Language of document : ECLI:EU:T:2014:93

Kawża T‑256/11

Ahmed Abdelaziz Ezz et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu — Iffriżar ta’ fondi — Bażi legali — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball ta’ fatt — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Dritt għall-proprjetà — Libertà tal-intrapriża”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Frar 2014

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Deċiżjoni li tikkonċerna l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu– Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni involuti f’misappropjazzjoni ta’ fondi tal-Istat u ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom — Article 29 TUE — Ammissibbiltà

(Artikoli 21(2)(b) u (d) TUE, 24(1) TUE, 28 TUE u 29 TUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, Artikolu 1(1))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Regolament li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu– Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni involuti f’misappropjazzjoni ta’ fondi tal-Istat u ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 215 TFUE u d-Deċiżjoni 2011/172 — Ammissibbiltà

(Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE; Artikolu 215(2) TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, Regolament tal-Kunsill Nru 270/2011, Artikolu 2(1))

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Interpretazzjoni uniformi — Teħid inkunsiderazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti — Interpretazzjoni skont il-kuntest u l-għan

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, Artikolu 1(1))

4.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni involuti f’misappropjazzjoni ta’ fondi tal-Istat fl-Eġittu u ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom — Diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/172 — Interpretazzjoni wiesgħa ma tiksirx il-prinċipji ta’ nulla poena sine lege u tal-preżunzjoni ta’ innoċenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,, Artikoli 48(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 49; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172, Artikolu 1(1))

5.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni involuti f’misappropjazzjoni ta’ fondi tal-Istat fl-Eġittu u ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom — Diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/172 — Interpretazzjoni wiesgħa tal-att ta’ implementazzjoni b’konformità mal-att bażiku

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172, Artikolu 1(1) u l-Anness)

6.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni involuti f’misappropjazzjoni ta’ fondi tal-Istat fl-Eġittu u ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom — Deċiżjoni li tifforma parti mill-kuntest magħruf tal-persuna kkonċernata li tippermettilha li tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha — Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja — Limiti — Motivazzjoni ma tistax tikkonsisti f’formulazzjoni ġenerali u stereotipika

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ); Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 270/2011)

7.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni involuti f’misappropjazzjoni ta’ fondi tal-Istat fl-Eġittu u ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom — Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti — Drittijiet suġġetti għal talba f’dan is-sens quddiem il-Kunsill

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK; Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 270/2011)

8.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni involuti f’misappropjazzjoni ta’ fondi tal-Istat fl-Eġittu u ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom — Dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ tali miżuri — Assenza — Obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet meħuda — Portata — Drittijiet iggarantiti permezz tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni u mill-possibbiltà ta’ seduta qabel jittieħdu dawn il-miżuri

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK; Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 270/2011)

9.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu ‑ Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni involuti f’misappropjazzjoni ta’ fondi tal-Istat fl-Eġittu u ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom — Restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għall-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza

(Artikolu 21(2)(b) u (d) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 16, 17 u 52(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, Artikolu 1; Regolament tal-Kunsill Nru 270/2011, Artikolu 2(1))

1.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/172 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu tista’ tiġi legalment adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE. Fil-fatt, jikkostitwixxu “pożizzjonijiet tal-Unjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar id-deċiżjonijiet li, l-ewwel nett, jaqgħu taħt il-kuntest tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), kif iddefinita fl-Artikolu 24(1) TUE, it-tieni nett, li jirrigwardaw materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika, u t-tielet nett, li ma għandhomx natura ta’ azzjonijiet operattivi fis-sens tal-Artikolu 28 TUE. Peress li dawn il-kriterji huma osservati, deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri ta’ natura li jemendaw direttament is-sitwazzjoni legali ta’ individwi, u mhux biss atti li għandhom natura programmatika jew ta’ sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni, jistgħu jkollhom l-Artikolu 29 TUE bħala bażi legali.

F’dan ir-rigward, din id-deċiżjoni, billi tipprova sabiex tgħin l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz fil-ġlied tagħhom kontra l-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat, hija bbażata fuq il-PESK u tissodisfa l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) TUE, mingħajr ma tinvolvi operazzjoni ċivili jew militari, u filwaqt li tittieħed tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ Stat terz partikolari.

(ara l-punti 41, 42, 44-47)

2.      Ir-Regolament Nru 270/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu jista’ jiġi legalment adottat abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2011/172. Fil-fatt, l-Artikolu 215(2) TFUE ma jirrestrinġix il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għad-deċiżjonijiet diretti għal mexxejja ta’ Stati terzi jew ta’ assoċjati tagħhom. Huwa jista’ jservi bħala bażi legali sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi kontra kwalunkwe persuna, irrispettivament mill-istatus tagħha, sakemm dawn il-miżuri kienu previsti minn deċiżjoni li ttieħdet fil-kuntest tal-PESK. F’dan ir-rigward, l-imsemmi regolament, li l-kliem tiegħu huwa analogu għal dak tad-Deċiżjoni 2011/172, jissodisfa l-kundizzjonijiet magħmula mill-Artikolu 215(2) TFUE.

Din l-evalwazzjoni ma tista’ tiġi invalidata billi jiġu invokati l-Artikoli 60 KE u 301 KE applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Fil-fatt, dan it-Trattat biddel l-istat tad-dritt meta introduċa Artikolu 215 TFUE ġdid. Għaldaqstant, għalkemm l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jkopri l-oqsma preċedenti msemmija fl-Artikoli 60 KE u 301 KE, it-tieni paragrafu tiegħu jinkariga minn issa lill-Kunsill sabiex jadotta, permezz ta’ att stabbilit fl-Artikolu 288 TFUE, miżuri restrittivi kontra destinatarji li ma għandhom ebda konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz.

(ara l-punti 49-53)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 62, 63, 68, 89)

4.      Fid-dawl tad-diverġenzi sinjifikattivi bejn il-verżjoni lingwistika Franċiża u dik Ingliża tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha u tal-kuntest u tal-għan li fihom tifforma parti. Minn naħa, fil-parti l-kbira tal-lingwi tal-Unjoni minbarra l-Ingliż u l-Franċiż, ir-redazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni hija analoga għal dik tal-verżjoni Ingliża. Min-naħa l-oħra, l-effettività tad-deċiżjoni inkwistjoni tiġi serjament kompromessa jekk l-Artikolu 1 kien ikopri biss il-persuni diġà kkundannati, peress li dawn il-persuni jkollhom għad-dispożizzjoni, matul il-proċedura kriminali, żmien neċessarju sabiex jittrasferixxi l-assi tagħhom fi Stati li ma jkollhom ebda forma ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet Eġizzjani. Għaldaqstant, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri, fost oħrajn, il-persuni li setgħu, possibbilment mingħajr l-għarfien tagħhom, jibbenefikaw mill-prodott ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan u jkunu s-suġġett, f’dan ir-rigward, ta’ miżuri konservatorji ppromulgati f’kuntest ġudizzjarju, u intiżi sabiex jippreżervaw l-assi li jirriżultaw mill-imsemmija misapproprjazzjonijiet.

Barra minn hekk, minn naħa, dan l-iffriżar ta’ assi ma jikkostitwixxix sanzjoni amministrattiva u lanqas jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea b’tali mod li l-prinċipju li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sanzjoni amministrattivi għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta ma jipprojbixxix interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172. Min-naħa l-oħra, billi adotta d-Deċiżjoni 2011/172, il-Kunsill ma rrikonoxxiex, huwa stess, il-persuni msemmija fl-Artikolu 1(1), ħatja ta’ fatti punibbli mid-dritt kriminali Eġizzjan jew mid-dritt ta’ wieħed mill-Istati Membri tagħha. Barra minn hekk, huwa ma nkoraġġiex il-pubbliku jemmen, żbaljatament, fil-ħtija ta’ dawn il-persuni u lanqas jiġġudika minn qabel l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti kompetenti. Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza ma jipprekludix l-interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 64, 66, 67, 80, 81, 83, 84)

5.      Fid-dawl tad-diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti, l-anness tad-Deċiżjoni 2011/172 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu, għandu jiġi interpretat skont id-Deċiżjoni 2011/172, li huwa jimplementa, f’dan is-sens, li huwa jkopri tliet kategoriji ta’ persuni, jiġifieri, minbarra l-persuni li kontrihom hemm proċeduri kriminali għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat, dawk li kontrihom hemm proċeduri bħala kompliċi ta’ tali fatti u dawk li huma s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji konnessi ma’ proċeduri kriminali għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat.

(ara l-punti 90, 91, 94)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 105-109, 113-116)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 161-165)

8.      L-ewwel miżura ta’ ffriżar ta’ assi, bħal dik li tinsab fl-anness mad-Deċiżjoni 2011/172 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu u tal-Anness I mar-Regolament Nru 270/2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu, għandha tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża. Minn dan il-fatt, il-Kunsill ma huwiex meħtieġ qabel l-adozzjoni ta tali miżura, li jikkomunika r-raġunijiet ta’ din il-miżura lill-persuna kkonċernata. Bl-istess mod, huwa ma huwiex obbligat li javża lill-persuni msemmija minn miżura ta’ dan it-tip bl-adozzjoni immedjata tagħha. Barra minn hekk, il-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal azzjoni legali effettiva ggarantit mill-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jeżiġu, fil-prinċipju, li l-awtorità tal-Unjoni li tadotta att li jistabbilixxi miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità tikkomunika r-raġunijiet li fuqhom dan l-att huwa bbażat, tal-inqas, kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tiegħu, sabiex dawn il-persuni jew entitajiet ikunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom u jeżerċitaw d-dritt tagħhom għal azzjoni legali. Normalment, il-Kunsill għandu jwettaq dan l-obbligu permezz ta’ komunikazzjoni individwali.

Għaldaqstant, il-fatt li l-Kunsill naqas milli jikkomunika, huwa stess, ir-raġunijiet għal att li jistabbilixxi miżuri restrittivi ma humiex ta’ natura li taffettwa l-validità ta’ dan l-att meta tali ommissjoni ma kellhiex l-effett li ċċaħħad lill-persuna jew l-entità kkonċernata mill-possibbiltà li tkun taf, fi żmien utli, il-motivazzjoni ta’ dan l-att u li tevalwa l-fondatezza tiegħu.

Barra minn hekk, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija mill-ewwel deċiżjoni li tiffriża l-assi tagħhom għandhom id-dritt li jinstemgħu mill-Kunsill wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu, dan tal-aħħar ma huwiex obbligat jorganizza seduta għas-smigħ ex officio tal-imsemmija persuni.

(ara l-punti 176, 180, 181, 183, 184)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 195, 198-200, 206, 209, 228-233)