, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-produzzjoni ta’ artiklu tal-istampa qasir tistax tikkontesta, fl-assenza ta’ provi oħra, l-ammissibbiltà ta’ rikors, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjonijiet tal-Kunsill, imsemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq, bl-ebda mod ma huma kkorroborati mill-imsemmi artiklu tal-istampa.

46      Billi l-Kunsill ma ressaqx provi oħra f’dan ir-rigward, l-ammissibbiltà tar-rikors għandha tiġi kkonfermata.

 Fuq il-mertu

47      Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi insostenn ta’ dan ir-rikors. L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku, isemmi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-eżistenza ta’ evażjoni u tan-natura tad-data disponibbli. It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jikkonċerna l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni. It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jikkonċerna l-eżistenza ta’ dumping.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku

48      L-ewwel motiv tar-rikorrenti jinqasam f’żewġ partijiet, li jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ jekk bidla fix-xejra seħħitx tassew, u, it-tieni nett, il-konklużjoni tal-Kunsill li r-rikorrenti wettqet operazzjonijiet ta’ trażbord.

–       Fuq il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

49      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-istatistiki Ċiniżi tal-esportazzjoni ta’ roti lejn l-Indoneżja, li fuqhom ibbaża ruħu b’mod partikolari l-Kunsill sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ, huma żbaljati. Skont ir-rikorrenti, teżisti rata ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni iktar għolja fuq ir-roti milli għall-partijiet tar-roti, u dan għandu t-tendenza li jinċita lill-esportaturi Ċiniżi sabiex jiddikjaraw esportazzjonijiet ta’ sempliċi partijiet bħala esportazzjonijiet ta’ roti kompluti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istatistiki Ċiniżi ta’ esportazzjonijiet ta’ roti huma artifiċjalment għolja, peress li fil-verità l-parti l-kbira tar-roti esportati huma partijiet ta’ roti. Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għaldaqstant esportat numru ħafna iżgħar ta’ roti lejn l-Indoneżja minn dak li huwa indikat fit-tabella 2 tar-Regolament ikkontestat.

50      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li d-data użata sabiex tiġi stabbilita bidla fix-xejra tal-kummerċ ma hijiex biżżejjed sabiex wieħed jibbaża konstatazzjoni ta’ trażbord, sa fejn ma hemmx korrelazzjoni evidenti bejn l-esportazzjonijiet ta’ roti miċ-Ċina lejn l-Indoneżja u l-esportazzjonijiet mill-Indoneżja lejn l-Unjoni.

51      Fit-tielet lok, il-Kunsill naqas milli jikkunsidra spjegazzjonijiet alternattivi għall-bdil allegat fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ. B’mod partikolari, l-analiżi tiegħu tal-volumi ta’ produzzjoni hija ftit li xejn konklużiva u tikkonċerna perijodu żbaljat.

52      Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti kollha bħala infondati.

53      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jiġi enfasizzat li, l-ewwel nett, mid-dokument li jelenka d-diversi rati ta’ ħlas lura għar-roti u għall-partijiet tar-roti, ipprovdut mir-rikorrenti, jirriżulta li jidher li effettivament jeżistu rati ta’ ħlas lura tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) differenti għall-partijiet ta’ roti u għar-roti kompluti.

54      Madankollu, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova li tisa’ turi li, bħala konsegwenza, l-esportaturi Ċiniżi jew l-awtoritajiet doganali kienu ddikjaraw esportazzjonijiet ta’ sempliċi partijiet ta’ roti bħala esportazzjonijiet ta’ roti sħaħ. Fil-fatt, ir-rikorrenti ppreżentat biss dokumenti li jikkonċernaw numru limitat ta’ tranżazzjonijiet. Sa fejn dawn id-dokumenti għandhom xi valur probatorju fir-rigward tal-eżistenza ta’ din il-prattika, fihom infushom huma ma jistgħux juru li l-imsemmija prattika kienet komuni biżżejjed sabiex tikkontesta l-istatistiki użati mill-Kunsill. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fl-ebda ipoteżi ma wriet li l-imsemmija prattika kienet komuni biżżejjed sabiex tikkontesta l-validità tal-istatistiki Ċiniżi.

55      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, matul l-investigazzjoni tagħha, setgħet faċilment issir taf bl-eżistenza ta’ tali prattika, sa fejn din tal-aħħar kienet magħrufa sew mill-atturi tas-settur. Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ diliġenza tagħha.

56      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kunsill isostni, mingħajr ma huwa kontradett mir-rikorrenti, li ebda waħda mill-partijiet l-oħra kkonċernati minn din l-investigazzjoni jew mill-investigazzjonijiet l-oħra mwettqa fl-istess waqt ma jidher li semmiet l-eżistenza ta’ tali prattika. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Indoneżjani u Ċiniżi, li ntbagħtulhom il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni, fl-ebda mument ma kkontestaw l-affidabbiltà tal-istatistiki użati fir-rigward taċ-ċifri tagħhom. Għaldaqstant ma hemmx lok, għall-Kunsill, li jiddubita mill-affidabbiltà tal-imsemmija statistiki.

57      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti indikat l-allegata eżistenza ta’ din il-prattika biss fit-28 ta’ Mejju 2013, jiġifieri lejlet l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat u iktar minn 40 jum wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit sabiex wieħed jippreżenta osservazzjonijiet dwar id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali. Hija qatt ma kienet semmietha qabel. L-argument tar-rikorrenti għaldaqstant tressaq fi stadju partikolarment tardiv tal-investigazzjoni.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-prinċipju ta’ diliġenza min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jikkonċernaw l-istatistiki użati.

59      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċifri ppreżentati mill-Kunsill, fil-premessi 45 sa 55 tar-Regolament ikkontestat, juru l-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku, bejn iċ-Ċina u l-Unjoni, bejn iċ-Ċina u l-Indoneżja, u, fl-aħħar nett, bejn l-Indoneżja u l-Unjoni.

60      Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-premessa 45 u mit-tabella 1 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-esportazzjonijiet ta’ roti miċ-Ċina lejn l-Unjoni naqsu b’iktar minn 80 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Bejn iż-żidiet fid-dazji fl-2005 u t-tmiem tal-perijodu ta’ referenza, l-importazzjonijiet naqsu bi tliet darbiet. It-tieni nett, l-esportazzjonijiet ta’ roti miċ-Ċina lejn l-Indoneżja żdiedu b’iktar minn 83 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-premessa 51 u mit-tabella 2 tar-Regolament ikkontestat. It-tielet nett, l-esportazzjonijiet ta’ roti mill-Indoneżja lejn l-Unjoni mmultiplikaw ruħhom bi 2.6 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 46 u mit-tabella 1 tar-Regolament ikkontestat, minkejja li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja tabilħaqq naqsu fl-2009, minn naħa, huma baqgħu f’livell ħafna iktar superjuri għal dak tal-2004 u tal-2005, u, min-naħa l-oħra, huma reġgħu żdiedu bejn l-2010 u l-2012.

61      Ċertament, hekk kif tenfasizza r-rikorrenti, l-importazzjonijiet Indoneżjani li joriġinaw miċ-Ċina naqsu b’10.1 % filwaqt li l-esportazzjonijiet Indoneżjani lejn l-Unjoni żdiedu bi 18.6 % fl-2007. Madankollu, tali varjazzjoni annwali ma tistax tikkontesta t-tendenza ġġenerata miċ-ċifri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, hekk kif ġustament jenfasizza l-Kunsill, jista’ jidher intervall fiż-żmien bejn il-bidla tal-flussi bejn iċ-Ċina u l-Indoneżja u bejn l-Indoneżja u l-Unjoni, b’mod partikolari, mill-eżistenza ta’ stokkijiet.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma wettaqx żball meta kkonkluda, abbażi ta’ dawn iċ-ċifri, li teżisti bidla fix-xejra tal-kummerċ.

63      Fit-tielet lok, skont ir-rikorrenti, il-Kunsill naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni spjegazzjonijiet alternattivi għall-evażjoni matul l-eżami tiegħu tal-evoluzzjoni tal-esportazzjonijiet mill-Indoneżja lejn l-Unjoni.

64      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li r-Regolament Bażiku ma jagħti lill-Kummissjoni ebda setgħa ta’ investigazzjoni li tippermettilha tobbliga lill-impriżi sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew sabiex jipproduċu informazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddependu mill-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet sabiex jipprovdulhom l-informazzjoni neċessarja fit-termini stabbiliti (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, JBF RAK vs Il‑Kunsill, T‑555/10, EU:T:2012:262, punt 80).

65      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li mill-elementi tal-proċess jirriżulta li ebda spjegazzjoni alternattiva ma tressqet matul l-investigazzjoni. B’mod partikolari, il-Kunsill jenfasizza li l-awtoritajiet Indoneżjani ma għamlu ebda osservazzjoni kontradittorja dwar il-kawża tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ.

66      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti stess, matul il-fażi amministrattiva u dik ġudizzjarja, lanqas ma pprovdiet spjegazzjoni alternattiva li tista’ tispjega l-bidla fix-xejra tal-kummerċ b’xi mod ieħor għajr dak tal-impożizzjoni tad-dazju antidumping inizjali. Hija kkuntentat li tenfasizza li l-Kunsill naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni spjegazzjonijiet alternattivi għall-evażjoni, mingħajr ma għamlet preċiżazzjonijiet, ħlief il-kritika tagħha dwar l-analiżi mill-Kunsill dwar l-evoluzzjoni tal-volumi ta’ produzzjoni.

67      Fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-volumi ta’ produzzjoni, ir-rikorrenti tqis li l-analiżi tal-Kunsill ma hijiex kompleta, peress li din tal-aħħar la tirrigwarda l-perijodu ta’ investigazzjoni sħiħ u lanqas l-impriżi esportaturi Indoneżjani kollha.

68      Mill-premessa 56 u mit-tabella 3 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni investigaw l-evoluzzjoni tal-volumi ta’ produzzjoni tal-kumpanniji li kkooperaw bejn l-2009 u tmiem il-perijodu ta’ referenza. Minn din l-analiżi jirriżulta li l-kumpanniji Indoneżjani li kkooperaw żiedu l-produzzjoni tagħhom b’54 % matul dan il-perijodu.

69      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi enfasizzat li kien leġittimu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jibbażaw ruħhom biss fuq iċ-ċifri tal-kumpanniji Indoneżjani li kkooperaw, peress li ċ-ċifri li jikkonċernaw lill-kumpanniji l-oħra la kienu, konsegwentement, disponibbli u lanqas ma kienu affidabbli. Sussegwentement, hekk kif ġustament enfasizza l-Kunsill, mit-tabelli li għandhom jimtlew, fl-anness tal-formola ta’ eżenzjoni, jirriżulta li l-applikanti kellhom jipprovdu informazzjoni dwar il-volumi ta’ produzzjoni tagħhom sa mill-2004. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tabilħaqq investigat dwar il-volumi ta’ produzzjoni matul il-perijodu sħiħ ta’ investigazzjoni. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Kunsill iġġustifika li llimita ruħu għall-perijodu ta’ mill-2009 sa Awwissu 2012, peress li d-data relatata mal-ewwel snin ma kinitx kollha kompleta għall-kumpanniji kollha.

70      Għaldaqstant, sa fejn ebda ġustifikazzjoni għajr dik li l-istituzzjoni ta’ dazju antidumping ma ġietx aġġornata matul l-investigazzjoni u li r-rikorrenti, matul il-fażi amministrattiva u dik ġudizzjarja, ma ppreżentatx l-iċken prova f’dan ir-rigward, il-Kunsill seta’ ġustament jikkonkludi li kien hemm assenza ta’ spjegazzjoni alternattiva għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ.

71      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi bħala infondata.

–       Fuq it-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord

72      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti tressaq tliet ilmenti.

73      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda, fil-premessa 62 tar-Regolament ikkontestat (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), li hija ma kellhiex kapaċitajiet ta’ produzzjoni suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-volumi ta’ esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni.

74      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi meta ddeduċa li jeżistu operazzjonijiet ta’ trażbord sempliċement mill-bidla fix-xejra tal-kummerċ. Il-Kunsill la ta provi tal-eżistenza tal-imsemmija operazzjonijiet ta’ trażbord u lanqas ma stabbilixxa rabta kawżali bejn dawn l-operazzjonijiet u l-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ.

75      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li, fl-assenza ta’ provi oħra, l-elementi pprovduti kellhom jikkostitwixxu l-fatti disponibbli, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku.

76      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

77      Fir-rigward tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li hija tabilħaqq produttur ta’ roti ta’ oriġini Indoneżjana u li għaldaqstant hija ma tistax titqies li hija involuta fi prattiki ta’ evażjoni. Mit-tweġiba tagħha għall-formola ta’ eżenzjoni jirriżulta, b’mod partikolari, li [kunfidenzjali](1). Hija ma tikkontestax li importat ċertu numru ta’ partijiet separati li joriġinaw miċ-Ċina. Dawn il-partijiet separati sussegwentement allegatament jintużaw sabiex jiġu mmanifatturati roti fil-fabbrika ta’ Tangerang (l-Indoneżja), li timpjega madwar [kunfidenzjali]. Skont ir-rikorrenti, il-proċess ta’ mmanifatturar imwettaq fil-fabbrika tagħha kien jinkludi l-fażijiet ta’ produzzjoni kollha ta’ rota.

78      Ir-rikorrenti tibbaża ruħha essenzjalment fuq it-tweġiba tagħha għall-formola ta’ eżenzjoni u fuq ir-rapport ta’ awditu tal-Uffiċċju V., tat-28 ta’ Novembru 2011, li kien sar rapport ta’ segwitu tiegħu fis-16 ta’ Lulju 2012, sabiex issostni li l-Kunsill kellu informazzjoni suffiċjenti sabiex jikkonkludi li l-operazzjonijiet ta’ trażbord kienu assenti.

79      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt, minn naħa, li t-tagħmir tagħha ma kien fih ebda sinjal ta’ tqagħbir li jirriżulta minn użu ordinarju fil-mument taż-żjara ta’ verifika, u, min-naħa l-oħra, li l-fabbrika ma kinitx operazzjonali fil-mument tal-imsemmija żjara, ma għandu ebda valur probatorju, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill. Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li l-affermazzjoni tal-Kunsill, fil-premessa 29 tar-Regolament ikkontestat, li tgħid li hija kienet tagħmel użu minn produttur Ċiniż bħala fornitur ta’ partijiet tar-roti tikkontradixxi l-konstatazzjoni li hija ma kinitx tipproduċi roti hija stess u l-konstatazzjoni ta’ trażbord.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li r-Regolament Bażiku ma jagħti lill-Kummissjoni ebda setgħa ta’ investigazzjoni li jippermettilha tobbliga lill-impriżi jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew sabiex jipprovdu informazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddependu mill-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet sabiex jipprovdulhom l-informazzjoni neċessarja fit-termini stabbiliti. F’dan il-kuntest, l-informazzjoni mogħtija fil-formola ta’ eżenzjoni kif ukoll iż-żjara ta’ verifika ta’ wara, li l-Kummissjoni tista’ twettaq fuq il-post, huma essenzjali għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ kontra l-evażjoni. Għaldaqstant huma l-impriżi li jikkooperaw li għandhom jagħtu prova ta’ preċiżjoni u ta’ eżattezza fl-informazzjoni u fil-provi jressqu kemm fir-risposti għad-domandi bil-miktub u għad-domandi orali kif ukoll fiż-żjara ta’ verifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JBF RAK vs Il-Kunsill, punt 64 iktar ’il fuq, EU:T:2012:262, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti effettivament ipprovdiet ċertu numru ta’ elementi rilevanti fil-formola ta’ eżenzjoni u fil-formola ta’ eżenzjoni riveduta. B’mod partikolari, hija pprovdiet informazzjoni aggregata, fil-kuntest tat-tabelli annessi mal-imsemmija formuli, dwar il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha, il-produzzjoni effettiva tagħha, il-bejgħ ta’ esportazzjoni tagħha, id-dħul mill-bejgħ tagħha, ċertu informazzjoni finanzjarja u ta’ kontabbiltà bħalma huma l-ispejjeż ġenerali tal-fabbrika, l-istokkijiet, ix-xiri ta’ partijiet separati kif ukoll l-oriġini ta’ dawn l-oġġetti mixtrija, il-proċess ta’ mmanifatturar u l-ispejjeż ta’ produzzjoni. Hija pproduċiet ukoll xi rendikonti finanzjarji.

82      Madankollu, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fl-ewwel formola ta’ eżenzjoni, ippreżentata fil-5 ta’ Novembru 2012, irriżultat li ma kinitx biżżejjed għaliex kienet sostanzjalment inkompleta.

83      Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta fil-formola ta’ eżenzjoni ppreżentata fil-5 ta’ Novembru 2012 ma kinitx tippermetti li jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, la l-prezz rispettiv tal-partijiet ta’ roti u lanqas l-oriġini tagħhom, u dan kien jagħmilha impossibbli, f’dan l-istadju, li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti kinitx produttur ta’ roti Indoneżjan u għaldaqstant impossibbli li tingħatalha eżenzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku.

84      Bl-ittra tagħha tad-29 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti, permezz ta’ tlettax-il mistoqsija speċifika, sabiex tipprovdilha l-informazzjoni nieqsa, sa mhux iktar tard mit-3 ta’ Diċembru 2012, jiġifieri qabel iż-żjara ta’ verifika. Permezz tal-ittra tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti pprovdiet biss elementi rilevanti għal tnejn mit-tlettax-il mistoqsija tal-Kummissjoni, u r-rikorrenti ma tikkontestax dan.

85      Fit-tieni lok, matul iż-żjara ta’ verifika tas-6 u tas-7 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti pprovdiet verżjoni riveduta tal-formola ta’ eżenzjoni, fejn ċerti punti biss kienu ġew aġġornati, jiġifieri, b’mod partikolari, informazzjoni li tikkonċerna xi partijiet ta’ roti mixtrija minn pajjiżi li ma humiex iċ-Ċina. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta fil-formola ta’ eżenzjoni riveduta baqgħu inkompleti, u dan barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. B’mod partikolari, fir-rigward tad-data li tikkonċerna l-esportazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti b’mod partikolari baqgħet ma pprovdietx il-valuri SAT (spiża, assigurazzjoni, trasport) ta’ ċerti tranżazzjonijiet lejn l-Unjoni. Ir-rikorrenti lanqas ma ddikjarat l-ispejjeż tal-imballaġġ, ta’ garanziji jew l-ispejjeż bankarji.

86      L-informazzjoni pprovduta fil-formola ta’ eżenzjoni riveduta wkoll irriżultat li hija kontradittorja u li ma tistax tiġi vverifikata.

87      Fil-fatt, l-ewwel nett, iċ-ċifri pprovduti fiż-żewġ tabelli, annessi mal-formoli ta’ eżenzjoni ppreżentati, li jikkonċernaw l-oriġini tal-partijiet ta’ roti mixtrija mir-rikorrenti, kienu inkoerenti, u dan ma huwiex ikkontestat minn din tal-aħħar. Issa, dawn iċ-ċifri huma essenzjali fil-kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna l-possibbiltà ta’ evażjoni ta’ dazji antidumping.

88      It-tieni nett, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li l-impjegati tar-rikorrenti, matul iż-żjara ta’ verifika, minn naħa baqgħu ma pproduċewx id-dokumenti tax-xogħol li ppermettew li jimtlew il-formoli ta’ eżenzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 112 iktar ’l isfel), u, min-naħa l-oħra, baqgħu ma spjegawx kif iċ-ċifri pprovduti fil-formoli ta’ eżenzjoni kienu ġew stabbiliti, u din hija xi ħaġa li r-rikorrenti ma tikkontestax. Jidher li ċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti ġew stabbiliti b’mod manwali, bl-għajnuna ta’ sempliċi kalkolatriċi.

89      It-tielet nett, mill-elementi tal-proċess jirriżulta wkoll li ma kienx possibbli għar-rikorrenti li tipproduċi dokumenti oħra minbarra d-dikjarazzjonijiet fiskali, ċerti formularji doganali u diversi kopji ta’ fatturi. Ir-rikorrenti ma kellhiex rapporti annwali awditjati, u lanqas sistemi ta’ kompatibbiltà li jippermettu li jiġu vverifikati b’ċerta faċilità ċ-ċifri mniżżla fil-formoli ta’ eżenzjoni, kif ukoll in-natura eżawrjenti tal-listi ta’ tranżazzjonijiet. Pereżempju ma kienx possibbli li l-volumi ta’ produzzjoni jitqabblu mal-bejgħ u mal-istokkijiet. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, permezz tal-ittra tagħha tas-27 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni kienet informat lir-rikorrenti minn qabel li din tal-aħħar kellha tipprovdi, matul iż-żjara ta’ verifika, id-dokumenti kollha, b’mod partikolari d-dokumenti tax-xogħol, li jippermettulha tivverifika ċ-ċifri mniżżla fil-formola ta’ eżenzjoni.

90      Fit-tielet lok, wara ż-żjara ta’ verifika, permezz tal-ittra tagħha tat-28 ta’ Jannar 2013 li tinforma lir-rikorrenti bir-rieda tagħha li tapplika l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku, il-Kummissjoni mill-ġdid tat il-possibbiltà lir-rikorrenti li tipprovdi d-dokumenti neċessarji. Ir-risposta tar-rikorrenti tal-4 ta’ Frar 2013, ta’ tul ta’ paġna unika, f’dan ir-rigward ma pprovdiet ebda element sostanzjali ġdid, peress li kulma r-rikorrenti għamlet essenzjalment kien li sostniet mill-ġdid li hija kienet ikkooperat b’mod korrett. Fir-risposta għad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali tad-9 ta’ April 2013, ir-rikorrenti baqgħet ma pprovdietx elementi konkreti li jistgħu jiġġustifikaw iċ-ċifri mniżżla fil-formola ta’ eżenzjoni, billi ma pprovdietx iktar minn dak li hija pprovdiet fl-ittra tardiva tagħha tat-28 ta’ Mejju 2013.

91      Fir-raba’ lok, fir-rigward tar-rapport ta’ awditu tal-Uffiċċju V., tat-28 ta’ Novembru 2011, li kien sar rapport ta’ segwitu tiegħu fis-16 ta’ Lulju 2012, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi rapport ma jurix, fi kwalunkwe każ, li r-rikorrenti kienet hija stess tipproduċi roti li joriġinaw mill-Indoneżja jew li kienet tista’ tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku, hekk kif il-Kunsill ġustament enfasizza.

92      Fil-fatt, dan ir-rapport ma jikkonċernax il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti wettqitx prattiki, operazzjonijiet jew ħidma li għalihom ma kienx hemm motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika minbarra l-impożizzjoni tad-dazju antidumping inizjali. L-iktar l-iktar, dan ir-rapport juri, li, fil-mument tal-pubblikazzjoni tiegħu, ir-rikorrenti kienet involuta fil-produzzjoni ta’ roti, u dan ma huwiex ikkontestat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dan ir-rapport ta’ awditu jirrigwarda essenzjalment il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-organizzazzjoni. Konsegwentement, dan ma għandu ebda data rilevanti fuq l-evoluzzjoni, b’mod partikolari, tal-volumi ta’ produzzjoni u fuq l-oriġini tal-partijiet separati.

93      Barra minn hekk, ir-ritratti u l-vidjow ipprovduti mir-rikorrenti lill-Qorti Ġenerali ma jurux b’mod iktar ċar li din kienet produttur Indoneżjan ta’ roti u, għaldaqstant, li hija ma kinitx involuta fl-evażjoni fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament Bażiku, billi dawn id-dokumenti ma jippermettux li jiġi ddefinit preċiżament, b’mod partikolari, l-oriġini tal-materji primi użati.

94      Għaldaqstant, il-formoli ta’ eżenzjoni, ir-rapport ta’ awditu tal-Uffiċċju V. u r-ritratti ppreżentati f’diversi mumenti tal-proċedura ġudizzjarja li fuqhom tibbaża ruħha r-rikorrenti ma jippermettux li jintwera li hija kienet tabilħaqq esportatur ta’ oriġini Indoneżjana jew li hija kienet tissodisfa l-kriterji previsti bl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku.

95      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, abbażi tal-elementi tal-proċess, il-Kunsill ma kellux biżżejjed indizji sabiex jikkonkludi b’mod espliċitu, fil-premessa 62 tar-Regolament ikkontestat, li r-rikorrenti ma kellhiex il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni biżżejjed, fid-dawl tal-volumi esportati lejn l-Unjoni, u lanqas, għaldaqstant, li hija kienet involuta f’operazzjonijiet ta’ trażbord, jiġifieri l-ispedizzjoni, tal-prodott suġġett għall-miżuri, tramite pajjiż terz.

96      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jiġi enfasizzat li r-raġunament tal-Kunsill jibbaża ħafna fuq konstatazzjonijiet magħmula mill-aġenti tal-Kummissjoni matul iż-żjara ta’ verifika.

97      Skont l-aġenti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari deher li r-rikorrenti ma kellhiex il-makkinarju neċessarju sabiex tipproduċi biżżejjed partijiet meta mqabbel mal-volumi ddikjarati. Huma osservaw li s-sit ta’ produzzjoni tar-rikorrenti ssakkar biċ-ċavetta mal-wasla tagħhom u li wħud mill-makkinarji ta’ produzzjoni kienu ġodda jew probabbilment ma kinux intużaw reċentement. Barra minn hekk, la kien hemm il-magna li taqta’ u lanqas dik li tissaldja. L-aġenti tal-Kummissjoni talbu, mingħajr suċċess, sabiex jaraw il-materji primi li jikkonċernaw l-“alloy wheels”, kif ukoll xi oqfsa. Għall-kuntrarju, huma sabu kaxxi li fihom roti kompluti bil-kitba “magħmula fl-Indoneżja”, u l-fornitur Ċiniż tar-rikorrenti ma kienx imsemmi, kif ukoll kaxxi oħra li jinkludu oqfsa mingħajr indikazzjoni ta’ minn fejn joriġinaw. It-tim irrimarka li l-oqfsa kollha li raw l-aġenti kienu kkunsinnati minn fornituri u kienu diġà miżbugħa. Fl-aħħar nett, l-impjegati tar-rikorrenti ma setgħux jagħtu spjegazzjonijiet dwar il-proċess ta’ produzzjoni.

98      Issa, ebda wieħed minn dawn il-konstatazzjonijiet, b’mod individwali jew flimkien, ma jissuġġerixxu b’mod konvinċenti l-eżistenza ta’ trażbord.

99      Fil-fatt, sa fejn l-attività tal-impriża naqset ħafna wara l-bidu tal-investigazzjoni ta’ kontra l-evażjoni, ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet mill-fatt li l-fabbrika kienet fi stat tajjeb u li l-istokkijiet ta’ materji primi kienu żgħar fil-mument taż-żjara ta’ verifika. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti barra minn hekk enfasizzat li hija kienet biegħet xi elementi mill-katina ta’ produzzjoni tagħha fid-dawl tat-tnaqqis fl-attivitajiet tagħha. Hija semmiet ukoll, b’fatturi insostenn, li ċerti makkinarji ta’ produzzjoni kienu nxtraw reċentement, wara li qabad nar fil-fabbrika tagħha fit-23 ta’ April 2009. Konsegwentement, hija investiet mill-ġdid f’żewġ okkażjonijiet, f’Mejju 2009 u f’Lulju 2011, b’mod partikolari f’xi katini ta’ mmuntar.

100    Ċertament, xi konstatazzjonijiet, bħall-fatt li l-fornitur Ċiniż tar-rikorrenti ma kien imsemmi mkien jew li ċerti kaxxi kien fihom oqfsa mingħajr kitba ta’ minn fejn joriġinaw, kienu jikkontribwixxu sabiex jinbet dubju dwar l-attivitajiet reali tar-rikorrenti, dubji barra minn hekk ikkorroborati mill-fatt li din tal-aħħar baqgħet ma ġġustifikatx iċ-ċifri pprovduti fil-formoli ta’ eżenzjoni. Għaldaqstant, dawn l-elementi bl-ebda mod ma juru l-eżistenza ta’ trażbord imwettaq mir-rikorrenti.

101    Fir-rigward tal-fatt li l-impjegati tar-rikorrenti li magħhom iltaqgħu l-aġenti matul iż-żjara ta’ verifika ma kinux kapaċi jikkjarifikaw il-proċess ta’ produzzjoni, li barra minn hekk huwa kkontestat mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li mir-risposti bil-miktub tal-Kunsill għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li t-tim tal-Kummissjoni ltaqa’ biss ma’ impjegati tad-dipartiment tal-bejgħ u mhux ma’ speċjalisti tal-produzzjoni.

102    Fit-tieni lok, il-Kunsill ibbaża ruħu, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet fattwali msemmija fil-punt 97 iktar ’il fuq, kważi esklużivament fuq ir-rapport ta’ missjoni tal-aġenti tal-Kummissjoni, b’esklużjoni ta’ kull element materjali ieħor. Issa, il-parti l-kbira tal-konstatazzjonijiet ibbażati fuq ir-rapport ta’ missjoni huma kkontestati mir-rikorrenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li l-linji ta’ mmuntar ma kinux jaħdmu jew li xi stokkijiet ta’ materji primi ma kinux jeżistu. Ċertament, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu u matul is-seduta, il-Kunsill tabilħaqq għamel riferiment għal ċerti ritratti ppreżentati mir-rikorrenti jew meħuda mill-aġenti tal-Kummissjoni matul iż-żjara ta’ verifika. Madankollu, dawn ir-ritratti ma jagħtu ebda indikazzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti wettqitx operazzjonijiet ta’ trażbord.

103    Fit-tielet lok, il-Kunsill ibbaża r-raġunament tiegħu wkoll fuq il-fatt li r-rikorrenti baqgħet ma pprovdietx il-provi li juru li hija kienet tabilħaqq produttur Indoneżjan jew li hija kienet tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Issa, minkejja li din il-konstatazzjoni ntlaqgħet fil-punt 94 iktar ’il fuq, minn dan ma jistax jirriżulta, fih innifsu, li r-rikorrenti kienet involuta f’operazzjonijiet ta’ trażbord.

104    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq fil-punti 95 sa 103, il-Kunsill ma kellux biżżejjed indizji sabiex jikkonkludi li r-rikorrenti ma kellhiex kapaċitajiet ta’ produzzjoni suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-volumi esportati lejn l-Unjoni u li għaldaqstant hija kienet twettaq operazzjonijiet ta’ trażbord.

105    Ċertament ma jistax jiġi eskluż li, fost il-prattiki, l-operazzjonijiet jew il-ħidmiet kollha li għalihom ma teżistix motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika ħlief l-impożizzjoni tad-dazju antidumping inizjali, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku, ir-rikorrenti kienet twettaq operazzjonijiet ta’ trażbord. Madankollu, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, il-fatt li r-rikorrenti ma setgħetx turi li hija kienet tabilħaqq produttur Indoneżjan jew li hija kienet tissodisfa l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku ma kienx jippermetti lill-Kunsill li jikkonkludi, awtomatikament, li kienu jeżistu operazzjonijiet ta’ trażbord imwettqa mir-rikorrenti, peress li tali possibbiltà ma tirriżulta bl-ebda mod mir-Regolament Bażiku jew mill-ġurisprudenza.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu ttrattati l-ilmenti l-oħra tar-rikorrenti.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

107    Insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tqajjem erba’ partijiet intiżi, b’mod partikolari, li juru li l-Kunsill wettaq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni, fil-premessi 29 sa 33 tar-Regolament ikkontestat, billi kkunsidra li hija ma kinitx ikkooperat, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku. Permezz tal-ewwel parti, hija ssostni li hija kkooperat mill-aħjar li setgħet, u l-Kunsill allegatament ma ħax inkunsiderazzjoni dan il-fatt, bi ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku. Permezz tat-tieni parti, ibbażata wkoll fuq ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, hija tikkontesta l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni. Permezz tat-tielet parti, hija ssostni li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni b’mod partikolari billi naqas milli jispjega liema data disponibbli, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku, huwa ħa inkunsiderazzjoni. Permezz tar-raba’ parti, hija tqis li l-Kunsill naqas, bi ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Bażiku, milli jieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li hija pprovdiet matul l-investigazzjoni kollha. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni kollha li hija pprovdiet tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

108    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

109    Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li qabelxejn tiġi ttrattata t-tieni parti u, sussegwentement, l-ewwel, it-tielet u r-raba’ partijiet.

–       Fuq il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni

110    Insostenn tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tqajjem ċertu numru ta’ argumenti intiżi li juru li l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni hija żbaljata. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-assenza ta’ preżentazzjoni tad-dokumenti tax-xogħol, fiha nnifisha, ma kinitx biżżejjed sabiex twassal għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni.

111    F’dan ir-rigward għandu qabelxejn jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku tawtorizza lill-istituzzjonijiet jagħmlu użu mid-data disponibbli meta parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni neċessarja jew ma tipprovdihomx fit-termini previsti b’dan ir-regolament jew meta din tostakola l-investigazzjoni b’mod sinjifikattiv. L-użu tad-data disponibbli huwa wkoll awtorizzat jekk parti kkonċernata tipprovdi informazzjoni falza jew qarrieqa. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li dawn l-erba’ kundizzjonijiet huma alternattivi, tant li, meta waħda biss fosthom tkun issodisfatta, l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jagħmlu użu mid-data disponibbli sabiex fuqha jibbażaw il-konklużjonijiet preliminari jew finali tagħhom (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il-Kunsill, T‑633/11, EU:T:2014:271, punt 44).

112    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni ma jibbażax ruħu biss, fir-Regolament ikkontestat, fuq l-assenza ta’ preżentazzjoni tad-dokumenti tax-xogħol, li jippermettu li t-tweġiba għall-formola ta’ eżenzjoni tiġi kkonċiljata mad-dokumenti finanzjarji u dawk ta’ kontabbiltà tal-esportatur. Huwa jibbaża ruħu wkoll fuq id-dewmien fil-preżentazzjoni tal-informazzjoni mitluba, fuq in-natura kontradittorja u ftit li xejn affidabbli ta’ dawn tal-aħħar, kif ukoll fuq id-diffikultajiet li wieħed iltaqa’ magħhom matul iż-żjara ta’ verifika. Fil-fatt, diġà ġie stabbilit, fil-kuntest tal-ewwel motiv, li d-data pprovduta mir-rikorrenti rriżultat li hija inkompleta, kontradittorja u ma tistax tiġi vverifikata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tatx aċċess għall-informazzjoni neċessarja, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 iktar ’il fuq.

113    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-inkoerenzi li dehru fiċ-ċifri ta’ produzzjoni kienu dovuti għal xi dewmien bejn il-perijodi ta’ reġistrazzjoni u r-ritmu reali tal-produzzjoni. Hija tqis li l-ittra tagħha tal-4 ta’ Frar 2013 tista’ tkun ta’ bażi għal din l-affermazzjoni. Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ittra tal-4 ta’ Frar 2013 ma fiha ebda prova dwar dan is-suġġett.

114    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tenfasizza li tal-inqas parti mill-informazzjoni pprovduta kienet korretta,sa fejn il-Kunsill stess irrikonoxxa li ċ-ċifri kkomunikati fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni kienu eżatti. Issa, effettivament, mill-premessa 31 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kunsill laqa’ l-konstatazzjoni li dawn iċ-ċifri kienu korretti. Madankollu, l-ewwel nett, dawn iċ-ċifri, skont il-Kunsill, jikkonċernaw il-bejgħ għall-esportazzjoni kollu u mhux biss l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, li għalihom ma kienx possibbli li ssir rikonċiljazzjoni, u dan ir-rikorrenti ma tikkontestahx. It-tieni nett, il-fatt li ċ-ċifri li jikkonċernaw l-esportazzjonijiet huma korretti u jistgħu jiġu vverifikati ma jimplikax li ċ-ċifri li jikkonċernaw l-oriġini tal-prodotti esportati għandhom huma stess jiġu approvati.

115    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-fatt li direttur tal-bejgħ tar-rikorrenti kien simultanjament impjegat minn produttur Ċiniż li kien il-fornitur prinċipali tagħha ta’ partijiet tar-roti, huwa minnu li dan il-fatt, fih innifsu, ma huwiex ta’ natura li fuqha tista’ tiġi bbażata konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku. Madankollu, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti dwar l-istatus tal-imsemmi impjegat irriżultaw li kienu partikolarment konfużi, u dan huwa rilevanti fir-rigward tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti. Għandu wkoll jiġi enfasizzat li fil-formola ta’ eżenzjoni tagħha r-rikorrenti kienet iddikjarat li ma kellha ebda rabta ma’ impriżi Ċiniżi. Fir-rigward tar-rilevanza li seta’ kellu l-fatt li direttur tal-bejgħ tar-rikorrenti kien impjegat ukoll minn kumpannija tar-roti Ċiniża, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ evażjoni tramite l-Indoneżja, fi kwalunwe każ kien leġittimu li l-Kummissjoni tistaqsi lir-rikorrenti dwar dan u li dan il-fatt jissemma fir-Regolament ikkontestat.

116    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni jirrigwarda biss l-operazzjonijiet ta’ mmuntar, u mhux l-operazzjonijiet ta’ trażbord. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-kooperazzjoni allegatament insuffiċjenti tikkonċerna biss il-valur tal-partijiet ta’ oriġini Ċiniża. Issa, skont din, din l-informazzjoni kienet biss neċessarja sabiex jiġi ddeterminat jekk din kinitx twettaq operazzjonijiet ta’ mmuntar, jiġifieri jekk din kinitx tikkonforma mar-regoli dwar il-proporzjon ta’ partijiet separati importati miċ-Ċina fil-valur totali tal-prodott immanifatturat, b’mod konformi mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku. Billi l-evażjoni tramite l-Indoneżja hija, fir-Regolament ikkontestat, ibbażata biss fuq operazzjonijiet ta’ trażbord, il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni hija, skont ir-rikorrenti, relatata ma’ xi konstatazzjonijiet li ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-ilment ta’ evażjoni mqajjem mill-Kunsill.

117    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mill-formola ta’ eżenzjoni ppreżentata mir-rikorrenti jirriżulta li din tal-aħħar fittxet li turi li hija kienet tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku. Għaldaqstant kien leġittimu għall-Kummissjoni, fl-Anness B tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, li timmotiva d-deċiżjoni tagħha li ma tagħtix eżenzjoni lir-rikorrenti billi ppreċiżat li ma kienx possibbli għaliha li tagħmel il-kalkoli relattivi għall-imsemmija kriterji, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-investigazzjoni rrigwardat l-eżistenza ta’ evażjoni tramite l-Indoneżja, u mhux fuq l-eżistenza ta’ forma partikolari ta’ evażjoni. Il-Kummissjoni, fil-premessa 9 tar-Regolament Nru 875/2015 li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ evażjoni, barra minn hekk semmiet, fir-rigward tal-Indoneżja, operazzjonijiet possibbli ta’ trażbord u ta’ mmuntar.

118    It-tieni nett għandu jitfakkar li r-rikorrenti baqgħet ma wrietx li hija tassew kienet produttur ta’ roti ta’ oriġini Indoneżjana jew li hija kienet tissodisfa l-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku, jiġifieri li ma kienx possibbli għaliha li turi l-oriġini tar-roti u li hija kienet tesporta f’numru sinjifikattiv lejn l-Unjoni. L-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti kienet, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti, peress li s-suġġett tal-investigazzjoni tabilħaqq kien li jiġi ddefinit jekk ir-rikorrenti kinitx ipparteċipat f’evażjoni tad-dazju antidumping inizjali tramite l-Indoneżja, indipendentement mill-klassifikazzjoni ulterjuri mogħtija mill-Kunsill għal dawn il-prattiki.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

120    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq l-effetti tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti

121    Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill, bi ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet ikkooperat bl-aħjar mod li setgħet. Hija enfasizzat f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, li hija ppreżentat talba għal eżenzjoni, kif ukoll kwestjonarju rivedut, u li hija aċċettat li tilqa’ lit-tim tal-Kummissjoni matul iż-żjara ta’ verifika. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni seħħet f’ċirkustanzi diffiċli, peress li r-rikorrenti kellha riżorsi amministrattivi limitati u ma kinitx taf bil-proċedimenti amministrattivi tal-Kummissjoni.

122    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-użu minn data disponibbli huwa ġġustifikat, b’mod partikolari, meta impriża tirrifjuta li tikkoopera jew meta hija tagħti informazzjoni falza jew qarrieqa, peress li t-tieni sentenza tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku ma teħtieġx aġir intenzjonali. Fil-fatt, il-livell tal-isforzi magħmula minn persuna interessata sabiex tippreżenta ċerta informazzjoni mhux bilfors huwa marbut mal-kwalità intrinsika tal-informazzjoni mogħtija, u fi kwalunkwe każ, ma huwiex l-uniku element determinanti. Għalhekk, jekk l-informazzjoni mitluba finalment ma tinkisibx, il-Kummissjoni jkollha d-dritt tagħmel użu mid-data disponibbli fir-rigward tal-informazzjoni mitluba (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Sun Sang Kong Yuen Shoes Factory vs Il‑Kunsill, T‑409/06, Ġabra EU:T:2010:69, punti 103 u 104).

123    Barra minn hekk, għandu wkoll jitfakkar li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jiddeċiedu jekk, għall-finijiet tal-verifika tal-informazzjoni pprovduta minn parti interessata, huma jikkunsidrawx li huwa meħtieġ li din l-informazzjoni tiġi kkorroborata permezz ta’ żjara ta’ verifika fil-bini fejn topera din il-parti u li, f’sitwazzjoni fejn parti interessata tostakola l-verifika tad-data li tkun ipprovdiet, jiġi applikat l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku u d-data disponibbli tkun tista’ tintuża. Minkejja li rifjut li tiġi aċċettata żjara ta’ verifika jmur kontra l-għan ta’ kooperazzjoni leali u diliġenti li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku jfittex li jiżgura l-osservanza tiegħu, il-fatt li wieħed jissuġġetta ruħu għaliha ma jistax iwassal, fih innifsu, għal konstatazzjoni ta’ kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill, T‑192/08, Ġabra, EU:T:2011:619, punti 273 u 275).

124    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li ppreżentat formola ta’ eżenzjoni, imbagħad verżjoni riveduta, kif ukoll il-fatt li laqgħet lill-aġenti tal-Kummissjoni matul iż-żjara ta’ verifika ma huwiex biżżejjed sabiex iwassal għal konstatazzjoni ta’ kooperazzjoni jew għall-obbligu fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni informazzjoni dgħajfa. Barra minn hekk, id-data mitluba mill-Kummissjoni, f’dan il-każ, ma tistax titqies li twassal għal piż amministrattiv partikolarment kbir. Barra minn hekk, skont il-Kunsill, id-dipartiment tal-bejgħ u tal-amministrazzjoni tar-rikorrenti kien jinkludi sittax-il persuna, u dan ma huwiex ikkontestat minn din tal-aħħar.

125    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Bażiku jipprovdi li, fejn l-informazzjoni mogħtija minn parti kkonċernata ma tkunx l-aħjar fl-aspetti kollha, din ma għandhiex minħabba f’hekk tiġi injorata, sakemm kwalunkwe insuffiċjenza possibbli ma tkunx tali li tikkawża diffikultà eċċessiva fit-tfassil ta’ konklużjonijiet raġonevolment korretti, sakemm l-informazzjoni tkun mogħtija f’ħin tajjeb u tista’ tiġi vverifikata, u sakemm il-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod possibbli għaliha. Mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li l-erba’ kundizzjonijiet japplikaw b’mod kumulattiv. Konsegwentement, il-fatt li waħda minnhom ma tkun issodisfatta jxekkel l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u għaldaqstant it-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni (sentenza Guangdong Kito Ceramics et vs Il-Kunsill, punt 111 iktar ’il fuq, EU:T:2014:271, punt 100).

126    F’dan il-każ, sa fejn ir-rikorrenti ma pprovdietx l-informazzjoni neċessarja, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku, b’mod li turi li hija kienet tabilħaqq manifattur ta’ oriġini Indoneżjana jew li hija kienet tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku, hekk kif ġie stabbilit fil-punti 80 sa 94 iktar ’il fuq, l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Bażiku ma setax japplika. Barra minn hekk, minkejja li, minn naħa, hija pprovdiet l-informazzjoni neċessarja, u, min-naħa l-oħra, hija effettivament ikkooperat bl-aħjar mod possibbli għaliha, diġà ġie stabbilit li l-informazzjoni pprovduta ma setgħetx tiġi vverifikata.

127    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq il-motivazzjoni

128    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill kellu jagħmel distinzjoni bejn il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ilment ta’ mmuntar u l-kooperazzjoni fir-rigward tal-ilment ta’ trażbord. Billi l-Kunsill naqas milli jispeċifika jekk l-informazzjoni ppreżentata kinitx tirrigwarda l-ilment ta’ trażbord jew l-ilment ta’ mmuntar, ir-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

129    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill, wara li ċaħad l-informazzjoni kollha pprovduta, ma kkjarifikax in-natura tal-informazzjoni disponibbli, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku, li fuqhom huwa bbaża ruħu sabiex jikkonkludi li teżisti evażjoni. Hija tqis ukoll li l-Kunsill kellu jippreċiża fiex id-data disponibbli użata kienet l-aħjar possibbli.

130    Għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-awtur tal-att, b’mod li l-persuni interessati jkunu jistgħu jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u jiddefendu d-drittijiet tagħhom b’mod li l-qorti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il‑Kummissjoni, T‑134/03 u T‑135/03, Ġabra, EU:T:2005:339, punt 156). Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, imma wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑56/93, Ġabra, EU:C:1996:64, punt 86, u tas-27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il-Kummissjoni, T‑290/94, Ġabra, EU:T:1997:186, punt 150).

131    F’dan il-każ, il-Kunsill osserva dawn il-prinċipji għar-raġunijiet esposti iktar ’l isfel.

132    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill kellu jagħmel distinzjoni bejn il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ilment ta’ mmuntar u l-kooperazzjoni fir-rigward tal-ilment ta’ trażbord, għandu jitfakkar li fil-punt 117 iktar ’il fuq ġie stabbilit li l-investigazzjoni rrigwardat l-eżistenza ta’ evażjoni tramite l-Indoneżja, u ma rrigwardatx l-eżistenza ta’ forma partikolari ta’ evażjoni. Barra minn hekk, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-kooperazzjoni kienu simili fir-rigward tat-trażbord u tal-immuntar. Għaldaqstant ma kienx hemm lok, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tal-ilment ta’ mmuntar tiġi ddisassoċjata minn dik tal-kooperazzjoni tagħha fir-rigward tal-ilment ta’ trażbord.

133    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni ppreżentata fil-premessi 29 sa 33 tar-Regolament ikkontestat hija kkorroborata b’mod korrett, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq.

134    Fil-fatt, mill-premessa 29 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kunsill qies li d-data kkomunikata mir-rikorrenti ma kinitx dgħajfa. Qabelxejn, ir-rikorrenti ma żammitx id-dokumenti tax-xogħol użati sabiex timla l-formola ta’ eżenzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx possibbli għaliha li turi li dawn iċ-ċifri kienu korretti. Sussegwentement, fil-kalkoli mwettqa matul iż-żjara ta’ verifika nstabu xi ineżattezzi fiċ-ċifri mogħtija, u dan abbażi ta’ dokumenti disponibbli fil-bini tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni rrilevat li d-direttur tal-bejgħ tal-kumpannija kien ukoll impjegat ta’ produttur Ċiniż ta’ roti li huwa l-fornitur prinċipali ta’ partijiet separati tar-rikorrenti.

135    Mill-premessi 30 u 31 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, wara li informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni tatha l-possibbiltà li tippreżenta xi osservazzjonijiet. F’dawn l-osservazzjonijiet, ir-rikorrenti ddikjarat li hija kkooperat u li hija pprovdiet id-dokumenti kollha mitluba, minbarra d-dokumenti tax-xogħol, li qatt ma ntalbu. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jenfasizza li d-dokumenti tax-xogħol kienu tabilħaqq intalbu qabel il-verifika fuq il-post. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kalkoli ta’ verifika mwettqa fuq il-post kienu żbaljati minħabba spjegazzjonijiet inkorretti ta’ ħaddiem wieħed, il-Kunsill jenfasizza li tabilħaqq intalbu spjegazzjonijiet mingħand diversi ħaddiema, li ma kinux kapaċi jindikaw is-sors taċ-ċifri ppreżentati fil-formola, u lanqas kif dawn ġew ikkalkolati.

136    Il-Kunsill għaldaqstant ikkonkluda, fil-premessi 32 u 33 tar-Regolament ikkontestat, li l-informazzjoni mgħoddija mir-rikorrenti ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni u li l-konklużjonijiet li jikkonċernawha kienu bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku.

137    Fit-tieni lok għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, il-Kunsill ma elenkax b’mod espliċitu n-natura eżatta tad-data disponibbli fir-Regolament ikkontestat.

138    Madankollu, b’mod partikolari mill-premessi 28 sa 33, 45, 46, 50, 51, 55, 56, 92 u 98 sa 102 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li d-data disponibbli tinkludi d-data kollha li ntużat mill-Kunsill sabiex jikkonkludi li teżisti evażjoni mir-rikorrenti, jiġifieri, b’mod partikolari, l-informazzjoni li tippermetti li wieħed jikkonkludi li hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ, l-assenza ta’ spjegazzjoni alternattiva kredibbli u d-data tal-bażi Comext tal-Eurostat użata sabiex fuqha tiġi bbażata, minn naħa, konstatazzjoni ta’ newtralizzazzjoni tal-effetti korrettivi tad-dazju antidumping inizjali, u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ provi li jindikaw l-eżistenza ta’ dumping b’rabta mal-valuri normali stabbiliti minn qabel. Barra minn hekk, id-data disponibbli tinkludi l-elementi rilevanti kollha tal-proċess, inkluż l-ilment (premessi 10 sa 17 tar-Regolament ikkontestat).

139    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li l-Kunsill kellu jimmotiva fiex id-data disponibbli użata kienet l-aħjar waħda possibbli, għandu jiġi enfasizzat li tali obbligu la jirriżulta mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku u lanqas mill-ġurisprudenza. L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku jipprovdi li l-Kunsill jista’ jibbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq id-data disponibbli, meta d-data ppreżentata tkun dgħajfa (ara l-punt 111 iktar ’il fuq). Billi d-data mgħoddija hija, f’dan il-każ, dgħajfa, għaldaqstant ma kienx hemm lok li l-Kunsill jagħti motivazzjoni ta’ fiex id-data disponibbli użata kienet aħjar mid-data ppreżentata. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma sostnietx li data oħra disponibbli hija aħjar mid-data disponibbli użata mill-Kunsill. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta mir-rikorrenti

141    Permezz tar-raba’ parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Bażiku u l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi injora d-data kollha pprovduta mingħajr ma evalwa jekk xi informazzjoni setgħetx tintuża fir-rigward tal-ilment ta’ trażbord. Hija tenfasizza li hija pprovdiet l-informazzjoni fil-ħin u li din l-informazzjoni kienet tista’ tiġi vverifikata b’ċerta faċilità f’dak li jikkonċerna l-ilment ta’ trażbord.

142    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Bażiku, diġà tfakkar, fil-punt 125 iktar ’il fuq, li l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 18(3) timplika li għandhom jiġu ssodisfatti l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi relatati, b’mod partikolari, mal-fatt li l-insuffiċjenzi possibbli ma jrendux diffiċli b’mod eċċessiv l-istabbiliment ta’ konklużjonijiet raġonevolment korretti u li l-informazzjoni pprovduta tkun tista’ tiġi vverifikata. Issa, f’dan il-każ, diġà ġie stabbilit, fil-kuntest tal-ewwel motiv, li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti baqgħet inkompleta, kontradittorja u mhux verifikabbli, u dan kien jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Bażiku, ikun x’ikun it-tip ta’ evażjoni meqjusa.

143    Għaldaqstant hemm lok li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Bażiku jiġi miċħud bħala infondat.

144    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-legalità ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-mezzi li hija timplementa jkunu adegwati sabiex jintlaħaq l-għan leġittimament imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel, bħala prinċipju, dik l-inqas restrittiva (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il‑Kummissjoni, T-162/94, Ġabra EU:T:1996:71, punt 69).

145    F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment tqis li kien sproporzjonat li l-informazzjoni kollha ppreżentata tiġi injorata mingħajr ma jiġi evalwat jekk xi informazzjoni setgħetx tintuża fir-rigward tal-ilment ta’ trażbord.

146    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li r-rikorrenti baqgħet ma pprovdietx l-informazzjoni li turi li hija kienet tabilħaqq esportatur Indoneżjan jew li hija kienet tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku. Għaldaqstant, il-Kunsill ma kisirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta injora l-imsemmija informazzjoni.

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

148    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

149    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żbalji ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni meta uża d-data tal-prezz ibbażati fuq id-database Comext tal-Eurostat. Skont ir-rikorrenti, ġie rrikonoxxut, fil-fażijiet kollha tal-eżami tar-regolamenti antidumping dwar roti u partijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina, li d-data tal-bażi Comext tal-Eurostat ma kinitx affidabbli u ma kinitx tippermetti li jsiru paraguni konklużivi.

150    Fit-tieni lok, il-Kunsill kiser l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta eskluda d-data tar-rikorrenti dwar il-prezzijiet fuq l-esportazzjoni, li l-affidabbiltà tagħhom ġiet ikkonfermata fil-premessa 31 tar-Regolament ikkontestat. Skont ir-rikorrenti, il-fatt li ħa inkunsiderazzjoni d-data tal-kumpanniji li kkooperaw tivvizzja ċ-ċifri dwar l-eżistenza ta’ dumping.

151    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

152    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku jirriżulta li l-eżistenza ta’ evażjoni tippresupponi l-eżistenza ta’ provi tal-eżistenza ta’ dumping b’rabta mal-valuri normali stabbiliti matul l-investigazzjoni antidumping inizjali.

153    Barra minn hekk, mir-Regolament Bażiku jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jagħżlu l-metodu l-iktar xieraq sabiex jikkalkolaw id-dumping u li din l-għażla tippresupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992, Minolta Camera vs Il‑Kunsill, C‑178/87, Ġabra EU:C:1992:112, punt 41).

154    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li diġà ġie stabbilit li r-rikorrenti ma kkooperatx, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, peress li d-data pprovduta ma kinitx affidabbli u ma setgħetx tiġi vverifikata.

155    Ċertament, mill-premessa 31 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, fir-rigward tal-valur tal-bejgħ għall-esportazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni taċ-ċifri rriżultat li kienet eżatta. Madankollu, hekk kif isostni l-Kunsill, mingħajr ma r-rikorrenti tikkontestah, il-valur totali tal-esportazzjonijiet kollha seta’ jitqabbel mal-kotba tal-kontabbiltà u jiġi vverifikat. Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta ma kinitx kompleta, peress li r-rikorrenti fl-ebda mument ma pprovdiet l-informazzjoni neċessarja (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 85 u 114 iktar ’il fuq).

156    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn il-Kunsill ma kellux data affidabbli fir-rigward tar-rikorrenti u xi kumpanniji baqgħu mhux magħrufa, huwa ġustament seta’ jibbaża ruħu fuq id-data disponibbli.

157    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-użu tad-data bbażata fuq il-bażi Comext tal-Eurostat għad-data disponibbli, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku. Hija tagħmel riferiment għar-Regolament Nru 1095/2005, għar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 990/2011 u għar-Regolament Nru 502/2013, li fihom l-affidabbiltà ta’ din id-data ġiet ikkontestata.

158    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li t-tliet regolamenti msemmija mir-rikorrenti ma kinux jikkonċernaw proċeduri ta’ kontra l-evażjoni. Huma kienu jikkonċernaw, rispettivament, l-istabbiliment ta’ dazju antidumping definittiv, eżami mill-ġdid tal-iskadenza tal-miżuri u eżami mill-ġdid interim.

159    It-tieni nett għandu jiġi rrilevat li l-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-produtturi li ma kkooperawx ġew ikkalkolati b’modi differenti f’dawn it-tliet regolamenti. Fir-Regolament Nru 1095/2005, hija d-data tal-kumpanniji li kkooperaw li ntużat, peress li d-data tal-bażi Comext tal-Eurostat ma tqisitx li hija suffiċjentement preċiża fil-każ ta’ eżami mill-ġdid komplet tal-konklużjonijiet dwar id-dumping u dwar id-dannu. Għall-kuntrarju, fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 990/2011, id-data tal-bażi Comext tal-Eurostat tabilħaqq intużat, peress li impriża waħda biss ikkooperat. Fir-Regolament Nru 502/2013, id-data tal-bażi Comext tal-Eurostat intużat biss f’ċertu miżura, peress li għal darb’oħra, din id-data ma tqisitx li hija suffiċjentement preċiża għall-każ speċifiku ta’ eżami mill-ġdid interim.

160    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-data tal-bażi Comext tal-Eurostat għaldaqstant ma tqisitx li hija dgħajfa fit-tliet regolamenti msemmija. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dumping ġie kkalkolat b’diversi modi skont l-għan tal-investigazzjoni u ċ-ċirkustanzi tal-każ.

161    It-tielet nett, dawn ir-regolamenti kienu jikkonċernaw liċ-Ċina u lill-Vjetnam, u mhux lill-Indoneżja. Ir-rikorrenti ma tat ebda prova li turi li dawn il-konstatazzjonijiet huma wkoll rilevanti fir-rigward tal-Indoneżja.

162    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-affidabbiltà tad-data tal-bażi Comext tal-Eurostat għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

163    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-rikorrenti tqis li, jekk iċ-ċifri użati mill-Kunsill, jiġifieri, fil-fehma tagħha, essenzjalment iċ-ċifri tal-esportaturi li kkooperaw, kienu effettivament jikkostitwixxu l-provi ta’ dumping, il-Kummissjoni għaldaqstant messha tat bidu għal investigazzjoni antidumping f’dak li jikkonċerna l-produtturi Indoneżjani l-oħra minflok ma għażlet lir-rikorrenti bħala persuna responsabbli unika u improbabbli tad-diffikultajiet tal-industrija tal-Unjoni.

164    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonkludew li jeżistu provi tal-eżistenza ta’ dumping b’rabta mal-valuri normali matul l-investigazzjoni antidumping preċedenti u mhux mal-valur normali tal-bejgħ ta’ dawn l-esportaturi fis-suq nazzjonali tagħhom. Il-konstatazzjonijiet ippreżentati fir-Regolament ikkontestat għaldaqstant ma pprovdew ebda indikazzjoni fir-rigward tan-neċessità li jingħata bidu għal investigazzjoni antidumping indipendenti li tirrigwarda l-produtturi Indoneżjani. Barra minn hekk, għandu wkoll jitfakkar li kien possibbli għall-produtturi li kkooperaw li jagħtu prova li huma ma kinux jipparteċipaw fl-evażjoni, kuntrarjament għar-rikorrenti.

165    It-tieni nett, il-Kunsill ippreċiża, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li l-volumi u l-valur tal-esportazzjonijiet tal-produtturi li kkooperaw tneħħew mid-data aggregata li tikkonċerna lill-esportaturi Indoneżjani kollha disponibbli fid-database Comext tal-Eurostat. Konsegwentement, il-Kunsill ma użax id-data tal-produtturi li kkooperaw sabiex jikkonkludi li kienu jeżistu provi tal-eżistenza ta’ dumping, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti.

166    Fid-dawl ta’ dak kollu li ssemma fil-punti 152 sa 165 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti baqgħet ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill, kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fir-rigward tal-eżistenza ta’ provi tal-eżistenza ta’ dumping.

167    Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.

168    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, b’mod partikolari fil-punt 106 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament ikkontestat għandu jiġi annullat, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

169    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

170    Il-Kummissjoni u Maxcom għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013, tad-29 ta’ Mejju 2013, li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le, sa fejn jikkonċerna lil Chin Haur Indonesia, PT, huwa annullat.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż ta’ Chin Haur Indonesia kif ukoll l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea u Maxcom Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Van der Woude

Wiszniewska-Białecka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Marzu 2015.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċeduri prinċipali antidumping u ta’ kontra s-sussidji inizjali

Il-proċedura li tikkonċerna l-evażjoni

Ir-Regolament ikkontestat

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku

– Fuq il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

– Fuq it-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

– Fuq il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni

– Fuq l-effetti tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti

– Fuq il-motivazzjoni

– Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta mir-rikorrenti

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Data kunfidenzjali mhux inkluża.