Language of document : ECLI:EU:C:2014:48

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Frar 2014 (*)

“Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Kaptitolu 64 — Importazzjoni ta’ komponenti neċessarji għall-manifattura ta’ żraben iddestinati għall-attività sportiva — Intestatura 6404 — Żraben bil-pettijiet esterni tal-gomma, tal-plastik, tal-ġilda naturali jew artifiċjali u parti ta’ fuq ta’ materjal tat-tessuti — Intestatura 6406 — Partijiet ta’ żraben — Regola Ġenerali 2(a) għall-Interpretazzjoni tan-Nomenklatura Maqgħquda — Oġġett inkomplet jew mhux mitmum li għandu l-‘karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum’ — Oġġett ‘preżentat mhux armat jew żarmat’ — Nota ta’ Spjega għall-Interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata — Operazzjonijiet ta’ ‘assemblaġġ’ bl-esklużjoni ta’ kull ‘operazzjonijiet ta’ ħidma ta’ natura li tiġi kkompletata l-manifattura ta’ komponenti ddestinati li jkunu assemblati’”

Fil-Kawża C‑2/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

Directeur général des douanes et droits indirects,

Chef de l’agence de la direction nationale du renseignement et des enquêtes douanières

vs

Humeau Beaupréau SAS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Borg Barthet (Relatur), President tal-Awla, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Humeau Beaupréau SAS, minn F. Puel, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u C. Candat, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Keppenne u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regola Ġenerali 2(a) għall-Interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 2, Vol. 2, p. 382) fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument tal-fatti (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn id-Directeur général des douanes et droits indirects kif ukoll ix-Chef de l’agence de la direction nationale du renseignement et des enquêtes douanière u Humeau Beaupréau SAS (iktar ʼil quddiem “Humeau”), kumpannija rregolata taħt id-dritt Franċiż, dwar il-klassifikazzjoni fin-NK ta’ komponenti neċessarji għall-manifattrua ta’ żraben iddestinati għall-attività sportiva u importati miċ-Ċina, bejn Mejju 1998 u Novembru 2000.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        In-NM, imwaqqfa bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ʼil quddiem is-“SA”), imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Mondjali tad-Dwana (OMD), u adottata mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). Hija tirriproduċi t-titoli u s-sottotitoli tas-SA għal sitt figuri, u s-seba’ u t-tmien figuri biss joħolqu sottotitoli ulterjuri li huma speċifiċi għaliha.

4        L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li tikkonċerna r-regoli ġenerali, is-Sezzjoni A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1. It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss [għandhom valur indikattiv biss]; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin. .

2.      a)     Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza [indikazzjoni] għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), [meta] preżentat mhux armat [għadu mhux immuntat] jew żarmat [mhux immuntat].

[…]

6.      Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skont it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skont ir-regoli ta’ hawn fuq, skont il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. […]”

5        It-tieni parti tan-NK tinkludi Taqsima XII, li tinkludi b’mod partikolari l-Kapitlu 64, intitolat “Ilbies għar-riġlejn, gettijiet u bħalhom; bċejjeċ ta’ dawn l-oġġetti”.

6        L-intestatura 6404 tan-NK, intitolata “Ilbies għar-riġlejn b’qigħan ta’ barra tal-lastiku, plastiks, ġilda jew imitazzjoni ta’ ġilda u b’uċuħ ta’ materjali ta’ tessuti”, tinkludi s-sottointestatura 6404 11 00 hekk ifformulata:

“Ilbies ta’ l-isport għar-riġlejn; żraben tat-tennis, żraben tal-baskitbol, żraben tal-ġinnasju, żraben tat-taħriġ u bħalhom”

7        L-intestatura 6406 tan-NK hija intitolata “Partijiet ta’ ilbies ieħor għar-riġlejn (inklużi uċuħ imwaħħlin jew le mal-qigħan ħlief qigħan ta’ barra); qigħan ta’ ġewwa li jistgħu jinqalgħu, kuxxini ta’ l-għarqbejn u oġġetti simili; getti, għata tal-pexxun (leggings) u oġġetti bħalhom, u partijiet tagħhom”.

8        Is-sottointestatura 6406 10 tkopri l-“Uċuħ u partijiet tagħhom, ħlief oġġetti li jwebbsu (stiffeners)”.

9        Is-sottointestatura 6406 20 tikkorrispondi għall-“Qigħan ta’ barra u għarqbejn, tal-lastiku jew tal-plastiks”.

10      L-Artikolu 249 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2700/00 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU L 311, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), jipprovdi li:

“Il-Kumitat [tal-Kodiċi Doganali] jista’ jeżamina kull kwistjoni li għandha x’taqsam mal-leġiżlazzjoni tad-dwana mqajma mill-President, jew minn rajh jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.”

 In-Noti ta’ Spjega tas-SA

11      L-OMD approvat, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA.

12      In-Nota ta’ Spjega dwar ir-Regola Ġenerali 2(a) għall-Interpretazzjoni tas-SA [iktar ʼil quddiem in-“NSSA dwar ir-Regola 2(a)”], regola li hija fformulata b’mod identiku għar-Regola Ġenerali 2(a) għall-Interpretazzjoni tan-NM, hija hekk ifformulata:

“I)       L-ewwel parti tar-Regola 2(a) twessa’ l-portata tal-intestaturi li jirreferu għal oġġett speċifiku, b’mod li tkopri mhux biss l-oġġett komplut iżda wkol l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, bil-kundizzjoni li għandu, f’dan l-istat, il-karatteristiċi essenzjali tal-oġġett komplut jew mitmum.

[…]

Oġġetti li jinsabu fl-istat żarmat jew mhux immuntat

V)       It-tieni parti tar-Regola 2(a) tikklassifika, fl-istess pożizzjoni bħall-oġġett immuntat, l-oġġett komplut jew mitmum li jinsab fl-istat żarmat jew mhux immuntat. L-oġġetti li jinsabu f’dan l-istat huma hekk fuq kollox għal raġunijiet bħalma huma l-ħtiġijiet jew il-konvenjenza tal-ippakkjar, tat-tqandil jew tat-trasport.

VI)      Din ir-Regola ta’ klassifikazzjoni tapplika wkoll għall-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum li jinsab fl-istat żarmat jew mhux immuntat mill-mument meta huwa kkunsidrat bħala komplut jew mitmum skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel parti tar-Regola.

VII)      Għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett li jinsab fl-istat żarmat jew mhux immuntat għall-applikazzjoni ta’ din ir-Regola, l-oġġett li l-komponenti differenti tiegħu għandhom ikunu assemblati kemm permezz ta’ mezzi bħalma huma viti, boltijiet, skorfini, eċċ, kif ukoll billi jiġu rbattuti jew iwweldjati, pereżempju, bil-kundizzjoni madankollu li jkun hemm biss operazzjonijiet ta’ muntaġġ.

F’dan ir-rigward, ma hemmx lok li tiġi kkunsidrata l-kumplessità tal-metodu ta’ muntaġġ. Madankollu, il-komponenti differenti ma jista’ jsirulhom ebda operazzjoni ta’ ħidma tali li tikkompleta l-manifattura tagħhom.

Il-komponenti mhux immuntati ta’ oġġett, li huma iżjed min-numru rikjest sabiex jiġi kkostitwit oġġett sħiħ, għandhom ikunu kklassifikati b’mod separat.

VIII) Każijiet ta’ applikazzjoni tar-Regola huma pprovduti fil-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali tat-Taqsimiet jew tal-Kapitli (Taqsima XVI, Kapitoli 44, 86, 87 u 89 b’mod partikolari).

IX)      Fid-dawl tal-portata tal-intestaturi tat-Taqsimiet I sa VI, din il-parti tar-Regola normalment ma tapplikax normalment għall prodotti ta’ dawn it-Taqsimiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt Franċiż

13      Skont l-Artikolu 443(1) tal-Kodiċi Doganali Franċiż (Code des douanes), kif emendat bil-Liġi Nru 77-1453, tat-29 ta’ Diċembru 1977, li jagħti garanziji proċedurali lill-persuni taxxabbli fil-qasam fiskali u tad-dwana (loi n° 77-1453, du 29 décembre 1977, accordant des garanties de procédure aux contribuables en matière fiscale et douanière; JORF, 30 ta’ Diċembru 1977, p. 6279):

“Il-Kummissjoni ta’ konċilazzjoni u ta’ kompetenza doganali (commission de conciliation et d’expertise douanière) tinkludi:

–        Imħallef jew maġistrat mill-bank tal-ġudikatura, President;

–        żewġ assessuri maħtura għall-kompetenza teknika tagħhom;

–        membru tal-kunsill tal-Qorti Amministrattiva.

Fil-każ li jiġu indaqs, il-vot tal-President għandu jkun deċiżiv”.

14      L-Artikolu 450 ta’ dan il-Kodiċi, kif emendat bil-Liġi Nru 96-314, tat-12 ta’ April 1996, li għandha diversi dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika u finanzjarja (loi n° 96-314, du 12 avril 1996, portant diverses dispositions d’ordre économique et financier, JORF, 13 ta’ April 1996, p. 5707), jipprovdi:

“1.      Meta kontestazzjonijiet dwar it-tip, l-oriġini jew il-valur huma mqajma wara r-rilaxx ta’ oġġetti waqt l-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet imwettqa skont il-kundizzjonijiet previsti b’mod partikolari mill-Artikoli 63b, 65 u 334 iktar ʼ il fuq:

a)      kwalunkwe parti tista’, fi żmien xahrejn min-notifika tal-att amministrattiv ta’ konstatazzjoni tal-ksur, tikkonsulta lill-Commission de conciliation et d’expertise douanière […];

[…]

d)       fil-każ ta’ proċeduri sussegwenti quddiem il-qrati, il-konklużjonijiet mogħtija mill-Commission de conciliation et expertise douanière fil-kuntest tal-konsultazzjoni msemmija f’(a) u (b) ta’ dan l-artikolu jiżdiedu mal-proċess mill-president ta’ din il-Commission.

2.       Fil-każijiet kollha fejn jinbdew proċeduri quddiem il-qrati, kemm jekk hemm konsultazzjoni minn qabel tal-Commission de conciliation et d’expertise douanière u kemm jekk ma hemmx, ir-rapport ta’ perizja legali, jekk ordnata mill-qorti kompetenti li tiddeċiedi dwar il-kawżi tad-dwana, għandu jsir mill-imsemmija Commission.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Humeau twettaq l-attività tal-manifattura taż-żraben. Bejn Mejju 1998 u Novembru 2000, hija importat miċ-Ċina l-komponenti neċessarji għall-manifattura ta’ żraben iddestinati għall-użu fl-isport.

16      Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-komponenti li ġejjin kienu importaw bi kwantitajiet identiċi:

–        partijiet ta’ fuq, iddikjarati lid-dwana bħala li jaqgħu taħt is-subintestatura 64 06 10 90 tan-NK;

–        pettijiet esterni, iddikjarati lid-dwana bħala li jaqgħu taħt is-subintestaturi 6406 20 10 u 6406 20 90 tan-NM;

–        pettijiet interni, iddikjarati lid-dwana bħala li jaqgħu taħt is-subintestaturi 6406 99 80 tan-NM; u

–        lazzijiet, iddikjarati lid-dwana bħala li jaqgħu taħt is-subintestatura 6307 90 99 tan-NM.

17      Il-pettijiet, esterni u interni, kif ukoll il-partijiet ta’ fuq kienu suġġetti għal dazji tal-importazzjoni, ta’ 3.3 % fl-1998, wara ta’ 3 % mill-1999, filwaqt li l-lazzijiet kienu intaxxati 6.3 %.

18      Wara spezzjoni fil-bini ta’ Humeau, l-awtoritajiet doganali Franċiżi kkunsidraw, skont ir-Regola Ġenerali 2(a) għall-Interpretazzjoni tan-NM, li dawn l-oġġetti għandhom jiġu kklassifikati, bħala żraben li jinsabu fl-istat mhux immuntat, taħt l-intestatura tariffarja 6404 11 00. Dawn l-awtoritajiet b’hekk stmaw li dawn l-oġġetti jinħtieġu, wara l-importazzjoni tagħhom, mhux li ssir ħidma fuqhom, iżda biss immuntar, hekk li d-dazju doganali rilevanti kien dak applikabbli għall-prodott mitmum li l-imsemmija oġġetti kienu maħsuba għalih, jiġifieri 17.6 % fl-1998 u 17 % mill-1999. Konsegwentement, fil-5 ta’ Ġunju 2001, irrediġew rapport ta’ konstazzjoni ta’ ksur.

19      Fl-24 ta’ Lulju 2001, Humeau marret quddiem il-Commission de conciliation et d’expertise douanière. Permezz ta’ opinjoni tat-2 ta’ Lulju 2002, din tal-aħħar ikkunsidrat li l-komponenti importati minn Humeau għandhom jiġu kklassifikati bħala partijiet ta’ żraben. Hija fil-fatt qieset, “wara li eżaminat il-kampjuni u l-preżentazzjoni tal-proċess ta’ manifattura, li tnejn miż-żewġ komponenti importati, il-parti ta’ fuq u l-pett estern, sar ħidma fuqhom, f’dan il-każ l-għoti tal-forma lill-parti fuq wara ta’ żarbuna b’umidifikazzjoni fir-rigward kemm tal-parti ta’ fuq u t-tqardix kemm tal-parti ta’ fuq kif ukoll tal-pett, ʽta’ natura li tiġi kkompletata l-manifattura tagħhomʼ, li, skont il-[NSSA dwar ir-Regola 2(a)], tipprekludi li l-oġġett kontenzjuż ʽli l-komponenti differenti tiegħu huma — bħal f’dan il-każ — iddestinati li jiġu assemblatiʼ jinsabu fl-istat żarmat jew mhux immuntat fis-sens ta’ din ir-regola”.

20      Fit-8 ta’ Lulju 2004, l-awtoritajiet doganali madankollu, ikkunsidraw li l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jaqgħu taħt l-intestatura tariffarja 6404 11 00 u, konsegwentement, ħarġu avviż ta’ rkupru għal ammont ta’ EUR 349 517.

21      B’ittra tat-30 ta’ Lulju 2004, Humeau ippreżentat appell amministrattiv quddiem dawn l-awtoritajiet, fejn ikkontestat il-fondatezza ta’ dan l-avviż.

22      Parallelament, l-imsemmija awtoritajiet marru quddiem il-Comité du code des douanes dwar il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tat-tariffa tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Wara l-laqgħa tas-6 u tas-7 Marzu 2008, huwa ddeċieda li “l-assemblaġġ ta’ komponenti mhux assemblati jitwettaq biss esklużivament minn operazzjonijiet ta’ assemblaġġ [ara l-paragrafu 1 u l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 tal-punt VII tal-NSSA relatata mar-Regola 2(a)] u li l-oġġett li għadu mhux mitmum għandu n-natura essenzjali tal-oġġett mitmum fis-sens tal-ewwel parti tar-Regola Ġenerali 2[(a)] għall-Interpretazzjoni tan-NM.”

23      Fil-11 ta’ Ġunju 2008, l-awtoritajiet doganali ċaħdu r-rikors amministrattiv.

24      Sussegwentement, Humeau, fid-29 Lulju 2008, ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal d’instance du 11ème arrondissement de Paris (Qorti Distrettwali tal-11-il Distrett ta’ Pariġi), għall-annullament tal-imsemmi avviż ta’ rkupru. B’sentenza mogħtija fis-16 ta’ Marzu 2010, din il-qorti laqgħet it-talba ta’ Humeau, peress li qieset b’mod partikolari li “l-konstatazzjoni tal-ksur kien ibbażat fuq teħid inkunsiderazzjoni żbaljata tal-operazzjonijiet neċessarji sabiex jinkiseb il-prodott mitmum.”

25      Meta ddeċidiet fuq l-appell li sar mill-awtoritajiet doganali, il-Cour d’appel de Paris (Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) iddeċidiet ukoll li d-deskrizzjoni mill-awtoritajiet doganali tal-operazzjonijiet neċessarji sabiex, minn sett ta’ partijiet separati, jinkiseb il-prodott mitmum, u li skontha “teknikament, huwa biżżejjed li jitwaħħlu flimkien sabiex jerġgħu jiġu kkostitwiti ż-żraben”, ma tikkorrispondix għar-realtà.

26      Meta jiġi kkunsidrat li xi partijiet kellhom isirulhom trasformazzjonijiet, bħat-tqardix tal-pett estern u tal-parti ta’ isfel kif ukoll tal-parti ta’ fuq, li ċerti operazzjonijiet ta’ irfinar fuq it-tarf tal-pettijiet, li ċerti operazzjonijiet ma jinvolvux biss sempliċi assemblaġġ, ukoll kumpless, bħat-twaqqif u t-tiġbid fuq forma ta’ żarbuna u li tingħata l-forma lill-parti fuq wara ta’ żarbuna li tagħti sapport lill-parti tal-ġenb ta’ żarbuna, il-cour d’appel de Paris iddeduċiet minn dan li l-ksur tad-dwana imputat lil Humeau huwa bbażat fuq teħid inkunsiderazzjoni ineżatta tal-operazzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb il-prodott mitmum u, konsegwentement, annullat l-avviż ta’ rkupru tat-8 ta’ Lulju 2004.

27      L-awtoritajiet doganali appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostnew b’mod partikolari li, peress li t-tqardix tal-parti ta’ fuq u tal-pett estern importati kif ukoll li tingħata l-forma lill-parti fuq wara ta’ żarbuna li tagħtu sapport lill-parti tal-ġenb ta’ żarbuna imdaħħla fil-parti ta’ fuq jikkostitwixxu operazzjonijiet ta’ ħidma ta’ natura li tiġi kkompletata l-manifattura tagħhom tal-partijiet ta’ fuq u tal-pettijiet esterni importati, meta dawn jirrigwardaw biss operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ta’ komponenti prefabbrikati sabiex jikkostitwixxu żarbuna, il-cour d’appel de Paris kisret ir-Regola Ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll il-punt VII tan-NSSA relatata ma’ din ir-regola.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fil-proċess tal-immanifatturar ta’ żarbuna, l-operazzjonijiet li permezz tagħhom tingħata forma lill-parti fuq wara ta’ żarbuna li tagħti sapport lill-parti tal-ġenb ta’ żarbuna u ta’ roughing tal-imsemmija parti fuq wara ta’ żarbuna u ta’ pett estern, li jitwettqu qabel l-assemblaġġ tagħhom, għandhom jiġu kklassifikati bħala “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” jew bħala “operazzjonijiet ta’ ħidma ta’ natura li tiġi kkompletata l-manifattura tagħhom”, fis-sens tal-punt VII tan-[NSSA relatata mar-Regola 2(a)]?”

 Fuq id-domanda preliminari

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk fil-proċess ta’ manifattura ta’ żarbuna, li tingħata forma lill-parti fuq wara ta’ żarbuna li tagħti sapport lill-parti tal-ġenb ta’ żarbuna kif ukoll it-tqardix tal-parti fuq wara ta’ żarbuna u ta’ pett estern li jitwettqu qabel l-assemblaġġ tagħhom jikkostitwixxux “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” jew “operazzjonijiet ta’ ħidma ta’ natura li tiġi kkompletata l-manifattura tagħhom”, fis-sens tal-punt VII tan-NSSA relattivi għar-Regola 2(a).

30      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tar-Regola Ġenerali 2(a) għall-Interpretazzjoni tan-NM, kull riferiment għal oġġett f’intestatura speċifika jkopri dan l-oġġett anki jekk mhux komplut jew mhux mitmum, peress li dan għandu, fl-istat li huwa, il-karatteristiċi essenzjali tal-oġġett komplut jew mitmum. Skont it-tieni sentenza ta’ din ir-Regola Ġenerali 2(a) jaqa’ wkoll taħt din l-intestatura l-oġġett komplut jew mitmum, jew ikkunsidrat bħala tali skont din l-ewwel sentenza, meta jinsab fl-istat żarmat jew mhux immuntat.

31      Il-punt VII tal-NSSA relatat mar-Regola 2(a) jispeċifika, f’dan ir-rigward, li għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett fl-istat żarmat jew mhux immuntat dak li l-komponenti differenti tiegħu huma ddestinati li jkunu assemblati, bil-kundizzjoni madankollu li jsiru biss operazzjonijiet ta’ muntaġġ u li l-komponenti differenti ma jsirulhom ebda operazzjonijiet ta’ ħidma ta’ natura li tiġi kkompletata l-manifattura tagħhom.

32      Issa, għalkemm in-Noti ta’ Spjega żviluppati mill-ODD jikkostitwixxu strument importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, inkwantu tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm, C‑568/11, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), madankollu dawn ma humiex legalment vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1980, Chem-Tec, 798/79, Ġabra p. 2639, punt 11; tas-16 ta’ Ġunju 1994, Develop Dr. Eisbein, C‑35/93, Ġabra p. I‑2655, punt 21, u tal-15 ta’ Novembru 2012, Kurcums Metal, C‑558/11, punt 30).

33      Hemm lok, għaldaqstant li tiġi fformulata mill-ġdid id-domanda magħmula fis-sens li, essenzjalment, jekk ir-Regola Ġenerali 2(a) għall-Interpretazzjoni tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li parti ta’ fuq, pett estern u pett intern ta’ żarbuna jaqgħux, bħala oġġett li jinsab fl-istat mhux immuntat li għandu l-karatteristiċi essenzjali ta’ żraben, taħt l-intestatura 6404 tan-NM, meta, wara l-importazzjoni tagħhom, il-parti ta’ fuq u l-pett estern għandhom ikunu suġġetti għal operazzjoni ta’ tqardix qabel l-assemblaġġ tagħhom u li l-parti fuq wara ta’ żarbuna li tagħti sapport lill-parti tal-ġenb, imdaħħla fil-parti ta’ fuq, għandhom ikunu suġġetti għal operazzjoni ta’ għoti ta’ forma lill-parti fuq wara ta żarbuna li tagħti sapport lill-parti tal-ġenb, permezz ta’ umidifikazzjoni.

34      Il-karatteristiċi ta’ żarbuna jinsabu essenzjalment fl-għaqda tal-parti ta’ fuq u ta’ pett estern. Dawn il-komponenti jirrappreżentaw fil-fatt il-biċċa l-kbira tal-oġġett komplet li għalih huma ddestinati u jagħtu lil dan tal-aħħar l-aspett ta’ żarbuna. Barra minn hekk, huma jdawwru u jipproteġu s-sieq tal-utent, u b’hekk jippermettu liż-żarbuna li twettaq il-funzjoni primarja tagħha.

35      Huwa wkoll sinjifikattiv f’dan ir-rigward il-fatt li, fid-determinazzjoni tal-intestatura tariffarja li taħtha huma kklassifikati ż-żraben, hemm lok li, skont it-termini tal-intestaturi NC 6401 sa 6405 tan-NK, jiġu eżaminati l-parti ta’ fuq tagħhom u l-pett estern tagħhom.

36      Fl-aħħar nett, skont il-formulazzjoni tal-intestatura 6406 tan-NM, il-partijiet tal-ġenb jikkostitwixxu “partijiet ta’ il-bies ieħor għar-riġlejn”, anki meta jkunu imwaħħlin mal-pettijiet li ma humiex il-pettijiet esterni. Isegwi, a contrario, li oġġett magħmul mill-parti ta’ fuq ta’ żarbuna mwaħħal ma’ pett estern ma jistax jiġi kklassifikat taħt l-intestatura NM 6406 u jaqa’, għaldaqstant, taħt waħda mill-intestaturi 6401 sa 6405 tan-NM li tikkorrispondi għal żraben kompluti.

37      Għaldaqstant, oġġett wieħed magħmul minn parti ta’ fuq, pett estern u pett intern għandu, skont l-ewwel sentenza tar-Regola Ġenerali 2(a) tan-NK, jitqies bħala li għandu l-karatteristiċi essenzjali ta’ żarbuna.

38      Fir-rigward, fit-tieni lok tal-kwistjoni dwar jekk l-oġġetti importati minn Humeau għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li huma żraben “mhux armat” fis-sens tal-imsemmija regola, għandu jiġi kkonstatat li n-NK ma għandha ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ oġġett “mhux armat” fis-sens tar-Regola Ġenerali 2(a) ta’ din in-nomenklatura.

39      Għall-kuntrarju, in-Noti ta’ Spjega tas-SA li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxu strument importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-Tariffa Doganali Komuni u, bħala tali, jipprovdu elementi validi għall-interpretazzjoni ta’ din it-tariffa, jindikaw fil-punt VII tal-NSSA dwar ir-Regola 2(a), li “għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett li jinsab fl-istat żarmat jew mhux immuntat għall-applikazzjoni ta’ din ir-Regola, l-oġġett li l-komponenti differenti tiegħu għandhom ikunu assemblati [...] billi jiġu rbattuti jew iwweldjati, pereżempju bil-kundizzjoni madankollu li jkun hemm biss operazzjonijiet ta’ muntaġġ.” Barra minn hekk, “il-komponenti differenti ma jista’ jsirulhom ebda operazzjoni ta’ ħidma tali li tikkompleta l-manifattura tagħhom”.

40      Fir-rigward, qabel kollox, tal-operazzjoni ta’ tqardix tal-parti ta’ fuq u tal-pett estern, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni Ewropea jirriżulta li, fil-proċess ta’ manifattura ta’ żarbuna, talli operazzjoni tikkonsisti filli tinbarax fejn il-parti ta’ fuq u l-pett estern huma ddestinati li jkollhom kuntatt sabiex jitwaħħlu.

41      Għaldaqstant, jekk, kif isostnu r-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni, din l-operazzjoni hija ddestinata biss sabiex ittejjeb it-twaħħil bejn il-parti ta’ fuq u l-pett estern, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala stadju fil-proċess ta’ twaħħil u, fiha nnifisha, hija ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “operazzjoni ta’ ħidma ta’ natura li tiġi kkompletata l-manifattura” tal-imsemmija partijiet fis-sens tal-punt VII tal-NSSA relatata mar-Regola 2(a).

42      Fir-rigward, sussegwentement, tal-operazzjoni li permezz tagħhom tingħata forma lill-parti fuq wara ta’ żarbuna li tagħti sapport lill-parti tal-ġenb ta’ żarbuna b’umidifikazzjoni, qabel kollox għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-proċess, dawn il-partijiet fuq wara huma, b’mod differenti mill-partijiet ta’ fuq u l-pettijiet interni u esterni, suġġetti mhux għal importazzjoni, iżda għal akkwist intra-Komunitarju.

43      Issa, mill-punti VI u VII tan-NSSA relatata mar-Regola 2(a), jirriżulta li fil-każ ta’ oġġett inkomplet li jinsab fl-istat mhux immuntat, ir-rekwiżit li l-assemblaġġ tal-komponenti differenti għandu jikkonsisti f’operazzjonijiet ta’ muntaġġ biss, bl-esklużjoni ta’ kull operazzjoni ta’ ħidma ta’ natura li tiġi kkompletata l-manifattura tal-imsemmija komponenti, tikkonċerna l-komponenti li kienu ġew ippreżentati lill-awtoritajiet doganali għall-finijiet tar-rilaxx tagħhom.

44      Min-naħa l-oħra, ma huwiex importanti li l-komponenti li, bħall-parti fuq wara ta’ żarbuna li tagħti sapport lill-parti tal-ġenb ta’ żarbuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikunu s-suġġett ta’ akkwist intra-Komunitarju ssir fuqhom ħidma qabel ma jiġu assemblati mal-komponenti importati.

45      Fil-każ kuntrarju, fil-fatt, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-komponenti importati tiddependi fuq ċirkustanza li ma hijiex inerenti għal dawn l-oġġetti, peress li l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jivverifikaw jekk dawn il-komponenti li ma ġewx ippreżentati lid-dwana għandhomx jew ma għandhomx ikunu suġġetti għal ħidma qabel ma jistgħu jkunu assemblati mal-komponenti mmuntati, li jkollu l-konsegwenza li jippreġudika l-għan intiż għall-faċilità ta’ kontrolli doganali u għaċ-ċertezza legali li għandha tipprevali fl-imsemmija klassifikazzjoni.

46      Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-operazzjoni li permezz tagħha tingħata forma lill-parti fuq wara ta’ żarbuna li tagħti sapport lill-parti tal-ġenb ta’ żarbuna b’umidifikazzjoni hija, tkun liema tkun il-klassifikazzjoni fir-rigward tal-punt VII tan-NSSA relatata mar-Regola 2(a), mingħajr effett għall-applikazzjoni tar-Regola Ġenerali 2(a) għall-Interpretazzjoni tan-NM.

47      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat, fl-aħħar nett, jekk iż-żieda tal-parti fuq wara ta’ żarbuna li tagħti sapport lill-parti tal-ġenb ta’ żarbuna timplikax kwalunkwe operazzjoni ta’ ħidma ta’ komponenti importati.

48      F’dan ir-rigward, ma jidhirx, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-operazzjoni li tikkonsisti f’li tiżdied din il-parti msemmija tal-ġenb taż-żarbuna tinvolvi iktar mid-dħul u t-twaħħil ta’ dan il-komponent bejn il-parti esterna u l-inforra tal-parti ta’ fuq taż-żarbuna.

49      Jekk effettivament dan huwa l-każ, dan l-istadju jaqa’ taħt operazzjoni ta’ assemblaġġ u, bħala tali, dan ma jistax jitqies bħala operazzjoni ta’ ħidma tali li tikkompleta l-manifattura tal-parti ta’ fuq, fis-sens tal-punt VII tan-NSSA relatata mar-Regola 2(a).

50      F’dan ir-rigward, il-Comité du code des douanes, wara l-laqgħa tas-6 u tas-7 ta’ Marzu 2008, ikkunsidra, dwar l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li “l-assemblaġġ ta’ komponenti mhux assemblati twettaq esklużivament permezz ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ”.

51      Issa, il-konklużjonijiet tal-Comité du code des douanes, għalkemm ma għandhomx setgħa vinkolanti fid-dritt, huma madankollu mezzi importanti sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi tal-Kodiċi Doganali mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u jistgħu, bħala tali, jiġu kkunsidrati bħala mezzi siewja għall-interpretazzjoni tal-imsemmi kodiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Ecco Sko, C‑165/07, Ġabra p. I-4037, punt 47).

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li r-Regola Ġenerali 2(a) għall-Interpretazzjoni tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li parti ta’ fuq, pett estern u pett intern jaqgħu, bħala oġġett li jinsab fl-istat mhux immuntat li għandu l-karatteristiċi essenzjali ta’ żraben, taħt l-intestatura 6404 tan-NM meta, wara l-importazzjoni ta’ dawn il-komponenti, parti fuq wara ta’ żarbuna li tagħti sapport lill-parti tal-ġenb ta’ żarbuna għandha tiddaħħal fil-parti ta’ fuq u li l-pett estern kif ukoll il-parti ta’ fuq għandhom ikunu suġġetti għal operazzjoni ta’ tqardix għall-assemblaġġ tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-Regola Ġenerali 2(a) għall-Interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument tal-fatti, għandha tiġi interpretata fis-sens li parti ta’ fuq, pett estern u pett intern jaqgħu, bħala oġġett li jinsab fl-istat mhux immuntat li għandu l-karatteristiċi essenzjali ta’ żraben, taħt l-intestatura 6404 tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda meta, wara l-importazzjoni ta’ dawn il-komponenti, parti fuq wara ta’ żarbuna li tagħti sapport lill-parti tal-ġenb ta’ żarbuna għandha tiddaħħal fil-parti ta’ fuq u li l-pett estern kif ukoll il-parti ta’ fuq għandhom ikunu suġġetti għal operazzjoni ta’ tqardix għall-assemblaġġ tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.