Language of document : ECLI:EU:T:2022:385


SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

22 ta’ Ġunju 2022(*)

“FEŻR – Politika reġjonali – Programmi operattivi li jaqgħu taħt l-objettiv ‘Investimenti favur it-tkabbir u l-impjiegi’ fl-Italja – Deċiżjoni li tapprova l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEŻR għall-proġett kbir ‘Proġett nazzjonali kbir tal-broadband b’veloċità għolja ħafna – żoni bojod’ — Ineliġibbiltà tal-ispejjeż tal-benefiċjarju taħt il-VAT – Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 – Kunċett ta’ ‘VAT li tista’ tinġabar lura skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT’”

Fil-Kawża T‑357/19,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

rikorrenti

sostnuta minn

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Mantl u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, V. Valančius (Relatur) u I. Reine, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, ir-Repubblika Taljana, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019) 2652 finali, tat‑3 ta’ April 2019, li tapprova l-kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġett kbir “Proġett nazzjonali kbir tal-broadband b’veloċità għolja ħafna – żoni bojod”, magħżula fil-kuntest tal-programmi operattivi “POR Abruzzo FESR 2014–2020”, “Basilicata”, “POR Calabria FESR FSE”, “Campania”, “POR Emilia Romagna FESR”, “POR Lazio FESR”, “POR Liguria FESR”, “POR Lombardia FESR”, “POR Marche FESR 2014‑2020”, “POR Piemonte FESR”, “POR Puglia FESR-FSE”, “POR Sardegna FESR”, “Sicilia”, “Toscana”, “POR Umbria FESR”, “POR Veneto FESR 2014‑2020” u “Kumpanniji u Kompetitività” fl-Italja, safejn teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-ispejjeż imġarrba mill-benefiċjarju fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fit‑3 ta’ Marzu 2015, il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika Taljana adottat dokument intitolat “Strateġija Taljana għall-broadband b’veloċità għolja ħafna”.

3        Din l-istrateġija kienet tinkludi, b’mod partikolari, l-għan li fit-territorju Taljan jiġu ggarantiti veloċitajiet ta’ konnessjoni mal-internet ta’ 100 megabit għal kull sekonda (Mbps) għal 85 % tad-djar u l-bini pubbliku kollu (inklużi l-iskejjel u l-isptarijiet) u ta’ mill-inqas 30 Mbps għall-popolazzjoni li jifdal, b’mod partikolari fiż-żoni ta’ falliment tas-suq, li fihom in-netwerks ta’ aċċess għall-internet ta’ ġenerazzjoni ġdida kienu ineżistenti u fejn l-operaturi privati ma kellhomx l-intenzjoni li jużaw tali netwerks fi tliet snin li ġejjin (iktar’il quddiem iż-“żoni bojod”).

4        Sabiex jiġu installati n-netwerks ta’ aċċess għall-internet ta’ ġenerazzjoni ġdida fiż-żoni bojod qabel il‑31 ta’ Diċembru 2022, il-Kumitat interministerjali ta’ programmazzjoni ekonomika tar-Repubblika Taljana, permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2015, approva l-prinċipju ta’ intervent pubbliku dirett ta’ madwar EUR 4 biljun, jiġifieri EUR 2.2 biljun iffinanzjat mill-Fond Taljan għall-Iżvilupp u Koeżjoni, u EUR 1.8 biljun iffinanzjat essenzjalment mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

5        B’mod partikolari, il-mudell ta’ intervent magħżul mill-awtoritajiet Taljani kien jipprevedi l-għażla, permezz ta’ sejħiet għal offerti pubbliċi, ta’ konċessjonarji wieħed jew iktar, sabiex, minn naħa, tibni l-infrastruttura passiva tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna — li tibqa’ proprjetà tal-Istat Taljan — u, min-naħa l-oħra, li tiżgura l-manutenzjoni, il-ġestjoni u l-operat kummerċjali ta’ dan in-netwerk, għal perijodu li jiġġedded ta’ għoxrin sena.

6        Permezz tad-Deċiżjoni C(2016) 3931 finali, tat‑30 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni Ewropea qieset li l-finanzjament pubbliku tan-netwerks ta’ aċċess għall-internet ta’ ġenerazzjoni ġdida fiż-żoni bojod kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, bir-referenza “SA.41647 (2016/N) – L-Italja – Strateġija ta’ broadband b’veloċità għolja ħafna”, u li din l-għajnuna mill-Istat kienet kompatibbli mas-suq intern, konformement mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, peress li kienet intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi u ma kinitx tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

7        Wara din id-deċiżjoni, il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku Taljan inkariga lil Infratel Italia SpA (iktar ’il quddiem “Infratel”) sabiex tagħżel konċessjonarju wieħed jew iktar sabiex titwettaq l-infrastruttura passiva tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna u sabiex tiżgura l-manutenzjoni u l-operat kummerċjali tagħha.

8        Fl‑20 ta’ Ġunju u fit‑8 ta’ Novembru 2017, imbagħad matul ix-xahar ta’ April 2019, fi tmiem tliet proċeduri ta’ sejħa għal offerti, Infratel ikkonkludiet kuntratti ta’ konċessjoni ma’ Open Fiber SpA bil-għan, minn naħa, li tibni l-infrastruttura passiva tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna u, min-naħa l-oħra, li tiżgura l-manutenzjoni, il-ġestjoni u l-operat kummerċjali ta’ dan in-netwerk, għal perijodu, li jista’ jiġġedded, ta’ għoxrin sena.

9        Fis‑7 ta’ Settembru 2017, l-awtoritajiet Taljani bagħtu lill-Kummissjoni talba intiża għall-kisba ta’ għajnuna finanzjarja tal-FEŻR fid-dawl tat-twettiq tal- “Proġett nazzjonali kbir tal-broadband b’veloċità għolja ħafna – żoni bojod”, (iktar ’il quddiem il- “proġett kbir BUL”), magħżul mill-awtorità ta’ ġestjoni fil-kuntest tal-Assi prijoritarju Nru 2 tal-Programmi Operattivi “POR Abruzzo FESR 2014–2020”, “Basilicata”, “POR Calabria FESR FSE”, “Campania”, “POR Emilia Romagna FESR”, “POR Lazio FESR”, “POR Liguria FESR”, “POR Lombardia FESR”, “POR Marche FESR 2014‑2020”, “POR Piemonte FESR”, “POR Puglia FESR-FSE”, “POR Sardegna FESR”, “Sicilia”, “Toscana”, “POR Umbria FESR”, “POR Veneto FESR 2014‑2020” u “Kumpanniji u Kompetitività”.

10      Minn din it-talba u mill-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani insostenn tagħha kien jirriżulta li l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku kien indikat fiha bħala l-benefiċjarju tal-għajnuna tal-FEŻR, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-proġett kbir BUL kienet ir-responsabbiltà ta’ Infratel.

11      F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Taljani kkunsidraw li l-VAT marbuta mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni kienet eliġibbli għall-finanzjament tal-FEŻR, sa fejn din titħallas mill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku mingħajr ma jkun jista’ jirkupraha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT, peress li ma huwiex suġġett għall-VAT u ma jistax inaqqasha.

12      Fl-aħħar, ġie ppreċiżat li Infratel kienet kompletament proprjetà tal-Agenzia nazionale per l’attrazione degli investimenti e lo sviluppo d’impresa SpA, li l-uniku azzjonist tagħha kien il-Ministero dell’ Economia e delle Finanze (il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, l-Italja).

13      Fit‑30 ta’ April 2018, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jipprovdu informazzjoni addizzjonali sabiex tevalwa l-eliġibbiltà tal-VAT fuq l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-proġett kbir BUL.

14      Fit‑2 ta’ Lulju 2018, l-awtoritajiet Taljani pprovdew din l-informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni.

15      Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-fażi ta’ kostruzzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna, iċ-ċirkwit ta’ fatturazzjoni kien ippreżentat kif ġej:

–        il-konċessjonarju kien jibgħat lil Infratel il-fatturi li jikkorrispondu għall-ispiża tax-xogħlijiet imwettqa, inkluża l-VAT;

–        Sussegwentement, Infratel kienet tibgħat lill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku l-fatturi tal-istess ammonti, inkluża l-VAT;

–        il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku kien, minn naħa, iħallas il-parti mingħajr it-taxxa tal-fatturi indirizzati minn Infratel u, min-naħa l-oħra, għall-ħlas tal-VAT direttament lill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, skont id-dispożittiv tal-ħlas maqsum tal-VAT previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, konformement mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 tal‑25 ta’ April 2017 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1401(ĠU 2017, L 118, p. 17).

16      Barra minn hekk, fir-rigward tal-fażi tal-operat tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna, kien previst li l-konċessjonarju kellu jħallas lil Infratel it-tariffa ta’ konċessjoni għall-użu tal-imsemmi netwerk u jħallas direttament il-VAT korrispondenti lill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, skont l-istess dispożittiv ta’ ħlas maqsum tal-VAT. Infratel kellha għalhekk tibgħat direttament il-fatturi għat-tariffa lill-konċessjonarju.

17      Fl-aħħar stadju tat-talba għal finanzjament imressqa mill-awtoritajiet Taljani, l-ispiża totali tal-proġett kbir BUL kienet stmata għal EUR 3 096 733 706.11, li minnhom EUR 364 798 002 bħala VAT. Skont dawn l-awtoritajiet, il-VAT kienet tikkostitwixxi parzjalment spiża eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEŻR, li tammonta għal EUR 210 044 165.81.

18      Fis‑26 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani li l-ispejjeż relatati mal-VAT ma kinux eliġibbli taħt il-FEŻR u l-FAEŻR, u stiednet lill-imsemmija awtoritajiet jirtiraw l-ammont tal-VAT mit-total tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġett kbir BUL.

19      Fis‑6 ta’ Marzu 2019, l-awtoritajiet Taljani bagħtu lill-Kummissjoni l-verżjoni finali tal-applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR għall-proġett kbir BUL. Din il-verżjoni finali żammet l-ispejjeż relatati mal-VAT sa EUR 210 044 165.81 bħala spiża eliġibbli ta’ din it-tranżazzjoni.

20      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni approvat il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEŻR għall-proġett kbir BUL għal ammont ta’ EUR 941 022 670, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320 u rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, ĠU 2019, L 66, p. 7, ĠU 2022, L 146, p. 155).

21      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-VAT esposta mill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku fl-okkażjoni tal-implimentazzjoni tal-proġett kbir BUL ma kinitx tikkostitwixxi piż ekonomiku għall-benefiċjarju u li hija ma setgħetx titqies li ma hijiex irkuprabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT, fis-sens tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013.

22      Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tliet motivi distinti fid-deċiżjoni kkontestata.

23      L-ewwel, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ħlas tal-VAT bejn żewġ ministeri, f’dan il-każ il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku u l-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, ma setax jitqies bħala spiża għall-amministrazzjoni ċentrali tal-Istat Taljan, li l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku jagħmel parti minnu.

24      It-tieni, il-Kummissjoni indikat, fid-dawl tal-istatus ta’ kumpannija interna (in house) ta’ Infratel, li l-VAT ma kinitx dovuta fuq it-tranżazzjonijiet interni u, konsegwentement, li l-VAT ma kellhiex tiġi inkluża fil-fatturi mibgħuta minn Infratel lill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku. Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, Infratel setgħet tnaqqas il-VAT fuq ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni minħabba l-kwalità tagħha bħala persuna taxxabbli.

25      It-tielet, il-Kummissjoni indikat li l-proġett kbir BUL kien jiġġenera dħul permezz tat-tariffi ta’ konċessjoni mħallsa mill-konċessjonarju lil Infratel għall-operat tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna. Peress li dawn it-tariffi kienu suġġetti għall-VAT, il-Kummissjoni ddeduċiet li din il-VAT tal-output irkuprata kienet tinnewtralizza l-VAT tal-input dovuta fuq ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-imsemmi netwerk u li, għaldaqstant, il-VAT kienet irkuprabbli teoretikament, indipendentement mill-istruttura istituzzjonali tal-proġett kbir BUL u tas-separazzjoni bejn il-benefiċjarju u Infratel.

26      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li l-kliem “ma tkunx tista’ tintradd lura skont il-leġiżlazzjoni tal-VAT nazzjonali”, li jinsabu fl-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013, kellhom jinftiehmu bħala li jeskludu l-eliġibbiltà tal-VAT fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom il-benefiċjarju jista’ jnaqqas il-VAT, jikseb rimbors tal-VAT jew jirkupraha bi kwalunkwe mezz li jkun.

27      Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-ispejjeż relatati mal-proġett kbir BUL relatat mal-VAT ma kinux eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR.

 Talbiet talpartijiet

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Ġunju 2019, ir-Repubblika Taljana ppreżentat ir-rikors preżenti. Hija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn teskludi mill-kontribuzzjoni tal-FEŻR l-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarju bħala VAT;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

30      Ir-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ r-rikors tar-Repubblika Taljana;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fiddritt

31      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana tinvoka, essenzjalment, tliet motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikoli 9, 11, 13, 28, 206 u 250 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’taxxa fuq il-valur miżjud ĠU 2006, L 347, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p.60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), kif ukoll tal-Artikolu 4(2) TUE u, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 61(8)(c) tar-Regolament 1303/2013.

32      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina fl-ewwel lok il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013.

33      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Taljana, sostnuta mir-Repubblika Ċeka u mir-Renju ta’ Spanja, issostni li, kuntrarjament għall-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006 tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 (ĠU 2006, L 210, p. 79), u kuntrarjament għall-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 1), l-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 jimplika riferiment strett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-VAT, li jimplika, issa, li hija biss l-ispiża tal-VAT li titnaqqas fis-sens tal-leġiżlazzjoni speċifikament fiskali tista’ tiġi eskluża mill-ispejjeż eliġibbli. Min-naħa l-oħra, il-forom l-oħra ta’ rkupru, li ma humiex ta’ natura speċifikament fiskali u lanqas ma huma bbażati fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT, ma jistgħux iwasslu għall-esklużjoni mill-VAT tal-ispejjeż eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEŻR.

34      Ir-Repubblika Taljana tenfasizza għalhekk, essenzjalment, li l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, li għandu l-kwalità ta’ benefiċjarju tal-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR, ma għandux id-dritt li jnaqqas il-VAT li huwa għandu jħallas fuq it-tranżazzjonijiet ta’ kostruzzjoni tal-infrastruttura passiva tan-netwerk ta’ aċċess għall-Internet b’veloċità għolja ħafna, b’tali mod li, peress li din il-VAT ma kinitx irkuprabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT, il-Kummissjoni ma setgħetx legalment teskludiha mill-ispejjeż eliġibbli.

35      Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv ma huwiex fondat, abbażi tat-tliet motivi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata u riprodotti fil-punti 22 sa 26 iktar ’il fuq.

36      Qabel kollox, hija tenfasizza li l-possibbiltà ta’ rkupru tal-VAT, imsemmija fl-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013, tirreferi għal kunċett ħafna iktar wiesa’ minn dak tat-tnaqqis tal-VAT u li, għalkemm il-ministeru tal-iżvilupp ekonomiku ma għandux, effettivament, il-kwalità ta’ persuna suġġetta għall-VAT, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-VAT, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-ministeru seta’ jirkupra l-VAT fis-sens tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013.

37      Għalhekk, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 għandu jiġi interpretat flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 65 tal-istess regolament, dwar l-eliġibbiltà tal-infiq, li minnhom jirriżulta li huma biss l-ispejjeż li jikkostitwixxu piż effettiv u definittiv għall-benefiċjarju li huma eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali.

38      F’dan il-kuntest, jeżistu żewġ każijiet fejn il-VAT ma tikkostitwixxix piż effettiv u definittiv għall-benefiċjarju, jiġifieri, minn naħa, meta l-benefiċjarju jista’ jnaqqas il-VAT, konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu X tad-Direttiva tal-VAT, u, min-naħa l-oħra, meta, minkejja li l-benefiċjarju ma jkunx jista’ jnaqqas il-VAT, l-ispejjeż sostnuti jistgħu madankollu jiġu rkuprati permezz ta’ mezz ieħor, jew permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens irregolat minn leġiżlazzjoni li ma hijiex dik relatata mal-VAT, jew, meta l-VAT imħallsa fuq il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ko-finanzjata, tista’ tiġi rkuprata permezz ta’ dħul iġġenerat mill-ġestjoni ta’ din l-infrastruttura, bħal f’dan il-każ.

39      B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza li l-fażi ta’ kostruzzjoni u l-fażi ta’ użu tal-infrastruttura ma jistgħux jiġu sseparati minn perspettiva teknika, organizzattiva u istituzzjonali u li, f’dan il-każ, il-VAT tal-input imħallsa fuq ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-infrastruttura hija effettivament irkuprata, peress li hija nnewtralizzata mill-VAT tal-output miġbura fuq it-tariffi ta’ konċessjoni għall-użu tal-infrastruttura.

40      Il-Kummissjoni tqis li interpretazzjoni oħra tmur kontra l-għan tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013, peress li din tippermetti lill-benefiċjarju li jiġi rrimborsat darbtejn il-VAT li huwa ma jistax inaqqas skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT, l-ewwel darba bis-saħħa tal-mekkaniżmu nazzjonali ta’ kumpens jew permezz tal-VAT applikata fuq id-dħul u t-tieni darba bis-saħħa tal-kontribuzzjoni tal-fondi strutturali.

 Fuq linterpretazzjoni talArtikolu 69(3)(c) tarRegolament Nru 1303/2013

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti, b’mod partikolari l-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, E LATS, C‑154/17, EU:C:2018:560, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont, b’mod partikolari, l-Artikoli 174 sa 176 TFUE, ir-Regolament Nru 1303/2013 jistabbilixxi, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014, ir-regoli komuni applikabbli għall-“fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej” (iktar ’il quddiem il- “Fondi SIE”), li minnhom jagħmel parti l-FEŻR, kif ukoll id-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-FEŻR.

43      B’mod partikolari, mill-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriżulta li l-FEŻR jista’ jsostni proġett kbir, iddefinit bħala operazzjoni li tinkludi sensiela ta’ xogħlijiet, ta’ attivitajiet jew ta’ servizzi intiżi li jwettqu huma stess funzjoni indiviżibbli ta’ natura ekonomika jew teknika preċiża, li għandha għanijiet iddefiniti b’mod ċar u li l-ispiża totali eliġibbli tagħhom taqbeż EUR 50 000 000, sakemm dan il-proġett kbir jaqa’ fil-kuntest ta’ programm jew ta’ diversi programmi operattivi li ġew ippreżentati fil-kuntest tal-għan “Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi” u li ġew approvati mill-Kummissjoni.

44      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 102 tar-Regolament Nru 1303/2013 jimponi fuq il-Kummissjoni, sabiex tiddetermina jekk l-għażla tal-proġett kbir mill-awtorità ta’ ġestjoni hijiex iġġustifikata, li tevalwa dan il-proġett kbir abbażi ta’ ċerta informazzjoni elenkata fl-Artikolu 101 tal-istess regolament, b’mod partikolari l-ispiża totali tiegħu u l-ispiża totali eliġibbli tiegħu.

45      Fir-rigward tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013, dan huwa inkluż fil-Kapitolu III tat-Titolu VII tat-Tieni Parti tal-imsemmi regolament, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ eliġibbiltà li fid-dawl tagħhom l-ispejjeż relatati ma’ operazzjoni għandhom jiġu evalwati bil-għan li jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni mill-FEŻR. Għalhekk, minbarra l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ddeterminati abbażi tar-regoli nazzjonali, konformement mal-Artikolu 65(1) ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 69 tiegħu jinkludi regoli ta’ eliġibbiltà speċifiċi għas-sussidji u l-għajnuna rimborsabbli. B’mod partikolari, il-paragrafu 3(c) ta’ dan l-artikolu jeskludi l-VAT tal-ispejjeż eliġibbli għal tali kontribuzzjonijiet tal-Fondi SIE, sakemm ma tkunx tista’ tinġabar lura skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT.

46      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 jipprevedi li, meta kontribuzzjoni mill-Fondi SIE jkollha, bħal f’dan il-każ, in-natura ta’ sussidju, il-VAT dovuta fuq il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi ssussidjati hija eskluża mill-ispejjeż eliġibbli għal din il-kontribuzzjoni, sakemm din il-VAT ma tkunx irkuprabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tali regola hija kompletament konformi mar-rekwiżit ta’ tmexxija finanzjarja tajba stabbilit fl-Artikolu 317 TFUE, li fuqu hija bbażata l-implimentazzjoni tal-fondi strutturali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑91/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:30, punt 50). Fil-fatt, l-inklużjoni tal-VAT fl-ispejjeż eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi SIE bħal sussidju jiġġenera favur il-benefiċjarju ta’ din il-kontribuzzjoni arrikkiment indebitu jekk, wara li jkun ħallas il-VAT dovuta fuq il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi ssussidjati, il-benefiċjarju kien f’pożizzjoni li jirkupra din il-VAT b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

48      Xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 għandu wkoll l-effett li jinkludi mal-ispejjeż eliġibbli għal sussidju mill-Fondi SIE l-ispejjeż relatati mal-VAT dovuta fuq l-operazzjoni ssussidjata meta din il-VAT ma tistax tinġabar lura skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT.

49      Fil-fatt, l-esklużjoni mill-VAT tal-ispejjeż eliġibbli għal sussidju mill-Fondi SIE meta din it-taxxa ma tkunx tista’ tinġabar lura jkollha l-konsegwenza li żżid il-parti tal-finanzjament li taqa’ fuq il-benefiċjarju tal-Fondi ESI u tista’, għalhekk, tostakola t-twettiq ta’ tranżazzjonijiet li dawn il-fondi jitqiesu li jiffinanzjaw.

50      Issa, minn qari flimkien tal-Artikoli 174 sa 176 TFUE jirriżulta li l-fondi strutturali u l-istrumenti finanzjarji l-oħra tal-Unjoni li jikkontribwixxu għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandhom, b’mod partikolari, l-għan li titnaqqas id-differenza bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni differenti u r-ritard tar-reġjuni l-inqas vantaġġjati. Barra minn hekk, dan l-għan huwa mfakkar fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 1303/2013 u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-implimentazzjoni tal-investimenti ko-finanzjati permezz tal-imsemmija fondi u strumenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, GAMP, C‑579/11, EU:C:2012:833, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Konsegwentement, billi jipprevedi li l-VAT ma tikkostitwixxix spiża eliġibbli għal kontribuzzjoni tal-Fondi SIE li għandha, b’mod partikolari, in-natura ta’ sussidju, sakemm din il-VAT ma tkunx irkuprabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT, l-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmi ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stabbiliti minn dan ir-regolament.

52      Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriżulta li n-natura li tista’ tinġabar lura tal-VAT li tostakola l-inklużjoni tagħha fl-ispiża totali eliġibbli għas-sussidju ta’ Fond SIE għandha tkun prevista mil-leġiżlazzjoni dwar il-VAT tal-Istat Membru kkonċernat.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija differenti minn dik tar-regoli preċedenti stabbiliti, fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tal-FEŻR, permezz tal-punt 1 tar-Regola Nru 7 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2004 tal‑10 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1685/2000 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 dwar l-eliġibbiltà tal-infiq fuq operazzjonijiet ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali u li jirtira r-Regolament (KE) Nru 1145/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14 Vol. 2, p. 3), u sussegwentement permezz tal-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 1080/2006.

54      Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet, li kienu mħassra fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu jipprevedu li l-VAT ma kinitx tikkostitwixxi spiża eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEŻR jekk din l-ispiża kienet, fir-rigward tal-punt 1 tar-Regola Nru 7 tal-Anness tar-Regolament Nru 448/2004, “li tista’ tittieħed lura, bi kwalunkwe mezz” u, fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 1080/2006, “rikuperabbli”.

55      Min-naħa l-oħra, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriżulta b’mod ċar li n-natura li tista’ tinġabar lura tal-VAT issa tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-VAT.

56      Ċertament, fil-proposta ta’ regolament li wassal għar-Regolament Nru 1303/2013 [SEC (2011) 1141 finali u SEC(2011) 1142 finali], il-Kummissjoni kienet ipproponiet li tillimita l-eliġibbiltà tal-VAT għall-ipoteżi li fiha din, minn naħa, ma setgħetx tinġabar lura skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT u, min-naħa l-oħra, tħallset minn benefiċjarju differenti minn persuna mhux taxxabbli fis-sens tad-Direttiva tal-VAT, bil-kundizzjoni li din il-VAT ma tkunx esposta fil-kuntest tal-provvista ta’ infrastruttura.

57      Madankollu, minn naħa, fl-opinjoni tiegħu dwar l-imsemmija proposta (ĠU 2012, C 225, p. 58), il-Kumitat tar-Reġjuni qies li, jekk il-VAT mhux rekuperabbli kienet ikkunsidrata bħala nefqa mhux eliġibbli fil-proġetti kollha implimentati mill-istituzzjonijiet tas-settur pubbliku, kif propost mill-Kummissjoni, il-parti tal-ko-finanzjament tal-Istati Membri żżid sostanzjalment u l-kapaċità tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li jwettqu proġetti jiġu mhedda sew.

58      Min-naħa l-oħra, it-test tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriżulta mill-emenda Nru 255 tal-Parlament Ewropew għall-proposta ta’ regolament imsemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq. Din l-emenda kienet immotivata, skont il-Kumitat tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali tal-Parlament, min-neċessità “biex ma jgħabbix iktar il-baġits ta’ entitajiet pubbliċi li, peress li ma jiġux integrati l-VAT, jirriskjaw li jiġu kompromessi t-twettiq tal-operazzjonijiet tagħhom u, fl-aħħar mill-aħħar, l-effikaċja stess tal-politiki li huma jippruvaw isostnu” [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

59      Huwa minnu li l-Kumitat tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali tal-Parlament indika li l-emenda kienet kontinwazzjoni tal-perijodi ta’ programmazzjoni preċedenti. Madankollu, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, il-kontinwità hekk invokata kienet intiża sabiex tirrispondi għall-proposta tal-Kummissjoni li teskludi purament u sempliċement kull teħid ta’ responsabbiltà tal-VAT sostnuta mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, kif jirriżulta mill-opinjoni tal-Kumitat tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali, li silta minnha hija msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq. Għalhekk, din ma kinitx kwistjoni li tinżamm is-sistema preċedenti, li permezz tagħha l-VAT li tista’ tinġabar lura bi kwalunkwe mezz kellha tiġi eskluża minn kull kontribuzzjoni mill-Fondi SIE.

60      Konsegwentement, il-formulazzjoni kif ukoll l-oriġini tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriflettu l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrestrinġi l-portata tal-klawżola ta’ ineliġibbiltà tal-VAT kif kienet preċedentement prevista fl-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 1080/2006.

61      Għalhekk, l-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 issa jirrestrinġi l-ineliġibbiltà tal-VAT għall-kontribuzzjonijiet tal-FEŻR li għandhom in-natura, b’mod partikolari, ta’ sussidju, għall-unika ipoteżi li fiha din it-taxxa tista’ tinġabar lura skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT, u mhux, kif issostni l-Kummissjoni, bi kwalunkwe mezz.

62      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li teżisti differenza terminoloġika bejn l-espressjoni “tista’ tintradd lura”, imsemmija fl-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru1303/2013, u l-espressjoni “t-taxxa mnaqqsa” li tinsab, b’mod partikolari, fl-Artikoli 167, 168a, 188, 226, 295 u 310 tad-Direttiva tal-VAT.

63      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, il-possibbiltà għall-benefiċjarju ta’ kontribut finanzjarju ta’ Fond SIE li jirkupra l-VAT ma tikkorrispondix strettament mad-dritt għal tnaqqis li għandha l-persuna taxxabbli fil-kuntest tad-Direttiva tal-VAT (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2012, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, T‑89/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:451, punt 47, u tal‑20 ta’ Settembru 2012, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, T‑407/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:453, punt 46).

64      Madankollu, mill-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriżulta li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT jikkostitwixxi metodu ta’ rkupru li jostakola l-inklużjoni tal-VAT fl-ispejjeż eliġibbli għall-kontribuzzjoni tal-Fondi SIE, fatt li, barra minn hekk, ebda waħda mill-partijiet ma tikkontesta.

65      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal tnaqqis, li jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT, jiġi eżerċitat immedjatament għat-taxxi kollha imposti fuq it-tranżazzjonijiet tal-input imwettqa u huwa intiż sabiex jeħles kompletament lill-persuna taxxabbli mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħha. Is-sistema komuni tal-VAT tiżgura n-newtralità tat-taxxa tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għan jew mir-riżultat tagħhom, bil-kundizzjoni li dawn l-attivitajiet ikunu fihom innifishom, bħala prinċipju, suġġetti għall-VAT. Sa fejn il-persuna taxxabbli, li taġixxi bħala tali fil-mument meta takkwista oġġett jew servizz, tuża dan l-oġġett jew dan is-servizz għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha, din hija awtorizzata li tnaqqas il-VAT dovuta jew imħallsa għall-imsemmi oġġett jew l-imsemmi servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C‑132/16, EU:C:2017:683, punti 25 sa 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fil-kuntest tar-Regolament Nru 1303/2013, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT iggarantit mid-Direttiva tal-VAT jippermetti għalhekk lill-benefiċjarju ta’ sussidju ta’ Fond SIE, meta dan il-benefiċjarju jkollu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli fis-sens ta’ din id-direttiva, jirkupra l-VAT li huwa ħallas preċedentement waqt il-kunsinna ta’ oġġetti jew tal-provvista ta’ servizzi ssussidjati.

67      Konsegwentement, għalkemm l-espressjoni “VAT li tista’ tinġabar lura skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT” tinkludi neċessarjament il-VAT li tista’ titnaqqas, hija ma tistax tkun limitata għal dan il-każ biss, peress li possibbiltajiet oħra ta’ rkupru previsti mid-dritt nazzjonali fil-qasam tal-VAT jistgħu wkoll jostakolaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-VAT fil-kuntest tal-kontribuzzjoni tal-Fondi SIE.

68      Fir-raba’ u l-aħħar lok, huwa minnu li, bħall-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 1080/2006 u l-Artikolu 3(e) tar-Regolament Nru 1084/2006, li huwa ispirat b’mod partikolari minnhom, l-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 ma jidentifikax l-entità jew il-persuna li mill-perspettiva tagħha għandha tiġi evalwata n-natura irkuprabbli tal-VAT.

69      Madankollu, mill-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriżulta li nefqa hija eliġibbli għal kontribuzzjoni ta’ Fond SIE jekk din tkun ġiet mibdija minn benefiċjarju ta’ tali kontribuzzjoni u mħallsa matul il-perijodu rilevanti. Għaldaqstant, huma biss l-ispejjeż li jsiru u li jitħallsu minn dan il-benefiċjarju li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala spejjeż eliġibbli tal-proġett ikkonċernat. Il-kunċett ta’ “benefiċjarju” huwa ddefinit fil-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament bħala korp pubbliku jew privat li huwa responsabbli jew mit-tnedija, jew mit-tnedija u l-implimentazzjoni tat-tranżazzjonijiet.

70      Għalhekk, bħalma l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25 u rettifiki fil-ĠU 2006, L 239, p. 248, fil-ĠU 2007, L 145, p. 38, fil-ĠU 2007, L 164, p. 36, u fil-ĠU 2008, L 301, p. 40), u r-Regolament Nru 1084/2006 (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2012, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, T‑89/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:451, punt 51), għandu jitqies li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1303/2013, isir riferiment għall-eliġibbiltà tal-VAT, għall-benefiċjarju tal-intervent ta’ Fond SIE.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-kuntest tax-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1080/2006, il-Kunsill adotta, fit‑12 ta’ Ġunju 2006, pożizzjoni komuni fuq il-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni li jikkonċerna l-FEŻR, skont liema l-VAT mhux rimborsabbli “realment u definittivament imħallsa mill-benefiċjarju” għandha tiġi kkunsidrata bħala spiża ammissibbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni skont il-Fondi. F’komunikazzjoni indirizzata fit‑13 ta’ Ġunju 2006 lill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni indikat li kienet favur din il-pożizzjoni komuni.

72      Huwa f’dan il-kuntest li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 1080/2006, li kien jipprevedi li l-VAT li tista’ tinġabar lura ma kinitx tikkostitwixxi spiża eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEŻR.

73      Issa, mix-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1303/2013 bl-ebda mod ma jirriżulta li l-indikazzjoni tal-entità jew tal-persuna li mill-perspettiva tagħha għandha tiġi evalwata n-natura rkuprabbli tal-VAT, jiġifieri l-benefiċjarju ta’ kontribuzzjoni ta’ Fond SIE, ġiet emendata fid-dawl ta’ dik li kienet inżammet mil-leġiżlatur meta adotta, b’mod partikolari, l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 1080/2006.

74      Konsegwentement, jekk il-VAT dovuta minħabba t-twettiq ta’ operazzjoni ssussidjata minn Fond SIE tkun realment u definittivament sostnuta mill-benefiċjarju ta’ dan is-sussidju u jekk din il-VAT tista’ tinġabar lura minnu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT, l-imsemmija VAT ma tistax tiġi inkluża fl-ispejjeż eliġibbli għal dan is-sussidju.

75      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandhom jiġu eżaminati t-tliet motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, li r-Repubblika Taljana tallega li huma bbażati kollha fuq ksur tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilfatt li lMinisteru għallIżvilupp Ekonomiku jappartjeni għallamministrazzjoni ċentrali talIstat Taljan

76      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku għandu l-kwalità ta’ benefiċjarju tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEŻR fis-sens tad-definizzjoni stabbilita fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013.

77      Barra minn hekk, fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, it-terminu “‘operazzjoni’ tfisser proġett, kuntratt, azzjoni jew grupp ta’ proġetti magħżula mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-programmi ikkonċernati, jew taħt ir-responsabbiltà tagħhom, li tikkontribwixxi għall-objettivi ta’ prijorità jew prijoritajiet”.

78      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li l-kostruzzjoni minn Open Fiber, bi ħlas, ta’ infrastruttura bħal netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna kienet tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġett magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli għall-VAT li taġixxi bħala tali, li hija suġġetta għall-VAT skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, u li l-oneru tal-VAT relatat mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni tal-imsemmi netwerk kien ibbażat fuq il-benefiċjarju tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR, jiġifieri l-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku.

79      Fir-rigward tal-motiv li jinsab fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-VAT imħallsa mill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku lill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala spiża sostnuta mill-amministrazzjoni ċentrali tal-Istat Taljan, il-Kummissjoni tispjega li ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Istat, li huwa alimentat, b’mod partikolari, mir-riżorsi li ġejjin mill-irkupru tal-VAT.

80      Madankollu, minn naħa, mill-atti tal-proċess bl-ebda mod ma jirriżulta li l-ispiża tal-VAT esposta mill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku minħabba l-implimentazzjoni tal-proġett kbir BUL kienet is-suġġett ta’ kumpens baġitarju mill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, b’tali mod li tali modalità ta’ rkupru tal-VAT mill-benefiċjarju tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR ma hijiex stabbilita.

81      Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżunt li tali tpaċija tal-baġit teżisti, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix li hija għandha n-natura ta’ rkupru skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT.

82      Issa, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013, u kif indikat fil-punti 52 sa 61 iktar ’il fuq, l-ineliġibbiltà tal-VAT għall-kontribuzzjonijiet tal-FEŻR hija limitata biss għall-ipoteżi li fiha l-benefiċjarju li huwa espost għall-ħlas ta’ din it-taxxa jista’ jirkupraha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT, u mhux, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, fil-każ fejn il-VAT tista’ tinġabar lura bi kwalunkwe mezz.

83      Barra minn hekk, ir-raġuni li tinsab fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tintlaqa’ peress li jkollha l-konsegwenza li teskludi sistematikament il-VAT mill-ispejjeż eliġibbli għall-kontribuzzjonijiet tal-FEŻR meta l-benefiċjarju jkun awtorità ċentrali ta’ Stat Membru, bħal dipartiment ministerjali, bħal f’dan il-każ.

84      Issa, minbarra li tali interpretazzjoni bl-ebda mod ma tirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013, din twassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-korpi pubbliċi li jistgħu jibbenefikaw mill-fondi SIE, bi ksur tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, li jinkludi fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ benefiċjarju l-korpi pubbliċi, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-korpi jappartjenu lill-amministrazzjoni ċentrali ta’ Stat Membru jew għandhom personalità ġuridika distinta u awtonoma tal-Istat li jaqgħu taħtu.

85      Konsegwentement, billi bbażat ruħha fuq il-motiv li jinsab fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li l-ħlas tal-VAT mill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku mingħand il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi ma jistax jiġi kkunsidrat bħala spiża sostnuta mill-amministrazzjoni ċentrali tal-Istat Taljan, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ilfatt li lpiż talVAT ma kienx jaqa’ fuq ilMinisteru għallIżvilupp Ekonomiku

86      Fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, li l-ispiża tal-VAT marbuta mal-kostruzzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità kbira ħafna kienet imputabbli lil Infratel, li taġixxi bħala kumpannija interna tal-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, u mhux lil dan tal-aħħar. Skont id-Direttiva tal-VAT, ebda taxxa ma hija dovuta fil-kuntest ta’ “tranżazzjoni interna”, b’tali mod li l-VAT ma kellhiex tiġi inkluża fil-fatturi indirizzati minn Infratel lil dan il-ministeru. Barra minn hekk, peress li Infratel għandha l-kwalità ta’ persuna taxxabbli għall-VAT, hija setgħet tnaqqas il-VAT inkwistjoni.

87      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fit-talba tagħhom intiża għall-kisba tal-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR, l-awtoritajiet Taljani indikaw li l-finanzjament kollu tal-proġett kbir BUL, jiġifieri mhux biss l-ispejjeż f’kapital li jinkludu l-ispejjeż ta’ akkwist ta’ assi bħal infrastrutturi, iżda wkoll l-ispejjeż tal-operat, ser jiġi ġestit permezz ta’ Infratel, mingħajr ma ppreċiżaw li din il-kumpannija ma tħallasx il-VAT.

88      Madankollu, ġie indikat, f’din l-istess talba, li l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku kien ser jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tal-operat, li normalment jinkludu t-taxxi, skont il-ftehim ta’ programm konkluż fl‑20 ta’ Ottubru 2015 bejn dan il-ministeru, Agenzia nazionale per l’attrazione degli investimenti e lo sviluppo d’impresa u Infratel.

89      Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani ppreċiżaw espressament li huma kienu integraw il-VAT fl-ispejjeż eliġibbli, peress li din it-taxxa kienet ser titħallas mill-benefiċjarju, jiġifieri l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku.

90      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 15 iktar ’il fuq u mir-risposti tar-Repubblika Taljana għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-iżvolġiment tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna, il-konċessjonarju, Open Fiber, kellu jibgħat il-fatturi li jikkorrispondu għall-ispiża ta’ dawn ix-xogħlijiet u jinkludi l-VAT lil Infratel, li kellha tħallas biss l-ammont mingħajr VAT ta’ dawn il-fatturi.

91      Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku kellu jħallas il-parti ta’ dawn il-fatturi li jikkorrispondu għall-VAT direttament mingħand il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, skont id-dispożittiv derogatorju tal-ħlas li nqasam tal-VAT imsemmi fil-punt 15 iktar ’il fuq, li permezz tiegħu l-VAT dovuta fuq il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi intiżi għall-awtoritajiet pubbliċi kellha titħallas direttament mill-imsemmija awtoritajiet fuq kont bankarju separat u bblokkat mill-awtorità tat-taxxa.

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-istruttura istituzzjonali adottata mill-awtoritajiet Taljani għall-implimentazzjoni tal-proġett kbir BUL, li l-Kummissjoni ma tikkontestax, l-oneru tal-VAT relatat mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna kien jaqa’ fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna tal-FEŻR, jiġifieri l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, u mhux f’Infratel.

93      Issa, fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-VAT ma kinitx dovuta fil-kuntest ta’ “tranżazzjonijiet interni”, b’tali mod li Infratel setgħet tħallas il-VAT relatata mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna minflok il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, u li din il-kumpannija setgħet tnaqqasha sussegwentement.

94      B’hekk, skont il-Kummissjoni, l-ispiża li tikkostitwixxi l-VAT ikkawżata mill-ispejjeż ta’ kostruzzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna ma għandhiex in-natura ta’ spiża finanzjarja ċerta għall-benefiċjarju tal-għajnuna tal-FEŻR. Minn dan jirriżulta li l-VAT ma tikkostitwixxix spiża eliġibbli għall-benefiċjarju.

95      Madankollu, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċetti ta’ “tranżazzjoni interna” u ta’ “kumpannija interna” ma humiex previsti mid-Direttiva tal-VAT. Il-Kummissjoni lanqas ma bbażat ruħha fuq dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan fil-qasam tal-VAT li jiddefinixxu jew jużaw tali kunċetti.

96      B’mod iktar ġenerali, il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li Infratel ma kellhiex, bħala kumpannija ġuridikament distinta mill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, tgħaddi l-VAT lil dan tal-aħħar.

97      It-tieni, sa fejn il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tirreferi għall-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, huwa minnu li din id-dispożizzjoni tipprevedi, fl-ewwel paragrafu tagħha, li kull Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħda l-persuni stabbiliti fit-territorju tiegħu li huma indipendenti legalment, iżda li huma marbuta mill-qrib bejniethom fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv.

98      Issa, tali dispożizzjoni hija ta’ natura kundizzjonali, sa fejn din timplika l-intervent ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddeterminaw il-portata konkreta tar-rabtiet stretti fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv bejn il-persuni kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt, C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punt 50). Barra minn hekk, kif issostni r-Repubblika Taljana mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, il-possibbiltà offruta mill-imsemmija dispożizzjoni ma ġietx implimentata fil-leġiżlazzjoni Taljana f’dak li jikkonċerna entitajiet bħall-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku u Infratel, li jikkostitwixxu żewġ entitajiet legali distinti.

99      Għalhekk, u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li l-operazzjonijiet bejn Infratel u l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku kienu twettqu bejn żewġ entitajiet li kienu jifformaw persuna taxxabbli waħda fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, li kien jippermetti lill-imsemmi ministeru li jgħaddi fuq Infratel il-VAT dovuta għall-kostruzzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna.

100    It-tielet, huwa minnu li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-deċiżjoni li jitqassam id-dħul u l-ispejjeż bejn diversi korpi pubbliċi li jaqgħu taħt l-istess Stat Membru kif ukoll bejn diversi persuni responsabbli għal proġett ma tistax tbiddel l-evalwazzjoni tan-natura eliġibbli tal-ispejjeż, b’mod partikolari dik tal-VAT imħallsa għat-twettiq tal-imsemmi proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2012, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, T‑407/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:453, punt 32).

101    Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, l-għażla tal-awtoritajiet Taljani li ma jużawx is-servizzi ta’ Infratel baqgħet mingħajr effett fuq il-ħlas mill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku tal-VAT, li kien ġie ffatturat lilha direttament minn Open Fiber, għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna.

102    Barra minn hekk, il-Kummissjoni la tistabbilixxi, u lanqas tallega, li l-istruttura istituzzjonali adottata mill-awtoritajiet Taljani għat-twettiq tal-proġett kbir BUL, sa fejn tqiegħed l-oneru finali tal-VAT fuq il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, kienet irregolari fid-dawl tar-regoli stabbiliti mid-Direttiva tal-VAT.

103    Konsegwentement, it-tieni motiv li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq il-fatt li l-piż tal-VAT relatat max-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna kellu jaqa’ biss fuq Infratel bħala kumpannija interna tal-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, jikser ukoll l-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq innewtralizzazzjoni talVAT dovuta fuq ixxogħlijiet ta’ kostruzzjoni tannetwerk ta’ aċċess għallinternet b’veloċità għolja ħafna permezz talVAT miġbura fuq ittariffi ta’ konċessjoni ta’ dan innetwerk

104    Fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, li t-tariffi ta’ konċessjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna mħallsa mill-konċessjonarju lil Infratel, fil-kwalità ta’ awtorità kontraenti, huma suġġetti għall-VAT, li titħallas direttament mill-konċessjonarju lill-amministrazzjoni fiskali Taljana, skont id-dispożittiv tal-ħlas imqassam. Għalhekk, il-VAT tal-input dovuta fuq ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ dan in-netwerk hija nnewtralizzata mill-VAT tal-output miġbura fuq l-imsemmija tariffi u hija, minħabba f’hekk u fit-teorija, rekuperabbli.

105    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv, dwar in-newtralizzazzjoni tal-VAT dovuta fuq ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni permezz tal-VAT li Infratel kienet tirċievi fuq it-tariffi ta’ konċessjoni, ma huwiex relatat mal-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, li huwa l-benefiċjarju tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR għall-implimentazzjoni tal-proġett kbir BUL. Għalhekk, tali raġuni ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi li dan il-Ministeru huwa f’pożizzjoni li jirkupra, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT, il-VAT li huwa għandu jħallas fuq il-fatturi li jikkorrispondu għall-fażi ta’ kostruzzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna.

106    Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li, skont il-progress tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-imsemmi netwerk, Infratel kellha tħallas biss l-ammont mingħajr taxxa tal-fatturi mibgħuta minn Open Fiber, filwaqt li l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku kellu jħallas il-parti ta’ dawn il-fatturi li tikkorrispondi għall-VAT direttament lill-awtorità tat-taxxa.

107    Barra minn hekk, kif tindika r-Repubblika Taljana mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku ma huwiex ikkunsidrat bħala persuna taxxabbli għall-attivitajiet jew għat-tranżazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet istituzzjonali, bħat-twettiq tal-proġett kbir BUL, peress li jwettaq dawn l-attivitajiet jew dawn it-tranżazzjonijiet bħala awtorità pubblika, konformement mal-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-VAT, li ġie traspost fl-ordinament ġuridiku Taljan permezz tal-Artikolu 4 tad-decreto del Presidente delle Repubblica n. 633 – Istituzione e disciplina dell’ imposta sul valore aggiunto (digriet tal-President tar-Repubblika Nru 633, li jistabbilixxi u jirregola t-taxxa fuq il-valur miżjud), tas‑26 ta’ Ottubru 1972 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 292, tal‑11 ta’ Novembru 1972).

108    Għalhekk, il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku ma kellux il-possibbiltà li jnaqqas il-VAT relatata mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna skont il-modalitajiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-VAT u fl-Artikolu 19(1) tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 633 tas‑26 ta’ Ottubru 1972.

109    Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku jista’ jirkupra indirettament, anki jekk parzjalment biss, il-VAT dovuta minn Open Fiber fuq it-tariffi ta’ konċessjoni matul il-fażi ta’ operat tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna, b’tali mod li dan il-ministeru jista’ jitqies li ma jsostnix l-ispiża reali u definittiva ta’ din l-ispiża.

110    F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li Infratel hija kumpannija b’kapital pubbliku indirettament proprjetà tal-Istat Taljan u mqiegħda taħt il-kontroll tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ rkupru indirett tal-VAT favur il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku.

111    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li tali mekkaniżmu jeżisti jew jista’ jiġi stabbilit bejn il-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku u Infratel, l-ispiża tal-VAT dovuta minn dan il-Ministeru fl-okkażjoni tal-fażi ta’ kostruzzjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna tista’ tiġi eskluża mit-total tal-ispejjeż eliġibbli għall-kontribuzzjoni tal-FEŻR biss bil-kundizzjoni li dan l-irkupru indirett tal-VAT, permezz tal-intervent ta’ Infratel, ikun previst minn leġiżlazzjoni Taljana dwar il-VAT, li lanqas ma hija allegata mill-Kummissjoni.

112    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka s-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2012, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (T‑89/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:451), u tal‑20 ta’ Settembru 2012, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni (T‑407/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:453).

113    Ċertament, f’dawn iż-żewġ kawżi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi għal annullament ippreżentati kontra żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiċħdu l-VAT tal-ispejjeż eliġibbli għall-kontribuzzjonijiet tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni.

114    Madankollu, minn naħa, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kienu rregolati, b’mod partikolari, mir-Regolament Nru 1084/2006, li l-Artikolu 3(e) tiegħu, bħall-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 1080/2006, kien jeskludi l-VAT irkuprabbli tal-ispejjeż eliġibbli għall-interventi tal-Fond ta’ Koeżjoni mingħajr il-ħtieġa li jiġi ddeterminat jekk il-modalitajiet tal-irkupru jirriżultawx minn applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-VAT.

115    Min-naħa l-oħra, fiż-żewġ kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punt 112 iktar ’il fuq, il-benefiċjarju kien ħa inkunsiderazzjoni ġestjoni finanzjarja unika tal-istadji tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-proġetti inkwistjoni f’dawn il-kawżi u kien wettaq analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji li hija speċifika għall-proġetti li jiġġeneraw dħul.

116    F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 6 iktar ’il fuq, l-għajnuna mogħtija taħt il-FEŻR għall-proġett kbir BUL tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, kif jirriżulta mill-verifika individwali tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament imwettqa mill-Kummissjoni skont ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

117    Issa, kif ġustament tindika r-Repubblika Taljana, mill-Artikolu 61(8) tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriżulta, fil-verżjoni tagħha applikabbli għad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li r-regoli dwar l-operazzjonijiet li jiġġeneraw dħul nett wara t-tlestija tagħhom ma kinux applikabbli għall-operazzjonijiet li għalihom l-għajnuna mogħtija taħt il-programm tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

118    Fl-aħħar, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix li l-leġiżlazzjoni Taljana fil-qasam tal-VAT tipprevedi mekkaniżmi oħra ta’ rkupru tal-VAT minbarra d-dritt għal tnaqqis stabbilit mid-Direttiva tal-VAT, li jippermettu lil korpi rregolati mid-dritt pubbliku bħall-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku li jirkupraw il-VAT li huma jesponu bħala konsumaturi finali.

119    Konsegwentement, is-sempliċi fatt li t-tariffi ta’ konċessjoni tan-netwerk ta’ aċċess għall-internet b’veloċità għolja ħafna mħallsa mill-konċessjonarju lil Infratel, fil-kwalità ta’ awtorità kontraenti, huma suġġetti għall-VAT jibqa’ mingħajr effett fuq l-imputabbiltà reali u definittiva lill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku tal-ispiża tal-VAT marbuta mat-twettiq tal-proġett kbir BUL. Peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li kien possibbli għal dan il-ministeru li jirkupra din l-ispiża skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT, it-tielet motiv li jinsab fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata jikser ukoll l-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013.

120    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tliet motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata jiksru l-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati ż-żewġ motivi l-oħra invokati insostenn tar-rikors.

 Dwar lispejjeż

121    Skond l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Taljana.

122    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu f’kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019) 2652 finali, tat3 ta’ April 2019, li tapprova l-kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġett kbir “Proġett nazzjonali kbir tal-broadband b’veloċità għolja ħafna – żoni bojod”, magħżula fil-kuntest tal-programmi operattivi “POR Abruzzo FESR 2014–2020”, “Basilicata”, “POR Calabria FESR FSE”, “Campania”, “POR Emilia Romagna FESR”, “POR Lazio FESR”, “POR Liguria FESR”, “POR Lombardia FESR”, “POR Marche FESR 2014-2020”, “POR Piemonte FESR”, “POR Puglia FESR-FSE”, “POR Sardegna FESR”, “Sicilia”, “Toscana”, “POR Umbria FESR”, “POR Veneto FESR 2014-2020” u “Kumpanniji u Kompetitività” fl-Italja, hija annullata safejn teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-ispejjeż imġarrba mill-benefiċjarju fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika Taljana.

3)      Ir-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

da Silva Passos

Valančius

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑22 ta’ Ġunju 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.