Language of document : ECLI:EU:T:2022:358

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

15 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq taċ-chipsets LTE – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Pagamenti ta’ esklużività – Drittijiet tad-difiża – Artikolu 19 u Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Effetti ta’ esklużjoni”

Fil-Kawża T‑235/18,

Qualcomm Inc., stabbilita f’San Diego, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn M. Pinto de Lemos Fermiano Rato, M. Davilla u M. English, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, A. Dawes u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn A. Marcoulli (Relatriċi), Presidenta, S. Frimodt Nielsen, J. Schwarcz, C. Iliopoulos u R. Norkus, imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑4, tal‑5 u tas‑6 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Qualcomm Inc., titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 240 final tal‑24 ta’ Jannar 2018 li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Il-Każ AT.40220 – Qualcomm (Pagamenti ta’ Esklużività)), li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li Qualcomm kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha mill‑25 ta’ Frar 2011 sas‑16 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkonċernat”) u imponitilha multa ta’ EUR 997 439 000 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Fuq ir-rikorrenti

2        Ir-rikorrenti hija kumpannija Amerikana maħluqa fl-1985, li topera fil-qasam tat-teknoloġija ċellulari u mingħajr fili. Hija tiżviluppa u tipprovdi ċipep u software użati għall-komunikazzjonijiet tal-vuċi u tad-data. Iċ-ċipep tar-rikorrenti jinbiegħu, u s-software tas-sistema tagħha jiġi lliċenzjat, lil impriżi li jużawhom f’mobiles, tablets, laptops, moduli tad-data u oġġetti elettroniċi tal-konsumatur oħra. Ir-rikorrenti b’mod partikolari tipprovdi baseband chipsets (iktar ’il quddiem “chipsets”).

3        Iċ-chipsets jippermettu lill-ismartphones u t-tablets jaqbdu ma’ networks ċellulari u jintużaw kemm għas-servizzi tal-vuċi kif ukoll għat-trażmissjoni tad-data. Chipset tirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ tliet komponenti, jiġifieri proċessur baseband, ċirkwit integrat tal-frekwenza tar-radju u ċirkwit integrat tal-provvista, li normalment ikunu f’ċipep separati jew, iktar rarament, fl-istess ċippa. Minbarra l-proċessur baseband, ċertu apparat jeħtieġ proċessur ta’ applikazzjoni, li jista’ jkun integrat fl-istess ċippa mal-proċessur baseband jew ikun jinsab f’ċippa separata. Chipset tista’ għalhekk tkun “integrata” jew “awtonoma” (imsejħa wkoll “slim”), skont jekk ikollhiex proċessur ta’ applikazzjoni integrat jew le. Chipset tista’ tkun kompatibbli ma’ standard wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni ċellulari, bħalma huma l-istandards GSM (Global System for Mobile Communications), UMTS (Universal Mobile Telecommunications System) jew LTE (Long Term Evolution). Iċ-chipsets jinbiegħu lil fabbrikanti ta’ tagħmir oriġinali (iktar ’il quddiem “OEM”), fosthom Apple Inc. (Apple), HTC Corporation (HTC), Huawei Technologies Co. Ltd (Huawei), LG Corp. (LG), Samsung Group (Samsung) u ZTE Corporation (ZTE), li jintegrawhom fl-apparat tagħhom.

4        Din il-kawża tirrigwarda b’mod iktar partikolari l-provvista ta’ chipsets konformi mal-istandard LTE kif ukoll mal-istandards UMTS u GSM (iktar ’il quddiem “chipsets LTE”) mir-rikorrenti lil Apple matul il-perijodu bejn l‑2011 u l‑2016.

B.      Fuq il-proċedura amministrattiva

1.      Fuq il-proċedura mar-rikorrenti

5        F’Awwissu 2014, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni dwar ftehimiet li jikkonċernaw ix-xiri u l-użu taċ-chipsets tar-rikorrenti.

6        Bejn it‑13 ta’ Ottubru 2014 u l‑14 ta’ Jannar 2015, skont l-Artikolu 18(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti talbiet għal informazzjoni.

7        Fis‑16 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni fetħet proċedura kontra r-rikorrenti sabiex tadotta deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003.

8        Fit‑8 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li r-rikorrenti wieġbet għaliha fis‑27 ta’ Ġunju 2016. Ir-rikorrenti kkompletat din it-tweġiba fis‑27 ta’ Lulju 2016.

9        Bejn it‑22 ta’ Novembru 2016 u l‑5 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti talbiet ġodda għal informazzjoni.

10      Fl‑10 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti espożizzjoni tal-fatti, li r-rikorrenti wieġbet għaliha fit‑13 ta’ Marzu 2017.

11      Fid‑29 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti fformulat osservazzjonijiet ta’ segwitu fuq il-provi inklużi fil-fajl wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

12      Matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti laqgħet lis-servizzi tal-Kummissjoni bosta drabi, kultant mat-tim tal-ekonomist ewlieni.

13      Fl‑24 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata.

2.      Fuq l-impriżi l-oħra u l-partijiet ikkonċernati

14      Qabel ma l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, hija ltaqgħet ma’ informatur terz li kien talab l-anonimat (iktar ’il quddiem l-“informatur terz”), laqgħa organizzata fuq talba tiegħu.

15      Bejn it‑12 ta’ Awwissu 2014 u t‑23 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil ċerti klijenti u kompetituri tar-rikorrenti.

16      Qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha laqgħat u konferenzi telefoniċi ma’ partijiet terzi.

17      Il-Kummissjoni aċċettat lil Apple u lil Nvidia bħala partijiet terzi kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81). Apple hija impriża klijenta tar-rikorrenti li tixtri ċ-chipsets, fosthom chipsets LTE. Nvidia hija impriża kompetitriċi tar-rikorrenti li tipprovdi ċerti tipi ta’ chipsets.

18      Fil‑15 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni pprovdiet lil Apple verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fit‑2 ta’ Mejju 2016, Apple bagħtet l-opinjoni tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

19      Fil‑31 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni pprovdiet lil Nvidia verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil‑31 ta’ Mejju 2016, Nvidia bagħtet l-opinjoni tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

20      Fid‑19 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni pprovdiet lil Apple verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil‑21 ta’ Novembru 2016, Apple bagħtet l-opinjoni tagħha dwar it-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

21      Bejn it‑22 ta’ Novembru 2016 u l‑5 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil Apple u lil kompetituri tar-rikorrenti.

3.      Fuq l-aċċess għall-fajl

22      Fil‑21 ta’ Diċembru 2015, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni pprovdiet lir-rikorrenti aċċess (fuq CD-ROM) għall-fajl tal-każ. Wara talbiet mir-rikorrenti, il-Kummissjoni bagħtitilha l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ ċerti dokumenti oħra li hija kienet għadha ma bagħtitilhiex kif ukoll verżjonijiet mhux kunfidenzjali inqas redatti ta’ ċerti dokumenti li hija kienet diġà bagħtitilha.

23      Fit‑23 u fl‑24 ta’ Mejju 2016, l-uffiċjal tas-seduta organizza, għall-konsulenti esterni tar-rikorrenti, proċedura ta’ aċċess għall-ewwel kamra tad-data fir-rigward ta’ ċerti dokumenti. Fl‑1 ta’ Ġunju 2016, l-uffiċjal tas-seduta organizza, għall-konsulenti esterni tar-rikorrenti, proċedura ta’ aċċess għat-tieni kamra tad-data fir-rigward ta’ ċerti dokumenti oħra. Fit‑28 u fit‑30 ta’ Ġunju 2016, il-konsulenti esterni tar-rikorrenti kellhom aċċess għat-tielet kamra tad-data intiż sabiex ikunu jistgħu jagħmlu osservazzjonijiet kunfidenzjali dwar il-mertu tad-dokumenti mqiegħda għad-dispożizzjoni fl-ewwel u fit-tieni kmamar tad-data.

24      Fit‑13 ta’ Frar 2017, wara l-espożizzjoni tal-fatti, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti aċċess ġdid għall-fajl tal-każ (fuq CD-ROM) f’dak li jirrigwarda d-dokumenti miġbura wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fis‑17 ta’ Frar 2017, l-uffiċjal tas-seduta organizza, għall-konsulenti esterni tar-rikorrenti, proċedura ta’ aċċess għar-raba’ kamra tad-data fir-rigward ta’ wħud minn dawn id-dokumenti.

25      Fil‑25 ta’ Jannar 2018, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha l-lista tal-laqgħat jew intervisti organizzati ma’ partijiet terzi dwar is-suġġett tal-investigazzjoni. Fit‑2 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni wieġbet li kienu saru xi laqgħat u konferenzi telefoniċi ma’ partijiet terzi u pprovdiet in-noti korrispondenti.

C.      Fuq id-Deċiżjoni kkontestata

26      Id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi erbatax-il taqsima, li jikkonċernaw, rispettivament, l-introduzzjoni (Taqsima 1), l-impriżi kkonċernati (Taqsima 2), il-proċedura (Taqsima 3), l-oġġezzjonijiet proċedurali tar-rikorrenti (Taqsima 4), l-istandards (Taqsima 5), it-teknoloġija u l-prodotti kkonċernati (Taqsima 6), l-attivitajiet tar-rikorrenti marbuta maċ-chipsets (Taqsima 7), il-ftehim tar-rikorrenti ma’ Apple (Taqsima 8), id-definizzjoni tas-suq (Taqsima 9), il-pożizzjoni dominanti (Taqsima 10), l-abbuż minn pożizzjoni dominanti (Taqsima 11), il-kompetenza (Taqsima 12), l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (Taqsima 13) kif ukoll ir-rimedji u l-multa (Taqsima 14).

1.      Fuq ilftehimiet bejn irrikorrenti u Apple

27      Fit-Taqsima 8 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, fil‑25 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti kienet ikkonkludiet ftehim ma’ Apple (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ tranżizzjoni”) dwar il-kunsinna ta’ chipsets u li dan il-ftehim kien ġie emendat fit‑28 ta’ Frar 2013 bil-konklużjoni ta’ ftehim ulterjuri (iktar ’il quddiem l-“ewwel emenda għall-ftehim ta’ tranżizzjoni”) li daħal fis-seħħ b’effett retroattiv fl‑1 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem, ilkoll flimkien, il-“ftehimiet ikkonċernati”).

28      Il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ftehimiet ikkonċernati kienu jipprevedu li jitħallsu pagamenti bħala inċentiv mir-rikorrenti lil Apple bil-kundizzjoni li din tal-aħħar takkwista mingħand ir-rikorrenti ċ-chipsets LTE kollha li tiġi bżonn (iktar ’il quddiem il-“pagamenti kkonċernati”). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li, għall-finijiet tad-Deċiżjoni kkontestata, iċ-chipsets LTE kienu jinkludu ċ-chipsets li jikkonformaw kemm mal-istandard LTE kif ukoll mal-istandards GSM u UMTS.

29      Il-Kummissjoni indikat li, mill‑2011 sal‑2015, Apple kienet akkwistat chipsets LTE mingħand ir-rikorrenti biss u li r-rikorrenti kienet ħallset lil Apple somma ta’ bejn 2 u 3 biljun dollari tal-Istati Uniti (USD).

30      Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, minkejja li l-iskadenza tal-ftehimiet ikkonċernati kienet ġiet iffissata għall‑31 ta’ Diċembru 2016, għall-finijiet tad-Deċiżjoni kkontestata, il-ftehimiet ikkonċernati kienu ntemmu wara li ġie varat minn Apple, fis‑16 ta’ Settembru 2016, l-iPhone 7 li jinkorpora chipsets LTE ta’ Intel.

2.      Fuq id-definizzjoni tas-suq

31      Fit-Taqsima 9 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni kien is-suq liberu taċ-chipsets LTE u li dan is-suq kien wieħed dinji (iktar ’il quddiem is-“suq rilevanti”). B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq rilevanti kien jinkludi ċ-chipsets LTE awtonomi u ċ-chipsets LTE integrati, iżda kien jeskludi l-produzzjoni maħsuba għall-użu intern ta’ dawn iċ-chipsets. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari li ċ-chipsets LTE ma setgħux jiġu ssostitwiti minflok iċ-chipsets kompatibbli mal-istandard GSM, u lanqas minflok iċ-chipsets kompatibbli mal-istandard UMTS (iktar ’il quddiem iċ-“chipsets UMTS”).

3.      Fuq ilpożizzjoni dominanti

32      Fit-Taqsima 10 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet okkupat pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti bejn l‑1 ta’ Jannar 2011 u l‑31 ta’ Diċembru 2016. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni indikat li r-rikorrenti kienet ibbenefikat, mill‑2010, minn sehem kbir mis-suq rilevanti, li dan is-suq kien ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ diversi ostakoli għad-dħul u għall-espansjoni u li s-saħħa kummerċjali tal-klijenti tar-rikorrenti li jixtru ċ-chipsets ma kinitx ta’ natura li tippreġudika l-pożizzjoni dominanti tagħha.

4.      Fuq labbuż minn pożizzjoni dominanti

33      Fit-Taqsima 11 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq rilevanti billi għamlet il-pagamenti kkonċernati. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni indikat li l-pagamenti kkonċernati kienu pagamenti ta’ esklużività, li dawn il-pagamenti setgħu jkollhom effetti antikompetittivi, li l-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata mir-rikorrenti ma kinitx taffettwa l-konklużjoni tagħha u li r-rikorrenti ma kinitx uriet li l-imsemmija pagamenti kienu kontrobilanċjati jew ikkumpensati minn vantaġġi fir-rigward tal-effiċjenza li jibbenefikaw ukoll lill-konsumaturi.

34      Il-Kummissjoni indikat li l-abbuż mir-rikorrenti seħħ matul il-perijodu kkonċernat.

5.      Fuq il-multa

35      Il-Kummissjoni kkunsidrat li kellha tiġi imposta multa fuq ir-rikorrenti u, wara l-kalkolu, ikkonkludiet li l-ammont tagħha kellu jiġi ffissat għal EUR 997 439 000.

6.      Fuq id-dispożittiv

36      Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

Qualcomm Inc. kisret l-Artikolu 102 tat-Trattat [dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea billi għamlet pagamenti lil Apple Inc. bil-kundizzjoni li Apple Inc. tikseb mingħand Qualcomm Inc. ir-rekwiżiti kollha ta’ Apple Inc. dwar il-baseband chipsets konformi mal-istandard tal-Long Term Evolution flimkien mal-istandards tal-Global System for Mobile Communications u tal-Universal Mobile Telecommunications System.

Il-każ tal-ksur dam mill‑25 ta’ Frar 2011 sas‑16 ta’ Settembru 2016.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, multa ta’ EUR 997 439 000 hija imposta fuq Qualcomm Inc.

[…]

Artikolu 3

Qualcomm Inc. għandha tastjeni milli tirrepeti l-att jew l-aġir imsemmi fl-Artikolu 1 kif ukoll kull att jew aġir li għandu għan jew effett identiku jew ekwivalenti.

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil Qualcomm Inc. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

A.      Elementi proċedurali prinċipali

1.      Il-fażi bil-miktub tal-proċedura

37      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ April 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

38      Fil‑5 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni talbet estensjoni tat-terminu għall-preżentata tar-risposta, fid-dawl tat-tul tar-rikors u tan-numru ta’ dokumenti annessi. Din l-estensjoni ngħatatilha.

39      Fl‑14 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

40      Fil‑5 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti talbet estensjoni tat-terminu sabiex tippreżenta r-replika, fid-dawl tat-tul tar-risposta u tan-numru ta’ dokumenti annessi. Din l-estensjoni ngħatatilha.

41      Fl‑4 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

42      Fit‑12 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni talbet estensjoni tat-terminu għall-preżentata tal-kontroreplika, fid-dawl tat-tul tar-replika u tan-numru ta’ dokumenti annessi. Din l-estensjoni ngħatatilha.

43      Fit‑8 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

44      Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fl‑20 ta’ Mejju 2019.

45      Fis‑7 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti talbet li tinstema’ waqt seduta għas-sottomissjonijiet orali.

2.      Talba għal intervent minn Apple

46      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Lulju 2018, Apple talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

47      Din it-talba għal intervent ġiet innotifikata lill-partijiet prinċipali, konformement mal-Artikolu 144(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

48      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni indikat li hija ma kellhiex osservazzjonijiet x’tagħmel fir-rigward tat-talba għal intervent ta’ Apple.

49      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad it-talba għal intervent u tikkundanna lil Apple għall-ispejjeż.

50      Fis‑16 ta’ Novembru u fl‑14 ta’ Diċembru 2018 kif ukoll fit‑13 ta’ Frar 2019, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni talbu trattament kunfidenzjali fil-konfront ta’ Apple, jekk l-intervent tagħha jiġi aċċettat, fir-rigward ta’ ċerti elementi li jinsabu fl-atti proċedurali kif ukoll fl-annessi tagħhom.

51      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ April 2019, Apple informat lill-Qorti Ġenerali li, konformement mal-Artikolu 144(8) tar-Regoli tal-Proċedura, hija kienet ser tirtira t-talba tagħha għal intervent f’din il-kawża.

52      Fil‑5 ta’ Ġunju 2019, il-Presidenta tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ordnat li Apple titneħħa minn din il-kawża, bħala parti li talbet li tintervjeni, u kkundannat lill-partijiet sabiex iġarrbu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta ma’ din it-talba għal intervent.

3.      Talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji

53      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti talbet l-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ miżura istruttorja sabiex tikseb, minn naħa, il-verżjonijiet kompleti, jiġifieri “mhux redatti”, ta’ ċerti dokumenti ta’ partijiet terzi u, min-naħa l-oħra, iż-żewġ dokumenti li jinkludu l-“osservazzjonijiet kunfidenzjali sostantivi” ppreżentati waqt it-tielet kamra tad-data tat‑28 ta’ Ġunju 2016.

4.      Provi addizzjonali ppreżentati wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura

54      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Mejju 2019, jiġifieri wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Kummissjoni pproduċiet, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, prova addizzjonali li tikkonsisti fit-trażmissjoni tas-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, ta’ 233 paġna, tal-United States District Court for the Northern District of California (il-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti għad-Distrett tat-Tramuntana ta’ California; iktar ’il quddiem id-“District Court”) fil-kawża Federal Trade Commission vs Qualcomm Incorporated.

55      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-prova addizzjonali tal-Kummissjoni.

56      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti pproduċiet, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, provi addizzjonali li jikkonsistu f’nota ta’ 62 paġna akkumpanjata minn numru kbir ta’ dokumenti li joriġinaw minn proċeduri mwettqa fl-Istati Uniti (iktar ’il quddiem il-“provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019”).

57      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Awwissu 2019, fid-dawl tan-numru kbir ta’ dokumenti annessi mal-produzzjoni tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni talbet estensjoni tat-terminu biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Din l-estensjoni ngħatatilha.

58      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, li jikkonsistu f’nota ta’ 63 paġna akkumpanjata minn annessi u li jikkontestaw b’mod partikolari l-ammissibbiltà tal-imsemmija provi.

59      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2019. Fit‑3 ta’ Ġunju 2020, il-Presidenta tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tinkludix dan l-att fil-proċess, filwaqt li informat lir-rikorrenti li hija kellha l-possibbiltà li ssostni l-argumenti tagħha f’dan ir-rigward matul il-fażi orali tal-proċedura.

60      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti pproduċiet, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, prova addizzjonali li tikkonsisti fit-trażmissjoni tas-sentenza tal‑11 ta’ Awwissu 2020, ta’ 56 paġna, tal-United States Court of Appeals for the Ninth Circuit (il-Qorti tal-Appell Federali tal-Istati Uniti tad-Disa’ Ċirkwit) fil-kawża Federal Trade Commission vs Qualcomm Incorporated, li tibdel is-sentenza tad-District Court imsemmija fil-punt 54 iktar ’il fuq.

61      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-prova addizzjonali prodotta mir-rikorrenti fil‑25 ta’ Awwissu 2020.

62      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrenti pproduċiet, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, prova addizzjonali li tikkonsisti fit-trażmissjoni ta’ digriet tat‑28 ta’ Ottubru 2020, ta’ 2 paġni, tal-United States Court of Appeals for the Ninth Circuit (il-Qorti tal-Appell Federali tal-Istati Uniti tad-Disa’ Ċirkwit) fil-kawża Federal Trade vs Qualcomm Incorporated, li jiċħad talba għal smigħ mill-ġdid fil-kuntest tas-sentenza msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq.

63      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-prova addizzjonali prodotta mir-rikorrenti fid‑9 ta’ Novembru 2020.

5.      Talbiet għall-ommissjoni ta’ ċerta data fil-konfront tal-pubbliku

64      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, l-ommissjoni ta’ ċerta data fil-konfront tal-pubbliku fir-rigward tal-atti proċedurali u l-annessi relatati ppreżentati sad-data ta’ din it-talba kif ukoll wara din id-data.

65      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, l-ommissjoni ta’ ċerta data fil-konfront tal-pubbliku fir-rigward tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019.

66      Fit‑28 ta’ Mejju 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet lir-rikorrenti għal tweġiba bil-miktub fejn talbitha tidentifika b’mod preċiż id-data li tinsab f’ċerti atti proċedurali u fid-Deċiżjoni kkontestata u koperta mit-talbiet għall-ommissjoni ta’ ċerta data fil-konfront tal-pubbliku, konformement mal-punt 75 tad-Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura.

67      Fil‑15 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti talbet estensjoni tat-terminu sabiex twieġeb għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Mejju 2020. Din l-estensjoni ngħatatilha.

68      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni bagħtet lill-Qorti Ġenerali kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni kkontestata ppubblikata fl-istess jum fuq is-sit tal-internet tagħha. Fis‑16 ta’ Ġunju 2020, il-Presidenta tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tinkludi dan l-att fil-proċess.

69      Fl‑10 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti talbet estensjoni oħra tat-terminu sabiex twieġeb għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Mejju 2020. Ingħatatilha l-aħħar estensjoni.

70      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti wieġbet għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

6.      Assenjazzjoni tal-Imħallef Relatriċi lis-Sitt Awla

71      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatriċi ġiet assenjata lis-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata din il-kawża.

7.      Il-kawża mibgħuta quddiem kulleġġ ġudikanti estiż

72      Fuq proposta tas-Sitt Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil‑11 ta’ Ġunju 2020, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

8.      Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji

73      Fit‑8 ta’ Ottubru 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni u talbet lill-Kummissjoni tipproduċi dokumenti.

74      Fit‑12 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni talbet estensjoni tat-terminu sabiex twieġeb għall-mistoqsijiet u għat-talbiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Ottubru 2020. L-estensjoni ngħatat lill-Kummissjoni u l-istess terminu ġie ffissat għar-rikorrenti.

75      Fid‑19 u fl‑20 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni u r-rikorrenti wieġbu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

76      Fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża), permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Ottubru 2020 u fil-kuntest tal-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi ċerta informazzjoni u ċerti dokumenti.

77      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Novembru 2020 (iktar ’il quddiem l-“att tad‑19 ta’ Novembru 2020”), il-Kummissjoni kkonformat mal-imsemmi digriet.

78      Skont l-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑10 ta’ Diċembru 2020, stiednet lir-rappreżentanti tar-rikorrenti sabiex jaċċettaw impenn xieraq fir-rigward tat-trattament kunfidenzjali tal-att tad‑19 ta’ Novembru 2020 fl-imsemmi stadju tal-proċedura.

79      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Diċembru 2020, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti wieġbu għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑10 ta’ Diċembru 2020 billi bagħtu l-impenn ta’ kunfidenzjalità ffirmat.

80      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Jannar 2021, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) iddeċidiet li l-att tad‑19 ta’ Novembru 2020 kien rilevanti għad-deċiżjoni dwar it-tilwima konformement mal-Artikolu 103(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

81      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Jannar 2021, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti li kienu aċċettaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-att tad‑19 ta’ Novembru 2020.

82      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Jannar 2021, li ġie inkluż fil-proċess ta’ din il-kawża permezz ta’ deċiżjoni tal-Presidenta tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tat‑3 ta’ Frar 2021, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti li kienu aċċettaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità talbu t-tneħħija tal-imsemmi impenn ta’ kunfidenzjalità u t-trażmissjoni tal-att tad‑19 ta’ Novembru 2020 lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

83      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-att ippreżentat fil‑21 ta’ Jannar 2021 mir-rappreżentanti tar-rikorrenti li kienu aċċettaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità.

84      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni u mir-rappreżentanti tar-rikorrenti li kienu aċċettaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża), permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ April 2021 u fil-kuntest tal-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali tal-att tad‑19 ta’ Novembru 2020.

85      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ April 2021, il-Kummissjoni kkonformat mal-imsemmi digriet.

86      Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-att tad‑19 ta’ Novembru 2020 ġiet innotifikata lir-rikorrenti, filwaqt li ġie indikat li din setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar din il-verżjoni waqt is-seduta u, jekk ikun meħtieġ, bil-miktub wara s-seduta.

87      Waqt is-seduta tas‑6 ta’ Mejju 2021, fil-kuntest tas-sessjoni bil-magħluq dwar l-att tad‑19 ta’ Novembru 2020 prodott skont l-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura u kopert minn impenn ta’ kunfidenzjalità ffirmat mir-rappreżentanti tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-iskambji li seħħew f’dan ir-rigward waqt is-seduta, staqsiet lill-Kummissjoni jekk hija setgħetx tikkunsidra li tneħħi l-kunfidenzjalità fil-konfront tar-rikorrenti għal ċerti elementi li jinsabu f’dan l-att li kienu baqgħu kunfidenzjali fir-rigward tagħha. Peress li l-Kummissjoni indikat li ma kinitx f’pożizzjoni li twieġeb għal tali talba għal informazzjoni waqt is-seduta, ġie stabbilit terminu ta’ ġimagħtejn għal tweġiba bil-miktub.

88      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni, essenzjalment, indikat li ma setgħetx twieġeb, f’dak l-istadju, għall-imsemmija talba għal informazzjoni u talbet sabiex tkun tista’ twieġeb għal din it-talba fil-kuntest ta’ miżura istruttorja skont l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni talbet ukoll li tkun tista’ tisma’ r-reġistrazzjoni tal-awdjo tal-iskambji li seħħew f’dan ir-rigward waqt is-seduta, skont l-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura.

89      Il-President tal-Qorti Ġenerali awtorizza lill-Kummissjoni tisma’ parti mir-reġistrazzjoni tal-awdjo tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

90      Peress li r-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar it-talba għal miżura istruttorja tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, skont, minn naħa, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 91(b) u l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2021, ordnat lill-Kummissjoni tindika, f’terminu stabbilit mir-Reġistru, jekk hija kinitx neħħiet il-kunfidenzjalità fil-konfront tar-rikorrenti għal ċerti elementi li jinsabu fl-att tad‑19 ta’ Novembru 2020.

91      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni kkonformat mal-imsemmi digriet, filwaqt li qalet li ma kienx hemm ġustifikazzjoni sabiex titneħħa l-kunfidenzjalità fil-konfront tar-rikorrenti għall-elementi inkwistjoni li jinsabu fl-att tad‑19 ta’ Novembru 2020.

92      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Lulju 2021, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti li kienu ffirmaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità, wara li talbu u kisbu l-estensjoni tat-terminu li kien ingħatalhom, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2021.

9.      Il-fażi orali tal-proċedura

93      Fit‑18 ta’ Novembru 2020, fuq deċiżjoni tal-Presidenta tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet ġew mistiedna jattendu għal seduta għas-sottomissjonijiet orali stabbilita għat‑2, it‑3 u l‑4 ta’ Frar 2021.

94      Konformement mal-Artikolu 109 tar-Regoli tal-Proċedura, fid-dawl tat-talba tar-rikorrenti li ssir bil-magħluq kull seduta li tista’ tirreferi għal ċerti dokumenti prodotti bħala parti mill-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tisma’ lill-partijiet dwar iż-żamma ta’ parti mis-seduta bil-magħluq.

95      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Diċembru 2020, ikkompletata fit‑18 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti talbet li s-seduta tiġi ddifferita fid-dawl, minn naħa, tas-sitwazzjoni sanitarja u, min-naħa l-oħra, ta’ talba ppreżentata fl-Istati Uniti għat-tneħħija tal-kunfidenzjalità ta’ wħud mill-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019.

96      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni, minn naħa, indikat li ż-żamma ta’ parti mis-seduta bil-magħluq setgħet tiġi ġġustifikata fir-rigward ta’ wħud mill-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 u, min-naħa l-oħra, ifformulat osservazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tas-seduta.

97      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti, minn naħa, talbet li s-seduta tiġi organizzata bil-magħluq f’dak li jirrigwarda wħud mill-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 u, min-naħa l-oħra, indikat li tali talba setgħet issir inutli skont l-eżitu tat-talba għat-tneħħija tal-kunfidenzjalità ppreżentata fl-Istati Uniti.

98      Fit‑22 ta’ Diċembru 2020, il-Presidenta tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiddifferixxi s-seduta.

99      Fid‑29 ta’ Jannar 2021, fuq deċiżjoni tal-Presidenta tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet ġew mistiedna għal seduta għas-sottomissjonijiet orali stabbilita għall‑4, il‑5 u s‑6 ta’ Mejju 2021.

100    Fit‑22 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppreżentat proposti dwar l-organizzazzjoni tas-seduta.

101    Fis‑26 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti ressqet it-tieni talba għal differiment tas-seduta.

102    Fid‑29 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-organizzazzjoni tas-seduta.

103    Fil‑31 ta’ Marzu 2021, il-Presidenta tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiċħad it-tieni talba għal differiment tas-seduta.

104    Fid‑9 ta’ April 2021, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) iddeċidiet li ssejjaħ lill-partijiet għal laqgħa informali dwar l-organizzazzjoni tas-seduta.

105    Fl‑14 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ressqet talba intiża għall-parteċipazzjoni tal-impjegati tagħha fis-seduta permezz ta’ vidjokonferenza.

106    Il-laqgħa informali saret fil‑15 ta’ April 2021.

107    Fis‑16 ta’ April 2021, minn naħa, il-Presidenta tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiċħad il-parteċipazzjoni tal-impjegati tar-rikorrenti fis-seduta permezz ta’ vidjokonferenza u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) iddeċidiet li torganizza parti mis-seduta bil-magħluq.

108    Fis‑16 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ressqet it-tielet talba għal differiment tas-seduta.

109    Fid‑19 ta’ April 2021, il-Presidenta tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiċħad it-tielet talba għal differiment tas-seduta.

110    Fil‑21 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ressqet talba għall-użu ta’ mezzi tekniċi waqt is-seduta.

111    Fit‑22 ta’ April 2021, il-Presidenta tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tawtorizza l-użu ta’ mezzi tekniċi matul is-seduta.

112    Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ April 2021, li ddaħħlet fil-proċess ta’ din il-kawża permezz ta’ deċiżjoni tal-Presidenta tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ April 2021, il-Kummissjoni ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali ittra dwar il-portata tas-sessjoni bil-magħluq u li tirrifletti l-pożizzjoni komuni tal-partijiet.

113    Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrenti kkonfermat il-pożizzjoni komuni tal-partijiet fuq il-portata tas-sessjoni bil-magħluq u pprovdiet lill-Qorti Ġenerali lista tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 li l-kunfidenzjalità tagħhom kienet tneħħiet kompletament jew parzjalment.

114    Is-seduta għas-sottomissjonijiet orali saret fl‑4, fil‑5 u fis‑6 ta’ Mejju 2021.

115    Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fis‑17 ta’ Settembru 2021.

B.      It-talbiet tal-partijiet

116    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multa imposta;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

117    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

118    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem seba’ motivi:

–        l-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji proċedurali manifesti;

–        it-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żnaturament tal-provi f’dak li jirrigwarda ż-żidiet fl-effiċjenza;

–        it-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-effetti antikompetittivi;

–        ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tas-suq rilevanti u l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti;

–        il-ħames motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur allegat;

–        is-sitt motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi li imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2) u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

–        is-seba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-Kummissjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

119    Fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa xieraq li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet motivi tar-rikors.

120    Preliminarjament, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà, li hija kkontestata mill-Kummissjoni, tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tal-provi addizzjonali tas26 ta’ Lulju 2019

121    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 jikkonsistu, minn naħa, fil-biċċa l-kbira tagħhom, f’numru ta’ dokumenti mibgħuta minn Apple lir-rikorrenti bejn Frar u Ġunju 2019 wara proċedura mibdija minn din tal-aħħar fl‑20 ta’ Awwissu 2018 kontra Apple quddiem id-District Court skont it-Taqsima 1782 tat-Titolu 28 tal-Kodiċi tal-Istati Uniti, intitolata “Għajnuna lill-qrati barranin u internazzjonali u lill-partijiet quddiemhom” (iktar ’il quddiem il-“proċedura 1782”), u, min-naħa l-oħra, f’parti żgħira minnhom, f’sett ta’ dokumenti li joriġinaw mill-proċedura mibdija mill-Federal Trade Commission (il-Kummissjoni Federali tal-Kompetizzjoni, l-Istati Uniti) kontra r-rikorrenti quddiem id-District Court u li wasslet, fil-kuntest ta’ proċess pubbliku li beda fl‑4 ta’ Jannar 2019, għas-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019 imsemmija fil-punt 54 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il-“proċedura tal-FTC”). Barra minn hekk, l-imsemmija provi addizzjonali jinkludu wkoll, b’mod marġinali, ċerti artikli tal-istampa.

122    Dejjem preliminarjament, għandu jitfakkar ukoll li, qabel is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rikorrenti bagħtet lill-Qorti Ġenerali lista tad-dokumenti prodotti fost il-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 li joriġinaw mill-proċedura 1782 u li fir-rigward tagħhom il-kunfidenzjalità kienet tneħħiet kompletament jew parzjalment (ara l-punt 113 iktar ’il fuq) u li, matul il-parti pubblika tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rikorrenti għamlet riferiment għal uħud minn dawn id-dokumenti u għall-eżistenza tal-proċedura 1782.

123    Ir-rikorrenti tindika li la hija stess u lanqas l-avukati Ewropej tagħha ma kellhom dawn id-dokumenti f’idejhom fil-mument tal-preżentata tar-rikors jew tar-replika u li hija ppreżentat in-nota li tipproduċi l-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 mill-iktar fis possibbli. Minn naħa, fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw mill-proċedura 1782, ir-rikorrenti tindika li, wara digriet ta’ Frar 2019, Apple bagħtitilha 2 300 dokument bejn it‑23 ta’ Frar u l‑24 ta’ Ġunju 2019 fil-kuntest ta’ disa’ kunsinni distinti u li l-avukati tagħha eżaminaw dawn id-dokumenti u identifikaw dawk li għandhom jiġu prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw mill-proċedura tal-FTC, ir-rikorrenti tispjega li kien hemm digriet kawtelatorju li jipprojbixxi lill-avukati Amerikani tagħha milli jibagħtu d-dokumenti inkwistjoni lill-avukati Ewropej tagħha.

124    Il-Kummissjoni twieġeb li l-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 huma inammissibbli. L-ewwel, hija ssostni li ċerti dokumenti jippreċedu r-rikors, bħalma huma ċerti artikli tal-istampa, messaġġi tal-posta elettronika skambjati bejn ir-rikorrenti u Apple kif ukoll preżentazzjonijiet mir-rikorrenti. It-tieni, il-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti ma spjegatx għalfejn, minn naħa, hija ma talbitx id-dokumenti quddiem id-District Court qabel l‑20 ta’ Awwissu 2018, b’mod partikolari qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata jew eżatt wara u għaliex, min-naħa l-oħra, hija ma informatx lill-Qorti Ġenerali b’din it-talba jew dwar l-istatus tagħha fir-replika. It-tielet, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma spjegatx għaliex hija ma kinitx talbet iktar kmieni mingħand Apple l-awtorizzazzjoni sabiex tuża l-provi li jirriżultaw mill-proċedura tal-FTC, b’mod partikolari qabel il-proċess organizzat f’Jannar 2019. Ir-raba’, il-Kummissjoni tindika li l-Artikolu 92(7) tar-Regoli tal-Proċedura jikkonċerna l-provi prodotti bi tweġiba għal miżuri istruttorji u ma jippermettix lil parti prinċipali tippreżenta provi addizzjonali fuq inizjattiva tagħha stess u mingħajr ġustifikazzjoni adegwata. Il-ħames, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tillimita ruħha għal riferiment għal ċerti provi addizzjonali mingħajr ma tipprovdi spjegazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet diskussi u mingħajr ma turi kif dawn il-provi jsostnu l-argumenti tagħha.

125    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-rikorrenti, insostenn tal-produzzjoni tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, minn naħa, tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura u, min-naħa l-oħra, tindika li din il-produzzjoni saret fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tal-istess regoli.

126    Il-Kummissjoni toġġezzjona li l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ewwel dispożizzjoni ma humiex issodisfatti u li t-tieni dispożizzjoni hija, essenzjalment, irrilevanti.

127    Minn naħa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, “[f]’każijiet eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard”. B’mod partikolari, din il-possibbiltà tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tinsab fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu, li jipprovdi li l-provi għandhom jiġu prodotti jew proposti matul l-ewwel skambju ta’ noti.

128    Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sabiex tiġi invokata din il-possibbiltà, id-dewmien fil-produzzjoni tal-provi għandu jkun iġġustifikat minn ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, HX vs Il‑Kunsill, C‑540/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:707, punt 67).

129    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali taċċetta l-produzzjoni ta’ proposti ta’ provi wara l-kontroreplika f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss, jiġifieri jekk l-awtur tal-proposta ma setax ikollu l-provi inkwistjoni qabel l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Achemos Grupė u Achema vs Il‑Kummissjoni, T‑417/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:597, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). In-natura eċċezzjonali ta’ tali produzzjoni timplika li l-produzzjoni ta’ tali provi iktar kmieni kienet impossibbli jew ma setgħetx tkun raġonevolment meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni, T‑177/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:736, punt 251).

130    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura hija differenti minn dik prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, li tippermetti lill-partijiet prinċipali jipproduċu provi fir-replika jew fil-kontroreplika insostenn tal-argumenti tagħhom bil-kundizzjoni li d-dewmien ikun iġġustifikat, peress li din l-aħħar eċċezzjoni ma teħtieġx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

131    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-miżuri istruttorji, skont l-Artikolu 92(7) tar-Regoli tal-Proċedura, “[i]l-produzzjoni tal-prova kontrarja u l-amplifikazzjoni tal-provi proposti għandhom jibqgħu rriżervati”.

132    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tibbażax ruħha, bħala tali, fuq din l-aħħar dispożizzjoni, iżda tinvokaha sa fejn il-ġurisprudenza tqis li l-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tal-istess regoli, li jipprevedi li l-prova kontrarja u l-amplifikazzjoni tal-provi proposti għandhom jibqgħu rriżervati (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Biogena Naturprodukte vs EUIPO (ZUM wohl), T‑236/16, EU:T:2017:416, punt 17, u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑46/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:396, punt 30).

133    F’dan il-każ, kif jirriżulta min-nota li tipproduċi l-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, dawn il-provi ġew prodotti insostenn tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ motiv tar-rikors. Għalkemm ir-rikorrenti tindika, b’mod ġenerali, li dawn il-provi ser jiġu prodotti bħala amplifikazzjoni tal-provi prodotti insostenn tal-argumenti żviluppati fir-rikors u fir-replika u bi tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni żviluppati fid-Deċiżjoni kkontestata, fir-risposta u fil-kontroreplika, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija provi la huma speċifikament provi kontrarji intiżi sabiex jikkonfutaw provi prodotti mill-Kummissjoni, u lanqas ma huma provi intiżi għall-amplifikazzjoni tal-provi proposti, iżda huma provi ġodda intiżi sabiex isostnu wħud mill-motivi tar-rikors.

134    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-produzzjoni tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 kinitx iġġustifikata minn ċirkustanzi eċċezzjonali, konformement mal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

135    F’dan ir-rigward, fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni intiżi sabiex juru li r-rekwiżiti mitluba mill-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma humiex issodisfatti.

136    L-ewwel, fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw mill-proċedura 1782, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dokumenti jifformaw parti minn grupp ta’ dokumenti mibgħuta minn Apple lir-rikorrenti bejn it‑23 ta’ Frar u l‑24 ta’ Ġunju 2019 fi tmiem il-proċedura 1782. Fi kliem ieħor, huwa paċifiku li r-rikorrenti rċeviet l-imsemmija dokumenti, permezz ta’ diversi kunsinni, wara l-preżentata tar-replika fl‑4 ta’ Jannar 2019. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kellhiex id-dokumenti inkwistjoni għad-dispożizzjoni tagħha meta ppreżentat is-sottomissjonijiet bil-miktub prinċipali tagħha u għalhekk ma setgħetx tipproduċihom fil-kuntest tagħhom, iżda li hija setgħet tiksibhom biss fi tmiem il-proċedura 1782.

137    Minn naħa, il-Kummissjoni toġġezzjona madankollu li r-rikorrenti ma spjegatx għalfejn hija ma kinitx bdiet il-proċedura 1782 kontra Apple quddiem id-District Court iktar kmieni.

138    Issa, l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni hija irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, il-kwistjoni li tqum f’dan ir-rigward hija jekk il-provi kkonċernati kinux disponibbli jew le fl-istadju tal-preżentazzjoni tar-rikors jew tal-preżentazzjoni tar-replika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Haeberlen vs ENISA, T‑632/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:957, punti 184 u 185) u mhux jekk, teoretikament, ir-rikorrenti setgħetx tieħu passi li, ipotetikament, kienu jippermettulha jkollha dawn il-provi għad-dispożizzjoni tagħha iktar kmieni.

139    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija oġġezzjoni hija bbażata fuq premessi żbaljati.

140    Fil-fatt, il-proċedura 1782 mibdija mir-rikorrenti kontra Apple quddiem id-District Court kienet intiża sabiex jinġabru provi li jippermettu li jiġu kkonfutati wħud mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġudizzjarja. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tibda l-proċedura 1782 qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u barra minn hekk – anki jekk jitqies li dan kien possibbli – ma kellha l-ebda obbligu li tipproċedi f’dan is-sens b’mod preventiv u spekulattiv fil-kuntest ta’ tilwima possibbli qabel ma ġiet adottata l-imsemmija deċiżjoni.

141    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata talli ma bdietx il-proċedura inkwistjoni qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

142    Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni tinvoka l-fatt li r-rikorrenti setgħet tibda l-imsemmija proċedura “matul il-jiem u l-ġimgħat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni fl‑24 ta’ Jannar 2018”, għandu jiġi osservat li tali argument huwa wkoll spekulattiv u, barra minn hekk, jammonta għal obbligu li ma huwiex raġonevoli, jew li saħansitra huwa impossibbli li jiġi ssodisfatt, fuq ir-rikorrenti. Fil-fatt, għall-kuntrarju, huwa ġġustifikat li r-rikorrenti, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, qabelxejn ippreparat u ppreżentat dan ir-rikors fis‑6 ta’ April 2018 u sussegwentement, fid-dawl tal-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata u tal-imsemmi rikors, bdiet il-proċedura 1782 sabiex tikseb provi oħra possibbli insostenn tar-rikors tagħha. L-approċċ tal-Kummissjoni jinjora wkoll iż-żmien inevitabbli ta’ koordinazzjoni bejn ir-rikorrenti, ir-rappreżentanti Ewropej tagħha u r-rappreżentanti Amerikani tagħha sabiex iressqu l-proċedura 1782 fl-Istati Uniti għall-finijiet ta’ din il-proċedura. Barra minn hekk, peress li, fi tmiem il-proċedura 1782, ir-rikorrenti rċeviet id-dokumenti ta’ Apple fuq perijodu ta’ bejn sitta u għaxar xhur wara l-bidu tal-imsemmija proċedura, anki jekk jitqies li, kif tallega l-Kummissjoni, kien possibbli li tinbeda tali proċedura meta hija kienet qiegħda tipprepara r-rikors tagħha (bejn ix-xhur ta’ Frar u Marzu 2018), ir-rikorrenti probabbilment ma kinitx ser tkun irċeviet id-dokumenti kollha fil-ħin sabiex teżaminahom u tipproduċihom fir-rikors tas‑6 ta’ April 2018 jew fir-replika tal‑4 ta’ Jannar 2019.

143    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni toġġezzjona li r-rikorrenti ma informatx lill-Qorti Ġenerali bl-eżistenza u bl-istatus tal-azzjoni li hija kienet ressqet quddiem id-District Court, b’mod partikolari fir-replika. Issa, din l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni tirrigwarda wkoll elementi irrilevanti, sa fejn l-informazzjoni minn qabel tal-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma hija meħtieġa mill-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

144    It-tieni, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti kollha li joriġinaw mill-proċedura tal-FTC, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dokumenti jagħmlu parti mill-proċess tal-proċedura tal-FTC quddiem id-District Court u li, qabel il-bidu tal-proċess pubbliku f’Jannar 2019 quddiem din id-District Court, il-konoxxenza u l-użu tal-imsemmija dokumenti kienu ristretti permezz ta’ digriet kawtelatorju tal‑24 ta’ Ottubru 2017.

145    Dawn l-elementi huma paċifiċi bejn il-partijiet, bħalma huwa paċifiku li, fid-data tal-preżentata tar-replika fl‑4 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti ma kellhiex id-disponibbiltà libera tal-imsemmija dokumenti peress li, minn naħa, il-konoxxenza u l-użu tagħhom kienu limitati għal numru ristrett ta’ avukati Amerikani u ta’ ġuristi interni tar-rikorrenti, mingħajr ma dawn il-persuni setgħu jittrażmettuhom lill-avukati Ewropej tar-rikorrenti, u lanqas ma setgħu jużawhom għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata jew għal din il-proċedura ġudizzjarja, u, min-naħa l-oħra, il-proċess pubbliku quddiem id-District Court li għamel dawn id-dokumenti pubbliċi sar bejn l‑4 u d‑29 ta’ Jannar 2019.

146    Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti, skont ċerti dispożizzjonijiet tad-digriet kawtelatorju tal‑24 ta’ Ottubru 2017, mingħajr ma kellha għalfejn tistenna l-bidu tal-proċess pubbliku li sar f’Jannar 2019, setgħet titlob mingħand Apple awtorizzazzjoni li tippermettilha tuża dawn id-dokumenti iktar kmieni fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

147    Issa, din l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni lanqas ma tista’ tintlaqa’, peress li hija bbażata fuq sempliċi sitwazzjoni ipotetika li ma tistax isservi ta’ bażi għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni stess, anki jekk jitqies li l-avukati Amerikani u l-ġuristi interni tar-rikorrenti li kellhom aċċess għall-imsemmija dokumenti setgħu jevalwaw l-utilità tagħhom f’din il-proċedura, kull użu għal dan il-għan kien jeħtieġ li jinkiseb il-kunsens minn qabel ta’ Apple. Xejn ma juri li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, dawn iż-żewġ possibbiltajiet kienu seħħew.

148    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie rrilevat fil-punt 138 iktar ’il fuq, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk il-provi kkonċernati kinux disponibbli jew le fl-istadju tal-preżentata tar-rikors jew tal-preżentata tar-replika. Issa, fid-dawl tal-elementi mfakkra fil-punt 145 iktar ’il fuq, dan ma kienx il-każ f’din il-kawża peress li r-rikorrenti ppreżentat ir-replika fl‑4 ta’ Jannar 2019, jiġifieri fl-istess jum tal-iskadenza tat-terminu estiż għall-preżentata ta’ dan l-att, u peress li l-proċess pubbliku fil-kuntest tal-proċedura tal-FTC, li abbażi tiegħu d-dokumenti inkwistjoni saru pubbliċi, beda fl-istess 4 ta’ Jannar. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma setgħetx tipproduċi d-dokumenti inkwistjoni fil-mument tal-preżentata tar-replika.

149    Barra minn hekk, ma jistax jitqies li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti ttardjat il-produzzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tad-dokumenti li joriġinaw mill-proċedura tal-FTC b’mod li ma kienx iġġustifikat. Fil-fatt, peress li, f’Jannar 2019, il-proċedura 1782 kienet għadha pendenti u peress li r-rikorrenti rċeviet id-dokumenti li joriġinaw minn din il-proċedura bejn l-aħħar ta’ Frar u l-aħħar ta’ Ġunju 2019, kien iġġustifikat li hija teżaminahom fl-intier tagħhom u sussegwentement tipproduċi b’mod konġunt f’Lulju 2019 id-dokumenti rilevanti li joriġinaw miż-żewġ proċeduri.

150    It-tielet, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti msemmija mill-Kummissjoni li, għalkemm irriżultaw mill-proċedura 1782 jew mill-proċedura tal-FTC, kienu għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti qabel il-preżentata tar-rikors f’din il-kawża, jiġifieri l-messaġġi tal-posta elettronika skambjati bejnha u Apple u l-preżentazzjonijiet tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, ir-rikorrenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-imsemmija dokumenti jekk jitqiesu individwalment. Madankollu, dawn id-dokumenti jagħmlu parti mis-sett ta’ dokumenti mibgħuta minn Apple lir-rikorrenti fi tmiem il-proċedura 1782 jew mis-sett ta’ dokumenti li jikkostitwixxu l-fajl tal-proċedura tal-FTC fil-kuntest tas-seduta bil-miftuħ ta’ Jannar 2019, bil-konsegwenza li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod iżolat mid-dokumenti l-oħra li jikkostitwixxu dawn is-settijiet. Għalhekk, ir-rikorrenti u l-avukati tagħha ma setgħux neċessarjament jevalwaw ir-rilevanza tagħhom fil-kuntest ta’ din il-kawża b’mod indipendenti mid-dokumenti l-oħra li jikkostitwixxu l-imsemmija gruppi. Fi kliem ieħor, fid-dawl tal-oriġini tagħhom, il-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 ma jistgħux jiġu sseparati artifiċjalment iżda, sa fejn dawn jirriżultaw mill-proċedura 1782 jew mill-proċedura tal-FTC, għandhom jiġu evalwati fl-intier tagħhom fir-rigward tal-ammissibbiltà tagħhom.

151    Ir-raba’, l-istess japplika għat-tliet artikli tal-istampa inklużi fil-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 li kienu ġew ippubblikati qabel il-preżentata tar-rikors peress li l-produzzjoni tardiva tagħhom hija ġġustifikata mill-produzzjoni ta’ provi addizzjonali oħra li huma intiżi li jsostnu fin-noti ta’ qiegħ il-paġna tan-nota li tipproduċi l-imsemmija provi.

152    Il-ħames, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ġenerali tal-Kummissjoni li, fin-nota li tipproduċi l-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti tillimita ruħha li sempliċiment tagħmel riferiment għall-imsemmija provi mingħajr ma tipprovdi spjegazzjonijiet, tali ċirkustanza hija irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, iżda tirrelata, jekk ikun il-każ, mal-intelliġibbiltà ta’ dawn il-provi fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-motivi tar-rikors.

153    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandu jiġi konkluż li l-produzzjoni, fl-intier tagħhom, tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 wara t-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura hija ġġustifikata minn ċirkustanzi eċċezzjonali u li dawn il-provi għandhom għalhekk jiġu ammessi skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

B.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji proċedurali manifesti

154    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq erba’ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn ir-rikorrenti ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tifformula osservazzjonijiet fuq aspetti importanti tad-Deċiżjoni kkontestata. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni naqset milli twettaq investigazzjoni bir-reqqa, oġġettiva u diliġenti. It-tielet parti hija bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn il-Kummissjoni ma żvelatx lir-rikorrenti provi utli għad-difiża tagħha. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni evalwat il-fatti b’mod ineżatt, parzjali u mhux komplet.

155    Għandhom jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet parti, ibbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

156    Id-drittijiet tad-difiża huma drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja jiżguraw l-osservanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 52).

157    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li huwa applikabbli meta l-amministrazzjoni tipproponi li tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 28).

158    Dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 105).

159    Fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li kull destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkonstata li huwa wettaq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jkun tqiegħed f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimi b’mod effettiv il-perspettiva tiegħu dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li bihom huwa akkużat kif ukoll dwar id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ tali ksur (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 53, u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 106).

160    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti possibbiltà li, minħabba irregolarità proċedurali mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mmexxija minnha setgħet twassal għal riżultat differenti. Impriża rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur seħħ meta turi b’mod suffiċjenti mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda li hija kienet tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha aħjar fin-nuqqas tal-irregolarità proċedurali (sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 31, u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑827/14, EU:T:2018:930, punt 129).

161    Tali evalwazzjoni għandha ssir skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi ta’ kull każ (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 107).

2.      Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn din tirrigwarda n-nuqqas ta’ noti u ta’ informazzjoni dwar il-laqgħat u l-konferenzi telefoniċi ma’ partijiet terzi

162    It-tielet parti hija bbażata fuq żewġ ilmenti. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq l-inkapaċità tal-Kummissjoni li tipprovdi lir-rikorrenti aċċess suffiċjenti għall-fajl tal-każ. It-tieni lment huwa bbażat fuq in-nuqqas, fil-fajl tal-każ, ta’ noti u ta’ informazzjoni dwar il-kontenut tal-laqgħat u tal-konferenzi telefoniċi li l-Kummissjoni kellha ma’ partijiet terzi.

163    Għandu jiġi eżaminat l-ewwel ilment.

164    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu noti tal-laqgħat formali jew informali tagħha ma’ partijiet terzi u li hija għandha tikkomunika dawn in-noti lill-partijiet li jkunu s-suġġett tal-investigazzjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda nota lir-rikorrenti tal-laqgħat tagħha ma’ partijiet terzi. Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, fuq talba tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet indikat lir-rikorrenti li kienu seħħew laqgħat u konferenzi telefoniċi ma’ partijiet terzi u bagħtitilha noti li ma jagħmlux sens. Issa, noti iktar kompleti kienu jgħinu d-difiża tar-rikorrenti f’diversi punti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrifjutat li tindika jekk kinitx iltaqgħet ma’ parti terza partikolari matul l-investigazzjoni, meta huwa utli għad-difiża tar-rikorrenti li tkun taf jekk dawn il-laqgħat kinux seħħew u liema suġġetti kienu ġew diskussi.

165    Ir-rikorrenti żżid li r-Regolament Nru 1/2003 ma jagħmilx distinzjoni bejn l-intervisti u tipi oħra ta’ laqgħat jew konferenzi telefoniċi. Il-Kummissjoni ma tistax tiddetermina, waqt laqgħa jew konferenza telefonika, x’inhi ħaġa li tiskaġuna jew le, iżda hija l-impriża implikata li għandha tiddeċiedi jekk ċerti elementi tal-fajl jistgħux ikunu utli għad-difiża tagħha. F’dan il-każ, in-noti mibgħuta mill-Kummissjoni lir-rikorrenti ma humiex xierqa, u ma jinkludu l-ebda informazzjoni utli dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet jew dwar in-natura tal-informazzjoni dwar is-suġġetti msemmija, iżda fihom espressjonijiet identiċi u inċerti. Ir-rikorrenti tikkontesta li setgħet tiddetermina l-informazzjoni skambjata matul il-laqgħa u l-konferenzi telefoniċi inkwistjoni abbażi tat-tweġibiet tal-partijiet terzi għat-talbiet għal informazzjoni, peress li n-noti ma fihomx riferimenti għal dawn it-tweġibiet, u vice versa. Ir-rikorrenti tenfasizza li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tiddetermina jekk parti terza pprovdietx jew le informazzjoni li tiskaġuna, peress li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu noti u li tikkomunikahomlha.

166    L-ewwel, il-Kummissjoni, wara li indikat li hija kienet ħadet noti xierqa tal-laqgħat u l-konferenzi telefoniċi mal-partijiet terzi, twieġeb li hija ma għandha l-ebda obbligu ġenerali li tieħu noti waqt laqgħat jew konferenzi telefoniċi ma’ partijiet terzi, peress li l-obbligi tagħha huma iktar limitati. Minn naħa, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu “noti sħaħ” tal-laqgħat jew konferenzi telefoniċi li jikkostitwixxu intervisti fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li għandhom bħala għan il-ġbir ta’ informazzjoni relatata ma’ investigazzjoni, u r-rikorrenti madankollu ma sostnietx f’dan il-każ li l-laqgħat jew il-konferenzi telefoniċi mal-partijiet terzi huma “intervisti”. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu “noti fil-qosor” tal-laqgħat jew konferenzi telefoniċi li ma għandhomx bħala għan il-ġbir ta’ informazzjoni dwar investigazzjoni biss meta l-partijiet terzi jipprovdu elementi inkriminanti li hija jkollha l-intenzjoni li tuża jew elementi li jiskaġunaw li l-impriża tkun tista’ tinvoka. It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li hija ħadet, kif kienet obbligata li tagħmel, “noti fil-qosor” tal-laqgħat u tal-konferenzi telefoniċi inkwistjoni. Hija tindika li, f’dan il-każ, wara t-talba tar-rikorrenti, hija kkonstatat li hija kienet naqset, bi żball, milli tipprovdilha n-noti ta’ laqgħa u ta’ tliet konferenzi telefoniċi ma’ partijiet terzi, iżda li hija kienet sussegwentement ipprovditilha dawn in-noti billi indikat l-impriżi, il-ħin u s-suġġetti diskussi. Bl-istess mod, hija tippreċiża li d-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq elementi possibbilment inkriminanti kkomunikati minn dawn il-partijiet terzi matul dawn il-laqgħat u l-konferenzi telefoniċi. It-tielet, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma wrietx għalfejn huwa utli għad-difiża tagħha li jsir magħruf jekk hija ltaqgħetx ma’ parti terza partikolari, sa fejn id-deċiżjoni hija fondata fuq elementi pprovduti minn Apple u sa fejn huwa diffiċli li wieħed jimmaġina lir-rikorrenti tafferma li l-parti terza inkwistjoni setgħet ipprovdiet elementi li jiskaġunaw.

167    Il-Kummissjoni żżid li r-rikorrenti ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parti terza li kellha laqgħa magħha ma pprovdietx elementi li jiskaġunaw u li l-partijiet terzi li kellhom konferenzi telefoniċi magħha indikaw li ma ddiskutewx kwistjonijiet li ma kinux jinsabu fl-informazzjoni pprovduta fit-tweġibiet tagħhom għat-talbiet għal informazzjoni. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, huwa plawżibbli li ċerta informazzjoni pprovduta waqt l-imsemmija konferenzi telefoniċi kienet diġà dehret fit-tweġibiet għat-talbiet għal informazzjoni, bħalma huwa plawżibbli li l-informazzjoni pprovduta sussegwentement fit-tweġibiet għat-talbiet għal informazzjoni tirrifletti l-kontenut tal-konferenzi telefoniċi, li huwa loġiku. Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti li l-laqgħa u l-konferenzi telefoniċi inkwistjoni huma intervisti fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa tardiv u inammissibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li r-rikorrenti ma tispjegax għalfejn l-informazzjoni dwar il-laqgħat ma’ parti terza hija importanti.

168    Qabelxejn, f’dan il-każ, huwa paċifiku li, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bagħtet lir-rikorrenti l-ebda informazzjoni la dwar l-eżistenza u lanqas dwar il-kontenut tal-laqgħat u tal-konferenzi telefoniċi li hija kellha mal-partijiet terzi.

169    Madankollu, il-Kummissjoni pprovdiet lir-rikorrenti ċerta informazzjoni fuq seba’ laqgħat jew konferenzi telefoniċi ma’ partijiet terzi wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. B’mod iktar preċiż, ġiet ipprovduta informazzjoni fuq erba’ minnhom, wara talba mir-rikorrenti, qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, filwaqt li informazzjoni dwar it-tlieta l-oħra ġiet ipprovduta matul din il-proċedura, jew bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, jew bi tweġiba għall-miżuri istruttorji ordnati mill-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Ottubru 2020.

170    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

a)      Fuq il-laqgħa u l-konferenzi telefoniċi ma’ partijiet terzi li fir-rigward tagħhom ġiet ikkomunikata informazzjoni lir-rikorrenti qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors

1)      Tfakkira tal-elementi tal-kuntest

171    Mill-elementi ppreżentati fid-dibattiti jirriżulta li, wara li rċeviet id-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni, fil‑25 ta’ Jannar 2018, tinformaha bl-eżistenza ta’ laqgħat jew ta’ intervisti li hija kellha ma’ partijiet terzi u li ma kinux ġew ikkomunikati lilha. Fit‑2 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti, permezz ta’ messaġġ tal-posta elettronika, li hija kienet ivverifikat jekk kinitx naqset milli tinformaha bi “kwalnukwe laqgħa jew [kwalunkwe] intervista” li saret “fil-kuntest tal-Każ AT.40220”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat lir-rikorrenti li hija kienet naqset bi żball milli tinformaha bl-eżistenza ta’ laqgħa u ta’ tliet konferenzi telefoniċi ma’ partijiet terzi. Fl-istess messaġġ tal-posta elettronika, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokumenti li jinkludu n-noti ta’ din il-laqgħa u ta’ dawn il-konferenzi telefoniċi kif ukoll preżentazzjoni li saret matul l-imsemmija laqgħa.

172    B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal laqgħa ma’ [kunfidenzjali] (1) fil-[kunfidenzjali], għal konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] fil-[kunfidenzjali] u għal żewġ konferenzi telefoniċi fil-[kunfidenzjali], waħda ma’ [kunfidenzjali] u l-oħra ma’ [kunfidenzjali].

173    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li din il-laqgħa kif ukoll dawn il-konferenzi telefoniċi seħħew qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u wara li ntbagħtu l-ewwel talbiet għal informazzjoni msemmija fil-punti 6 u 15 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, huwa paċifiku li din il-laqgħa u dawn il-konferenzi telefoniċi seħħew, kif indikat il-Kummissjoni, “fil-kuntest tal-Każ AT.40220”. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata, dawn il-partijiet terzi huma żewġ kompetituri u żewġ klijenti tar-rikorrenti, li wieġbu wkoll għal uħud mill-imsemmija talbiet għal informazzjoni.

174    [kunfidenzjali] huwa kompetitur tar-rikorrenti. Kif jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata, dan il-kompetitur [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, skont id-Deċiżjoni kkontestata, [kunfidenzjali].

175    [kunfidenzjali] huwa kompetitur tar-rikorrenti. Kif jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata, flimkien ma’ [kunfidenzjali], huwa wieħed mill-[kunfidenzjali] kompetituri li [kunfidenzjali].

176    Barra minn hekk, [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] huma [kunfidenzjali].

177    [kunfidenzjali] huwa OEM li jixtri chipsets LTE u [kunfidenzjali].

178    [kunfidenzjali] huwa OEM li jixtri chipsets LTE [kunfidenzjali].

2)      Fuq l-eżistenza ta’ irregolarità proċedurali

179    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li tieħu noti tal-imsemmija laqgħa u tal-imsemmija konferenzi telefoniċi u li tikkomunikahomlha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tenfasizza li n-noti li l-Kummissjoni bagħtitilha wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata ma humiex xierqa u ma jagħmlu l-ebda sens.

180    Il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li r-rikorrenti ma sostnietx, fir-rikors, li l-laqgħa u l-konferenzi telefoniċi inkwistjoni kienu jikkostitwixxu “intervisti” fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u li, konsegwentement, l-argument ibbażat fuq ksur tal-imsemmija dispożizzjoni żviluppat fir-replika huwa inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, hija ssostni, essenzjalment, li l-laqgħa u l-konferenzi telefoniċi inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu intervisti fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, peress li dawn ma kinux intiżi li tinġabar informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, hija ma kinitx obbligata tieħu noti sħaħ ta’ din il-laqgħa u ta’ dawn il-konferenzi telefoniċi, iżda biss noti fil-qosor sa fejn il-partijiet terzi pprovdew elementi inkriminanti li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tuża jew ipprovdew elementi li jiskaġunaw li l-impriża setgħet tinvoka.

181    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argument tar-rikorrenti, huwa ċertament minnu li din, fir-rikors, ma invokatx b’mod espliċitu l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003. Madankollu, fir-rikors hija sostniet b’mod espliċitu li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu li żżomm in-noti, jew li tieħu noti xierqa, tal-imsemmija laqgħa u tal-imsemmija konferenzi telefoniċi u bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-punt 91 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), li jikkonċerna preċiżament l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003. Konsegwentement, l-argument żviluppat mir-rikorrenti fir-rikors kien intiż b’mod ċar li jsostni ksur mill-Kummissjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija dispożizzjoni u mill-ġurisprudenza relatata. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda.

182    Fir-rigward tal-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxi bażi legali li tawtorizza lill-Kummissjoni twettaq intervista ma’ persuna fiżika jew ġuridika fil-kuntest ta’ investigazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 86).

183    Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż li japplika għal kull intervista intiża li tiġbor informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, l-ebda element ibbażat fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew fuq l-għan tagħha ma jippermetti li jiġi dedott li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni wħud minn dawn l-intervisti (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 84 u 87).

184    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ħidma ta’ tħejjija għar-Regolament Nru 1/2003, din il-bażi ġuridika tirreferi għas-sempliċi fatt li tinstema’ persuna fiżika jew ġuridika sabiex tinġabar informazzjoni (ara l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 u 82 [KE] u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 1017/68, (KEE) Nru 2988/74, (KEE) Nru 4056/86 u (KEE) Nru 3975/87 (COM(2000) 582 final) (ĠU 2000, C 365 E, p. 284)).

185    Konsegwentement, il-fatt li l-intervisti li l-Kummissjoni kellha ma’ partijiet terzi setgħu jieħdu l-forma ta’ laqgħat jew konferenzi telefoniċi ma jistax iwassal għall-konklużjoni li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, meta dawn ikunu intiżi sabiex tinġabar informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni.

186    F’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, numru ta’ elementi konsistenti juru li l-laqgħa u l-konferenzi telefoniċi inkwistjoni kienu intiżi sabiex tinġabar informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

187    Minn naħa, minn perspettiva formali, il-laqgħa u l-konferenzi telefoniċi inkwistjoni saru wara li l-Kummissjoni kienet bdiet l-investigazzjoni f’Awwissu 2014 (premessa 8 tad-Deċiżjoni kkontestata) u, b’mod partikolari, wara li ntbagħtu l-ewwel talbiet għal informazzjoni msemmija fil-punti 6 u 15 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, in-noti mfassla mill-Kummissjoni kollha jagħmlu riferiment għall-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri “AT.40220”. Barra minn hekk, l-iskambji li l-Kummissjoni kellha mar-rikorrenti meta bagħtitilha l-imsemmija noti (punt 171 iktar ’il fuq) jagħmlu dan l-istess riferiment u jirreferu b’mod espliċitu għal-“laqgħat jew intervisti li saru fil-kuntest tal-Każ AT.40220”.

188    Min-naħa l-oħra, mill-perspettiva materjali, l-imsemmija noti kollha jindikaw li l-laqgħa u l-konferenzi telefoniċi inkwistjoni kienu jirrigwardaw is-suq taċ-chipsets, il-pożizzjoni tar-rikorrenti f’dan is-suq jew ċerti prattiki kummerċjali tar-rikorrenti f’dan is-suq. B’mod iktar preċiż, in-nota tal-laqgħa ma’ [kunfidenzjali] tal-[kunfidenzjali] tindika li din kienet tirrigwarda s-suq taċ-chipsets u l-pożizzjoni tar-rikorrenti f’dan is-suq; in-nota tal-konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] tal-[kunfidenzjali] tindika li din kienet tirrigwarda ċerti prattiki kummerċjali tar-rikorrenti fis-settur taċ-chipsets u li l-ebda prova konkreta ma ġiet ipprovduta matul il-konferenza telefonika; in-nota tal-konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] tal-[kunfidenzjali] tindika li din kienet tirrigwarda s-suq taċ-chipsets u ċerti prattiki kummerċjali tar-rikorrenti; u n-nota tal-konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] tal-[kunfidenzjali] tindika li din kienet tirrigwarda s-suq taċ-chipsets.

189    Peress li l-laqgħa ma’ [kunfidenzjali] u l-konferenzi telefoniċi ma’ [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] kienu intiżi li tinġabar informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni, f’dak li jikkonċerna s-suq rilevanti, il-pożizzjoni tar-rikorrenti f’dan is-suq jew il-prattiki kummerċjali tar-rikorrenti f’dan is-suq, dawn kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003.

190    Issa, meta twettaq intervista, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tiġbor informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tirreġistra, fil-forma li tagħżel hija stess, tali intervista. Għal dan il-għan, ma huwiex biżżejjed li l-Kummissjoni tiġbor fil-qosor is-suġġetti diskussi matul l-intervista. Hija għandha tkun f’pożizzjoni li tipprovdi indikazzjoni tal-kontenut tad-diskussjonijiet li saru waqt l-intervista, b’mod partikolari tan-natura tal-informazzjoni pprovduta waqt l-intervista dwar is-suġġetti diskussi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 91 u 92).

191    F’dan il-każ, in-noti mibgħuta mill-Kummissjoni lir-rikorrenti wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata jillimitaw ruħhom li jsemmu biss, minbarra d-data u l-ismijiet tal-parteċipanti, indikazzjoni ġenerali ħafna – li tikkonsisti, essenzjalment, f’minn tnejn sa tliet linji – tas-suġġetti diskussi, jiġifieri s-suq taċ-chipsets, il-pożizzjoni tar-rikorrenti f’dan is-suq jew il-prattiki kummerċjali tar-rikorrenti f’dan is-suq. Għall-kuntrarju, dawn in-noti ma jipprovdu l-ebda indikazzjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet li saru waqt l-intervisti, b’mod partikolari dwar in-natura tal-informazzjoni pprovduta dwar is-suġġetti diskussi, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 190 iktar ’il fuq.

192    Barra minn hekk, il-fatt li l-imsemmija noti ma humiex kompleti hija murija minn żewġ ċirkustanzi enfasizzati mir-rikorrenti.

193    Minn naħa, in-nota dwar il-konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] tindika li din il-parti terza kienet tat il-“perspettiva” tagħha fuq “ċerti prattiki kummerċjali tar-rikorrenti fis-settur taċ-chipsets” u li ma kienet ġiet ipprovduta l-ebda “prova konkreta”. Issa, kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti, tali nota tqajjem mistoqsijiet dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet li saru bejn il-Kummissjoni u l-parti terza, dwar l-informazzjoni li din tal-aħħar kienet ipprovdiet u dwar in-nuqqas ta’ “prova” – fuq kollox “konkreta” – dwar din l-informazzjoni. Għaldaqstant, tali nota ma tippermettix li tinftiehem l-informazzjoni li [kunfidenzjali] kienet bagħtet lill-Kummissjoni mingħajr ma pproduċiet prova konkreta u b’hekk tħalli lir-rikorrenti mingħajr għarfien ta’ x’ġie invokat matul din il-konferenza telefonika u, b’mod partikolari, tal-possibbiltà li din il-parti terza, jiġifieri [kunfidenzjali], invokat elementi inkriminanti, jew li jiskaġunaw, mingħajr ma pprovdiet l-ebda prova konkreta.

194    Min-naħa l-oħra, in-nota dwar il-laqgħa ma’ [kunfidenzjali] tindika li din kienet tirrigwarda s-suq taċ-chipsets u l-pożizzjoni tar-rikorrenti f’dan is-suq. Issa, minbarra l-fatt li tali deskrizzjoni ma tippermettix li tinftiehem l-informazzjoni li [kunfidenzjali] kienet bagħtet lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din in-nota ma ssemmix li, matul din il-laqgħa, l-imsemmija parti terza għamlet preżentazzjoni orali, u lanqas a fortiori l-kontenut tagħha. Madankollu, kopja ta’ din il-preżentazzjoni ntbagħtet mill-Kummissjoni lir-rikorrenti wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, fit‑2 ta’ Marzu 2018, bi tweġiba għat-talba tar-rikorrenti tal‑25 ta’ Jannar 2018. Minn din il-preżentazzjoni, li tikkonsisti f’għaxar paġni, jirriżulta li din kienet tikkonċerna speċifikament l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata (kif jirriżulta mill-paġna ta’ quddiem ta’ din il-preżentazzjoni li ssemmi l-isem u n-numru ta’ din il-proċedura), li kien hemm paġna ddedikata għall-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-suq taċ-chipsets u li kien hemm ħames paġni ddedikati għal [kunfidenzjali]. In-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ tali preżentazzjoni u tal-kontenut tagħha fin-nota mfassla mill-Kummissjoni juri n-natura mhux preċiża tagħha.

195    Barra minn hekk, minbarra l-imsemmija natura mhux kompleta, għalkemm il-provi prodotti fid-dibattiti jindikaw li d-dokumenti li jinkludu l-imsemmija noti tfasslu mill-Kummissjoni rispettivament fid-dati tal-konferenzi telefoniċi jew ftit wara d-data tal-laqgħa, dawn juru wkoll li dawn in-noti ma kinux kompleti f’dawn id-dati u li sussegwentement ġew ikkompletati jew iffinalizzati wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni, wara li ntalbet tagħmel dan mir-rikorrenti fil-25 ta’ Jannar 2018 u għalhekk madwar tliet snin wara d-data tal-imsemmija laqgħat, minn naħa, ikkuntattjat lil [kunfidenzjali] sabiex tikseb kopja tal-preżentazzjoni li din il-parti terza kienet għamlet waqt il-laqgħa u, min-naħa l-oħra, ikkuntattjat lil [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] sabiex tikkonferma l-kontenut tan-noti li hija kienet ippreparat dwar il-konferenzi telefoniċi, fejn [kunfidenzjali] saħansitra pproponiet xi emendi għan-nota, li ġew aċċettati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, mill-provi prodotti fid-dibattiti jirriżulta li l-preċiżazzjoni li “l-ebda prova konkreta ma ġiet ipprovduta matul il-konferenza telefonika” ma kinitx tinsab fl-ewwel verżjoni tan-nota u li ġiet miżjuda wara l-imsemmi skambju bejn il-Kummissjoni u [kunfidenzjali].

196    Minn dan isegwi li, bi ksur tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma rreġistratx kif dovut l-intervisti li hija kellha ma’ [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali].

197    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tikkomunikalha n-noti tal-intervisti inkwistjoni, minn naħa, għandu jiġi osservat li, kif spjegat il-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, in-nota tal-laqgħa ma’ [kunfidenzjali] kienet ġiet irreġistrata fil-fajl tal-każ fil-[kunfidenzjali] bħala dokument mhux aċċessibbli, jiġifieri bħala dokument intern tal-Kummissjoni, u mingħajr kopja tal-preżentazzjoni magħmula minn [kunfidenzjali] waqt l-imsemmija laqgħa. Min-naħa l-oħra, in-noti tal-konferenzi telefoniċi ma’ [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] ma kinux ġew irreġistrati fil-fajl tal-każ.

198    Huma x’inhuma r-raġunijiet, huwa għalhekk paċifiku li r-rikorrenti ma rċeviet l-ebda informazzjoni dwar l-eżistenza u l-portata ta’ dawn l-intervisti matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Dawn l-intervisti lanqas ma jissemmew fid-deskrizzjoni tal-proċedura amministrattiva li tinsab fid-Deċiżjoni kkontestata.

199    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għalkemm huwa ċertament possibbli li jiġu esklużi mill-proċedura amministrattiva l-elementi li ma għandhom l-ebda rabta mal-allegazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li konsegwentement ma għandhom l-ebda rilevanza għall-investigazzjoni, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni waħedha li tiddetermina l-elementi utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 126, u tas‑16 ta’ Ġunju 2011, FMC Foret vs Il‑Kummissjoni, T‑191/06, EU:T:2011:277, punt 306). Minn din il-perspettiva, għandu jiġi osservat li r-reġistrazzjoni ta’ intervisti intiżi sabiex tinġabar informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, bħall-intervisti inkwistjoni, ma tistax titħalla barra mill-fajl tal-każ.

200    Għalkemm il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas li tikkomunika din l-informazzjoni jew dawn in-noti lir-rikorrenti kien dovut għal sempliċi “żball” u li hija kienet ikkomunikathomlha hekk kif indunat b’dan l-iżball wara t-talba tar-rikorrenti tal‑25 ta’ Jannar 2018, tali ċirkustanzi, sussegwenti għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux jirrimedjaw l-irregolarità proċedurali mwettqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, minn naħa, in-noti mibgħuta mill-Kummissjoni lir-rikorrenti, fid-dawl tan-natura mhux kompleta tagħhom, ma jirrimedjawx in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, peress li dawn in-noti ma jsemmux l-informazzjoni miġbura waqt l-intervisti inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-għarfien tardiv, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, ta’ ċerti elementi li kellhom jiġu inklużi fil-fajl tal-każ ma jpoġġix neċessarjament lill-impriża fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha li kieku hija setgħet tibbaża ruħha fuq l-istess elementi sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 56).

201    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tal-laqgħa ma’ [kunfidenzjali] u tal-konferenzi telefoniċi ma’ [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi ta’ reġistrazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll, konsegwentement, li tinkludi reġistrazzjoni tal-imsemmija laqgħat fil-fajl tal-każ.

3)      Fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

202    Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 201 iktar ’il fuq, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 160 u 161 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti wrietx b’mod suffiċjenti li hija setgħet tiżgura d-difiża tagħha aħjar li kieku ma seħħitx l-imsemmija irregolarità proċedurali.

203    L-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-identità tal-partijiet terzi inkwistjoni, tal-kontenut tan-noti prodotti mill-Kummissjoni u tal-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti enfasizzat li dawn il-partijiet terzi setgħu jipprovdu informazzjoni li setgħet tgħin fid-difiża tagħha, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari d-definizzjoni tas-suq rilevanti, ir-relazzjonijiet ta’ saħħa f’dan is-suq u l-pożizzjoni dominanti, l-effett ta’ esklużjoni u ż-żidiet fl-effiċjenza. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali anness mar-rikors (Anness A.9.7) intiż sabiex jiġu ppreċiżati l-aspetti li setgħu ġew diskussi matul l-imsemmija laqgħat u kif dawn l-elementi setgħu jgħinu fid-difiża tagħha. Il-Kummissjoni, filwaqt li preliminarjament ikkontestat l-ammissibbiltà ta’ dan l-anness, ċaħdet il-kontenut tiegħu f’anness mar-risposta (Anness B.5). Sussegwentement, il-partijiet komplew l-iskambji tagħhom fuq dan is-suġġett f’anness mar-replika (Anness C.12) u f’anness mal-kontroreplika (Anness D.9).

204    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni kkontestata takkuża lir-rikorrenti li kienet naqqset, permezz tal-aġir tagħha li kien jikkonsisti f’pagamenti ta’ esklużività, l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tagħha fis-suq taċ-chipsets LTE (taqsimiet 11.4.1 u 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata). F’dan l-aħħar rigward, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħmel riferiment b’mod espliċitu għal [kunfidenzjali] u ssemmi wkoll lil [kunfidenzjali].

205    B’hekk, il-partijiet terzi li semgħet il-Kummissjoni fil-kuntest tad-diskussjonijiet inkwistjoni kienu tnejn mill-kompetituri tar-rikorrenti li allegatament kienu ġew esklużi permezz tal-aġir tagħha ([kunfidenzjali] u [kunfidenzjali]) u żewġ OEM li jixtru chipsets LTE, jiġifieri kompetituri tal-klijent tar-rikorrenti li rċieva l-pagamenti kkonċernati ([kunfidenzjali] u [kunfidenzjali]).

206    Fit-tieni lok, minn naħa, huwa paċifiku li r-rikorrenti – bħall-Qorti Ġenerali – ma għandha l-ebda indikazzjoni preċiża dwar l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni waqt l-intervisti inkwistjoni, anki jekk dawn l-intervisti kienu jikkonċernaw is-suġġett tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u li, kif għadu kif ġie rrilevat, il-partijiet terzi inkwistjoni kienu jinkludu l-kompetituri tar-rikorrenti li allegatament kienu ġew esklużi permezz tal-aġir tagħha, fosthom b’mod partikolari [kunfidenzjali], jiġifieri [kunfidenzjali].

207    Fil-fatt, l-ebda dokument li jinsab fil-fajl tal-każ u li jirrigwarda l-imsemmija laqgħat ma jippermetti li tiġi kkostitwita mill-ġdid b’ċertezza l-informazzjoni preċiża dwar is-suġġett tal-investigazzjoni pprovduta mill-partijiet terzi inkwistjoni waqt dawn l-intervisti u sa fejn il-kontenut tagħha seta’ jikkostitwixxi element li jiskaġuna, li jinkrimina, jew saħansitra element newtrali.

208    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-konferenzi telefoniċi ma’ [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], huwa spekulattiv li jiġi allegat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li huwa “plawżibbli” li l-informazzjoni pprovduta minn dawn il-partijiet terzi kienet simili għal dik ipprovduta fit-tweġibiet tagħhom għal ċerti talbiet għal informazzjoni u li għalhekk ma kienet tinkludi l-ebda element possibbli li jiskaġuna. L-ewwel nett, in-noti tal-intervisti inkwistjoni ma fihom l-ebda riferiment għall-ebda dokument ieħor, inkluż għat-tweġibiet mogħtija għal talbiet għal informazzjoni. Il-kontenut tagħhom għalhekk ma jistax jiġi kkostitwit mill-ġdid minn sorsi oħra li jinsabu fil-fajl tal-każ. Sussegwentement, il-fatt li dawn il-partijiet terzi, madwar tliet snin wara li saru l-imsemmija laqgħat u wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, ikkonfermaw permezz ta’ messaġġ tal-posta elettronika lill-Kummissjoni, wara t-talba tagħha u dan sabiex twieġeb għat-talba tar-rikorrenti tal‑25 ta’ Jannar 2018, li l-kontenut ta’ dawn l-intervisti “kien rifless” fir-risposti tagħhom għal ċerti talbiet għal informazzjoni ma jippermettix li minn dan tiġi dedotta xi konklużjoni ċerta dwar il-kontenut ta’ dawn id-diskussjonijiet, b’mod partikolari dwar in-natura preċiża tal-informazzjoni pprovduta dwar is-suġġetti diskussi.

209    Fir-rigward tal-laqgħa ma’ [kunfidenzjali], għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, il-preżentazzjoni li din il-parti terza għamlet waqt l-imsemmija laqgħa bl-ebda mod ma teskludi li aspetti oħra għajr dawk imsemmija f’din il-preżentazzjoni kienu ġew diskussi, peress li l-imsemmija preżentazzjoni ma tissemmiex fin-nota tal-laqgħa u peress li, mill-kontenut tal-imsemmija preżentazzjoni, paġna waħda biss tikkorrispondi għas-suġġetti msemmija f’din in-nota. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-preżentazzjoni ta’ [kunfidenzjali] tista’ titqies li tirrifletti b’mod eżawrjenti l-kontenut ta’ din il-laqgħa u li din tippermetti li jiġi eskluż li din il-parti terza setgħet tipprovdi elementi utli għad-difiża tar-rikorrenti, dan ma jaffettwax il-konstatazzjonijiet magħmula għall-intervisti ma’ [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali].

210    Min-naħa l-oħra, madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punti 204 u 205 iktar ’il fuq, diversi elementi prodotti fid-dibattiti mir-rikorrenti huma intiżi li jipproduċu prova prima facie li tikkorrobora l-argument tagħha li l-informazzjoni li l-Kummissjoni u [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] setgħu skambjaw matul l-intervisti inkwistjoni setgħu jippermettulha tiżgura aħjar id-difiża tagħha.

211    Qabelxejn, kif jirriżulta min-noti u mill-preżentazzjoni prodotti mir-rikorrenti, huwa paċifiku li l-imsemmija laqgħat kollha kienu jirrigwardaw, fil-kuntest tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, is-suq taċ-chipsets, il-pożizzjoni tar-rikorrenti f’dan is-suq jew il-prattiki kummerċjali tar-rikorrenti f’dan is-suq. B’mod partikolari, min-noti ta’ tnejn mill-imsemmija intervisti, jiġifieri mill-intervista ma’ [kunfidenzjali] u mill-intervista ma’ [kunfidenzjali], jirriżulta b’mod espliċitu li l-prattiki kummerċjali tar-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u dawn il-partijiet terzi. Għalkemm in-noti taż-żewġ intervisti l-oħra ma jirreferux għall-prattiki kummerċjali tar-rikorrenti, ma tantx huwa kredibbli li, waqt l-intervista li saret ma’ [kunfidenzjali] fl-istess jum tal-intervista ma’ [kunfidenzjali], il-Kummissjoni ma fittxitx li tiġbor ukoll, mingħand wieħed mill-kompetituri li allegatament kienu ġew esklużi, informazzjoni dwar il-prattiki kummerċjali tar-rikorrenti koperti mill-investigazzjoni tagħha. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-preżentazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lir-rikorrenti, il-laqgħa ma’ [kunfidenzjali] kienet tirrigwarda wkoll il-prattiki kummerċjali tar-rikorrenti fis-suq taċ-chipsets. Anki jekk jitqies li din il-parti terza pprovdiet informazzjoni dwar [kunfidenzjali], ftit huwa kredibbli li l-Kummissjoni ma fittxitx li tiġbor informazzjoni dwar il-prattiki tar-rikorrenti koperti mill-investigazzjoni tagħha.

212    Konsegwentement, f’tali ċirkustanzi, kif issostni r-rikorrenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni mingħand dawn il-partijiet terzi waqt l-intervisti inkwistjoni, u b’mod partikolari mingħand il-kompetituri li allegatament ġew esklużi, setgħet tkun rilevanti għad-difiża tagħha.

213    Sussegwentement, għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, fit-tabelli li jinsabu fl-Anness A.9.7, fid-dawl tal-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata u taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti enfasizzat il-fatt li l-Kummissjoni setgħet iddiskutiet ċerti aspetti preċiżi mal-partijiet terzi inkwistjoni.

214    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-Anness A.9.7 tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti ma jistax jitqies li huwa inammissibbli. Fil-fatt, huwa intiż li jsostni b’mod skematiku, fil-forma ta’ tabelli, l-argumenti ppreżentati fir-rikors b’rabta ma’ kull waħda mill-intervisti inkwistjoni fir-rigward tal-kontenut ta’ kull nota. Barra minn hekk, il-portata tal-iskambji li seħħew f’dan ir-rigward bejn il-partijiet, mogħtija fit-tabelli prodotti fl-Anness B.5 tar-risposta, fl-Anness C.12 tar-replika u fl-Anness D.9 tal-kontroreplika, li tammonta għal numru kbir ta’ paġni, turi li huwa xieraq li tali tabelli ġew prodotti f’annessi u mhux riprodotti fit-test tas-sottomissjonijiet bil-miktub prinċipali.

215    F’dan il-każ, l-ippreċiżar mir-rikorrenti jirrigwarda ċerti aspetti li hija tqis li huma rilevanti għad-difiża tagħha.

216    L-ewwel, ir-rikorrenti wriet li l-konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] setgħet b’mod partikolari tirrigwarda l-kapaċità ta’ [kunfidenzjali] li tforni lil Apple b’chipsets LTE għall-iPhones u għall-iPads matul il-perijodu kkonċernat, ir-raġunijiet għal u r-rilevanza tan-nuqqas ta’ chipsets LTE integrati kompetittivi minn [kunfidenzjali], in-natura u l-portata tal-investimenti neċessarji sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet ta’ Apple u l-protezzjoni kuntrattwali relatata u [kunfidenzjali] kif ukoll in-nuqqas possibbli ta’ oġġezzjonijiet minn [kunfidenzjali] għall-ftehimiet ikkonċernati jew ta’ lmenti [kunfidenzjali], li kien ikun element li jiskaġuna. Skont ir-rikorrenti, sa fejn, skont id-Deċiżjoni kkontestata, [kunfidenzjali] kienet [kunfidenzjali], kull indikazzjoni pprovduta minn [kunfidenzjali] kienet ta’ rilevanza ċerta għad-difiża tar-rikorrenti.

217    It-tieni, ir-rikorrenti wriet li l-konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] setgħet b’mod partikolari tirrigwarda l-karatteristiċi komparattivi taċ-chipsets LTE tagħha u dawk ta’ [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], il-ħtiġijiet ta’ Apple fir-rigward tal-fornituri potenzjali tagħha, in-natura u l-portata tal-investimenti speċifiċi neċessarji għal Apple u l-protezzjoni kuntrattwali relatata u d-dinamika tas-suq u r-raġunijiet ta’ [kunfidenzjali]. Skont ir-rikorrenti, sa fejn, skont id-Deċiżjoni kkontestata, iċ-chipsets LTE ta’ [kunfidenzjali] kienu ġew ikkunsidrati minn Apple bħala alternattivi kompetittivi potenzjali għaċ-chipsets tar-rikorrenti għal ċerti mudelli ta’ iPads, kull indikazzjoni pprovduta minn [kunfidenzjali] kienet ta’ rilevanza ċerta għad-difiża tar-rikorrenti.

218    It-tielet, ir-rikorrenti wriet li l-laqgħa ma’ [kunfidenzjali] u l-konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] setgħu b’mod partikolari jirrigwardaw il-ħtiġijiet ta’ Apple fir-rigward tal-fornituri tagħha meta mqabbla ma’ dawk ta’ OEM oħra u l-karatteristiċi komparattivi taċ-chipsets tagħha u ta’ dawk tal-kompetituri tagħha.

219    Sabiex tikkonfuta l-argumenti tar-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat, fl-Anness B.5 tar-risposta, li t-tweġibiet ta’ [kunfidenzjali] għat-talbiet għal informazzjoni ta’ [kunfidenzjali] u ta’ [kunfidenzjali] jikkonfermaw li nota tal-konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] ma kienet ser tiżvela l-ebda element li jiskaġuna fir-rigward tal-aspetti invokati mir-rikorrenti, minħabba li, fl-imsemmija tweġibiet, [kunfidenzjali] ma kienet ipprovdiet l-ebda informazzjoni f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni żviluppat argument identiku fir-rigward tal-aspetti invokati mir-rikorrenti fir-rigward ta’ [kunfidenzjali], billi bbażat ruħha fuq it-tweġibiet ta’ din il-parti terza għat-talbiet għal informazzjoni ta’ [kunfidenzjali] u ta’ [kunfidenzjali], fir-rigward tal-aspetti invokati mir-rikorrenti fir-rigward ta’ [kunfidenzjali], billi bbażat ruħha fuq il-preżentazzjoni magħmula minn din il-parti terza waqt il-laqgħa inkwistjoni, u fir-rigward tal-aspetti invokati mir-rikorrenti fir-rigward ta’ [kunfidenzjali], billi bbażat ruħha fuq it-tweġibiet ta’ din il-parti terza għat-talbiet għal informazzjoni ta’ [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] u ta’ [kunfidenzjali].

220    Qabelxejn, sa fejn il-Kummissjoni tagħmel riferiment għat-tweġibiet ta’ [kunfidenzjali], ta’ [kunfidenzjali] u ta’ [kunfidenzjali] għat-talbiet għal informazzjoni u għall-preżentazzjoni ta’ [kunfidenzjali] sabiex issostni li dawn il-partijiet terzi ma indikawx elementi li jiskaġunaw, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali argumenti għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 208 u 209 iktar ’il fuq.

221    Mill-banda l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, il-preċiżazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fil-forma ta’ anness mar-rikors juru b’mod konkret li l-intervisti li l-Kummissjoni kellha mal-partijiet terzi inkwistjoni setgħu jirrigwardaw elementi bħal dawk imsemmija fil-punti 216 sa 218 iktar ’il fuq, li, skont il-każ, setgħu jgħinu lir-rikorrenti tiddefendi ruħha aħjar f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-effetti u l-ġustifikazzjonijiet tal-aġir tagħha fis-suq taċ-chipsets LTE.

222    Fl-aħħar nett, u għall-finijiet ta’ iktar kompletezza, kif tindika l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fit-taqsimiet 11.4.1 u 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, minbarra l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti stess, il-Kummissjoni għamlet riferiment biss għal informazzjoni u għal dokumenti li joriġinaw minn Apple. Għall-kuntrarju, fl-imsemmija taqsimiet tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma għamlet riferiment għall-ebda element li ġie pprovdut minn [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], u b’mod partikolari mill-kompetituri li allegatament ġew esklużi mir-rikorrenti. Fil-fatt, l-elementi ta’ informazzjoni pprovduti minn uħud minn dawn il-partijiet terzi ([kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali]) jissemmew biss fis-sottotaqsima 11.4.4 tad-Deċiżjoni kkontestata (premessi 475, 476 u 478) sabiex jiġi sostnut l-argument li Apple hija “klijent interessanti”.

223    Madankollu, tali konstatazzjoni, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, mhux talli ma twassalx għall-esklużjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, iżda turi li, kif issostni, essenzjalment, ir-rikorrenti, l-għarfien tal-kontenut tal-intervisti inkwistjoni seta’ jkun utli għad-difiża tagħha. Fil-fatt, l-għarfien tal-fatt li l-imsemmija partijiet terzi, u b’mod partikolari l-kompetituri tar-rikorrenti li allegatament ġew esklużi mill-aġir tagħha ([kunfidenzjali] u [kunfidenzjali]), ma kienu pprovdew l-ebda element inkriminanti li jista’ jikkorrobora l-effett ta’ esklużjoni allegat mill-Kummissjoni meta nstemgħu fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata seta’ jippermetti lir-rikorrenti tippreżenta b’mod differenti l-aġir li kienet akkużata bih u ssostni b’mod differenti d-difiża tagħha.

224    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi ta’ din il-kawża, sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx irreġistrat kif dovut l-intervisti inkwistjoni u sa fejn ir-rikorrenti jew ir-rappreżentanti tagħha ma rċevew l-ebda informazzjoni dwar saħansitra l-eżistenza ta’ dawn l-intervisti ħlief wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fil-fatt, l-elementi ppreżentati waqt id-dibattiti mir-rikorrenti huma intiżi sabiex juru li l-intervisti ma’ [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], jiġifieri tnejn mill-kompetituri tar-rikorrenti li allegatament ġew esklużi, u ma’ [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], jiġifieri żewġ OEM li jixtru chipsets LTE, setgħu jindikaw informazzjoni essenzjali għat-tkomplija tal-proċedura li setgħet tkun rilevanti għar-rikorrenti, billi tagħmilha possibbli li tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha aħjar.

225    Fid-dawl ta’ dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, it-tielet parti tal-ewwel motiv tar-rikors għandha tintlaqa’ sa fejn din tirrigwarda l-laqgħa ma’ [kunfidenzjali] u l-konferenzi telefoniċi ma’ [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] li fir-rigward tagħhom ġiet ikkomunikata informazzjoni lir-rikorrenti qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors.

226    Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandu jitkompla l-eżami ta’ din il-parti f’dak li jirrigwarda l-laqgħa u l-konferenza telefonika ma’ parti terza li għalihom ġiet ikkomunikata informazzjoni lir-rikorrenti matul din il-proċedura bi tweġiba għall-argumenti bbażati fuq il-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019.

b)      Fuq il-konferenza telefonika u l-laqgħa ma’ parti terza li għalihom ġiet ikkomunikata informazzjoni lir-rikorrenti matul din il-proċedura bi tweġiba għall-argumenti bbażati fuq il-provi addizzjonali tas26 ta’ Lulju 2019

1)      Tfakkira tal-elementi tal-kuntest

227    Mill-elementi ppreżentati fid-dibattiti jirriżulta li, wara t-tweġiba tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Marzu 2018 li kkomunikat lir-rikorrenti informazzjoni dwar l-eżistenza tal-laqgħa ma’ [kunfidenzjali] u tal-konferenzi telefoniċi ma’ [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], permezz ta’ messaġġ tal-posta elettronika tal‑5 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tikkonfermalha li hija ma kinitx iltaqgħet ma’ [kunfidenzjali] b’mod formali jew informali. Permezz ta’ messaġġ tal-posta elettronika tat‑13 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni tenniet li, wara t-talba mir-rikorrenti tal‑25 ta’ Jannar 2018, hija kienet ivverifikat jekk kinitx naqset milli tinformaha bi “kwalunkwe laqgħa jew [kwalunkwe] intervista” li saret “fil-kuntest tal-Każ AT.40220” u li hija kienet ipprovditilha l-informazzjoni f’dan ir-rigward fil-messaġġ tal-posta elettronika tagħha tat‑2 ta’ Marzu 2018 għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, peress li d-Deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata, hija ma kinitx ser twieġeb iktar għal mistoqsijiet ta’ dan it-tip.

228    It-tweġibiet li l-Kummissjoni tat lir-rikorrenti fit‑2 u fit‑13 ta’ Marzu 2018 setgħu jissuġġerixxu li l-indikazzjonijiet ipprovduti fir-rigward tal-laqgħat jew il-konferenzi telefoniċi mal-partijiet terzi kienu eżawrjenti u li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma kienx kellha laqgħat jew konferenzi telefoniċi ma’ [kunfidenzjali], iżda biss ma’ [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali].

229    Fir-rikors, ir-rikorrenti madankollu sostniet li hija ma kellha l-ebda indikazzjoni espliċita li tikkonferma jew tiċħad l-eżistenza u l-portata ta’ laqgħat jew konferenzi telefoniċi li setgħu saru bejn il-Kummissjoni u [kunfidenzjali].

230    Issa, il-Kummissjoni la ċaħdet u lanqas ikkonfermat, la fir-risposta u lanqas fil-kontroreplika, l-eżistenza ta’ tali laqgħat jew konferenzi telefoniċi.

231    Kien biss wara l-produzzjoni mir-rikorrenti tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha tat‑30 ta’ Ottubru 2019 dwar l-imsemmija provi, semmiet l-eżistenza ta’ konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] li saret fil-[kunfidenzjali] u ta’ laqgħa ma’ [kunfidenzjali] li saret fil-[kunfidenzjali], filwaqt li indikat b’mod espliċitu li hija la kellha noti u lanqas minuti ta’ din il-konferenza telefonika u ta’ din il-laqgħa.

232    Madankollu, peress li l-Kummissjoni indikat li kienet lesta li tipprovdi iktar informazzjoni dwar il-kuntest tal-konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] li saret fil-[kunfidenzjali] fil-kuntest ta’ miżuri istruttorji, il-Qorti Ġenerali adottat tali miżuri intiżi sabiex tinkiseb din l-informazzjoni. It-trattament tat-tweġiba tal-Kummissjoni għal dawn il-miżuri istruttorji wasslet għall-iżviluppi proċedurali msemmija fil-punti 78 sa 92 iktar ’il fuq.

233    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-konferenza telefonika u l-laqgħa ma’ [kunfidenzjali] seħħew qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u wara li ntbagħtu l-ewwel talbiet għal informazzjoni msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata, din il-parti terza [kunfidenzjali], u wieġbet għal uħud mill-imsemmija talbiet għal informazzjoni.

234    Madankollu, [kunfidenzjali] għandha pożizzjoni partikolari fil-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, diversi elementi juru l-importanza ta’ din il-parti terza fl-istruttura tad-Deċiżjoni kkontestata: [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, fuq il-livell proċedurali, din il-parti terza [kunfidenzjali].

2)      Fuq l-eżistenza ta’ irregolarità proċedurali

235    L-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti huma intiżi sabiex isostnu li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li tinformaha bl-imsemmija konferenza telefonika u bl-imsemmija laqgħa u li tieħu noti dwarhom.

236    Il-Kummissjoni, meta l-eżistenza tagħhom kienet għadha ma ġietx ikkonfermata (fl-istadju tar-risposta u tal-kontroreplika), sostniet li r-rikorrenti ma kinitx uriet li tali informazzjoni kienet rilevanti. Sussegwentement, wara li ammettiet l-eżistenza tagħhom (fl-istadju tal-osservazzjonijiet dwar il-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019), hija sostniet, minn naħa, li r-rikorrenti ma kinitx uriet li n-nuqqas sfortunat ta’ noti tal-konferenza telefonika tal-[kunfidenzjali] kien ta’ preġudizzju għaliha u, min-naħa l-oħra, li l-laqgħa tal-[kunfidenzjali] kienet tikkonċerna aspetti ġenerali u mhux il-kawża AT.40220.

237    Qabelxejn, fir-rigward tan-noti tal-konferenza telefonika u tal-laqgħa inkwistjoni, huwa paċifiku, kif ammettiet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, li hija ma ħadet l-ebda nota la tal-konferenza telefonika tal-[kunfidenzjali] u lanqas tal-laqgħa tal-[kunfidenzjali]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tammetti wkoll li n-nuqqas ta’ noti tal-konferenza telefonika tal-[kunfidenzjali] jikkostitwixxi nuqqas sfortunat min-naħa tagħha.

238    Fi kwalunkwe każ, sa fejn l-argumenti tal-Kummissjoni għandhom jinftiehmu fis-sens li jissuġġerixxu li l-konferenza telefonika u l-laqgħa inkwistjoni ma kinux suġġetti għall-obbligi ta’ reġistrazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, invokati mir-rikorrenti fir-rikors, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-elementi prodotti fid-dibattiti jirriżulta li kemm il-konferenza telefonika tal-[kunfidenzjali] kif ukoll il-laqgħa tal-[kunfidenzjali] – minbarra l-fatt li saru wara li l-Kummissjoni kienet bdiet l-investigazzjoni f’Awwissu 2014 (premessa 8 tad-Deċiżjoni kkontestata) u, b’mod partikolari, wara li ntbagħtu l-ewwel talbiet għal informazzjoni msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq – kienu intiżi li tinġabar informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

239    Fir-rigward, minn naħa, tal-konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] tal-[kunfidenzjali], il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokument li fih l-entrata, f’kalendarju elettroniku, ta’ din il-konferenza telefonika, prodotta mill-Kummissjoni fis‑26 ta’ April 2021 bi tweġiba għall-miżura istruttorja tat‑12 ta’ Ottubru 2020, tinkludi fil-qasam tas-“suġġett” tagħha riferiment għall-isem tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri “Sapphire”. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 u fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-att tad‑19 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni stess spjegat li l-imsemmija konferenza telefonika kienet intiża li tiġbor informazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq u dwar id-dinamika tas-suq kopert mill-imsemmija proċedura, u dan bil-għan li tiġbor ħarsa ġenerali lejn dan is-suq u tħejji mistoqsijiet utli li għandhom jiġu inklużi fit-talbiet għal informazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-imsemmija konferenza telefonika kienet intiża sabiex tinġabar informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

240    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-laqgħa ma’ [kunfidenzjali] tal-[kunfidenzjali], il-Kummissjoni indikat li din kienet intiża sabiex tinvoka aspetti ġenerali tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-prattiki tar-rikorrenti fir-rigward tal-privattivi. L-iskambju ta’ messaġġi tal-posta elettronika dwar l-organizzazzjoni ta’ din il-laqgħa prodotti mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑8 ta’ Ottubru 2020 jikkonferma effettivament li [kunfidenzjali] kienet talbet li ssir il-laqgħa sabiex jiġu diskussi “[k]wistjonijiet attwali dwar il-kompetizzjoni u l-proprjetà intellettwali”. Madankollu, din l-indikazzjoni bl-ebda mod ma teskludi li s-suġġett tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata seta’ ġie diskuss. Il-Kummissjoni stess spjegat li, matul din il-laqgħa, [kunfidenzjali] sostniet li ċerti prattiki tar-rikorrenti fir-rigward tal-proprjetà intellettwali kellhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija investigazzjoni. Għaldaqstant, sa fejn il-portata tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata ssemmiet b’mod espliċitu mill-parti terza sabiex titwessa’ l-istess portata, għandu jiġi kkonstatat li din il-laqgħa kienet tirrigwarda wkoll, kompletament jew parzjalment, informazzjoni dwar is-suġġett tal-imsemmija investigazzjoni.

241    Barra minn hekk, din l-aħħar konstatazzjoni hija kkorroborata mill-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019.

242    L-ewwel preżentazzjoni ta’ [kunfidenzjali] tal-[kunfidenzjali] li tikkonċerna lir-rikorrenti u li tippreċedi l-laqgħa tal-[kunfidenzjali], prodotta mir-rikorrenti fil-kuntest tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, tindika b’mod espliċitu li [kunfidenzjali] kienet ipprevediet li jkollha laqgħa mal-Kummissjoni fil-ġimgħa tal-[kunfidenzjali] dwar l-investigazzjonijiet ta’ din tal-aħħar fir-rigward tar-rikorrenti fuq, minn naħa, it-“tnaqqis għal fedeltà”, jiġifieri l-inċentivi offruti lill-klijenti sabiex jixtru esklużivament iċ-chipsets tar-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, [kunfidenzjali]. Din l-istess preżentazzjoni indikat, fir-rigward tal-imsemmi “tnaqqis għal fedeltà”, li [kunfidenzjali] u qajmet il-kwistjoni dwar [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, l-imsemmija preżentazzjoni kien fiha paġna dwar [kunfidenzjali], li tindika li [kunfidenzjali].

243    It-tieni preżentazzjoni ta’ [kunfidenzjali] tal-[kunfidenzjali] dwar ir-rikorrenti u li saret wara l-laqgħa tal-[kunfidenzjali], prodotta mir-rikorrenti fil-kuntest tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, minn naħa, tat aġġornament dwar l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, billi indikat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet imminenti u li l-Kummissjoni kienet iltaqgħet mar-rikorrenti fil-[kunfidenzjali], li din l-investigazzjoni kienet tikkonċerna t-tnaqqis għal fedeltà u l-kundizzjonijiet tal-esklużività, li kienet [kunfidenzjali] u li kienet [kunfidenzjali]. Min-naħa l-oħra, wara li ddeskriviet [kunfidenzjali], l-imsemmija preżentazzjoni indikat li kien hemm diversi [kunfidenzjali], jiġifieri [kunfidenzjali] li skonthom [kunfidenzjali], u li multa sinjifikattiva ta’ bejn wieħed u ieħor USD 1 biljun kienet probabbli.

244    Dawn il-preżentazzjonijiet ta’ [kunfidenzjali] li saru qabel u wara l-laqgħa li din il-parti terza kellha mal-Kummissjoni fil-[kunfidenzjali] jikkorroboraw il-konstatazzjoni li, matul din il-laqgħa, il-Kummissjoni u din il-parti terza ddiskutew informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

245    Peress li l-konferenza telefonika u l-laqgħa ma’ [kunfidenzjali] kienu intiżi sabiex tinġabar informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari d-dinamika tas-suq, il-portata tal-investigazzjoni, u anki ċerti argumenti tad-difiża tar-rikorrenti, dawn kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003.

246    Issa, f’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 237 iktar ’il fuq, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda reġistrazzjoni tal-intervisti inkwistjoni.

247    Barra minn hekk, tali nuqqas huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, li jiżvelaw li, min-naħa tagħha, il-parti terza li ltaqgħet mal-Kummissjoni kienet l-ewwel ippreparat u mbagħad żgurat segwitu intern għal-laqgħa tal-[kunfidenzjali] (ara l-punti 242 u 243 iktar ’il fuq), ħaġa li tikkorrobora s-sinjifikat tagħha fl-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

248    Minn dan isegwi li, bi ksur tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma rreġistratx kif dovut l-intervisti li hija kellha ma’ [kunfidenzjali].

249    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tinformaha bl-intervisti inkwistjoni, għandu jitfakkar li, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni effettivament ma semmietx l-intervisti li hija kellha ma’ [kunfidenzjali]. Issa, kif jirriżulta mill-punt 199 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tonqos milli tinkludi fil-fajl tal-każ reġistrazzjoni ta’ intervisti bħal dawk li hija kellha ma’ [kunfidenzjali].

250    Barra minn hekk, dan il-ksur ma jistax jiġi rregolarizzat bis-sempliċi fatt li l-Kummissjoni pprovdiet ċerta informazzjoni dwar l-intervisti li hija kellha ma’ [kunfidenzjali] matul din il-proċedura. Fil-fatt, l-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti Ġenerali tal-motivi mqajma la għandu l-għan u lanqas l-effett li jissostitwixxi istruttorja sħiħa tal-każ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 56). Barra minn hekk, minn naħa, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda reġistrazzjoni li turi l-informazzjoni miġbura waqt l-intervisti inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 200 iktar ’il fuq, il-kisba tardiva ta’ għarfien ta’ ċerti elementi li kellhom jiġu inklużi fil-fajl tal-każ ma jpoġġix lill-impriża, li ppreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku hija setgħet tibbaża ruħha fuq dawn l-elementi sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha quddiem din l-istituzzjoni.

251    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tal-konferenza telefonika u tal-laqgħa ma’ [kunfidenzjali], il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi ta’ reġistrazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll, konsegwentement, li tinkludi reġistrazzjoni tal-imsemmija laqgħat fil-fajl tal-każ.

3)      Fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

252    Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 251 iktar ’il fuq, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 160 u 161 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti wrietx b’mod suffiċjenti li hija setgħet tiżgura d-difiża tagħha aħjar li kieku ma seħħewx l-imsemmija irregolaritajiet proċedurali.

253    Għal dan il-għan, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-identità ta’ din il-parti terza u tal-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti indikat li kien ta’ rilevanza ċerta għad-difiża tagħha li tkun taf x’ġie skambjat bejn il-Kummissjoni u din il-parti terza. B’mod partikolari, ir-rikorrenti enfasizzat li noti adegwati dwar dawn l-intervisti kienu jgħinuha fir-rigward ta’ diversi aspetti tad-difiża tagħha, u ppreżentat preċiżazzjonijiet dwar dan fl-Anness A.9.7 tar-rikors. Skont ir-rikorrenti, il-fatt li din il-parti terza kienet ostili fil-konfront tagħha ma jeskludix li setgħet tipprovdi informazzjoni utli għad-difiża tagħha, jew minħabba li din setgħet tkun tiskaġuna, jew minħabba li din setgħet kienet informazzjoni inkriminanti li ma kinitx kompleta jew li kienet skorretta.

254    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni kkontestata takkuża lir-rikorrenti li kienet naqqset l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tagħha fis-suq taċ-chipsets LTE (punt 204 iktar ’il fuq).

255    B’hekk, il-parti terza li nstemgħet mill-Kummissjoni fil-kuntest taż-żewġ intervisti inkwistjoni [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, fuq il-livell proċedurali, din il-parti terza [kunfidenzjali].

256    Fit-tieni lok, minn naħa, huwa paċifiku li r-rikorrenti – bħall-Qorti Ġenerali – ma għandha l-ebda indikazzjoni preċiża dwar l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni waqt l-intervisti inkwistjoni, minkejja li dawn l-intervisti kienu jikkonċernaw is-suġġett tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u li, kif għadu kif ġie rrilevat, il-parti terza inkwistjoni [kunfidenzjali].

257    Fil-fatt, l-ebda dokument li jinsab fil-fajl tal-każ u li jirrigwarda l-imsemmija laqgħat ma jippermetti li tiġi kkostitwita mill-ġdid b’ċertezza l-informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni pprovduta mill-parti terza inkwistjoni waqt dawn l-intervisti u sa fejn il-kontenut tagħha seta’ jikkostitwixxi element li jiskaġuna, li jinkrimina, jew saħansitra element newtrali.

258    F’dan ir-rigward, l-argumenti tal-Kummissjoni li, fir-rigward tal-konferenza telefonika tal-[kunfidenzjali], minn naħa, ma huwiex “plawżibbli” li [kunfidenzjali] setgħet ipprovdiet elementi li jiskaġunaw u, min-naħa l-oħra, li huwa “plawżibbli” li s-suġġetti diskussi waqt din il-konferenza telefonika jinsabu fit-tweġibiet ta’ [kunfidenzjali] għat-talbiet għal informazzjoni huma purament spekulattivi peress li l-Kummissjoni tibbaża ruħha purament fuq suppożizzjonijiet u ma kinitx f’pożizzjoni li tiddeskrivi b’mod preċiż il-kontenut tal-elementi pprovduti minn [kunfidenzjali] waqt din l-intervista.

259    Lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrenti ma talbitx lill-Qorti Ġenerali tisma’ lill-impjegati ta’ [kunfidenzjali] li pparteċipaw fl-imsemmija konferenza telefonika, u li ma kinitx ikkuntattjat direttament lil dawn l-impjegati sabiex tikkonferma jekk huma kinux ipproduċew provi li jiskaġunaw. Fil-fatt, minbarra l-fatt li r-rikorrenti saret taf bil-materjalità ta’ din il-konferenza telefonika biss fi stadju avvanzat ħafna ta’ din il-proċedura u li, barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx l-identità tal-impjegati jew tar-rappreżentanti ta’ [kunfidenzjali] li pparteċipaw fiha, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, ma huwiex il-kompitu tar-rikorrenti – u lanqas barra minn hekk tal-Qorti Ġenerali – li twettaq intervisti ma’ partijiet terzi (jew mal-impjegati jew mar-rappreżentanti tagħhom) li jkunu nstemgħu mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni sabiex tiddetermina a posteriori l-informazzjoni li dawn kienu pprovdew lill-Kummissjoni sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni mill-Kummissjoni, billi huwa d-dmir tal-Kummissjoni li tikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti – bħall-Qorti Ġenerali – ma għandha l-ebda dokument li jippermetti li tiġi kkostitwita mill-ġdid l-informazzjoni pprovduta mill-parti terza inkwistjoni, b’differenza mis-sitwazzjoni msemmija fil-punti 99 sa 101 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), invokata mill-Kummissjoni, li kienet ikkaratterizzata mill-fatt li, fl-imsemmija kawża, l-impriża rikorrenti kienet kisbet, matul il-proċedura amministrattiva, il-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ nota interna stabbilita mill-Kummissjoni b’rabta mal-intervista kontenzjuża u dokument ta’ segwitu li kien fih it-tweġibiet bil-miktub għall-mistoqsijiet orali li saru matul l-imsemmija intervista.

260    Min-naħa l-oħra, madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punti 254 u 255 iktar ’il fuq, diversi elementi prodotti fid-dibattiti mir-rikorrenti huma intiżi li jipproduċu prova prima facie li tikkorrobora l-argument tagħha li l-informazzjoni li l-Kummissjoni u [kunfidenzjali] setgħu skambjaw matul l-intervisti inkwistjoni setgħu jippermettulha tiżgura aħjar id-difiża tagħha.

261    Qabelxejn, kif indikat ir-rikorrenti fl-att li jipproduċi l-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, il-konoxxenza tal-informazzjoni pprovduta minn [kunfidenzjali] dwar id-definizzjoni tas-suq waqt il-konferenza telefonika tal-[kunfidenzjali] setgħet tkun utli għad-difiża tagħha. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 239 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni stess spjegat li l-imsemmija konferenza telefonika kienet intiża sabiex jiġu ċċarati kunċetti bażiċi dwar id-definizzjoni tas-suq u d-dinamika tas-suq sabiex ikunu jistgħu jitħejjew mistoqsijiet utli li kellhom jiġu inklużi fit-tieni parti tat-talbiet għal informazzjoni. Minn dan jirriżulta li [kunfidenzjali], fi stadju bikri tal-proċedura, ikkontribwixxiet sabiex jiġu ċċarati l-kunċetti bażiċi li fuqhom huma bbażati l-mistoqsijiet li l-Kummissjoni għamlet fit-talbiet għal informazzjoni li sussegwentement ġew indirizzati lir-rikorrenti, lill-kompetituri tagħha u lill-klijenti tagħha, mingħajr ma kien possibbli li tiġi ddeterminata l-informazzjoni li ġiet ipprovduta b’mod konkret f’dan ir-rigward u mingħajr ma r-rikorrenti kellha l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet fuq il-kunċetti bażiċi li [kunfidenzjali] kienet ikkontribwixxiet għall-kjarifika tagħhom.

262    Sussegwentement, fl-att li jipproduċi l-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti sostniet, essenzjalment, li l-Kummissjoni u [kunfidenzjali] kellhom skambji fir-rigward ta’ ċerti aspetti kunfidenzjali tal-investigazzjoni, fir-rigward ta’ [kunfidenzjali]. Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq il-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx ikkomunikat lil [kunfidenzjali] informazzjoni kunfidenzjali, fir-rigward b’mod partikolari ta’ [kunfidenzjali] imsemmija fit-tieni preżentazzjoni ta’ [kunfidenzjali] tal-[kunfidenzjali] (ara l-punt 243 iktar ’il fuq). Madankollu, indipendentement anki mill-kunfidenzjalità ta’ tali informazzjoni, għandu jiġi osservat li, sa fejn, waqt l-intervista tal-[kunfidenzjali] li saret qabel l-imsemmija preżentazzjoni, il-Kummissjoni u [kunfidenzjali] skambjaw informazzjoni dwar is-suġġett [kunfidenzjali], il-konoxxenza tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul dawn l-iskambji setgħet tippermetti lir-rikorrenti tiżgura d-difiża tagħha aħjar.

263    Fl-aħħar nett, fl-Anness A.9.7 tar-rikors, ir-rikorrenti enfasizzat li n-noti dwar l-intervisti li l-Kummissjoni seta’ kellha ma’ [kunfidenzjali] setgħu jgħinu lid-difiża tagħha sabiex, minn naħa, turi li l-ftehimiet ikkonċernati ma kinux jagħtu lok għal effetti ta’ esklużjoni tal-kompetituri li kienu effiċjenti daqsha u li kienu jiġġeneraw żidiet fl-effiċjenza favur il-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex ikollha iktar informazzjoni fuq il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, fin-nuqqas tal-ftehimiet ikkonċernati, [kunfidenzjali].

264    F’dan ir-rigward, preliminarjament, sa fejn l-argumenti tal-Kummissjoni huma intiżi li jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-imsemmi anness f’dak li jirrigwarda l-intervisti ma’ [kunfidenzjali], dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. Minbarra l-fatt li l-anness inkwistjoni huwa intiż li jsostni l-argumenti li saru fir-rikors (punti 214 u 253 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-intervisti ma’ [kunfidenzjali], fl-istadju tar-rikors, ir-rikorrenti ma kellha l-ebda informazzjoni dwar l-eżistenza tagħhom. Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata li għamlet tali preċiżjonijiet fl-anness tar-rikors li jsostnu l-argumenti tagħha fir-rigward tal-laqgħat u tal-konferenzi telefoniċi ma’ partijiet terzi.

265    Kif issostni għalhekk ir-rikorrenti fl-imsemmi anness, fid-dawl tal-identità tal-parti terza inkwistjoni u tal-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, matul l-intervisti inkwistjoni, setgħet effettivament tiġbor informazzjoni utli għad-difiża tagħha, dwar il-karatteristiċi komparattivi taċ-chipsets tagħha u ta’ dawk tal-kompetituri tagħha, dwar il-ħtiġijiet ta’ Apple meta mqabbla ma’ dawk ta’ OEM oħra jew anki dwar il-possibbiltà ta’ Apple li tixtri mingħand il-kompetituri tagħha għall-mudelli kollha tagħha jew għal uħud minnhom. Barra minn hekk, fil-premessa 322 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, mingħajr ma ppreċiżat xejn u mingħajr l-ebda referenza, li Apple ma kellhiex alternattiva teknika għar-rikorrenti għall-ħtiġijiet tagħha ta’ chipsets LTE għall-iPhones bejn l‑2011 u l‑2015.

266    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi ta’ din il-kawża, sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx fasslet noti dwar l-intervisti inkwistjoni u sa fejn ir-rikorrenti jew ir-rappreżentanti tagħha ma rċevew l-ebda informazzjoni dwar saħansitra l-eżistenza ta’ dawn l-intervisti ħlief matul din il-proċedura bi tweġiba għall-argumenti bbażati fuq il-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fil-fatt, l-elementi ppreżentati waqt id-dibattiti mir-rikorrenti huma intiżi sabiex juru li l-intervisti ma’ [kunfidenzjali], jiġifieri [kunfidenzjali], setgħu jindikaw informazzjoni essenzjali għat-tkomplija tal-proċedura li setgħet tkun rilevanti għar-rikorrenti, billi tagħmilha possibbli għaliha li tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha aħjar.

267    Fid-dawl ta’ dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, it-tielet parti tal-ewwel motiv tar-rikors għandha tintlaqa’ sa fejn tirrigwarda l-konferenza telefonika u l-laqgħa ma’ [kunfidenzjali], li fir-rigward tagħhom ġiet ikkomunikata informazzjoni lir-rikorrenti matul din il-proċedura bi tweġiba għall-argumenti bbażati fuq il-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019.

268    Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandu jitkompla l-eżami ta’ din il-parti f’dak li jirrigwarda wkoll il-laqgħa ma’ parti terza li għaliha ġiet ikkomunikata informazzjoni lir-rikorrenti matul din il-proċedura bi tweġiba għall-miżuri istruttorji tat‑12 ta’ Ottubru 2020.

c)      Fuq il-laqgħa ma’ parti terza li għaliha ġiet ikkomunikata informazzjoni lir-rikorrenti matul din il-proċedura bi tweġiba għall-miżuri istruttorji tat12 ta’ Ottubru 2020

1)      Tfakkira tal-elementi tal-kuntest

269    Mill-elementi ppreżentati fid-dibattiti jirriżulta li, bi tweġiba għall-miżuri istruttorji tat‑12 ta’ Ottubru 2020 intiżi sabiex tinkiseb iktar informazzjoni dwar il-kuntest tal-konferenza telefonika ma’ [kunfidenzjali] tal-[kunfidenzjali], il-Kummissjoni, fil-verżjoni kunfidenzjali tal-att tad‑19 ta’ Novembru 2020, għamlet riferiment għal laqgħa mal-informatur terz li kien talab l-anonimat, laqgħa organizzata fuq talba ta’ din il-parti terza u li saret qabel ma l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, qabel ma bagħtet it-talbiet għal informazzjoni msemmija fil-punti 6 u 15 iktar ’il fuq.

270    Il-Kummissjoni pproduċiet ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali l-entrata, f’kalendarju elettroniku, tad-data ta’ din il-laqgħa u żewġ messaġġi tal-posta elettronika interna li kellhom kontenut essenzjalment identiku fir-rigward tal-imsemmija laqgħa (iktar ’il quddiem il-“messaġġi tal-posta elettronika interna”).

271    Għandu jitfakkar li l-verżjoni kunfidenzjali tal-att tad‑19 ta’ Novembru 2020 ġiet mgħarrfa lir-rappreżentanti tar-rikorrenti, suġġett għall-aċċettazzjoni minn qabel ta’ impenn ta’ kunfidenzjalità, inkluż fir-rigward tar-rikorrenti, filwaqt li verżjoni mhux kunfidenzjali tal-att tad‑19 ta’ Novembru 2020, prodotta mill-Kummissjoni fis‑26 ta’ April 2021, ġiet mgħarrfa lir-rikorrenti.

272    Wara l-preżentata ta’ dawn id-dokumenti, ir-rikorrenti, permezz tar-rappreżentanti tagħha li ffirmaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità, sostniet, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet obbligata tieħu noti tal-laqgħa inkwistjoni u tipprovdihomlha, kif jirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), sabiex ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża tal-impriża suġġetta għall-investigazzjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni naqset milli żżomm reġistrazzjoni tal-laqgħa inkwistjoni, filwaqt li l-obbligu tagħha li tieħu noti u li tipprovdihom lill-impriża inkriminata huwa stabbilit sew. Ir-rikorrenti, permezz tar-rappreżentanti tagħha li ffirmaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità, enfasizzat li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl kien jifforma parti mid-drittijiet proċedurali fundamentali u mill-garanziji neċessarji għall-eżerċizzju adegwat tad-drittijiet tad-difiża tagħha u li, f’dan il-każ, hija ġarrbet preġudizzju li jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu noti tal-laqgħa inkwistjoni u li hija kienet żvelat l-eżistenza tagħha biss quddiem il-Qorti Ġenerali.

273    Il-Kummissjoni wieġbet li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 ma kienx japplika għal din il-laqgħa.

2)      Fuq l-eżistenza ta’ irregolarità proċedurali

274    Preliminarjament, kif jirriżulta mill-elementi ppreżentati fid-dibattiti u kif huwa paċifiku bejn il-partijiet, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma informatx lir-rikorrenti jew lir-rappreżentanti tagħha bl-eżistenza ta’ din il-laqgħa, u lanqas a fortiori bil-kontenut tagħha. Huwa wkoll paċifiku li la l-entrata fi djarju elettroniku tad-data tal-laqgħa u lanqas il-messaġġi tal-posta elettronika interna prodotti mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali ma kienu ġew irreġistrati fil-fajl tal-każ.

275    Madankollu, il-Kummissjoni, waqt is-seduta, sostniet li l-laqgħa mal-informatur terz saret qabel ma adottat l-ewwel att ta’ investigazzjoni tagħha u li, konsegwentement, hija ma kinitx suġġetta għall-obbligi ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, kif jikkonfermaw is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Casino, Guichard-Perrachon u AMC vs Il‑Kummissjoni (T‑249/17, taħt appell, EU:T:2020:458), u tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il‑Kummissjoni (T‑255/17, taħt appell, EU:T:2020:460).

276    Issa, minn naħa, huwa minnu, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 275 iktar ’il fuq jirriżulta li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni stabbilit fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 ma japplikax għal intervisti li jsiru qabel l-ewwel att ta’ investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Casino, Guichard-Perrachon u AMC vs Il‑Kummissjoni, T‑249/17, taħt appell, EU:T:2020:458, punti 193 u 195).

277    Madankollu, min-naħa l-oħra, irrispettivament mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jitfakkar li, kif tenfasizza r-rikorrenti billi tibbaża ruħha fuq obbligu tal-Kummissjoni li tipprovdilha n-noti li hija kellha tieħu waqt din il-laqgħa u fuq l-importanza tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha (ara l-punt 272 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni hija obbligata li tikkonforma mal-obbligi li hija suġġetta għalihom fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-każ (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, EU:T:2005:367, punt 67, u tal‑5 ta’ Ottubru 2020, HeidelbergCement u Schwenk Zement vs Il‑Kummissjoni, T‑380/17, EU:T:2020:471, punt 652 (mhux ippubblikata)), dritt li jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 68).

278    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl fil-każijiet dwar il-kompetizzjoni għandu l-għan li jippermetti lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet isiru jafu bil-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv fuq il-konklużjonijiet li din tkun waslet għalihom, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn il-provi (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punt 334).

279    B’mod partikolari, mill-imsemmija obbligi jirriżulta li jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tuża, fid-deċiżjoni tagħha, element inkriminanti trażmess b’mod orali mill-informatur terz jew minn lanjant, hija għandha tagħmlu aċċessibbli għall-impriżi li huma d-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jekk ikun il-każ, billi toħloq għal dan il-għan dokument miktub li jkun intiż li jiġi inkluż fil-fajl tagħha. Ma jistax jiġi aċċettat, fil-fatt, li l-użu ta’ diskussjonijiet orali ma’ partijiet terzi jippreġudika d-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punt 352; tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, EU:T:2005:367, punt 67; u tal‑5 ta’ Ottubru 2020, HeidelbergCement u Schwenk Zement vs Il‑Kummissjoni, T‑380/17, EU:T:2020:471, punt 652 (mhux ippubblikata)).

280    Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, iddefendiet l-argument li, indipendentement mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, hija kellha l-obbligu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 279 iktar ’il fuq, li tieħu “noti fil-qosor” tal-laqgħat ma’ partijiet terzi meta dawn jipprovdu elementi inkriminanti li hija jkollha l-intenzjoni li tuża (ara l-punt 166 iktar ’il fuq).

281    Dan kien il-każ f’dan il-każ fir-rigward tal-laqgħa mal-informatur terz. Fil-fatt, mill-messaġġi tal-posta elettronika interna prodotti mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-informatur terz għamel allegazzjonijiet inkriminanti kontra r-rikorrenti li jaqblu, essenzjalment, mal-argument sostnut mill-Kummissjoni fi tmiem il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, kif spjegat fit-titolu tas-sottotaqsima 11.4.1 u fil-formulazzjoni tal-premessa 412 ta’ din id-deċiżjoni, li tindika li “[l]-pagamenti ta’ esklużività ta[r-rikorrenti] [kienu] naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri għaċ-chipsets LTE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

282    Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma rreġistrat fl-ebda dokument, lanqas fil-qosor, u lanqas fuq xi mezz ieħor, l-elementi li l-informatur terz kien ipprovda fir-rigward tal-allegazzjonijiet tiegħu jew saħansitra t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li l-Kummissjoni setgħet għamlitlu f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-messaġġi tal-posta elettronika interna lanqas ma jsemmu tali elementi.

283    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligi tagħha meta ma semmietx il-laqgħa li hija kellha mal-informatur terz u billi ma inkludietx fil-fajl tal-każ dokument miktub li jagħmel aċċessibbli l-elementi inkriminanti trażmessi b’mod orali mill-informatur terz.

284    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 250 iktar ’il fuq, dan il-ksur ma jistax jiġi rregolarizzat mis-sempliċi fatt li l-Kummissjoni semmiet din il-laqgħa matul din il-proċedura ġudizzjarja.

285    Barra minn hekk, il-fatt li, f’dan il-każ, l-informatur terz ma xtaqx jippreżenta lment formali u jipparteċipa fl-investigazzjoni bħala lanjant, u talab li l-proċess tiegħu jiġi ttrattat b’mod anonimu u kunfidenzjali, ma jistax jeżenta lill-Kummissjoni milli tosserva l-obbligi tagħha u ma jistax jagħmilha possibbli li jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża tal-impriża inkriminata.

286    Fil-fatt, kwalunkwe protezzjoni possibbli li, f’ċerti ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tagħti lil persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel allegazzjonijiet inkriminanti fuq l-aġir allegatament antikompetittiv ta’ impriża għandha tiġi rrikonċiljata mar-rispett tal-imsemmija drittijiet tad-difiża u, fejn xieraq, għandha tingħata b’mod li ma jagħmilx inutli l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet, b’mod partikolari fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, billi tfassal verżjoni mhux kunfidenzjali u anonima tad-dokument miktub jew, minħabba ċirkustanzi fattwali partikolari ħafna, jekk mhux saħansitra uniċi, ta’ din il-kawża, billi tippermetti aċċess għall-verżjoni kunfidenzjali ta’ dan id-dokument miktub biss lir-rappreżentanti tal-impriża inkriminata li ffirmaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità.

287    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tal-laqgħa mal-informatur terz, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni naqset milli tikkonforma mal-obbligi tagħha intiżi sabiex jagħmlu aċċessibbli l-elementi inkriminanti trażmessi b’mod orali mill-informatur terz.

3)      Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

288    Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 287 iktar ’il fuq, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 160 u 161 iktar ’il fuq, għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti wrietx b’mod suffiċjenti li hija setgħet tiżgura d-difiża tagħha aħjar li kieku ma twettqitx l-imsemmija irregolarità proċedurali.

289    Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li r-rikorrenti, permezz tar-rappreżentanti tagħha li ffirmaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità, sostniet li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li reġistrazzjoni adegwata tal-laqgħa inkwistjoni setgħet tinkludi elementi li jiskaġunaw, inkluż fuq il-motivazzjoni tal-informatur terz, peress li l-Kummissjoni kienet aċċettat mingħajr eżami kritiku d-dikjarazzjonijiet tal-informatur terz u fformulat il-każ tagħha fuq il-bażi tagħhom, u peress li l-protezzjoni tal-anonimat ta’ dan l-informatur terz ma kinitx iġġustifikata. Ir-rikorrenti, permezz tar-rappreżentanti tagħha li ffirmaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità, żiedet tgħid li, kieku kienet taf bil-laqgħa inkwistjoni matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha b’mod differenti, tippreżenta argumenti addizzjonali, tipprovdi kjarifiki dwar il-validità u l-kredibbiltà tat-talba għall-anonimat tal-informatur terz, tqajjem il-kwistjoni mal-uffiċjal tas-seduta, mal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni jew mal-Ombudsman Ewropew u titlob aċċess għal dokumenti interni tal-Kummissjoni.

290    Qabelxejn, sa fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 281 iktar ’il fuq, il-messaġġi tal-posta elettronika interna jagħmlu riferiment għal allegazzjonijiet inkriminanti fformulati mill-informatur terz waqt il-laqgħa inkwistjoni, minn naħa, għandu jitfakkar li mill-elementi prodotti waqt id-dibattiti jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata – kif spjegat fit-titolu tas-sottotaqsima 11.4.1 u fil-formulazzjoni tal-premessa 412 ta’ din id-deċiżjoni – jaqbel mal-allegazzjonijiet inkriminanti fformulati mill-informatur terz matul il-laqgħa inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li r-rikorrenti – bħall-Qorti Ġenerali – ma għandha l-ebda indikazzjoni preċiża dwar l-elementi inkriminanti pprovduti b’mod orali mill-informatur terz insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax għalhekk tiddetermina sa liema punt, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tali elementi, jew saħansitra, kif tallega r-rikorrenti permezz tar-rappreżentanti tagħha li ffirmaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità, jekk din kinitx indebitament influwenzata mid-dikjarazzjonijiet tal-informatur terz.

291    Madankollu, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, ma jistax jiġi kkontestat li, kif issostni, essenzjalment, ir-rikorrenti permezz tar-rappreżentanti tagħha li ffirmaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità, din il-laqgħa kellha effett fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma r-rikorrenti ngħatat l-opportunità li ssostni l-perspettiva tagħha fuq l-oriġini, il-fondatezza u l-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet inkriminanti magħmula mill-informatur terz, li jaqblu ma’ aspett ċentrali tar-raġunament adottat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata kontra r-rikorrenti. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li l-informazzjoni pprovduta mill-informatur terz matul il-laqgħa inkwistjoni ma ntużatx fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-oġġezzjonijiet tagħha kienu ppruvati minn elementi oħra, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, dan l-argument jimplika li l-informatur terz ipprovda informazzjoni oħra, possibbilment inkriminanti, li l-Kummissjoni għadha ma semmietx. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni preċiża pprovduta minn din il-parti terza waqt il-laqgħa inkwistjoni għadha ma hijiex magħrufa.

292    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-messaġġi tal-posta elettronika interna jagħtu wkoll ċerti indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tagħti l-anonimat u l-kunfidenzjalità lill-informatur terz. Issa, kif tenfasizza tajjeb ir-rikorrenti permezz tar-rappreżentanti tagħha li ffirmaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità, hija kienet tkun tista’ tiżgura aħjar id-difiża tagħha li kieku tqiegħdet f’pożizzjoni, fejn xieraq, fiċ-ċirkustanzi partikolari ħafna ta’ din il-kawża, permezz tar-rappreżentanti tagħha suġġetti għall-impenn ta’ kunfidenzjalità, li tkun tista’ tifformula osservazzjonijiet, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, fuq l-elementi invokati mill-informatur terz insostenn tat-talba tiegħu għall-anonimat u l-kunfidenzjalità. Fil-fatt, l-eventwali ċaħda ta’ din it-talba setgħet tinfluwenza d-difiża tar-rikorrenti fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew saħansitra l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, billi timplika b’mod partikolari verifika kontradittorja tal-allegazzjonijiet inkriminanti magħmula mill-informatur terz.

293    Fl-aħħar nett, lil hinn mill-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-messaġġi tal-posta elettronika interna dwar, minn naħa, l-allegazzjonijiet inkriminanti fformulati mill-informatur terz u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tagħtih l-anonimat u l-kunfidenzjalità (punti 290 u 292 iktar ’il fuq), huwa paċifiku li r-rikorrenti – bħall-Qorti Ġenerali – ma għandha l-ebda indikazzjoni dwar jekk ġewx diskussi aspetti oħra rilevanti għall-investigazzjoni li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata bejn l-informatur terz u l-Kummissjoni matul il-laqgħa inkwistjoni.

294    B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddetermina b’ċertezza dak kollu li seta’ ġie diskuss matul din il-laqgħa u l-punt sa fejn ġew trażmessi b’mod orali lill-Kummissjoni elementi li jiskaġunaw, elementi newtrali jew anki elementi fattwali mill-informatur terz (ara, b’analoġija, il-punti 207 u 257 iktar ’il fuq).

295    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, fid-dawl ukoll tal-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-verżjoni kunfidenzjali tal-att tad‑19 ta’ Novembru 2020, li għaliha r-rappreżentanti tar-rikorrenti ffirmaw l-impenn ta’ kunfidenzjalità sabiex seta’ kellhom aċċess, il-konoxxenza tal-eżistenza tal-laqgħa inkwistjoni u tal-elementi trażmessi lill-Kummissjoni mill-informatur terz setgħet tkun utli għad-difiża tar-rikorrenti.

296    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi ta’ din il-kawża, sa fejn il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda reġistrazzjoni tal-laqgħa mal-informatur terz u sa fejn ir-rikorrenti jew ir-rappreżentanti tagħha ma rċevew l-ebda informazzjoni dwar saħansitra l-eżistenza ta’ din il-laqgħa ħlief matul din il-proċedura bi tweġiba għall-miżuri istruttorji tat‑12 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fil-fatt, l-elementi ppreżentati waqt id-dibattiti li saru wara l-miżura istruttorja tat‑12 ta’ Ottubru 2020 juru li din il-laqgħa setgħet semmiet informazzjoni essenzjali għat-tkomplija tal-proċedura li setgħet tkun rilevanti għar-rikorrenti, billi tagħmilha possibbli li tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha aħjar.

297    Fid-dawl ta’ dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, it-tielet parti tal-ewwel motiv tar-rikors għandha tintlaqa’ sa fejn tirrigwarda l-laqgħa ma’ parti terza li fir-rigward tagħha ġiet ikkomunikata informazzjoni lir-rikorrenti matul din il-proċedura bi tweġiba għall-miżuri istruttorji tat‑12 ta’ Ottubru 2020.

298    Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandu jitkompla l-eżami tal-ewwel motiv f’dak li jirrigwarda l-ewwel parti tiegħu.

3.      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn tirrigwarda d-differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-Deċiżjoni kkontestata

299    L-ewwel parti tal-ewwel motiv hija bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-Deċiżjoni kkontestata ma jaqblux fuq punti essenzjali tal-analiżi u tal-oġġezzjonijiet invokati kontra r-rikorrenti.

300    Din il-parti hija essenzjalment magħmula minn ħames ilmenti. B’mod partikolari, l-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-fatt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tirrigwarda abbuż fis-swieq taċ-chipsets UMTS u taċ-chipsets LTE, filwaqt li d-Deċiżjoni kkontestata tikkonċerna abbuż fis-suq taċ-chipsets LTE biss. Ir-raba’ lment huwa bbażat fuq il-fatt li, b’riżultat tat-tnaqqis tal-portata tal-abbuż, “is-sehem ‘ikkontestat’ tad-domanda ta’ Apple meqjus fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien kompletament differenti minn dak ikkunsidrat fid-Deċiżjoni kkontestata”.

301    Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv tar-rikors, u b’mod partikolari tas-sitt ilment tagħha, ir-rikorrenti, permezz ta’ riferiment għall-ewwel parti tal-ewwel motiv, invokat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tad-dritt għal smigħ tagħha minħabba l-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata kienet tbiegħdet mit-teorija ta’ preġudizzju msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

302    Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u r-raba’ lment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, fid-dawl ukoll tas-sitt ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv.

303    F’dawn ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-ftehimiet ikkonċernati u l-pagamenti kkonċernati jirreferu għaż-żewġ tipi ta’ chipsets użati fl-apparat ta’ Apple (UMTS u LTE), iżda li d-Deċiżjoni kkontestata, b’differenza mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tirrigwarda abbuż fis-suq taċ-chipsets LTE biss. Ir-rikorrenti tindika li hija ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li ssostni l-perspettiva tagħha dwar l-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata fid-Deċiżjoni kkontestata fid-dawl tas-sehem ikkontestat differenti tad-domanda ta’ Apple, filwaqt li l-portata iktar stretta tad-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex favur tagħha f’dan ir-rigward u li dawn l-elementi huma essenzjali sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta’ esklużjoni konformement mal-punt 140 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632). Ir-rikorrenti tenfasizza li, minkejja l-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata titbiegħed b’mod sinjifikattiv mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija ma kellhiex il-possibbiltà li twieġeb għall-oġġezzjonijiet fuq l-analiżi tal-marġni kritiku jew li tikkoreġi l-analiżi riveduta tal-Kummissjoni.

304    Ir-rikorrenti żżid li l-emenda tal-konklużjonijiet fuq iċ-chipsets ikkonċernati u fuq is-sehem ikkontestat tad-domanda ta’ Apple ma hijiex favuriha. Il-Kummissjoni rtirat mid-Deċiżjoni kkontestata l-oġġezzjonijiet relatati mal-provvista ta’ mill-inqas [kunfidenzjali] chipsets UMTS, sabiex b’hekk il-pagamenti relatati ma’ dawn iċ-chipsets huma legali. Madankollu, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni injorat dawn iċ-ċifri, sabiex b’hekk wasslet għal analiżi distorta għad-detriment tar-rikorrenti, peress li l-pagamenti relatati maċ-chipsets UMTS kellhom jiġu esklużi mill-analiżi tal-marġni kritiku.

305    Il-Kummissjoni twieġeb li d-differenzi osservati mir-rikorrenti jirrigwardaw l-istess aġir u ma skattawx dritt għal smigħ mill-ġdid, u li hija ma kinitx obbligata li tibgħatilha dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali. B’mod partikolari, il-limitazzjoni tal-oġġezzjonijiet għaċ-chipsets LTE biss hija favur ir-rikorrenti u turi li l-Kummissjoni rrispettat id-dritt għal smigħ tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddiskuti mar-rikorrenti d-dubji tagħha dwar l-ipoteżijiet li fuqhom kienet ibbażata l-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni ma bbażat ruħha fuq l-ebda mudell ekonomiku sabiex tikkonkludi li l-pagamenti ta’ esklużività setgħu jipproduċu effetti antikompetittivi u kkonkludiet biss li l-analiżi tal-marġni kritiku tar-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjonijiet tagħha. L-ebda ksur tad-dritt għal smigħ ma jista’ jiġi kkonstatat, sa fejn l-analiżi tal-marġni kritiku ġiet prodotta mir-rikorrenti u sa fejn il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq xi verżjoni oħra tal-imsemmija analiżi. Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, barra minn hekk, li tagħti lil impriża l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-evalwazzjoni finali tal-motivi ta’ difiża tagħha qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha.

306    Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-argument ibbażat fuq [kunfidenzjali] taċ-chipsets UMTS li fir-rigward tagħhom fornitur kompetitur seta’ wkoll jaqsam l-ispejjeż marbutin mal-kumpens tal-pagamenti ta’ esklużività huwa inammissibbli, peress li ma tressaqx fir-rikors, u huwa irrilevanti, peress li l-apparat UMTS ta’ Apple kien apparat eżistenti u ma kienx ikkontestat għall-finijiet tal-analiżi tal-marġni kritiku, peress li l-aħħar apparat ta’ dan it-tip ġie varat fl‑2011 filwaqt li l-analiżi tal-marġni kritiku tieħu l‑2012 bħala l-ewwel sena ta’ referenza. Bl-istess mod, l-argument ibbażat fuq in-natura sfavorevoli tal-irtirar tal-oġġezzjonijiet li jikkonċernaw iċ-chipsets UMTS, minbarra li huwa inammissibbli għall-istess raġunijiet, huwa infondat, peress li r-rikorrenti ma turix kif dan kellu konsegwenzi sfavorevoli, b’mod partikolari peress li, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kienet sostniet li l-Kummissjoni kellha tirtira l-oġġezzjonijiet tagħha dwar iċ-chipsets UMTS.

307    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li għandha tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-partijiet. Din il-komunikazzjoni għandha tistabbilixxi, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura (digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Panasonic vs Il‑Kummissjoni, C‑608/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:538, punt 20).

308    Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha din tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tal-espożizzjoni tal-oġġezzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi tiegħu huma ta’ natura purament provviżorja. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tisma’ lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, fejn xieraq, tqis l-osservazzjonijiet tagħhom intiżi sabiex iwieġbu għall-oġġezzjonijiet allegati billi tibdel l-analiżi tagħha, preċiżament sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom (digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Panasonic vs Il‑Kummissjoni, C‑608/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:538, punt 21).

309    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi att proċedurali preparatorju meta mqabbla mad-deċiżjoni li tikkostitwixxi l-aħħar stadju tal-proċedura amministrattiva. Konsegwentement, sakemm tiġi adottata deċiżjoni finali, il-Kummissjoni tista’, fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tal-partijiet, jew tabbanduna wħud mill-oġġezzjonijiet jew saħansitra l-oġġezzjonijiet kollha inizjalment ifformulati fil-konfront tagħhom u b’dan il-mod tibdel il-pożizzjoni tagħha favurihom, jew, għall-kuntrarju, tiddeċiedi li żżid oġġezzjonijiet ġodda, kemm-il darba tagħti lill-impriżi kkonċernati l-opportunità li jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar dan is-suġġett (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2012, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑167/08, EU:T:2012:323, punt 184).

310    Il-komunikazzjoni lill-partijiet ikkonċernati ta’ żieda mal-oġġezzjonijiet hija neċessarja biss fil-każ fejn ir-riżultat tal-verifiki jwassal lill-Kummissjoni sabiex takkuża lill-impriżi b’atti ġodda jew sabiex temenda b’mod sinjifikattiv il-provi tal-ksur ikkontestat u mhux meta l-Kummissjoni tissodisfa d-dmir tagħha li tabbanduna oġġezzjonijiet li, fid-dawl tat-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ikunu rriżultaw li huma infondati (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2012, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑167/08, EU:T:2012:323, punt 191).

311    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

312    Dawn l-argumenti jirrigwardaw, essenzjalment, tliet aspetti distinti.

313    Fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti jirrigwardaw, b’mod ġenerali, il-fatt li l-Kummissjoni, fil-premessa 388 tad-Deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat abbuż fis-suq taċ-chipsets LTE biss, filwaqt li, fil-premessi 254 u 256 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija pprevediet abbuż fis-suq taċ-chipsets LTE u f’dak taċ-chipsets UMTS, tali ċirkustanza, minkejja li hija eżatta, ma timplikax min-natura tagħha irregolarità proċedurali, u lanqas ksur a fortiori tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

314    Fil-fatt, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat il-ksur ikkonstatat fil-konfront tar-rikorrenti meta mqabbel ma’ dak li hija kienet ipprevediet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, billi abbandunat il-ksur fis-suq taċ-chipsets UMTS. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma żiditx oġġezzjonijiet jew provi ġodda kontra r-rikorrenti, iżda abbandunat oġġezzjonijiet li, fid-dawl tat-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, irriżultaw li kienu infondati. Issa, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 309 u 310 iktar ’il fuq, tali bidla ma twassalx għal obbligu għall-Kummissjoni li tikkomunika lir-rikorrenti żieda mal-oġġezzjonijiet.

315    Fit-tieni lok, l-argumenti tar-rikorrenti jirrigwardaw il-fatt li l-Kummissjoni ma tathiex il-possibbiltà li tesprimi l-perspettiva tagħha dwar ir-raġunijiet li wassluha, fid-Deċiżjoni kkontestata, sabiex twarrab l-analiżi tal-marġni kritiku li hija kienet ippreżentat fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, qabel ma adottat id-Deċiżjoni kkontestata, ma kinitx obbligata li tagħti lir-rikorrenti l-possibbiltà li tifformula osservazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li għalihom hija kellha l-intenzjoni li tiċħad l-imsemmija analiżi fid-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, id-dritt għal smigħ ikopri l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi kollha li jiffurmaw il-bażi tal-att ta’ deċiżjoni, iżda mhux il-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tadotta (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, EU:T:2006:74, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad‑19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑18/05, EU:T:2010:202, punt 109; u tad‑9 ta’ Marzu 2015, Deutsche Börse vs Il‑Kummissjoni, T‑175/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:148, punt 344).

316    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni, filwaqt li abbandunat l-oġġezzjonijiet dwar iċ-chipsets UMTS, ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan it-twarrib fl-eżami tagħha tal-analiżi tal-marġni kritiku u ma tathiex il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet fuq il-konsegwenzi li kellhom jinstiltu minn tali ċirkustanza fir-rigward tal-analiżi tal-marġni kritiku, ħaġa li kienet sfavorevoli għaliha. Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija minnha waqt is-seduta, hija tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma ppermettitilhiex li tinstema’ fuq id-data użata fl-analiżi tal-marġni kritiku fid-dawl tat-twarrib tal-oġġezzjonijiet fuq iċ-chipsets UMTS u b’hekk li tadatta din id-data.

317    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 159 iktar ’il fuq, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li kull destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkonstata li huwa wettaq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jkun tqiegħed f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimi b’mod effettiv il-perspettiva tiegħu dwar l-oġġezzjonijiet li jkun akkużat bihom.

318    B’mod partikolari, l-impriża kkonċernata tista’ ssostni, matul il-proċedura amministrattiva, filwaqt li tipproduċi provi li jsostnu dan, li l-aġir tagħha ma setax jillimita l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 138).

319    F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni lir-rikorrenti kienet qiegħda tipprevedi abbuż minn pożizzjoni dominanti kemm fis-suq taċ-chipsets LTE kif ukoll fis-suq taċ-chipsets UMTS. Fi kliem ieħor, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ipprevediet abbuż li jestendi fuq żewġt iswieq.

320    Huwa paċifiku wkoll li, fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ppreżentat “analiżi tal-marġni kritiku” intiża sabiex turi li l-aġir li ġiet akkużata bih ma setax jipproduċi effetti ta’ esklużjoni fuq dawn iż-żewġt iswieq.

321    Kif ikkonfermat b’mod espliċitu r-rikorrenti bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, mingħajr kontradizzjoni mill-Kummissjoni, l-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tikkonċerna ċ-chipsets UMTS u ċ-chipsets LTE koperti mill-ftehimiet ikkonċernati u kienet ibbażata fuq id-data inerenti għal dawn iż-żewġ tipi ta’ chipsets.

322    L-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentat mir-rikorrenti hija deskritta fil-premessa 487 tad-Deċiżjoni kkontestata u miġbura fil-qosor fit-tabella 16 li tinsab f’din il-premessa.

323    Essenzjalment, din hija analiżi ekonomika intiża sabiex turi li kompetitur ipotetiku li huwa effiċjenti daqs ir-rikorrenti seta’ jikkompeti mar-rikorrenti fil-provvista taċ-chipsets LTE u UMTS lil Apple, peress li dan il-kompetitur kien ikun f’pożizzjoni li joffri prezz li jkopri l-ispejjeż tiegħu filwaqt li jkun jista’ jikkumpensa lil Apple għat-telf tal-pagamenti kkonċernati.

324    Huwa wkoll paċifiku li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, qabel ma kkonkludiet li r-rikorrenti kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq taċ-chipsets LTE biss, kienet warrbet din l-istess analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata mir-rikorrenti bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Kif indikat b’mod espliċitu l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, hija ma ħaditx deċiżjoni fuq xi verżjoni oħra ta’ din l-analiżi.

325    B’mod partikolari, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat din l-analiżi, indikat ir-raġunijiet għalfejn ma setgħetx tiġi aċċettata u ppreżentat analiżi “riveduta” li tinkludi l-korrezzjonijiet tagħha.

326    Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni warrbet l-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata mir-rikorrenti minħabba l-preżenza ta’ tliet ipoteżijiet allegatament żbaljati, li hija kkoreġiet fl-analiżi “riveduta” tagħha, u li hija bl-ebda mod ma kkontestat il-fatt li l-imsemmija analiżi kienet tikkostitwixxi, bħala tali, għodda li tippermetti li tiġi kkontestata l-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni.

327    Fi kliem ieħor, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, minn naħa, warrbet l-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li d-data tagħha kienet tikkonċerna kemm iċ-chipsets LTE kif ukoll iċ-chipsets UMTS u, min-naħa l-oħra, wettqet analiżi tal-marġni kritiku “riveduta” billi bbażat ruħha dejjem fuq l-informazzjoni li tikkonċerna kemm iċ-chipsets LTE kif ukoll iċ-chipsets UMTS, minkejja li, fil-premessi 487, 491, 492, 498, 499 u 503 tad-Deċiżjoni kkontestata, li fihom għamlet riferiment għall-imsemmija analiżi, hija rreferiet b’mod żbaljat għaċ-chipsets LTE biss.

328    Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalhekk ippreżentat, eżaminat u rrevediet analiżi tal-marġni kritiku (li tikkonċerna s-suq kemm taċ-chipsets UMTS kif ukoll taċ-chipsets LTE) li ma kinitx, jew ma kinitx għadha, rilevanti fir-rigward tal-abbuż ikkunsidrat fl-imsemmija deċiżjoni (li jikkonċerna biss is-suq taċ-chipsets LTE).

329    Issa, billi pproċediet b’dan il-mod, indipendentement mill-fondatezza tat-tliet oġġezzjonijiet ifformulati kontra l-ipoteżijiet użati fl-analiżi tal-marġni kritiku tar-rikorrenti u tal-korrezzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward fl-analiżi “riveduta” tal-marġni kritiku, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

330    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 318 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti setgħet tibbaża ruħha fuq element bħall-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex issostni li l-aġir tagħha ma setax jillimita l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, jipproduċi effetti ta’ esklużjoni.

331    Ir-rikorrenti invokat tali possibbiltà billi ddedikat, fit-taqsima tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet intiża sabiex turi n-nuqqas ta’ effetti ta’ esklużjoni (taqsima VII), sottotaqsima għall-preżentazzjoni tal-analiżi tagħha tal-marġni kritiku (sottotaqsima VII.F). Din l-analiżi tal-marġni kritiku kellha għalhekk rwol importanti fid-difiża tar-rikorrenti kontra l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddedikat, fit-taqsima tad-Deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti (taqsima 11), taqsima għall-eżami u għall-konfutazzjoni ta’ din l-analiżi tal-marġni kritiku (taqsima 11.5).

332    Issa, il-possibbiltà li impriża għandha li ssostni li aġir ma jistax jillimita l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, jipproduċi effetti ta’ esklużjoni billi tibbaża ruħha fuq analiżi ekonomika bħall-analiżi tal-marġni kritiku prodotta f’dan il-każ mir-rikorrenti ma jkollhiex effett utli jekk il-portata tal-aġir allegat tinbidel mill-Kummissjoni wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward b’mod partikolari tas-swieq ikkonċernati.

333    Id-definizzjoni tal-portata tal-aġir ikkritikat fil-fatt għandha effett fuq id-data ekonomika użata fil-kuntest tal-imsemmija analiżi, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ispejjeż u l-prezzijiet unitarji tal-prodotti kkonċernati, is-sehem ikkontestat tas-suq jew anki l-ispejjeż li kompetitur effiċjenti daqs ir-rikorrenti jġarrab.

334    Analiżi tal-marġni kritiku dwar żewġt iswieq ta’ prodotti allegatament distinti u mhux sostitwibbli (bħalma huma, skont id-Deċiżjoni kkontestata, dawk taċ-chipsets UMTS u taċ-chipsets LTE) neċessarjament tvarja minn analiżi li tirrigwarda wieħed biss minn dawn iż-żewġt iswieq (bħal dak taċ-chipsets LTE biss).

335    B’mod partikolari, f’dan il-każ, il-limitazzjoni tal-abbuż allegat għas-suq taċ-chipsets LTE biss għandha effett fuq il-parametri essenzjali ta’ analiżi bħall-analiżi tal-marġni kritiku. L-ewwel nett, din tirrigwarda, b’mod partikolari, l-ammont tal-pagamenti kkonċernati, peress li, kif tenfasizza r-rikorrenti, il-pagamenti korrispondenti għaċ-chipsets UMTS kellhom jiġu esklużi mill-analiżi tal-marġni kritiku. Sussegwentement, is-sehem ikkontestat meqjus fl-analiżi tal-marġni kritiku, jiġifieri s-sehem mid-domanda ta’ Apple li għalih kompetitur effiċjenti daqs ir-rikorrenti jista’ jidħol f’kompetizzjoni magħha u li fuqu huwa jkun jista’ jaqsam l-ispejjeż neċessarji sabiex jikkumpensa lil Apple għat-telf tal-pagamenti kkonċernati. Fl-aħħar nett, dawn huma l-ispejjeż u l-prezzijiet taċ-chipsets meħuda inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-marġni kritiku, peress li l-Kummissjoni qieset b’mod partikolari, fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-prezzijiet medji taċ-chipsets UMTS u LTE ma kinux simili (premessa 217 tad-Deċiżjoni kkontestata).

336    Konsegwentement, sa fejn il-Kummissjoni biddlet l-oġġezzjonijiet li għandhom impatt fuq ir-rilevanza tad-data li fuqha kienet ibbażata l-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata mir-rikorrenti bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex issostni li l-aġir tagħha ma setax jipproduċi effetti ta’ esklużjoni, din l-impriża, sabiex tkun tista’ teżerċita b’mod utli d-drittijiet tad-difiża tagħha, kellha titqiegħed f’pożizzjoni li tinstema’ u, fejn xieraq, li tadatta l-imsemmija analiżi ekonomika, u dan anki jekk, f’tali sitwazzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tikkomunikalha “żieda mal-oġġezzjonijiet” konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 310 iktar ’il fuq u mal-konstatazzjonijiet li saru fil-punti 313 u 314 iktar ’il fuq.

337    Fil-fatt, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija, min-natura tagħha, provviżorja u tista’ tiġi emendata matul l-evalwazzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni bbażata fuq l-osservazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati lilha bi tweġiba mill-partijiet kif ukoll fuq kunsiderazzjonijiet fattwali oħra. Minħabba din in-natura provviżorja, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-ebda mod ma timpedixxi lill-Kummissjoni milli tibdel il-pożizzjoni tagħha favur l-impriżi kkonċernati, mingħajr madankollu ma tkun obbligata tispjega d-differenzi possibbli mill-evalwazzjonijiet provviżorji tagħha li jkun hemm f’din id-dikjarazzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 36).

338    Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ tibdel, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-portata tal-oġġezzjonijiet li fid-dawl tagħhom l-impriża kkonċernata ppreżentat analiżi ekonomika bħalma hija l-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata f’dan il-każ mir-rikorrenti mingħajr ma tgħarraf b’tali bidla lill-impriża u tippermettilha li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, billi, jekk ikun meħtieġ, tadatta l-analiżi ekonomika ppreżentata qabel. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li jeżiġu li l-impriża kkonċernata jkollha l-opportunità li tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar l-oġġezzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punti 31 u 37).

339    Fil-fatt, għalkemm, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet twarrab l-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata mir-rikorrenti, dwar is-suq taċ-chipsets LTE u s-suq taċ-chipsets UMTS, billi tikkunsidra li hija ma kinitx iddaħħal inkwistjoni l-konklużjonijiet tagħha dwar is-suq taċ-chipsets LTE biss, minn dan ma jistax jiġi dedott li hija setgħet twarrab bl-istess mod analiżi tal-marġni kritiku li tirrigwarda s-suq taċ-chipsets LTE biss.

340    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, sabiex tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar l-effett ta’ esklużjoni allegat u b’hekk tkun tista’ tiżgura aħjar id-difiża tagħha, ir-rikorrenti kellha titqiegħed f’pożizzjoni li tinstema’ u, jekk ikun meħtieġ, li tadatta l-analiżi tagħha tal-marġni kritiku sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-irtirar tal-oġġezzjonijiet relatati maċ-chipsets UMTS u li l-provvista tagħhom ma kinitx għadha taħt akkuża mill-Kummissjoni.

341    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li jikkontestaw l-ammissibbiltà u r-rilevanza tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-għadd ta’ chipsets UMTS li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni bi żvantaġġ għaliha (punt 306 iktar ’il fuq). Minn naħa, dan l-argument ġie fformulat mir-rikorrenti fir-replika sabiex issostni l-ilment li jinsab fir-rikors fis-sens li l-bidla fil-portata tal-abbuż li teskludi ċ-chipsets UMTS kienet sfavorevoli għaliha fir-rigward tal-analiżi tagħha tal-marġni kritiku. L-imsemmi argument huwa għalhekk ammissibbli. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti inkludiet iċ-chipsets UMTS fl-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li din tal-aħħar kienet tipprevedi abbuż anki fis-suq taċ-chipsets UMTS u, f’dan ir-rigward, indikat b’mod espliċitu, abbażi tad-data pprovduta minn Apple, li din tal-aħħar kienet xtrat chipsets UMTS mingħand ir-rikorrenti mill‑2011 sal‑2014 għal għadd totali ta’ unitajiet li jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak invokat mir-rikorrenti (ara t-tabella 14 fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). L-argument tar-rikorrenti għalhekk ma huwiex irrilevanti.

342    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti sa fejn hija ma semgħetx lir-rikorrenti dwar il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-irtirar tal-oġġezzjonijiet dwar is-suq taċ-chipsets UMTS fuq l-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata mir-rikorrenti sabiex turi li l-aġir li kienet akkużata bih ma setax jillimita l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, jipproduċi effetti ta’ esklużjoni.

343    Fid-dawl ta’ dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, hemm lok li tintlaqa’ wkoll l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors.

4.      Konklużjoni

344    Mill-eżami tal-ewwel motiv tar-rikors, u b’mod partikolari tal-ewwel u tat-tielet parti tiegħu, jirriżulta li l-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn diversi irregolaritajiet proċedurali li affettwaw id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

345    Għal dawn ir-raġunijiet, fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kkonstatati fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tielet parti tal-ewwel motiv, meħuda individwalment jew flimkien, u mingħajr ma hemm lok għal deċiżjoni fuq il-partijiet l-oħra mqajma mir-rikorrenti, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jintlaqa’ u, fuq din il-bażi, id-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

346    Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandu jiġi eżaminat ukoll it-tielet motiv tar-rikors.

C.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konklużjoni li l-ftehimiet ikkonċernati setgħu jipproduċu effetti antikompetittivi potenzjali

347    It-tielet motiv huwa bbażat fuq tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żball manifest ta’ liġi u fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi sa fejn il-Kummissjoni ma applikatx id-dispożizzjoni legali t-tajba. It-tieni parti hija bbażata fuq żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tapplika l-ġurisprudenza dwar il-prattiki tal-ipprezzar. It-tielet parti hija bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ftehimiet ikkonċernati setgħu jipproduċu effetti antikompetittivi potenzjali.

348    Għandha tiġi eżaminata t-tielet parti.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

a)      Tfakkira tal-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza

349    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 102 TFUE bl-ebda mod ma għandu l-għan li jimpedixxi lil impriża milli tikseb, fuq mertu tagħha stess, il-pożizzjoni dominanti f’suq. Din id-dispożizzjoni lanqas ma hija intiża sabiex tiżgura li kompetituri inqas effiċjenti mill-impriża li jkollha pożizzjoni dominanti jibqgħu fis-suq (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 21, u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 133).

350    L-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impriża li jkollha pożizzjoni dominanti milli timplimenta prattiki li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni fuq il-kompetituri tagħha li huma meqjusa li huma effiċjenti daqsha, u milli ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tirrikorri għal mezzi oħra għajr dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni fuq il-merti (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

351    Għalhekk, mhux kull effett ta’ esklużjoni neċessarjament jippreġudika l-kompetizzjoni. Mid-definizzjoni tagħha, il-kompetizzjoni fuq il-merti tista’ twassal għall-għajbien mis-suq jew għall-marġinalizzazzjoni tal-kompetituri inqas effiċjenti u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi mill-perspettiva, b’mod partikolari, tal-prezzijiet, tal-għażla, tal-kwalità jew tal-innovazzjoni (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 22, u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 134).

352    F’dan il-kuntest, madankollu, impriża li jkollha pożizzjoni dominanti jkollha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 135).

353    F’dan il-kuntest, diġà ġie deċiż li, għal impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti f’suq, il-fatt li torbot xerrejja, anki jekk fuq talba tagħhom, permezz ta’ obbligu jew wegħda li jixtru dak kollu li jeħtieġu jew parti kunsiderevoli minn dak li jeħtieġu esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, kemm jekk l-obbligu jkun stipulat mingħajr kundizzjonijiet ulterjuri, kif ukoll jekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess japplika meta l-imsemmija impriża, mingħajr ma torbot lix-xerrejja permezz ta’ obbligu formali, tapplika, jew skont il-ftehimiet konklużi ma’ dawn ix-xerrejja jew b’mod unilaterali, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri tnaqqis marbut mal-kundizzjoni li l-klijent, irrispettivament mill-ammont ta’ dan ix-xiri, jixtri esklużivament mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti biex jissodisfa l-ħtiġijiet kollha tiegħu jew parti kbira minnhom (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

354    Madankollu, fejn l-impriża kkonċernata ssostni, matul il-proċedura amministrattiva, filwaqt li tipproduċi provi insostenn ta’ dan, li l-aġir tagħha ma setax jillimita l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqsha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 138 sa 140).

355    Fil-fatt, in-natura abbużiva ta’ aġir tippreżumi li dan kellu l-kapaċità li jillimita l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati, u din l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha li jikkaratterizzaw l-imsemmi aġir (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata).

356    Jekk, f’deċiżjoni, il-Kummissjoni twettaq tali analiżi, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-argumenti kollha tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqsha li jirrelataw mal-prattika inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 141).

357    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ din tal-aħħar, għandu jitfakkar li l-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri skont l-Artikolu 102 TFUE li l-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ bir-reqqa tagħhom, kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrent u fid-dawl tal-elementi kollha ppreżentati minn dan tal-aħħar, kemm jekk dawn ikunu seħħew qabel jew wara d-deċiżjoni, u kemm jekk dawn ikunu ġew ippreżentati qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kif ukoll jekk dawn ikunu ġew ippreżentati għall-ewwel darba fil-kuntest tar-rikors li bih hija adita l-Qorti Ġenerali, sa fejn dawn l-elementi tal-aħħar ikunu rilevanti għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72).

358    Anki fl-oqsma li jwasslu għal evalwazzjonijiet kumplessi, il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 54).

359    Fl-aħħar nett, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ tilwima dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u tistabbilixxi l-provi li jistgħu juru, b’mod suffiċjenti f’għajnejn il-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur. Jekk ikun hemm dubju f’moħħ il-qorti, hija l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur li għandha tgawdi l-benefiċċju tad-dubju (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 71 u 72).

b)      Tfakkira tal-istruttura tad-Deċiżjoni kkontestata

360    Fit-taqsima 11 tad-Deċiżjoni kkontestata, li hija maqsuma fi tmien taqsimiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

361    B’mod partikolari, fit-taqsima 11.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-pagamenti kkonċernati kienu pagamenti ta’ esklużività (premessa 395 tad-Deċiżjoni kkontestata).

362    Fit-taqsima 11.4 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-preżunzjoni li l-għoti ta’ pagamenti ta’ esklużività mir-rikorrenti kien jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti kienet ikkonfermata, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, mill-analiżi tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi (premessa 406 tad-Deċiżjoni kkontestata). Din it-taqsima hija maqsuma f’erba’ sottotaqsimiet.

363    L-ewwel, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-pagamenti kkonċernati kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għal fornituri ta’ chipsets LTE kompetituri (sottotaqsima 11.4.1 tad-Deċiżjoni kkontestata).

364    It-tieni, il-Kummissjoni indikat li d-dokumenti interni u l-ispjegazzjonijiet ta’ Apple jikkonfermaw li l-pagamenti kkonċernati kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għal fornituri ta’ chipsets LTE kompetituri (sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata).

365    It-tielet, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-pagamenti kkonċernati kienu jkopru parti sinjifikattiva mis-suq taċ-chipsets LTE matul il-perijodu kkonċernat (sottotaqsima 11.4.3 tad-Deċiżjoni kkontestata).

366    Ir-raba’, il-Kummissjoni kkunsidrat li Apple kienet klijent attraenti, fid-dawl tal-importanza tagħha għad-dħul jew għall-espansjoni fis-suq rilevanti (sottotaqsima 11.4.4 tad-Deċiżjoni kkontestata).

367    Fit-taqsima 11.5 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-analiżi tal-marġni kritiku tar-rikorrenti ma turix li l-pagamenti ta’ esklużività tagħha ma setgħux ikollhom effetti antikompetittivi (premessa 488 tad-Deċiżjoni kkontestata).

c)      Tfakkira tal-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti

368    Kif jirriżulta mill-punti 361 u 362 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha għall-kategorizzazzjoni tal-pagamenti kkonċernati bħala pagamenti ta’ esklużività, iżda wettqet analiżi tal-kapaċità tal-imsemmija pagamenti li jipproduċu effetti antikompetittivi. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 356 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ din l-analiżi.

369    F’dan ir-rigward, fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tqajjem tmien ilmenti u xi argumenti introduttorji li permezz tagħhom hija tikkritika lill-Kummissjoni, essenzjalment, talli wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tagħha tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi u fl-evalwazzjoni tagħha tal-analiżi tal-marġni kritiku li hija kienet ippreżentat.

370    Fir-rigward tal-analiżi tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi, għandhom jiġu eżaminati l-ewwel tliet ilmenti tat-tielet parti tat-tielet motiv kif ukoll l-argumenti introduttorji relatati magħhom.

2.      Fuq l-ewwel ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha

371    Ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix provi li l-ftehimiet ikkonċernati setgħu jwasslu għall-esklużjoni antikompetittiva tal-kompetituri. Il-Kummissjoni ma wrietx li Intel jew xi impriża kompetitriċi oħra kienet f’pożizzjoni li tosserva r-rekwiżiti tekniċi u tal-iskedar eżiġenti ta’ Apple. Għall-kuntrarju, id-Deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi li l-ebda kompetitur ma kien f’pożizzjoni li jipprovdi chipsets LTE intiżi għall-iPhones matul il-perijodu kkonċernat kollu u ma tallegax li l-pagamenti kkonċernati kellhom effett fuq id-deċiżjonijiet tal-akkwist ta’ Apple għall-iPads varati mill‑2011 sal‑2013 u fl‑2016. Id-Deċiżjoni kkontestata tipprova turi l-esklużjoni ta’ kompetitur wieħed biss (Intel) fir-rigward tal-provvista għall-iPads li kellhom jiġu varati fl‑2014 u fl‑2015, li jirrappreżentaw inqas minn 1 % tas-suq rilevanti u għalhekk huwa implikat li l-pagamenti kkonċernati ma setgħu jeskludu lill-ebda kompetitur.

372    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma identifikatx, ma analizzatx u ma interpretatx ċerti punti ta’ fatt determinanti u li d-Deċiżjoni kkontestata fiha punti mhux preċiżi fir-rigward tal-apparat u tal-kompetituri kkonċernati. Hija tindika li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata, il-ftehimiet ikkonċernati ma setgħu jeskludu lill-ebda kompetitur milli jipprovdi chipsets LTE intiżi għall-mudelli tal-iPhones varati waqt li dawn il-ftehimiet kienu fis-seħħ. B’mod partikolari, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata, bejn l‑2011 u l‑2015, Apple ma kellhiex soluzzjoni teknika alternattiva sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ chipsets LTE għall-iPhones tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tallegax li l-ftehimiet ikkonċernati setgħu jeskludu lil xi kompetitur milli jipprovdi chipsets LTE għall-mudelli tal-iPads varati fl‑2011, fl‑2012, fl‑2013 u fl‑2016. Għalhekk, essenzjalment, il-Kummissjoni tinvoka biss l-esklużjoni possibbli ta’ Intel għaċ-chipsets LTE intiżi għall-iPads varati fl‑2014 u fl‑2015.

373    Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni tirrikonoxxi fir-risposta tagħha li Apple ma kkunsidratx lil Intel bħala fornitur kredibbli taċ-chipsets LTE użati fil-mowbajls. Ir-rikorrenti wriet li dan kien ukoll il-każ għal kull kompetitur ieħor. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma weġbitx għall-argumenti li l-kapaċità ta’ esklużjoni kellha tiġi ddeterminata fir-rigward tal-klijenti kollha taċ-chipsets fis-suq usa’ inkwistjoni. Issa, id-Deċiżjoni kkontestata lanqas ma tinvoka l-possibbiltà ta’ esklużjoni antikompetittiva mis-suq, b’kuntrast mal-impossibbiltà tal-provvista lil ċertu klijent.

374    Il-Kummissjoni twieġeb li l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq interpretazzjoni fundamentalment żbaljata tad-Deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni kkonkludiet li, matul il-perijodu kkonċernat kollu, ir-rikorrenti kienet tat lil Apple pagamenti ta’ esklużività relatati kemm mal-iPhones kif ukoll mal-iPads li jista’ jkollhom effetti antikompetittivi, u Intel kienet biss eżempju konkret ta’ din il-kapaċità. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni jinkludu għalhekk b’mod partikolari, iżda mhux biss, il-fatt li l-pagamenti kkonċernati fir-realtà influwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ xiri ta’ Apple għall-iPads intiżi li jiġu varati fl‑2014 u fl‑2015. Fid-dawl tal-interpretazzjoni żbaljata tar-rikorrenti, ikun inutli li l-Qorti Ġenerali teżamina t-tielet parti tat-tielet motiv, iżda, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tippreżenta argumenti sabiex tiċħad dawk tar-rikorrenti.

375    Għalhekk, minn naħa, qabelxejn, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma ppreżentatx b’mod sistematiku la ċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni wettqet żball meta tat importanza lill-fatturi li hija kienet ibbażat ruħha fuqhom. Sussegwentement, il-Kummissjoni tfakkar iċ-ċirkustanzi msemmija fil-premessa 411 tad-Deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, hija tindika li l-importanza tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti, ir-rata ta’ kopertura tas-suq u l-kundizzjonijiet li fihom saru l-pagamenti huma fatturi li għandhom jiġu meqjusa, tenfasizza li t-tielet parti tat-tielet motiv ma tindirizzax il-kwistjoni tat-tul tal-ftehimiet ikkonċernati, tippreċiża li l-ammont tal-pagamenti kkonċernati kien għoli u tispjega li d-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-eżistenza ta’ strateġija ta’ esklużjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tispjega li, skont id-Deċiżjoni kkontestata, il-pagamenti kkonċernati setgħu jkollhom effetti antikompetittivi matul il-perijodu kkonċernat kollu u li fir-realtà kellhom effetti antikompetittivi fuq id-deċiżjonijiet ta’ xiri taċ-chipsets LTE għall-iPads li Apple kienet qiegħda tikkunsidra li tvara fl‑2014 u fl‑2015.

376    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tindika li hija ma kinitx irrikonoxxiet li Intel kienet kompetitur inqas effiċjenti. Ir-rikorrenti ma tqisx il-konklużjoni fformulata fil-premessa 464 tad-Deċiżjoni kkontestata li tgħid li Apple kienet tqis lil Intel bħala sors interessanti taċ-chipsets LTE għall-iPads tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-konklużjoni riprodotta fil-premessa 486 ma hijiex ibbażata biss fuq li jiġi aċċettat li Intel hija kompetitur effiċjenti daqs ir-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għal kwalunkwe kompetitur li huwa effiċjenti daqs ir-rikorrenti, bil-premessa 426 tad-Deċiżjoni kkontestata tinnota li Apple kienet qieset tliet fornituri oħra għall-iPads li hija kienet qiegħda tippjana li tvara fl‑2014.

377    Il-Kummissjoni żżid li l-insistenza tar-rikorrenti li ssostni li Intel ma setgħetx titqies bħala kompetitur effiċjenti daqsha bl-ebda mod ma hija utli, peress li l-konklużjoni dwar il-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jkollhom effetti antikompetittivi tapplika għal kompetitur li huwa effiċjenti daqsha.

378    Preliminarjament, u jekk jitqies li l-argumenti tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ utilità ta’ eżami tat-tielet parti tat-tielet motiv għandhom jinftiehmu bħala li jisħqu li din il-parti hija ineffettiva, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Fil-fatt, fil-kuntest tal-imsemmija parti, il-partijiet ma jaqblux, essenzjalment, fuq il-fondatezza tal-wiri mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi. Għaldaqstant, jekk it-tielet parti tat-tielet motiv tirriżulta li hija fondata, din twassal għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata.

379    F’dan il-kuntest, sabiex jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, għandhom qabelxejn jiġu mfakkra ċerti elementi inerenti għall-istruttura u għall-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata.

380    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, filwaqt li s-suq rilevanti kkonstatat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata huwa s-suq dinji taċ-chipsets LTE (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), l-aġir tar-rikorrenti jirrelata biss mal-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha ma’ Apple. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-aġir li jikkostitwixxi ksur kien jikkonsisti fl-għoti mir-rikorrenti lil Apple tal-pagamenti kkonċernati (Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata).

381    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, fit-taqsima 11.4 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-pagamenti kkonċernati kienu jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti minħabba li kienu pagamenti ta’ esklużività li jistgħu jipproduċu effetti antikompetittivi (premessa 406 tad-Deċiżjoni kkontestata), billi kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti (premessa 407 tad-Deċiżjoni kkontestata).

382    B’mod partikolari, it-tnaqqis tal-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti ntwera mill-Kummissjoni fis-sottotaqsimiet 11.4.1 u 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata (premessi 407 u 408 tad-Deċiżjoni kkontestata).

383    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, sabiex waslet għall-konklużjoni li l-pagamenti kkonċernati setgħu jipproduċu effetti antikompetittivi, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li qieset ukoll is-sehem sinjifikattiv mis-suq rilevanti kopert mill-pagamenti kkonċernati msemmi fis-sottotaqsima 11.4.3 tad-Deċiżjoni kkontestata (premessi 409 u 411 tad-Deċiżjoni kkontestata), l-importanza ta’ Apple bħala klijent għad-dħul jew l-espansjoni fis-suq rilevanti msemmija fis-sottotaqsima 11.4.4 tad-Deċiżjoni kkontestata (premessi 410 u 411 tad-Deċiżjoni kkontestata), kif ukoll il-portata tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti msemmija fit-taqsima 10 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-pagamenti kkonċernati msemmija fit-taqsima 11.3 tad-Deċiżjoni kkontestata u t-tul u l-ammont ta’ dawn il-pagamenti msemmija fis-sottotaqsima 11.4.1 u t-taqsima 11.8 tad-Deċiżjoni kkontestata (premessa 411 tad-Deċiżjoni kkontestata). Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata u kif ikkonfermat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, hija ma bbażatx ruħha fuq l-eżistenza ta’ strateġija ta’ esklużjoni, jiġifieri ta’ intenzjoni antikompetittiva min-naħa tar-rikorrenti.

384    Issa, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 381 iktar ’il fuq, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-pagamenti kkonċernati kienu kapaċi jipproduċu effetti antikompetittivi hija bbażata qabelxejn fuq l-evalwazzjoni li tgħid li l-imsemmija pagamenti kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqitx tali evalwazzjoni mingħajr ma qieset iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

385    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif ġie osservat fil-punt 382 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni waslet għall-evalwazzjoni li l-pagamenti kkonċernati kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti abbażi tal-analiżi fis-sottotaqsimiet 11.4.1 u 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata.

386    Minn naħa, fis-sottotaqsima 11.4.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni waslet għall-imsemmija evalwazzjoni (premessa 412 tad-Deċiżjoni kkontestata) abbażi ta’ analiżi komparattiva tal-ammont tal-pagamenti kkonċernati rċevuti matul il-perijodu kkonċernat (premessa 413 tad-Deċiżjoni kkontestata), tal-ammont tal-pagamenti kkonċernati li kienu jintilfu minn Apple jekk tvara apparat li jinkorpora chipset LTE ta’ kompetitur tar-rikorrenti matul il-perijodu kkonċernat kollu (premessa 414 tad-Deċiżjoni kkontestata) u tal-ammont tal-pagamenti kkonċernati li kellu jitħallas lura minn Apple jekk tvara apparat li jinkorpora chipset LTE ta’ kompetitur tar-rikorrenti fl‑2013, fl‑2014 u fl‑2015 (premessa 416 tad-Deċiżjoni kkontestata) kif ukoll l-impatt kumulattiv possibbli tal-imsemmi telf u tal-imsemmi ħlas lura tal-pagamenti kkonċernati (premessa 417 tad-Deċiżjoni kkontestata).

387    Min-naħa l-oħra, fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dokumenti interni u l-ispjegazzjonijiet ta’ Apple jikkonfermaw l-imsemmija evalwazzjoni (premessa 423 tad-Deċiżjoni kkontestata). Din is-sottotaqsima hija maqsuma f’erba’ sottosottotaqsimiet: l-ewwel waħda fiha l-analiżi tal-Kummissjoni tal-imsemmija dokumenti interni u spjegazzjonijiet ta’ Apple (sottosottotaqsima 11.4.2.1 tad-Deċiżjoni kkontestata); it-tieni waħda hija intiża sabiex twieġeb għall-argument tar-rikorrenti li dawn id-dokumenti interni u dawn l-ispjegazzjonijiet ma humiex affidabbli (sottosottotaqsima 11.4.2.2 tad-Deċiżjoni kkontestata); it-tielet waħda hija intiża sabiex twieġeb għall-argument tar-rikorrenti li l-esklużività kienet intalbet minn Apple (sottosottotaqsima 11.4.2.3 tad-Deċiżjoni kkontestata); u r-raba’ waħda hija intiża sabiex twieġeb l-argument tar-rikorrenti li Apple kienet għażlet lilha, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kwalità superjuri taċ-chipsets LTE tagħha u tinkludi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, għall-kuntrarju tal-argumenti tar-rikorrenti, il-pagamenti kkonċernati kellhom impatt fuq l-istrateġija tal-akkwist ta’ Apple (sottosottotaqsima 11.4.2.4 tad-Deċiżjoni kkontestata).

388    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-kontenut tagħhom kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, il-portata ta’ dak li jintwera fis-sottotaqsimiet 11.4.1 u 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata hija differenti.

389    Minn naħa, is-sottotaqsima 11.4.1 tad-Deċiżjoni kkontestata hija intiża sabiex turi li l-pagamenti kkonċernati kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti matul il-perijodu kkonċernat sabiex takkwista ċ-chipsets LTE għall-apparat kollu tagħha, jiġifieri l-iPhones u l-iPads. F’dan il-kuntest, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata u kif spjegat il-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, hija bbażat ruħha fuq analiżi tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi.

390    Barra minn hekk, fir-rigward tad-domanda ta’ Apple għal chipsets LTE msemmija fl-analiżi tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li, fis-sottotaqsima 11.4.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, sabiex tiġi ddeterminata r-rata ta’ kopertura tas-suq tal-pagamenti kkonċernati, il-Kummissjoni għamlet riferiment ukoll għaċ-chipsets LTE kollha akkwistati minn Apple mingħand ir-rikorrenti, mingħajr distinzjoni bejn l-iPhones u l-iPads. Bl-istess mod, fis-sottotaqsima 11.4.4 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li Apple kienet klijent attraenti għall-fornituri taċ-chipsets LTE, mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn l-iPhones u l-iPads.

391    Għalhekk, is-sottotaqsima 11.4.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, bħas-sottotaqsimiet 11.4.3 u 11.4.4 tad-Deċiżjoni kkontestata, tikkonċerna d-domanda kollha ta’ Apple għaċ-chipsets LTE għall-iPhones u l-iPads. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonfermat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li hija kienet ikkonkludiet li, matul il-perijodu kkonċernat kollu, il-pagamenti kkonċernati setgħu jipproduċu effetti antikompetittivi fir-rigward taċ-chipsets LTE intiżi kemm għall-iPhones kif ukoll għall-iPads.

392    Min-naħa l-oħra, is-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata hija intiża sabiex tikkonferma, essenzjalment abbażi tad-dokumenti interni u tal-ispjegazzjonijiet ta’ Apple, l-evalwazzjoni li tinsab fis-sottotaqsima 11.4.1 tad-Deċiżjoni kkontestata u, b’mod iktar preċiż, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata u kif spjegat il-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex turi li l-pagamenti kkonċernati fir-realtà kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti sabiex takkwista chipsets LTE għal ċertu apparat tagħha.

393    Fil-fatt, f’dan ir-rigward, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni kkonfermat b’mod espliċitu li l-imsemmija sottotaqsima tad-Deċiżjoni kkontestata kienet intiża sabiex turi li l-pagamenti kkonċernati kienu “fir-realtà influwenzaw”, jew kellhom bħala “effett reali li jiinfluwenzaw”, id-deċiżjonijiet ta’ xiri ta’ chipsets LTE meħuda minn Apple għall-“iPads li hija kienet qiegħda tikkunsidra li tvara fl‑2014 u fl‑2015”. Għalhekk, il-Kummissjoni spjegat li l-konklużjoni li kienet waslet għaliha f’dan ir-rigward kienet tikkonċerna l-“effetti reali” tal-pagamenti kkonċernati.

394    Barra minn hekk, fir-rigward tad-domanda ta’ Apple għaċ-chipsets LTE imsemmija fl-analiżi tagħha li tinsab fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, meta saritilha mistoqsija fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura dwar il-portata tal-kliem u l-espressjonijiet “apparat”, “varati” (fl‑2014 u fl‑2015) u “jiġu varati” (fl‑2014 u fl‑2015) użati fl-imsemmija sottotaqsima, il-Kummissjoni kkonfermat b’mod espliċitu li din is-sottotaqsima ma kinitx tikkonċerna l-iPhones iżda biss l-iPads, qalet li kien sar “żball tal-pinna” sfortunat fis-sens li din it-taqsima tirreferi għall-iPads li effettivament ġew “varati” fl‑2014 u fl‑2015 u sussegwentement ikkonfermat b’mod espliċitu li l-imsemmija sottotaqsima kienet tikkonċerna biss ċerti mudelli ta’ iPads “mingħajr CDMA” li kellhom “jiġu varati” minn Apple fl‑2014 u fl‑2015.

395    Minn dan jirriżulta li, kif joħroġ mill-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata u kif ikkonfermat il-Kummissjoni kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta, minn naħa, l-analiżi kollha tal-Kummissjoni li tinsab fis-sottotaqsima 11.4.1 tad-Deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi kemm b’rabta mal-iPhones kif ukoll b’rabta mal-iPads, kif jissuġġerixxi wkoll it-titolu tat-taqsima 11.4 tad-Deċiżjoni kkontestata sa fejn jirreferi globalment għall-effetti antikompetittivi “potenzjali” ta’ dawn il-pagamenti. Din l-analiżi hija koperta minn dan l-ewwel ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv. Min-naħa l-oħra, l-analiżi tal-Kummissjoni li tinsab fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-effetti li l-pagamenti kkonċernati kellhom fir-realtà b’rabta ma’ ċerti mudelli ta’ iPads li Apple kienet qiegħda tikkunsidra li tvara fl‑2014 u fl‑2015. Din l-analiżi hija koperta mit-tieni u mit-tielet ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv (ara l-punti 429 et seq. iktar ’il fuq).

396    Fit-tielet lok, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 355 iktar ’il fuq, l-analiżi tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jillimitaw il-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jeskludu lill-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs ir-rikorrenti għandha ssir b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha li jikkaratterizzaw l-imsemmi aġir.

397    Minn dan isegwi li, peress li jridu jitqiesu ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-aġir allegat, l-analiżi tal-kapaċità antikompetittiva ta’ dan l-aġir ma tistax tkun purament ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark, C‑23/14, EU:C:2015:651, punti 65 u 68).

398    Fir-raba’ lok, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni waslitx għall-evalwazzjoni li tgħid li l-pagamenti kkonċernati kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti sabiex takkwista ċ-chipsets LTE għall-iPhones u l-iPads li kellhom jiġu varati matul il-perijodu kkonċernat mingħajr ma qieset kif xieraq iċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha.

399    L-ewwel, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għall-mudelli tal-iPhones u tal-iPads varati qabel l‑2011, Apple kienet akkwistat chipsets UMTS mingħand Infineon, li l-attivitajiet tagħha ta’ provvista taċ-chipsets ġew akkwistati minn Intel fl‑2011 (premessi 89 u 90 tad-Deċiżjoni kkontestata). Bejn l‑2011 u l‑2015, u sas‑16 ta’ Settembru 2016, jiġifieri matul il-perijodu kkonċernat, Apple akkwistat iċ-chipsets LTE għall-iPhones u l-iPads esklużivament mingħand ir-rikorrenti (premessa 168 tad-Deċiżjoni kkontestata). Mill-iPhone 7, varat fis‑16 ta’ Settembru 2016, ’il quddiem, Apple inkorporat chipsets LTE ta’ Intel f’ċerti verżjonijiet ta’ dan il-mudell (premessi 91 u 169 tad-Deċiżjoni kkontestata).

400    It-tieni, kif tenfasizza r-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 322 tad-Deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tat-taqsima 10 ta’ din id-deċiżjoni dwar il-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonstatat li, bejn l‑2011 u l‑2015, “Apple ma kellhiex alternattiva biex taqdi l-ħtiġijiet tagħha ta’ chipsets LTE għall-apparat tal-iPhones”.

401    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx l-oriġini tal-konstatazzjoni magħmula fil-premessa 322 tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, in-nota ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 392 li hija marbuta magħha, fil-verżjoni tad-Deċiżjoni kkontestata nnotifikata lir-rikorrenti, tagħmel riferiment għal taqsima tad-Deċiżjoni kkontestata li ma teżistix (taqsima 0) u, fil-verżjoni pubblika tad-Deċiżjoni kkontestata, tagħmel riferiment, mingħajr l-ebda spjegazzjoni oħra, għas-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata. Madankollu, għandu jitfakkar li, kif ikkonfermat il-Kummissjoni bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, is-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax l-iPhones, iżda tikkonċerna biss ċerti mudelli ta’ iPads intiżi li jiġu varati fl‑2014 u fl‑2015 (punt 394 iktar ’il fuq). Issa, meta saritilha mistoqsija dwar dan waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li r-riferiment għat-taqsima 0, li jinsab fil-verżjoni tad-Deċiżjoni kkontestata nnotifikata lir-rikorrenti, kien irriżulta minn żball tekniku u li r-riferiment għas-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, li jinsab fil-verżjoni pubblika tad-Deċiżjoni kkontestata, kellu jinftiehem b’kuntrast, fis-sens li filwaqt li Apple ma kellhiex alternattiva għaċ-chipsets LTE tar-rikorrenti għall-iPhones li kellhom jiġu varati bejn l‑2011 u l‑2015 skont il-premessa 322 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija kellha alternattiva għal ċerti iPads varati fl‑2014 u fl‑2015 skont is-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata.

402    Min-naħa l-oħra, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 322 tal-imsemmija deċiżjoni tirreferi għan-nuqqas ta’ alternattiva teknika fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ Apple ta’ chipsets LTE għall-iPhones. Fil-fatt, fil-premessa 447 tad-Deċiżjoni kkontestata, billi bbażat ruħha fuq l-osservazzjonijiet ta’ Apple dwar it-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat li, għall-apparat li kellu jiġi varat fl‑2016, it-titjib ta’ Intel fit-“teknoloġiji ewlenin” għamilha possibbli li din tal-aħħar titqies għall-iPhones ukoll, u mhux biss għall-iPads. Bl-istess mod, fil-premessi 491, 492 u 495 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-ħtiġijiet ta’ Apple ta’ chipsets LTE għall-iPhones ma kinux ikkontestati bejn l‑2012 u l‑2015, billi enfasizzat b’mod partikolari l-fatt li ċ-chipsets LTE ta’ Intel ma kellhomx ċerti karatteristiċi tekniċi.

403    Bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta dwar il-fondatezza tal-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 322 tad-Deċiżjoni kkontestata, kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-rikorrenti kkonfermaw b’mod espliċitu, minn naħa, li l-imsemmija konstatazzjoni kellha effettivament tinftiehem bħala li tirreferi għal nuqqas ta’ alternattiva teknika fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ Apple taċ-chipsets LTE għall-iPhones li kellhom jiġu varati bejn l‑2011 u l‑2015 u, min-naħa l-oħra, li din il-konstatazzjoni kienet korretta mill-perspettiva fattwali.

404    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din it-tilwima, ma huwiex neċessarju li tiġi ddeterminata l-karatteristika teknika waħda, jew iktar, ikkonċernata mill-imsemmi nuqqas ta’ alternattiva għall-mudelli differenti ta’ iPhones li Apple kellha tvara bejn l‑2011 u l‑2015, u b’mod partikolari jekk kinitx tirrigwarda l-istandard “Code Division Multiple Access” (CDMA) imsemmi b’mod partikolari fid-dikjarazzjonijiet riprodotti fil-punt 2 tal-premessa 187 u fil-premessi 454 u 461 tad-Deċiżjoni kkontestata, it-teknoloġija “Voice over LTE” (VoLTE) imsemmija b’mod partikolari fid-dikjarazzjoni riprodotta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 586 tad-deċiżjoni kkkontestata li hija marbuta (permezz ta’ riferiment għan-nota ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 587) mal-premessa 447 ta’ din id-deċiżjoni, il-“konnettività tal-vuċi” jew tal-“funzjoni tal-vuċi” msemmija fid-dikjarazzjonijiet riprodotti fil-premessa 492 tad-Deċiżjoni kkontestata, jew karatteristiċi oħra.

405    Fil-fatt, hi x’inhi l-ispjegazzjoni teknika għall-konstatazzjoni fattwali magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 322 tad-Deċiżjoni kkontestata, huwa paċifiku bejn il-partijiet li Apple ma kellha l-ebda alternattiva teknika għaċ-chipsets LTE tar-rikorrenti fir-rigward tal-ħtiġijiet tagħha għall-iPhones li kellhom jiġu varati bejn l‑2011 u l‑2015.

406    Barra minn hekk, l-ebda element li jinsab fid-Deċiżjoni kkontestata ma jippermetti li jiġi kkunsidrat, minn naħa, li Apple kellha l-intenzjoni li takkwista, għall-iPhones li kellhom jiġu varati bejn l‑2011 u l‑2015, chipsets LTE li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi tagħha u, min-naħa l-oħra, li dan in-nuqqas ta’ alternattiva għall-iPhones, ikkonstatat fil-premessa 322 tad-Deċiżjoni kkontestata, kien irriżulta minn raġunijiet oħra li ma humiex tekniċi.

407    It-tielet, fil-premessi 491, 493 u 495 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li kienu biss madwar nofs il-ħtiġijiet ta’ Apple taċ-chipsets LTE għall-iPhones li kellhom jiġu varati fl‑2016 li kienu kkontestati. Għal dan il-għan, fil-premessa 493 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dikjarazzjoni ta’ Apple, li tinsab fl-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar it-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tindika li hija kienet f’pożizzjoni li takkwista mingħand Intel biss inqas minn nofs il-ħtiġijiet tagħha f’termini ta’ volum għall-iPhones li kellhom jiġu varati fl‑2016. Issa, l-elementi li jinsabu fid-Deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward jirreferu wkoll għal kunsiderazzjonijiet tekniċi. Fil-fatt, in-nota ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 586 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tirriproduċi l-osservazzjonijiet ta’ Apple dwar it-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tindika li Apple setgħet takkwista mingħand Intel biss il-“parti mingħajr CDMA” tal-ħtiġijiet tagħha taċ-chipsets LTE għall-iPhones li kellhom jiġu varati fl‑2016, li ssostni l-fatt li Apple ma setgħetx takkwista mingħand Intel il-parti CDMA tal-imsemmija ħtiġijiet.

408    Ir-raba’, skont l-istimi li jinsabu fid-Deċiżjoni kkontestata, l-iPhones kienu jirrappreżentaw madwar 90 % tal-bejgħ ta’ Apple ta’ apparat LTE matul il-perijodu kkonċernat, u għalhekk tal-ħtiġijiet tagħha ta’ chipsets LTE, filwaqt li l-iPads kienu jirrappreżentaw madwar 10 % tal-bejgħ ta’ Apple ta’ apparat LTE matul il-perijodu kkonċernat, u għalhekk tal-istess ħtiġijiet (ara l-premessa 421 tad-Deċiżjoni kkontestata).

409    Minn dan isegwi li, għal parti kbira ħafna tal-ħtiġijiet ta’ Apple ta’ chipsets LTE għall-apparat li kellu jiġi varat matul il-perijodu kkonċernat, jiġifieri l-iPhones kollha li kellhom jiġu varati bejn l‑2011 u l‑2015 u iktar minn nofs l-iPhones li kellhom jiġu varati fl‑2016, Apple ma kellhiex alternattiva teknika għaċ-chipsets LTE tar-rikorrenti u għalhekk ma setgħetx tirrikorri għal fornituri kompetituri.

410    Issa, il-fatt inkontestabbli li, fis-suq rilevanti, ma kienx hemm alternattiva teknika għaċ-chipsets LTE tar-rikorrenti għal parti kbira ħafna tal-ħtiġijiet ta’ Apple matul il-perijodu kkonċernat hija ċirkustanza fattwali rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni, peress li l-imsemmija kapaċità ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ħtiġijiet kollha ta’ Apple ta’ chipsets LTE u, b’mod partikolari, tat-tnaqqis tal-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti biex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħha.

411    Il-ħames, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-pagamenti kkonċernati setgħu jillimitaw il-kompetizzjoni sa fejn kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti sabiex takkwista chipsets LTE għad-domanda kollha tagħha għall-iPhones u l-iPads skont analiżi li fiha hija naqset milli tqis kif xieraq iċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha li jikkonċernaw l-aġir ikkonċernat.

412    Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni kkonstatat li Apple ma kellhiex alternattiva teknika għaċ-chipsets LTE tar-rikorrenti għall-iPhones kollha li kellhom jiġu varati bejn l‑2011 u l‑2015 u għal iktar min-nofs l-iPhones li kellhom jiġu varati fl‑2016, hija naqset milli torbot din iċ-ċirkustanza fattwali rilevanti, li timplika n-nuqqas ta’ kompetituri li setgħu jipprovdu lil Apple biċ-chipsets LTE għall-imsemmija iPhones, mal-allegat tnaqqis fl-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti biex takkwista chipsets li jissodisfaw il-ħtiġijiet kollha tagħha, inkluż għalhekk għall-iPhones, minkejja li dan l-apparat jirrappreżenta parti kbira ħafna mill-imsemmija ħtiġijiet.

413    Barra minn hekk, b’mod kontradittorju, fit-taqsima 11.5 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-imsemmija ċirkustanza sabiex twarrab l-analiżi tal-marġni kritiku tar-rikorrenti, minħabba li s-sehem ikkontestat tad-domanda ta’ Apple invokat mir-rikorrenti ma kienx qies il-fatt li Apple ma setgħetx tibdel il-fornitur taċ-chipsets LTE għall-iPhones li kellhom jiġu varati fl‑2012, fl‑2013, fl‑2014 u fl‑2015 u għal iktar min-nofs l-iPhones li kellhom jiġu varati fl‑2016 (premessa 491 u l-punt 2 tal-premessa 495 tad-Deċiżjoni kkontestata).

414    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn il-Kummissjoni ma qisitx il-fatt li Apple ma setgħetx tirrikorri għall-ebda fornitur ieħor sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tagħha għal parti kbira ħafna tad-domanda tagħha għal chipsets LTE (li jikkorrispondu għall-iPhones, bl-eċċezzjoni ta’ inqas minn nofs l-iPhones li kellhom jiġu varati fl‑2016), hija ma setgħetx tikkonkludi b’mod validu li l-pagamenti kkonċernati kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti għall-ħtiġijiet kollha tagħha li jkopru l-iPhones u l-iPads kollha li kellhom jiġu varati matul il-perijodu kkonċernat, u li dawn il-pagamenti setgħu għalhekk jillimitaw il-kompetizzjoni fis-suq rilevanti kollu taċ-chipsets LTE. Tabilħaqq, il-fatt – li ma ġiex meqjus kif xieraq fid-Deċiżjoni kkontestata – li Apple kienet akkwistat chipsets LTE mingħand ir-rikorrenti, u mhux mingħand il-kompetituri tar-rikorrenti, fid-dawl tan-nuqqas ta’ alternattivi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi tagħha stess, jista’ jaqa’ taħt il-kompetizzjoni fuq il-merti, u mhux taħt effett ta’ esklużjoni antikompetittiva li jirriżulta mill-pagamenti kkonċernati.

415    Ċertament, l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li jkollu l-għan li jsaħħaħ din il-pożizzjoni u li jabbuża minnha, b’mod partikolari meta dan ikun intiż sabiex iċaħħad lil kompetituri potenzjali minn aċċess effettiv għal suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 151). F’dan il-każ, fid-dawl tat-teorija tal-preġudizzju fformulata fid-Deċiżjoni kkontestata li hija bbażata fuq tnaqqis tal-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti għall-ħtiġijiet kollha tagħha ta’ chipsets LTE matul il-perijodu kkonċernat, il-Kummissjoni ma setgħetx tonqos milli tqis il-fatt li Apple, minħabba r-rekwiżiti tekniċi tagħha stess, ma setgħetx tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti għal parti kbira ħafna tad-domanda tagħha ta’ chipsets LTE matul l-imsemmi perijodu.

416    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma sostniet li l-aġir tar-rikorrenti kien eskluda lil kompetituri inqas effiċjenti minnha milli jiżviluppaw prodotti li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ Apple, iżda biss li l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti għall-ħtiġijiet kollha tagħha ta’ chipsets LTE kienu tnaqqsu. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 351 iktar ’il fuq, il-kompetizzjoni fuq il-merti tista’ twassal għall-għajbien mis-suq jew għall-marġinalizzazzjoni tal-kompetituri inqas effiċjenti u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi mill-perspettiva, b’mod partikolari, tal-prezzijiet, tal-għażla, tal-kwalità jew tal-innovazzjoni.

417    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni minħabba li kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti sabiex takkwista chipsets LTE għad-domanda kollha tagħha hija bbażata fuq analiżi li ma saritx b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha u li hija, għal din ir-raġuni, ivvizzjata b’illegalità.

418    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni.

419    L-ewwel, waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-premessa 421 tad-Deċiżjoni kkontestata sabiex issostni li din tesponi l-effett ta’ “ingranaġġ” li fuqu hija bbażata l-prova tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi. Essenzjalment, skont il-Kummissjoni, anki li kieku l-provvista tal-iPhones mill-kompetituri tar-rikorrenti ma kinitx teknikament possibbli, il-ftehimiet ikkonċernati jippermettu lir-rikorrenti tagħmel użu minn “ingranaġġ” fuq dan is-sehem mhux ikkontestat tad-domanda ta’ Apple relatat mal-iPhones sabiex teskludi lill-kompetituri mis-sehem ikkontestat tal-imsemmija domanda relatat mal-iPads u b’hekk teskludi lill-kompetituri milli jestendu u jikbru fis-suq.

420    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-argument tal-Kummissjoni ma jaqbilx mat-teorija ta’ preġudizzju esposta fid-Deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi fuq is-suq rilevanti kollu taċ-chipsets LTE minħabba li Apple kienet ġiet skoraġġuta milli takkwista mingħand il-kompetituri tar-rikorrenti l-ħtiġijiet kollha tagħha ta’ chipsets LTE għall-iPhones u l-iPads. Fi kliem ieħor, id-Deċiżjoni kkontestata tirrigwarda effett ta’ esklużjoni li jikkonċerna globalment u mingħajr distinzjoni ċ-chipsets LTE kemm għall-iPhones kif ukoll għall-iPads, u mhux effett ta’ esklużjoni limitat biss għall-akkwist ta’ Apple ta’ chipsets LTE għall-iPads. Barra minn hekk, minn naħa, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-ksur allegat fil-konfront tar-rikorrenti ġie ddefinit fir-rigward tad-domanda globali ta’ Apple għall-iPhones u għall-iPads u, min-naħa l-oħra, il-kunċett stess ta’ effett ta’ “ingranaġġ” eżerċitat mir-rikorrenti fir-rigward tal-apparat differenti ta’ Apple ma jidhirx fir-raġunament ippreżentat mill-Kummissjoni fit-taqsima 11.4 tad-Deċiżjoni kkontestata.

421    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li tagħmel parti mit-taqsima 11.4.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-premessa 421 ta’ din id-deċiżjoni hija intiża li twieġeb, flimkien mal-premessi 419 u 420 tal-istess deċiżjoni, argument ippreżentat mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva dwar il-possibbiltà tal-kompetituri tagħha li joffru lil Apple inċentivi identiċi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li t-teorija ta’ preġudizzju li fuqha hija bbażata l-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi hija esposta fl-imsemmija premessa. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, il-premessa 421 tad-Deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda indikazzjoni preċiża fuq il-fatt li r-rikorrenti, permezz tal-parti mhux ikkontestata tad-domanda ta’ Apple għal chipsets LTE, kisbet effett ta’ “ingranaġġ” fuq is-sehem ikkontestat ta’ din id-domanda.

422    Fl-aħħar nett, għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-premessa 421 tad-Deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq il-premessa li d-Deċiżjoni kkontestata turi l-kapaċità antikompetittiva tal-pagamenti kkonċernati b’rabta mal-iPads. Issa, minn naħa, kif ġie osservat fil-punt 391 iktar ’il fuq, fis-sottotaqsimiet 11.4.1, 11.4.3 u 11.4.4 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet analiżi globali tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi, mingħajr ma wettqet l-ebda analiżi speċifika fir-rigward tal-iPads. Min-naħa l-oħra, kif ġie osservat fil-punti 392 sa 394 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-iPads, fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha li teżamina l-allegati effetti reali tal-pagamenti kkonċernati b’rabta mal-mudelli mingħajr CDMA tal-iPads li kellhom jiġu varati fl‑2014 u fl‑2015, analiżi li hija msemmija fit-tieni u t-tielet ilment eżaminati iktar ’il quddiem.

423    It-tieni, kif ġie rrilevat fil-punt 375 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-elementi msemmija fil-premessa 411 tad-Deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 383 iktar ’il fuq sabiex turi li hija ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ inkwistjoni.

424    Minn naħa, sa fejn il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-pagamenti kkonċernati msemmija fit-taqsima 11.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, fl-imsemmija taqsima, hija llimitat ruħha li tikkonkludi li l-pagamenti kkonċernati kienu pagamenti ta’ esklużività, u li l-analiżi tal-allegata kapaċità ta’ dawn il-pagamenti li jipproduċu effetti antikompetittivi kienet tinsab fit-taqsima 11.4 ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-kategorizzazzjoni tal-pagamenti kkonċernati bħala pagamenti ta’ esklużività ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dawn il-pagamenti kienu jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 354 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-oġġezzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kienet obbligata twettaq analiżi tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi u, b’mod partikolari, tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs ir-rikorrenti.

425    Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-Kummissjoni ġustament tenfasizza, essenzjalment, li l-elementi msemmija fil-punt 383 iktar ’il fuq ma għandhomx jiġu injorati, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija elementi, filwaqt li huma elementi li jistgħu jkunu rilevanti fl-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ aġir li jipproduċi effetti antikompetittivi, ma jurux, min-natura tagħhom, f’dan il-każ, effett antikompetittiv u, b’mod partikolari, ta’ esklużjoni. Dan japplika wkoll għall-portata tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti (imsemmija fit-taqsima 10 tad-Deċiżjoni kkontestata), għat-tul u għall-ammont tal-pagamenti kkonċernati (imsemmija fis-sottotaqsima 11.4.1 u fit-taqsima 11.8 tad-Deċiżjoni kkontestata), għas-sehem mis-suq kopert minn dawn il-pagamenti (imsemmi fis-sottotaqsima 11.4.3 tad-Deċiżjoni kkontestata) u għall-importanza ta’ Apple bħala klijent (imsemmija fis-sottotaqsima 11.4.4 tad-Deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, l-invokazzjoni tal-imsemmija elementi ma tistax tikkontesta l-fatt li, f’dan il-każ, il-wiri mill-Kummissjoni tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi, fir-rigward b’mod partikolari tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri mill-inqas effiċjenti daqs ir-rikorrenti li hija inerenti għall-prattika inkwistjoni, ma sarx fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha tal-aġir ikkritikat fir-rigward tal-allegat tnaqqis tal-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti għall-ħtiġijiet kollha tagħha ta’ chipsets LTE għall-iPhones u għall-iPads.

426    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata u kif il-Kummissjoni indikat b’mod espliċitu quddiem il-Qorti Ġenerali, f’din l-istess deċiżjoni, hija ma bbażatx ruħha fuq mudell ekonomiku, bħal test ta’ kompetitur effiċjenti daqs ir-rikorrenti, sabiex tikkonkludi li l-pagamenti kkonċernati kienu kapaċi jipproduċu effetti antikompetittivi u, fit-taqsima 11.5 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija llimitat ruħha li tindika li l-analiżi tal-marġni kritiku ppreżentata mir-rikorrenti ma kinitx tikkontesta l-konklużjonijiet tagħha.

427    It-tielet, l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-premessi 426, 464 u 486 tad-Deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, il-premessi 426 u 464, relatati mas-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, jikkonċernaw biss ċerti mudelli ta’ iPads li kellhom jiġu varati fl‑2014 u fl‑2015 u għalhekk ma jistgħux jikkontestaw il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 409 iktar ’il fuq b’rabta mal-iPhones. Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, il-konklużjoni li tinsab fil-premessa 486 tad-Deċiżjoni kkontestata lanqas ma tista’ tikkontesta l-imsemmija konstatazzjonijiet.

428    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-ewwel ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv tar-rikors għandu jintlaqa’.

3.      Fuq it-tieni u t-tielet ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ prova li l-ftehimiet ikkonċernati influwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ akkwist ta’ Apple għall-iPads “tal2014” u “tal2015”

429    It-tieni u t-tielet ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv huma intiżi li jikkontestaw il-prova li tinsab fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata.

430    Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 424 u 451 tad-Deċiżjoni kkontestata, billi ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata ma tipprovax, fir-rigward tal-ewwel premessa, li l-ftehimiet ikkonċernati kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għal fornituri kompetituri għall-“apparat varat fl‑2014 u fl‑2015” jew, fir-rigward tat-tieni premessa, li dawn kellhom impatt fuq l-istrateġija ta’ akkwist ta’ Apple għall-“apparat li kellu jiġi varat fl‑2014 u fl‑2015”.

431    Minn naħa, fir-rigward tal-iPads “tal‑2014”, ir-rikorrenti ssostni, qabelxejn, li d-Deċiżjoni kkontestata ma fihiex prova li Apple kellha l-intenzjoni li tuża ċ-chipsets ta’ Intel fl-iPads “effettivament varati f’Ottubru 2014”. Sussegwentement, il-Kummissjoni tagħmel riferiment diversi drabi għal mudell tal-iPad li Apple “[kunfidenzjali]”, imsejjaħ “[kunfidenzjali]” iżda ma turix li l-ftehimiet ikkonċernati kienu influwenzaw id-deċiżjoni ta’ akkwist ta’ Apple għal dan il-mudell. Issa, Apple qatt ma kienet ikkunsidrat b’mod serju li tuża ċ-chipsets ta’ Intel għal dan il-mudell, iżda pjuttost irrealizzat li ċ-chipset ta’ Intel ma setgħetx tintuża, kif huwa kkonfermat mir-rapport prodott mir-rikorrenti bħala anness mat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl-aħħar nett, kien in-nuqqas ta’ kapaċità taċ-chipsets ta’ Intel li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi u l-iskeda ta’ Apple li jispjega għaliex dawn ma ntużawx fl-iPads “tal‑2014”.

432    Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li hija kienet taf bl-apparat li għalih Apple kienet ikkunsidrat akkwist mingħand Intel hija ineżatta. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda analiżi dwar l-għażla tal-fornitur għall-mudell “[kunfidenzjali]” u ma tistabbilixxix rabta kawżali bejn l-ewwel emenda għall-ftehim ta’ tranżizzjoni u d-deċiżjoni li tintuża chipset tar-rikorrenti għall-mudell “[kunfidenzjali]”.

433    Il-Kummissjoni tirrileva, qabelxejn, li d-Deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-apparat “li kellu jiġi varat fl‑2014”, u mhux dak li “fil-fatt ġie varat”. Ir-rikorrenti kienet perfettament konxja tal-apparat li għalih Apple kienet ikkunsidrat akkwist mingħand Intel. Apple kienet ikkonfermat ukoll li hija ppruvat tiddiversifika l-akkwist tagħha. Sussegwentement, fir-rigward tal-mudell “[kunfidenzjali]”, il-Kummissjoni tenfasizza li l-premessi 428 sa 435 tad-Deċiżjoni kkontestata juru l-influwenza tal-ftehimiet ikkonċernati. Barra minn hekk, in-negozjati bejn ir-rikorrenti u Apple dwar l-ewwel emenda għall-ftehim ta’ tranżizzjoni influwenzaw id-deċiżjoni ta’ xiri ta’ Apple meħuda fil-bidu tas-sena 2013. Il-ftehim ta’ tranżizzjoni fi kwalunkwe każ kien biżżejjed sabiex jinfluwenza lil Apple, li kienet qiegħda tikkunsidra li tintroduċi lil Intel għal parti mill-iPads li kellhom jiġu varati fl‑2014. Barra minn hekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li Apple qatt ma kkunsidrat b’mod serju li tuża ċ-chipsets ta’ Intel fil-mudell “[kunfidenzjali]” ma hijiex issostanzjata. Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rapport ippreżentat mir-rikorrenti bħala anness mat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għat-tweġiba mogħtija minn Apple f’dan ir-rigward fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

434    Il-Kummissjoni żżid tgħid li Apple kienet iddeċidiet li [kunfidenzjali] u li din id-deċiżjoni kienet influwenzata min-negozjati tal-ewwel emenda għall-ftehim ta’ tranżizzjoni u mit-telf tal-pagamenti kkonċernati li jirriżultaw mill-ftehim ta’ tranżizzjoni. Id-dokumenti ta’ Apple juru li l-pagamenti kkonċernati fir-realtà influwenzaw id-deċiżjoni ta’ xiri ta’ chipsets LTE għall-“iPads li hija kellha l-intenzjoni li tvara fl-2014”.

435    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-iPads “tal‑2015”, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni ma tagħmilx riferiment għall-mudelli tal-iPads “varati” fir-rebbiegħa jew f’Settembru u f’Novembru 2015, u lanqas għal dawk li “l-varar tagħhom kien ippjanat għar-rebbiegħa tal‑2015”, iżda ssemmi mudell indeterminat “li kellu jiġi varat fil-ħarifa tal‑2015”. Sabiex issostni l-affermazzjoni li ċ-chipsets ta’ Intel kienu ġew ikkunsidrati bis-serjetà, id-Deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq messaġġ tal-posta elettronika wieħed mingħand inġinier ta’ Apple li l-Kummissjoni għawġet il-kliem tiegħu. Il-fajl ma jinkludi l-ebda prova, b’mod partikolari mingħand impjegati ta’ Apple li effettivament kienu ħadu d-deċiżjonijiet ta’ xiri taċ-chipsets, li juru li ċ-chipset ta’ Intel tassew kienet għażla. Barra minn hekk, l-elementi tal-fajl juru li ċ-chipsets ta’ Intel ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi u tal-iskeda ta’ Apple.

436    Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-Kummissjoni interpretat id-dokumenti interni ta’ Apple għall-ewwel darba fir-risposta.

437    Il-Kummissjoni tirrileva, fir-rigward tal-effetti reali tal-pagamenti kkonċernati fuq ix-xiri taċ-chipsets, li l-messaġġi tal-posta elettronika interna ta’ Apple juru l-interess ta’ Apple li tqabbad fornitur ieħor. Sussegwentement, il-messaġġ tal-posta elettronika mingħand inġinier ta’ Apple msemmi fil-premessa 436 tad-Deċiżjoni kkontestata ma fih l-ebda inċertezza dwar iċ-chipset ta’ Intel, ħaġa kkonfermata mill-messaġġ tal-posta elettronika mingħand impjegat ieħor ta’ Apple. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-premessa 437 tad-Deċiżjoni kkontestata li tinkludi d-dikjarazzjoni ta’ impjegat ta’ Apple li jikklassifika bħala insostenibbli, mill-perspettiva kummerċjali, it-tranżizzjoni għal chipset ta’ Intel fid-dawl tal-pagamenti kkonċernati kif ukoll għal dikjarazzjoni li tinsab fl-osservazzjonijiet ta’ Apple dwar it-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-argumenti tar-rikorrenti dwar l-iskeda taċ-chipsets ta’ Intel huma għalhekk irrilevanti u, fi kwalunkwe każ, żbaljati.

438    Il-Kummissjoni żżid tgħid li r-rapport prodott mir-rikorrenti bħala anness mat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa bbażat fuq testijiet imwettqa fuq chipsets użati fl-apparat ta’ fabbrikanti oħra u li l-konklużjonijiet tiegħu għalhekk ma humiex sorprendenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tonqos milli tispjega kif l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-messaġġ tal-posta elettronika mingħand impjegat ta’ Apple msemmi fil-premessa 437 tad-Deċiżjoni kkontestata hija ineżatta u ma tikkontestax id-dikjarazzjoni ta’ Apple invokata fir-risposta. Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrenti huma kkontestati mill-provi tagħha stess fil-kuntest tal-proċedura tal-FTC.

a)      Osservazzjonijiet preliminari

439    Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 392 sa 394 iktar ’il fuq, is-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata hija intiża sabiex turi li, skont il-Kummissjoni, id-dokumenti interni u l-ispjegazzjonijiet ta’ Apple jikkonfermaw li l-pagamenti kkonċernati fir-realtà kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti għall-akkwist ta’ chipsets LTE speċifikament fir-rigward tal-ħtiġijiet tagħha għal ċertu apparat tagħha. Kif ikkonfermat b’mod espliċitu l-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, dan il-wiri jikkonċerna l-“effetti reali” tal-pagamenti kkonċernati fir-rigward ta’ dan l-apparat.

440    Fi kliem ieħor, l-imsemmija sottotaqsima hija intiża sabiex tikkonferma l-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi billi turi l-effetti reali tagħhom fir-rigward ta’ ċertu apparat.

441    B’mod partikolari, fir-rigward tad-domanda ta’ Apple msemmija fl-analiżi tal-Kummissjoni li tinsab fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li din is-sottotaqsima tagħmel riferiment biss għall-allegati effetti reali prodotti mill-pagamenti kkonċernati fir-rigward ta’ ċerti verżjonijiet mingħajr CDMA ta’ ċerti mudelli ta’ iPads “varati” jew “li kellhom jiġu varati” fl‑2014 u fl‑2015. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija sottotaqsima ma ssemmix iPads oħra “varati” jew “li kellhom jiġu varati” matul il-perijodu kkonċernat.

442    Issa, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li tali wiri partikolari tal-allegati effetti reali tal-pagamenti kkonċernati, li jillimita ruħu għal ċerti verżjonijiet tal-mudelli tal-iPads tal‑2014 u tal‑2015, ma jistax jirrimedja n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali kollha rilevanti fil-kuntest tal-wiri ġenerali mill-Kummissjoni, li ġie eżaminat fl-eżami tal-ewwel ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv, tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi matul il-perijodu kkonċernat fir-rigward tal-ħtiġijiet kollha ta’ Apple ta’ chipsets LTE, kemm għall-iPhones kif ukoll għall-iPads.

443    Fi kliem ieħor, anki jekk jiġi preżunt li t-tieni u t-tielet ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv tar-rikors ma humiex fondati u li l-analiżi li tinsab fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex b’hekk ikkontestata, l-imsemmija sottotaqsima, fid-dawl tal-portata limitata tagħha għal ċerti iPads tal‑2014 u tal‑2015, ma tistax issostni b’mod validu l-konklużjoni adottata fid-Deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-natura antikompetittiva tal-pagamenti kkonċernati matul il-perijodu kkonċernat kollu b’rabta mal-ħtiġijiet kollha ta’ Apple ta’ chipsets LTE, kemm għall-iPhones kif ukoll għall-iPads.

444    Huwa għalhekk għall-finijiet ta’ kompletezza li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-imsemmija sottotaqsima u għalhekk jekk, kif tikkontesta r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wrietx kif xieraq l-effetti reali prodotti mill-pagamenti kkonċernati fuq l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti għall-mudelli tal-iPads imsemmija f’din is-sottotaqsima.

445    F’dan il-każ, it-tieni u t-tielet ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv huma t-tnejn maqsuma, essenzjalment, fi tliet ilmenti sekondarji, li l-ewwel wieħed jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-apparat eżaminat fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, it-tieni wieħed, il-provi meqjusa mill-Kummissjoni fl-imsemmija sottotaqsima u, it-tielet wieħed, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi rilevanti oħra.

446    Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandu jiġi eżaminat, qabelxejn, l-ewwel ilment sekondarju, imbagħad, it-tielet ilment sekondarju u, fl-aħħar nett, it-tieni lment sekondarju, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 357 sa 359 iktar ’il fuq.

b)      Fuq l-ewwel ilment sekondarju, dwar l-apparat imsemmi fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata

447    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni, preliminarjament, li l-Kummissjoni ma speċifikatx liema huwa l-apparat li huwa kopert mill-analiżi tagħha. Dan l-ilment huwa marbut mal-ewwel ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv, li fil-kuntest tiegħu r-rikorrenti indikat li r-raġunament tal-Kummissjoni ma kienx preċiż, sa fejn kien jirreferi b’mod ġenerali għal “apparat” u jsemmi b’mod żbaljat “l-iPad [kunfidenzjali]” bħala l-“[kunfidenzjali]”.

448    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li s-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata hija maqsuma f’erba’ sottosottotaqsimiet: l-ewwel waħda (11.4.2.1) fiha l-analiżi tad-dokumenti interni u l-ispjegazzjonijiet ta’ Apple li wasslu sabiex il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pagamenti kkonċernati fir-realtà kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għal fornituri kompetituri, filwaqt li l-aħħar tlieta (11.4.2.2, 11.4.2.3 u 11.4.2.4), essenzjalment, jillimitaw ruħhom li jwieġbu argumenti tar-rikorrenti li ma jaffettwawx l-imsemmija konklużjoni (ara l-premessa 423 tad-Deċiżjoni kkontestata u l-punt 387 iktar ’il fuq).

449    Qabelxejn, fir-rigward tas-sottosottotaqsima 11.4.2.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, din tinkludi l-premessi 424 sa 439 ta’ dik id-deċiżjoni u, kif jirriżulta mill-premessa 424, hija intiża li turi li l-pagamenti kkonċernati naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti, b’mod partikolari Intel, li ċ-chipsets tagħha kienu ġew evalwati bis-serjetà minn Apple sabiex jintużaw fl-“apparat varat fl‑2014 u fl‑2015”.

450    Issa, fil-parti prinċipali ta’ din is-sottosottotaqsima, il-Kummissjoni ma tibqax tagħmel riferiment għal tali apparat iżda pjuttost għall-provi li jirreferu għall-“mudelli ta’ iPads mingħajr CDMA” (premessa 425 tad-Deċiżjoni kkontestata), għall-“varar fl‑2014 ta’ verżjonijiet mingħajr CDMA ta’ iPads” (premessa 426 tad-Deċiżjoni kkontestata), għal “apparat mobbli tal‑2014” (premessa 427 tad-Deċiżjoni kkontestata), għal “[kunfidenzjali]” u “[kunfidenzjali]” (premessa 428 tad-Deċiżjoni kkontestata), għal “uħud mill-iPads tagħha fl‑2014” u għas-“sett kollu ta’ iPads ċellulari tagħha fl‑2015” (premessa 430 tad-Deċiżjoni kkontestata), għall-“mudelli tal-iPads tal‑2014 u tal‑2015” kif ukoll għall-“mudell tal-iPhone tal‑2015” (premessa 431 tad-Deċiżjoni kkontestata), għal “[kunfidenzjali] li inizjalment kien ippjanat li jiġi varat fir-rebbiegħa tal‑2014” u “fl-aħħar mill-aħħar ġie varat fil-ħarifa tal‑2013” (premessa 433 n-nota ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 588 tad-Deċiżjoni kkontestata), għall-“apparat mobbli tal‑2014 u tal‑2015” (premessa 435 tad-Deċiżjoni kkontestata), għall-“mudell tal-iPad tal-ħarifa tal‑2015” (premessa 436 tad-Deċiżjoni kkontestata), għall-“varar ta’ iPad […] fl‑2015” (premessa 437 tad-Deċiżjoni kkontestata), għall-“ħtiġijiet ta’ Apple ta’ chipsets mingħajr CDMA” (premessa 438 tad-Deċiżjoni kkontestata) u għall-“mudelli tal-apparat tal‑2015” kif ukoll għas-“sett ta’ apparat mobbli tal-ħarifa tal‑2015” (premessa 439 tad-Deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkategorizzat b’mod differenti l-apparat u l-perijodi msemmija mill-provi invokati.

451    Sussegwentement, fir-rigward tas-sottosottotaqsimiet 11.4.2.2 u 11.4.2.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, dawn huma intiżi sabiex iwieġbu l-argumenti tar-rikorrenti intiżi, minn naħa, li jikkontestaw l-affidabbiltà tad-dokumenti interni u tal-ispjegazzjonijiet ta’ Apple u, min-naħa l-oħra, li jsostnu li l-esklużività kienet intalbet minn Apple.

452    Issa, fil-kuntest tal-ewwel waħda mill-imsemmija sottosottotaqsimiet, il-Kummissjoni għamlet riferiment kemm għall-“apparat varat fl‑2014 u fl‑2015” (premessa 442 tad-Deċiżjoni kkontestata) kif ukoll għall-“apparat li kellu jiġi varat fl‑2014” (premessa 445 tad-Deċiżjoni kkontestata), u, f’sentenza waħda, għall-“apparat li kellu jiġi varat fl‑2015” u għall-“apparat varat fl‑2015” (premessa 446 tad-Deċiżjoni kkontestata).

453    Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sottosottotaqsima 11.4.2.4 tad-Deċiżjoni kkontestata, li twieġeb l-argumenti tar-rikorrenti li Apple fi kwalunkwe każ għażlet li takkwista dak li kienet teħtieġ mingħand ir-rikorrenti fid-dawl tas-superjorità taċ-chipsets tagħha (premessa 423 tad-Deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-pagamenti kkonċernati kellhom impatt fuq l-istrateġija tal-akkwist ta’ Apple għall-“apparat li kellu jiġi varat fl‑2014 u fl‑2015” (premessa 451 tad-Deċiżjoni kkontestata).

454    Issa, għalkemm fil-parti prinċipali ta’ din is-sottosottotaqsima, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-“apparat li kellu jiġi varat fl‑2014 u fl‑2015” (premessa 455 tad-Deċiżjoni kkontestata) u għall-“iPads li kellhom jiġu varati fl‑2014 u fl‑2015” (premessa 464 tad-Deċiżjoni kkontestata), hija għamlet riferiment diversi drabi għall-“apparat varat fl‑2014 u fl‑2015” (premessi 456 sa 458, 462 u 463 tad-Deċiżjoni kkontestata) kif ukoll għall-“verżjoni mingħajr CDMA tal-iPhone 4 li ġiet varata fi Frar 2011” (premessa 460 tad-Deċiżjoni kkontestata) u għal “[kunfidenzjali]” (premessa 465 tad-Deċiżjoni kkontestata).

455    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żviluppat raġunament globali li jikkonċerna u li jittratta flimkien, kultant “apparat” u kultant iPads, identifikati b’mod varjat partikolarment bħala dawk “tal‑2014 u tal‑2015”, dawk “varat[i] fl‑2014 u fl‑2015” jew dawk “li kellhom jiġu varati fl‑2014 u fl‑2015”, mingħajr ma ppreċiżat il-portata ta’ dawn l-espressjonijiet u mingħajr ma spjegat ir-relazzjonijiet bejniethom.

456    B’mod partikolari, fil-premessa 424 tad-Deċiżjoni kkontestata, filwaqt li ppreżentat il-konklużjoni bbażata fuq is-sottosottotaqsima 11.4.2.1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-apparat “varat” fl‑2014 u fl‑2015, filwaqt li, fil-premessa 451 tal-istess deċiżjoni, filwaqt li ppreżentat il-konklużjoni bbażata fuq is-sottosottotaqsima 11.4.2.4 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-apparat “li kellu jiġi varat” fl‑2014 u fl‑2015. Madankollu, fil-parti prinċipali ta’ kull waħda mill-imsemmija sottosottotaqsimiet, il-Kummissjoni għamlet riferiment ukoll għal apparat ieħor, li l-formulazzjoni tiegħu ma tikkorrispondix għall-apparat imsemmi fid-dimostrazzjoni tagħha.

457    Ċertament, fir-risposta u bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-wiri tal-effetti reali prodotti mill-pagamenti kkonċernati, fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, mhux biss ma kienx jikkonċerna l-iPhones, iżda kien jikkonċerna biss ċerti mudelli ta’ iPads “mingħajr CDMA” li “kellhom jiġu varati” fl‑2014 u fl‑2015, u mhux l-iPads li fil-fatt ġew “varati” fl‑2014 u fl‑2015, bil-Kummissjoni barra minn hekk tesprimi li jiddispjaċieha għal kwalunkwe fehim ħażin li rriżulta minn dan l-“iżball tal-pinna”.

458    Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, l-identifikazzjoni żbaljata tal-apparat kopert mill-wiri tal-effetti reali tal-pagamenti kkonċernati ma tistax titqies bħala sempliċiment “żball tal-pinna”. Għalhekk, b’mod partikolari, il-mudell [kunfidenzjali] identifikat permezz tal-kodiċi “[kunfidenzjali]” imsemmi fil-premessi 433 u 465 tad-Deċiżjoni kkontestata jikkorrispondi, mill-perspettiva kummerċjali, għall-mudell imsejjaħ “[kunfidenzjali]” u dan il-mudell, kif tenfasizza l-Kummissjoni stess fid-Deċiżjoni kkontestata, ġie “varat” fil-ħarifa tal‑2013. Issa, sa fejn l-imsemmi mudell ġie “varat” fl‑2013, huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ wiri, bħalma hemm fis-sottosottotaqsima 11.4.2.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, intiż li jeżamina l-effetti reali tal-pagamenti kkonċernati fuq il-mudelli “varati” fl‑2014 u fl‑2015.

459    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE jirrigwarda l-att ikkontestat u mhux il-kontenut tan-noti ppreżentati mill-konvenut quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni, C‑123/16 P, EU:C:2018:590, punt 85).

460    Barra minn hekk, f’dan l-aħħar rigward, l-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet taf bl-apparat li għalih Apple kellha l-intenzjoni li takkwista dak li teħtieġ mingħand Intel huwa irrilevanti, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 459 iktar ’il fuq, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali jirrigwarda l-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fir-rigward tal-espressjonijiet użati fid-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kellha tikkontesta r-raġunament tal-Kummissjoni kemm f’dak li jirrigwarda l-apparat “varat” kif ukoll dak “li kellu jiġi varat” (punt 430 iktar ’il fuq).

461    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni f’dan ir-rigward fid-Deċiżjoni kkontestata, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina a posteriori l-apparat li tirreferi għalih kull waħda mill-espressjonijiet użati mill-Kummissjoni f’kull premessa tas-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata.

462    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni insostenn tal-konklużjonijiet tagħha fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata ma humiex konsistenti, kemm bejniethom stess kif ukoll fir-rigward tal-konklużjonijiet intiżi li jsostnu fil-kuntest tas-sottosottotaqsimiet 11.4.2.1, 11.4.2.2 u 11.4.2.4 tal-imsemmija deċiżjoni, fatt li barra minn hekk jaffettwa l-koerenza interna tas-sottotaqsima 11.4.2 ta’ din id-deċiżjoni.

463    Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata ta’ effetti antikompetittivi prodotti fir-realtà mill-pagamenti kkonċernati, jiġifieri li fir-realtà kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-fornituri kompetituri taċ-chipsets LTE għal ċertu apparat, hija vvizzjata b’nuqqas ta’ konsistenza tal-provi li fuqhom hija bbażat ruħha insostenn tat-talbiet tagħha.

c)      Fuq it-tielet ilment sekondarju, dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti provi rilevanti fil-kuntest tal-wiri fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata

464    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li ċ-chipsets ta’ Intel ma kinux intgħażlu minn Apple minħabba li ma kinux kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tekniċi u tal-iskeda ta’ Apple għal dan l-apparat, u mhux minħabba l-pagamenti kkonċernati, fatt li l-Kummissjoni ma qisitx.

465    F’dan ir-rigward, filwaqt li d-Deċiżjoni kkontestata diġà ssofri min-nuqqas ta’ konsistenza nnotat fil-kuntest tal-ewwel ilment sekondarju (ara l-punt 463 iktar ’il fuq), għandu jiġi vverifikat jekk, barra minn hekk, il-Kummissjoni fl-analiżi tagħha qisitx il-fatturi rilevanti kollha li kellhom jiġu kkunsidrati. Għal dan il-għan, l-analiżi għandha titkompla billi jiġi preżunt li, kif indikat il-Kummissjoni fir-risposta u waqt is-seduta, l-apparat kopert mill-imsemmija analiżi huwa l-verżjonijiet “mingħajr CDMA” tal-mudell “[kunfidenzjali]” (jew “[kunfidenzjali]”) għall‑2014 u l-mudelli “[kunfidenzjali]” u “[kunfidenzjali]” għall‑2015 (iktar ’il quddiem il-“mudelli allegatament ikkonċernati”), mingħajr ma hemm lok li tiġi indirizzata iktar il-kwistjoni ta’ jekk dan l-apparat huwiex identifikat b’mod mhux ċar u inekwivoku fid-Deċiżjoni kkontestata.

466    Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni ta’ jekk iċ-chipsets LTE tal-kompetituri tar-rikorrenti setgħux fir-realtà jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi u tal-iskeda ta’ Apple għall-mudelli allegatament ikkonċernati hija, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, element rilevanti li għandu jitqies waqt l-analiżi tal-effetti reali prodotti mill-pagamenti kkonċernati fuq id-deċiżjonijiet ta’ akkwist ta’ Apple għall-ħtiġijiet tagħha ta’ chipsets LTE għall-mudelli allegatament ikkonċernati. Fil-fatt, jekk, kif issostni r-rikorrenti, Apple ma kellhiex alternattiva teknika jew li tikkonforma mal-iskeda għaċ-chipsets LTE tar-rikorrenti għall-mudelli allegatament ikkonċernati, tali ċirkustanza neċessarjament kellha impatt fuq id-deċiżjonijiet ta’ akkwist tagħha għal dawn il-mudelli u għalhekk fuq l-effetti possibbli li l-pagamenti kkonċernati seta’ kellhom fuq tali deċiżjonijiet.

467    Issa, il-provi invokati mir-rikorrenti jqajmu dubji f’dan ir-rigward.

468    L-ewwel, fir-rigward tal-mudell allegatament ikkonċernat li kellu “jiġi varat” fl‑2014, identifikat bil-kodiċi “[kunfidenzjali]”, kif tenfasizza r-rikorrenti, mill-elementi prodotti fid-dibattiti jirriżulta li l-iżvilupp taċ-chipset ta’ Intel ([kunfidenzjali]) li Apple kienet ikkunsidrat sabiex possibbilment tużaha fil-mudell “[kunfidenzjali]” kien [kunfidenzjali].

469    B’mod partikolari, il-preżentazzjoni interna ta’ Apple tal-[kunfidenzjali], imsemmija mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 612 tad-Deċiżjoni kkontestata relatata mal-premessa 464 ta’ din id-deċiżjoni, issemmi [kunfidenzjali].

470    Il-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019 jikkorroboraw dawn il-konstatazzjonijiet. Fil-fatt, messaġġ tal-posta elettronika interna ta’ Apple tal-[kunfidenzjali] jindika, fir-rigward tal-użu taċ-chipset [kunfidenzjali] għall-iPad ippjanat għal [kunfidenzjali], jiġifieri l-mudell “[kunfidenzjali]”, li [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali]. Messaġġ ieħor tal-posta elettronika interna ta’ Apple tal-[kunfidenzjali] juri li din iċ-chipset kienet [kunfidenzjali] u li, jekk [kunfidenzjali].

471    Barra minn hekk, sa fejn Apple kienet ippjanat li fl‑2014 tvara mudelli ta’ iPads oħra minbarra l-mudell “[kunfidenzjali]”, għandu jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, id-dokumenti fil-fajl juru li ċ-chipsets tal-kompetituri tar-rikorrenti ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi u tal-iskeda ta’ Apple. Għalhekk, it-tabella intitolata [kunfidenzjali] li tikkonċerna l‑2014, li kienet annessa ma’ messaġġ tal-posta elettronika interna ta’ Apple tal-[kunfidenzjali], turi li ċ-chipsets tal-kompetituri tar-rikorrenti, u b’mod partikolari dawk ta’ Intel, ma kinux josservaw kompletament il-ħtiġijiet tekniċi jew tal-iskeda ta’ Apple, kif jirriżulta minn [kunfidenzjali].

472    B’mod partikolari, kif barra minn hekk ikkonfermat il-Kummissjoni bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, iċ-chipset ta’ Intel li kienet ġiet ikkunsidrata għall-mudell “[kunfidenzjali]” [kunfidenzjali] kienet tissodisfa “parzjalment” il-“ħtiġijiet ta’ Apple”, bil-karatteristika nieqsa tirrelata man-nuqqas tat-teknoloġija [kunfidenzjali]. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li messaġġ tal-posta elettronika interna ta’ Apple tal-[kunfidenzjali], li s-suġġett tiegħu kien [kunfidenzjali], jindika, essenzjalment, li [kunfidenzjali], li, madankollu, [kunfidenzjali] u li, f’dan il-kuntest ġdid, [kunfidenzjali]. F’din il-perspettiva, messaġġ tal-posta elettronika interna ta’ Apple tal-[kunfidenzjali] isemmi [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, is-sinjifikat tal-imsemmija teknoloġija għall-iPads l-oħra li Apple kienet ippjanat li tvara fl‑2014 ma jistax jiġi kkontestat mill-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet tal-impjegati ta’ Apple dwar il-mudell “[kunfidenzjali]” jew relatati mas-sitwazzjoni prevalenti meta l-imsemmija teknoloġija ma kinitx kisbet importanza, peress li tali argumenti huma irrilevanti.

473    It-tieni, fir-rigward tal-mudelli allegatament ikkonċernati li kellhom “jiġu varati” fl‑2015, kif tenfasizza r-rikorrenti, mid-dokumenti fil-fajl jirriżulta li ċ-chipsets tal-kompetituri tar-rikorrenti, u b’mod partikolari ċ-chipsets ta’ Intel, li Apple kienet ikkunsidrat sabiex possibbilment tużahom fl-iPads li kienet ippjanat li tvara fl‑2015 ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi u tal-iskeda ta’ Apple.

474    Minn naħa, ir-rikorrenti invokat it-tabella intitolata [kunfidenzjali] li tikkonċerna l‑2015 annessa ma’ messaġġ tal-posta elettronika interna ta’ Apple tal-[kunfidenzjali]. Din it-tabella turi li ċ-chipsets ta’ Intel ma kinux jissodisfaw kompletament il-ħtiġijiet tekniċi u tal-iskeda ta’ Apple, kif jirriżulta minn [kunfidenzjali].

475    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, fl-iskambju ta’ messaġġi tal-posta elettronika interna ta’ Apple fit‑18 ta’ Frar 2014, li sar wara l-messaġġ tal-posta elettronika interna ta’ Apple msemmi fil-premessa 436 tad-Deċiżjoni kkontestata u li l-kontenut tiegħu ġie żvelat fil-kuntest tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, żewġ inġiniera ta’ Apple indikaw li ċ-chipset ta’ Intel ikkunsidrata għal iPad li kellu jiġi varat fil-ħarifa tal‑2015 ma “kinitx verament” ekwivalenti f’termini ta’ funzjonijiet maċ-chipset tar-rikorrenti. Issa, għandu jiġi osservat li dawn iż-żewġ inġiniera ppreċiżaw li din id-differenza kienet tirriżulta min-nuqqas, fiċ-chipset ta’ Intel, tat-teknoloġija [kunfidenzjali], teknoloġija kkunsidrata bħala [kunfidenzjali].

476    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li diversi elementi fattwali li kienu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, ikkonfermati barra minn hekk mill-elementi ppreżentati fid-dibattiti, iqajmu dubji dwar il-kapaċità taċ-chipsets ta’ Intel, jew tal-kompetituri l-oħra tar-rikorrenti, li jissodisfaw il-ħtiġijiet tekniċi u tal-iskeda ta’ Apple għall-mudelli allegatament ikkonċernati kif ukoll, fejn applikabbli, għall-mudelli l-oħra ta’ iPads li Apple kellha l-intenzjoni li tvara matul l-istess perijodu.

477    Issa, il-Kummissjoni ma setgħetx tasal b’mod validu għall-konklużjoni li l-pagamenti kkonċernati fir-realtà kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għal fornituri kompetituri taċ-chipsets LTE mingħajr ma tqis il-fatt li, għall-ħtiġijiet ta’ Apple għall-mudelli allegatament ikkonċernati, ma kienx hemm alternattiva teknika jew li taqbel mal-iskeda għaċ-chipsets tar-rikorrenti.

478    Ċertament, fil-premessa 464 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li Apple kienet ikkunsidrat li tuża ċ-chipsets ta’ Intel għall-“iPads li kellhom jiġu varati fl‑2014 u fl‑2015 filwaqt li qieset il-parametri kollha, mhux biss is-superjorità teknika, inklużi r-rekwiżiti speċifiċi għal dawn il-mudelli” u għalhekk qieset li Intel ma kinitx inqas attraenti mir-rikorrenti, tal-inqas għall-imsemmija mudelli. Madankollu, il-portata ta’ din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex ċara mill-formulazzjoni tagħha, fir-rigward b’mod partikolari tal-imsemmija “superjorità teknika”.

479    Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li l-imsemmija affermazzjoni għandha tinftiehem fis-sens li, skont il-Kummissjoni, iċ-chipsets LTE ta’ Intel kienu alternattiva vijabbli għall-mudelli allegatament ikkonċernati, inkluż fil-livell tekniku jew tal-iskeda, għandu jiġi osservat li, insostenn tal-imsemmija evalwazzjoni, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 612 tad-Deċiżjoni kkontestata marbuta mal-premessa 464 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni llimitat ruħha għal riferiment, bħala eżempju, għal tliet dokumenti interni ta’ Apple li madankollu ma jippermettux li jiġi konkluż li ċ-chipsets ta’ Intel kienu jissodisfaw il-ħtiġijiet tekniċi jew tal-iskeda ta’ Apple għall-mudelli allegatament ikkonċernati. Fil-fatt, l-ewwel dokument, li l-Kummissjoni tagħmel riferiment għalih billi ssemmi biss l-ewwel paġna tiegħu, huwa preżentazzjoni ta’ Apple [kunfidenzjali] li pjuttost issemmi [kunfidenzjali] taċ-chipsets ta’ Intel (ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-punt 469 iktar ’il fuq); it-tieni dokument huwa messaġġ tal-posta elettronika interna ta’ Apple ta’ Ottubru 2012, li jissemma wkoll fil-premessa 433 tad-Deċiżjoni kkontestata, li għalkemm ċertament jindika li Intel kienet “pjan tajjeb” għall-mudell “[kunfidenzjali]”, ma jinkludi l-ebda indikazzjoni dwar il-fattibbiltà ta’ dan il-“pjan” f’termini tal-iskeda; u t-tielet dokument huwa messaġġ tal-posta elettronika interna ta’ Apple ta’ Ġunju 2012, li jissemma wkoll fil-premessa 428 tad-Deċiżjoni kkontestata, li jsemmi proposta ta’ Intel li ma kinitx sodisfaċenti f’termini tal-prezz. Għalhekk, mhux biss l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li Intel ma kinitx inqas attraenti mir-rikorrenti għall-mudelli allegatament ikkonċernati ma hijiex ikkorroborata minn dawn it-tliet dokumenti, iżda din ma tippermettix li jiġi konkluż li Apple setgħet verament takkwista dak li kienet teħtieġ mingħand kompetituri tar-rikorrenti għall-mudelli allegatament ikkonċernati fid-dawl tar-rekwiżiti tekniċi u tal-iskeda tagħha.

480    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda eżami veru tal-eżistenza ta’ fornituri kompetituri ta’ chipsets LTE li mingħandhom Apple setgħet takkwista dak li kienet teħtieġ għall-mudelli allegatament ikkonċernati fid-dawl tar-rekwiżiti tekniċi tagħha, inkluża l-iskeda.

481    Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata tal-effetti antikompetittivi prodotti fir-realtà mill-pagamenti kkonċernati, jiġifieri li kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-fornituri kompetituri taċ-chipsets LTE għall-mudelli allegatament ikkonċernati, ma twettqitx fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

d)      Fuq it-tieni lment sekondarju, dwar il-provi meqjusa fil-kuntest tal-wiri fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata

482    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma pproduċietx provi li, għall-apparat imsemmi fl-analiżi tagħha, il-pagamenti kkonċernati kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li takkwista dak li kienet teħtieġ mingħand il-kompetituri tagħha.

483    F’dan ir-rigward, filwaqt li d-Deċiżjoni kkontestata diġà ssofri min-nuqqas ta’ konsistenza rrilevat fil-kuntest tal-ewwel ilment sekondarju (ara l-punt 463 iktar ’il fuq) u min-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha rrilevat fil-kuntest tat-tielet ilment sekondarju (ara l-punt 481 iktar ’il fuq), għandu jiġi eżaminat jekk, barra minn hekk, il-provi invokati mill-Kummissjoni jistgħux jissostanzjaw il-konklużjonijiet li siltet fir-rigward tal-mudelli allegatament ikkonċernati.

484    Preliminarjament, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, bl-eċċezzjoni tal-mudell “[kunfidenzjali]”, l-ebda wieħed mill-mudelli allegatament ikkonċernati ma jissemma b’mod espliċitu fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-imsemmija sottotaqsima jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod speċifiku għal kull mudell ikkonċernat, iżda wriet b’mod globali bl-intenzjoni li tkopri, fl-intier tagħhom, l-iPads “varati” jew “li kellhom jiġu varati” fl‑2014 u fl‑2015, kultant billi eżaminat dawn is-sentejn flimkien.

485    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq provi li joriġinaw minn Apple, peress li s-sottosottotaqsima 11.4.2.1 ta’ din id-deċiżjoni hija bbażata esklużivament fuq it-tweġiba ta’ Apple għall-mistoqsija [kunfidenzjali] fit-talba għal informazzjoni tal-[kunfidenzjali] u fuq dokumenti interni ta’ Apple mibgħuta fl-anness mal-imsemmija tweġiba.

486    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-mudell ikkonċernat li kellu “jiġi varat” fl‑2014, jiġifieri, skont il-Kummissjoni, il-mudell identifikat bil-kodiċi “[kunfidenzjali]” (jew “[kunfidenzjali]”), kif jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata u kif spjegat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, il-wiri tal-allegati effetti tal-pagamenti kkonċernati fuq id-deċiżjoni ta’ Apple tax-xiri ta’ chipsets LTE jinsab fil-premessi 428 sa 435 tad-Deċiżjoni kkontestata.

487    L-ewwel, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 425 sa 433 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment enfasizzat l-elementi li juru, fil-fehma tagħha, li, qabel ma kkonkludiet l-ewwel emenda għall-ftehim ta’ tranżizzjoni, Apple kienet ikkunsidrat li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti għall-mudelli allegatament ikkonċernati u li dan seta’ jkun interessanti għal Apple mill-perspettiva ekonomika, peress li “l-opportunità li tiffranka fuq żmien twil [kienet] aħjar mill-pagamenti li jirriżultaw mill-ftehim ta’ tranżizzjoni”.

488    Għalhekk, għalkemm l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 425 sa 433 tad-Deċiżjoni kkontestata ċertament juru li Apple kienet qieset l-eżistenza tal-pagamenti li jirriżultaw mill-ftehim ta’ tranżizzjoni, dawn ma jindikawx li l-pagamenti kkonċernati li jirriżultaw mill-ftehim ta’ tranżizzjoni kienu fir-realtà naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti għall-mudelli allegatament ikkonċernati, u b’mod partikolari għall-mudell “[kunfidenzjali]”.

489    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 434 u 435 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-ewwel emenda għall-ftehim ta’ tranżizzjoni tispjega li Apple kienet waqfet tikkunsidra l-fornituri kompetituri għall-mudelli allegatament ikkonċernati li kellha l-intenzjoni li tvara fl‑2014 u fl‑2015.

490    Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, mid-Deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-ftehim ta’ tranżizzjoni fih innifsu fir-realtà kien naqqas l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti għall-mudelli allegatament ikkonċernati.

491    It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni li tinsab fil-premessa 435 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “bħala konsegwenza tal-ewwel emenda għall-ftehim ta’ tranżizzjoni Apple kienet ‘temmet kull kunsiderazzjoni ta’ fornituri ta’ chipsets alternattivi għar-rikorrenti għall-apparat mobbli tal‑2014 u tal‑2015’” [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija bbażata esklużivament fuq dikjarazzjoni li tinsab fit-tweġiba ta’ Apple għall-mistoqsija [kunfidenzjali] fit-talba għal informazzjoni tal-[kunfidenzjali].

492    Issa, għandu jiġi kkonstatat li din it-tweġiba ma tikkonċernax il-mudell “[kunfidenzjali]” (jew “[kunfidenzjali]”), li, skont il-Kummissjoni, huwa l-uniku mudell allegatament ikkonċernat tal‑2014 imsemmi fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fir-rigward tal-mudelli mingħajr CDMA tal‑2014, l-imsemmija tweġiba tirreferi biss għall-mudelli [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ Apple riprodotta fil-premessa 435 tad-Deċiżjoni kkontestata tinsab fil-parti tat-tweġiba tagħha dwar dawn iż-żewġ mudelli tal-aħħar. L-imsemmija dikjarazzjoni għalhekk tidher li hija irrilevanti fid-dawl tal-wiri fid-Deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-mudell “[kunfidenzjali]”.

493    It-tielet, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 465 tad-Deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tas-sottosottotaqsima 11.4.2.4 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat [kunfidenzjali] u, għal dan il-għan, ibbażat ruħha fuq żewġ dikjarazzjonijiet ta’ Apple bbażati fuq it-tielet inċiż tal-punt 52 tal-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

494    Madankollu, kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti, dawn id-dikjarazzjonijiet ma jindikawx [kunfidenzjali] minħabba l-pagamenti kkonċernati. B’mod partikolari, l-imsemmija dikjarazzjonijiet ma jipprovdu l-ebda indikazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom [kunfidenzjali]. Issa, fin-nuqqas ta’ provi konklużivi prodotti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina r-raġunijiet li wasslu [kunfidenzjali].

495    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-mudelli allegatament ikkonċernati li Apple kienet ippjanat li tvara fl‑2015, jiġifieri, skont il-Kummissjoni, il-mudelli “[kunfidenzjali]” u “[kunfidenzjali]”, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata u kif spjegat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, il-wiri tal-allegati effetti tal-pagamenti kkonċernati huwa bbażat fuq il-provi invokati fil-premessi 436 u 437 tad-Deċiżjoni kkontestata.

496    Preliminarjament, sa fejn id-dikjarazzjoni ta’ Apple riprodotta fil-premessa 435 tad-Deċiżjoni kkontestata tirreferi flimkien b’mod ġenerali għall-“apparat mobbli tal‑2014 u tal‑2015”, huwa biżżejjed li jitfakkar li din saret b’rabta ma’ ċerti mudelli ta’ iPads tal‑2014 għajr il-“[kunfidenzjali]” (punt 492 iktar ’il fuq). Ir-rilevanza tal-imsemmija dikjarazzjoni fir-rigward tal-mudelli allegatament ikkonċernati tal‑2015 għalhekk ukoll ma ġietx stabbilita.

497    L-ewwel, fil-premessa 436 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dokument intern ta’ Apple li fih skambju ta’ messaġġi tal-posta elettronika interna tat‑18 ta’ Frar 2014, li jindika li inġinier ta’ Apple kien issuġġerixxa li tintuża ċ-chipset ta’ Intel għal mudell tal-iPad “tal-ħarifa tal‑2015” sakemm din kellha “funzjonijiet ekwivalenti” għaċ-chipset tar-rikorrenti.

498    Issa, minn naħa, la l-premessa 436 tad-Deċiżjoni kkontestata u lanqas l-imsemmi skambju ta’ messaġġi tal-posta elettronika interna ma jispeċifikaw il-mudell ta’ iPad li Apple kienet ippjanat li tvara fl‑2015 u li tirreferi għalih id-dikjarazzjoni tal-inġinier ta’ Apple. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti pproduċiet skambju ieħor ta’ messaġġi tal-posta elettronika interna ta’ Apple mill-istess jum, li juru li l-affermazzjoni tal-impjegat ta’ Apple riprodotta fil-premessa 436 tad-Deċiżjoni kkontestata kienet fir-realtà ġiet ikkontestata mill-persuna responsabbli għat-tim tal-inġiniera ta’ Apple. Fil-fatt, din tal-aħħar, fi tweġiba, kienet indikat li ċ-chipset ta’ Intel “ma kinitx verament ekwivalenti  f’termini ta’ funzjonijiet” għaċ-chipset tar-rikorrenti, bil-kelma Ingliża li tifformula n-negazzjoni, jiġifieri “not”, tinkiteb barra minn hekk b’ittri kapitali f’dan il-messaġġ tal-posta elettronika interna. Barra minn hekk, din l-aħħar evalwazzjoni kienet ġiet ikkonfermata minn impjegat ieħor ta’ Apple f’dan l-istess skambju ta’ messaġġi tal-posta elettronika.

499    Dawn l-elementi għalhekk iwasslu sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza tal-evalwazzjoni li tinsab fil-premessa 436 tad-Deċiżjoni kkontestata peress li din hija bbażata fuq messaġġ wieħed tal-posta elettronika interna ta’ Apple li huwa kkontestat minn tnejn oħrajn.

500    It-tieni, fil-premessa 437 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal skambju ta’ messaġġi tal-posta elettronika interna ta’ Apple tal‑20 ta’ Frar 2014, li jwieġbu l-messaġġ tal-posta elettronika interna msemmi fil-premessa 436 ta’ din id-deċiżjoni, li fih, minn naħa, impjegat ta’ Apple jindika li impjegat ieħor kellu “ċerti preokkupazzjonijiet f’termini tal-penalitajiet kummerċjali fir-rigward tal-iskeda” b’rabta mat-tnedija ta’ iPad li jinkorpora chipset ta’ fornitur ieħor u, min-naħa l-oħra, dan l-impjegat tal-aħħar jikkonferma li tali varar “kummerċjalment ma setax isir”.

501    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-messaġġi tal-posta elettronika u l-premessa 437 tad-Deċiżjoni kkontestata ma jagħmlux riferiment b’mod preċiż għall-ebda mudell ta’ iPad, u lanqas għall-pagamenti kkonċernati u l-ftehimiet ikkonċernati. Għaldaqstant, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż b’ċertezza li dawn il-messaġġi tal-posta elettronika interna kienu jirreferu għat-telf u għall-ħlas lura tal-pagamenti kkonċernati.

502    Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, ibbażat ruħha fuq dikjarazzjoni magħmula minn Apple fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tifforma rabta bejn l-imsemmija messaġġi tal-posta elettronika interna u l-pagamenti kkonċernati, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dikjarazzjoni ma tinsabx fil-premessa 437 tad-Deċiżjoni kkontestata u, barra minn hekk, din ma tikkonċernax il-messaġġi tal-posta elettronika interna msemmija f’din il-premessa.

503    It-tielet, barra minn hekk, fil-premessa 438 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal analiżi ekonomika mit-tim ta’ xiri ta’ Apple tad‑29 ta’ Jannar 2014, dwar l-impatt ekonomiku ta’ bidla fil-fornitur fl‑2015 għall-ħtiġijiet taċ-chipsets mingħajr CDMA, ippreżentata minn Apple fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija [kunfidenzjali] fit-talba għal informazzjoni tal-[kunfidenzjali].

504    Issa, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif tispjega Apple fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija [kunfidenzjali] fit-talba għal informazzjoni tal-[kunfidenzjali], l-imsemmija analiżi ekonomika “ma serviet bħala bażi għall-ebda deċiżjoni ta’ akkwist mill-maniġment ta’ Apple”, b’tali mod li, irrispettivament mir-raġunijiet għaliex il-maniġment ta’ Apple ma bbażax ruħu fuq din l-analiżi, fatt li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tiddetermina, din ma tippermettix li tinsilet l-ebda konklużjoni fuq l-effetti reali li l-pagamenti inkwistjoni kellhom fuq id-deċiżjonijiet ta’ akkwist ta’ Apple taċ-chipsets LTE.

505    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest ta’ analiżi globali li ħawdet il-mudelli u s-snin, ibbażat ruħha fuq provi li ma humiex rilevanti, li huma kontradetti minn provi oħra jew li ma jsostnux il-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-mudelli allegatament ikkonċernati u li, konsegwentement, ma jippermettux li jintwera li l-pagamenti kkonċernati fir-realtà kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti fl-akkwist ta’ chipsets LTE għall-imsemmija mudelli.

506    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, minn naħa, li s-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata ma tistax tirrimedja l-illegalità kkonstatata wara l-eżami tal-ewwel ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv (punti 442 u 443 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, li, fi kwalunkwe każ, fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma żviluppatx analiżi li tippermetti li ssostni l-konklużjoni li l-pagamenti kkonċernati fir-realtà kienu naqqsu l-inċentivi ta’ Apple li tirrikorri għall-kompetituri tar-rikorrenti fl-akkwist ta’ chipsets LTE għall-mudelli allegatament ikkonċernati ta’ iPads mingħajr CDMA li Apple kellha l-intenzjoni li tvara fl‑2014 u fl‑2015.

507    Fil-fatt, il-Kummissjoni waslet għal tali konklużjoni abbażi ta’ raġunament li, l-ewwel, huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ konsistenza tal-provi invokati insostenn tal-konklużjonijiet tagħha (punt 463 iktar ’il fuq), it-tieni, barra minn hekk, li sar mingħajr ma tqiesu l-provi kollha rilevanti għal dan il-għan (punt 481 iktar ’il fuq) u, it-tielet, ukoll, li sar billi bbażat ruħha fuq elementi li ma kinux jippermettu li jiġu sostnuti l-konklużjonijiet tagħha (punt 505 iktar ’il fuq).

508    Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-pagamenti kkonċernati fir-realtà kienu pproduċew effetti antikompetittivi li jikkonfermaw il-kapaċità tagħhom li jipproduċu tali effetti hija vvizzjata b’illegalità.

509    Barra minn hekk, għal dawn l-istess raġunijiet, u għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-raġunament li sar fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata lanqas ma jista’ juri, sussidjarjament, li l-pagamenti kkonċernati setgħu jipproduċu effetti antikompetittivi fir-rigward tal-mudelli allegatament ikkonċernati. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li dan kien il-każ, għandu jitfakkar li t-teorija ta’ preġudizzju adottata fid-Deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax il-limitazzjoni tal-kapaċità antikompetittiva tal-pagamenti ikkonċernati għall-ħtiġijiet ta’ Apple għall-mudelli allegatament ikkonċernati biss, iżda tirrigwarda l-ħtiġijiet kollha ta’ Apple matul il-perijodu kkonċernat kemm għall-iPhones kif ukoll għall-iPads (ara l-punti 420, 442 u 443 iktar ’il fuq).

510    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, it-tieni u t-tielet ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv tar-rikors għandhom jintlaqgħu.

4.      Konklużjoni

511    Mill-eżami tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv, u mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra ta’ din il-parti, jirriżulta li l-karatterizzazzjoni tal-pagamenti kkonċernati bħala li jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti hija vvizzjata b’illegalità sa fejn, minn naħa, l-eżami tal-kapaċità tal-pagamenti kkonċernati li jipproduċu effetti antikompetittivi huwa bbażat fuq analiżi li ma saritx b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha u, min-naħa l-oħra, l-eżami tal-effetti reali prodotti mill-pagamenti kkonċernati huwa bbażat fuq analiżi li ma tippermettix li tiġi sostnuta l-konklużjoni tal-Kummissjoni.

512    Għal dawn ir-raġunijiet, fid-dawl tal-illegalitajiet ikkonstatati fil-kuntest tal-eżami tat-tielet parti tat-tielet motiv, u mingħajr ma hemm lok għal deċiżjoni fuq il-partijiet l-oħra mqajma mir-rikorrenti, it-tielet motiv tar-rikors għandu jintlaqa’ u, fuq din il-bażi wkoll, id-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

D.      Konklużjoni ġenerali

513    Peress li l-ewwel motiv (kemm l-ewwel kif ukoll it-tielet parti tiegħu) u t-tielet motiv (it-tielet parti tiegħu) tar-rikors intlaqgħu, hemm lok li tiġi annullata d-Deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma hemm lok għal deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra tar-rikors, la fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji mressqa mir-rikorrenti sa fejn dawn it-talbiet imorru lil hinn mill-miżuri deċiżi jew ordnati mill-Qorti Ġenerali, u lanqas fuq provi addizzjonali minbarra l-provi addizzjonali tas‑26 ta’ Lulju 2019.

IV.    Fuq l-ispejjeż

514    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

515    Peress li l-Kummissjoni tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha u tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 240 final tal24 ta’ Jannar 2018 li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Il-Każ AT.40220 – Qualcomm (Pagamenti ta’ Esklużività)) hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Marcoulli

Frimodt Nielsen

Schwarcz

Iliopoulos

 

      Norkus

Mogħtija f’qorti fil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Ġunju 2022.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Fuq ir-rikorrenti

B. Fuq il-proċedura amministrattiva

1. Fuq il-proċedura mar-rikorrenti

2. Fuq l-impriżi l-oħra u l-partijiet ikkonċernati

3. Fuq l-aċċess għall-fajl

C. Fuq id-Deċiżjoni kkontestata

1. Fuq ilftehimiet bejn irrikorrenti u Apple

2. Fuq id-definizzjoni tas-suq

3. Fuq ilpożizzjoni dominanti

4. Fuq labbuż minn pożizzjoni dominanti

5. Fuq il-multa

6. Fuq id-dispożittiv

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

A. Elementi proċedurali prinċipali

1. Il-fażi bil-miktub tal-proċedura

2. Talba għal intervent minn Apple

3. Talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji

4. Provi addizzjonali ppreżentati wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura

5. Talbiet għall-ommissjoni ta’ ċerta data fil-konfront tal-pubbliku

6. Assenjazzjoni tal-Imħallef Relatriċi lis-Sitt Awla

7. Il-kawża mibgħuta quddiem kulleġġ ġudikanti estiż

8. Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji

9. Il-fażi orali tal-proċedura

B. It-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà tal-provi addizzjonali tas26 ta’ Lulju 2019

B. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji proċedurali manifesti

1. Osservazzjonijiet preliminari

2. Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn din tirrigwarda n-nuqqas ta’ noti u ta’ informazzjoni dwar il-laqgħat u l-konferenzi telefoniċi ma’ partijiet terzi

a) Fuq il-laqgħa u l-konferenzi telefoniċi ma’ partijiet terzi li fir-rigward tagħhom ġiet ikkomunikata informazzjoni lir-rikorrenti qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors

1) Tfakkira tal-elementi tal-kuntest

2) Fuq l-eżistenza ta’ irregolarità proċedurali

3) Fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

b) Fuq il-konferenza telefonika u l-laqgħa ma’ parti terza li għalihom ġiet ikkomunikata informazzjoni lir-rikorrenti matul din il-proċedura bi tweġiba għall-argumenti bbażati fuq il-provi addizzjonali tas26 ta’ Lulju 2019

1) Tfakkira tal-elementi tal-kuntest

2) Fuq l-eżistenza ta’ irregolarità proċedurali

3) Fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

c) Fuq il-laqgħa ma’ parti terza li għaliha ġiet ikkomunikata informazzjoni lir-rikorrenti matul din il-proċedura bi tweġiba għall-miżuri istruttorji tat12 ta’ Ottubru 2020

1) Tfakkira tal-elementi tal-kuntest

2) Fuq l-eżistenza ta’ irregolarità proċedurali

3) Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

3. Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn tirrigwarda d-differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-Deċiżjoni kkontestata

4. Konklużjoni

C. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konklużjoni li l-ftehimiet ikkonċernati setgħu jipproduċu effetti antikompetittivi potenzjali

1. Osservazzjonijiet preliminari

a) Tfakkira tal-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza

b) Tfakkira tal-istruttura tad-Deċiżjoni kkontestata

c) Tfakkira tal-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti

2. Fuq l-ewwel ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha

3. Fuq it-tieni u t-tielet ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ prova li l-ftehimiet ikkonċernati influwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ akkwist ta’ Apple għall-iPads “tal2014” u “tal2015”

a) Osservazzjonijiet preliminari

b) Fuq l-ewwel ilment sekondarju, dwar l-apparat imsemmi fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata

c) Fuq it-tielet ilment sekondarju, dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti provi rilevanti fil-kuntest tal-wiri fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata

d) Fuq it-tieni lment sekondarju, dwar il-provi meqjusa fil-kuntest tal-wiri fis-sottotaqsima 11.4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata

4. Konklużjoni

D. Konklużjoni ġenerali

IV. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Id-data kunfidenzjali ġiet redatta.