Language of document : ECLI:EU:T:2014:93

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

27 ta’ Frar 2014 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitatjiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu — Iffriżar ta’ fondi — Bażi legali — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball ta’ fatt — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Dritt għall-proprjetà — Libertà tal-intrapriża”

Fil-Kawża T‑256/11,

Ahmed Abdelaziz Ezz, residenti fi Giseh (l-Eġittu),

Abla Mohammed Fawzi Ali Ahmed, residenti f’Londra (ir-Renju Unit),

Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin, residenti f’Londra,

Shahinaz Abdel Azizabdel Wahab Al Naggar, residenti fi Giseh,

inizjalment irrappreżentati minn M. Lester, barrister, u J. Binns, solicitor, sussegwentement minn Binns, J. Lewis, QC, B. Kennelly, barrister, u I. Burton, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u I. Gurov, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher, M. Konstantinidis u A. Bordes, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, tal-21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU L 76, p. 63), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011, tal-21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU L 76, p. 4), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-12 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Wara l-avvenimenti politiċi li seħħew fl-Eġittu minn Jannar 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fil-21 ta’ Marzu 2011, fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2011/172/PESK, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU L 76, p. 63).

2        Skont il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2011/172:

“(1)      Fil-21 ta’ Frar 2011, l-Unjoni Ewropea ddikjarat li hija lesta tappoġġa t-transizzjoni paċifika u ordinata għal gvern ċivili u demokratiku fl-Eġittu bbażat fuq l-istat tad-dritt, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u tappoġġa sforzi sabiex tinħoloq ekonomija li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali u tippromwovi t-tkabbir ekonomiku.

(2)      F’dan il-kuntest, għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi kontra persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan u li b’hekk qed iċaħħdu lill-poplu Eġizzjan mill-benefiċċji ta’ żvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u jimminaw l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż.”

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/172:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li ġew identifikati bħala responsabbli [“having been identified as responsible”, fil-verżjoni Ingliża] għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan, u persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati

2.      L-ebda fond jew riżors ekonomiku m’għandu jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.

3.      L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt dawk il-kondizzjonijiet li hija tikkunsidra adatti, wara li tiddetermina li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

a)      meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness u tal-membri dipendenti tal-familji tagħhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew dejn ipotekarju, mediċini u kura medika, taxxi, premiums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;

b)      maħsubin esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż magħmula li huma assoċjati mal-għoti ta’ servizzi legali;

c)      maħsubin esklussivament għall-pagament ta’ miżati jew ħlasijiet għal servizzi għaż-żamma jew manteniment ordinarji ta’ fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi, jew

d)      meħtieġa għal spejjeż straordinarji [...]

4.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, sakemm ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)       il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi konċernati jkunu l-oġġett ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1 ġew elenkati fl-Anness, jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

b)       il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi konċernati jkunu ser jintużaw esklussivament biex jissodisfaw pretensjonijiet ibbażati fuq tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f’tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li għandhom tali pretensjonijiet;

c)       il-garanzija jew is-sentenza ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness, u

d)       ir-rikonoxximent tal-garanzija jew tas-sentenza ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

[…]

5.      Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni persuna fiżika jew persuna ġuridika, entità jew korp li jkunu elenkati milli jagħmlu ħlas dovut taħt kuntratt li jkunu daħlu fih qabel id-data li fiha tali persuna, entità jew korp ġew elenkati fl-Anness, sakemm l-Istat Membru konċernat ikun iddetermina li l-ħlas ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna, entità jew korp msemmija fil-paragrafu 1.

6.      Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

a)      imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet, jew

b)      ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li kienu ġew konklużi jew inħolqu qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru suġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2,

sakemm kwalunkwe imgħax bħal dan, u qligħ u pagamenti oħrajn bħal dawn jibqgħu suġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.”

4        Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2011/172:

“Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jiddeċiedi li jistabbilixxi u jemenda l-lista li tinsab fl-Anness.”

5        Skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2011/172:

“L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar ta’ persuni fiżiċi u persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 1(1).”

6        Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2011/172:

“Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) u (2), l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f’din id-Deċiżjoni.”

7        Skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/172:

“Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-22 ta’ Marzu 2012.

Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif meħtieġ, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.”

8        Fl-Anness, id-Deċiżjoni 2011/172 tinkludi “[l]ista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 1”.

9        Is-seba’ linja ta’ din il-linja tinkludi, fl-ewwel kolonna, bit-titolu “Isem”, l-isem ta’ “Ahmed Abdelaziz Ezz”. Fit-tieni kolonna, bit-titolu “Informazzjoni ta’ identifikazzjoni”, huwa ppreċiżat “Ex-Membru tal-Parlament. Data tat-twelid: 12.01.1959. Raġel”. Fl-aħħar nett, fit-tielet kolonna, jissemmew ir-“[r]aġunijiet għall-indikazzjoni”.

10      Fit-tmien linja, fl-ewwel kolonna, bit-titolu “Isem” jissemma “Abla Mohamed Fawzi Ali Ahmed”. Fit-tieni kolonna, bit-titolu “Informazzjoni ta’ identifikazzjoni”, huwa speċifikat: “Mart is-Sur Ahmed Abdelaziz Ezz. Data tat-twelid: 31.01.1963. Mara”. Fl-aħħar nett, fit-tielet kolonna, jissemmew ir-“[r]aġunijiet għall-indikazzjoni”.

11      Fid-disa’ linja, fl-ewwel kolonna, bit-titolu “Isem” tinkludi bl-isem “Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin”. Fit-tieni kolonna, “Informazzjoni ta’ identifikazzjoni”, huwa speċifat: “Mart is-Sur Ahmed Abdelaziz Ezz. Data tat-twelid: 25.05.1959. Mara”. Fl-aħħar nett, fit-tielet kolonna, jissemmew ir-“[r]aġunijiet għall-indikazzjoni”.

12      Fit-tieni linja, fl-ewwel kolonna, bit-titolu “Isem”, jissemma “Shahinaz Abdel Aziz Abdel Wahab Al Naggar”. Fit-tieni kolonna, bit-titolu “Informazzjoni ta’ identifikazzjoni”, huwa speċifikat: “Mart is-Sur Ahmed Abdelaziz Ezz. Data tat-twelid: 09.10.1969. Mara”. Fl-aħħar nett, fit-tielet kolonna, jissemmew ir-“[r]aġunijiet għall-indikazzjoni”.

13      Abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2011/172, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 270/2011, tal-21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU L 76, p. 4). L-Artikolu 2(1) u (2) tiegħu jinkludi, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2011/172. Dan ir-regolament jinkludi “Anness I”, li huwa identiku għall-anness tad-Deċiżjoni 2011/172. Kif jirriżulta mill-premessa 2 tiegħu, huwa kien adottat, peress li l-miżuri stabbiliti bid-Deċiżjoni 2011/172 “[kienu] jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tat-[Trattat FUE b’tali mod li kienet] meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tagħhom”.

14      Fit-22 ta’ Marzu 2011 ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 90, p. 3) notifika għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/172, u fir-Regolament Nru 270/2011

15      Matul il-proċeduri, il-Kunsill estenda, darbtejn, l-applikazzjoni tal-miżuri previsti bid-Deċiżjoni 2011/172. Qabel kollox, permezz tad-Deċiżjoni 2012/159/PESK tiegħu, tad-19 ta’ Marzu 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/172 (ĠU L 80, p. 18), huwa estenda l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri sat-22 ta’ Marzu 2013. Sussegwentement, permezz tad-Deċiżjoni 2013/144/PESK tiegħu, tal-21 ta’ Marzu 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2011/172 (ĠU L 82, p. 54), huwa estenda l-imsemmija miżuri sat-22 ta’ Marzu 2014.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Mejju 2011, Ahmed Abdelaziz Ezz u l-konjuġi tiegħu, jiġifieri, Abla Mohammed Fawzi Ali Ahmed, Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin u Shahinaz Abdel Azizabdel Wahab Al Naggar (iktar ’il quddiem l-“ewwel rikorrent”, it-“tieni rikorrenti”, it-“tielet rikorrenti” u r-“raba’ rikorrenti” rispettivament), ippreżentaw dan ir-rikors, li permezz tiegħu jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom,

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

17      Fl-29 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu. Huwa jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors,

–        tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni Ewropea talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

19      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati, mir-rikorrenti, fid-29 ta’ Settembru 2011 u, mill-Kunsill, fit-23 ta’ Novembru 2011, rispettivament.

20      Permezz ta’ digriet tas-14 ta’ Ottubru 2011, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

21      Permezz ta’ att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni indikat li ma kellhiex l-intenzjoni li tippreżenta nota ta’ intervent.

22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija talbet lir-rikorrenti sabiex jipproduċu diversi dokumenti.

23      Permezz ta’ atti rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 u fl-20 ta’ Frar 2013 rispettivament, il-Kunsill u r-rikorrenti ssodisfaw din it-talba.

24      Permezz ta’ att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti pproduċew prova ġdida.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, instemgħu fis-seduta tas-12 ta’ Marzu 2013.

 Id-dritt

26      Id-Deċiżjoni 2011/172, adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE, tistabbilixxi ffriżar ta’ assi. Hija tinkludi ħames artikoli. L-Artikolu 1(1) jiddefinixxi l-kriterji li persuna għandha tissodisfa sabiex tkun is-suġġett ta’ dan l-iffriżar ta’ assi. L-Artikolu 1(2), (5) u (6) jippreċiża l-portata dan l-iffriżar. L-Artikolu 1(3) u (4) jistabbilixxi l-każijiet li fihom ikun possibbli li ssir deroga minnhom. Minn naħa, l-Artikolu 2, jistabbilixxi l-awtorità kompetenti sabiex tindika l-persuni li jissodisfaw il-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 1(1) u, min-naħa l-oħra, tistabbilixxi b’mod partikolari r-regoli proċedurali applikabbli waqt tali indikazzjoni. L-Artikolu 3 jipprovdi, min-naħa tiegħu, ir-regoli proċedurali li persuna li hija indikata li tissodisfa l-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 1(1) għandha tikkonforma ruħha magħhom. L-Artikolu 4, li huwa nieqes minn kull portata vinkolanti, jinkoraġġixxi l-Istati terzi sabiex jadottaw miżuri simili. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 5 jiddefinixxi l-perijodu li matulu d-deċiżjoni hija applikabbli. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 1 sa 3 u 5 tad-Deċiżjoni 2011/172 japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u li jipproduċu effetti legali fir‑rigward ta’ kategoriji ta’ persuni koperti b’mod ġenerali u astratt. Rigward l-anness tad-Deċiżjoni 2011/172, huwa jelenka d-19-il persuna fiżika li jissodisfaw, skont il-Kunsill, il-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 1(1). Għalhekk, dan l-anness jikkostitwixxi sensiela ta’ miżuri individwali intiżi għall-eżekuzzjoni ta’ dan l-artikolu.

27      Ir-Regolament Nru 270/2011 jippreżenta struttura komparabbli għal dik tad-Deċiżjoni 2011/172. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-Anness 1 tiegħu, li huwa identiku għad-Deċiżjoni 2011/172, jikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni fl-Artikolu 2(1) tiegħu, li huwa redatt b’mod simili għall-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172.

28      F’din il-kawża, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011 sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma jqajmu tmien motivi.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 huma nieqsa minn bażi legali

29      Ir-rikorrenti sostnew, fir-replika, li d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 kienu nieqsa minn bażi legali.

30      Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, it-“Trattat ma joffri ebda bażi legali għal miżura li timponi ffriżar totali u indeterminat ta’ assi ta’ persuni fl-Unjoni Ewropea bl-uniku għan li jgħin lill-awtoritajiet ta’ pajjiż barra l-Unjoni Ewropea sabiex jirkupraw l-assi fit-tmien ta’ serje ta’ proċeduri ġudizzjarji”. Barra minn hekk, fil-fehma tagħhom, mill-ġurisprudenza li tirrigwarda l-Artikoli 60 KE u 301 KE jirriżulta li l-Artikolu 215 TFUE ma jawtorizzax lill-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi fuq persuni fiżiċi ħlief meta tkun teżisti rabta suffiċjenti bejn dawn il-persuni u l-Gvern ta’ pajjiżi terz, jiġifieri l-mexxejja tiegħu u l-persuni assoċjati miegħu. F’din il-kawża, il-Kunsill lanqas allega li huma kienu jeżerċitaw, fid-data tal-atti kkontestati, funzjoni eżekuttivi fl-Eġittu jew kienu assoċjati ma’ persuni li kellhom tali funzjonijiet.

 Għal dak li jikkonċerna l-portata tal-argument tar-rikorrenti

31      Kif ġie sostnut fil-punt 28 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti qed jitolbu biss l-annullament tal-anness tad-Deċiżjoni 2011/172 u tal-Anness 1 tar-Regolament Nru 270/2011. Dawn l-annessi ġew adottati, mhux direttament abbażi ta’ dispożizzjoni tat-Trattati, iżda skont, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011 rispettivament. Għalhekk, billi jinvokaw ksur tat-Trattati, ir-rikorrenti jqajmu, fir-realtà, żewġ eċċezzjonijiet ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE: huma jikkontestaw il-legalità tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011 fir-rigward tat-Trattati.

32      Minn dak li ġie espost fil-punt 30 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ppreżentaw argument speċifiku insostenn ta’ kull waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità’: insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, ir-rikorrenti sostnew, essenzjalment, li dan l-artikolu ma setax jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 29 TUE peress li l-uniku għan tal-iffriżar ta’ assi li huwa stabbilixxa kien li jgħin lill-awtoritajiet Eġizjani sabiex jirkupraw assi fit-tmiem ta’ diversi proċeduri ġudizzjarji; barra minn hekk, insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011, ir-rikorrenti rreferew għall-ġurisprudenza dwar l-Artikoli 60 KE u 301 KE u sostnew li l-Artikolu 215 TFUE jawtorizza lill-Kunsill sabiex jimponi miżuri restrittivi fuq persuni fiżiċi biss fil-każ meta, li ma kienx il-każ tar-rikorrenti, kienet teżisti rabta suffiċjenti bejn dawn il-persuni u l-Gvern ta’ pajjiż terz.

 Għal dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172

33      Qabel tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, għandu, qabel kollox, jiġi ddeterminat is-sens tal-portata tal-Artikolu 29 TUE.

 Is-sens u l-portata tal-Artikolu 29 TUE

34      It-Titolu V tat-Trattat UE jinkludi żewġ kapitoli. L-ewwel wieħed jinkludi d-“dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni” u t-tieni wieħed id-“dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni”.

35      Skont l-Artikolu 23 TUE, li jaqa’ taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu V:

“L-azzjoni ta’ l-Unjoni fix-xena internazzjonali, skond dan il-kapitolu, għandha tkun gwidata mill-prinċipji, għandha tfittex li tilħaq l-objettivi u għandha titwettaq skond id-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fil-Kapitolu 1.”

36      Skont l-Artikolu 21 TFUE, li jaqa’ taħt il-Kapitolu I tat-Titolu V:

“1.      L-azzjoni ta’ l-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji ta’ l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

[…]

2.      L-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem sabiex tassigura grad għoli ta’ koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex:

[…]

b)      tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

[…]

d)      tagħti appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli fuq il-pjan[ijiet] ekonomi[ċi], soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar […]

3.      L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji u tfittex li twettaq l-objettivi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni esterna tagħha fl-oqsma differenti koperti minn dan it-Titolu u mill-ħames parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea [ddedikata għall-azzjoni esterna tal-Unjoni] […]”

37      Skont l-Artikolu 24(1) TUE:

“Il-kompetenza ta’ l-Unjoni f’materji ta’ politika estera u ta’ sigurtà komuni għandha tkopri l-oqsma kollha tal-politika estera u l-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà ta’ l-Unjoni, inkluż it-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni, li tista’ twassal għal difiża komuni […]”

38      L-Artikolu 25 TUE jipprovdi:

“L-Unjoni għandha twettaq il-politika estera u ta’ sigurtà komuni billi:

[…]

b)       tadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu:

i)      l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni;

ii)      il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni;

iii)      l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet previsti fil-[punti] i) u ii) [...].”

39      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28(1) TUE:

“Meta s-sitwazzjoni internazzjonali teħtieġ azzjoni operattiva mill-Unjoni, l-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa. Huma għandhom jistabbilixxu l-objettivi tagħhom, l-ambitu, il-meżżi li għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Unjoni, jekk meħtieġ it-tul ta’ żmien tagħhom, u l-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni tagħhom.

[...]”

40      Skont l-Artikolu 29 TUE:

“Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-atteġġament [pożizzjoni] ta’ l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika […]”

41      Minn dawn id-dispożizzjonijiet magħquda jirriżulta li jikkostitwixxu “pożizzjonijiet tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 29 TFUE, id-deċiżjonijiet li, l-ewwel nett, jaqgħu taħt il-kuntest tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), kif iddefinita fl-Artikolu 24(1) TUE, it-tieni nett, li jirrigwardaw “materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika”, u t-tielet nett, li ma għandhomx natura ta’“azzjonijiet operattivi” fis-sens tal-Artikolu 28 TUE.

42      Il-kunċett ta’ “[pożizzjoni] tal-Unjoni” jista’ għalhekk jingħata interpretazzjoni wiesgħa, b’tali mod li, sakemm il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq jiġu osservati, jistgħu jiġu adottati, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, mhux biss atti li għandhom natura programmatika jew ta’ sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni, iżda wkoll deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri ta’ natura li jemendaw direttament is-sitwazzjoni legali ta’ individwi. Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

43      Ir-rikorrenti ma jikkontestawx direttament il-konklużjoni bbażata fuq il-punti preċedenti. Huma jallegaw biss li deċiżjoni li għandha bħala għan li tgħin awtoritajiet barranin sabiex jirkupraw assi fi tmiem ta’ diversi proċeduri ġudizzjarji ma tistax tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE. Madankollu u fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma tistax teskludi, a priori, li deċiżjoni bħal din tissodisfa t-tliet kriterji msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq, u b’mod partikolari, taqa’ taħt il-kuntest tal-PESK.

 Osservanza tal-previżjonijiet tal-Artikolu 29 TUE

44      F’din il-każ, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, id-Deċiżjoni 2011/172 hija intiża, minn naħa, sabiex “tappoġġa t-transizzjoni paċifika u ordinata għal gvern ċivili u demokratiku fl-Eġittu bbażat fuq l-istat tad-dritt, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali” u, min-naħa l-oħra, sabiex tappoġġa“[l-i]sforzi sabiex tinħoloq ekonomija li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali u tippromwovi t-tkabbir ekonomiku”. Billi tagħmel dan, din id-deċiżjoni taqa’ taħt il-kuntest ta’ politika ta’ appoġġ għall-awtoritajiet il-ġodda Eġizjani, intiża li tiffavorixxi l-istabbiltà kemm politika kif ukoll dik ekonomika tal-Eġittu, u iktar speċifikament, sabiex tgħin l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż fil-ġlied tagħhom kontra l-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat. Għaldaqstant hija tagħmel użu sħiħ tal-PESK u tissodisfa l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) TUE.

45      It-tieni nett, fid-dawl tal-għan tagħha, id-Deċiżjoni 2011/172 kienet tirrigwarda “materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika”. Fil-fatt, it-titolu tagħha, l-istess bħall-premessi tagħha, jindikaw li hija tittieħdet fid-dawl tas-“sitwazzjoni” fi Stat terz, jiġifieri r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.

46      It-tielet nett, l-imsemmija deċiżjoni ma għandhiex in-natura ta’ azzjoni operattiva, fis-sens tal-Artikolu 28 TUE, peress li ma tinvolvix operazzjoni, ċivili jew militari, immexxija minn Stat partikolari jew minn diversi Stati li ma humiex parti mill-Unjoni.

47      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/172 jissodisfa t-tliet kriterji msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq, b’tali mod li huwa jista’ b’mod legali jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 29 TUE.

 Għal dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011

48      Skont l-Artikolu 215 TFUE:

“1. Meta deċiżjoni, li tiġi adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli ta’ l-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà u tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa. Għandu jinforma b’dan lill-Parlament Ewropew.

2. Meta deċiżjoni li tkun adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tipprevedi hekk, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali.

3. L-atti previsti f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali.”

49      F’dan il-każ, ir-Regolament Nru 270/2011 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2011/172. Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-Artikolu 215(2) TFUE ma jirristrinġix il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għad-deċiżjonijiet diretti għal mexxejja ta’ Stati terzi jew ta’ assoċjati tagħhom. Huwa jista’ jservi bħala bażi legali sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi kontra kwalunkwe persuna, irrispettivament mill-istatus tagħha, sakemm dawn il-miżuri kienu previsti minn deċiżjoni li ttieħdet fil-kuntest tal-PESK.

50      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iffriżar ta’ assi stabbilit minn dan ir-regolament, jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172. Konsegwentement, l-iffriżar ta’ assi li huwa jistabbilixxi kien ġie pprovdut minn deċiżjoni li ttieħdet fil-kuntest tal-PESK u tissodisfa l-kundizzjonijiet magħmula mill-Artikolu 215(2) TFUE.

51      Għalhekk din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata billi tiġi invokata l-ġurisprudenza dwar l-Artikoli 60 KE u 301 KE.

52      Ċertament, skont il-ġurisprudenza, l-Artikoli 60 KE u 301 KE, applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ma kinux jipprovdu setgħat ta’ azzjoni espressi jew impliċiti sabiex jiġu imposti miżuri restrittivi fuq persuni jew entitajiet li ma għandhom ebda konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 216). Għaldaqstant, sabiex jiġu adottati tali miżuri, kien jeħtieġ, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li l-bażi legali tkun l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE flimkien (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 216, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, punt 53).

53      Madankollu, it-Trattat ta’ Lisbona biddel l-istat tad-dritt meta introduċa Artikolu 215 TFUE ġdid. Fil-fatt, għalkemm l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu tat-Trattat FUE jkopri l-oqsma preċedenti msemmija fl-Artikoli 60 KE u 301 KE (sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, punt 52 iktar ’il fuq, punt 52), it-tieni paragrafu tiegħu, li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 270/2011, jinkariga lill-Kunsill sabiex jadotta, permezz ta’ att stabbilit fl-Artikolu 288 TFUE, miżuri restrittivi kontra kwalunkwe “persuna fiżika jew ġuridika”, “entità mhux statali” jew kwalunkwe “grupp” bil-kundizzjoni li deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 3 tat-Trattat UE tipprevedi tali miżuri. Fi kliem ieħor, jekk din il-kundizzjoni tal-aħħar tiġi ssodisfatta, l-Artikolu 215(2) TFUE jippermetti b’mod partikolari lill-Kunsill li jadotta, kif ġie rrilevat fil-punt 49 iktar ’il fuq, atti li jimponu miżuri restrittivi kontra destinatarji li ma għandhom ebda konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz.

54      Għalhekk, l-ewwel motiv għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi eskluż, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-preżentazzjoni tiegħu, fir-replika, kinitx tardiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni, C‑403/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Diċembru 1999, Boehringer vs Il-Kummissjoni, T‑125/96 u T‑152/96, Ġabra p. II‑3427, punt 143).

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji li ġejjin li isem ċerti persuni jista’ jiġi inkluż fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172 u mar-Regolament Nru 270/2011

55      Ir-rikorrenti jesponu li r-raġuni għaliex isimhom kien ġie inkluż fil-lista anness mad-Deċiżjoni 2011/172 ma hijiex fost dawk previsti fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni. Huma jżidu li r-raġuni għaliex isimhom kien ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 270/2011 ma hijiex inkluża fost dawk previsti fl-Artikolu 2 ta’ dan l-istess regolament.

56      Sabiex tingħata risposta għal dan il-motiv, qabel kollox, għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji li l-Kunsill għandu josserva meta jiddeċiedi li jinkludi isem ta’ persuni jew ta’ entitajiet fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172 u li tiġi identifikata r-raġuni għaliex isem ir-rikorrenti kien ġie inkluż fuq l-imsemmija lista.

 Għal dak li jikkonċerna l-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172

57      L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, fil-verżjoni tiegħu fil-lingwa Ingliża, il-lingwa tal-proċedura, jipprovdi li għandu jiġi impost iffriżat ta’ fond fir-rigward tal-persuni li ġejjin: “ persons having been identified as responsible for misappropriation of Egyptian State funds, and natural or legal persons, entities or bodies associated with them, as listed in the Annex “. Fi kliem ieħor, f’din il-verżjoni lingwistika tad-Deċiżjoni 2011/172, isir riferiment, minn naħa, għall-persuni li ġew “identifikati” bħala responsabbli għal misapproprazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan u, min-naħa l-oħra, għal dawk assoċjati tagħhom.

58      Madankollu, kif irrelevat ir-rikorrenti f’ittra tat-13 ta’ Mejju 2011 indirizzata lill-Kunsill, isir riferiment, fil-verżjoni Franċiża tad-Deċiżjoni 2011/172, għall-persuni “reconnues” (“rikonoxxuti”) bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan, u mhux bħall-verżjoni Ingliża, għall-persuni “identifikati” (identified) bħala responsabbli għal tali fatti.

59      Din hija diskrepanza sinjifikattiva bejn iż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi.

60      Fil-fatt, il-verżjoni Franċiża tidher li timponi qari restrittiv tal-kliem tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172. L-użu tal-verb “reconnaître” (li tirrikonoxxi), użat komunement fil-lingwaġġ ġuridiku flimkien mal-aġġettiv “coupable” (ħati), għandu t-tendenza li jindika li l-persuna msemmija fl-Artikolu 1(1), kienu ġew “reconnues” (rikonoxxuti) formalment ħatja ta’ mispropprjazzjoni, dan ir-rikonoxximent ta’ ħtija għandu, fil-prinċipju, ikun ir-riżultat ta’ qorti kriminali.

61      Min-naħa l-oħra, il-verżjoni Ingliża tippermetti interpretazzjoni wiesgħa tal-previżjonijiet tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172. Fil-fatt, f’din il-verżjoni lingwistika, l-użu tal-verb “identifika”, iktar impreċiż mill-verb “irrikonoxxa”, jissuġġerixxi li, abbażi ta’ informazzjoni konsistenti, il-Kunsill stess iwettaq l-“identifikazzjoni” tal-persuni li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “responsabbli” tal-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan kif għal dik ta’ dawk assoċjati magħhom.

 Rigward in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172

62      Skont ġurisprudenza stabbilita, in-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi tal-atti tal-Unjoni teskludi li, f’każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jiġi kkunsidrat waħdu u teżiġi, għall-kuntrarju, li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2011, Homawoo, C‑412/10, Ġabra p. I‑11603, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Barra minn hekk, fil-każ ta’ diverġenza bejn il-varjanti lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark, C‑510/10, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan il-każ, jekk biss minħabba diverġenzi li jeżistu bejn il-verżjonijiet lingwistiċi, Ingliża u Franċiża, huwa neċessarju li jiġi interpretat l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 fid-dawl tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha. Din l-interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li fihom jifformaw parti dawn id-dispożizzjonijiet.

 Rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172

65      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, fil-parti l-kbira tal-lingwi tal-Unjoni minbarra l-Ingliż u l-Franċiż, ir-redazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 hija analoga għal dik tal-verżjoni Ingliża.

66      Sussegwentement, kif ġie rrilevat fil-punt 44 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni 2011/172 hija intiża b’mod partikolari sabiex tgħin lill-awtoritajiet Eġizzjani sabiex jiġġieldu kontra l-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat billi jiffriżaw l-assi ta’ persuni, li jistgħu jiġu, skont il-verżjoni Ingliża “identifikati” (identified) jew, skont il-verżjoni Franċiża, “irrikonoxxuti” (reconnues) bħala “responsabbli” ta’ tali fatti. Jekk il-Kunsill kellu jistenna sakemm dawn il-persuni jiġu kkundannati minn qrati Eġizzjani, l-effettività tad-Deċiżjoni 2011/172 tiġi serjament kompromessa. Fil-fatt, f’tali ipoteżi, il-persuni kkonċernati jkollhom għad-dispożizzjoni, matul il-proċedura kriminali, żmien neċessarju sabiex jittrasferixxi l-assi tagħhom fi Stati li ma jkollhom ebda forma ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet Eġizzjani.

67      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa. Din id-dispożizzjoni għandha għalhekk tiġi interpretata fis-sens li hija tinkludi ħames ċirkli ta’ persuni separati. L-ewwel huwa kkostitwit minn persuni li, fit-tmien ta’ proċedura ġudizzjarja, ġew ikkundannati ħatja ta’ “misapproprjazzjoni ta’ l-fondi tal-Istat Eġizzjan”. It-tieni huwa fformat mill-“assoċjati” tagħhom, fis-sens strett, jiġifieri persuni li ġew irrikonoxxuti, minn qorti kriminali, bħala l-kompliċi tagħhom. It-tielet jinkludi, fir-rigward tiegħu, il-persuni akkużati b’atti ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan”. Ir-raba’ jinkludi l-persuni akkużati bħala assoċjati (jiġifieri bħala kompliċi) ta’ dawk li huma akkużati b’tali fatti. Il-ħames jikkorrispondi għall-persuni kollha li huma s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji konnessi ma’ proċeduri kriminali għal fatti ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan”, li, f’dan ir-rigward, jistgħu jiġu kklassifikati bħala persuni assoċjati mal-individwi previsti minn dawn il-proċeduri kriminali. Dan il-ħames ċirku ta’ persuni jiġbor fih b’mod partikolari dawk li setgħu, possibbilment mingħajr l-għarfien tagħhom, jibbenefikaw mill-prodott ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan” u jkunu s-suġġett, f’dan ir-rigward, ta’ miżuri konservatorji, ippromulgati f’kuntest ġudizzjarju, u intiżi sabiex jippreservaw l-assi li jirriżultaw mill-imsemmija misapproprjazzjonijiet.

 Rigward il-kompatibbiltà tal-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 mal-prinċipju jew normi ġuridiċi ta’ grad superjuri meta mqabbla magħha

68      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta test tad-dritt sekondarju jeżiġi interpretazzjoni, għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, fis-sens li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u ta’ normi oħrajn li għandhom l-istess valur legali bħala dawn tal-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑61/94, Ġabra p. II‑1578, punt 103).

69      F’dan il-każ partikolari, għandu jiġi vverifikat jekk l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, li tingħata fil-punt 67 iktar ’il fuq, hijiex kompatibbli mal-prinċipju li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sanzjonijiet amministrattivi għandhom jiġu interpretati b’mod strett u mal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

–       Rigward il-prinċipju li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sanzjonijiet amministrattivi li għandhom jiġu interpretati b’mod strett

70      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jeżiġi li l-liġi kriminali ma tiġix applikata b’mod estensiv għall-iżvantaġġ tal-persuna akkużata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1996, X, C‑74/95 u C‑129/95, Ġabra p. I‑6609, punt 25).

71      Dan il-prinċipju huwa invokabbli mhux biss kontra deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet kriminali fis-sens strett, iżda wkoll kontra dawk li jimponu sanzjonijiet amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C‑352/09 P, Ġabra p. I‑2359, punt 80).

72      Sussegwentement, il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni jimponi li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sanzjonijiet amministrattivi ma jiġux applikati b’mod estensiv għall-iżvantaġġ tal-persuna msemmija.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk id-deċiżjoni 2011/172 tipprovdi sanzjonijiet amministrattivi, u għalhekk taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jeħtieġ li hija tingħata interpretazzjoni stretta.

74      Madankollu, dan ma huwiex il-każ.

75      Fil-fatt, il-previżjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huma identiċi għal dawk tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, huma għandhom jiġu interpretati għaldaqstant fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EBD”).

76      Skont din il-ġurisprudenza, l-Artikolu 7 tal-imsemmija konvenzjoni ma jistax jiġi invokat b’mod effettiv ħlief insostenn tal-kontestazzjoni ta’ “piena”. Il-punt ta’ tluq ta’ kull evalwazzjoni ta’ “piena” jikkonsisti li jiġi ddeterminat jekk il-miżura inkwistjoni hijiex imposta wara kundanna għal “ksur”. Elementi oħrajn huma wkoll rilevanti f’dan ir-rigward, jiġifieri l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni permezz tad-dritt applikabbli, in-natura tagħha u l-għan tagħha, il-proċeduri assoċjati għall-adozzjoni tagħha u għall-eżekuzzjoni tagħha kif ukoll il-gravità tagħha. Madankollu, il-gravità tal-miżura ma hijiex deċiżiva peress numru kbir ta’ miżuri mhux kriminali ta’ natura preventiva jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq il-persuna kkonċernata (Il-Qorti Ewropea D.B., is-sentenza M. vs Il-Ġermanja, tas-17 ta’ Diċembru 2009, Nru 19359/04, § 120).

77      F’dan il-każ, l-ewwel nett, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tikkonferixxi konnotazzjoni kriminali għall-iffriżar ta’ assi stabbilit permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/172.

78      It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet li jimponu s-sistema ta’ dan l-iffriżar ta’ assi ma humiex intiżi li jikkastigaw jew li jimpedixxu r-repetizzjoni ta’ kwalunkwe aġir. L-uniku għan tagħhom huwa li jippreservaw l-assi miżmuma mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/172 skont l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 2(b) u (d) TUE (ara l-punt 44 iktar ’il fuq) (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 101, u tas-7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il-Kunsill, T‑49/07, Ġabra p. II‑5555, punt 67).

79      It-tielet nett, l-effetti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huma ratione temporis u riversibbli: l-iffriżar ta’ assi li huma jipprevedu għandu jiġi applikat, skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/172, matul perijodu determinat, u l-Kunsill, li jiżgura segwitu kostanti, jista’ f’kull mument jiddeċiedu li jwaqqfu.

80      Sussegwentement, dan l-iffriżar ta’ assi ma jikkostitwixxix sanzjoni amministrattiva u lanqas jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

81      Minn dan isegwi li l-prinċipju li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sanzjoni amministrattivi għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta ma jipprojbixxix lill-Qorti Ġenerali li tagħti interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 kif hija tat fil-punt 67 iktar ’il fuq.

–       Rigward il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza

82      Huwa veru li l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza huwa stabbilit, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan il-prinċipju, li, skont l-Artikolu 52(2) tal-imsemmija karta, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, jeżiġi li ebda rappreżentant ta’ awtorità pubblika ma jiddikjara persuna ħatja ta’ reat qabel ma tkun ġiet stabbilita l-ħtija tagħha minn qorti (ara l-Qorti Ewropea D. B., sentenzi Allenet de Ribemont tal-10 ta’ Frar 1995, Serje A, Nru 308, §§ 35 sa 36, u Lizaso Azconobieta vs Espagne tat-28 ta’ Ġunju 2011, Nru 28834/08, § 37). Barra minn hekk, l-imsemmi prinċipju jinkiser permezz ta’ dikjarazzjonijiet jew deċiżjonijiet jirriflettu s-sentiment li l-persuna hija ħatja, li jinkoraġġixxu l-pubbliku li jemmen fil-ħtija tagħha jew li jippreġudikaw l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti kompetenti (ara l-Qorti Ewropea D. B., sentenzi Pandy vs Il-Belġju tal-21 ta’ Settembru 2006, Nru 13583/02, § 42, u Pavalache vs Roumanie tat-18 ta’ Ottubru 2011, Nru 38746/03, § 116).

83      Madankollu, billi adotta d-Deċiżjoni 2011/172, il-Kunsill ma rrikonoxxix, huwa stess, il-persuni msemmija fl-Artikolu 1(1), ħatja ta’ fatti punibbli mid-dritt kriminali Eġizzjan jew mid-dritt ta’ wieħed mill-Istati Membri tagħha. Barra minn hekk, huwa ma nkoraġġix il-“pubbliku” jemmen, żbaljatament, fil-ħtija ta’ dawn il-persuni. Fl-aħħar nett, huwa ma ppreġudikax l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti kompetenti, fl-Eġittu. Huwa sempliċement ippreċiża li l-kategoriji differenti ta’ persuni mfakkra fil-punt 67 iktar ’il fuq kienu koperti minn iffriżar tal-assi tagħhom, li kien, kif ġie rrilevat fil-punt 77 iktar ’il fuq, nieqes, fih innifsu, minn konnotazzjoni kriminali.

84      Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza ma jipprekludix l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 mogħtija fil-punt 67 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Settembru 2009, El Morabit vs Il-Kunsill, T-37/07 u T‑323/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).

 Għal dak li jikkonċerna r-raġuni għaliex isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172

 Rigward in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tar-raġuni għaliex isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172

85      Għandu jitfakkar li l-iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172 kellha l-effett li l-assi tagħhom jiġu ffriżati taħt ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 1, 2, 3 u 5 ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-anness mad-Deċiżjoni 2011/172 ġie ppubblikat fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

86      Il-verżjoni Ingliża ta’ dan l-anness tispeċifika li l-assi tar-rikorrenti kienu ġew iffriżati peress li kienu, kull wieħed minnhom, suġġetti għal proċeduri ġudizzjarji mibdija mill-awtoritajiet Eġizzjani li jirrigwardaw il-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Unit kontra l-korruzzjoni (“judicial proceedings by the Egyptian authorities in respect of the misappropriation of State Funds on the basis of the United Nations Convention against corruption”). Din il-verżjoni lingwistika tirreferi għalhekk għal sempliċi “proċeduri” ġudizzjarji li jikkonċernaw lir-rikorrenti. Fin-nuqqas ta’ kull speċifikazzjoni f’dan ir-rigward, għandu jitqies li dawn il-proċeduri jistgħu jiġu konnessi biss ma’ proċeduri kriminali għal fatti ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan”.

87      Min-naħa l-oħra, il-verżjoni Franċiża tal-anness mad-Deċiżjoni 2011/172, li, kif ġie rrilevat fil-punt 58 iktar ‘il fuq, ġie invokat mir-rikorrenti f’ittra tat-13 ta’ Mejju 2011 indirizzata lill-Kunsill, tindika li r-rikorrenti kienu suġġetti “għal proċedimenti [proċeduri] ġudizzjarji mill-awtoritajiet Eġizzjani fir-rigward tal-misapproprjazzjoni ta’ Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni”. Mill-qari tiegħu, jidher li dan huwa minħabba l-eżistenza ta’ “[proċeduri]”, min-natura kriminali, miġjuba kontrihom għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat, li r-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ ffriżar tal-fondi tagħhom.

88      Għalhekk, hemm diverġenzi sinjifikattivi bejn il-verżjoni Franċiża u dik Ingliża tal-anness mad-Deċiżjoni 2011/172.

89      Fil-preżenza ta’ diverġenzi bejn ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ att individwali indirizzat lil persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat terz, jeħtieġ li tingħata interpretazzjoni tiegħu billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, verżjonijiet lingwistiċi oħra u, min-naħa l-oħra, il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li fuqha ġie adottat dan l-att.

90      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li att ta’ eżekuzzjoni għandu jkun is-suġġett, jekk ikun possibbli, għal interpretazzjoni li tkun konformi mad-dispożizzjoni tal-att bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 68 iktar ’il fuq, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      F’dan il-każ, kif ġie espost fil-punt 26 iktar ’il fuq, l-anness mad-Deċiżjoni 2011/172 jikkostitwixxi serje ta’ deċiżjonijiet individwali ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 1(1) ta’ din l-istess deċiżjoni. Ir-raġuni għaliex ir-rikorrenti ġew suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom, li tinsab f’dan l-anness, li għaldaqstant ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni, skont il-prinċipji msemmija fiż-żewġ punti preċedenti.

 Rigward l-interpretazzjoni tar-raġuni għaliex isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172

92      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-anness mad-Deċiżjoni 2011/172 jistgħu jinġabru f’żewġ grupp ta’ importanza komparabbli: f’ċerti lingwi uffiċjali tal-Unjoni, dan l-anness huwa redatt b’mod analogu għall-verżjoni Ingliża, filwaqt li, f’lingwi uffiċjali oħrajn, it-test huwa simili ħafna għal dak tal-verżjoni Franċiża. Il-paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-imsemmi anness ma hija għalhekk ta’ ebda għajnuna: huwa ma jiżvelax l-intenzjoni tal-awtur tal-att, u lanqas jenfasizza possibbli żball tal-pinna li jaffettwa waħda jew iktar minn verżjoni lingwistika.

93      Sussegwentement, jidher li, irrispettivament mill-varjant lingwistiku adottat, ir-raġuni għaliex ir-rikorrenti ġew suġġetti għall-iffriżar tal-assi tagħhom, u li tinsab fl-anness mad-Deċiżjoni 2011/172, hija konformi mal-Artikolu 1(1) ta’din l-istess deċiżjoni, kif interpretat fil-punt 67 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan l-artikolu jipprovdi li jiġu ffriżati mhux biss l-assi tal-persuni msemmija personalment minn “[proċeduri]” kriminali, fl-Eġittu, għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat iżda wkoll, b’mod partikolari, dawk tal-persuni kkonċernati, f’dan l-istess pajjiż, minn sempliċi “[proċeduri] kriminali” (judicial proceedings) konnessi ma’ proċeduri kriminali għal fatti ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi ta’ l-Istat Eġizzjan”.

94      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 jippermetti li jiġu ffriżati l-assi ta’ ħames kategoriji ta’ persuni (ara l-punt 67 iktar ’il fuq). Il-verżjoni Franċiża tal-anness tagħha jippermetti li tiġi koperta biss waħda minn dawn il-kategoriji, jiġifieri dik ta’ persuni li kontrihom hemm proċeduri kriminali għal fatti ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi ta’ l-Istat Eġizzjan” (ara l-punt 87 iktar ’il fuq). Rigward il-verżjoni Ingliża tal-imsemmi anness, hija tkopri tliet kategoriji ta’ persuni, jiġifieri, minbarra l-persuni li kontrihom hemm proċeduri kriminali għal fatti ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi ta’ l-Istat Eġizzjan”, dawk li kontrihom hemm proċeduri bħala kompliċi ta’ tali fatti u dawk li huma s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji konnessi ma’ proċeduri kriminali għal fatti ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi ta’ l-Istat Eġizzjan” (punt 86 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, din il-verżjoni lingwistika tal-aħħar tagħti lir-raġuni ta’ iskrizzjoni tar-rikorrenti fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172 sens u portata ta’ natura li tkopri b’mod iktar wiesa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva. Għalhekk hija tissodisfa aħjar l-għan imfittex minn dan l-artikolu.

95      Skont il-kliem tal-verżjoni Ingliża, għandu għalhekk jiġi ddikjarat li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jiffriża l-assi tar-rikorrenti minħabba l-fatt li huma kienu s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Eġittu li jkollhom konnessjoni, irrispettivament liema, mal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw misappropjazzjoni ta’ fondi tal-Istat.

 Għal dak li jikkonċerna l-osservanza ta’ kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172

96      Skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, l-ismijiet tal-persuni li jaqgħu taħt il-ħames kategoriji msemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq kienu intiżi sabiex jiġu inklużi fil-lista annessa fid-Deċiżjoni 2011/172.

97      F’din il-kawża, kif ġie speċifikat fil-punt 95 iktar ’il fuq, il-Kunsill inkluda isem ir-rikorrenti fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172 għar-raġuni biss li huma kienu s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Eġittu li jkollha konnessjoni mal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw misapproprjazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat.

98      Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 94 u 95, tali raġuni hija fost dawk imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ din l-istess raġuni. Fil-fatt, hija tirreferi għal tlieta mill-ħames każijiet ikkunsidrati minn dan l-artikolu.

99      Minn dan isegwi li, billi jinkludi isem ir-rikorrenti fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172, il-Kunsill ma kisirx il-kriterji li huwa stess stabbilixxa fl-Artikolu 1(1) ta’ din l-istess deċiżjoni.

 Għal dak li jikkonċerna l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011

100    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-istruttura tar-Regolament Nru 270/2011 hija analoga għal dik tad-Deċiżjoni 2011/172, b’tali mod li l-kunsiderazzjonijiet esposti fl-punt 26 iktar ’il fuq, kif ġie rrilevat fil-punt 27 iktar ’il fuq, japplikaw mutatis mutandis fir-rigward tar-Regolament Nru 270/2011 u tal-Anness 1 tiegħu. Għalhekk, il-persuni msemmija fl-imsemmi Anness 1 għandhom jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011

101    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li dawn il-kriterji huma identiċi għal dawk previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011 huwa fformulat bħal dak tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, li barra minnhekk huwa jirreferi għalih.

102    Fl-aħħar nett, ir-raġunijiet għall-iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 270/2011 huma identiċi għal dawk għaliex isimhom huma inkluż fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172.

103    Sussegwentement, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011 ġew osservati f’dan il-każ.

104    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

105    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE: “[l]-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet […]”.

106    Skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundament, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari “l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

107    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(ċ) tad-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi adatta għan-natura tal-att ikkontestat u għall-kuntest li fih huwa ġie adottat. Hija għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit għal motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, punti 50 u 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(1)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha, imma wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tal-ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja inkwistjoni. Għalhekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 107 iktar ’il fuq, punti 53 u 54, u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonali għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew għat-terminu li fihom huwa għandu jintervjeni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 141, u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    B’mod partikolari, il-motivazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal-assi, bħala prinċipju, ma tistax tikkonsisti biss f’formulazzjoni ġenerali u sterjotipa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, punt 143). Bla ħsara għar-riżervi msemmija fil-punt 108 iktar ’il fuq, tali miżura għandha, għall-kuntrarju, tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni rilevanti hija applikabbli għall-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 107 iktar ’il fuq, punt 52).

110    F’din il-kawża, ir-rikorrenti jsostnu li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011 hija insuffiċjenti.

111    Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jesponu, fl-ewwel lok, li l-Kunsill ma indikax b’mod ċar ir-raġuni għaliex huwa qies li huma ssodisfaw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/172.

112    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-motivazzjoni li tingħata fl-anness mad-Deċiżjoni 2011/172 ma kinitx iddettaljata suffiċjentement. Fil-fatt, dan l-anness isemmi “allegazzjoni vaga b’konnnessjoni mal-proċeduri ġudizzjari abbażi ta’ konvenzjoni mhux rikonoxxuta għar-rikorrenti”. Fi kwalunkwe każ, id-dettalji li jinsabu fl-imsemmi anness ma jippermettux, skonthom, li wieħed ikun jaf għaliex il-Kunsill iqis li l-miżuri restrittivi jkomplu jiġu ġġustifikati.

113    Madankollu, jidher li d-Deċiżjoni 2011/172 issemmi b’mod ċar l-Artikolu 29 TUE, li jipprovdi li hija ġiet adottata. Sussegwentement, mit-Titolu tal-Anness mad-Deċiżjoni 2011/172 jirriżulta li din tikkonsisti f’“[l]ista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 1(1)”. Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 270/2011 isemmi l-Artikolu 215(2) TFUE. Rigward l-Anness I ta’ dan ir-Regolament, huwa jindika b’mod ċar li huwa jikkonsisti f’“[l]ista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2(1)”. Għalhekk, il-Kunsill indika, b’mod inekwivoku, dik li, fil-fehma tiegħu, kienet il-bażi legali tad-Deċiżjoni 2011/172 tar-Regolament Nru 270/2011 u tal-annessi ma’ dawn l-atti.

114    Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni 2011/172 u mir-Regolament Nru 270/2011 jirriżulta li r-rikorrenti suġġetti għal miżuri restrittivi ”fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu”, peress li huma kienu s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Eġittu li jkollha konnessjoni mal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw misapproprjazzjonijiet ta’ fondi tal-Istati (ara l-punt 86 iktar ’il fuq). Il-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt li abbażi tagħhom il-Kunsill qies li r-rikorrenti kellhom ikunu s-suġġett ta’ ffriżar ta’ assi previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 huma għalhekk iddettaljati b’mod suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jikkontestaw l-ineżattezza quddiem il-Kunsill, u sussegwentement quddiem il-qorti tal-Unjoni. Barra minn hekk, fl-Ingliż, il-lingwa użata mir-rikorrenti fl-iskambji tagħhom mal-Kunsill kif ukoll matul dawn il-proċeduri, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma inekwivoċi.

115    Barra minn hekk l-imsemmija kunsiderazzjonijiet ma għandhomx natura sterjotipa. Fil-fatt, huma ma għandhomx l-istess formulazzjoni bħal dik ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali. Barra minn hekk, dawn huma ċertament l-istess bħal dawk li abbażi tagħhom, il-persuni fiżiċi l-oħra msemmija fid-Deċiżjoni 270/2011 kif ukoll fl-Anness 1 mar-Regolament Nru 270/2011 ġew suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom. Madankollu, huma intiżi sabiex jiddeskrivu s-sitwazzjoni konkreta tar-rikorrenti, li, skont il-Kunsill, l-istess bħall-oħrajn, kien suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji konnessi mal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw il-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat.

116    Minn dan isegwi li l-atti kkontestati jinkludu d-dikjarazzjoni tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jikkostitwixxu, skont l-awtur, il-bażi. Fi kliem ieħor, il-formulazzjoni tagħhom turi b’mod ċar ir-raġunament segwit mill-Kunsill.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti

118    Kif ġie ddikjarat iktar ’il fuq, mill-anness mad-Deċiżjoni 2011/172 kif ukoll mill-Anness I mar-Regolament Nru 270/2011 jirriżulta li r-rikorrenti, kollha, ġew suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom minħabba r-raġuni biss li huma kienu s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu konnessi ma’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw misapproprjazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat.

119    Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li dan il-motiv huwa vvizzjat minn żbalji ta’ fatt u ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti. Dan il-motiv jinkludi żewġ partijiet.

120    Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li t-tieni, it-tielet u r-raba’ rikorrenti ma humiex is-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu.

121    Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jallegaw li, għalkemm l-ewwel rikorrent “bħalissa huwa s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji”, jibqa’ l-fatt li dawn il-proċeduri ma jinkludux fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat bħal dawk imsemmija fl-anness mad-Deċiżjoni 2011/172.

 Għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti tal-motiv

122    Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ April 2011, ir-rikorrenti informaw lill-Kunsill li huma assumew li isem l-ewwel rikorrent kien ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-anness mad-Deċiżjoni 2011/172 u mal-Anness I tar-Regolament Nru 207/11 wara talba f’dan is-sens magħmula minn persuna jew minn organu Eġizzjan. Barra minn hekk, huma talbu lill-Kunsill, minn naħa, sabiex jindika min kienet din il-persuna jew dan l-organu u, min-naħa l-oħra, sabiex jipprovdi kopja tat-talba tagħhom u tal-elementi li jakkompanjawha.

123    Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill ippreċiża lill-uffiċċju ta’ avukati tar-rikorrenti li huwa kien irċieva “ittra datata t-13 ta’ Frar 2011 tal-Ministru Eġizzjan tal-Affarijiet Barranin li kienet tinkludi talba tal-Avukat Ġenerali intiża għall-iffriżar ta’ assi ta’ ċerti ex Ministri u uffiċjali”, li fosthom kien hemm l-ewwel rikorrent. Mehmuża ma’ din l-ittra tal-Kunsill kien hemm kopja ta’ dokument datat it-13 ta’ Frar 2011 li fuqu kien hemm l-intestatura tal-uffiċċju tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta-Repubblika Eġizjan. F’dan id-dokument li ma kienx iffirmat, kien hemm riferiment għal talba tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika Eġizzjana intiża sabiex l-assi ta’ “ex Ministri, uffiċjali u ċittadini” Eġizzjani jiġu ffriżati. Fost il-persuni msemmija minn din it-talba kien hemm l-ewwel rikorrent, iżda mhux it-tieni, it-tielet u r-raba’ rikorrenti.

124    Sadanittant, l-uffiċċju ta’ avukati tar-rikorrenti talab lill-Kunsill, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2011, sabiex jipprovdilu, b’mod partikolari, il-provi kollha li fuqhom huwa kien ibbaża ruħu sabiex jimponi ffriżar ta’ assi kontra l-klijenti tiegħu. L-imsemmi uffiċċju ta’ avukati indirizza, sussegwentement, żewġ ittri oħra lill-Kunsill, fid-9 ta’ Ġunju u fil-15 ta’ Lulju 2011.

125    Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill irrisponda għall-ittri tal-uffiċċju ta’ avukati tar-rikorrenti datati t-13 ta’ Mejju, id-9 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Lulju 2011. F’din ir-risposta, huwa ma rreferiex għal possibbli proċeduri ġudizzjarji kontra t-tieni, it-tielet u r-raba’ rikorrenti. Huwa ddikjara biss is-segwenti:

      “[Dawn] jidhru fil-lista ta’ persuni msemmija mit-talba għal assistenza ġudizzjarja msemmija iktar ‘il fuq mill-awtoritajiet Eġizzjani (huma jidhru taħt in-numri 2, 3 u 4 fil-lista mehmuża). It-talba tindika li

l-ordnijiet intiżi għas-sekwestru tal-assi tal-persuni kollha tal-lista ġew adottati mill-Avukat Ġenerali Eġizzjan, u li dan l-ordni kien ġie kkonfermat mill-qorti kriminali.”

126    Mehmuża ma’ din l-ittra tal-Kunsill tad-29 ta’ Lulju 2011, kien hemm nota bir-referenza NV93/11/ms, tal-24 ta’ Frar 2011 li permezz tagħha l-Ambaxxata tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fi Brussell (il-Belġju) talbet lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà sabiex jibgħat lill-“awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti” talba għal assistenza ġudizzjarja mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Eġizzjan.

127    Ma’ din in-nota kienu annessi tliet dokumenti.

128    L-ewwel fosthom kien it-test, li la kien datat u lanqas iffirmat, tat-talba għal assistenza ġudizzjarja. Din it-talba, miktuba bl-Ingliż, kienet intiża għall-“iffriżar, għall-qbid u għall-irkupru tal-assi ta’ ċerti ex ministri u uffiċjali”. Hija kienet tirreferi għall-“investigazzjoni mibdija mill-Ministeru Pubbliku Eġizzjan fil-kawżi li jirrigwardaw in-Numri 162 u 234 tas-sena 2010 [...] ; 34, 36, 38, 39, 55 u 70 tas-sena 2011 [...] kif ukoll[fil-] kawża li tirrigwarda n-Numru 137/2011 [...] dwara ir-reati ta’ korruzzjoni, ta’ d’użurpazzjoni ta’ assi tal-Istat, u ta’ reati ta’ ħasil ta’ flus imwettqa minn ex ministri u uffiċjali” u kienet telenka ħmistax-il persuna, li fosthom kien hemm l-erba’ rikorrenti. Sussegwentement, hija kienet indikat, minn naħa, li l-Avukat Ġenerali Eġizzjan kien iddeċieda li jissekwestra l-assi ta’ persuni elenkati hemmhekk, u min-naħa l-oħra, li dan is-sekwestru kien ġie “approvat mill-qorti kriminali”.

129    It-tieni dokument anness man-nota tal-24 ta’ Frar 2011 kien jikkorrispondi għal “lista ta’ ex uffiċjali, tal-konjuġi u t-tfal [tagħhom]”, li fih it-tieni, it-tielet u r-raba’ rikorrenti jidhru, fit-tieni, fit-tielet u fir-raba’ pożizzjoni, rispettivament.

130    It-tielet dokument anness man-nota tal-24 ta’ Frar 2011 kien ippreżentat bħala sommarju tal-akkużi magħmula kontra l-ewwel rikorrenti fil-Kawża Numru 38 tas-sena 2011”, kawża li kienet issemmi t-talba għal assistenza ġudizzjarja deskritta fil-punt 128 iktar ’il fuq. Dan id-dokument ma kienx datat. Barra minn hekk huwa ma kellux intestatura u firma. Iżda, bħan-nota tal-24 ta’ Frar 2011 u d-dokumenti l-oħra annessi miegħu, huwa kien jinkludi s-siġill tal-Ambaxxata tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fi Brussell.

131    Fl-aħħar nett, ebda wieħed mid-dokumenti msemmija iktar ’il fuq ma kien jissuġġerixxi li t-tieni, it-tielet u r-raba’ rikorrenti kienu suġġetti għal proċeduri kriminali, fl-Eġittu, għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat.

132    Min-naħa l-oħra, it-talba għal assistenza ġudizzjarja msemmija fil-punt 128 iktar ’il fuq tindika, b’mod inekwivoku, li, fl-24 ta’ Frar 2011, inqas minn xahar qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, ir-rikorrenti kollha kienu s-suġġett ta’ ordni tal-Avukat Ġenerali Eġizzjan intiż għas-sekwestru tal-assi tagħhom, li kien ġie approvat minn qorti kriminali u li kien konness ma’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw misapproprjazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat.

133    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda element li jnissel dubju fuq l-ineżattezza tal-indikazzjonijiet fattwali li jirrigwardaw din it-talba għal assistenza ġudizzjarja. Għall-kuntrarju, deċiżjoni ġudizzjarja Eġizzjana, li huma kienu rreġistraw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, li t-traduzzjoni tagħha fil-5 ta’ Marzu 2013, tikkonferma li t-tieni rikorrenti kienet għadha s-suġġett ta’ ffriżar tal-assi tagħha fit-30 ta’ Jannar 2013. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestawx, waqt is-seduta, l-eżistenza tal-ordni, imsemmi iktar ‘il fuq, ta’ sekwestru.

134    Peress li kienu s-suġġett tal-ordni msemmi iktar ’il fuq tal-Avukat Ġenerali Eġizzjan, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rikorrenti kienu jikkostitwixxu persuni li kienu s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu konessi ma’ investigazzjonijiet li kienu jirrigwardaw misapproprjazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat. Billi kklassifikahom b’dan il-mod fl-anness mad-Deċiżjoni 2011/172, il-Kunsill ma wettaq għalhekk la żball ta’ fatt, u lanqas żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti.

135    L-ewwel parti tal-motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

 Għal dak li jikkonċerna t-tieni parti tal-motiv

136    Insostenn tat-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-ewwel rikorrent huwa akkużat biss li kien kompliċi ta’ fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala ħruġ illegali ta’ liċenzji.

137    Madankollu, mid-dokument imsemmi fil-punt 130 iktar ’il fuq jirriżulta b’mod ċar li, fil-“Kawża Numru 38 tas-sena 2011”, l-ewwel rikorrent kien “akkużat”, minn naħa, li “użurpa l-attiv” ta’ “impriża tas-settur pubbliku li l-azzjonijiet tagħha [kienu] miżmuma mill-Istat” u, min-naħa l-oħra, li “wettaq ir-reati li jikkonsistu li jikseb vantaġġ mill-attiv pubbliċi u li jikkawża dannu kif ukoll li jużurpa u [...] li jaffaċilita l-użurpazzjoni ta’ [tali attiv]”.

138    Iktar speċifikament, f’dan id-dokumenti, l-ewwel rikorrent ġie akkużat:

–        li uża l-influwenza tiegħu, bħala President-Direttur Ġenerali ta’ “impriża tas-settur pubbliku li l-azzjonijiet tagħhom [kienu] miżmuma mill-Istat”, sabiex, l-ewwel nett, iwettaq skambju ta’ azzjonijiet għall-benefiċċju ta’ “kumpannija privata” li huwa kien jikkontrolla, it-tieni nett, li jippermetti lil din il-kumpannija privata li tikseb suċċess kummerċjali għad-detriment tal-imsemmija “impriża tas-settur pubbliku” u, it-tielet nett, li jżied illegalment s-sehem tal-“kumpannija privata” inkwistjoni fil-kapital tal-“impriża tas-settur pubbliku” imsemmija iktar ‘il fuq.

–        u li naqas milli jħallas id-dejn tiegħu lil din l-impriża u l-banek.

139    Għalhekk, l-ewwel rikorrent kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fl-Eġittu għal fatti kklassifikati mill-Ministeru Pubbliku Eġizzjan bħala “użurpazzjoni ta’ assi tal-Istat”.

140    Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li din il-klassifikazzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat”, li hija sostnuta fid-Deċiżjoni 2011/172 u fir-Regolament Nru 270/2011.

141    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ fatt jew żball ta’ klassifikazzjoni tal-fatti meta inkluda l-ewwel rikorrenti fil-lista annessa mal-atti kkontestati.

142    Billi pprovaw jikkontestaw din il-konklużjoni, ir-rikorrenti allegaw, fir-replika tagħhom, li la t-talba għal assistenza ġudizzjarja deskritta fil-punt 128 iktar ’il fuq u lanqas d-dokumenti li kienu annessi magħha ma jippermettu li jiġu identifikati bħala persuni “responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan”, li b’dan il-mod, iċaħħdu lill-poplu Eġizzjan milli jibbenefika minn żvilupp sostenibbli tal-ekonomija u tas-soċjetà u jfixklu l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż jew bħala individwi assoċjati ma’ tali persuni.

143    Madankollu, fi kwalunkwe każ, tali fatt ma jistax jivvizzja b’illegalità l-atti kkontestati. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, li jiddefinixxi l-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista annessa ma’ din l-istess deċiżjoni, jirreferi biss għall-persuni msemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq. Il-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2011/17 tindika li dawn il-persuni “iċaħħdu lill-poplu Eġizzjan mill-benefiċċji ta’ żvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u jimminaw l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż.” Madankollu, din id-dikjarazzjoni ma tikkostitwixxix kundizzjoni addizzjonali, li għandha tiġi osservata waqt l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna ġdida fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172. Din tirrigwarda biss spjegazzjoni tal-għan finali segwit minn din id-deċiżjoni. Fil-fatt, din il-premessa sempliċement tispeċifika li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 jistgħu jċaħħdu “lill-poplu Eġizzjan mill-benefiċċji ta’ żvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u [jfixklu] l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż.”

144    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ebda wieħed mill-ħames argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ilment imsemmi fil-punt 142 iktar ’il fuq ma huwa fondat.

145    L-ewwel nett, ir-rikorrenti allegaw li d-dokumenti annessi mat-talba għal assistenza ġudizzjarja dekritta fil-punt 128 iktar ’il fuq ma “jagħmlux riferiment għal xi kundanna għal reat” u lanqas jirreferu għal akkuża. Dawn id-dokumenti jillimitaw, fil-fehma tagħhom, “li jiġbru fil-qosor ċerti lmenti ppreżentati kontra l-ewwel rikorrenti”, u ma jagħtu, in fine, “ebda indikazzjoni fuq il-punt dwar jekk wieħed mill-ilmenti jew kollha [li huma jsemmu] jagħtux lok għal proċeduri ġudizzjarji […] għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat”.

146    Madankollu huwa ċertament minnu li d-dokumenti annessi mat-talba għal assistenza ġudizzjarja deskritta fil-punt 128 iktar ‘il fuq ma jsemmu ebda kundanna minn qorti kriminali. Madankollu, dan il-fatt huwa irrilevanti. Fil-fatt, il-persuni msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 ma humiex biss dawk li huma s-suġġett ta’ kundanna kriminali għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat, iżda wkoll, b’mod partikolari, dawk imsemmija minn proċeduri ġudizzjarji b’konnessjoni ma’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw tali fatti (ara l-punt 67 iktar ’il fuq).

147    Barra minn hekk, ma huwiex eżatt li jiġi allegat li ebda wieħed mid-dokumenti annessi mat-talba għal assistenza ġudizzjarja ma jsemmix akkuża għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 139 u 140 iktar ’il fuq, id-dokument imsemmi fil-punt 130 iktar ’il fuq kien jiddeskrivi proċeduri kriminali, mibdija fl-Eġittu, kontra l-ewwel rikorrent għal fatti li jikklassifikaw bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat.

148    It-tieni nett, ir-rikorrenti enfasizzaw li t-talba għal assistenza ġudizzjarja deskritta fil-punt 128 iktar ’il fuq “ma [tat] ebda indikazzjoni fuq il-quantum tal-assi ffriżati jew rigward it-tip ta’ assistenza ġudizzjarja mitluba, rigward il-qorti mitluba jew rigward ir-raġuni li għaliha din l-assistenza [kienet] neċessarja”.

149    Madankollu, l-fatt li l-provi li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu ma jinkludux tali indikazzjonijiet ma għandux effett fuq l-eżitu tal-kawża. Huwa ma jippermettix, fi kwalunkwe każ, li jintwera li l-Kunsill wettaq żball ta’ fatt meta qies li r-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji konnessi ma’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw misapproprjazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat.

150    It-tielet nett, ir-rikorrenti esponew li t-talba għal assistenza ġudizzjarja deskritta fil-punt 128 iktar ’il fuq “lanqas kienet tissuġġerixxi azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni Ewropea”.

151    Madankollu, dan l-argument jibbaża fuq il-premessa żbaljata li tipprovdi li l-Kunsill seta jiffriża l-assi tar-rikorrent biss taħt il-kundizzjoni li rċieva talba f’dan is-sens min-naħa tal-awtoritajiet Eġizzjani. Għall-kuntrarju, huwa kellu l-awtorità li jiffriża l-fondi tal-persuni kollha li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, irrispettivament jekk is-sitwazzjoni ta’ dawn il-persuni ġietx żvelata lilu mill-awtoritajiet Eġizzjani jew minn sorsi oħrajn.

152    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti sostnew li t-talba għal assistenza ġudizzjarja deskritta fil-punt 128 iktar ’il fuq kienet ivvizzjata minn ineżattezza. Qabel kollox, isir riferement, fid-dokumenti annessi għal din it-talba, għal dejn ta’ 7 biljuni ta’ liri Eġizzjani, filwaqt li dan l-element fattwali jirreferi għal ilment li l-awtoritajiet Eġizzjani ma rrispondewx. Sussegwentement, l-“ilmenti l-oħrajn” ma kinux jittrattaw fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat, iżda fatti li jirrigwardaw kumpannija li fiha l-Istat Eġizzjan kellu biss sehem minoritarju. Barra minn hekk dawn l-ilmenti l-oħrajn ġew ippreżentati fin-nuqqas ta’ kull prova li ssostnihom. Fl-aħħar nett, dawn jirrigwardaw żbalji mwettqa, mhux mill-ewwel rikorrenti, iżda minn kumpanniji li fihom huwa kellu l-maġġoranza tal-azzjonijiet.

153    Ċertament, huwa minnu li, fid-dokument imsemmi fil-punt 130 iktar ’il fuq, kien indikat, fid-deskrizzjoni tal-uniku kawża li tikkonċerna l-ewwel rikorrent, jiġifieri “l-Kawża Numru 38 tas-sena 2011”, li dan kien naqas milli jħallas id-dejn ta’ ammont ta’ 7 biljun ta’ liri Eġizzjani. Madankollu, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda element ta’ natura li juri li din l-indikazzjoni hija ineżatta. Fi kwalunkwe każ, posssibbli ineżattezza li taffettwa l-imsemmija indikazzjoni ma jistax ikollha kwalunkwe impatt fuq l-eżitu tal-kawża. Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjoni msemmija fil-punti 137 sa 140 iktar ‘il fuq, ma hijiex suffiċjenti, waħedha, sabiex turi li, abbażi tad-dokument imsemmi fil-punt 130 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma setax jikklassifika l-ewwel rikorrenti bħala persuna li kienet is-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji konnessi ma’ investigazzjonijiet għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

154    Rigward l-allegazzjonijiet l-oħrajn imfakkra fil-punt 152 iktar ’il fuq, huma jirrigwardaw “ilmenti” li, skont ir-rikorrenti, huma differenti minn dak li fih kien inkwistjoni d-dejn ta’ 7 biljuni ta’ liri Eġizzjani msemmija fil-punt 153 iktar ’il fuq. Huma jirrigwardaw għalhekk kawżi distinti mill-“Kawża Numru 38 tas-sena 2011” imsemmija fid-dokument imsemmi fil-punt 130 iktar ’il fuq, li fuqhom il-Kunsill ma bbażax ruħu sabiex jistabbilixxi l-atti kkontestati.

155    Il-ħames nett, ir-rikorrenti sostnew li t-talba għal assistenza ġudizzjarja deskritta fil-punt 128 iktar ‘il fuq kienet sostnuta minn dokumenti mhux kompleti. Huma allegaw li l-awtoritajiet tar-Renju Unit irrifjutaw li jilqgħu talba intiża għall-iffriżar tal-assi tagħhom, peress li l-awtoritajiet Eġizzjani ma kinux pprovdewlhom informazzjoni biżżejjed sabiex jiġġustifikaw tali miżura.

156    Madankollu, kif ġie rrilevat, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta mit-talba għal assistenza ġudizzjarja u l-annessi tagħha tippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji konnessi ma’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw misapproprjazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-allegazzjoni dwar l-aġir tal-awtoritajiet tar-Renju Unit tirrigwarda fatti esterni għal din il-kawża. Tali fatti huma għalhekk irrilevanti għall-eżitu tiegħu, u dan peress li r-rikorrenti ma jispeċifikawx liema dokumenti ntbagħtu mill-awtoritajiet Eġizzjani lill-awtoritajiet tar-Renju Unit.

157    Għaldaqstant it-tieni parti għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi, b’tali mod li l-motiv ma jistax jintlaqa’.

5.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

158    Ir-rikorrenti jsostnu li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva inkisru. Dan il-motiv jinkludi tliet partijiet.

 Għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti

159    Ir-rikorrenti jesponu li l-provi li abbażi tagħhom l-assi tagħhom ġew iffriżati ma ġewx ikkomunikati lilhom.

160    Dan l-argument ma huwiex fattwali.

161    Skont il-ġurisprudenza, huwa biss fuq it-talba tal-persuna kkonċernata li l-Kunsill għandu l-obbligu li jagħti aċċess għall-provi li fuqhom huwa bbaża ruħu sabiex jistabbilixxi ffriżar ta’ assi. Il-komunikazzjoni spontanja ta’ tali provi tikkostitwixxi fil-fatt rekwiżit eċċessiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, punt 97).

162    F’din il-kawża, ir-rikorrenti talbu effettivament lill-Kunsill sabiex jippreżentalhom il-provi li abbażi tagħhom kienet ġiet stabbilita d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 122 iktar ’il fuq, l-uffiċċju ta’ avukati tar-rikorrenti indika, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ April 2011, li huwa jassumi li d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 kienu ġew adottati wara “talba [f’dan is-sens] magħmula minn persuna jew minn awtorità Eġizzjana” u talab lill-Kunsill sabiex “jipprovdi kopja ta’ din it-talba u d-dokumentazzjoni relatata magħha”. Barra minn hekk, mill-punt 124 iktar ’il fuq jirriżulta li, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2011, dan l-istess uffiċċju ta’ avukati jfakkar li r-rikorrenti għandhom “bżonn ta’ provi u ta’ informazzjoni, [sabiex ikunu jistgħu] jirribattu l-elementi sostnuti kontri[hom], li allegatament jiġġustifikaw [l-inklużjoni ta’ isimhom fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172]”.

163    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ikkonforma bis-sħiħ mat-talbiet tar-rikorrenti.

164    Fil-fatt, minn naħa, minn atti tal-proċess jirriżulta li, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2011 imsemmija fil-punt 123 iktar ’il fuq, il-Kunsill irrisponda għat-talba tal-1 ta’ April 2011, billi indika li huwa bagħat lir-rikorrenti dokument bid-data “tat-13 ta’ Frar 2011 tal-Ministru Eġizzjan tal-Affarijiet Barranin li jinkludi talba tal-Avukat Ġenerali Eġizzjan li tirrigwarda l-iffriżar ta’ assi ta’ ċerti ex ministri u uffiċjali, ibbażata fuq il-Konvenzoni tan-Nazzjonijiet Unit kontra l-korruzzjoni, u li tinkludi [l-ewwel rikorrent] fil-lista tal-persuni kkonċernati”. Dan id-dokument bid-data tat-13 ta’ Frar 2011 kien mehmuż mal-ittra tal-Kunsill.

165    Min-naħa l-oħra, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2011 imsemmija fil-punt 125 iktar ’il fuq, il-Kunsill irrisponda, b’mod partikolari, għall-ittra tat-13 ta’ Mejju 2011. Fiha huwa stieden lill-uffiċċju ta’ avukati tar-rikorrenti sabiex jirreferi, mhux biss għall-“informazzjoni [li kienet] diġà ġiet ikkomunikata fil-ittra preċedenti tal-Kunsill, datata tas-7 ta’ Ġunju 2011”, iżda wkoll għal “nota […] tal-missjoni Eġizzjana mingħand l-U[joni] E[wropea] datata l-24 ta’ Frar 2011, li fiha talba għal assistenza ġudizzjarja maħruġa mill-Avukat Ġenerali Eġizzjan”. Din in-nota kif ukoll it-talba għal assistenza ġudizzjarja, deskritti, fil-punti 126 u 128 iktar ’il fuq, rispettivament, kienu mehmuża mal-imsemmija ittra tal-Kunsill.

166    Sussegwentement, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Għal dak li jikkonċerna t-tieni parti

167    Ir-rikorrenti jallegaw, fir-rikors tagħhom, li r-raġuni għaliex huma ġew suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom hija vaga ħafna. Barra minn hekk, huma jsostnu, fir-replika tagħhom, li huwa biss fl-istadju tar-risposta li l-Kunsill irrileva r-raġuni vera għal dan l-iffriżar ta’ assi. Għalhekk, huma ma kellhomx il-possibbiltà li jikkontestaw effettivament dan il-motiv fil-mument meta d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 ġew adottati.

168    Madankollu, dawn l-argumenti jibbażaw, fi kwalunkwe każ, fuq premessa ineżatta.

169    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 huma suffiċjentement motivati (ara l-punt 116 iktar ’il fuq). Il-motivazzjoni tagħhom ġiet riprodotta barra minn hekk mir-rikorrenti fl-ittra tagħhom tat-13 ta’ Mejju 2011 indirizzata lill-Kunsill.

170    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Għal dak li jikkonċerna t-tielet parti

171    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jesponu li huma indirizzaw lill-Kunsill diversi osservazzjonijiet permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2011, iżda li, fl-ittra tiegħu tad-29 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill ma rrispondiex għall-argumenti kollha ippreżentati f’din l-okkażjoni. Fil-fehma tagħhom, il-Kunsill la rrisponda, b’mod partikolari, għar-rimarki li jikkonċernaw il-motivazzjoni politika tal-proċedura magħmula, fl-Eġittu, kontra l-ewwel rikorrenti, u lanqas għal dawk li jikkonċernaw il-ksur tad-drittijiet tad-difiża matul dawn il-proċeduri.

172    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li la d-Deċiżjoni 2011/172 u lanqas ir-Regolament Nru 270/2011 ma jispeċifikaw li r-raġunijiet għal miżuri individwali ta’ ffriżar ta’ assi li jikkonċernawhom kif ukoll il-provi li fuqhom dawn il-miżuri jibbażaw għandhom jiġu kkomunikati lilhom. Huma jżiedu li dawn l-atti jonqsu li jindikaw li l-persuni msemmija minn iffriżar ta’ assi għandhom jinstemgħu u li l-pożizzjoni tagħhom għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 ma “jipprovdu ebda proċedura għal komunikazzjoni tal-provi li fuqhom id-deċiżjoni li tinkludi r-rikorrenti fil-lista annessa kienet ibbażata, u lanqas li tinstema’ r-risposta tagħhom u li jiġu vverifikati korrettament l-allegazzjonijiet u l-provi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni ta’ inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista u li jibqgħu jinżammu fil-lista”.

173    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunijiet għal miżuri ta’ ffriżar ta’ assi meħuda kontrihom ma ġewx ikkomunikati lilhom qabel l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011. Huma jenfasizzaw ukoll li wara ma ġewx informati bis-sottomissjoni tagħhom għal miżuri ta’ ffriżar ta’ assi.

174    Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

175    Fil-fatt, l-ewwel nett, la d-Deċiżjoni 2011/172, lanqas ir-Regolament nru 270/2011, u lanqas ebda test jew prinċipju ieħor ma jimponi lill-Kunsill li jirrispondi għal kull waħda mill-osservazzjonijiet ifformulati quddiemu mir-rikorrenti wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, taħt piena ta’ illegalità tal-miżuri individwali ta’ ffriżar ta’ assi adottati abbażi ta’ dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali ta’ dawn l-atti. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-Kunsill ma rrispondix speċifikament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jipprovdu li l-proċeduri mibdija, fl-Eġittu, kontra l-ewwel rikorrenti kellhom raġuni politika u jiksru d-drittijiet tad-difiża ma jistax ikollu impatt fuq il-legalità tal-proċedura wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, u dan irrispettivament mill-fondatezzza ta’ tali allegazzjonijiet.

176    It-tieni nett, l-ewwel miżura ta’ ffriżar ta’ assi, bħal dik adottata kontra r-rikorrenti permezz tal-anness mad-Deċiżjoni 2011/172 u tal-Anness I mar-Regolament Nru 270/2011, għandha tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża. Minn dan il-fatt, il-Kunsill ma huwiex meħtieġ qabel l-adozzjoni ta tali miżura, li jikkomunika r-raġunijiet ta’ din il-miżura lill-persuna kkonċernata (sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ‘il fuq, punt 338). Bl-istess mod, huwa ma huwiex obbligat li javża lill-persuni msemmija minn miżura ta’ dan it-tip bl-adozzjoni immedjata tagħha.

177    It-tielet nett, kif jirriżulta miż-żewġ punti preċedenti, ebda dispożizzjoni jew prinċipju ma jeħtieġ li l-atti tal-Unjoni jiddefinixxu s-sistema li l-miżuri individwali ta’ ffriżar ta’ assi, li jinkludu previżjonijiet jew li jistabbilixxu huma stess proċeduri, bħala dawk deskritti fil-punt 172 iktar ‘il fuq, għandhom isegwu.

178    Barra minn hekk, anki jekk, permezz tal-argumenti esposti fil-punti 171 sa 173 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kellhom l-intenzjoni wkoll li jargumentaw, fl-ewwel lok li la l-provi li fuq il-bażi tagħhom kien ġie impost iffriżar ta’ assi fuqhom u lanqas il-motivi ta’ dan l-iffriżar ta’ assi ma ġewx ikkomunikati lilhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011 u fit-tieni lok, il-Kunsill ma semgħahomx, għandu jiġi kkonstatat li tali argument għandu jiġi miċħud.

179    Fil-fatt, l-ewwel nett, l-argument li jsostni li l-Kunsill ma kkomunikax il-provi li fuqhom huwa bbaża ruħu għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 161 sa 165 iktar ‘il fuq.

180    It-tieni nett, il-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal azzjoni legali effettiva ggarantit mill-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jeżiġu, li l-awtorità tal-Unjoni li tadotta att li jistabbilixxi miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità tikkomunika r-raġunijiet li fuqhom dan l-att huwa bbażat, tal-inqas, kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tiegħu, sabiex dawn il-persuni jew entitajiet ikunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom u jeżerċitaw d-dritt tagħhom għal azzjoni legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punti 335 u 336, u s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 161 iktar ‘il fuq, punt 92). Normalment, il-Kunsill għandu jwettaq dan l-obbligu permezz ta’ komunikazzjoni individwali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, Ġabra p. I‑11381, punti 52 u 55).

181    Għaldaqstant, il-fatt li l-Kunsill naqas milli jikkomunika, huwa stess, ir-raġunijiet għal att li jistabbilixxi miżuri restrittivi ma humiex ta’ natura li taffettwa l-validità ta’ dan l-att meta tali omissjoni ma kellhiex l-effett li ċċaħħad lill-persuna jew l-entità kkonċernata mill-possibbiltà li tkun taf, fi żmien utli, il‑motivazzjoni ta’ dan l-att u li tevalwa l-fondatezza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 180 iktar ’il fuq, punt 55).

182    F’din il-kawża, fi kwalunkwe każ, mill-kliem stess tal-ittra msemmija iktar ’il fuq, indirizzata t-13 ta’ Mejju 2011 mill-uffiċċju ta’ avukati tar-rikorrenti lill-Kunsill kif ukoll mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti seta’ jkollhom aċċess għar-raġunijiet tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011 fi żmien utli sabiex ikunu f’pożizzjoni li jikkontestaw dawn l-atti. B’mod partikolari, huma rriproduċew, fit-tielet paġna tal-imsemmija ittra, parti mir-raġunijiet għal dawn l-atti.

183    It-tielet nett, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija mill-ewwel deċiżjoni li tiffriża l-assi tagħhom għandhom id-dritt li jinstemgħu mill-Kunsill wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu, dan tal-aħħar ma huwiex obbligat jorganizza seduta għas-smigħ ex officio tal-imsemmija persuni (sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 341; is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 61 iktar ’il fuq, punt 98).

184    F’din il-kawża, minn ebda atti tal-proċess ma jirriżulta li r-rikorrenti, li ppreżentaw, b’mod partikolari permezz ta’ ittri, tal-1 ta’ April u tat-13 ta’ Mejju 2011, l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar id-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011, talbu lill-Kunsill sabiex jinstemgħu wara l-adozzjoni tal-imsemmija atti. F’dan iċ-ċirkustanzi, dawn il-persuni, li fi kwalunkwe każ ma kellhom ebda dritt li jinstemgħu qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011 (sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 341), ma humiex iġġustifikati li jilmentaw li ma nstemgħux mill-Kunsill.

185    Għalhekk it-tielet parti għandha tiġi miċħuda, b’tali mod li l-motiv ma jistax jintlaqa’.

6.     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà

186    Ir-rikorrenti jinvokaw ksur tad-dritt għall-proprjetà. Insostenn ta’ dan il-motiv, huma jressqu erba’ serje ta’ argumenti.

187    L-ewwel nett, huma jallegaw li l-Kunsill ma weriex li ffriżar totali tal-assi tagħhom kien jikkostitwixxi l-miżuri l-inqas vinkolanti sabiex tiġi ggarantit l-għan segwit mid-Deċiżjoni 2011/172 u mir-Regolament Nru 270/2011. Fil-fehma tagħhom, l-iffriżar ta’ assi li huma kienu suġġett għalih mill-Kunsill huwa għalhekk sproporzjonat. Insostenn ta’ tali affermazzjoni, huma jżiedu, qabel kollox, li ebda indikazzjoni ma ngħatat rigward il-quantum tal-assi li ntqal li huma kienu misapproprjati minnhom. Sussegwentement, huma jaffermaw li l-iffriżar ta’ assi li huma ġew suġġetti għalih fl-Eġittu kien suffiċjenti, peress li kien jikkonċerna assi ta’ valur superjuri ħafna minn dak ta’ beni li kienu allegatament misapproprjati minnhom.

188    It-tieni nett, ir-rikorrenti jispeċifikaw, fir-replika tagħhom, il-projbizzjoni magħmula lil terzi, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2011/172, li jqiegħdu riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tagħhom hija illoġika, sproporzjonata u kontroproduttiva fid-dawl tal-għan segwit mil-Kunsill, jiġifieri, l-irkupru, fit-tmiem tal-proċedura ġudizzjarja mibdija fl-Eġittu, ta’ fondi tal-Istat li jistgħu jkunu ġew misapproprjati.

189    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 jirrigwardaw preġudizzju b’mod sensibbli u sostenibbli tar-reputazzjoni tagħhom peress li huma għandhom l-effett mhux biss li jiffriżaw l-assi kollha tagħhom fl-Unjoni, iżda wkoll li jiġu “ttikettjati” bħala persuna li serqu l-assi Eġizzjani u għalhekk jikkostitwixxu l-għedewwa tal-poplu Eġizzjan.

190    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kunsill ma pprovax li “projbizzjoni għall-ivvjaġġar” kienet ġustifikata u proporzjonata.

191    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata mill-bidu li t-tielet serje ta’ argumenti, imsemmija fil-punt 189 iktar ’il fuq, għandha, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-importanza tal-għanijiet segwiti mid-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 hija ta’ natura li tiġġustifika li dawn seta’ kellhom konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għar-rikorrenti mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, Ġabra p. I‑3953, punt 26; sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsilll, punt 161 iktar ’il fuq, punt 70).

192    Barra minn hekk, ir-raba’ serje ta’ argumenti, imsemmija fil-punt 190 iktar ’il fuq, hija nieqsa minn kull portata. Fil-fatt, la d-Deċiżjoni 2011/172 u lanqas ir-Regolament Nru 270/2011 ma jistabbilixxu projbizzjoni għall-ivvjaġġar kontra r-rikorrenti.

193    Fl-aħħar nett, l-ewwel żewġ serje ta’ argumenti, imsemmija fil-punti 187 u 188 iktar ‘il fuq, biss jistgħu jkunu utli insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ proprjetà. Għalhekk, huma ser jiġu eżaminati, iktar ‘il quddiem, suċċessivament.

 Għal dak li jikkonċerna l-ewwel serje ta’ argumenti

194    Skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali:

“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”.

195    F’dan il-każ, il-Kunsill iffriża, permezz tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, matul perijodu determinat, l-assi misapproprjati, b’mod partikolari, mir-rikorrenti. Għalhekk, il-Kunsill għandu jitqies bħala li llimita l-eżerċizzju, mir-rikorrenti, tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 358). Madankollu, id-dritt għall-proprjetà, kif protett minn dan l-artikolu, ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni, 4/73, Ġabra p. 491, punt 14, u Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 355) u jista’, konsegwentement, ikun is-suġġett ta’ limitazzjonijiet, fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

196    Skont dan l-artikolu tal-aħħar, minn naħa, “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mi[ll-K]arta [tad-Drittijiet Fundamentali] għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, min-naħa l-oħra, “[b]la ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

197    Għalhekk, sabiex tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal proprjetà għandha, fi kwalunkwe każ, tissodisfa tliet kundizzjonijiet.

198    L-ewwel nett, il-limitazzjoni għandha tkun “prevista mil-liġi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punt 91). Fi kliem ieħor, il-miżura inkwistjoni għandha jkollha bażi legali.

199    It-tieni nett, il-limitazzjoni għandha jkollha għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. Fost dawn l-għanijiet hemm dawk segwiti fil-kuntest tal-PESK u msemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (d) TUE, jiġifieri l-appoġġ għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw bl-għan primarju li jinqered il-faqar.

200    It-tielet nett, il-limitazzjoni ma tistax tkun eċċessiva. Minn naħa, hija għandha tkun neċessarja u proporzjonali għall-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bosphorus, punt 191 iktar ’il fuq, punt 26, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punti 355 u 360). Min-naħa l-oħra, l-“essenza”, jiġifieri s-sustanza, tad-dritt jew tal-libertà inkwistjoni ma tistax tiġi ppreġudikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nold vs Il-Kummissjoni, punt 195 iktar ’il fuq, punt 14, u Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 355).

201    F’dan il-każ, kull waħda minn dawn il-kundizzjoni hija ssodisfatta.

202    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà inkwistjoni għandha titqies bħala “prevista mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, peress li l-kriterji stabbiliti fil-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011 ġew osservati (ara l-punti 99 u 103 iktar ’il fuq).

203    Fit-tieni lok, kif ġie kkonstatat fil-punt 44 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni 2011/172 u l-anness tagħha jikkontribwixxu effettivament sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (d) TUE. Dan japplika wkoll fir-rigward tar-Regolament Nru 270/2011 u tal-anness tiegħu, sa fejn huma jirriflettu l-previżjonijiet tad-Deċiżjoni 2011/172.

204    Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti (ara l-punt 187 iktar ’il fuq), ir-restrizzjoni għall-eżerċizzju, minnhom, tad-dritt għall-proprjetà ma tidhirx sproporzjonata.

205    Fil-fatt, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2011, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81,u tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2010, Comune di Napoli vs Il-Kummissjoni, T‑388/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 143).

206    Il-miżuri li l-Kunsill adotta abbażi tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011 huma xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfakkra fil-punt 203 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn il-miżuri jikkontribwixxu, b’mod effikaċi, sabiex jiffaċilitaw il-konstatazzjoni ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat imwettqa għad-detriment tal-awtoritajiet Eġizzjani u jippermettu li jkun iktar faċli, għal dawn l-istess awtoritajiet, li jiksbu l-ħlas lura tal-prodott ta’ tali misapproprjazzjonijiet. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 139 sa 141 iktar ’il fuq, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-ewwel rikorrent ġie mixli, fl-Eġittu, għal fatti li jikklassifikaw bħala “misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat”.

207    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux li l-Kunsill seta’ jikkunsidra li jadotta miżuri inqas vinkolanti, iżda xorta waħda xierqa bħal dawk previsti mid-Deċiżjoni 2011/172 u mir-Regolament Nru 270/2011.

208    Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-proċeduri ġudizzjarji mibdija fl-Eġittu, il-Kunsill la seta’, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament 270/3011, jagħraf in-natura u lanqas jindika huwa stess il-quantum tal-possibbli misapproprjazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan imwettqa mill-ewwel rikorrenti. Għaldaqstant, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jiddistingwi bejn, minn naħa, l-assi li setgħu jiddaħħlu fil-patrimonju tar-rikorrenti sussegwentement u tali misapproprjazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-bqija tal-beni li jifformaw il-patrimonju tar-rikorrenti. F’dawn il-kundizzjonjiet, xejn ma jippermetti lill-Kunsill li jassumi li s-sekwestru tal-assi tar-rikorrenti li kienu għamlu l-awtoritajiet Eġizzjani (ara l-punt 132 iktar ’il fuq) kien biżżejjed sabiex ikopri l-possibbli kundanni futuri tal-ewwel rikorrent.

209    Fl-aħħar nett, l-iżvantaġġi ġġenerati mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ assi inkwistjoni ma humiex sproporzjonati mal-għanijiet segwiti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi b’mod partikolari nnotat, minn naħa, li dawn il-miżuri jippreżentaw, min-natura tagħhom, natura temporanja u reversibbli (ara l-punt 79 iktar ’il fuq) u ma jikkawżawx, għalhekk, preġudizzju għal “essenza” tad-dritt għall-proprjetà, u min-naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2011/172, huwa jista’ jiġi rrinunzjat sabiex ikopri l-“ħtiġijiet bażiċi”, l-ispejjeż tal-qorti jew saħansitra l-“[i]spejjeż straordinarji” tal-persuni msemmija.

 Għal dak li jikkonċerna t-tieni serje ta’ argumenti

210    Permezz tal-argument imfakkar fil-punt 188 iktar ’il fuq, imsemmi għall-ewwel darba fir-replika, ir-rikorrenti invokaw, essenzjalment, eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, ibbażata fuq il-fatt li l-projbizzjoni magħmula lil terzi, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2011/172, li jitqiegħdu riżorsi ekonomiċi addizzjonali għad-dispożizzjoni tagħhom tikkostitwixxi preġudizzju sproporzjonat għad-dritt għall-proprjetà.

211    Minn naħa, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 17(1) ta’ din l-istess karta, li jistabbilixxi d-dritt għall-proprjetà, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tirrigwarda l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal- Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jiggarantixxi d-dritt għar-rispett tal-“beni”.

212    Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll ma jiggarantixxix dritt għall-akkwist ta’ “beni”. Rikorrent ma jistax jallega ksur ta’ dan l-artikolu ħlief sa fejn l-atti li jinkiriminawh jirrigwardaw il-“beni” tiegħu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-kunċett ta’ “beni” jista’ jkopri kemm “beni attwali” kif ukoll “valuri patrimonjali”, inkluż djun, li jipprovdu li r-rikorrent jista’ jippretendi li jkollu tal-inqas “aspettativa leġittima” li jikseb it-tgawdija effettiva ta’ dritt għall-proprjetà. Meta l-interess patrimonjali kkonċernat huwa tan-natura ta’ dejn, ma jistax jitqies bħala “valur patrimonjali” ħlief meta huwa jkollu bażi legali suffiċjenti (ara l-Qorti EBD, is-sentenza Kopecký vs Slovaquie, tat-28 ta’ Settembru 2004, Nru 44912/98, §§ 35 u 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

213    F’dan il-każ, mill-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2011/172 jirriżulta li l-paragrafu 2 tal-istess artikolu ma jipprekludix il-ħlas, fuq il-kontijiet iffriżati ta’ interessi jew ta’ remunerazzjonijiet oħra ta’ dawn il-kontijiet u lanqas jipprojbixxi li jsiru ħlasijiet dovuti skont kuntratti, ftehim jew obbligi li kienu ġew konklużi jew inħolqu qabel id-data li fiha dawn il-kontijiet kienu ffriżati. Għaldaqstant, il-ħlasijiet il-ġodda ta’ fondi mwettqa minn terzi, u li ma kinux, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, previsti minn ebda att legali biss huma pprojbiti mill-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2011/172.

214    Jekk, madankollu, billi invokaw l-illegalità ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rikorrenti kellhom l-intenzjoni li jsostnu li hija kienet tipprojbixxi lil terzi milli jwettqu ħlasijiet dovuti skont atti legali preċedenti għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-iffriżar tal-assi tagħhom, għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, sa dan il-punt, l-eċċezzjoni ta’ illegalità li huma qajmu tibbaża fuq premessa ineżatta.

215    Rigward il-ħlasijiet futuri li, waqt id-dħul fis-seħħ tal-iffriżar ta’ assi, ma kinux previsti minn ebda att legali, ir-rikorrenti jiżbaljaw meta jqisu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk, billi jipprojbixxi lil terzi milli jwettquhom, il-Kunsill ma ċaħadx lir-rikorrenti minn ebda “beni”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB imsemmija fil-punt 212 iktar ’il fuq.

216    Mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-preżentazzjoni, fir-replika, tal-argumenti imfakkar fil-punt 188 iktar ’il fuq, kinitx tardiva (ara l-punt 54 iktar ’il fuq), għandha għalhekk tiġi miċħuda din tal-aħħar.

217    Konsegwentement, barra minn hekk, wara li ġie rrilevat li l-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kellu jiġi miċħud, il-Qorti Ġenerali ma tistax tikkonkludi li s-sitt motiv għandu, ukoll, jiġi miċħud kollu kemm hu.

7.     Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-libertà tal-intrapriża

218    Skont l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, “[il]-libertà ta’ l-intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”.

219    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jinvokaw, impliċitament, ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Insostenn ta’ dan il-motiv, huma jesponu li d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 jippprojbixxulhom totalment milli jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi għal finijiet lukrativi fl-Unjoni.

220    Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-atti ma għandhomx għan immedjat li jipprekludu lir-rikorrenti milli jeżerċitaw tali attivitajiet.

221    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitqies li, permezz tal-argumenti mfakkra fil-punt 218 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jsostnu li, meta jiffriżaw l-assi tagħhom li kellhom fit-territorju tal-Unjoni u meta jipprojbixxu lit-terzi li jqiegħdu riżorsi ekonomiċi addizzjonali għad-dispożizzjoni tagħhom fi ħdan l-Unjoni, id-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 għandhom bħala konsegwenza indiretta li jimpedulhom, fil-prattika, li jwettqu kwalunkwe attività ekonomika għall-finijiet lukrativi fl-Unjoni.

222    Anki interpretat b’dan il-mod, dan il-motiv ma jistax jintlaqa’.

223    Tabilħaqq, kif tfakkar, insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma sostnewx li d-diversi projbizzjonijiet magħmula mid-Deċiżjoni 2011/172 u mir-Regolament Nru 270/2011 jimpedulhom milli jwettqu negozju ma’ persuni fiżiċi u morali li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, filwaqt li jirrisjedu, għal dak li jikkonċernahom, barra dan l-istess territorju.

224    Huma sempliċement jallegaw li dawn l-atti jimpedulhom, fil-prattika, li jwettqu kwalunkwe attività ekonomika għall-finijiet lukrativi ġewwa l-Unjoni.

225    Madankollu, ir-rikorrenti, li huma kollha ċittadini Eġizzjani, ma jiġġustifikawx anki wara li ġew awtorizzati qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament 270/2011, li jwettqu fit-territorju ta’ Stat Membru, bħala ċittadini ta’ pajjiż terz, attività ekonomika għall-finijiet lukrativi.

226    Għaldaqstant, huma ma huwiex intitolati li jallegaw li d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 għandhom bħala effett li jipprojbixxulhom milli jeżerċitaw attività ekonomika għal finijiet lukrativi fl-Unjoni.

227    Anki jekk ir-rikorrenti kellhom jinstemgħu jressqu l-argument imsemmi fil-punt 223 iktar ’il fuq, il-motiv kellu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud.

228    Ċertament, huwa minnu li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2011/172, kien ipprojbit għal terzi li jqiegħdu riżorsi ekonomiċi addizzjonali għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti u li din il-projbizzjoni tirrestrinġi, indirettament, il-kapaċità tagħhom li jinnegozjaw ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu ġewwa l-Unjoni.

229    Madankollu, l-ewwel nett, din ir-restrizzjoni, prevista minn dispożizzjoni ta’ portata ġenerali tad-Deċiżjoni 2011/172, hija, kif ġie rrilevat fil-punt 202 iktar ’il fuq, prevista mil-liġi.

230    It-tieni nett, din ir-restrizzjoni għandha l-istess għan ta’ interess ġenerali bħala dak segwit mill-iffriżar ta’ assi diġà eżistenti tar-rikorrenti (ara l-punt 203 iktar ’il fuq).

231    It-tielet nett, ir-restrizzjoni inkwistjoni ma hijiex sproporzjonata.

232    Minn naħa, din il-projbizzjoni hija xierqa fid-dawl tal-għan tal-atti kkontestati, li huwa li jgħin lill-awtoritajiet Eġizzjani li jikkonstataw u li jirkupraw l-assi minn possibbli misapproprjazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan. Fil-fatt, kull bidla fis-sitwazzjoni partimonjali tar-rikorrenti li tirriżulta minn atti legali wara d-Deċiżjoni 2011/172 hija ta’ natura li tirrendi iktar kumpless, jew saħansitra li timpedixxi, id-differenzjazzjoni bejn, minn naħa, l-assi li jistgħu jirriżultaw minn misapproprjazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan, u min-naħa l-oħra, il-bqija tal-beni li jifformaw il-patrimonju tar-rikorrenti. Għaldaqstant, il-fatt li l-patrimonju miżmum mir-rikorrenti ma jistax jiżdied permezz ta’ ħlasijiet li jirriżultaw minn atti preċedenti għad-Deċiżjoni 2011/172 huwa ta’ natura li jiffaċilita l-identifikazzjoni jew il-ħlas lura għall-awtoritajiet ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan jistgħu jkunu ġew misapproprjati għall-benefiċċju ta’ dawn tal-aħħar.

233    Min-naħa l-oħra, ma teżistix miżura inqas vinkolanti mill-projbizzjoni imposta fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2011/172, flimkien mal-iffriżar ta’ assi previst fl-Artikolu 1(1) ta’ din l-istess deċiżjoni, sabiex jiġi ffriżat il-patrimonju miżmum mir-rikorrenti ġewwa l-Unjoni u, għalhekk, jiġu ffaċilitati l-konstatazzjoni u ħlas lura għall-awtoritajiet Eġizzjani tal-prodott ta’ probabbli misapproprjazzjonijiet imwettqa għall-benefiċċju tar-rikorrenti.

8.     Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”

234    Ir-rikorrenti jinvokaw “żball manifest ta’ evalwazzjoni”. Insostenn ta’ dan il-motiv, huma jressqu żewġ argumenti.

235    Permezz tal-ewwel argumenti, huma jsostnu li, meta inkluda isimhom fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172, il-Kunsill ma osservax il-kriterji imposti fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, u għalhekk wettaq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”.

236    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa ppreżentat insostenn ta’ dan il-motiv, dan l-argument huwa identiku għat-tieni motiv, ibbażat, b’mod partikolari, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji imposti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172. Għaldaqstant huwa għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 57 sa 99 iktar ’il fuq.

237    Permezz tat-tieni argument, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kunsill apparantement ma pprovax “jevalwa” jekk huma kinux “effettivament” responsabbli” għal misapproprjazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan. B’dan il-mod, huma jsostnu li huwa l-Kunsill li għandu jivverifika jekk huma kienu kriminalment responsabbli għal misapproprazzjonijiet ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan.

238    Kif jirriżulta mill-punt 67 iktar ‘il fuq, tali argument jibbaża fuq il-premessa ineżatta li tipprovdi li huma biss il-persuni li ġew ikkundannati għal tali fatti li jistgħu jkunu s-suġġett tal-iffriżar ta’ assi inkwistjoni.

239    Għalhekk, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

240    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

241    Skont l-Artikolu87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

242    Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

243    F’din il-kawża, peress li r-rikorrenti tilfu l-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż. Barra minn hekk, bħala istituzzjoni intervenjenti, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ahmed Abdelaziz Ezz kif ukoll Abla Mohammed Fawzi Ali Ahmed, Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin u Shahinaz Abdel Azizabdel Wahab Al Naggar huma kkundannata jħallsu l-ispejjeż tagħhom, kif ukoll dawk esposti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Frar 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni 2011/172 u r-Regolament Nru 270/2011 huma nieqsa minn bażi legali

Għal dak li jikkonċerna l-portata tal-argument tar-rikorrenti

Għal dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172

Is-sens u l-portata tal-Artikolu 29 TUE

Osservanza tal-previżjonijiet tal-Artikolu 29 TUE

Għal dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji li ġejjin li isem ċerti persuni jista’ jiġi inkluż fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172 u mar-Regolament Nru 270/2011

Għal dak li jikkonċerna l-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172

Rigward in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172

Rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172

Rigward il-kompatibbiltà tal-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 mal-prinċipju jew normi ġuridiċi ta’ grad superjuri meta mqabbla magħha

– Rigward il-prinċipju li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sanzjonijiet amministrattivi li għandhom jiġu interpretati b’mod strett

– Rigward il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza

Għal dak li jikkonċerna r-raġuni għaliex isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172

Rigward in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tar-raġuni għaliex isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172

Rigward l-interpretazzjoni tar-raġuni għaliex isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172

Għal dak li jikkonċerna l-osservanza ta’ kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172

Għal dak li jikkonċerna l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011

3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti

Għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti tal-motiv

Għal dak li jikkonċerna t-tieni parti tal-motiv

5. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti

Għal dak li jikkonċerna t-tieni parti

Għal dak li jikkonċerna t-tielet parti

6. Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetŕ

Għal dak li jikkonċerna l-ewwel serje ta’ argumenti

Għal dak li jikkonċerna t-tieni serje ta’ argumenti

7. Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-libertŕ ta’ impriża

8. Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.