Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fit-23 ta’ Marzu 2021 – absoluts -bikes and more- GmbH & Co. KG vs the-trading-company GmbH

(Kawża C-179/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: absoluts -bikes and more- GmbH & Co. KG

Konvenut: the-trading-company GmbH

Domandi preliminari

Is-sempliċi eżistenza ta’ garanzija tal-manifattur tagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 ?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: Is-sempliċi fatt li garanzija tal-manifattur tiġi indikata fl-offerta tal-kummerċjant jagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83, jew dan l-obbligu jitnissel jekk din l-indikazzjoni tkun tista’ tiġi pperċepita faċilment mill-konsumatur? Obbligu ta’ informazzjoni jeżisti wkoll fil-każ li l-konsumatur ikun jista’ faċilment jipperċepixxi li l-kummerċjant ikun qiegħed biss jipprovdi informazzjoni dwar il-garanzija mogħtija mill-manifattur?

L-informazzjoni dwar l-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta’ garanzija tal-manifattur meħtieġa taħt l-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva 2011/83 għandha tinkludi l-istess informazzjoni bħal garanzija taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom 2 , jew hija biżżejjed inqas informazzjoni?

____________

1     ĠU 2011, L 304, p. 64.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223.