Language of document : ECLI:EU:C:2016:294

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-21 ta’ April 2016(1)

Kawżi magħquda C‑105/15 P sa C‑109/15 P

Konstantinos Mallis u Elli Konstantinou Malli (C‑105/15 P),

Tameio Pronoias Prosopikou Trapezis Kyprou (C‑106/15 P),

Petros Chatzithoma u Elenitsa Chatzithoma (C‑107/15 P),

Lella Chatziioannou (C‑108/15 P),

Marinos Nikolaou (C‑109/15 P)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea,

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Appell – Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà tar-Repubblika ta’ Ċipru – Ftehim konkluż bejn il-pajjiżi tal-grupp tal-euro u l-awtoritajiet Ċiprijotti li jirrigwarda, fost oħrajn, ir-ristrutturazzjoni tas-settur bankarju f’Ċipru – Eżekuzzjoni ta’ din il-parti tal-ftehim mill-Bank Ċentrali tar-Repubblika ta’ Ċipru – Rikors għal annullament”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appelli tagħhom, fil-Kawża C‑105/15 P Konstantinos Mallis u Elli Konstantinou Malli, fil-Kawża C‑106/15 P Tameio Pronoias Prosopikou Trapezis Kyprou, fil-Kawża C‑107/15 P Petros Chatzithoma u Elenitsa Chatzithoma, fil-Kawża C‑108/15 P Lella Chatziioannou u fil-Kawża C‑109/15 P Marinos Nikolaou (iktar ’il quddiem, flimkien, “Mallis et”), jitolbu, rispettivament, l‑annullament tad-digrieti Mallis u Malli vs Il‑Kummissjoni u BĊE (T‑327/13, EU:T:2014:909), Tameio Pronoias Prosopikou Trapezis Kyprou vs Il‑Kummissjoni u BĊE (T‑328/13, EU:T:2014:906), Chatzithoma vs Il‑Kummissjoni u BĊE (T‑329/13, EU:T:2014:908), Chatziioannou vs Il‑Kummissjoni u BĊE (T‑330/13, EU:T:2014:904) u Nikolaou vs Il‑Kummissjoni u BĊE (T‑331/13, EU:T:2014:905) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“digrieti appellati”), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi tagħhom kontra l-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), intiżi għall-annullament tad‑dikjarazzjoni tal-grupp tal-euro tal-25 ta’ Marzu 2013 li tirrigwarda, b’mod partikolari, ir-ristrutturazzjoni tas-settur bankarju tar-Repubblika ta’ Ċipru (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni kkontestata”), imposta bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-istabbiltà mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (iktar ’il quddiem “MES”).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt primarju tal-Unjoni

2.        Skont l-Artikolu 137 TFUE, “[l]-arranġamenti għal laqgħat bejn ministri ta’ dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jiġu stabbiliti fil-Protokoll dwar il-Grupp ta’ l-euro”.

3.        Il-Protokoll Nru 14 dwar il-grupp tal-euro (iktar ’il quddiem il‑“Protokoll Nru 14”) jipprevedi:

Artikolu 1

Il-Ministri ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jiltaqgħu informalment.

Dawn il-laqgħat għandhom iseħħu, skond il‑ħtieġa, sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet marbuta mar‑responsabbiltajiet speċifiċi li huma jaqsmu fejn tidħol il-munita unika. Il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-laqgħat. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun mistieden jieħu sehem f’dawn il‑laqgħat, li għandhom ikunu preparati mir-rappreżentanti tal-Ministri responsabbli għall-finanzi ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l‑euro u tal-Kummissjoni.

Artikolu 2

Il-Ministri ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jeleġġu president għal sentejn u nofs, bil-maġġoranza ta’ dawk l-Istati Membri.”

B –    It-Trattat MES

4.        Fit-2 ta’ Frar 2012, fi Brussell (il-Belġju) ġie konkluż it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà bejn ir-Renju tal‑Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal‑Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il‑Gran Dukat tal-Lussemburgu, Malta, ir-Renju tal‑Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika tas-Slovakkja, ir-Repubblika tal-Finlandja (iktar 'il quddiem it-“Trattat MES”). Skont l-Artikoli 1, 2 u 32(2) tiegħu, il-partijiet kontraenti għal dan it-Trattat, jiġifieri l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, għandhom jistabbilixxu bejniethom istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, il-MES, li għandu jkollha personalità ġuridika. Wara r-ratifikazzjoni tiegħu mill-firmatarji kollha, it-Trattat MES daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Settembru 2012.

5.        Il-premessa 1 tat-Trattat MES hija redatta kif ġej:

“Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti ta’ stabbiltà. [Il-MES] ser jassumi l-kompiti li bħalissa huma mwettqa mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja [...] u mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (‘MESF’) fl-għoti, fejn ikun meħtieġ, ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro.”

6.        L-Artikolu 3 tat-Trattat MES, intitolat “Għan”, jipprevedi:

“L-għan tal-MES huwa l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament u l-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà taħt kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul, għall-benefiċċju tal-Membri fil-MES li jkunu għaddejjin, jew jinsabu mhedda, minn problemi serji ta’ finanzjament jekk dan ikun indipensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, il-MES għandu jkun intitolat jiġġenera fondi billi joħroġ strumenti finanzjarji jew billi jidħol fi ftehimiet jew arranġamenti finanzjarji jew ta’ xort’oћra ma’ Membri fil-MES, istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra.”

7.        L-Artikolu 4 tat-Trattat MES, intitolat “Struttura u regoli tal-votazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, dan li ġej:

“Il-MES għandu jkollu Bord tal-Gvernaturi u Bord tad-Diretturi, kif ukoll Direttur Maniġerjali u persunal tiegħu stess ieħor li jitqies li jkun meħtieġ.”

8.        L-Artikolu 5 tat-Trattat MES, intitolat “Il-Bord tal-Gvernaturi”, jistabbilixxi:

“1.      Kull Membru fil-MES għandu jaħtar Gvernatur u sostitut Gvernatur. Dawn il-ħatriet huma revokabbli f’kull waqt. Il-Gvernatur għandu jkun membru tal-gvern ta’ dak il-Membru fil-MES li jkun responsabbli għall-finanzi. Is-sostitut Gvernatur għandu jkollu setgħa sħiħa sabiex jaġixxi f’isem il-Gvernatur meta dan tal-aħħar ma jkunx preżenti.

2.      Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddeċiedi li jew ikun presedut mill-President tal-Grupp tal-Euro, kif previst fil-Protokoll (Nru 14) dwar il-Grupp tal-Euro anness mat-[TUE] u mat-TFUE, jew li jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu għal żmien sentejn. Il-President u l-Viċi President jistgħu jiġu rieletti. […]

3.      Il-Membru tal-[Kummissjoni] inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-BĊE, kif ukoll il-President tal-Grupp tal-Euro (jekk ma jkunx il-President jew Gvernatur), jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi bħala osservaturi.

[…]

6.      Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jieħu dawn id-deċiżjonijiet li ġejjin bi qbil reċiproku:

[…]

f) li jipprovdi sostenn għall-istabbiltà mill-MES, inkluża l-kondizzjonalità ta’ politika ekonomika kif stabbilit fil-memorandum ta’ qbil imsemmi fl-Artikolu 13(3) [tat-Trattat MES] u jistabbilixxi l-għażla ta’ strumenti u l-pattijiet finanzjarji u l-kondizzjonijiet, skont l-Artikoli 12 sa 18 [tat-Trattat MES];

g) li jagħti mandat lill-[Kummissjoni] sabiex tinnegozja, f’koordinazzjoni mal-BĊE, il-kondizzjonalità ta’ politika ekonomika marbuta ma’ kull assistenza finanzjarja, skont l-Artikolu 13(3) [tat-Trattat MES].

[…]”

9.        L-Artikolu 12 tat-Trattat MES, intitolat “Prinċipji”, jiddefinixxi l‑prinċipji li huwa suġġett għalihom is-sostenn għall-istabbiltà u jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha, il-MES jista’ jipprovdi sostenn għall-istabbiltà lil Membru fil-MES soġġett għal kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul. Tali kondizzjonalità tista’ tvarja minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku sal-osservanza kontinwa ta’ kondizzjonijiet prestabbiliti ta’ eliġibbiltà.”

10.      L-Artikolu 13 tat-Trattat MES, intitolat “Proċedura għall-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà”, jipprevedi:

“1.      Membru fil-MES jista’ jindirizza talba għal sostenn għall-istabbiltà lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi. Tali talba għandha tindika l-istrument jew strumenti ta’ assistenza finanzjarja li għandhom jiġu kkunsidrati. Meta jirċievi tali talba, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi għandu jinkariga lill-Kummissjoni […], f’koordinazzjoni mal-BĊE, bil-kompiti li ġejjin:

a)      l-istima tal-eżistenza ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament jew tal-Istati Membri tagħha, sakemm il-BĊE ma jkunx diġà preżenta analiżi taħt l-Artikolu 18 [tat-Trattat MES];

b)      l-istima jekk id-dejn pubbliku huwiex sostenibbli. Fejn xieraq u possibbli, tali stima hija mistennija li ssir flimkien mal-[Fond Monetarju Internazzjonali (FMI)];

c)      l-istima tal-ħtiġijiet attwali jew potenzjali ta’ finanzjament tal-Membru konċernat fil-MES.

2.      Abbażi tat-talba mill-Membru fil-MES u l-istima msemmija fil-paragrafu 1, il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħti, fil-prinċipju, sostenn għall-istabbiltà lill-Membru konċernat fil-MES fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja.

3.      Jekk tiġi adottata deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiinkariga lill-Kummissjoni […] – f’koordinazzjoni mal-BĊE u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI – bil-kompitu li tinnegozja mal-Membru konċernat fil-MES, memorandum ta’ qbil [...] li jispeċifika f’dettal il-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja. Il-kontenut tal-[memorandum ta’ qbil] għandu jirrifletti s-severità tad-dgħufijiet li għandhom jiġu inidrizzati u l-forma magħżula tal-assistenza finanzjarja. Fl-istess waqt, id-Direttur Maniġerjali tal-MES għandu jħejji proposta għal ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja, inklużi l-pattijiet finanzjarji u l-kondizzjonijiet u l-għażla ta’ strumenti, li għandhom jiġu adottati mill-Bord tal-Gvernaturi.

Il-[memorandum ta’ qbil] għandu jkun gћalkollox konsistenti mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti fit-TFUE, partikolarment ma’ kull att fil-liġi tal-[Unjoni], inkluża kull opinjoni, twissija, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni indirizzata lill-Membru fil-MES konċernat.

4.      Il-Kummissjoni […] għandha tiffirma l-[memorandum ta’ qbil] f’isem il-MES, soġġett għall-konformità minn qabel tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 [tal-Artikolu 13 tat-Trattat MES] u l-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.

5.      Il-Bord tad-Diretturi għandu japprova l-ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja li jkun jispeċifika f’dettal l-aspetti finanzjarji tas-sostenn għall-istabbiltà li gћandu jingħata u, fejn applikabbli, il-ħlas tal-ewwel parti tal-assistenza.

[…]

7.      Il-Kummissjoni […] – f’koordinazzjoni mal-BĊE u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI – għandha tkun inkarigata timmonitorja l-konformità mal-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja.”

C –    Il-memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013

11.      Memorandum ta’ qbil [Memorandum of Understanding on Specific Economic Policy Conditionality (memorandum ta’ qbil dwar il-politika ta’ kundizzjonalità ekonomika speċifika)] ġie ffirmat fis-26 ta’ April 2013 mir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Kummissjoni Ewropea li aġixxiet f’isem l-MES (2).

12.      Id-daħla tiegħu tispjega:

“Il-programm ta’ aġġustament ekonomiku ser jippermetti li jiġu milqugħa l-isfidi finanzjarji, fiskali u strutturali, kemm fuq perijodu qasir kif ukoll medju, li qed tiffaċċja [r-Repubblika ta’ Ċipru]. L-għanijiet essenzjali tal‑programm huma:

–        li terġa’ tiġi stabbilita s-solidità fis-settur bankarju Ċiprijott kif ukoll il-fiduċja tad-depożitanti u tas-suq filwaqt li ssir r‑ristrutturazzjoni profonda tal-istabbilimenti finanzjarji u tnaqqis fid-daqs tagħhom, bit-tisħiħ tas-superviżjoni tagħhom u bir‑rimedjar tal-insuffiċjenza tal-kapital, skont il-ftehim politiku tal-grupp tal-euro tal-25 ta’ Marzu 2013;

[…]” (3).

13.      Taħt l-ewwel titolu tiegħu, intitolat “Riforma tas-settur finanzjarju”, il-memorandum ta’ qbil jipprevedi:

“1.26 It-tieni nett, [it-Trapeza Kyprou Dimosia Etaira Ltd (bank ta’ Ċipru) (iktar ’il quddiem it-“Trapeza Kyprou)” (4)] ser jakkwista – permezz ta’ proċedura ta’ xiri u ta’ assorbiment, kważi t-totalità tal-attiv Ċiprijott tas-Cyprus Popular Bank Public Co. Ltd (bank popolari ta’ Ċipru) (iktar ’il quddiem il-“Laïki”) (5)], għall-valur ġust tagħhom, kif ukoll d-depożiti assigurati tagħhom u l-espożizzjoni tiegħu għall-assistenza urġenti ta’ likwidità, fil-valur nominali tagħhom. Id-depożiti mhux assigurati ta’ [Laïki] għandhom jinżammu mill-entità ta’ qabel. L-għan huwa li l-valur tal‑attiv ċedut ikun superjuri għall-passiv ċedut b’mod li d-differenza tikkorrispondi għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta’ [Trapeza Kyprou] mil-[Laïki] li tammonta għal 9 % tal-attiv stmat skont ir-riskji li ġew ċeduti. [It-Trapeza Kyprou] għaddiet minn kapitalizzazzjoni mill-ġdid b’mod li tilħaq, fl-aħħar tal-programm, proporzjon minimu ta’ fondi proprji ta’ 9 %, skont l-ipoteżi sfavorevoli ta’ stress test, li għandu jikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja u jiġu nnormalizzati l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament. Il-konverżjoni ta’ 37.5 % tad-depożiti mhux assigurati miżmuma fit-[Trapeza Kyprou] f’azzjonijiet ta’ kategorija A, bi dritt ta’ vot sħiħ u ta’ drittijiet għad‑dividendi, jipprovdi l-parti l-kbira tal-bżonnijiet ta’ kapital, b’żieda supplimentari f’kapital proprju min-naħa tal-entità ta’ qabel ta’ [Laïki]. Parti mid-depożiti mhux assigurati li jifdal tat-[Trapeza Kyprou] għandha temporanjament tiġi ffriżata sakemm l-evalwazzjoni indipendenti msemmija fil-punt li jmiss tkun intemmet.

1.27      It-tielet nett, sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet tal-kapitalizzazzjoni jintlaħqu, għandha ssir evalwazzjoni indipendenti iktar iddettaljata u aġġornata tal-attiv ta’ [Trapeza Kyprou] u ta’ [Laïki] skont l-eżiġenzi tal-qafas għar-riżoluzzjoni tal-banek, għall-aħħar ta’ Ġunju 2013. Għal dan il-għan, it-termini ta’ referenza tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni indipendenti għandhom ikunu miftiehma sa mhux iktar tard minn nofs April 2013, b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni [Ewropea], il-BĊE u l‑FMI. Wara din l-evalwazzjoni, għandha ssir, jekk ikun meħtieġ, konverżjoni addizzjonali tad-depożiti mhux assigurati f’azzjonijiet ta’ kategorija A, b’mod li jiġi żgurat li l-għan intiż li jintlaħaq minimu ta’ kapital proprju ta’ 9 % f’kundizzjonijiet ta’ kriżi jkun jista’ jintlaħaq fl‑aħħar tal-programm. Jekk [it-Trapeza Kyprou] jiġi surkapitalizzat meta mqabbel mal-mira, għandu jsir proċess ta’ xiri mill-ġdid tal‑azzjonijiet sabiex jiġu rrimborsati d-depożitanti tal-ammont li jikkorrispondi għas-surkapitalizzazzjoni.”

D –    Id-dritt sekondarju tal-Unjoni

14.      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE, tal-25 ta’ April 2013, indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli (6) (iktar ’il quddiem id‑“Deċiżjoni 2013/236”) tipprevedi:

Artikolu 1

1.      Sabiex ikun iffaċilitat ir-ritorn tal-ekonomija Ċiprijotta lejn it‑triq ta’ tkabbir sostenibbli u ta’ sostenibbiltà fiskali u finanzjarja, Ċipru għandu jimplimenta b’mod rigoruż programm ta’ aġġustament makroekonomiku (“il-programm”), li l-elementi prinċipali tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni […]

Artikolu 2

1.      L-objettivi prinċipali tal-programm Ċiprijott għandhom ikunu: li tiġi restawrata l-pożizzjoni soda tas-settur bankarju Ċiprijott; li jitkompla l-proċess kontinwu ta’ konsolidazzjoni fiskali; kif ukoll li jiġu implimentati riformi strutturali li jsostnu l-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli u bbilanċjat.

[…]

6.      Bil-għan li tiġi rrestawrata l-istabbiltà tas-settur finanzjarju tiegħu, Ċipru għandu jkompli bir-riforma u r-ristrutturazzjoni mill-qiegħ tas‑settur bankarju u jsaħħaħ il-banek vijabbli billi jirrestawra l-kapital tagħhom, jindirizza s-sitwazzjoni tal-likwidità tagħhom u jsaħħaħ is‑superviżjoni tagħhom. Il-programm għandu jipprevedi dawn il-miżuri u riżultati:

[…]

(d)      li jittieħdu passi biex jiġi minimizzat il-kost tar-ristrutturazzjoni tal‑banek għall-kontribwenti […]

[…]

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.”

15.      Il-premessa 3 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2013, dwar it‑tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż‑żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (7) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 472/2013”), tgħid li:

“Il-konsistenza sħiħa bejn il-qafas ta’ sorveljanza multilaterali tal‑Unjoni stabbilit mit-TFUE u l-kundizzjonijiet ta’ politika possibbli marbuta mal-assistenza finanzjarja għandhom jiġu minquxa fid-dritt tal‑Unjoni. […]”.

16.      It-test tar-Regolament Nru 472/2013 jipprevedi:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.      Dan ir-Regolament jistipula d-dispożizzjonijiet għat-tisħiħ tas‑sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro, fejn dawk l-Istati Membri:

[…]

b)      jitolbu jew jirċievu assistenza finanzjarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, mill-[EFSM], mill-[MES], mill-Faċilità Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), jew minn xi istituzzjoni finanzjarji internazzjonali rilevanti oħra, bħalma hu l-[FMI].

[…]

Artikolu 5

Informazzjoni dwar talbiet għall-assistenza finanzjarja previsti

Stat Membru li jkun biħsiebu jitlob assistenza finanzjarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi, mill‑MES, mill-EFSF jew minn instituzzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra, bħall-FMI għandu jinforma immedjatament lill-President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-grupp tal-euro, lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u lill-President tal‑BĊE bl-intenzjoni tiegħu.

Wara li jkun irċieva valutazzjoni mill-Kummissjoni, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Eurogrupp għandu jorganizza diskussjoni dwar din it-talba maħsuba, bil-ħsieb li jeżamina, fost affarijiet oħra, il-possibbilitajiet disponibbli taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni jew taż-żona tal-euro qabel ma l-Istat Membru kkonċernat jindirizza lis-selliefa potenzjali.

Stat Membru li jkun biħsiebu jitlob assistenza finanzjarja mill-EFSM għandu jinforma immedjatament lill-President tal-KEF, lill-membru tal‑Kummissjoni responsabbli għall-affarijiet ekonomiċi u Monetarji u lill-President tal-BĊE bl-intenzjoni tiegħu.

Artikolu 6

L-evalwazzjoni tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern

Fejn Stat Membru jitlob assistenza finanzjarja mill-EFSM, mill-MES jew mill-EFSF, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, b’koordinazzjoni mal-BĊE u kull fejn possibbli, mal-FMI, is-sostenibilità tad-dejn tal‑gvern ta’ dak l-Istat Membru u l-ħtiġijiet finanzjarji proprji jew potenzjali tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dik il‑valutazzjoni lill-Grupp ta’ Ħidma tal-grupp tal-euro jekk l-assistenza finanzjarja għandha tingħata skont il-MES jew l-EFSF, u lill-KEF jekk l-assistenza finanzjarja għandha tingħata skont l-EFSM.

[…]

Artikolu 7

Programm ta’ aġġustament makroekonomiku

1.      Fejn Stat Membru jitlob assistenza finanzjarja minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, mill-EFSM, mill-MES, mill-EFSF jew mill-FMI huwa għandu jipprepara bi qbil mal-Kummissjoni, li taġixxi b’koordinazzjoni mal‑BĊE u, meta jkun xieraq, mal-FMI, abbozz ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku li għandu jibni fuq u jissostitwixxi kwalunkwe programm ta’ sħubija ekonomika skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 u li għandu wkoll jinkludi miri baġitarji annwali.

[…]

L-abbozz ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku għandu josserva bis-sħiħ l-Artikolu 152 [tat-Trattat FUE] u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tinforma bil-fomm lill-President u l-Viċi President tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew dwar il-progress li sar fit-tħejjija tal-abbozz tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku. Dik l‑informazzjoni għandha tiġi trattata bħala kunfidenzjali.

2.      Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu japprova l-programm ta’ aġġustament makroekonomiku mħejji mill-Istat Membru li jitlob għal assistenza finanzjarja skont il-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-memorandum ta’ ftehim iffirmat mill-Kummissjoni f’isem il-MES jew l-EFSF ikun għalkollox konsistenti mal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku approvat mill-Kunsill.

[…]

Artikolu 15

Votazzjoni fil-Kunsill

Għall-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament, għandhom jivvotaw biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro u l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru kkonċernat.

Maġġoranza kkwalifikata tal-membri tal-Kunsill imsemmija fl-ewwel paragrafu għandha tiġi kkalkulata skont l-Artikolu 238(3)(a) [tat-Trattat FUE].

Artikolu 16

Applikazzjoni lil Stati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja

L-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja fi 30 ta’ Mejju 2013 għandhom ikunu suġġetti għal dan ir-Regolament minn dik id-data.

[…]”

17.      Id-Deċiżjoni 2013/236 ġiet imħassra u ssostitwita permezz tad‑Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/463/UE, tat-13 ta’ Settembru 2013, dwar l-approvazzjoni ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/236/UE (8) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/463”).

18.      Il-premessa 6 tagħha hija redatta kif ġej:

“Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 472/2013 programm ta’ aġġustament makroekonomiku issa għandu jiġi adottat fil-forma ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Fl-interess taċ‑ċarezza u ċ-ċertezza legali, il-programm għandu jkun adottat mill‑ġdid fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013. Is-sustanza tal-programm għandha tibqa’ identika għal dik approvata bid-[Deċiżjoni 2013/236], iżda għandhom jiġu inkorporati wkoll ir-riżultati tal-analiżi mwettqa skont l-Artikolu 1(2) ta’ dik id-Deċiżjoni. Fl-istess ħin, id-[Deċiżjoni 2013/236] għandha tiġi revokata.”

19.      L-Artikolu 2(5) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li:

“Bil-għan li tiġi rrestawrata s-solidità tas-settur finanzjarju tiegħu, Ċipru għandu jkompli bir-riforma u r-ristrutturar mill-qiegħ tas-settur bankarju u jsaħħaħ il-banek vijabbli billi jirrestawra l-kapital tagħhom, jindirizza s-sitwazzjoni tal-likwidità tagħhom u jsaħħaħ is-superviżjoni tagħhom. Il-programm għandu jipprevedi l-miżuri u r-riżultati li ġejjin:

[…]

(c)      li jittieħdu passi biex jiġi minimizzat il-kost tar-ristrutturar tal‑banek li jiġġarrab mill-kontribwenti […]”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

20.      Mis-sena 2012, ir-Repubblika ta’ Ċipru kienet progressivament suġġetta għal pressjoni dejjem tikber tas-swieq finanzjarji, fi sfond ta’ żieda ta’ tħassib dwar il-vijabbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħha, b’mod partikolari dwar l-għajnuna pubblika sinjifikattiva mitluba mis-settur finanzjarju tagħha li ddgħajjef.

21.      Fost tnaqqis konsekuttiv fil-klassifikazzjoni, mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tal-bonds sovrani Ċiprijotti, ir-Repubblika ta’ Ċipru ma baqgħatx f’pożizzjoni li tiffinanzja lilha nnifisha mill-ġdid b’rati kompatibbli ma’ sostenibbiltà fiskali għat-tul. Fl-istess waqt, is‑settur bankarju kien qed jinqata’ dejjem iktar mill-finanzjament tas‑swieq internazzjonali u diversi istituzzjonijiet finanzjarji kbar irreġistraw telf kapitali sostanzjali.

22.      Mill-ewwel xhur tas-sena 2012, ċerti banek stabbiliti f’Ċipru, fosthom il-Laïki u t-Trapeza Kyprou, iltaqgħu ma’ diffikultajiet finanzjarji. Ir‑Repubblika ta’ Ċipru għalhekk iddeċidiet li kienet meħtieġa r‑rikapitalizzazzjoni tagħhom.

23.      Fil-25 ta’ Ġunju 2012, fl-isfond ta’ dawn id-disturbi ekonomiċi u finanzjarji gravi, l-awtoritajiet Ċiprijotti talbu uffiċjalment lill-President tal-grupp tal-euro assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self mill-EFSF/MES, kif ukoll mill‑FMI, bil-għan li tingħata għajnuna biex l-ekonomija ta’ Ċipru terġa’ lura għat-triq li twassal għal tkabbir sostenibbli, biex b’hekk tiġi żgurata sistema bankarja li tiffunzjona sewwa u li tiġi ssalvagwardjata l‑istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona tal-euro.

24.      Fis-27 ta’ Ġunju 2012, il-grupp tal-euro stieden lill‑Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-BĊE, mal-awtoritajiet Ċiprijotti u mal-FMI biex jaqblu dwar programm ta’ aġġustament makroekonomiku għar-Repubblika ta’ Ċipru, inklużi l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ din tal-aħħar, u li tittieħed l-azzjoni xierqa għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja attwali fl-ambjent diffiċli ħafna fejn hemm riskju ta’ riperkussjonijiet tas-suq tad-dejn tal-Gvern.

25.      Ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro waslu għal ftehim politiku dwar abbozz ta’ memorandum ta’ qbil fix-xahar ta’ Marzu tal-2013.

26.      Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2013, il-grupp tal‑euro laqa’ dan il-ftehim u semma ċerti miżuri ta’ aġġustament previsti, fosthom l-istabbiliment ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji. Il‑grupp tal-euro indika li, fid-dawl ta’ dan il-kuntest, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja li tista’ tiżgura l-istabbiltà finanzjarja tar-Repubblika ta’ Ċipru u taż-żona tal-euro kien, bħala prinċipju, ġġustifikat u stieden lill-partijiet ikkonċernati sabiex iħaffu n-negozjati pendenti.

27.      Fit-18 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika ta’ Ċipru ordnat l-għeluq tal-banek fid-19 u fl-20 ta’ Marzu 2013. Permezz ta’ dikjarazzjoni tal‑istess ġurnata, il-president tal-grupp tal-euro indika li t-taxxa fuq id‑depożiti bankarji, flimkien mal-assistenza finanzjarja mitluba, ser jintużaw sabiex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà tas-settur bankarju Ċiprijott u, għalhekk, l-istabbiltà finanzjarja tar-Repubblika ta’ Ċipru. Madankollu, huwa indika li l-grupp tal-euro kien tal-opinjoni li d‑depożiti ż-żgħar kellhom jibbenefikaw minn trattament differenti minn dak tad-depożiti l-kbar, billi enfasizza l-importanza li jiġu assigurati b’mod sħiħ id-depożiti ta’ taħt l-ammont ta’ EUR 100 000. Fl-aħħar nett, il-president tal-grupp tal-euro, f’isem dan tal-aħħar, inkoraġġixxa lill-awtoritajiet Ċiprijotti sabiex jimplementaw malajr il‑miżuri maqbula.

28.      L-awtoritajiet Ċiprijotti ddeċidew li jestendu l-għeluq tal-banek sat-28 ta’ Marzu 2013 bil-għan li tiġi evitata ġirja għall-iżbank.

29.      Fid-19 ta’ Marzu 2013, il-Parlament Ċiprijott ma approvax l‑abbozz tal-liġi tal-Gvern Ċiprijott dwar il-ħolqien ta’ taxxa fuq id‑depożiti bankarji kollha tar-Repubblika ta’ Ċipru. Fit-22 ta’ Marzu 2013, huwa adotta liġi ġdida dwar ir-riorganizzazzjoni ta’ stabbilimenti ta’ kreditu.

30.      Fil-25 ta’ Marzu 2013, il-grupp tal-euro ħabbar id-dikjarazzjoni kkontestata (9), li tgħid li:

“Il-grupp tal-euro kkonkluda ftehim mal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar l‑elementi essenzjali ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku futur. Dan il-programm igawdi mill-appoġġ tal-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro kif ukoll ta’ tliet istituzzjonijiet.

[…]

Il-grupp tal-euro jirrikonoxxi l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni tas-settur finanzjarju msemmija fl-anness. Dawn il-miżuri ser iservu bħala bażi għar-ristrutturazzjoni tal-vijabbilità tas-settur finanzjarju. B’mod partikolari, huma jiggarantixxu d-depożiti kollha ta’ inqas minn EUR 100 000, skont il-prinċipji tal-Unjoni.

[…]

Il-grupp tal-euro jitlob lill-awtoritajiet Ċiprijotti u lill-Kummissjoni, sabiex flimkien mal-BĊE u mal-FMI, jikkonkludu l-memorandum ta’ qbil fil-livell tas-servizzi kkonċernati għall-bidu [tax-xahar ta’] April.

[…]

Il-grupp tal-euro jieħu konjizzjoni tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet li jimplementaw miżuri amministrattivi xierqa fid-dawl tas-sitwazzjoni unika u eċċezzjonali li qed jiffaċċja s-settur finanzjarju Ċiprijott u li jiżguraw ftuħ mill-ġdid malajr tal-banek. Il-grupp tal-euro jenfasizza li l-miżuri amministrattivi ser ikunu temporanji, proporzjonati u nondiskriminatorji u li ser ikunu s-suġġett ta’ sorveljanza rigoruża, fir‑rigward tal-portata u tat-tul tagħhom, skont it-Trattat.

[…]

Il-grupp tal-euro jistenna li l-Bord tal-Gvernaturi tal-MES ikun f’pożizzjoni li jagħti l-approvazzjoni formali tiegħu għall-proposta ta’ għoti ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja għat-tielet ġimgħa ta’ April 2013, bil-kundizzjoni li jitlestew il-proċeduri nazzjonali.”

31.      L-anness tad-dikjarazzjoni kkontestata huwa redatt kif ġej:

“Wara preżentazzjoni tal-abbozzi politiċi tal-awtoritajiet [tar‑Repubblika ta’ Ċipru], li fil-maġġoranza tagħhom intlaqgħu mill‑grupp tal-euro, intlaħaq ftehim fuq dan li ġej:

1. Il-Laïki għandu jingħalaq immedjatament – b’kontribuzzjoni sħiħa tal‑azzjonisti, tad-detenturi tal-bonds u tad-depożitanti mhux assigurati – skont riżoluzzjoni tal-Bank Ċentrali Ċiprijott [(iktar ’il quddiem il-“BĊĊ”)] bl-użu tal-qafas ta’ riżoluzzjoni bankarja li għadha kif ġiet adottata.

2. Il-Laïki għandu jiġi diviż fi struttura ta’ trasferiment ta’ assi u f’bank riorganizzat. L-istruttura ta’ trasferiment ta’ assi għandha tispiċċa progressivament.

3. Il-bank riorganizzat għandu jiġi integrat fit-[Trapeza Kyprou] bl-għajnuna tal‑qafas ta’ riżoluzzjoni bankarja u wara konsultazzjoni mal-Bordijiet tad‑Diretturi tat-[Trapeza Kyprou] u tal-Laïki. Huwa ser jipprovdi [għajnuna ta’ urġenza f’każ ta’ kriżi ta’ likwidità (ELA)] li tammonta għal EUR [disa’] biljuni. Huma biss id-depożiti mhux assigurati tat‑[Trapeza Kyprou] li ser jibqgħu ffriżati sa meta tkun saret ir‑rikapitalizzazzjoni u sussegwentement ikunu jistgħu jiġu ssuġġettati għal kundizzjonijiet adegwati.

4. Il-Bord tal-Gvernaturi tal-BĊE għandu jipprovdi likwiditajiet lit‑[Trapeza Kyprou] filwaqt li josserva r-regoli applikabbli.

5. It‑[Trapeza Kyprou] għandu jiġi rrikapitalizzat permezz ta’ konverżjoni tad-depożiti mhux assigurati f’fondi proprji b’kontribuzzjoni sħiħa tal-azzjonisti u tad-detenturi tal-bonds.

6. Il-konverżjoni għandha ssir b’mod li tiżgura perċentwali mill-kapital ta 9 % fl-aħħar tal-programm.

7. Id-detenturi kollha tad-depożiti assigurati fil-banek kollha għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni totali skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal‑[Unjoni].

8. Il-baġit tal-programm (sa EUR [għaxar] biljuni) mhux ser iservi sabiex jiġu rrikapitalizzati l-Laïki jew it-[Trapeza Kyprou].”

32.      Fl-istess jum, il-Gvernatur tal-BĊĊ issuġġetta lit-Trapeza Kyprou u lill-Laïki għal proċedura ta’ riorganizzazzjoni.

33.      Fid-29 ta’ Marzu 2013, ġew ippubblikati żewġ digrieti għal dan il-għan (10).

34.      Id-Digriet Nru 103 kien jipprevedi rikapitalizzazzjoni tat-Trapeza Kyprou, li l-ispejjeż tagħha kellhom jiġu sostnuti, b’mod partikolari, mill-azzjonisti tagħha, mill-kredituri obbligatorji tagħha u mid‑depożitanti mhux assigurati tagħha fir-rigward tal-ammonti li jaqbżu l-EUR 100 000 (11).

35.      Fir-rigward tad-Digriet Nru 104, dan kien jipprevedi t‑trasferiment ta’ ċerti elementi tal-attiv u tal-passiv tal-Laïki lit‑Traperza Kyprou, inklużi d-depożiti ta’ inqas minn EUR 100 000. Id‑depożiti ta’ iktar minn EUR 100 000 baqgħu miżmuma mil-Laïki, sakemm isir l-istralċ ta’ din tal-aħħar.

36.      Skont dawn id-digrieti, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-Laïki u tat-Trapeza Kyprou ġew implementati fid-29 ta’ Marzu 2013 bejn is-6:00 u 6:10 ta’ filgħodu. Sa dak il-ħin, Mallis et kienu detenturi ta’ depożiti fi ħdan it‑Trapeza Kyprou jew il-Laïki, li permezz tal-miżuri previsti bl‑imsemmija digrieti, kellhom tnaqqis sostanzjali fil-valur tagħhom. Mallis et isostnu li tilfu dak kollu li kien jaqbeż l-EUR 100 000.

37.      Wara l-adozzjoni tad-Digrieti Nri 103 u 104, il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet ġodda mal-awtoritajiet Ċiprijotti bil-għan li jiġi ffinalizzat memorandum ta’ qbil.

38.      Waqt il-laqgħa tiegħu tal-24 ta’ April 2013, il-Bord tal‑Gvernaturi tal-MES:

–        ikkonferma, minn naħa, li l-Kummissjoni u l-BĊE ġew inkarigati jwettqu l-evalwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1) tat-Trattat MES u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u mal-FMI, ġiet inkarigata tinnegozja l-memorandum ta’ qbil mar‑Repubblika ta’ Ċipru;

–        iddeċieda li jagħti, fil-prinċipju, sostenn għall-istabbiltà lir‑Repubblika ta’ Ċipru fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja (FAF), b’mod konformi mal‑proposta tad-Direttur Maniġerjali tal-MES;

–        approva l-abbozz tal-memorandum ta’ qbil innegozjat mill‑Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u l-FMI, u r-Repubblika ta’ Ċipru; u

–        inkariga lill-Kummissjoni tiffirma dan il-memorandum għan‑nom tal‑MES.

39.      Fil-25 ta’ April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/236 li, fl-Artikolu 2(6)(d) tagħha kienet tipprevedi li l-“bail-in” tal-banek Ċiprijotti kienet tifforma parti mill-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tar-Repubblika ta’ Ċipru.

40.      Il-memorandum ta’ qbil ġie ffirmat fis-26 ta’ April 2013 mill‑Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru, mill-Gvernatur tal‑BĊĊ u minn O. Rehn, Viċi President tal-Kummissjoni.

41.      Fit-8 ta’ Mejju 2013, il-Bord tad-Diretturi tal-MES approva l‑ftehim relatat mal-FAF kif ukoll proposta dwar il-modalitajiet tal-ħlas tal-ewwel parti tal-għajnuna lir-Repubblika ta’ Ċipru. Din il-parti ġiet diviża f’żewġ ħlasijiet imwettqa, rispettivament, fit-13 ta’ Mejju 2013, fl-ammont ta’ EUR 2 biljuni, u fis-26 ta’ Ġunju 2013, fl-ammont ta’ EUR 1 biljun. It-tieni parti tal-għajnuna, fl-ammont ta’ EUR 1.5 biljun, tħallset fis-27 ta’ Settembru 2013. Partijiet oħra minn EUR 100 sa 600 miljuni tħallsu bejn ix-xahar ta’ Diċembru 2013 u x-xahar ta’ Lulju 2015.

42.      Il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 472/2013 fil-21 ta’ Mejju 2013 li abbażi tiegħu d-Deċiżjoni 2013/236 ġiet imħassra u issostitwita bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/463.

IV – Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digrieti appellati

43.      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Ġunju 2013, Mallis et ippreżentaw tliet rikorsi intiżi sabiex:

–        tiġi annullata d-dikjarazzjoni kkontestata, “li kisbet il-forma definittiva tagħha permezz tad-[Digriet Nru 104] tal-Gvernatur tal-[BĊĊ], li qed jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tas‑[Sistema Ewropea tal-banek ċentrali], li permezz tagħha ġie deċiż ‘il-bejgħ ta’ ċerti attivitajiet tal-[Laïki]’ u li tikkostitwixxi essenzjalment deċiżjoni komuni tal-[BĊE] kif ukoll tal‑Kummissjoni”;

–        sussidjarjament, jiġi ddikjarat li, indipendentement mill-forma u mit-tip tagħha, id-dikjarazzjoni kkontestata tikkostitwixxi, essenzjalment, “deċiżjoni komuni tal-[BĊE] u/jew tal‑Kummissjoni”;

–        iktar sussidjarjament, tiġi annullata d-dikjarazzjoni kkontestata, “indipendentament mill-forma u mit-tip tagħha”;

–        iktar sussidjarjament, “tiġi annullata d-deċiżjoni komuni tal‑[BĊE] u/jew tal-Kummissjoni […] adottata permezz tal-grupp tal-euro, indipendentament mill-forma u mit-tip tagħha”; u

–        tikkundanna lill-BĊE u/jew lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

44.      Permezz ta’ atti separati, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl-1 u fid-9 ta’ Ottubru 2013 rispettivament, il-Kummissjoni u l-BĊE invokaw eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Huma talbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lil Mallis et għall-ispejjeż.

45.      Permezz tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi kollha kemm huma bħala inammissibbli.

46.      Peress li Mallis et talbu l-annullament tad-dikjarazzjoni tal‑grupp tal-euro tal-25 ta’ Marzu 2013 iżda ppreżentaw ir-rikorsi tagħhom kontra l-Kummissjoni u l-BĊE (fatt li ġie kkonfermat fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom) (12), il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, eżaminat, fil‑punti 38 sa 50 tad-digrieti appellati, il-kwistjoni dwar jekk id‑dikjarazzjoni kkontestata setgħetx tiġi imputata lill‑Kummissjoni u lill-BĊE.

47.      Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-Protokoll Nru 14 li jipprevedi li l-grupp tal-euro huwa laqgħa informali tal-Ministri tal-Istati Membri taż-żona tal-euro “sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet marbuta mar‑responsabbiltajiet speċifiċi li huma jaqsmu fejn tidħol il-munita unika” (13), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 44 tad-digrieti appellati, li ma kienx “possibbli li jitqies li l-grupp tal-euro [kien] [i]kkontrollat mill‑Kummissjoni jew mill-BĊE, u lanqas li dan [aġixxa] bħala mandatarju ta’ dawn l-istituzzjonijiet” (14).

48.      Fil-punti 46 sa 50 tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-idea li d-dikjarazzjoni kkontestata setgħet tiġi imputata lill-MES għaliex din tal-aħħar kienet allegatament ikkontrollata mill‑Kummissjoni u mill-BĊE.

49.      Il-Qorti Ġenerali eżaminat ukoll, għall-finijiet ta’ kompletezza, fil‑punti 51 sa 62 tad-digrieti appellati, il-kwistjoni dwar jekk id‑dikjarazzjoni kkontestata kinitx tipproduċi effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ terzi.

50.      F’dan ir-rigward hija ddeċidiet li, anki jekk id-dikjarazzjoni kkontestata tinkludi formulazzjonijiet li jistgħu jidhru kategoriċi, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-għeluq tal-Laïki u t-tnaqqis tal-valur tad‑depożiti bankarji mhux assigurati, din ma tistax tinqara b’mod iżolat, iżda għandha, “għall‑kuntrarju, [titpoġġa] fil-kuntest tagħh[a], li juri b’mod ċar il-kontenut purament informattiv tad-dikjarazzjoni kkontestata” (15).

V –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

51.      Permezz tal-appelli tagħhom tas-27 ta’ Frar 2015, ippreżentati fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2015, Mallis et jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla d-digrieti appellati, u

–        tannulla l-kundanna tagħhom għall-ispejjeż fl-ewwel istanza.

52.      Permezz tar-risposti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appelli, u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha.

VI – L-appelli

53.      Qabel xejn niddikjara li ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli inkwistjoni iżda l-importanza tal-kwistjonijiet imqajma għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ir-relazzjoni tagħhom mal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [sentenzi Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756) u Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400)], ir-relazzjoni (jew in-nuqqas ta’ rabta) bejn is-sistema tal-MES u tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dawn l-appelli permezz ta’ sentenza (inċidentalment bħall-appelli fil-Kawżi magħquda C‑8/15 P, C‑9/15 P u C‑10/15 P dwar rikorsi għal annullament u għad‑danni marbuta mal-memorandum ta’ qbil) u li dawn jingħataw lill‑Awla Manja jħajruni sabiex nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari qabel nibda neżamina l-aggravji mqajma minn Mallis et.

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      Fuq il-grupp tal-euro

54.      Peress li l-grupp tal-euro ma jissemmix fl-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE u ma huwiex wieħed mis-seba’ istituzzjonijiet tal-Unjoni li jinsabu fl-Artikolu 13(1) TUE, l-atti tiegħu ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament ħlief jekk il-grupp tal-euro jista’ jitqies bħala formazzjoni tal-Kunsill jew korp jew organu tal-Unjoni.

55.      Il-grupp tal-euro jissemma espliċitament fl‑Artikolu 137 TFUE, li, f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni u l‑modalitajiet tal-laqgħat tiegħu, jagħmel riferimenti għall-Protokoll Nru 14 anness mat-Trattat FUE.

56.      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li l-grupp tal‑euro huwa kompost mill-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri taż‑żona tal-euro, u li fil-laqgħat tiegħu l-Kummissjoni u l-BĊE huma mistiedna jipparteċipaw.

57.      Il-Protokoll Nru 14 jipprevedi li dawn il-Ministri “għandhom jiltaqgħu informalment” u li “jeleġġu president għal sentejn u nofs”.

58.      L-Artikolu 16(6) TUE jippreċiża, barra minn hekk, li l-Kunsill jiltaqa’ f’formazzjonijiet differenti, li l-lista tagħhom hija adottata mill‑Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 236(a) TFUE. Skont din il-lista stabbilita fl-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (16), il-Kunsill jiltaqa’ f’għaxar formazzjonijiet differenti (17), u l-grupp tal-euro ma huwiex parti minnhom.

59.      Tista’ tinstab rabta bejn il-grupp tal-euro u l-Kunsill bil-fatt li l‑grupp tal-euro normalment jiltaqa’ darba fix-xahar, il-ġurnata ta’ qabel is-sessjoni tal-Kumitat “Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji” (18) u li l‑uffiċċju tal-President tal-grupp ta’ ħidma tal-grupp tal-euro (19) jinsab fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fi Brussell (20).

60.      Barra minn hekk, it-Trattat FUE jipprevedi modalità partikolari ta’ vot tal-Kunsill fuq il-miżuri li jikkonċernaw l-Istati Membri li l‑munita tagħhom hija l-euro. Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal‑Artikolu 136(2) tipprevedi li “[g]ħal dawk il-miżuri [...] għandhom jieħdu sehem fil-vot biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro”, ħaġa li turi li l-Istati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro ma jipparteċipawx fil-laqgħat tal‑grupp tal-euro.

61.      Minkejja dawn il-punti ta’ kuntatt, jiena naħseb li l-grupp tal‑euro ma huwiex formazzjoni tal-Kunsill, mhux biss għaliex it‑Trattat FUE ma jagħtihx din il-kwalifikazzjoni u għaliex huwa ma jlaqqax l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, iżda wkoll minħabba l‑funzjonijiet differenti li ngħataw rispettivament. Il-grupp tal-euro huwa l-forum li fih l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jiddiskutu “kwistjonijiet marbuta mar-responsabilitajiet speċifiċi li huma jaqsmu fejn tidħol il-munita unika” (21), filwaqt li, kif jipprevedi l‑Artikolu 16(1) TUE, il-funzjonijiet tal-Kunsill huma ħafna iktar wiesa’ u jinkludu b’mod partikolari, l-eżerċizzju, flimkien mal-Parlament, tas‑setgħa leġiżlattiva tal-Unjoni u setgħat ta’ deċiżjoni oħra mogħtija biss lill-Kunsill bit-Trattat FUE.

62.      Minkejja dan, il-fatt li l-grupp tal-euro ma jistax jitqies bħala formazzjoni tal-Kunsill ma timplikax awtomatikament il-fatt li ma huwiex korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE.

63.      Madankollu, għalkemm, bit-Trattat ta’ Lisbona, l-atti ta’ “korpi jew organi ta’ l-Unjoni” żdiedu mal-atti li jistgħu jiġu annullati, u dan sabiex jiġi evitat li wħud minnhom jibbenefikaw minn immunità ġudizzjarja, jirriżulta li l-grupp tal-euro, li ma jissemmix fl‑Artikolu 263 TFUE, ma għandux personalità ġuridika.

64.      Ma hemm xejn fit-Trattat FUE u lanqas fil-ġurisprudenza li jippermetti li jiġi konkluż li l-awturi tat-Trattat FUE kellhom l‑intenzjoni li jirrinunzjaw għal dan ir-rekwiżit (22). Kull darba li t-Trattat FUE ried jagħmel l-Artikolu 263 TFUE applikabbli mingħajr ma jirrikjedi l-personalità ġuridika, huwa espressament iċċita l‑istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi inkwistjoni, kemm jekk kien il‑Kunsill Ewropew (miżjud bit-Trattat ta’ Lisbona) jew il-Kumitat tar‑Reġjuni (23).

65.      Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li dawn l-atti jiġu imputati lil istituzzjoni ċċitata fl-Artikolu 263 TFUE, lil korp jew organu tal-Unjoni li għandu l-personalità ġuridika, jiena għalhekk ma naħsibx li l-grupp tal-euro jista’ jitqies bħala korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

66.      Ċertament, din il-konklużjoni tista’ tqajjem problema fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (24) iżda biss li kieku l-grupp tal-euro ingħata fit-Trattat is-setgħa li jadotta atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi, li ma huwiex il‑każ, peress li l-grupp tal-euro huwa forum ta’ diskussjoni u mhux korp deċiżjonali. Din il-karatteristika timplika barra minn hekk il-fatt li l‑parteċipazzjoni tal-BĊE fil-laqgħat tal-grupp tal-euro ma hijiex kuntrarja għall-indipendenza tiegħu żgurata bl-Artikolu 282(3) TFUE, li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni kif ukoll il-Gvernijiet tal‑Istati Membri għandhom josservaw.

67.      Konsegwentement, l-atti tal-grupp tal-euro ma humiex annullabbli abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

2.      Fuq l-MES u l-Bord tal-Gvernaturi tiegħu

68.      It-Trattat MES ma huwiex parti mill-ordinament ġuridiku tal‑Unjoni. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 180 tas‑sentenza Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756), “l-Istati Membri ma jimplementawx id-dritt tal-Unjoni […] meta jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħall-MES li fir-rigward tiegħu […] it-Trattati UE u FUE ma jattribwixxu ebda kompetenza speċifika lill-Unjoni” (25).

69.      Skont l-Artikolu 4(1) tat-Trattat MES, l-MES għandu Bord tal‑Gvernaturi (fir-realtà, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri tal‑MES, kif jispeċifika l-Artikolu 5(1) tat-Trattat MES), Bord tad‑Diretturi u Direttur Maniġerjali, iżda l-korp suprem tat-tmexxija tiegħu huwa evidentement il-Bord tal-Gvernaturi.

70.      Il-President tal-Bord tal-Gvernaturi huwa bħala regola l‑President tal-grupp tal-euro (Artikolu 5(2) tat-Trattat MES).

71.      Huwa għalhekk ċar li sa issa, il-grupp tal-euro u l-Bord tal‑Gvernaturi tal-MES għandhom eżattament l-istess kompożizzjoni peress li, sa mill-ħolqien tiegħu, il-Bord tal-Gvernaturi ddeċieda li jkun ippresedut mill-President tal-grupp tal-euro.

72.      Fir-rigward tal-Kummissjoni u tal-BĊE, l-Artikolu 5(3) tat‑Trattat MES jipprevedi li l-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill‑affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-BĊE jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi bħala osservaturi.

73.      Stat Membru li jkollu l-ħsieb jitlob lill-MES sostenn finanzjarju permezz tal-MES għandu jsegwi l-proċedura spjegata fl-Artikolu 13 tat‑Trattat MES.

74.      Skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, dan l-Istat Membru għandu jibgħat talba għal sostenn għall-istabbiltà lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi, li jinkariga lill-Kummissjoni sabiex tevalwaha flimkien mal-BĊE.

75.      L-Artikolu 13(2) tat-Trattat MES jipprevedi li l-Bord tal‑Gvernaturi tal-MES jista’ jiddeċiedi li jagħti, fil-prinċipju, sostenn għall-istabbiltà lil Stat Membru li jitlobha abbażi tat-talba tiegħu u tal‑evalwazzjoni ta’ din it-talba mill-Kummissjoni u mill-BĊE.

76.      Skont l-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES, jekk jieħu tali deċiżjoni, il-Bord tal-Gvernaturi jinkariga lill-Kummissjoni u lill-BĊE “u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI [...] bil-kompitu li [jiġi nnegozjat] mal-[Istat] Membru konċernat [...], memorandum ta’ qbil [...] li jispeċifika f’dettal il-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja”.

77.      Għandu jiġi speċifikat li, skont l-Artikolu 5(6)(g) tat-Trattat MES, huwa l-Bord tal-Gvernaturi li għandu jistabbilixxi bi qbil il‑kundizzjonalità ta’ politika ekonomika li għandha tkun marbuta mal‑assistenza finanzjarja lill-Istat Membru f’diffikultà.

78.      Skont l-Artikolu 13(4) tat-Trattat MES, il-Kummissjoni tiffirma l‑memorandum ta’ qbil għan-nom tal-MES jekk dan josserva l‑kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 u jekk ikun ġie approvat mill‑Bord tal-Gvernaturi.

79.      Il-Bord tad-Diretturi tal-MES imbagħad japprova “il-ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja (26).

80.      Sussegwentement, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jieħu l-miżuri nazzjonali neċessarji sabiex jimplementa l-obbligi li jinsabu fil‑memorandum ta’ qbil.

81.      Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 161 tas-sentenza Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756), fir-rigward tal-funzjonijiet mogħtija lill-Kummissjoni u lill-BĊE fil-kuntest tat-Trattat MES li, minkejja “li huma importanti, [dawn] ma jinkludu ebda poter ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet speċifiku għal dawn l-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, l-attivitajiet imwettqa minn dawn iż-żewġ istituzzjonijet fil-kuntest tal‑istess trattat jorbtu lill-MES biss” (27).

82.      Madankollu ninnota li, bis-saħħa tal-Artikolu 13(4) tat-Trattat MES, jidhirli li l-Kummissjoni għandha setgħa (u dmir, fil-kwalità tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati) li twaqqaf memorandum ta’ qbil jekk dan tal-aħħar ma jkunx, kif jirrikjedi l-paragrafu 3 tal-istess artikolu, kompatibbli mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti mit‑Trattat FUE. Huwa veru li dan ir-rifjut mill-Kummissjoni li teżegwixxi l-mandat ta’ ffirmar tal-memorandum ta’ qbil għan-nom tal‑MES huwa improbabbli ferm (“teoretiku”, qalet il-Kummissjoni fis‑seduta) sa fejn il-Kummissjoni tkun żgurat l-kompatibbiltà rikjesta mill-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES f’kull stadju tal-proċess sa mit-talba tal-Istat Membru f’diffikultà, iżda din l-improbabbiltà politika ma tneħħi xejn mill-konstatazzjoni ġuridika. Minkejja dan, kull firma tal‑Kummissjoni ssir biss għan-nom tal-MES u, kif indikat fil-punt 161 tas-sentenza Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756), torbot biss lill-MES li għalhekk huwa l-uniku awtur tal-atti deċiżjonali inkwistjoni.

83.      Barra minn hekk, peress li t-tilwim li jirriżulta mit-Trattat MES (u għalhekk mill-atti tal-MES) ma jistax jasal fil-Qorti tal-Ġustizzja ħlief skont il-proċedura ta’ kompromess (Artikolu 273 TFUE) prevista fl‑Artikolu 37(3) tat-Trattat MES (28), il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament ippreżentat kontra att adottat mill-MES.

84.      Bl-istess mod, il-miżuri nazzjonali adottati abbażi biss tal‑memorandum ta’ qbil ma jikkostitwixxux implementazzjoni mill‑Istati Membri tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk l-Artikolu 13(3) tat‑Trattat MES jipprevedi fit-tieni paragrafu tiegħu li “[il‑memorandum ta’ qbil] għandu jkun gћalkollox konsistenti […] ma’ kull att fil-liġi tal-Unjoni Ewropea” (29).

85.      Madankollu, il-miżuri li huma s-suġġett ta’ memorandum ta’ qbil, adottat fil-kuntest tal-MES, kienu wkoll, sa issa, b’mod ftit jew xejn iddettaljat, is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, adottata fil-kuntest tat-Trattat FUE, mill-Kunsill (30), proċedura li forsi hija ddettata mill-biża’ li l-memorandum ta’ qbil ma huwiex legalment vinkolanti.

86.      Din l-ipoteżi hija kkonfermata mid-deċiżjonijiet ta’ ċerti qrati nazzjonali.

87.      Is-Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat, Greċja) iddeċieda b’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni memoranda ta’ qbil iffirmati mir-Repubblika Ellenika fl-2010 u fl-2012 rispettivament, li dawn ma kinux trattati internazzjonali għaliex il-partijiet ma assumewx obbligi reċiproċi u ma kinux jipprevedu mekkaniżmu li jobbliga lill-awtoritajiet Elleniċi jeżegwixxu t-termini tagħhom (31). Skont is-Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat), dawn il‑memoranda ta’ qbil kienu jikkostitwixxu biss il-programm politiku li l-Istat Membru inkwistjoni kellu l-ħsieb jimplementa sabiex jibbenefika mill-assistenza finanzjarja (32). Fi kliem ieħor, dawn il-memoranda ma kinux strument legalment vinkolanti.

88.      Sabiex jasal għal din il-konstatazzjoni, is-Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat) ibbaża ruħu fuq il-fatt li jekk il‑memoranda ta’ qbil kienu legalment vinkolanti, il-Kunsill ma kienx jadotta d-Deċiżjoni 2010/320 (33).

89.      Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill indirizzati lil Stat Membru jippermettu li jitqies li l-miżuri nazzjonali adottati bl‑eżekuzzjoni ta’ obbligi meħuda minn Stat Membru fil-konfront tal‑MES jikkostitwixxu implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u dan anki jekk il-memorandum ta’ qbil ma jikkostitwixxix att tad-dritt tal‑Unjoni, iżda sakemm dawn il-miżuri jittieħdu fid-deċiżjoni tal‑Kunsill adottata wara l-iffirmar tal-memorandum ta’ qbil.

90.      Minkejja dan, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fid-digrieti ADEDY et vs Il‑Kunsill (T‑541/10, EU:T:2012:626, punt 87) u ADEDY et vs Il‑Kunsill (T‑215/11, EU:T:2012:627, punt 99) (34), id‑deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill li jirriproduċu l-obbligi meħuda fil‑memorandum ta’ qbil mill-Istat Membru f’diffikultà, ma jistgħux jikkonċernaw b’mod dirett (35) lill-individwi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jagħmel ir-rikors tagħhom għal annullament inammissibbli.

91.      Madankollu, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES jistipula li l-miżuri li jinsabu fil-memorandum ta’ qbil għandhom ikunu “gћalkollox konsistenti” mad-dritt tal-Unjoni u sa fejn dawn il-miżuri huma inklużi fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill, l-Istati Membri għandhom, skont it‑tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprovdu “r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva” li jippermettu lill-qrati tal-Istat Membru kkonċernat li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja talbiet għal deċiżjoni preliminari, dwar il-validità ta’ dawn id-deċiżjonijiet u konsegwentement, tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku inkwistjoni (36).

3.      Fuq ir-Regolament Nru 472/2013

92.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma msaħħa, anki jekk ma humiex applikabbli, ratione temporis għad-dikjarazzjoni kkontestata, bl‑adozzjoni tar-Regolament Nru 472/2013.

93.      L-għan ta’ dan ir-regolament huwa, kif tindika l-premessa 3, “[i]l-konsistenza sħiħa bejn il-qafas ta’ sorveljanza multilaterali tal‑Unjoni stabbilit mit-[Trattat FUE] u l-kundizzjonijiet ta’ politika possibbli marbuta mal-assistenza finanzjarja [li] għandhom jiġu minquxa fid-dritt tal-Unjoni”, fi kliem ieħor, il-koerenza bejn it-Trattat MES u t‑Trattat FUE.

94.      B’hekk l-Artikoli 5 u 7 tal-imsemmi regolament, li jagħtu d-dettalji dwar kif il‑Kummissjoni u l-BĊE għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet li ngħataw permezz tal-Artikolu 13 tat-Trattat MES, jipprevedu l-adozzjoni ta’ abbozz ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku (isem ieħor għall-memorandum ta’ qbil imsemmi mill-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES) u l-approvazzjoni tiegħu mill-Kunsill, peress li huma l-Istati Membri taż-żona tal-euro biss li għandhom id-dritt ta’ vot (37).

95.      Filwaqt li jirrifletti l-Artikolu 13(7) tat-Trattat MES, l‑Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 472/2013 jagħti lit-trojka, jiġifieri “[i]l-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mal-BĊE, u fejn rilevanti, mal‑FMI”, id-dover li jissorveljaw il-progress li jsir minn Stat Membru fl-implementazzjoni tal-memorandum ta’ qbil.

96.      Bl-istess mod li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES jipprevedi li l-memorandum ta’ qbil għandu jkun “għalkollox konsistenti” mad-dritt tal-Unjoni, l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 472/2013 jimponi li l-programm ta’ aġġustament makroekonomiku jkun kompatibbli mal-Artikolu 152 TFUE u mal-Artikolu 28 tal-Karta.

97.      Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 472/2013, id‑Deċiżjoni 2013/236 indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru ġiet imħassra u ssostitwita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/463, li adottat mill-ġdid il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku li jinsab fid-Deċiżjoni 2013/236 “għal raġunijiet ta’ kjarezza u ta’ ċertezza legali” (38).

98.      Anki jekk l-individwi ma jistgħux juru li huma direttament ikkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni (39), l-Istati Membri xorta huma obbligati permezz tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE, li jistabbilixxu “r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva” (40). Kif spjegajt fil-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod preliminari dwar il‑validità tad‑deċiżjoni ta’ implementazzjoni u l-kompatibbiltà tal‑programm ta’ aġġustament makroekonomiku mat-Trattat FUE, mal‑prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u mal-Karta.

B –    Fuq l-ewwel u t-tielet aggravji

1.      L-argumenti tal-partijiet

99.      Permezz tal-ewwel u tat-tielet aggravji, Mallis et isostnu li d‑digrieti appellati huma vvizzjati minn nuqqas ta’ motivazzjoni tal‑pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-awtorità li realment u effettivament iddeċidiet it-tnaqqis tal-valur tad-depożiti fil-banek Laïki u Trapeza Kyprou jew li fi kwalunkwe każ ipprovokat jew imponiet li dan it‑tnaqqis jiġi implementat mill-awtoritajiet Ċiprijotti, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni tad-Digrieti Nri 103 u 104. Fil-fatt, il‑Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni il-fatt li dan it-tnaqqis jirriżulta biss minn modalitajiet u kundizzjonijiet imposti fuq ir‑Repubblika ta’ Ċipru mill-Kummissjoni u mill-BĊE permezz tad‑dikjarazzjoni kkontestata.

100. Mallis et isostnu li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argument tagħhom li l-grupp tal-euro ma jistax jitqies bħala sempliċi forum ta’ diskussjoni. Peress li dan ma ngħata jew ma ġie ddelegat bl‑ebda kompetenza tal-Kummissjoni u tal-BĊE, għandu jiġi dedott li jikkostitwixxi mezz li permezz tiegħu l-Kummissjoni u l-BĊE jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-MES jew mal‑istabbiltà finanzjarja.

101. Barra minn hekk, skont Mallis et, il-Kummissjoni u l-BĊE huma l-“awturi reali” tad-dikjarazzjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, huma jallegaw li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinjora, kif għamlet, la l‑konstatazzjoni tagħha stess li għamlet fil-punt 61 tad-digrieti appellati li d-dikjarazzjoni kkontestata kien fiha serje ta’ formulazzjonijiet “li jistgħu jidhru kategoriċi”, u lanqas ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-BĊE fil-kuntest tat-Trattat MES li l-Kummissjoni tinnegozja u tiffirma l‑memorandum ta’ qbil u, flimkien mal-BĊE, tissorvelja l‑implementazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat tal-miżuri previsti minn dan il-memorandum.

102. Il-Kummissjoni ssostni li Mallis et ma jidentifikawx il-punti tad‑digrieti appellati li huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. L-ewwel aggravju għandu għalhekk jitqies bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ huwa infondat, peress li d-digrieti appellati huma immotivati biżżejjed.

103. Skont il-Kummissjoni, Mallis et fl-appelli tagħhom sostnew, mingħajr ebda motivazzjoni, li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi, essenzjalment, deċiżjoni komuni tal-BĊE u tal-Kummissjoni li jaġixxu “permezz tal-grupp tal-euro”. Dan l-argument ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali permezz ta’ argument issostanzjat.

104. L-argument li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-fatt li r‑Repubblika ta’ Ċipru u b’mod partikolari l-Gvernatur tal-BĊĊ kull ma għamlu kien li applikaw id-deċiżjonijiet tal-grupp tal-euro huwa ineffettiv għaliex huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li d‑dikjarazzjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kummissjoni u mill-BĊE. Fi kwalunkwe każ, dan huwa argument inammissibbli u ineffettiv għaliex ma għandu l-ebda rabta mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-legalità tal-att ikkontestat.

105. Il-BĊE jinnota li Mallis et jippruvaw jikkontestaw il‑konklużjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda dubju li din l-evalwazzjoni tal-fatti ma hija vvizzjata minn l-ebda żball ta’ liġi, peress li l-allegazzjonijiet ta’ Mallis et ma humiex, skont l-BĊE, sostnuti minn raġunament konkret jew mill-ġurisprudenza.

106. Il-BĊE jqis, madankollu, li Mallis et fl-appelli tagħhom ma jressqu l-ebda argument sabiex isostnu l-allegazzjoni tagħhom li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l‑Kummissjoni u l-BĊE ma humiex l-awturi reali tad-dikjarazzjoni kkontestata, u sempliċement irrepetew l-argumenti li ġew miċħuda mill‑Qorti Ġenerali.

2.      Evalwazzjoni

107. Peress li l-ewwel u t-tielet aggravji huma intiżi speċifikament sabiex jikkontestaw il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali li tgħid li d-dikjarazzjoni kkontestata ma hijiex imputabbli la lill-Kummissjoni u lanqas lill-BĊE, għandhom jiġu ttrattati flimkien, billi huma relatati suffiċjentement mal-punti  41 sa 50 tad-digrieti appellati.

108. Fuq il-mertu, l-osservazzjonijiet li jidhru fil-punti 54 sa 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet jwassluni sabiex nikkonkludi li d-dikjarazzjoni kkontestata ma tistax tiġi imputata lill-Kummissjoni jew lill-BĊE u li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, il‑Kummissjoni u l-BĊE jidħlu biss fil-kuntest ta’ din il-proċedura bħala mandatarji tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MES sabiex jinnegozjaw, jissorveljaw u jiffirmaw bħala mandatarji l-memorandum ta’ qbil. Fuq kollox, kif tosserva l-Qorti Ġenerali fil-punt 43 tad-digrieti appellati, la mir-regoli relatati mal-grupp tal-euro u lanqas mill-fatti ma jirriżulta li “din l-entità rċeviet delega tal-kompetenza mill-Kummissjoni jew mill-BĊE, u lanqas li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jeżerċitaw kompetenzi ta’ kontroll fir-rigward tagħha jew li jressqulha xi rakkomandazzjonijiet, u wisq inqas xi istruzzjonijiet vinkolanti”.

109. Minkejja dan, jiena nistaqsi (anki jekk dan ma jbiddel bl-ebda mod id-destin tal-appelli inkwistjoni) jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex qabel xejn tiddikjara r-rikors inammissibbli, sa fejn kien indirizzat b’mod ċar kontra l-Kummissjoni u l-BĊE għall-annullament ta’ att tal‑grupp tal-euro.

110. Huwa minnu, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 36 tad‑digrieti appellati, li “[l]-isem fir-rikors, bi żball, ta’ konvenuta li ma tkunx l-awtur tal-att ikkontestat ma jwassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors, jekk dan tal-aħħar ikun jinkludi elementi li jippermettu l-identifikazzjoni mingħajr ambigwità tal-parti li kontriha dan ikun ġie ppreżentat, bħall-isem tal-att ikkontestat u tal-awtur tiegħu”.

111. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ammissibbli rikors ippreżentat kontra l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u mhux kontra l-Bord tal-Gvernaturi tiegħu fi żmien meta, skont l-Artikolu 180(b) tat‑Trattat KEE, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha kompetenza tiddeċiedi kawżi dwar il-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI (41). Hija ddeċidiet li “għalkemm il-kliem fl-introduzzjoni tar-rikors jirreferi għall‑Bank bħala l-konvenut, ir-rikors espressament jirreferi għall‑Artikolu 180(b) tat-Trattat KEE u jispeċifika fl-introduzzjoni li r‑rikors għandu bħala għan ‘l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal‑Gvernaturi tal-Bank’. Dawn l-elementi jippermettu li jiġi kkonstatat mingħajr ambigwità li r-rikors huwa indirizzat kontra l-Bord tal‑Gvernaturi bħala korp ikkonċernat tal-Bank u li r-rikors jissodisfa r‑rekwiżiti tal-Artikolu 38(1) tar-Regoli tal-Proċedura” (42).

112. Iktar reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala ammissibbli rikors għal annullament kontra direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja iżda indirizzat biss kontra l-Kunsill (43). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-identifikazzjoni, fil-verżjoni oriġinali tar-rikors, tad-[Direttiva 2002/15/UE] ‘tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill’ bħala s-suġġett tar-rikors għal annullament tammonta għal indikazzjoni, impliċita iżda ċerta, kemm tal-Parlament u kemm tal‑Kunsill bħala konvenuti u ma tippermetti li jkun hemm ebda dubju li l-intenzjoni tar-rikorrent kienet, sa mill-bidu nett, li jressaq ir-rikors kontra dawn iż-żewġ istituzzjonijiet” (44).

113. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja kien ikkorreġa r-rikors tiegħu fit-terminu tar-rikors sabiex jinnomina lill-Parlament u lill‑Kunsill bħala konvenuti, u għalhekk il-Parlament seta’ jipparteċipa fil-proċedura u jiddefendi lilu nnifsu.

114. Jiena ma naħsibx li din il-kawża fiha “żball” bħal dak ikkonstatat fid-digriet Il‑Kummissjoni vs BEI (85/86, EU:C:1986:292) u fis-sentenza Spanja u Il‑Finlandja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑184/02 u C‑223/02, EU:C:2004:497) li ma pprekludix fil-kawżi li taw lok għal dan id-digriet u għal din is-sentenza, li jiġi kkorreġut ir‑rikors. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 37 tad-digrieti appellati, Mallis et insistew dwar id-deċiżjoni tagħhom li jippreżentaw ir-rikorsi tagħhom kontra l-Kummissjoni u l-BĊE u mhux kontra l-grupp tal-euro.

115. Għalhekk, jekk il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tapplika għal din il‑kawża l-kunċett ta’ “żball” li tqajjem fil-punt 36 tad-digrieti appellati (45) sabiex tanalizza l-imputabbiltà lill-Kummissjoni u lill-BĊE tad-dikjarazzjoni kkontestata, hija setgħet tibbaża ruħha sabiex tagħmel dan fuq ġurisprudenza oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja (46).

116. Fil-fatt, fil-punt 14 tas-sentenza tagħha Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271), il-Qorti tal‑Ġustizzja kienet iddeċidiet li “ma huwiex biżżejjed li att jiġi kklassifikat bħala ‘deċiżjoni tal-Istati Membri’ sabiex ma jkunx suġġett għall-istħarriġ stabbilit bl-Artikolu [263 TFUE]. Sabiex isir dan, ikun hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk l-att inkwistjoni, fid-dawl tal‑kontenut tiegħu u ċ-ċirkustanzi kollha li fihom kien adottat, huwiex fir-realtà deċiżjoni tal-Kunsill”. Minn dan isegwi li, peress li l-grupp tal‑euro ma huwiex organu jew korp tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali setgħet fuq din il-bażi teżamina, fil-punti 38 sa 50 tad-digrieti appellati, l-imputabbiltà tad-dikjarazzjoni kkontestata lill-Kummissjoni u lill‑BĊE.

117. Konsegwentement, jekk hemm żball ta’ liġi fil-motivazzjoni tal-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-imputabbiltà lill-Kummissjoni u lill-BĊE tad-dikjarazzjoni kkontestata, din l-analiżi setgħet issir u tkun ibbażata fuq motiv ieħor.

118. L-ewwel u t-tielet aggravji tal-appell għandhom madankollu jiġu miċħuda bħala infondati.

C –    Fuq it-tieni aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

119. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, Mallis et jqisu li l‑Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ċaħdet l-argument tagħhom li d‑deċiżjoni kkontestata hija att li jista’ jiġi kkontestat peress li dan ipproduċa effetti legali u wassal għal sitwazzjoni ġuridika u fattwali li fiha tpoġġew ir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali sostniet ukoll l-argument arbitrarju li r-Repubblika ta’ Ċipru biss hija responsabbli għat-tnaqqis tal-valur tad-depożiti.

120. Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju ma huwiex fondat għaliex il-Qorti Ġenerali esponiet b’mod issostanzjat ir-raġunijiet li għalihom l-att ikkontestat ma jistax jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Dan jirriżulta, kif korrettament tirrileva l-Qorti Ġenerali, kemm mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-funzjonament tal-grupp tal-euro, li ma jawtorizzawhx jadotta atti legali vinkolanti, kif ukoll mill-kliem tad‑dikjarazzjoni kkontestata, li hija ta’ natura purament informattiva.

121. Il-BĊE jsostni li r-rikorrenti ma ressqux argumenti preċiżi sabiex jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-grupp tal-euro ma kellux is-setgħa li jieħu miżuri vinkolanti, u għalhekk, bħala definizzjoni, li d-dikjarazzjonijiet tiegħu ma kinux jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi fis-sens tal‑Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, il-BĊE jfakkar li l-appell għandu jindika b’mod preċiż il-motivi u l-argumenti ta’ dritt invokati. Issa, Mallis et jillimitaw ruħhom sabiex jiddikjaraw li l-Qorti Ġenerali kellha tinterpreta b’mod differenti l-partijiet hawn fuq imsemmija, mingħajr ma jressqu argument ta’ dritt f’dan ir-rigward. Anki dan l‑aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

2.      Evalwazzjoni

122. Għandu jitfakkar li “skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilmenti indirizzati kontra motivi inklużi biss għall-finijiet ta’ kompletezza ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk huma ineffettivi” (47).

123. Hekk kif l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar dan is-suġġett fil-punti 51 sa 62 tad-digrieti appellati ma saritx ħlief “għal finijiet ta’ kompletezza”, it-tieni aggravju, anki jekk kien fondat, ma jistax iwassal għall-annullament tad-digrieti appellati.

124. Konsegwentement, dan huwa aggravju ineffettiv li għandu jiġi miċħud.

125. Minkejja dan, u sabiex inkun eżawrijenti u b’riferiment għall‑punti 54 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, lil hinn mir-raġunament tiegħi fuq il-kwalità jew le tal-grupp tal-euro bħala korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jidhirlix li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-dikjarazzjoni kkontestata ma setgħetx tipproduċi effetti legali fir‑rigward ta’ terzi.

126. Ċertament, kif il-Qorti Ġenerali tat x’tifhem fil-punt 61 tad‑digrieti appellati (li jitkellmu fuq “formulazzjonijiet li jistgħu jidhru kategoriċi”), il-lingwaġġ u l-kontenut tad-dikjarazzjoni kkontestata ma humiex kompletament konformi mad-definizzjoni u mal-missjonijiet tal-grupp tal-euro li jinsabu fil-Protokoll Nru 14, jiġifieri laqgħa informali tal-Ministri tal-Istati Membri taż-żona tal-euro “sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet marbuta mar‑responsabbiltajiet speċifiċi li [dawn tal-aħħar] jaqsmu fejn tidħol il-munita unika”.

127. Nirreferi b’mod partikolari għall-partijiet tad-dikjarazzjoni kkontestata fejn il-grupp tal-euro jiddikjara li huwa laħaq ftehim mal‑awtoritajiet Ċiprijotti f’dak li jirrigwarda l-elementi essenzjali tal‑programm ta’ aġġustament makroekonomiku u li huwa talabhom, kif ukoll lill-Kummissjoni, lill-BĊE u lill-FMI, sabiex jiffinalizzaw il‑memorandum ta’ qbil li jkopri dawn l-elementi (48).

128. Dawn l-elementi essenzjali inklużi fid-dikjarazzjoni kkontestata kif ukoll fl-anness tagħha kienu l-garanzija tad-depożiti bankarju sa EUR 100 000, l-għeluq tal-Laïki, id-diviżjoni ta’ din tal-aħħar fi struttura ta’ trasferiment ta’ assi u f’bank riorganizzat, it-teħid mill-ġdid tal-bank riorganizzat mit-Trapeza Kyprou u l-parteċipazzjoni tad‑depożitanti fil-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ta’ dawn iż-żewġ banek sal-ammont mhux iggarantit (49), peress li l-legalità ta’ dan tal‑aħħar kien ikkontestat minn Mallis et permezz tar-rikorsi għal annullament tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali.

129. Madankollu, il-grupp tal-euro “laqa’” il-pjan ta’ ristrutturazzjoni tas-settur finanzjarju tar-Repubblika ta’ Ċipru, “ħa konjizzjoni” tal-obbligi meħuda mill-awtoritajiet Ċiprijotti u “stenna” li l-Bord tal-Gvernaturi tal-MES japprova fi żmien qasir il-proposta ta’ qbil relatata mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja, kliem li juru n-nuqqas ta’ deċiżjoni b’effetti legali vinkolanti.

130. Barra minn hekk, nirrileva l-fatt li d-dikjarazzjoni kkontestata ġiet adottata fil-25 ta’ Marzu 2013, wara li, fid-19 ta’ Marzu 2013, il‑Parlament Ċiprijott irrifjuta abbozz ta’ liġi li kien jimponi taxxa fuq id-depożiti bankarji kollha tar-Repubblika ta’ Ċipru, kundizzjoni li l-grupp tal-euro kien semma fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-16 ta’ Marzu 2013, meta kkunsidra li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lir-Repubblika ta’ Ċipru kienet, fil‑prinċipju, iġġustifikata (50).

131. Nirrileva wkoll il-fatt li l-awtoritajiet Ċiprijotti immedjatament adottaw miżuri oħra nazzjonali li ppermettew l-implementazzjoni tal-ftehim politiku msemmi fid-dikjarazzjoni kkontestata. Fil-fatt, it-tnaqqis tal‑valur ta’ depożiti bankarji fi ħdan il-Laïki u t-Trapeza Kyprou ġie previst fid-Digrieti Nru 103 u Nru 104 adottati mill-BĊĊ u li daħlu fis‑seħħ fid-29 ta’ Marzu 2013 (51).

132. Din ir-rabta ċertament turi li l-grupp tal-euro mingħajr dubju għandu piż politiku kunsiderevoli u li l-Istati Membri jħossu ruħhom marbutin bil-ftehim maqbula fi ħdan dan il-forum. Madankollu, dan ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjoni kkontestata pproduċiet effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi fis-sens tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

133. Konsegwentement, naqbel mal-osservazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 61 tad-digrieti appellati, li l-miżuri deċiżi mill-grupp tal-euro “ma jistgħux jinqraw b’mod iżolat, iżda għandhom, għall-kuntrarju, jitpoġġew fil-kuntest tagħhom, li juri b’mod ċar il-kontenut purament informattiv tad-dikjarazzjoni kkontestata”.

134. L-istess ma japplikax għad-dispożizzjonijiet tad‑Deċiżjoni 2013/236 u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/436 (52), li, rispettivament, fl-Artikoli 2(6)(d) u 2(5)(c) tagħhom jibdlu l-impenn tar-Repubblika ta’ Ċipru li tnaqqas il-valur tad-depożiti bankarji f’obbligu legali vinkolanti. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma ssemmewx f’dawn l-appelli.

135. Għal dawn ir-raġunijiet, it-tieni aggravju tal-appelli ta’ Mallis et għandu jiġi miċħud.

D –    Fuq ir-raba’ aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

136. Permezz tar-raba’ aggravju, Mallis et jirreferu għall-kundanna tagħhom għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u jsostnu li, jekk l-appell jiġi milqugħ, huma ma għandhomx jiġu kkundannati għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza.

137. Il-Kummissjoni ssostni li t-talba għall-kundanna tal-ispejjeż tal-proċedura hija mressqa b’mod żbaljat mir-rikorrenti bħala aggravju ta’ appell.

138. Il-BĊE jsostni li dan l-aggravju huwa intiż sabiex itawwal l‑eżekuzzjoni tad-digrieti appellati u jfakkar f’dan ir-rigward li, skont l‑Artikolu 278 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja, appell ma għandux effett sospensiv.

2.      Evalwazzjoni

139. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 65 tad-digriet Schmoldt et vs Il‑Kummissjoni (C‑342/04 P, EU:C:2005:562), “skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ‘appell ma jistax isir biss fuq l-ammont ta’ l-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom’. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-każ fejn l‑aggravji kollha l-oħra ta’ appell ġew miċħuda, it-talbiet dwar l‑allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, skont din id‑dispożizzjoni” (53).

140. Peress li r-raba’ aggravju jirrigwarda biss l-ispejjeż u peress li l‑aggravji l-oħra għandhom jiġu miċħuda, ir-raba’ aggravju għandu wkoll jiġi miċħud bħala inammissibbli.

VII – Konklużjoni

141. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appelli, u

–        tikkundanna lil Konstantinos Mallis, Elli Konstantinou Malli, Tameio Pronoias Prosopikou Trapezis Kyprou, Petros Chatzithoma, Elenitsa Chatzithoma, Lella Chatziioannou u Marinos Nikolaou għall-ispejjeż tagħhom, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni u mill-BĊE f’partijiet indaqs.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – It-test kollu tal-memorandum ta’ qbil jinsab bil-lingwa Ingliża fis-sit internet tal‑Ministeru tal-Finanzi (Ypourgeío Oikonomikón) tar-Repubblika ta’ Ċipru fl-indirizz li ġej: http://www.mof.gov.cy/mof/mof.nsf/All/B331D12F3608B009C2257D5D00239594/$file/Memorandum%20of%20Understanding%20April%202013.pdf.


3 –      Traduzzjoni mhux uffiċjali.


4 –      It-Trapeza Kyprou Dimosia Etaira Ltd huwa spiss imsejjaħ b’ismu jew bl-inizjali tiegħu bl-Ingliż, jiġifieri “Bank of Cyprus” jew “BoC”.


5 –      Qed nirreferi għall-isem Grieg tas-Cyprus Popular Bank Public Co. Ltd, “Laïki” (“popolari” bil-Grieg).


6 – ĠU L 141, p. 32.


7 – ĠU L 141, p. 1. Flimkien mar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2013, dwar dispożizzjonijiet komuni għall‑monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal‑korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, p. 11), ir-Regolament Nru 472/2013 huwa parti mir-riforma msejħa “two-pack” intiża sabiex issaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro.


8 – ĠU L 250, p. 40.


9 – It-test sħiħ tad-dikjarazzjoni kkontestata hija disponibbli biss bl-Ingliż fuq is-siti internet tal-Kummissjoni (http://ec.europa.eu/spain/pdf/acuerdo-eurogrupo-chipre.pdf) u tal-Kunsill (http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ecofin/136487.pdf).


10 – Dawn huma t-To peri diasosis me idia mesa tis Trapezas Kyprou Dimosias Etaireias Ltd Diatagma tou 2013, Kanonistiki Dioikitiki Praxi No. 103 [digriet tal‑2013 dwar ir-riorganizzazzjoni permezz ta’ mezzi proprji tat-Trapeza Kyprou, att amministrattiv leġiżlattiv Nru 103 (Digriet Nru 103), EE, Anness III(I), Nru 4645, 29 ta’ Marzu 2013, p. 769 sa 780], u t-To Peri tis Polisis Orismenon Ergasion tis Cyprus Popular Bank Public Co Ltd Diatagma tou 2013, Kanonistiki Dioikitiki Praxi No. 104 [digriet tal-2013 dwar il-bejgħ ta’ ċerti attivitajiet tal-Laïki, att amministrattiv leġiżlattiv Nru 104 (Digriet Nru 104), EE, Anness III(I), Nru 4645, 29 ta’ Marzu 2013, p. 781 sa 788].


11 – Din il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni hija spiss imsejħa “haircut” (tnaqqis) ta’ depożiti bankarji jew “bail-in” tal-banek Ċiprijotti. It-terminu “bail-out” ifisser operazzjoni ta’ salvataġġ li fiha r-responsabbiltà tinġarr minn investituri esterni jew mill-kontribwent. It-terminu “bail-in”, għall-kuntrarju, ifisser operazzjoni ta’ salvataġġ li fiha l-kredituri tal-bank huma obbligati jaċċettaw il-kanċellament ta’ parti mill-kreditu tagħhom.


12 – Ara l-punt 37 tad-digrieti appellati.


13 – Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14.


14 – Punt 44 tad-digrieti appellati.


15 – Punt 61 tad-digrieti appellati.


16 – Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE, tal-1 ta’ Diċembru 2009, li temenda r‑Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, p. 35).


17 – Affarijiet ġenerali; affarijiet barranin; affarijiet ekonomiċi u finanzjarji; ġustizzja u affarijiet interni; impjiegi, politika soċjali, saħħa u affarijiet tal-konsumatur; kompetittività (suq intern, industrija, riċerka u l-ispazju); trasport, telekomunikazzjonijiet u enerġija; agrikoltura u sajd; ambjent; edukazzjoni, żgħażagħ u kultura u sport.


18 – Ara s-sit internet tal-Kunsill fl-indirizz li ġej: http://www.consilium.europa.eu/fr/council-eu/eurogroup/.


19 – Il-grupp ta’ ħidma tal-grupp tal-euro huwa istanza preparatorja tal-laqgħat tal‑grupp tal-euro li jinkludi lir-rappreżentanti, fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, tal-Istati Membri li huma parti miż-żona tal-euro, il-Kummissjoni u l‑BĊE.


20 – Ara s-sit internet tal-Kunsill fl-indirizz li ġej: http://www.consilium.europa.eu/fr/council-eu/eurogroup/eurogroup-working-group/.


21 – Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14.


22 – Ara s-sentenza Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punti 58 u 59).


23 – Nirrimarka li l-Qorti tal-Awdituri ma hijiex iċċitata fl-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE minkejja li hija, kif previst fl-Artikolu 13(1) TUE, istituzzjoni tal-Unjoni u mhux biss korp jew organu tagħha. Il-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjonijiet għandhomx a fortiori jiġu kkunsidrati bħala korpi jew organi tal‑Unjoni jew jekk din il-lakuna hijiex żball jew l-espressjoni tal-fatt li l-attijiet ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament għad ma ġietx diskussa.


24 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2014:2416, punt 51): “anki fl‑assenza ta’ dispożizzjoni espressa li tagħti lill-entità inkwistjoni l-personalità ġuridika, inqis li l-formulazzjoni tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE toħloq preżunzjoni qawwija ħafna fis-sens li jekk l-istituzzjonijiet joħolqu entità li tista’ tieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-individwi, għandu xorta waħda jkun jeżisti rimedju ġudizzjarju”.


25 – Ara, wkoll, il-punt 105 ta’ din is-sentenza.


26 – Artikolu 13(5) tat-Trattat MES.


27 – Parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi bħala osservaturi, negozjati, firma u sorveljanza tal-implementazzjoni tal-memorandum ta’ qbil mill-Istat Membru kkonċernat.


28 – Ara s-sentenza Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 170 sa 176).


29 – Ara, wkoll, is-sentenza Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 174).


30 – Ara, fil-każ tar-Repubblika ta’ Ċipru, id-Deċiżjoni 2013/236, li l-Artikolu 2(6)(d) tagħha jipprevedi li: “[i]l-programm [ta’ aġġustament makroekonomiku] għandu jipprevedi dawn il-miżuri u riżultati: […] li jittieħdu passi biex jiġi minimizzat il‑kost tar-ristrutturar tal-banek għall-kontribwenti.” Dan it-tnaqqis fl-ispiża għall‑kontribwent neċessarjament ifisser il-parteċipazzjoni tad-depożitanti u għalhekk it-tnaqqis tal-valur ta’ depożiti bankarji. Ara wkoll, fil-każ tar-Repubblika Ellenika, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE, tat-8 ta’ Ġunju 2010, indirizzata lill‑Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill‑Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 145, p. 6), kif emendata, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE, tat-12 ta’ Lulju 2011, indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat‑tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 296, p. 38), kif emendata.


31 – Ara s-Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat) (assemblea plenarja) 668/2012, punt 27, u s‑Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat) (assemblea plenarja) 2307/2014, punt 19.


32 – Ara s-Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat) (assemblea plenarja) 668/2012, punt 27, u s‑Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat) (assemblea plenarja) 2307/2014, punt 19.


33 – Ara s-Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat) (assemblea plenarja) 668/2012, punt 27.


34 – Mhux appellati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


35 – Ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti kinux ikkonċernati b’mod individwali peress li l-kundizzjonijiet huma kumulattivi. Madankollu naħseb li, f’dawn il‑każijiet, ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kkonċernati b’mod individwali.


36 – F’dak li jirrigwarda din il-kawża, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza tal‑Anotato Dikastirio Kyprou (qorti suprema tar-Repubblika ta’ Ċipru), id-depożitanti milquta bit-tnaqqis fil-valur tal-kontijiet tagħhom ma għandhomx interess ġuridiku għal rikors għal annullament kontra d-Digrieti Nru 103 u Nru 104, għaliex dawn id-digrieti ma jirrigwardawx ir-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-individwi iżda huma indirizzati lejn il-banek ikkonċernati, jiġifieri l-Laïki u t-Trapeza Kyprou (sentenzi Myrto Christodoulou et vs Kentriki Trapeza Kyprou et, Kawża Nru 553/2013 et, 7 ta’ Ġunju 2013, u Vias Dimitriou et vs Kentriki Trapeza Kyprou et, Kawża Nru 1034/2013 et, 9 ta’ Ottubru 2014). Skont din il-ġurisprudenza, id-depożitanti, abbażi tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom mal-bank jistgħu jipproċedu b’rikors għad-danni kontrih quddiem il-qrati ċivili, proċedura li fiha r-Repubblika ta’ Ċipru tista’ tissejjaħ. F’dan il-kuntest, il‑kwistjoni tal-legalità tad-Digrieti Nru 103 u Nru 104 u l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tista’ titqajjem sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ċivili tal-bank u tal‑Istat. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dan ma jidhirlix li huwa biżżejjed sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 19 TUE.


37 – Ara l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 472/2013.


38 – Premessa 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/463.


39 – Ara l-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41 – Ara d-digriet Il-Kummissjoni vs Il-BEI (85/86, EU:C:1986:292)


42 – Ara d-digriet Il‑Kummissjoni vs Il‑BEI (85/86, EU:C:1986:292, punt 6).


43 – Ara s-sentenza Spanja u Il‑Finlandja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑184/02 u C‑223/02, EU:C:2004:497).


44 – Ara s-sentenza Spanja u Il‑Finlandja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (C‑184/02 u C‑223/02, EU:C:2004:497, punt 17).


45 – Ara l-punt 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46 – Ara l-punti 19 u 20 tas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l‑argument li l-fatt li l-Kummissjoni hija inkarigata mill-ġestjoni ta’ għajnuna speċjali lill-Bangladesh kien biżżejjed sabiex tiġi imputata lill-Kunsill id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri li taw din l-għajnuna, peress li “ir-raba’ paragrafu ta[l]-Artikolu 155 tat-Trattat KE effettivament ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jinkarigaw lill-Kummissjoni sabiex tieħu ħsieb il-koordinazzjoni ta’ azzjoni kollettiva meħuda minnhom abbażi ta’ att tar-rappreżentanti taghhom magħquda fi ħdan il-Kunsill”.


47 – Digriet Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (C‑188/06 P, EU:C:2007:158, punt 64). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P,EU:C:2005:40, punt 148) u UASI vs Celltech (C‑273/05 P, EU:C:2007:224, punti 56 u 57) u d-digriet Piau vs Il‑Kummissjoni (C‑171/05 P, EU:C:2006:149, punt 86).


48 – “Il-grupp tal-euro kkonkluda ftehim mal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar l-elementi essenzjali ta’ programm futur ta’ aġġustament makroekonomiku. Dan il-ftehim għandu s-sostenn tal-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro kif ukoll [tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI] […]. Il-grupp tal-euro jitlob lill-awtoritajiet Ċiprijotti u lill-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u mal-FMI, sabiex jiffinalizzaw il‑memorandum ta’ qbil fil-livell tas-servizzi kkonċernati għall-bidu [tax-xahar ta’] April […].”


49 – Ara l-punti 30 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50 – Ara l-punti 25 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51 – Ara l-punti 32 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52 – Ara, b’analoġija, Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat) (assemblea plenarja) 668/2012, punt 27, u Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat) (assemblea plenarja) 2307/2014, punt 19, kif ukoll il-punti 86 sa 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53 – Ara, wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Henrichs vs Il‑Kummissjoni (C‑396/93 P, EU:C:1995:280, punti 65 u 66); Il‑Kummissjoni u Franza vs TF1 (C‑302/99 P u C‑308/99 P, EU:C:2001:408, punt 31); Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni (C‑57/00 P u C‑61/00 P, EU:C:2003:510, punt 124), u Tralli vs BĊE (C‑301/02 P, EU:C:2005:306, punt 88).