Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Jannar 2011 - Il-Portugall vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-2/11)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Portugiża (rappreżentanti: L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u J. Saraiva de Almeida, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7555, tal-4 ta' Novembru 2010, li teskludi ċertu nfiq mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR), minn finanzjament mill-Unjoni Ewropea, sa fejn tapplika korrezzjoni finanzjarja fil-Miżura POSEI fil-konfront tal-Portugall, għas-snin 2005, 2006 u 2007, ta' ammont totali ta' EUR 743 251.25.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi: ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 1; żball fl-interpretazzjoni tal-premessa 28 tar-Regolament Nru 43/2003 2; ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 3; ksur tal-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' proporzjonalità.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 885/2006 sa fejn hija ma indikat ebda riżultati ta' verifiki u ebda osservazzjonijiet li jikkonċernaw is-snin 2005 u 2006, biex b'hekk ipprekludiet lill-awtoritajiet Portugiżi milli juru li l-konklużjonijiet tagħha ma kinux eżatti fil-parti fejn isir referiment għal dawn is-snin jew milli tikkorreġi nuqqasijiet b'tali mod li tissodisfa r-regoli Komunitarji u, għaldaqstant ipprekludietha milli tibbenefika mill-garanzija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri permezz ta' din id-dispożizzjoni.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 28 tar-Regolament Nru 43/2003 sa fejn, minn naħa, ikkunsidrat li l-investigazzjoni magħmula mill-awtoritajiet Portugiżi kienet insuffiċjenti fid-dawl tar-regoli tal-Unjoni minħabba l-livell ta' irregolaritajiet ivverifikati, mingħajr madankollu ma spjegat, fl-ebda mument, fhiex u għalfejn dawn l-investigazzjonijiet kellhom ikunu differenti jew iktar dettaljati, iżda, min-naħa l-oħra, b'kontradizzjoni, ikkunsidrat l-istess investigazzjoni suffiċjenti għall-kalkolu tal-korrezzjoni finanzjarja.

Barra minn hekk il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-infiq li għandu jiġi eskluż mill-finanzjament Komunitarju meta tikkonkludi li dan l-infiq ma sarx skont ir-regoli Komunitarji, billi eskludiet mill-finanzjament Komunitarju l-infiq magħmul mir-Repubblika Portugiża meta kkonkludiet, b'mod żbaljat, li dan l-infiq ma sarx skont l-istess regoli.

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, sa fejn, fil-verifika tal-kontabbiltà FAEG (Garanzija), injorat kompletament id-direttivi stabbiliti tad-Dokument ta' xogħol VI/5330/97 tat-23.12.1997, direttivi li stabilixxiet u imponiet hija stess b'applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, b'mod partikolari fil-qasam tal-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li, ukoll minħabba nuqqas ta' osservanza tad-direttivi msemmija iktar 'il fuq, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' proporzjonalità. Fil-fatt, hija kisret il-prinċipju ta' ugwaljanza billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tar-Repubblika Portugiża bl-stess mod li ħadet inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet ugwali oħra, b'mod partikolari billi applikat rata ta' korrezzjoni finanzjarja ta' 5 %, skont dawn id-direttivi. Hija kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità billi, preċiżament minħabba n-nuqqas ta' osservanza ta' dawn id-direttivi, il-Kummissjoni applikat rati ta' korrezzjoni ħafna ogħla, jiġifieri, bejn 44.32 % u 90.48 %, mir-rata li kienet ġustifikata fid-dawl tad-dannu finanzjarju kkonċernat.

Ukoll f'din l-aħħar sekwenza ta' motivi, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, li jgħid:"[i]l-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi filwaqt li tqis b'mod partikolari il-livell misjub tan-nuqqas ta' konformità. Il-Kummissjoni għandha tqis in-natura u l-gravità tal-kontravenzjoni u tat-telf finanzjarju sofrut mill-Komunità".

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal- 21 ta' Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta' korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR.

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 43/2003, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001 u (KE) Nru 1454/2001 f'dak li jirrigwardja l-għajnuna għall-produzzjoni lokali ta' prodotti minn uċuħ tar-raba fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni Ewropea.

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola.