Language of document : ECLI:EU:C:2014:2454

OPINJONI 2/13 TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja)

18 ta’ Diċembru 2014

Werrej

I –  It-talba għal opinjoni

II –  Il-qafas istituzzjonali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

A –  Il-Kunsill tal-Ewropa

B –  Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

1.  Is-Sezzjoni I tal-KEDB, intitolata “Drittijiet u libertajiet”, u d-dispożizzjonijiet sostantivi tagħha

2.  Is-Sezzjoni II tal-KEDB u l-mekkaniżmi ta’ kontroll

a)  Il-Qorti EDB

b)  Il-funzjonament tal-Kumitat tal-Ministri fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu ta’ sorveljanza tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti EDB

3.  Is-Sezzjoni III tal-KEDB, intitolata “Disposizzjonijiet oħra”

4.  Il-Protokolli għall-KEDB

III –  Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-KEDB

IV –  Il-proċess ta’ adeżjoni

V –  L-abbozz ta’ ftehim

A –  Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adeżjoni fil-veru sens tal-kelma

B –  Id-dispożizzjonijiet l-oħra

VI –  L-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fit-talba għal opinjoni tagħha

A –  Fuq l-ammissibbiltà

B –  Fuq il-mertu

1.  L-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 8 UE

2.  L-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8 UE

3.  It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE

4.  L-Artikolu 1(b) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE

5.  It-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE

6.  L-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 8 UE

VII –  Sunt tal-osservazzjonijiet prinċipali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –  Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

B –  Fuq il-mertu

1.  L-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 8 UE

2.  L-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8 UE

3.  L-Artikolu 6(2) TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE

4.  L-Artikolu 1(b) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE

5.  It-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE

6.  L-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 8 UE

VIII –  Il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

A –  Fuq l-ammissibbiltà

B –  Fuq il-mertu

1.  Kunsiderazzjonijiet preliminari

2.  Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dritt primarju tal-Unjoni

a)  Fuq il-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni

b)  Fuq l-Artikolu 344 TFUE

c)  Fuq il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta

d)  Fuq il-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja

e)  Fuq il-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-qasam tal-PBSK

“Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE — Abbozz ta’ ftehim internazzjonali — Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali — Kompatibbiltà tal-imsemmi abbozz mat-Trattati UE u FUE”

Fil-proċedura għal opinjoni 2/13,

li għandha bħala suġġett talba għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE, imressqa fl-4 ta’ Lulju 2013 mill-Kummissjoni Ewropea,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja)

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano (Relatur), R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot, C. Vajda u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça u F. Biltgen, Imħallfin, 

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistraturi: A. Calot Escobar u M.‑A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 u s-6 ta’ Mejju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Romero Requena, H. Krämer, C. Ladenburger u B. Smulders, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u D. Drambozova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, E. Ruffer u J. Králová, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon, A. Joyce u E. McPhillips, bħala aġenti, assistiti minn E. Regan, SC, C. Toland, BL, u C. Daly, Advisory Council,

–        għall-Gvern Elleniku, minn A. Samoni-Rantou, E.‑M. Mamouna u K. Boskovits, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. A. Sampol Pucurull u N. Díaz Abad, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard, N. Rouam, G. de Bergues u D. Colas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn K. Lykourgos, K. Kompos u N. Kyriakou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u D. Pelše, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, R. Krasuckaitė u A. Svinkūnaitė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u C. Pesendorfer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. L. Duarte, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu, V. Angelescu u A.‑G. Văcaru, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u H. Leppo, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u M. Rhodin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Behzadi-Spencer, bħala aġent, assistita minn D. Beard, QC,

–        għall-Parlament Ewropew, minn R. Passos, P. Schonard u E. Waldherr, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn H. Legal, F. Naert, T. Blanchet u P. Plaza García, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Opinjoni

I –  It-talba għal opinjoni

1.      It-talba għal opinjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mill-Kummissjoni Ewropea hija fformulata kif ġej:

“L-abbozz ta’ ftehim dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-‘KEDB’] huwa kompatibbli mat-Trattati?”

2.      Bħala annessi mat-talba tagħha, il-Kummissjoni bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        l-abbozz irrevedut ta’ ftehim ta’ adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ ftehim”);

–        l-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea li għandha ssir meta jiġi ffirmat il-ftehim ta’ adeżjoni (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ dikjarazzjoni”);

–        l-abbozz ta’ regola li għandha tiġi inkluża mar-Regoli tal-Kumitat tal-Ministri dwar is-sorveljanza tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi u tal-kundizzjonijiet tal-ftehimiet bonarji fil-kawżi li fihom tkun parti l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“abbozz tar-Regola 18”);

–        l-abbozz ta’ memorandum ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Parti Kontraenti X [Stat mhux Membru tal-Unjoni Ewropea], u

–        l-abbozz ta’ rapport ta’ spjega tal-ftehim ta’ adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ rapport ta’ spjega” u, flimkien mal-istrumenti l-oħra msemmija iktar ’il fuq, l-“abbozzi tal-istrumenti ta’ adeżjoni” jew il-“ftehim maħsub”).

II –  Il-qafas istituzzjonali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

A –  Il-Kunsill tal-Ewropa

3.      Permezz ta’ ftehim internazzjonali ffirmat f’Londra fil-5 ta’ Mejju 1949 li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Awwissu 1949 (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa”), grupp ta’ għaxar Stati Ewropej waqqfu l-Kunsill tal-Ewropa sabiex tinħoloq unjoni eqreb bejn il-Membri tiegħu bil-għan li jiġu protetti u promossi l-ideali u l-prinċipji tal-patrimonju komuni tagħhom u bil-għan li jiġi ffavorit il-progress ekonomiku u soċjali fl-Ewropa. Attwalment, 47 Stati Ewropej huma Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, fosthom it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri”).

4.      Skont l-imsemmi statut, il-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa huma l-Kumitat tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-Ministri”) u l-Assemblea Parlamentari (iktar ’il quddiem l-“Assemblea”), assistiti mis-Segretarjat tal-Kunsill tal-Ewropa.

5.      Skont l-Artikolu 14 tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kumitat tal-Ministri huwa kkostitwit minn rappreżentant wieħed għal kull Membru, fejn kull rappreżentant għandu vot wieħed.

6.      Skont l-Artikolu 15(a) tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, “[i]l-Kumitat tal-Ministri għandu jeżamina, fuq rakkomandazzjoni mill-[Assemblea] jew fuq inizjattiva tiegħu stess, il-miżuri xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tal-Kunsill tal-Ewropa, inklużi l-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet u ta’ ftehimiet u l-adozzjoni mill-Gvernijiet ta’ politika komuni fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari. [...]”. L-ewwel sentenza tal-punt (b) tal-istess artikolu tispeċifika li l-“konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri jistgħu, jekk ikun il-każ, jieħdu l-forma ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Gvernijiet”.

7.      L-Artikolu 20 tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa jirregola l-kworumijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kumitat tal-Ministri. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“a.      Sabiex jittieħdu r-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri dwar il-kwistjonijiet importanti msemmija hawnhekk huma meħtieġa l-unanimità tal-voti espressi u l-maġġoranza tar-rappreżentanti intitolati li jpoġġu fil-Kumitat tal-Ministri:

i.      ir-rakkomandazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 15(b);

[…]

v.      ir-rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw l-emendi tal-Artikoli [...] 15 [u] 20 [...]; u

vi.      kull kwistjoni oħra li, minħabba l-importanza tagħha, il-Kumitat tal-Ministri jiddeċiedi, permezz ta’ riżoluzzjoni meħuda fil-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu (d) iktar ’il quddiem, li jissuġġettaha għar-regola tal-unanimità.

[…]

d.      Sabiex jittieħdu r-riżoluzzjonijiet l-oħra kollha tal-Kumitat tal-Ministri huma meħtieġa l-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti espressi u l-maġġoranza tar-rappreżentanti intitolati li jpoġġu fil-Kumitat tal-Ministri. [...]”

8.      Skont l-Artikolu 25 tal-istess statut, l-Assemblea hija kkostitwita minn rappreżentanti ta’ kull Membru tal-Kunsill tal-Ewropa, eletti mill-parlament ta’ dan il-Membru minn fost il-membri ta’ dan il-parlament jew innominati minn fost dawn il-membri skont proċedura stabbilita minn dan il-parlament nazzjonali. Kull Membru għandu numru ta’ siġġijiet iddeterminat mill-Artikolu 26 tal-imsemmi statut. L-ikbar numru ta’ siġġijiet huwa 18.

B –  Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

9.      Il-KEDB hija ftehim internazzjonali multilaterali konkluż fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Settembru 1953. Il-Membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa huma fost il-Partijiet Għolja Kontraenti ta’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Partijiet Kontraenti”).

10.    Il-KEDB hija kkostitwita minn tliet sezzjonijiet.

1.     Is-Sezzjoni I tal-KEDB, intitolata “Drittijiet u libertajiet”, u d-dispożizzjonijiet sostantivi tagħha

11.    Is-Sezzjoni I tal-KEDB tiddefinixxi d-drittijiet u l-libertajiet li l-Partijiet Kontraenti, skont l-Artikolu 1 tagħha, “għandhom jassiguraw lil kull min jaqa taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom”. Ebda deroga ma hija prevista fir-rigward ta’ dan l-impenn ħlief għal dik li tinsab fl-Artikolu 15 tal-istess konvenzjoni, jiġifieri “[f]i żmien ta’ gwerra jew ta’ emerġenza oħra pubblika li thedded il-ħajja tan-nazzjon”. B’mod partikolari, f’ebda każ ma hija permessa deroga għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2 tagħha (id-dritt għall-ħajja, ħlief fil-każ ta’ mewt li tirriżulta mill-użu meħtieġ ta’ forza), fl-Artikolu 3 tagħha (il-projbizzjoni tat-tortura), fl-Artikolu 4(1) tagħha (il-projbizzjoni tal-iskjavitù) u fl-Artikolu 7 tagħha (nulla poena sina lege).

12.    L-Artikolu 6 tal-KEDB, intitolat “Id-dritt għal proċediment ġust”, jipprovdi:

“1.       Fid-determinazzjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. Is-sentenza għandha tingħata pubblikament iżda l-istampa u l-pubbliku jistgħu jiġu esklużi mill-proċeduri kollha jew minn parti minnhom fl-interess tal-morali, tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali f’soċjeta` demokratika, meta l-interessi tal-minuri jew il-protezzjoni tal-ħajja privata tal-partijiet hekk teħtieġ, jew safejn ikun rigorożament meħtieġ fil-fehma tal-qorti f’ċirkostanzi speċjali meta l-pubbliċità tista’ tippreġudika l-interessi tal-ġustizzja.

2.      Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skont il-liġi.

3.      Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

(a)      li jkun infurmat minnufih, b’lingwa li jifhem u fid-dettal, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu;

(b)      li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu;

(ċ)       li jiddefendi ruħu persunalment jew permezz ta’ assistenza legali magħżula minnu stess jew, jekk ma jkollux mezzi biżżejjed li jħallas l-assistenza legali, din għandha tingħata lilu b’xejn meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk;

(d)      li jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontra tiegħu u li jottjeni l-attendenza u l-eżami ta’ xhieda favur tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tiegħu;

(e)      li jkollu assistenza b’xejn ta’ interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti.”

13.    L-Artikolu 13 tal-KEDB, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, huwa fformulat kif ġej:

“Kull min ikollu miksura d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu kontemplati f’din il-Konvenzjoni għandu jkollu rimedju effettiv quddiem awtorità nazzjonali għalkemm [anki jekk] dak il-ksur ikun sar minn persuni li jkunu qed jaġixxu f’kariga uffiċjali tagħhom.”

2.     Is-Sezzjoni II tal-KEDB u l-mekkaniżmi ta’ kontroll

14.    Is-Sezzjoni II tal-KEDB tirregola l-mekkaniżmi ta’ kontroll fir-rigward tal-osservanza mill-Partijiet Kontraenti tal-impenji meħuda minnhom skont l-Artikolu 1 tagħha. B’hekk, din is-sezzjoni hija kkostitwita b’mod partikolari mill-Artikolu 19 tal-KEDB, li jwaqqaf il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), u mill-Artikolu 46, li jattribwixxi lill-Kumitat tal-Ministri kompetenzi fir-rigward tas-sorveljanza tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti EDB.

a)     Il-Qorti EDB

15.    Skont l-Artikoli 20 u 22 tal-KEDB, l-Imħallfin tal-Qorti EDB, li n-numru tagħhom huwa l-istess bħan-numru ta’ Partijiet Kontraenti, għandhom jiġu eletti mill-Assemblea, fir-rigward ta’ kull Parti Kontraenti, fuq il-bażi ta’ lista ta’ tliet kandidati ppreżentati minn din tal-aħħar.

16.    L-Artikolu 32 tal-KEDB jattribwixxi lill-Qorti EDB l-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika din il-konvenzjoni fil-kundizzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 33 u 34 tagħha.

17.    Skont l-Artikolu 33 tal-KEDB, fil-kuntest ta’ kawża interstatali quddiem il-Qorti EDB, tista’ tiġi ppreżentata applikazzjoni bejn żewġ (jew iktar) Partijiet Kontraenti li jkollha bħala suġġett kwalunkwe allegazzjoni ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni u tal-protokolli tagħha.

18.    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 34 tal-KEDB, il-Qorti EDB “tista’ tirċievi applikazzjonijiet minn għand kwalunkwe persuna, organiżżazjoni non-governattiva jew grupp ta’ individwi li jsostnu li huma vittmi ta’ ksur minn naħa ta’ wieħed mill-[Partijiet Kontraenti] tad-drittijiet kif msemmija fil-Konvenzjoni jew fil-Protokolli tagħha”.

19.    Il-KEDB tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni individwali b’mod partikolari għall-erba’ kundizzjonijiet segwenti. Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 34 ta’ din il-konvenzjoni, l-applikant għandu jkun jista’ jallega li huwa vittma ta’ ksur tad-drittijiet irrikonoxxuti minnha jew mill-protokolli tagħha. Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 35(1) tal-istess konvenzjoni, l-applikant għandu jkun eżawrixxa r-rimedji “nazzjonali” kollha, jiġifieri r-rimedji li jeżistu fl-ordinament ġuridiku tal-Parti Kontraenti li kontriha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni. Din il-kundizzjoni għall-ammissibbiltà tirrifletti l-prinċipju li l-mekkaniżmu ta’ kontroll stabbilit mill-KEDB huwa ta’ natura sussidjarja fil-konfront tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jeżistu fi ħdan il-Partijiet Kontraenti (sentenzi tal-Qorti EDB tas-16 ta’ Settembru 1996, Akdivar et vs It-Turkija, Nru 21893/93, §§ 65 u 66, kif ukoll tad-29 ta’ April 2008, Burden vs Ir-Renju Unit, Nru 13378/05, § 42). Fit-tielet lok, skont l-istess dispożizzjoni, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni nazzjonali finali. Fir-raba’ lok, skont l-Artikolu 35(2)(b) tal-imsemmija konvenzjoni, l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li din ma tkunx “sostanzjalment l-istess bħal kwistjoni [applikazzjoni] li diġa ġiet eżaminata mill-[Qorti EDB] jew li diġa ġiet sottomessa għall-proċedura oħra ta’ investigazzjoni jew soluzzjoni internazzjonali”, sakemm ma tkunx tinkludi informazzjoni ġdida.

20.    Il-proċedura quddiem il-Qorti EDB twassal jew, minn naħa, għal deċiżjoni jew għal sentenza li permezz tagħhom il-Qorti EDB tikkonstata li l-applikazzjoni hija inammissibbli jew li ma kienx hemm ksur tal-KEDB jew, min-naħa l-oħra, għal sentenza li tikkonstata ksur tal-KEDB. Din is-sentenza hija dikjaratorja u ma taffettwax il-validità tal-atti inkwistjoni tal-Parti Kontraenti.

21.    Sentenza tal-Qorti EDB mogħtija mill-“Kamra l-Kbira” [Awla Manja] hija finali, skont l-Artikolu 44(1) tal-KEDB. Minn qari flimkien tal-Artikoli 43 u 44(2) tal-KEDB jirriżulta li sentenza mogħtija minn “Kamra” [Awla] tal-Qorti EDB issir finali meta l-partijiet jiddikjaraw li ma humiex ser jitolbu li l-kawża tiġi rrinvijata lill-Kamra l-Kbira jew meta l-“panel” [kulleġġ ġudikanti] ta’ din tal-aħħar jirrifjuta t-talba għal rinviju jew inkella tliet xhur wara d-data tas-sentenza fil-każ li ma jkunx intalab rinviju tal-kawża lill-Kamra l-Kbira.

22.    Skont l-Artikolu 46(1) tal-KEDB, il-Partijiet Kontraenti huma obbligati jikkonformaw ruħhom mas-sentenzi finali tal-Qorti EDB fil-kawżi li jkunu parti fihom. Skont din id-dispożizzjoni, Parti Kontraenti hija obbligata, minn naħa, tieħu, fir-rigward tal-applikant, il-miżuri individwali kollha applikabbli skont id-dritt intern tagħha sabiex jiġu eliminati l-konsegwenzi tal-ksur ikkonstatat fis-sentenza tal-Qorti EDB (restitutio in integrum). Fil-każ li d-dritt intern tal-Parti Kontraenti kkonċernata jippermetti biss riparazzjoni parzjali, l-Artikolu 41 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li l-Qorti EDB għandha tagħti “soddisfazzjoni xierqa” lill-applikant. Min-naħa l-oħra, Parti Kontraenti hija obbligata tadotta l-miżuri ta’ natura ġenerali, bħalma huma emenda tad-dritt intern tagħha, bidliet ġurisprudenzjali jew tipi oħra ta’ miżuri, sabiex jiġi evitat ksur ġdid analogu għal dak ikkonstatat mill-Qorti EDB jew sabiex jitwaqqaf il-ksur li jkun għadu jeżisti taħt dan id-dritt.

b)     Il-funzjonament tal-Kumitat tal-Ministri fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu ta’ sorveljanza tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti EDB

23.    L-Artikolu 46(2) tal-KEDB jinkariga lill-Kumitat tal-Ministri bis-sorveljanza tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi finali tal-Qorti EDB. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 39(4) tagħha, il-Kumitat tal-Ministri għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ftehim bonarju li jkun intlaħaq f’kawża, kif previst fl-Artikolu 39(1) ta’ din il-konvenzjoni.

24.    Fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, il-Kumitat tal-Ministri jeżamina, essenzjalment, jekk il-Parti Kontraenti tkunx ħadet il-miżuri neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza finali tal-Qorti EDB jew, jekk ikun il-każ, sabiex teżegwixxi l-kundizzjonijiet ta’ ftehim bonarju. L-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi huwa rregolat mir-“Regoli tal-Kumitat tal-Ministri dwar is-sorveljanza tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi u tal-kundizzjonijiet tal-ftehimiet bonarji” (iktar ’il quddiem ir-“Regoli dwar is-sorveljanza tal-eżekuzzjoni”).

25.    Skont ir-Regola 17 tar-Regoli dwar is-sorveljanza tal-eżekuzzjoni, il-Kumitat tal-Ministri għandu jadotta “riżoluzzjoni finali” jekk jikkonkludi li l-Parti Kontraenti tkun ħadet il-miżuri neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza finali tal-Qorti EDB jew, skont il-każ, sabiex teżegwixxi l-kundizzjonijiet ta’ ftehim bonarju. Skont ir-Regola 16 tal-imsemmija Regoli, il-Kumitat tal-Ministri jista’ jadotta “riżoluzzjonijiet interim” sabiex, b’mod partikolari, “jipprovdi informazzjoni dwar l-istat ta’ progress tal-eżekuzzjoni jew, jekk ikun il-każ, sabiex jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu u/jew sabiex jifformula suġġerimenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni”. Sabiex jiġu adottati dawn iż-żewġ tipi ta’ riżoluzzjonijiet huwa meħtieġ li jintlaħaq il-kworum previst fl-Artikolu 20(d) tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa.

26.    Skont l-Artikolu 46(3) u (4) tal-KEDB, il-Kumitat tal-Ministri, permezz ta’ vot b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tar-rappreżentanti intitolati li jpoġġu f’dan il-kumitat, jista’, minn naħa, jekk iqis li s-sorveljanza tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza finali tkun imxekkla minħabba problema ta’ interpretazzjoni ta’ din is-sentenza, iressaq talba għal interpretazzjoni quddiem il-Qorti EDB. Min-naħa l-oħra, jekk iqis li Parti Kontraenti tkun qiegħda tirrifjuta li tikkonforma ruħha ma’ sentenza finali f’kawża li kienet parti fiha, il-Kumitat tal-Ministri jista’ jressaq quddiem il-Qorti EDB il-kwistjoni tal-osservanza minn din il-Parti tal-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 46(1) tal-istess konvenzjoni. Jekk l-imsemmija qorti tikkonstata ksur ta’ dan l-obbligu, hija għandha tirreferi l-kawża lill-Kumitat tal-Ministri sabiex huwa jikkunsidra liema miżuri għandhom jittieħdu. Jekk ma jiġi kkonstatat ebda ksur, hija għandha tirreferi l-kawża lil dan tal-aħħar sabiex jagħlaq l-eżami tiegħu, skont l-Artikolu 46(5) tal-imsemmija konvenzjoni.

27.    Il-KEDB tattribwixxi wkoll lill-Kumitat tal-Ministri numru ta’ kompetenzi oħra. B’hekk, skont l-Artikolu 26(2) tagħha, huwa jista’, fuq talba tas-Seduta Plenarja tal-Qorti EDB u permezz ta’ deċiżjoni unanima ta’ dan il-kumitat, inaqqas, għal perijodu determinat, in-numru ta’ Mħallfin fl-Awli minn seba’ għal ħamsa u, fuq il-bażi tal-Artikolu 47 ta’ din il-konvenzjoni, jitlob mingħand il-Qorti EDB opinjoni konsultattiva dwar kwistjonijiet legali li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni u tal-protokolli tagħha.

28.    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 50 tal-KEDB, l-ispejjeż tal-funzjonament tal-Qorti EDB għandhom jitħallsu mill-Kunsill tal-Ewropa.

3.     Is-Sezzjoni III tal-KEDB, intitolata “Disposizzjonijiet oħra”

29.    Skont l-Artikolu 53 tal-KEDB, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha ma għandha tiġi interpretata li tillimita jew tippreġudika d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li jistgħu jiġu rrikonoxxuti inkonformità mal-liġijiet ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti u inkonformità ma’ kwalunkwe konvenzjoni oħra li tagħhom tkun parti din il-Parti Kontraenti.

30.    Skont l-Artikolu 55 tal-KEDB, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, ħlief bi ftehim speċjali, ma jissuġġettawx it-tilwim li jitnissel mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni għal xi mod ta’ soluzzjoni ieħor għajr dawk previsti minnha.

31.    L-Artikolu 57(1) tal-KEDB jippermetti lill-Partijiet Kontraenti, meta jiffirmaw din il-konvenzjoni jew meta jiddepożitaw l-istrument ta’ ratifika, jagħmlu “riżerva fir-rigward ta’ kwalunkwe disposizzjoni partikolari tal-Konvenzjoni minħabba li hemm liġi eżistenti f’dak il-mument fit-territorju [tagħhom] li ma tkunx konformi mad-disposizzjoni”, filwaqt li jipprojbixxi r-“[r]iżervi ta’ karattru ġenerali”.

4.     Il-Protokolli għall-KEDB

32.    Il-KEDB hija kkompletata minn serje ta’ erbatax-il protokoll.

33.    Grupp inizjali ta’ protokolli, li jinkludi l-Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Protokoll addizzjonali”), kif ukoll il-Protokolli Nri 4, 6, 7, 12 u 13, jikkompletaw il-kontenut tal-KEDB billi jistabbilixxu drittijiet fundamentali supplimentari. L-Istati Membri kollha huma Partijiet Kontraenti għall-Protokoll addizzjonali u għall-Protokoll Nru 6 għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 6”). Għall-kuntrarju, huwa biss numru limitat ta’ Stati Membri li huma Partijiet Kontraenti fir-rigward ta’ kull wieħed mill-protokolli l-oħra.

34.    Grupp ieħor ta’ protokolli, li jinkludi l-Protokolli Nri 2, 3, 5, 8 sa 11 u 14, sempliċement introduċew emendi għall-KEDB u ma għandhomx kontenut awtonomu. Barra minn hekk, il-parti l-kbira ta’ dawn il-protokolli tħassru jew ma għadx għandhom skop.

35.    Fost il-protokolli ta’ dan it-tieni grupp, l-iktar wieħed rilevanti għall-finijiet ta’ din it-talba għal opinjoni huwa l-Protokoll Nru 14 għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jemenda s-sistema ta’ kontroll tal-Konvenzjoni, adottat fit-13 ta’ Mejju 2004 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2010. Permezz tal-Artikolu 17 ta’ dan il-protokoll, l-Artikolu 59(2) tal-KEDB ġie emendat sabiex jipprevedi bħala prinċipju l-adeżjoni tal-Unjoni għal din il-konvenzjoni. Din id-dispożizzjoni issa tipprovdi:

“L-Unjoni Ewropea tista’ taċċedi [għall-KEDB].”

36.    Fl-aħħar nett, żewġ protokolli supplimentari huma miftuħa għall-iffirmar u għadhom ma daħlux fis-seħħ. Dawn huma l-Protokoll Nru 15, dwar emenda għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jemenda l-KEDB dwar aspetti relattivament minuri, u l-Protokoll Nru 16 għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat fit-2 ta’ Ottubru 2013 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 16”), li jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, il-possibbiltà għall-ogħla qrati tal-Partijiet Kontraenti li jressqu quddiem il-Qorti EDB talbiet għal opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ta’ prinċipju marbuta mal-interpretazzjoni jew mal-applikazzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet iddefiniti mill-KEDB jew mill-protokolli tagħha.

III –  Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-KEDB

37.    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tislet ispirazzjoni mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li fir-rigward tagħhom ikkooperaw l-Istati Membri jew li aderixxew għalihom (sentenzi Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, EU:C:1970:114, punt 4, kif ukoll Nold vs Il‑Kummissjoni, 4/73, EU:C:1974:51, punt 13). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-KEDB għandha importanza partikolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ERT, C‑260/89, EU:C:1991:254, punt 41, kif ukoll Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 283). L-Artikolu F(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea [li sar, wara emenda, l-Artikolu 6(2) UE] ikkodifika din il-ġurisprudenza.

38.    Fil-punti 34 u 35 tal-Opinjoni 2/94 tagħha (EU:C:1996:140), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fl-istat tad-dritt Komunitarju kif kien fis-seħħ f’dak iż-żmien, il-Komunità Ewropea ma kellhiex il-kompetenza li taderixxi għall-KEDB. Fil-fatt, din l-adeżjoni kienet ser timplika bidla sostanzjali għar-regoli Komunitarji eżistenti dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, sa fejn tali adeżjoni kienet ser twassal għall-introduzzjoni tal-Komunità f’sistema istituzzjonali internazzjonali distinta kif ukoll għall-integrazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din il-konvenzjoni fl-ordinament ġuridiku Komunitarju. Tali emenda tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Komunità, li l-implikazzjonijiet istituzzjonali tagħha kienu ser ikunu fundamentali kemm għall-Komunità u kemm għall-Istati Membri, kien ser ikollha portata kostituzzjonali u għalhekk kienet ser tmur, min-natura tagħha stess, lil hinn mil-limiti tal-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 308 KE), dispożizzjoni li llum tinsab fl-Artikolu 352(1) TFUE, b’tali mod li din l-emenda setgħet titwettaq biss permezz ta’ emenda ta’ dan it-trattat.

39.    Sadanittant, fis-7 ta’ Diċembru 2000, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni pproklamaw, f’Nice, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 364, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Karta”). Kif jirriżulta mill-preambolu tagħha, l-għan prinċipali tal-Karta, li dak iż-żmien ma kinitx strument legali vinkolanti, huwa li tafferma mill-ġdid “id-drittijiet kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u mill-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mit-Trattati Komunitarji, mill-[KEDB], mill-Karti Soċjali adottati mill-Komunità u mill-Kunsill ta’ l-Ewropa, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja] u tal-[Qorti EDB]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 38).

40.    It-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, emenda l-Artikolu 6 UE. Kif emendata, din id-dispożizzjoni, li issa saret l-Artikolu 6 TUE, hija fformulata kif ġej:

“1.      L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-[Karta], li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta m’għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

Id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji dikjarati fil-Karta għandhom jiġu interpretati skond id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu VII tal-Karta li tirregola l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha u b’kont debitu meħud ta’ l-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-Karta, li jindikaw is-sorsi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

2.      L-Unjoni għandha taderixxi għall-[KEDB]. Din l-adeżjoni m’għandhiex taffettwa l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

3.      Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-[KEDB], u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni.”

41.    F’dan ir-rigward, l-inċiż (ii) tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ adeżjoni”) wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament. Barra minn hekk, l-Artikolu 218(8) TFUE jispeċifika li, għal dan il-għan, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’mod unanimu u li d-deċiżjoni tiegħu għandha tidħol fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħha mill-Istati Membri skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

42.    Fost il-protokolli għat-Trattati UE u FUE, li, skont l-Artikolu 51 TUE, jagħmlu parti integrali minn dawn it-trattati, għandu jissemma l-Protokoll (Nru 8) dwar l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 8 UE”). Dan il-protokoll huwa kkostitwit minn tliet artikoli, li huma fformulati kif ġej:

Artikolu 1

Il-[ftehim ta’ adeżjoni] previst fl-Artikolu 6(2) [TUE], għandu jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-Unjoni u tad-dritt ta’ l-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

a)       l-arranġamenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni eventwali ta’ l-Unjoni fil-korpi ta’ kontroll tal-[KEDB];

b)       l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex jiġi assigurat li l-proċedimenti minn Stati mhux Membri u l-applikazzjonijiet individwali jkunu indirizzati b’mod korrett lill-Istati Membri u/jew l-Unjoni skond il-każ.

Artikolu 2

Il-ftehim previst fl-Artikolu 1 għandu jassigura li l-adeżjoni ta’ l-Unjoni ma tolqotx il-kompetenzi tagħha u s-setgħat ta’ l-istituzzonijiet tagħha. Għandu jassigura li xejn fih ma jolqot is-sitwazzjoni partikolari ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-[KEDB], b’mod partikulari fir-rigward tal-Protokolli tagħha, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri li jidderogaw mill-[KEDB], skond l-Artikolu 15 tagħha, u r-riservi għall-[KEDB] magħmula minn Stati Membri skond l-Artikolu 57 tagħha.

Artikolu 3

Xejn fil-ftehim previst fl-Artikolu 1 m’għandu jolqot l-Artikolu 344 [TFUE].”

43.    Id-Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernamentali li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, hija fformulata kif ġej:

“Il-Konferenza taqbel li l-adeżjoni ta’ l-Unjoni mal-[KEDB] għandha ssir b’mod li jiġu ppreservati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-ordni ġuridiku ta’ l-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Konferenza tinnota l-eżistenza ta’ djalogu regolari bejn il-[Qorti tal-Ġustizzja] u l-[Qorti EDB], tali djalogu jista’ jiġi msaħħaħ meta l-Unjoni Ewropea taderixxi ma’ din il-Konvenzjoni.”

44.    L-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi:

“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

45.    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 53 tal-Karta:

“Xejn f’din il-Karta m’għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b’mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġi internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, b’mod partikolari l-[KEDB], u mill-kostituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri.”

IV –  Il-proċess ta’ adeżjoni

46.    Fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill, fl-4 ta’ Ġunju 2010, adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar il-ftehim ta’ adeżjoni u nnomina lill-Kummissjoni bħala negozjatur.

47.    Anness mal-mandat ta’ negozjati komplementari tal-Kunsill tas-26 u tas-27 ta’ April 2012 jelenka l-prinċipji li għandhom ikunu s-suġġett ta’ regoli interni għall-Unjoni li l-adozzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex tkun implementata effettivament l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB (iktar ’il quddiem ir-“regoli interni”). Skont dan id-dokument, ir-regoli interni ser jikkonċernaw b’mod partikolari r-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem il-Qorti EDB, meta jiskatta l-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta quddiemha u regoli ta’ koordinazzjoni għall-finijiet tal-ġestjoni tal-proċedura quddiem il-Qorti EDB mill-konvenut u mill-konvenut konġunt, l-għażla ta’ tliet kandidati għall-pożizzjoni ta’ Mħallef fi ħdan il-Qorti EDB, is-sistema ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-kawżi li fihom l-Unjoni ser tieħu pożizzjoni u dawk li fihom l-Istati Membri ser iżommu l-libertà tagħhom li jieħdu pożizzjoni u azzjoni fi ħdan il-Qorti EDB u l-Kumitat tal-Ministri.

48.    Fil-5 ta’ April 2013, in-negozjati wasslu għal ftehim fuq livell tan-negozjaturi dwar l-abbozzi tal-istrumenti ta’ adeżjoni. In-negozjaturi qablu li dawn it-testi kollha jikkostitwixxu unità waħda u li huma kollha neċessarji għall-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB.

V –  L-abbozz ta’ ftehim

49.    L-abbozz ta’ ftehim jinkludi d-dispożizzjonijiet meqjusa neċessarji sabiex l-Unjoni tkun tista’ taderixxi għall-KEDB. Numru minn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw l-adeżjoni fil-veru sens tal-kelma u jintroduċu l-mekkaniżmi proċedurali neċessarji sabiex tkun tista’ ssir adeżjoni effettiva. Numru ieħor minn dawn id-dispożizzjonijiet, ta’ natura purament teknika, jipprevedu, minn naħa, l-emendi ta’ din il-konvenzjoni li huma meħtieġa fid-dawl tal-fatt li din kienet redatta sabiex tapplika għall-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, peress li l-Unjoni la hija Stat u lanqas Membru ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali. Min-naħa l-oħra, huma previsti dispożizzjonijiet dwar strumenti oħra marbuta mal-KEDB kif ukoll il-klawżoli finali dwar id-dħul fis-seħħ u n-notifiki tal-atti ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni.

A –  Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adeżjoni fil-veru sens tal-kelma

50.    Fid-dawl tal-Artikolu 59(2) tal-KEDB, l-Artikolu 1(1) tal-abbozz ta’ ftehim jipprovdi li, permezz ta’ dan il-ftehim, l-Unjoni qiegħda taderixxi għall-KEDB, għall-Protokoll addizzjonali u għall-Protokoll Nru 6, jiġifieri għaż-żewġ protokolli li tagħhom l-Istati Membri kollha diġà huma partijiet.

51.    L-Artikolu 1(2) tal-abbozz ta’ ftehim jemenda l-Artikolu 59(2) tal-KEDB sabiex, minn naħa, tkun possibbli l-adeżjoni sussegwenti tal-Unjoni għal protokolli oħra, filwaqt li din l-adeżjoni tibqa’ rregolata, mutatis mutandis, mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ kull protokoll, u, min-naħa l-oħra, jiġi speċifikat li l-ftehim ta’ adeżjoni “jagħmel parti integrali mill-[KEDB]”.

52.    Skont l-Artikolu 2(1) tal-abbozz ta’ ftehim, l-Unjoni tista’, meta tiffirma jew tesprimi l-kunsens tagħha li tkun marbuta mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ adeżjoni skont l-Artikolu 10 tiegħu, tifformula riżervi għall-KEDB u għall-Protokoll addizzjonali tagħha, skont l-Artikolu 57 tagħha. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 6 jipprovdi li ebda riżerva għal dan il-protokoll ma hija awtorizzata. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tal-abbozz ta’ ftehim jintroduċi, fl-imsemmi Artikolu 57, sentenza ġdida li tipprovdi li l-Unjoni “tista’, meta taderixxi għall-[KEDB], tifformula riżerva fir-rigward ta’ dispożizzjoni partikolari tal-[KEDB] sa fejn ikun hemm fis-seħħ dispożizzjoni [tad-dritt tal-Unjoni] li ma tkunx konformi ma’ din id-dispożizzjoni”. Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tal-abbozz ta’ ftehim jispeċifika li ma hija permessa ebda riżerva għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim.

53.    Skont l-Artikolu 1(3) tal-abbozz ta’ ftehim, l-adeżjoni għall-KEDB u għall-protokolli tagħha, minn naħa, timponi fuq l-Unjoni obbligi biss fir-rigward tal-atti, tal-miżuri jew tal-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-organi jew tal-aġenziji tagħha, jew tal-persuni li jaġixxu f’isimhom. Min-naħa l-oħra, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jew tal-protokolli tagħha ma tista’ timponi fuq l-Unjoni l-obbligu li twettaq att jew li tadotta miżura li fir-rigward tagħhom ma jkollhiex kompetenza bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.

54.    Mill-banda l-oħra, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim tispeċifika li, għall-finijiet tal-KEDB, tal-protokolli tagħha u tal-ftehim ta’ adeżjoni stess, att, miżura jew ommissjoni tal-korpi ta’ Stat Membru jew ta’ persuni li jaġixxu f’ismu għandhom jiġu imputati lil dan l-Istat anki meta dan l-att, din il-miżura jew din l-ommissjoni jseħħu meta dan l-Istat ikun qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni, inklużi d-deċiżjonijiet meħuda fuq il-bażi tat-Trattati UE u FUE. It-tieni sentenza tal-Artikolu 1(4) tal-istess abbozz tispeċifika li dan ma jeskludix li l-Unjoni tista’ tkun responsabbli, bħala konvenuta konġunta, għal ksur li jirriżulta minn tali att, minn tali miżura jew minn tali ommissjoni, inkonformità ma’, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 tal-abbozz ta’ ftehim.

55.    L-imsemmi Artikolu 3 jistabbilixxi l-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi abbozz jemenda l-Artikolu 36 tal-KEDB billi jinkludi l-paragrafu 4 li jipprovdi, minn naħa, li l-Unjoni jew Stat Membru jistgħu jsiru konvenuti konġunti fi proċedura quddiem il-Qorti EDB fiċ-ċirkustanzi previsti, essenzjalment, fl-Artikolu 3(2) sa (8) ta’ dan l-abbozz u, min-naħa l-oħra, li l-konvenut konġunt ikun parti fil-kawża.

56.    L-Artikolu 3(2) sa (8) tal-abbozz ta’ ftehim huwa fformulat kif ġej:

“2.      Meta applikazzjoni tiġi ppreżentata kontra Stat Membru wieħed jew iktar tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’ ssir konvenuta konġunta fil-proċedura dwar ksur allegat kif innotifikata mill-[Qorti EDB] jekk jidher li din l-allegazzjoni tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-drittijiet inkwistjoni ggarantiti mill-[KEDB] jew mill-protokolli li għalihom tkun aderixxiet [l-Unjoni] ta’ dispożizzjoni tad-dritt [tal-Unjoni], inklużi d-deċiżjonijiet meħuda fuq il-bażi [tat-Trattat UE] u [tat-Trattat FUE], b’mod partikolari meta dan il-ksur seta’ jiġi evitat biss billi ma jiġix osservat obbligu li jirriżulta mid-dritt [tal-Unjoni].

3.      Meta applikazzjoni tiġi ppreżentata kontra [l-Unjoni], [l-Istati Membri] jistgħu jsiru konvenuti konġunti fil-proċedura dwar ksur allegat kif innotifikata mill-[Qorti EDB] jekk jidher li din l-allegazzjoni tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-drittijiet inkwistjoni ggarantiti mill-[KEDB] jew mill-protokolli li għalihom tkun aderixxiet [l-Unjoni] ta’ dispożizzjoni [tat-Trattat UE, tat-Trattat FUE] jew ta’ dispożizzjonijiet oħra bl-istess valur legali skont dawn l-istrumenti, b’mod partikolari meta dan il-ksur seta’ jiġi evitat biss billi ma jiġix osservat obbligu li jirriżulta minn dawn l-istrumenti.

4.      Meta applikazzjoni tiġi ppreżentata kontra u nnotifikata kemm lill-[Unjoni] u kemm lil Stat Membru wieħed jew iktar, l-istatus ta’ konvenut jista’ jinbidel f’dak ta’ konvenut konġunt meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 jew fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

5.      [Parti Kontraenti] ssir konvenuta konġunta jew billi taċċetta stedina mill-[Qorti EDB], jew fuq deċiżjoni tal-[Qorti EDB] fuq talba tal-[Parti Kontraenti] stess. Meta tistieden lil [Parti Kontraenti] sabiex issir konvenuta konġunta, u meta tiddeċiedi fuq talba f’dan is-sens, il-[Qorti EDB] għandha tikkonsulta lill-partijiet kollha fil-proċedura. Meta tiddeċiedi dwar tali talba, il-­[Qorti EDB] għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mill-[Parti Kontraenti] kkonċernata, huwiex plawżibbli li l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 jew fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jkunu ssodisfatti.

6.      Meta [l-Unjoni] tkun konvenuta konġunta fi proċedura, u meta [l-Qorti tal-Ġustizzja] tkun għadha ma eżaminatx il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] mad-drittijiet inkwistjoni ggarantiti mill-[KEDB] jew mill-protokolli li għalihom tkun aderixxiet [l-Unjoni], skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, iż-żmien neċessarju għandu jingħata lill-[Qorti tal-Ġustizzja] sabiex twettaq tali eżami u mbagħad lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-[Qorti EDB]. [L-Unjoni] għandha tiżgura li dan l-eżami jitwettaq malajr, b’tali mod li l-proċedura quddiem il-[Qorti EDB] ma ġġarrabx dewmien indebitu. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu ma jaffettwawx is-setgħat tal-[Qorti EDB].

7.      Jekk jiġi kkonstatat il-ksur li fir-rigward tiegħu [Parti Kontraenti] tkun konvenuta konġunta fi proċedura, il-konvenut u l-konvenut konġunt għandhom ikunu responsabbli in solidum għal dan il-ksur, sakemm il-[Qorti EDB], fuq il-bażi tal-argumenti ppreżentati mill-konvenut u mill-konvenut konġunt, u wara li tisma’ l-pożizzjoni tal-applikant, ma tiddeċidix li wieħed minnhom biss għandu jitqies li huwa responsabbli.

8.      Dan l-artikolu japplika għall-applikazzjonijiet ippreżentati b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-[ftehim ta’ adeżjoni].”

57.    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ ftehim jispeċifika li l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhomx jiġu interpretati li jikkostitwixxu proċeduri internazzjonali ta’ investigazzjoni jew ta’ soluzzjoni fis-sens tal-Artikolu 35(2)(b) tal-KEDB, jew mod ta’ soluzzjoni ta’ tilwim fis-sens tal-Artikolu 55 tagħha.

B –  Id-dispożizzjonijiet l-oħra

58.    Fl-ewwel lok, numru ta’ dispożizzjonijiet huma maħsuba, l-ewwel nett, sabiex jiġu adattati d-dispożizzjonijiet tal-KEDB u tal-protokolli tagħha li jirreferu għall-Partijiet Kontraenti bħala “Stati” jew għal elementi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ Stat.

59.    F’dan is-sens, l-Artikolu 1(5) tal-abbozz ta’ ftehim jinkludi klawżola ta’ interpretazzjoni li tipprovdi li l-kliem “Stat”, “Stati”, “Stati Parti”, “liġi [dritt] nazzjonali”, “amministrazzjoni tal-Istat”, “liġijiet nazzjonali”, “awtorità nazzjonali”, “nazzjonali”, “sigurtà nazzjonali”, “ġid ekonomiku tal-pajjiż”, “integrità territorjali”, “ħajja tan-nazzjon” li jinsabu f’diversi dispożizzjonijiet tal-KEDB u f’uħud mill-protokolli tagħha għandhom jinftiehmu, wara l-adeżjoni, li japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għall-Unjoni bħala Parti Kontraenti.

60.    Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-aspetti territorjali, skont l-Artikolu 1(6) tal-abbozz ta’ ftehim, l-espressjoni “kull min jaqa taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom” li tinsab fl-Artikolu 1 tal-KEDB għandha tinftiehem, fir-rigward tal-Unjoni, li tirreferi għall-persuni li jinsabu fit-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplikaw it-Trattati UE u FUE. Sa fejn tirreferi għal persuni li ma jkunux jinsabu fit-territorju ta’ Parti Kontraenti, din l-espressjoni għandha tinftiehem li tirreferi għall-persuni li, li kieku l-ksur allegat kellu jkun imputabbli lil Parti Kontraenti li hija Stat, kienu jaqgħu fil-ġurisdizzjoni ta’ din il-Parti Kontraenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(7) tal-istess abbozz jipprovdi li, fir-rigward tal-Unjoni, il-kliem “pajjiż”, “territorju” u “territorju ta’ Stat” li jinsabu f’diversi dispożizzjonijiet tal-KEDB u ta’ wħud mill-protokolli tagħha jirreferu t-tlieta li huma għat-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplikaw it-Trattati UE u FUE.

61.    It-tieni nett, l-Artikolu 1(8) tal-abbozz ta’ ftehim jemenda l-Artikolu 59(5) tal-KEDB fis-sens li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa ser jibda jinnotifika wkoll lill-Unjoni dwar id-dħul fis-seħħ ta’ din il-konvenzjoni, l-ismijiet tal-Partijiet Kontraenti li jkunu rratifikawha jew li jkunu aderixxew għaliha, kif ukoll dwar id-depożitu ta’ kull strument ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni li titwettaq sussegwentement.

62.    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4 tal-abbozz ta’ ftehim jemenda l-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(2) tal-KEDB kif ukoll it-titolu tal-Artikolu 33 tagħha billi jibdel il-kliem “applikazzjonijiet interstatali” u “każijiet interstatali”, rispettivament, bil-kliem “applikazzjonijiet kontra l-Partijiet” u “kawżi bejn il-Partijiet”.

63.    Fit-tieni lok, numru ta’ emendi tal-KEDB tqiesu li huma neċessarji minħabba l-fatt li l-Unjoni ma hijiex Membru tal-Kunsill tal-Ewropa.

64.    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tal-abbozz ta’ ftehim jipprovdi li delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għandha d-dritt tipparteċipa, bi dritt ta’ vot, fis-seduti tal-Assemblea meta hija teżerċita l-funzjonijiet tagħha dwar l-elezzjoni tal-Imħallfin tal-Qorti EDB. Din id-delegazzjoni ser ikollha l-istess numru ta’ rappreżentanti bħad-delegazzjoni tal-Istat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa li jkollha l-ikbar numru ta’ rappreżentanti. Skont l-Artikolu 6(2) tal-istess abbozz ta’ ftehim, “[i]l-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew fis-seduti tal-[Assemblea] u tal-korpi rilevanti tagħha għandhom jiġu ddefiniti [mill-Assemblea], b’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew”.

65.    Fir-rigward tal-Kumitat tal-Ministri, l-ewwel nett, l-Artikolu 7(1) tal-abbozz ta’ ftehim jemenda l-Artikolu 54 tal-KEDB billi jintroduċi fih paragrafu 1 ġdid, li jipprovdi li “[i]l-protokolli [ta’ din il-konvenzjoni] għandhom jiġu adottati mill-Kumitat tal-Ministri”. It-tieni nett, skont l-Artikolu 7(2) tal-istess abbozz ta’ ftehim, l-Unjoni għandha d-dritt tipparteċipa, bi dritt ta’ vot, fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Ministri meta dan tal-aħħar jieħu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-KEDB, jiġifieri fuq il-bażi tal-Artikolu 26(2) (tnaqqis tan-numru tal-Imħallfin fl-awli), tal-Artikolu 39(4) (sorveljanza tal-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ftehim bonarju), tal-Artikolu 46(2) sa (5) (eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti EDB), tal-Artikolu 47 (talba għal opinjonijiet konsultattivi) u tal-Artikolu 54(1) (setgħat tal-Kumitat tal-Ministri). Barra minn hekk, l-Artikolu 7(3) tal-imsemmi abbozz ta’ ftehim jipprovdi li, qabel l-adozzjoni ta’ kull test dwar il-KEDB jew dwar wieħed mill-protokolli tagħha li għalihom tkun saret parti l-Unjoni, dwar id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2) ta’ dan l-abbozz jew dwar l-għażla tal-kandidati għall-elezzjoni bħala Mħallfin mill-Assemblea, l-Unjoni għandha tiġi kkonsultata fi ħdan l-imsemmi Kumitat, li huwa marbut jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni espressa mill-Unjoni. Fl-aħħar nett, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(4) tal-abbozz ta’ ftehim tistabbilixxi l-prinċipju li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ vot mill-Unjoni u mill-Istati Membri ma għandux jippreġudika l-eżerċizzju effettiv mill-Kumitat tal-Ministri tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza tiegħu skont l-Artikoli 39 u 46 tal-KEDB (eżekuzzjoni tal-ftehimiet bonarji u tas-sentenzi tal-Qorti EDB). B’mod iktar speċifiku, il-punt (a) tal-imsemmi Artikolu 7(4), wara li jfakkar li, “fil-kawżi li fihom il-Kumitat tal-Ministri jissorvelja l-osservanza tal-obbligi [tal-Unjoni] waħedha, jew [tal-Unjoni] flimkien ma’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha, mit-Trattati [tal-Unjoni] jirriżulta li [l-Unjoni] u l-Istati Membri tagħha għandhom jesprimu pożizzjonijiet u għandhom jivvotaw b’mod ikkoordinat”, jipprovdi li r-Regoli dwar is-sorveljanza tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi u tal-kundizzjonijiet tal-ftehimiet bonarji għandhom “jiġu adattati b’mod li jippermetti lill-Kumitat tal-Ministri, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod effettiv”. Mill-banda l-oħra, skont il-punt (b) tal-istess artikolu, “[f]il-kawżi l-oħra għajr dawk [imsemmija fil-punt (a)], meta l-Kumitat tal-Ministri jissorvelja l-osservanza tal-obbligi minn [Parti Kontraenti] li ma tkunx [l-Unjoni], l-[Istati Membri] huma liberi, skont it-Trattati [tal-Unjoni], li jesprimu l-pożizzjoni tagħhom u li jeżerċitaw id-dritt ta’ vot tagħhom”.

66.    Kien preċiżament sabiex jiġi attwat l-imsemmi Artikolu 7(4)(a) li n-negozjaturi qablu li, fir-Regoli dwar is-sorveljanza tal-eżekuzzjoni, tiġi introdotta r-Regola 18 bit-titolu “Sentenzi u ftehimiet bonarji fil-kawżi li fihom tkun parti l-Unjoni Ewropea”. Din ir-regola ġdida hija fformulata kif ġej:

“1.      Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri meħuda inkonformità mar-Regola 17 (Riżoluzzjoni finali) ta’ dawn ir-Regoli għandhom jitqiesu li huma adottati jekk maġġoranza ta’ tmenin fil-mija tar-rappreżentanti li jipparteċipaw fil-vot u maġġoranza ta’ żewġ terzi tar-rappreżentanti intitolati li jpoġġu fil-Kumitat tal-Ministri jkunu favur l-adozzjoni tagħhom.

2.      Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri meħuda inkonformità mar-Regola 10 (Deċiżjonijiet dwar it-tressiq ta’ talba għall-interpretazzjoni ta’ sentenza quddiem il-[Qorti EDB] u mar-Regola 11 (Rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu) ta’ dawn ir-Regoli għandhom jitqiesu li huma adottati jekk kwart tar-rappreżentanti intitolati li jpoġġu fil-Kumitat tal-Ministri jkunu favur l-adozzjoni tagħhom.

3.      Id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet proċedurali u dwar talbiet għal informazzjoni għandhom jitqiesu li huma adottati jekk għoxrin fil-mija tar-rappreżentanti intitolati li jpoġġu fil-Kumitat tal-Ministri jkunu favur l-adozzjoni tagħhom.

4.      L-emendi għad-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Regola jeħtieġu l-kunsens tal-[Partijiet Kontraenti] kollha għall-[KEDB].”

67.    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni fl-ispejjeż marbuta mal-KEDB, l-Artikolu 8 tal-abbozz ta’ ftehim jipprovdi li l-Unjoni għandha tħallas, lill-baġit tal-Kunsill tal-Ewropa, kontribuzzjoni annwali li tkun intiża sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-funzjonament ta’ din il-konvenzjoni u li għandha ssir b’mod addizzjonali għall-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti l-oħra.

68.    Fit-tielet lok, l-abbozz ta’ ftehim jipprevedi dispożizzjoni dwar ir-relazzjonijiet tal-KEDB ma’ ftehimiet oħra konklużi fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li jikkonċernaw din il-konvenzjoni. B’hekk, skont l-Artikolu 9(1) tal-abbozz ta’ ftehim, l-Unjoni tintrabat li tosserva, fil-limiti tal-kompetenzi tagħha, l-Artikoli 1 sa 6 tal-Ftehim Ewropew dwar il-persuni li jipparteċipaw fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, konkluż fi Strasbourg fil-5 ta’ Marzu 1996, l-Artikoli 1 sa 19 tal-Ftehim ġenerali dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa, konkluż f’Pariġi fit-2 ta’ Settembru 1949, l-Artikoli 2 sa 6 tal-Protokoll addizzjonali għall-Ftehim ġenerali dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa, konkluż fi Strasbourg fis-6 ta’ Novembru 1952, u l-Artikoli 1 sa 6 tas-Sitt Protokoll addizzjonali għall-Ftehim ġenerali dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa, iffirmat fi Strasbourg fil-5 ta’ Marzu 1996. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(2) tal-abbozz ta’ ftehim jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn l-istrumenti, il-Partijiet Kontraenti għal tali strument jintrabtu li jittrattaw lill-Unjoni bħala Parti Kontraenti. L-Artikolu 9(3) u (4) tal-istess abbozz jipprevedi, rispettivament, il-konsultazzjoni tal-Unjoni meta jiġu emendati dawn l-istess strumenti u n-notifika tagħha fil-każ ta’ avvenimenti bħalma huma l-iffirmar, id-depożitu, id-data tad-dħul fis-seħħ jew kull att ieħor li jikkonċernahom.

69.    Fl-aħħar nett, l-Artikoli 10 u 12 tal-abbozz ta’ ftehim, intitolati rispettivament, “Iffirmar u dħul fis-seħħ” u “Notifiki”, jinkludu l-klawżoli finali.

70.    Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li, skont il-punt (a) tal-abbozz ta’ dikjarazzjoni, “[m]al-adeżjoni tagħha għall-[KEDB], [l-Unjoni] għandha tiżgura [...] li titlob sabiex issir konvenuta konġunta fi proċedura quddiem il-[Qorti EDB] jew li taċċetta stedina mill-[Qorti EDB] f’dan ir-rigward, meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-ftehim ta’ adeżjoni [...]”.

VI –  L-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fit-talba għal opinjoni tagħha

A –  Fuq l-ammissibbiltà

71.    Skont il-Kummissjoni, it-talba għal opinjoni tagħha hija ammissibbli peress li, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi suffiċjenti kollha sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim mat-Trattati u, min-naħa l-oħra, l-abbozzi tal-istrumenti ta’ adeżjoni li kienu s-suġġett ta’ qbil min-naħa tan-negozjaturi huma suffiċjentement avvanzati sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li huma “ftehim maħsub” fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE. Barra minn hekk, il-fatt li r-regoli interni għad iridu jiġu adottati ma għandux ikollu impatt fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni peress li l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tistax isseħħ qabel ma jkun ġie konkluż il-ftehim ta’ adeżjoni.

B –  Fuq il-mertu

72.    Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni tanalizza l-konformità tal-abbozz ta’ ftehim mad-diversi rekwiżiti stabbiliti kemm fl-Artikolu 6(2) TUE u kemm fil-Protokoll Nru 8 UE. Barra minn hekk, hija tinvoka wkoll argumenti intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-ftehim maħsub josserva l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fir-rigward tal-għanijiet speċifiċi tagħha. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, huwa neċessarju li jiġi evitat li l-Qorti EDB jew inkella l-Kumitat tal-Ministri jkollhom, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom taħt il-KEDB u fil-kuntest ta’ tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni waħda jew iktar tagħha jew tal-ftehim ta’ adeżjoni, jinterpretaw kunċetti li jinsabu f’dawn l-istrumenti b’mod li jwassalhom jiddeċiedu dwar il-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

73.    Il-Kummissjoni tagħlaq l-analiżi tagħha billi tikkonkludi li l-imsemmi ftehim huwa kompatibbli mat-Trattati.

1.     L-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 8 UE

74.    Skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 8 UE, li jeżiġi li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-arranġamenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni eventwali ta’ din tal-aħħar fil-korpi ta’ kontroll tal-KEDB, għandu l-għan li jiggarantixxi li l-Unjoni tipparteċipa bħal kull Parti Kontraenti oħra fil-korpi ta’ kontroll ta’ din il-konvenzjoni, jiġifieri fil-Qorti EDB, fl-Assemblea u fil-Kumitat tal-Ministri.

75.    Issa, l-abbozz ta’ ftehim jiżgura, skont il-Kummissjoni, din il-parteċipazzjoni fl-imsemmija korpi ta’ kontroll.

76.    Fil-fatt, fir-rigward tal-Qorti EDB, ma hija meħtieġa ebda emenda tal-KEDB sabiex tkun possibbli l-preżenza ta’ Mħallef elett fir-rigward tal-Unjoni peress li l-Artikolu 22 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li Mħallef għandu jiġi elett fir-rigward ta’ kull Parti Kontraenti. Fir-rigward tal-elezzjoni mill-Assemblea tal-Imħallfin tal-Qorti EDB, l-Artikolu 6(1) tal-abbozz ta’ ftehim jipprovdi li delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għandha tipparteċipa, bi dritt ta’ vot, fis-seduti tal-Assemblea miżmuma għal dan il-għan. Fir-rigward tal-Kumitat tal-Ministri, l-Artikolu 7(2) tal-abbozz ta’ ftehim jipprovdi li l-Unjoni għandha d-dritt tipparteċipa, bi dritt ta’ vot, fil-laqgħat ta’ dan il-kumitat meta jieħu deċiżjonijiet fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu bis-saħħa tal-KEDB. F’dan ir-rigward, l-Unjoni għandha vot wieħed, l-istess bħas-47 Partijiet Kontraenti l-oħra.

77.    Il-Kummissjoni tfakkar li l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jobbliga lill-Unjoni u lill-Istati Membri jaġixxu b’mod ikkoordinat meta jesprimu pożizzjonijiet jew jivvotaw fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti EDB mogħtija kontra l-Unjoni jew kontra Stat Membru li tikkonstata ksur tal-KEDB fi proċedura li fiha l-Unjoni tkun konvenuta konġunta. Skont il-Kummissjoni, minn dan isegwi li, wara l-adeżjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri ser ikollhom, flimkien, 29 vot min-numru totali ta’ 48 vot fi ħdan il-Kumitat tal-Ministri u ser ikollhom, waħedhom, maġġoranza kbira fi ħdan dan il-Kumitat. Għalhekk, sabiex jitħarsu kemm l-effikaċja tal-mekkaniżmu ta’ kontroll u kemm l-ugwaljanza sostanzjali bejn il-Partijiet Kontraenti, it-tieni sentenza tal-Artikolu 7(4)(a) tal-abbozz ta’ ftehim tipprovdi li r-Regoli dwar is-sorveljanza tal-eżekuzzjoni għandhom jiġu adattati b’mod li jippermetti lill-Kumitat tal-Ministri jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod effettiv. Għal dan il-għan, fl-abbozz tar-Regola 18 huma previsti regoli speċjali dwar il-votazzjoni. Skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-abbozz, l-emenda eventwali ta’ dawn ir-regoli teħtieġ il-kunsens tal-Partijiet Kontraenti kollha.

78.    Fl-aħħar nett, meta l-Kumitat tal-Ministri jadotta strumenti jew testi li ma jkollhomx effetti legali vinkolanti fuq il-bażi tal-kompetenzi ġenerali tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 15 tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, ma huwiex ser ikun possibbli għall-Unjoni, li ma hijiex Membru ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali, li tipparteċipa, bi dritt ta’ vot, fl-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. L-Artikolu 7(3) tal-abbozz ta’ ftehim jeħtieġ għalhekk li l-Unjoni tiġi kkonsultata qabel l-adozzjoni ta’ tali testi jew strumenti u din id-dispożizzjoni tispeċifika li dan il-Kumitat għandu jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni espressa mill-Unjoni.

2.     L-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8 UE

79.    Fir-rigward tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8 UE, li jeżiġi li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-mekkaniżmi meħtieġa sabiex jiġi ggarantit li l-applikazzjonijiet ippreżentati minn Stati mhux Membri u l-applikazzjonijiet individwali jiġu indirizzati b’mod korrett kontra l-Istati Membru u/jew l-Unjoni, skont il-każ, il-Kummissjoni tosserva li, meta ksur tal-KEDB allegat quddiem il-Qorti EDB, li jkun jikkonċerna att jew ommissjoni ta’ Parti Kontraenti, ikun marbut ma’ dispożizzjoni legali oħra, tiddaħħal inkwistjoni wkoll il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni legali mal-KEDB, b’tali mod li l-istħarriġ eżerċitat mill-korpi tal-KEDB ikopri neċessarjament din id-dispożizzjoni. Issa, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni ta’ kull Parti Kontraenti oħra li tkun fl-istess ħin responsabbli għall-att kif ukoll għad-dispożizzjoni li fuqha jkun ibbażat dan l-att, meta ksur allegat quddiem il-Qorti EDB, li jkun jikkonċerna att ta’ Stat Membru, ikun marbut ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din tal-aħħar, bħala Parti Kontraenti responsabbli għal din id-dispożizzjoni, ma tkunx parti fil-proċedura quddiem l-imsemmija Qorti. Dan ikun il-każ ukoll tal-Istati Membri, ikkunsidrati flimkien, meta ksur allegat quddiem il-Qorti EDB, li jkun jikkonċerna att jew ommissjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp, ta’ organu jew ta’ aġenzija tal-Unjoni, ikun marbut ma’ dispożizzjoni tat-Trattati, li għalihom huma responsabbli biss l-Istati Membri.

80.    Sabiex jiġi evitat li, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, il-Parti Kontraenti li tkun adottat id-dispożizzjoni inkwistjoni la tkun tista’ tipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti EDB u lanqas ma tkun marbuta, jekk ikun il-każ, mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 46(1) tal-KEDB fir-rigward tal-eventwali emenda jew tħassir ta’ din id-dispożizzjoni, l-abbozz ta’ ftehim jipprevedi regoli proċedurali speċifiċi li jintroduċu l-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta. B’mod partikolari, l-Artikolu 3 tal-abbozz ta’ ftehim jippermetti, minn naħa, lill-Unjoni ssir konvenuta konġunta fil-każ li jiġi allegat ksur li jdaħħal inkwistjoni l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB u, min-naħa l-oħra, lill-Istati Membri jsiru konvenuti konġunti fil-każ li jiġi allegat ksur li jdaħħal inkwistjoni l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni li tinsab fit-Trattati ma’ din l-istess konvenzjoni.

81.    Il-Kummissjoni tenfasizza li, bis-saħħa tal-paragrafu 4 ġdid li qiegħed jiġi introdott fl-Artikolu 36 tal-KEDB permezz tal-Artikolu 3(1) tal-abbozz ta’ ftehim, it-tieni sentenza tal-paragrafu 4 tipprovdi li “[i]l-konvenut konġunt huwa parti fil-kawża”. B’hekk, il-konvenut konġunt jibbenefika mid-drittijiet proċedurali kollha li għandhom il-partijiet u għalhekk ma jistax jitqies li jkun sempliċi terz intervenjent. Barra minn hekk, fil-każ li sentenza tal-Qorti EDB tikkonstata ksur tal-KEDB, u b’hekk tiddaħħal inkwistjoni wkoll dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-konvenut konġunt ikun obbligat jirrimedja dan il-ksur sabiex jikkonforma ruħu ma’ tali sentenza, u dan jew billi jemenda l-imsemmija dispożizzjoni jew billi jħassarha.

82.    Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tliet punti preċedenti ta’ din l-opinjoni jippreżervaw l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet li l-Qorti EDB tista’ tkun meħtieġa tieħu fil-konfront tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 3(5) tal-abbozz ta’ ftehim, l-istatus ta’ konvenut konġunt jinkiseb jew permezz tal-aċċettazzjoni ta’ stedina f’dan is-sens mill-Qorti EDB jew permezz ta’ deċiżjoni ta’ din tal-aħħar ibbażata fuq in-natura plawżibbli tal-argumenti invokati fit-talba tal-Parti Kontraenti kkonċernata. B’hekk, il-Qorti EDB ma hijiex ser tkun meħtieġa tinterpreta, b’mod inċidentali, id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-kompatibbiltà mal-KEDB ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt tkunx qiegħda tiġi kkontestata bl-allegazzjoni ta’ ksur tal-KEDB. Fit-tieni lok, l-Artikolu 3(7) tal-istess abbozz jistabbilixxi r-regola tar-responsabbiltà in solidum tal-konvenut u tal-konvenut konġunt għal kull ksur ta’ din il-konvenzjoni fil-kuntest ta’ proċedura li fiha Parti Kontraenti tkun konvenuta konġunta. Għalhekk, f’tali każijiet, il-Qorti EDB ser tikkonstata biss tali ksur. Għall-kuntrarju, il-Qorti EDB ma hijiex ser tkun meħtieġa tiddeċiedi direttament dwar in-natura u s-sehem tal-kontribuzzjonijiet rispettivi tal-Unjoni u tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward ta’ dan il-ksur u lanqas, għaldaqstant, ma hija ser tkun meħtieġa tiddeċiedi, indirettament, dwar l-obbligi rispettivi tagħhom fir-rigward tal-eżekuzzjoni tas-sentenza u, b’mod partikolari, tal-miżuri individwali u ġenerali li jkunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata din l-eżekuzzjoni. Barra minn hekk, skont l-aħħar parti tal-istess Artikolu 3(7), huwa biss fuq il-bażi tal-argumenti li jistgħu jiġu ppreżentati flimkien mill-konvenut u mill-konvenut konġunt li l-Qorti EDB ser tkun tista’ tiddeċiedi li wieħed minnhom biss għandu jitqies li jkun responsabbli.

83.    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-abbozz ta’ ftehim jiggarantixxi wkoll li sentenza tal-Qorti EDB, mogħtija f’kawża li fiha l-Unjoni tkun konvenuta konġunta, ma tistax taffettwa l-kompetenzi ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, tali sentenza ma tistax toħloq, għall-Unjoni, obbligi li jmorru lil hinn minn dawk li hija obbligata twettaq bis-saħħa tal-kompetenzi mogħtija lilha fit-Trattati.

84.    B’mod konkret, skont il-Kummissjoni, huwa neċessarju li l-Unjoni tassoċja ruħha mal-proċedura bħala konvenuta konġunta b’mod awtomatiku kull darba li l-allegazzjoni ta’ ksur tal-KEDB permezz ta’ att ta’ Stat Membru li jimplementa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ddaħħal inkwistjoni l-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni ma’ din il-konvenzjoni. Issa, skont il-Kummissjoni, l-abbozz ta’ ftehim jippermetti li jintlaħaq tali riżultat. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 3(5) ta’ dan l-abbozz, meta l-Qorti EDB tiddeċiedi dwar talba ta’ Parti Kontraenti sabiex tikseb l-istatus ta’ konvenut konġunt, hija għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-argumenti ppreżentati minn din il-Parti, huwiex plawżibbli li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) jew (3) tal-istess abbozz, skont il-każ. Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet ser japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għall-Istati Membri meta l-allegazzjoni ta’ ksur tal-KEDB minn att tal-Unjoni ddaħħal inkwistjoni l-kompatibbiltà tat-Trattati ma’ din il-konvenzjoni. F’dan ir-rigward, madankollu, il-Kummissjoni żżid li, f’tali każ, l-osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali teżiġi li l-Istati Membri jkunu rrappreżentati quddiem il-Qorti EDB minn aġent wieħed, rekwiżit dan li għandu jiġi inkluż fir-regoli interni.

3.     It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE

85.    Fir-rigward tar-rekwiżit stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE u fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE, li jeżiġi li l-adeżjoni ma għandhiex taffettwa l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti fit-Trattati, il-Kummissjoni tikkonstata li l-adeżjoni timplika l-obbligu, għall-Unjoni, li tirrispetta d-drittijiet iggarantiti mill-KEDB. Issa, minn naħa, sa fejn dan l-obbligu jimplika dak li tastjeni milli tadotta miżura li tikser dawn id-drittijiet, l-Unjoni, bl-adeżjoni tagħha għal din il-konvenzjoni, ser tkun qiegħda sempliċement taċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-kompetenzi li huma attribwiti lilha fit-Trattati mill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, sa fejn l-imsemmi obbligu tal-Unjoni jimplika l-obbligu li jiġu adottati miżuri speċifiċi, it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) tal-abbozz ta’ ftehim tipprovdi li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni jew tal-protokolli tagħha ma tista’ timponi fuq l-Unjoni l-obbligu li twettaq att jew li tadotta miżura li fir-rigward tagħhom ma għandhiex kompetenza bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-impenji meħuda mill-Unjoni permezz tal-adeżjoni tagħha b’ebda mod ma huma ser jaffettwaw il-kompetenzi tagħha.

86.    Bl-istess mod, l-abbozz ta’ ftehim ma jaffettwax, skont il-Kummissjoni, il-kompetenzi tal-Unjoni meta jipprevedi, minn naħa, l-adeżjoni tal-Unjoni mhux biss għall-KEDB iżda wkoll għall-Protokoll addizzjonali u għall-Protokoll Nru 6 kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà ta’ adeżjoni għall-protokolli eżistenti l-oħra. Fil-fatt, prinċipalment, il-Kummissjoni tqis li l-Unjoni għandha kompetenza, skont l-Artikolu 6(2) TUE, sabiex taderixxi għall-protokolli eżistenti kollha, irrispettivament minn jekk l-Istati Membri kollha humiex partijiet fihom. Fil-każ kuntrarju, ir-regola stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE, li tipprovdi li l-ftehim ta’ adeżjoni għandu jiggarantixxi li s-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-protokolli ma tkunx affettwata mill-adeżjoni tal-Unjoni, ma tkunx tagħmel sens. Barra minn hekk, dawn il-protokolli huma biss strumenti aċċessorji għall-KEDB. B’hekk, l-Unjoni għandha l-kompetenza, jekk ikun il-każ, sabiex tikkonkludi protokolli ġodda jew sabiex taderixxi għalihom fi stadju sussegwenti, bil-kundizzjoni li dawn ikollhom ukoll natura aċċessorja fir-rigward ta’ din il-konvenzjoni.

4.     L-Artikolu 1(b) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE

87.    Skont il-Kummissjoni, is-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma humiex ser ikunu affettwati mill-adeżjoni. Fil-fatt, dawn l-istituzzjonijiet ser ikunu meħtieġa jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fid-dawl tal-KEDB u tal-korpi ta’ kontroll tagħha bl-istess mod bħalma huma meħtieġa jagħmlu fir-rigward ta’ kull ftehim internazzjonali ieħor u tal-korpi maħluqa jew mogħtija setgħat deċiżjonali permezz ta’ tali ftehim. B’mod partikolari, mill-Artikolu 335 TFUE u mill-punt 94 tas-sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541) jirriżulta b’mod partikolari li l-Unjoni hija rrappreżentata mill-Kummissjoni quddiem il-qrati li ma jkunux il-qrati tal-Istati Membri. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ser tkun meħtieġa tirrappreżenta lill-Unjoni quddiem il-Qorti EDB filwaqt li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, meta, fi proċedura quddiem dik il-qorti, tiddaħħal inkwistjoni dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun inkluża f’att ta’ istituzzjoni li ma tkunx il-Kummissjoni, is-setgħat ta’ din l-istituzzjoni l-oħra għandhom jitħarsu billi tiġi involuta fil-preparazzjoni tal-atti proċedurali li għandhom jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti EDB. Barra minn hekk, meta l-Kumitat tal-Ministri jkun meħtieġ jadotta atti li jkollhom effetti legali, il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE tapplika ipso jure.

88.    Fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod iktar ġenerali, taż-żamma tal-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tagħha li jikkonċernaw is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward jikkonċernaw essenzjalment tliet kwistjonijiet dwar l-eżawriment tar-rimedji legali interni, l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja, b’mod partikolari fir-rigward tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (iktar ’il quddiem il-“PBSK”) u s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikoli 258 TFUE, 260 TFUE u 263 TFUE. Fir-rigward tal-ewwel żewġ kwistjonijiet, dawn iqumu fid-dawl tal-Artikoli 6, 13 u 35(1) tal-KEDB, li jipprovdu, minn naħa, li l-atti kollha tal-Partijiet Kontraenti għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedju effettiv quddiem il-korpi interni u, min-naħa l-oħra, li l-eżawriment mingħajr suċċess ta’ tali rimedju huwa kundizzjoni meħtieġa sabiex applikazzjoni individwali ppreżentata quddiem il-Qorti EDB tkun ammissibbli.

89.    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-eżawriment minn qabel tar-rimedji legali interni, il-Kummissjoni ssostni li l-abbozz ta’ ftehim jiggarantixxi li r-rimedji legali quddiem il-qrati tal-Unjoni għandhom ikunu ġew eżawriti qabel ma applikazzjoni tkun tista’ tiġi ppreżentata b’mod validu quddiem il-Qorti EDB fir-rigward ta’ att tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, minn naħa, it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(5) tal-abbozz ta’ ftehim jispeċifika li l-kelma “nazzjonali” li tinsab fl-Artikolu 35(1) tal-KEDB għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi wkoll, mutatis mutandis, għall-ordinament ġuridiku intern tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, dejjem skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ ftehim jistabbilixxi b’mod ċar li l-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni ma għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxu proċeduri internazzjonali ta’ investigazzjoni jew ta’ soluzzjoni. Għaldaqstant, il-fatt li tilwima titressaq quddiem dawn il-qrati ma jimplikax l-inammissibbiltà ta’ applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 35(2)(b) tal-KEDB.

90.    Barra minn hekk, sabiex tintroduċi l-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tenfasizza l-eżistenza tal-possibbiltà li qorti ta’ Stat Membru tikkonstata li att jew ommissjoni ta’ dan l-Istat Membru tikser dritt fundamentali, iggarantit fuq il-livell tal-Unjoni u li jikkorrispondi għal dritt iggarantit mill-KEDB, u li dan il-ksur ikun marbut ma’ dispożizzjoni tad-dritt idderivat tal-Unjoni. F’tali każ, din il-qorti nazzjonali ma għandhiex id-dritt li tikkonstata hija stess, b’mod inċidentali, l-invalidità tal-att tal-Unjoni li fih tkun tinsab din id-dispożizzjoni u li tastjeni milli tapplikaha, peress li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba għal deċiżjoni preliminari, li tista’ tiddikjara l-invalidità tal-imsemmi att (sentenza Foto-Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punti 11 sa 20). Jekk, sussegwentement, quddiem il-Qorti EDB jiġi allegat, fir-rigward tal-istess att jew tal-istess ommissjoni, il-ksur tal-istess dritt fundamentali, kif iggarantit minn din il-konvenzjoni, u jekk, għaldaqstant, din l-allegazzjoni ddaħħal inkwistjoni l-kompatibbiltà ma’ din il-konvenzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, l-Unjoni ssir konvenuta konġunta u l-istituzzjonijiet tagħha, inklużi l-Qorti tal-Ġustizzja, ikunu marbuta mis-sentenza tal-Qorti EDB li tikkonstata ksur ta’ din il-konvenzjoni. Issa, din is-sitwazzjoni tista’ timmaterjalizza anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkun għadha ma kellhiex il-possibbiltà teżamina l-validità tal-imsemmi att tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt fundamentali inkwistjoni, li l-ksur tiegħu jkun allegat quddiem il-Qorti EDB. F’dan il-kuntest, it-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ma jistax jitqies li huwa rimedju legali intern li l-applikant għandu jkun eżawrixxa qabel ma jkun jista’ jitqies li jista’ jippreżenta applikazzjoni quddiem il-Qorti EDB, u dan peress li t-tressiq ta’ tali talba ma jiddependix mill-partijiet u peress li, għaldaqstant, l-ommissjoni ta’ tali tressiq ma tistax timplika l-inammissibbiltà ta’ applikazzjoni ppreżentata quddiem il-Qorti EDB. Tali konklużjoni hija iktar u iktar meħtieġa fid-dawl tal-fatt li s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja jinkludu l-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata, jekk ikun il-każ, l-invalidità ta’ att tal-Unjoni. Skont il-Kummissjoni, sabiex jinżammu dawn is-setgħat, huwa meħtieġ li jiġi previst li, fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-Qorti EDB li fiha l-Unjoni tkun konvenuta konġunta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha l-possibbiltà teżamina l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB. Barra minn hekk, din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli qabel ma l-Qorti EDB tkun iddeċidiet dwar il-fondatezza tal-allegazzjoni magħmula quddiemha u, għaldaqstant, b’mod inċidentali, dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni mad-dritt fundamentali inkwistjoni. Barra minn hekk, tali neċessità ta’ eżami minn qabel tad-dispożizzjoni inkwistjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tirriżulta wkoll min-natura sussidjarja tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-imsemmija konvenzjoni fil-konfront tas-sistemi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem eżistenti fil-livell tal-Partijiet Kontraenti.

91.    Huwa sabiex tinstab soluzzjoni għal dawn il-ħtiġijiet li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim tipprovdi li, f’tali ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tingħata ż-żmien neċessarju sabiex teżamina d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ involviment minn qabel ta’ din il-qorti. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(6) tal-istess abbozz, dan l-eżami għandu jitwettaq malajr, b’tali mod li l-proċedura quddiem il-Qorti EDB ma ġġarrabx dewmien indebitu. Kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-istess dispożizzjoni, il-Qorti EDB ma hijiex ser tkun marbuta mill-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

92.    Huwa minnu li l-Kummissjoni żżid li l-imsemmi Artikolu 3(6) għandu jkun akkumpanjat minn regoli interni tal-Unjoni li jirregolaw il-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, l-abbozz ta’ ftehim ma jinkludix dawn ir-regoli. Madankollu, tali regoli ma għandhomx ikunu jinsabu fi ftehim internazzjonali iżda għandhom jiġu adottati, b’mod awtonomu, fuq il-livell tal-Unjoni peress li huma intiżi li jirregolaw proċedura interna għal din tal-aħħar. Barra minn hekk, la huwa neċessarju u lanqas ma huwa xieraq li l-imsemmija dispożizzjonijiet proċedurali jiġu inklużi fit-Trattati. Fil-fatt, it-Trattati, minn naħa, jobbligaw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri sabiex jipproċedu bl-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB u, min-naħa l-oħra, jipprojbixxu li s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jiġu affettwati minn din l-adeżjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li jkun iktar xieraq li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-prinċipju stess ta’ proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja u li jiddefinixxu l-entitajiet kompetenti sabiex jiftħu din il-proċedura kif ukoll l-istandards li fir-rigward tagħhom għandu jitwettaq l-eżami tal-kompatibbiltà jkunu koperti mid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim ta’ adeżjoni, skont l-Artikolu 218(6)(a)(ii) TFUE. Fir-rigward tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet interni li jirregolaw il-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett, is-setgħa li tinfetaħ din il-proċedura permezz ta’ talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tappartjeni lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li kontrih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni quddiem il-Qorti EDB. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ tiddeċiedi qabel ma l-Unjoni u l-Istat Membru kkonċernat ikunu ħadu pożizzjoni quddiem il-Qorti EDB. It-tieni nett, peress li l-proċedura ser ikollha ċertu xebh strutturali mal-proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, ir-regoli dwar id-dritt ta’ parteċipazzjoni f’din il-proċedura għandhom ikunu analogi għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, ir-rekwiżiti ta’ ħeffa jistgħu jkunu ssodisfatti bl-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a ta’ dan l-Istatut.

93.    It-tieni nett, fir-rigward tal-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja, skont il-Kummissjoni, sabiex att jiġi imputat lill-Unjoni jew inkella lil Stat Membru, bl-iskop li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħhom taħt il-KEDB, huwa meħtieġ li jiġu applikati l-istess kriterji ta’ imputazzjoni bħal dawk applikabbli fi ħdan l-Unjoni. Issa, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim tissodisfa dan ir-rekwiżit billi tipprovdi li, għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, miżura ta’ Stat Membru għandha tiġi imputata lil dan l-Istat, anki jekk din il-miżura sseħħ meta dan tal-aħħar ikun qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni, inklużi d-deċiżjonijiet meħuda fuq il-bażi tat-Trattati UE u FUE. B’hekk, l-effettività tar-rimedju legali tkun żgurata peress li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, huma l-qrati tal-imsemmi Stat Membru li għandhom jiggarantixxu l-protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward tal-atti ta’ dan l-Istat.

94.    Madankollu, fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-qasam tal-PBSK iqumu kwistjonijiet partikolari sa fejn, f’dan ir-rigward, id-dritt tal-Unjoni għandu żewġ karatteristiċi speċifiċi.

95.    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-imputabbiltà tal-atti, l-implementazzjoni tal-PBSK permezz tat-twettiq ta’ operazzjonijiet militari għandha tiġi żgurata mill-Istati Membri, inkonformità mar-raba’ sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u mal-Artikoli 28(1) TUE, 29 TUE u 42(3) TUE. Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni din il-karatteristika, l-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim jipprovdi li, anki fir-rigward tal-operazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-PBSK, l-atti tal-Istati Membri għandhom jiġu imputati lill-Istat Membru inkwistjoni u mhux lill-Unjoni. Din il-preċiżazzjoni għandha tippermetti li jiġi eskluż li tiġi ttrasposta għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li permezz tagħha din tal-aħħar iddeċidiet dwar ir-responsabbiltà ta’ organizzazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-atti mwettqa minn Parti Kontraenti sabiex timplementa deċiżjoni ta’ din l-organizzazzjoni (deċiżjoni tal-Qorti EDB tat-2 ta’ Mejju 2007, Behrami u Behrami vs Franza u Saramati vs Franza, Il-Ġermanja u In-Norveġja, Nri 71412/01 u 78166/01, § 122, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti EDB tas-7 ta’ Lulju 2011, Al-Jedda vs Ir-Renju Unit, Nru 27021/08, § 76). Fil-fatt, kif barra minn hekk huwa ppreċiżat fil-paragrafu 24 tal-abbozz ta’ rapport ta’ spjega, fil-kawżi li taw lok għal din il-ġurisprudenza, ma kienet teżisti ebda regola speċifika ta’ imputazzjoni tal-atti bħalma hija dik prevista fl-imsemmi Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim.

96.    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-effettività tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fil-qasam tal-PBSK, dan l-istħarriġ huwa llimitat kemm mill-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u kemm mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja la għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet marbuta mal-PBSK u lanqas fir-rigward tal-atti adottati fuq il-bażi tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tistħarreġ l-osservanza tal-Artikolu 40 TUE u sabiex tagħti deċiżjonijiet dwar ir-rikorsi, ippreżentati fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu “miżuri restrittivi” kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE. Għaldaqstant, tista’ tqum il-kwistjoni ta’ jekk l-Unjoni tipprovdix rimedji legali interni effettivi fil-qasam tal-PBSK.

97.    Il-Kummissjoni tfakkar f’dan ir-rigward li, sabiex applikazzjoni quddiem il-Qorti EDB tkun ammissibbli, l-applikant għandu jkun jista’ jallega li kien vittma ta’ ksur tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-KEDB jew mill-protokolli tagħha u, għaldaqstant, li kien ikkonċernat direttament mill-att jew mill-ommissjoni kontenzjużi.

98.    Issa, minn naħa, fir-rigward tal-atti fil-qasam tal-PBSK li joriġinaw minn Stat Membru, sa fejn dawn ikunu jikkonċernaw direttament lil persuna u għalhekk ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ applikazzjoni quddiem il-Qorti EDB, il-protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ dawn l-atti hija r-responsabbiltà tal-qrati tal-Istati Membri. Meta, b’mod eċċezzjonali, tali att ikun ibbażat fuq dispożizzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 28(1) TUE, tista’ tiddaħħal inkwistjoni l-kompatibbiltà ta’ tali dispożizzjoni mal-KEDB. Skont il-Kummissjoni, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Kunsill tkun tikkostitwixxi hija stess “miżura restrittiva”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, b’tali mod li, għalkemm din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi espliċitament il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni biss tar-rikorsi għal annullament “mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 [TFUE]”, tali dispożizzjonijiet xorta waħda jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, jekk ikun il-każ fir-rigward tal-validità tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenza Segi et vs Il-Kunsill (C‑355/04 P, EU:C:2007:116), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja l-fatt li l-Artikolu 35(1) tat-Trattat UE, kif emendat bit-Trattat ta’ Nice, kien jeskludi l-“pożizzjonijiet komuni” mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari, irrikonoxxiet il-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jagħmlulha domanda preliminari dwar pożizzjoni komuni li, minħabba l-kontenut tagħha u minħabba li kellha hija stess effett legali fir-rigward ta’ terzi, kellha portata li kienet tmur lil hinn minn dik assenjata mit-Trattat UE lil dan it-tip ta’ att. Barra minn hekk, f’tali ċirkustanzi, għandha tapplika wkoll il-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja.

99.    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-atti fil-qasam tal-PBSK li joriġinaw mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandha ssir distinzjoni bejn l-atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti u dawk li ma għandhomx tali effetti. L-atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti jikkostitwixxu, sa fejn jistgħu jiksru d-drittijiet fundamentali, “miżuri restrittivi” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u, għalhekk, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, l-atti li ma jipproduċux tali effetti ma jistgħux, min-natura tagħhom, ikunu s-suġġett la ta’ rikors għal annullament u lanqas ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. L-uniku rimedju legali disponibbli fi ħdan l-Unjoni kontra tali atti hija l-azzjoni għad-danni skont l-Artikolu 340 TFUE sa fejn, skont il-Kummissjoni, din l-azzjoni ma tkunx eskluża mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

100. B’hekk, il-Kummissjoni tqis li, meta kkunsidrati flimkien, l-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 275 TFUE u l-Artikolu 340 TFUE jkollhom l-effett li l-atti u l-miżuri kollha tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tal-PBSK, li fir-rigward tagħhom persuna tista’ tallega li kienet vittma ta’ ksur tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-KEDB, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedju legali effettiv quddiem l-istanzi ġudizzjarji tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

101. It-tielet nett, skont il-Kummissjoni, l-abbozz ta’ ftehim lanqas ma jaffettwa s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikoli 258 TFUE, 260 TFUE u 263 TFUE. Fil-fatt, l-Artikolu 5 ta’ dan l-abbozz jinkludi klawżola ta’ interpretazzjoni li tipprovdi li “[i]l-proċeduri quddiem il-[Qorti tal-Ġustizzja] ma għandhomx jiġu interpretati bħala li jikkostitwixxu [...] mod ta’ soluzzjoni ta’ tilwim fis-sens tal-Artikolu 55 tal-[KEDB]”. Għalhekk, qiegħda tinżamm espliċitament il-possibbiltà li tilwim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, jew b’mod iktar preċiż dwar id-drittijiet fundamentali kif iddefiniti fil-livell tal-Unjoni u, b’mod partikolari, fil-Karta, jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

102. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tfakkar li mill-Artikolu 1(3) tal-abbozz ta’ ftehim jirriżulta li ma huwa qiegħed jinħoloq ebda obbligu għall-Istati Membri, taħt id-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-KEDB u tal-protokolli tagħha. Għaldaqstant, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu stess, ikollu bħala suġġett in-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-KEDB. Madankollu, ir-riferiment għall-Artikolu 55 tal-KEDB li jinsab fl-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ ftehim ser ikun effettiv fir-rigward tar-rekwiżit li l-adeżjoni ma taffettwax is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Istati Membri huma marbuta mid-drittijiet fundamentali ddefiniti fuq il-livell tal-Unjoni meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Issa, sa fejn il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 55 tal-KEDB tista’ tinftiehem bħala li tkopri wkoll it-tilwim bejn Partijiet Kontraenti li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ strument internazzjonali — bħalma huma, fir-rigward tal-Istati Membri, it-Trattati u l-Karta — li jkollu l-istess kontenut bħad-dispożizzjonijiet tal-KEDB, l-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ ftehim ser ikollu l-effett li jipprekludi tali interpretazzjoni fil-konfront tal-Unjoni.

103. Barra minn hekk, il-Qorti EDB ippreċiżat li l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 258 TFUE ma jikkorrispondix għall-użu ta’ proċeduri internazzjonali ta’ investigazzjoni jew ta’ soluzzjoni fis-sens tal-Artikolu 35(2)(b) tal-KEDB (sentenza tal-Qorti EDB tal-1 ta’ Frar 2011, Karoussiotis vs Il-Portugall, Nru 23205/08, § 75 u 76).

104. Il-Kummissjoni tippreċiża li ma huwiex meħtieġ li l-abbozz ta’ ftehim jipprevedi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà speċifika li tkun applikabbli għall-applikazzjonijiet quddiem il-Qorti EDB, skont l-Artikolu 33 tal-KEDB, ippreżentati mill-Unjoni kontra Stat Membru jew, bil-maqlub, minn Stat Membru kontra l-Unjoni, fir-rigward ta’ tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni peress li tali applikazzjonijiet ikunu manifestament kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, tali applikazzjonijiet mhux biss jikkostitwixxu evażjoni tal-Artikolu 258 TFUE iżda d-deċiżjoni li tiġi ppreżentata tali applikazzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, applikazzjoni ppreżentata minn Stat Membru kontra l-Unjoni tikkostitwixxi evażjoni tal-Artikolu 263 TFUE jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 265 TFUE, li huwa ssanzjonat mid-dritt tal-Unjoni permezz tal-proċedura sabiex jiġi kkonstatat ksur.

5.     It-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE

105. Fir-rigward tar-rekwiżit stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE, li jeżiġi li l-adeżjoni ma għandhiex taffettwa s-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB, u b’mod partikolari fir-rigward tal-protokolli tagħha, fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri b’deroga minnha, skont l-Artikolu 15 tagħha, u fir-rigward tar-riżervi għal din il-konvenzjoni magħmula mill-Istati Membri skont l-Artikolu 57 tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(3) tal-abbozz ta’ ftehim, il-portata tal-impenji tal-Unjoni hija limitata, ratione personae, għall-Unjoni biss, bħala suġġett tad-dritt internazzjonali pubbliku distint mill-Istati Membri. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni legali ta’ Stat Membru li, skont l-Artikolu 57 tal-KEDB, ikun ifformula riżerva għal dispożizzjoni tagħha jew għal wieħed mill-protokolli li għalihom taderixxi l-Unjoni, li jkun ħa miżuri b’deroga minn din il-konvenzjoni, skont l-Artikolu 15 tagħha, jew inkella li ma jkunx parti f’wieħed mill-protokolli li għalihom tista’ taderixxi l-Unjoni fil-futur, ma hijiex ser tkun affettwata mill-adeżjoni tal-Unjoni għal din il-konvenzjoni. Minn dan isegwi wkoll li, filwaqt li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, il-ftehimiet konklużi mill-Unjoni jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri, l-abbozz ta’ ftehim ma joħloq ebda obbligu għal dawn tal-aħħar, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-KEDB u tal-protokolli tagħha.

6.     L-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 8 UE

106. Fir-rigward, fl-aħħar nett, tar-rekwiżit, stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 8 UE, li jeżiġi li l-adeżjoni ma għandhiex taffettwa l-Artikolu 344 TFUE, il-Kummissjoni ssostni li konsegwenza oħra tal-fatt li, skont l-Artikolu 1(3) tal-abbozz ta’ ftehim, l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ma hija ser toħloq ebda obbligu għall-Istati Membri, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-KEDB u tal-protokolli tagħha, hija li tilwima eventwali bejn Stati Membri dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni ma tikkostitwixxix fil-veru sens tal-kelma tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati, li hija koperta mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 344 TFUE.

107. Madankollu, ir-riferiment għall-Artikolu 55 tal-KEDB li jinsab fl-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ ftehim ser ikollu effett ukoll fir-rigward tal-imsemmi rekwiżit. Fil-fatt, sa fejn il-projbizzjoni stabbilita fl-imsemmi Artikolu 55 tista’ tinftiehem li tkopri wkoll it-tilwim bejn Partijiet Kontraenti li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ strument internazzjonali, bħalma huma, fir-rigward tal-Istati Membri, it-Trattati u l-Karta, li jkollu l-istess kontenut bħad-dispożizzjonijiet tal-KEDB, l-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ ftehim ser ikollu l-effett li jipprekludi tali interpretazzjoni fil-konfront tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni żżid li ma hijiex meħtieġa regola li tipprevedi l-inammissibbiltà ta’ applikazzjoni ppreżentata quddiem il-Qorti EDB minn Stat membru kontra Stat Membru ieħor dwar tilwima li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkollhom l-istess kontenut bħal dawk tal-KEDB u, b’mod partikolari, ta’ dispożizzjonijiet tal-Karta. Fil-fatt, il-preżentata ta’ tali applikazzjoni tkun tikkostitwixxi diġà ksur tal-Artikolu 344 TFUE u, fil-livell tal-Unjoni, tkun issanzjonata permezz tal-proċeduri previsti fl-Artikoli 258 TFUE sa 260 TFUE.

VII –  Sunt tal-osservazzjonijiet prinċipali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

108. Fil-kuntest ta’ din it-talba għal opinjoni, ġew ippreżentati osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bil-miktub jew oralment matul is-seduta, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Bulgaru, mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Estonjan, mill-Irlanda, mill-Gvern Elleniku, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Ċiprijott, mill-Gvern Latvjan, mill-Gvern Litwanjan, mill-Gvern Ungeriż, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Awstrijak, mill-Gvern Pollakk, mill-Gvern Portugiż, mill-Gvern Rumen, mill-Gvern Slovakk, mill-Gvern Finlandiż, mill-Gvern Svediż, mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Parlament u mill-Kunsill.

109. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq kollha jikkonkludu, essenzjalment, li l-abbozz ta’ ftehim huwa kompatibbli mat-Trattati u jaqblu, fil-parti l-kbira tagħhom, mal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni. Madankollu, fir-rigward ta’ diversi punti, l-evalwazzjonijiet tagħhom ivarjaw minn dawk tal-Kummissjoni.

A –  Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

110. Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni, essenzjalment ma huwiex ikkontestat li s-suġġett tat-talba huwa fil-fatt “ftehim maħsub” fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dan il-ftehim mat-Trattati, kif teżiġi l-Qorti tal-Ġustizzja (Opinjoni 2/94, EU:C:1996:140, punti 20 u 21).

111. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar ir-regoli interni taw lok għal pożizzjonijiet differenti ħafna.

112. Il-Gvern Bulgaru, il-Gvern Daniż, l-Irlanda, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Portugiż, il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Svediż, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Parlament u l-Kunsill isostnu li huwa minnu li l-fatt li dawn ir-regoli għadhom ma ġewx adottati ma jaffettwax l-ammissibbiltà tat-talba. Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, kif josservaw il-Gvern Estonjan u l-Gvern Latvjan, tali regoli għandhom konsegwenzi biss għall-Unjoni u ma jistgħux jaffettwaw l-aspetti internazzjonali tal-abbozz ta’ ftehim u, min-naħa l-oħra, kif jenfasizzaw essenzjalment il-Gvern Pollakk u l-Gvern Svediż, dawn ir-regoli għandhom ikunu wkoll kompatibbli mat-Trattati, filwaqt li, skont il-Gvern Ċiprijott, il-Gvern Svediż u l-Gvern tar-Renju Unit, tali kompatibbiltà tista’, jekk ikun il-każ, tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 263 TFUE.

113. Madankollu, il-Kummissjoni kien imissha astjeniet milli tiftaħ id-dibattitu dwar tali regoli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal opinjoni. Fil-fatt, huwa impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali regoli interni u dan jew minħabba, skont il-Gvern Elleniku u l-Gvern Olandiż, li dawn ir-regoli huma ta’ natura ipotetika, jew minħabba, skont il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ċiprijott, il-Gvern Litwanjan u l-Kunsill, li ma hemmx elementi suffiċjenti dwar il-kontenut tagħhom, jew inkella minħabba, skont il-Gvern Ċek, il-Gvern Estonjan, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ċiprijott, il-Gvern Litwanjan, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Portugiż, il-Gvern Slovakk u l-Gvern Svediż, li dawn ir-regoli ma jagħmlux parti mill-ftehim internazzjonali inkwistjoni li jista’ jkun esklużivament is-suġġett ta’ talba għal opinjoni fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE. Barra minn hekk, jekk tagħti deċiżjoni dwar il-kontenut ta’ regoli li għadhom ma ġewx adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda, skont il-Gvern Estonjan, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kunsill, tirfes fuq il-kompetenzi tal-Kunsill bi ksur tal-Artikolu 13 TUE, jew tkun qiegħda, skont il-Gvern Estonjan, tikser il-prinċipju ta’ tqassim tal-kompetenzi previst fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE.

114. Minn dan isegwi li t-talba għal opinjoni hija ammissibbli biss sa fejn tikkonċerna l-ftehim maħsub filwaqt li, fir-rigward tar-regoli interni, jew, kif isostnu l-Gvern Franċiż u l-Gvern Ċiprijott, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, jew, kif isostnu l-Gvern Ċek, il-Gvern Estonjan u l-Gvern Franċiż, din it-talba hija inammissibbli, jew inkella, kif isostni l-Gvern Litwanjan, ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni.

115. Jekk, min-naħa l-oħra, l-analiżi tar-regoli interni tirriżulta li hija neċessarja sabiex tiġi evalwata l-konformità tal-abbozz ta’ ftehim mat-Trattati — punt li dwaru, skont il-Gvern Elleniku, għandha tieħu deċiżjoni l-Qorti tal-Ġustizzja — f’tali każ jew, kif isostni l-Gvern Pollakk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tissuġġetta l-opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ dan l-abbozz mat-Trattati għall-kundizzjoni li r-regoli interni jkunu wkoll kompatibbli magħhom, jew, kif isostni l-Gvern Rumen, mal-abbozz ta’ dikjarazzjoni, jew, kif isostnu l-Gvern Estonjan u l-Kunsill, il-proċedura għandha tiġi sospiża sakemm dawn ir-regoli jkunu disponibbli, jew inkella, kif isostnu l-Gvern Elleniku u l-Kunsill, it-talba għandha tiġi ddikjarata inammissibbli fl-intier tagħha jew inkella, kif isostni l-Gvern Spanjol, fir-rigward tal-aspetti tal-abbozz ta’ ftehim li għad iridu jiġu ppreċiżati fl-imsemmija regoli interni, jiġifieri dawk li jikkonċernaw il-kwistjonijiet tar-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem il-Qorti EDB, l-involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex tiġi stabbilita l-lista ta’ tliet kandidati għall-pożizzjoni ta’ Mħallef u l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-Assemblea jew fil-Kumitat tal-Ministri kif ukoll ir-regoli ġodda dwar il-voti li jinsabu fl-abbozz tar-Regola 18.

116. Sussidjarjament, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li għandha tagħti deċiżjoni dwar ir-regoli interni, ġew ippreżentati osservazzjonijiet fir-rigward tar-regoli interni prinċipali.

B –  Fuq il-mertu

1.     L-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 8 UE

117. L-Istati Membri kollha u l-istituzzjonijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet essenzjalment jaqblu mal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u jikkonkludu li l-abbozz ta’ ftehim iżomm il-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tagħha fir-rigward tal-modalitajiet partikolari tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi ta’ kontroll tal-KEDB.

2.     L-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8 UE

118. L-imsemmija Stati Membri u l-istituzzjonijiet iqisu wkoll li l-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta jippermetti, essenzjalment, li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tagħha billi jiggarantixxi li l-applikazzjonijiet ippreżentati minn Stati mhux Membri u l-applikazzjonijiet individwali jiġu ppreżentati korrettament kontra l-Istati Membri u/jew l-Unjoni, skont il-każ.

119. Madankollu, ċerti Stati Membri jqisu li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ aġġustamenti jew għandhom jiġu ppreċiżati.

120. L-ewwel nett, skont il-Gvern Awstrijak, il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta għandu jkun jista’ jinbeda mhux biss meta l-ksur tal-KEDB “seta’ jiġi evitat biss billi ma jiġix osservat obbligu li jirriżulta mid-dritt [tal-Unjoni]”, iżda wkoll meta tali ksur ikun imputabbli lil Stat Membru fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk anki meta dan id-dritt jirrikonoxxi ċertu livell ta’ awtonomija lil dan l-Istat Membru. Fil-fatt, meta l-ksur allegat ikun marbut ma’ att ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, jista’ jkun fl-interess tal-Unjoni li tiddefendi quddiem il-Qorti EDB il-legalità ta’ din id-direttiva, u dan anki jekk din id-direttiva ma tobbligax lill-Istat Membru kkonċernat jadotta l-imsemmi att iżda sempliċement tawtorizzah li jadottah. Barra minn hekk, jista’ jkun diffiċli li tiġi identifikata minn qabel il-portata ta’ libertà li l-Istati Membri jgawdu fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ direttiva.

121. It-tieni nett, il-Gvern Bulgaru jqis li n-natura fakultattiva tal-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta jħalli l-possibbiltà lill-konvenut konġunt potenzjali li jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu taħt l-Artikolu 46 tal-KEDB. F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak iżid li l-kompatibbiltà ta’ dan il-mekkaniżmu mar-rekwiżiti tal-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8 UE tiddependi mill-eżistenza fid-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni interna li tobbliga lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-każ ta’ applikazzjoni kontra Stat Membru wieħed jew iktar, jitolbu li l-Unjoni tiġi ammessa bħala konvenuta konġunta fil-każ li jiġi allegat ksur ta’ din il-konvenzjoni li jdaħħal inkwistjoni l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni ma’ din il-konvenzjoni. Anki jekk tali obbligu intern huwa diġà previst fil-punt (a) tal-abbozz ta’ dikjarazzjoni, huwa madankollu neċessarju li dan l-obbligu jiġi rregolat b’mod vinkolanti, b’tali mod li l-fatt li ma titressaqx tali talba jew li tiġi rrifjutata l-parteċipazzjoni fi proċedura fuq stedina tal-Qorti EDB skont l-Artikolu 3(5) tal-abbozz ta’ ftehim ikun jikkostitwixxi nuqqas li tittieħed azzjoni fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE. Barra minn hekk, skont il-Gvern Rumen, mill-imsemmi abbozz ta’ dikjarazzjoni jirriżulta li, minkejja li l-intervent tal-Unjoni bħala konvenuta konġunta huwa previst fl-abbozz ta’ ftehim bħala possibbiltà, l-Unjoni għandha timpenja ruħha li timplementa, fil-livell intern, regoli li jippermettu li jiġi ddeterminat liema allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni jkun marbut mad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-marġni ta’ manuvra li jkollu l-Istat Membru kkonċernat.

122. Barra minn hekk, skont il-Gvern Franċiż, sabiex jiġi evitat li l-Qorti EDB tista’ tkun meħtieġa tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa t-tqassim tar-responsabbiltajiet fil-kuntest ta’ ksur ikkonstatat fi tmiem proċedura li fiha Parti Kontraenti tkun konvenuta konġunta, l-Artikolu 3(7) tal-abbozz ta’ ftehim għandu neċessarjament jiġi interpretat fis-sens li l-Qorti EDB tista’ tiddeċiedi dwar it-tqassim tar-responsabbiltà bejn il-konvenut u l-konvenut konġunt biss fuq il-bażi tal-argumenti ppreżentati minn dawn tal-aħħar fil-kuntest ta’ talba mressqa b’mod konġunt.

123. Fl-aħħar nett, il-Gvern tar-Renju Unit jispeċifika li, għall-kuntrarju tas-suġġeriment tal-Kummissjoni fis-sens li huwa l-konvenut konġunt, skont l-Artikolu 46(1) tal-KEDB, li għandu jirrimedja ksur ta’ din tal-aħħar, sabiex jikkonforma ruħu ma’ sentenza tal-Qorti EDB, fil-verità dan l-obbligu għandu jkun kondiviż. Fil-fatt, fil-każ li tali sentenza tingħata kontra l-Unjoni u Stat Membru wieħed jew iktar tagħha b’mod konġunt, din is-sentenza fiha nfisha ma hijiex ser tagħti lil xi istituzzjoni jew oħra tal-Unjoni, u b’mod partikolari lill-Kummissjoni, il-kompetenza li taġixxi sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni korretta tagħha iżda din għandha tintervjeni permezz tal-proċess leġiżlattiv normali tal-Unjoni.

3.     L-Artikolu 6(2) TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE

124. L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rekwiżit li jeżiġi li l-adeżjoni għall-KEDB ma għandhiex taffettwa l-kompetenzi tal-Unjoni huma b’mod ġenerali kondiviżi mill-Istati Membri li ssottomettew osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fir-rigward tal-kwistjoni tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex taderixxi għall-protokolli li ma humiex il-protokolli li għalihom l-Unjoni ser taderixxi skont l-Artikolu 1 tal-abbozz ta’ ftehim, jiġifieri l-Protokoll addizzjonali u l-Protokoll Nru 6.

125. B’mod partikolari, skont il-Gvern Ġermaniż, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal opinjoni u li jikkonċernaw adeżjoni eventwali għal protokolli oħra li ma humiex il-Protokoll addizzjonali u l-Protokoll Nru 6 huma inammissibbli peress li ma hemm ebda “ftehim maħsub” f’dan ir-rigward.

126. Fir-rigward tal-mertu, il-Gvern Slovakk isostni li l-Unjoni għandha attwalment il-kompetenza sabiex taderixxi biss għaż-żewġ protokolli msemmija fil-punt preċedenti, filwaqt li, skont il-Gvern Daniż, l-Unjoni ma għandhiex il-kompetenza sabiex taderixxi għall-protokolli eżistenti li għalihom mhux l-Istati Membri kollha huma diġà partijiet.

127. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Latvjan, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Pollakk iqisu li, teoretikament, l-Unjoni jista’ jkollha l-kompetenza sabiex taderixxi wkoll għal dawn il-protokolli tal-aħħar. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex determinanti. Fil-fatt, skont il-Gvern Olandiż, fid-dawl tal-proċedura prevista fil-punt (ii) tal-inċiż (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, li tipprevedi l-unanimità għall-konklużjoni ta’ ftehim fis-sens ta’ dan l-artikolu kif ukoll l-approvazzjoni ta’ tali ftehim mill-Istati Membri kollha skont ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom, ftit huwa probabbli li l-Unjoni tista’ tikseb l-approvazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-adeżjoni għal protokolli li għalihom ma humiex partijiet. Fi kwalunkwe każ, attwalment l-Unjoni ma tistax taderixxi għall-protokolli li ma humiex il-protokolli msemmija fl-Artikolu 1 tal-abbozz ta’ ftehim, kif isostni l-Gvern Latvjan, mingħajr ma l-Kunsill ikun approva mandat speċifiku f’dan ir-rigward jew, kif isostni l-Gvern Pollakk, irrispettivament mir-rieda tal-Istati Membri. Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż iżid li din il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE, li tipprovdi li l-ftehim ta’ adeżjoni ma jistax jaffettwa s-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-protokolli tagħha. Issa, adeżjoni immedjata għall-protokolli li għalihom mhux l-Istati Membri kollha huma partijiet tikser din id-dispożizzjoni jew, kif isostni l-Gvern Elleniku, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

4.     L-Artikolu 1(b) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE

128. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-effettività tar-rimedji legali previsti mit-Trattati fil-qasam tal-PBSK u, fir-rigward b’mod partikolari tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-imputazzjoni tal-atti adottati fil-qasam ta’ din il-politika, dawn l-evalwazzjonijiet tqiesu li ma humiex neċessarji mill-Gvern tar-Renju Unit minħabba li l-Qorti EDB qatt ma applikat għall-Unjoni l-ġurisprudenza tagħha dwar l-imputazzjoni lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-atti tal-Partijiet Kontraenti. Fi kwalunkwe każ, skont il-Gvern Ġermaniż, ir-regola prevista fl-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim, kif ippreċiżata fil-paragrafi 22 sa 26 tal-abbozz ta’ rapport ta’ spjega, għandha tapplika biss għall-finijiet tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB u ma għandhiex taffettwa l-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali fil-qasam ta’ imputazzjoni tal-atti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali.

129. Differenzi iktar sottili joħorġu mill-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-limitazzjonijiet previsti mit-Trattati fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PBSK.

130. L-ewwel nett, il-Gvern Elleniku u l-Gvern tar-Renju Unit isostnu li ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 275 TFUE u li tagħti deċiżjoni dwar l-eventwali ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward, b’mod partikolari, tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari f’dan il-qasam.

131. Fi kwalunkwe każ, il-Gvern tar-Renju Unit iżid li l-interpretazzjoni estensiva tal-imsemmi artikolu proposta mill-Kummissjoni, fis-sens li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE tkopri wkoll l-atti li jaqgħu taħt il-PBSK, hija inkorretta u hija bbażata fuq is-sentenzi Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (C‑354/04 P, EU:C:2007:115) kif ukoll Segi et vs Il-Kunsill (EU:C:2007:116), jiġifieri fuq ġurisprudenza li tippreċedi t-Trattat ta’ Lisbona. Issa, kif ifakkru wkoll il-Gvern Spanjol u l-Gvern Finlandiż, dan it-trattat, permezz tal-Artikolu 275 TFUE, illimita preċiżament l-istħarriġ tal-validità tal-atti li jaqgħu taħt il-PBSK għar-rikorsi għal annullament biss, bl-esklużjoni għalhekk tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar validità. Skont dawn iż-żewġ gvernijiet tal-aħħar, l-Artikolu 275 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod ristrett, u dan mhux biss minħabba l-fatt li, f’dan il-qasam, il-prinċipju huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni u li għandha ġurisdizzjoni biss b’mod eċċezzjonali, kif isostnu l-Gvern Franċiż, il-Gvern Pollakk u l-Kunsill, iżda wkoll minħabba l-fatt, enfasizzat mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern Pollakk, li interpretazzjoni estensiva li testendi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PBSK ma tkunx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE. Barra minn hekk, il-Gvern Olandiż isostni li tali interpretazzjoni estensiva toħloq inċertezzi fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament kontra tali atti. Fil-fatt, il-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni biss sabiex jagħtu deċiżjoni, fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE. Issa, skont il-Gvern Franċiż, interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “miżura restrittiva” jkollha konsegwenzi fuq l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament u ta’ dawk ibbażati fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità prevista fl-Artikolu 277 TFUE. Fl-aħħar nett, skont dan il-gvern tal-aħħar u l-Kunsill, tali estensjoni tista’ barra minn hekk tapplika wkoll għall-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, fil-verità, din il-proċedura għandha tinbeda biss meta jiġi allegat ksur tal-KEDB marbut ma’ miżura restrittiva quddiem il-Qorti EDB, għaliex inkella tkun qiegħda tiġi estiża l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

132. It-tieni nett, il-Gvern Franċiż u l-Kunsill iqisu li d-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn il-miżuri li għandhom effetti vinkolanti u dawk li ma għandhomx tali effetti ma hijiex fondata peress li l-kwistjoni rilevanti tirrigwarda biss jekk tkunx involuta “miżura restrittiva” fis-sens tal-Artikolu 275 TFUE. Issa, il-kunċett ta’ “miżura restrittiva” ma jistax jiddependi mis-sempliċi fatt li miżura tista’ tikser id-drittijiet fundamentali tal-individwi peress li tali definizzjoni tmur lil hinn mid-diċitura tal-Artikolu 215(2) TFUE u ċċaħħad l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE mill-effettività tiegħu.

133. Għaldaqstant, skont il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jibqgħalha ġurisdizzjoni sabiex teżamina eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE, ma għandhiex ġurisdizzjoni, skont il-Gvern Pollakk, sabiex teżamina l-validità ta’ miżuri li ma jkunux miżuri restrittivi permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u lanqas, skont il-Gvern Franċiż u l-Kunsill, sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal danni mhux kuntrattwali intiżi sabiex jinkiseb kumpens għal dannu mġarrab minħabba att jew miżura fil-qasam tal-PBSK. Skont il-Gvern Franċiż, il-Gvern Olandiż u l-Kunsill, il-kunċett ta’ miżuri restrittivi jinkludi biss id-“deċiżjonijiet ta’ sanzjoni” meħuda kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-skop tagħhom ikun il-limitazzjoni tal-ammissjoni tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri kif ukoll l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tagħhom, u għalhekk jikkonċerna kemm l-atti bażiċi bbażati fuq l-Artikolu 31(1) TUE u kemm l-atti ta’ implementazzjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 31(2) TUE.

134. F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż jippreċiża li s-sentenza Segi et vs Il-Kunsill (EU:C:2007:116), dwar l-ammissibbiltà tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ dak li kien magħruf bħala t-“tielet pilastru”, ma tistax tiġi ttrasposta għal dan il-każ peress li l-Artikolu 275 TFUE, għall-kuntrarju tal-Artikolu 35(1) UE, ma jagħti ebda ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari.

135. Fl-aħħar nett, skont il-Gvern Franċiż, il-fatt li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 275 TFUE tista’ ċċaħħad lill-individwi mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra ċerti atti li jaqgħu taħt il-PBSK ma jistax ikun suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tingħata ġurisdizzjoni li ma hijiex prevista fit-Trattati. Skont il-Gvern Franċiż, il-Gvern Pollakk, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Svediż, huwa preċiżament sabiex jiġi evitat li l-Unjoni tiġi sistematikament ikkundannata għal ksur tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB li l-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim kif ukoll il-paragrafi 23 u 24 tal-abbozz ta’ rapport ta’ spjega jispeċifikaw li huma l-Istati Membri li għandhom jiggarantixxu l-protezzjoni tad-dritt għal qorti u tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, skont il-Kunsill, l-Unjoni ma tgawdix minn immunità ġudizzjarja, skont il-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEEA, b’tali mod li l-Unjoni tista’ titressaq quddiem il-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ kawża għad-danni. Barra minn hekk, skont din l-istituzzjoni, il-kwistjoni ta’ jekk is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-PBSK hijiex konformi mal-imsemmija Artikoli 6 u 13 hija rilevanti biss fir-rigward tal-atti fil-qasam tal-PBSK imputabbli lill-Unjoni, li jikkonċernaw kemm l-operazzjonijiet militari u kemm l-operazzjonijiet ċivili, u dan peress li huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiggarantixxu l-effettività ta’ tali protezzjoni fir-rigward ta’ tali atti imputabbli lill-Istati Membri.

136. Fir-rigward tal-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja, qiegħed l-ewwel nett jiġi sostnut, mill-Gvern tar-Renju Unit, li din il-proċedura ma hijiex neċessarja sabiex l-abbozz ta’ ftehim jitqies li huwa kompatibbli mat-Trattati peress li, fid-dawl tan-natura dikjaratorja tad-deċiżjonijiet tal-Qorti EDB, dawn ma għandhom ebda effett fuq il-validità tad-dritt tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, skont il-Gvern Bulgaru, ma huwiex neċessarju li din il-proċedura tiġi attivata meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet dwar il-validità tal-att ikkonċernat fir-rigward tad-dritt fundamentali korrispondenti tal-Karta, fid-dawl kemm tal-Artikolu 52(3) tagħha u kemm tal-preżunzjoni ta’ protezzjoni ekwivalenti li minnha jgawdi d-dritt tal-Unjoni min-naħa tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (sentenza tal-Qorti EDB tat-30 ta’ Ġunju 2005, Bosphorus Hava Yollari Turizm ve Ticaret anonim Şirketi vs L-Irlanda, Nru 45036/98, § 155).

137. It-tieni nett, skont il-Gvern Ċek, l-Irlanda, il-Gvern Elleniku, il-Gvern Spanjol u l-Gvern tar-Renju Unit, minkejja li l-proċedura ta’ involviment minn qabel tattribwixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja funzjonijiet supplimentari fil-konfront ta’ dawk li hija diġà mogħtija mit-Trattati, dan madankollu ma jfissirx li l-abbozz ta’ ftehim jestendi s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li dawn il-funzjonijiet supplimentari ma jiżnaturawx is-setgħat attwali tagħha (Opinjonijiet 1/92, EU:C:1992:189, punt 32; 1/00, EU:C:2002:231, punti 21, 23 u 26, kif ukoll 1/09, EU:C:2011:123, punt 75). Barra minn hekk, skont il-Gvern Daniż u l-Gvern Ungeriż, il-possibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ involviment minn qabel tirriżulta b’mod naturali u neċessarju mit-Trattati stess u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(2) TUE. B’hekk, għalkemm, skont il-Gvern Franċiż u l-Gvern Awstrijak, ma hijiex meħtieġa emenda tat-Trattati, id-deċiżjoni tal-Kunsill meħuda skont l-Artikolu 218(8) TFUE hija, skont il-Gvern Daniż, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Awstrijak, suffiċjenti sabiex din il-funzjoni ġdida tiġi attribwita lill-Qorti tal-Ġustizzja peress li tali deċiżjoni għandha tiġi approvata mill-Istati Membri kollha inkonformità mar-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom. F’dan ir-rigward, madankollu, il-Parlament isostni wkoll li, peress li bħala prinċipju d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali sempliċement jagħtu saħħa legali lil ftehim konkluż mill-Unjoni, hemm dubju kemm tali deċiżjonijiet jista’ jkollhom kontenut normattiv huma stess, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li ma humiex “suġġetti għal emenda mill-Parlament”.

138. Fir-rigward tal-osservanza tas-setgħat tal-istituzzjonijiet, u mingħajr ma jasal għall-konklużjoni li l-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja hija kuntrarja għar-rekwiżiti tal-Protokoll Nru 8 UE, il-Gvern Pollakk isostni li jekk jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni għandha d-dritt tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talbiet għal deċiżjoni dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ atti legali tal-Unjoni, barra mill-portata tal-Artikoli 263 TFUE u 267 TFUE, dan jista’ jwassal sabiex jiġu żnaturati s-setgħat tal-istituzzjonijiet, kemm tal-Kummissjoni u kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja stess, u sabiex jiġu evitati l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà meħtieġa minn dawn id-dispożizzjonijiet. Pereżempju, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament kontra att tal-Unjoni jista’ jiġi ppreżentat minn istituzzjoni f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri mill-pubblikazzjoni tal-att jew min-notifika tiegħu lir-rikorrent. Issa, fil-każ li l-Kummissjoni ma tkunx ippreżentat rikors għal annullament f’dan it-terminu, hija tkun tista’ tikseb l-annullament ta’ att permezz tal-proċedura ta’ involviment minn qabel, u b’hekk tevadi l-osservanza tal-imsemmi terminu. Bl-istess mod, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jkunu s-suġġett ta’ emendi kunsiderevoli peress li, filwaqt li attwalment l-Artikolu 267 TFUE jirriżerva għall-qrati tal-Istati Membri biss il-possibbiltà li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari, wara l-adeżjoni l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tinterpreta d-dritt tal-Unjoni anki fuq talba mill-Kummissjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess bħall-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, ma għandhiex setgħat ġenerali u l-ġurisdizzjoni tagħha hija llimitata għall-kawżi mressqa quddiemha. Għaldaqstant, il-possibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar kwistjonijiet imqajma mill-Kummissjoni għandu jkollha bażi speċifika fit-Trattat, li ma huwiex il-każ attwalment.

139. Barra minn hekk, skont il-Gvern Olandiż u l-Gvern Awstrijak, minkejja li l-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti imperattivi ta’ ħeffa, din il-proċedura għandha tkun iktar kompleta mill-proċedura attwali ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha tippermetti lill-Istati Membri kollha jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fi kwalunkwe każ, skont il-Gvern Olandiż, din il-proċedura għandha tkun irregolata direttament mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mir-Regoli tal-Proċedura tagħha u mhux minn dispożizzjonijiet speċifiċi fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim ta’ adeżjoni.

140. Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li l-portata tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi qabel il-Qorti EDB dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-atti imputabbli direttament jew indirettament lill-Unjoni fil-qasam tal-PBSK għandha tkun l-istess bħal dik tal-ġurisdizzjoni interna tagħha f’dan il-qasam. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun meħtieġa tiddeċiedi minn qabel fil-kawżi kontra Stat Membru wieħed jew iktar li fihom l-Unjoni tkun konvenuta konġunta, dwar att ta’ implementazzjoni minn Stat Membru ta’ att tal-Unjoni adottat fil-qasam tal-PBSK meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 275 TFUE. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-limiti previsti fl-Artikolu 40 TUE effettivament ma kinux ġew osservati u li l-att inkwistjoni ma kienx imissu ġie adottat fuq il-bażi tal-Kapitolu tat-Trattat UE dwar il-PBSK, hija allura jkollha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi wkoll dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-att inkwistjoni peress li dan ma jkunx att li jaqa’ taħt il-PBSK. Il-fatt li l-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-PBSK li ma jaffettwawx direttament lill-persuni ma jistgħux jiġu annullati minn awtorità ġudizzjarja fi ħdan is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni ma jimplikax li din is-sistema tikser il-KEDB.

5.     It-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE

141. Ċerti Stati Membri jsostnu li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB u, eventwalment, għall-protokolli tagħha li għadhom ma ġewx irratifikati mill-Istati Membri kollha timplika obbligi għall-Istati Membri taħt l-Artikolu 216 TFUE. Filwaqt li l-Gvern Ġermaniż isostni li dan jimplika li adeżjoni għal dawn il-protokolli tikser it-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE, il-Gvern Ċek jikkonkludi f’sens oppost peress li s-sors tal-imsemmija obbligi huwa l-Artikolu 216(2) TFUE u mhux il-KEDB fiha nfisha. Fi kwalunkwe każ, skont dan il-gvern tal-aħħar, l-adeżjoni għal dawn il-protokolli tista’ sseħħ biss permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE, li jfisser li, jekk ikun il-każ, tkun tista’ tintalab l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

142. Barra minn hekk, skont il-Gvern Pollakk, jekk wieħed iqis li l-Unjoni għandha l-kompetenza sabiex tikkonkludi protokolli li jkunu għadhom ma ġewx irratifikati mill-Istati Membri kollha, ma jkunx jista’ jiġi eskluż li, fil-każ ta’ adeżjoni għal wieħed minn dawn il-protokolli, Stat Membru, li ma jkunx irratifika dan il-protokoll, jesprimi l-kunsens tiegħu fi ħdan il-Kunsill sabiex ikun marbut minn dan il-protokoll permezz tal-Unjoni u, sussegwentement, “japprova” d-deċiżjoni li jkun marbut minn dan il-protokoll b’dan il-mod. Fit-tali każ dan l-Istat ikun marbut minn dan il-protokoll biss fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Issa, din is-soluzzjoni tqajjem xi dubji b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li d-dritt jiġi applikat b’mod koerenti, trasparenti u uniformi. Dawn id-dubji huma iktar u iktar kunsiderevoli fir-rigward tal-protokolli li jikkonċernaw oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi kondiviżi.

6.     L-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 8 UE

143. Fir-rigward tal-osservanza tal-Artikolu 344 TFUE, filwaqt li l-Gvern Elleniku jqis li huwa inutli li tiġi prevista l-inammissibbiltà ta’ applikazzjoni bejn Stati Membri quddiem il-Qorti EDB peress li tali applikazzjoni hija diġà pprojbita mill-Artikolu 344 TFUE, il-Gvern Franċiż madankollu jippreċiża li għandu xorta waħda jibqa’ possibbli għal Stat Membru li jipparteċipa bħala terz intervenjent insostenn ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu f’kawża bejn dan iċ-ċittadin u Stat Membru ieħor mressqa quddiem il-Qorti EDB, u dan anki meta dan l-Istat Membru tal-aħħar ikun qiegħed jaġixxi fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

VIII –  Il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

A –  Fuq l-ammissibbiltà

144. Uħud mill-Istati Membri li pparteċipaw f’din il-proċedura esprimew dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni sa fejn tinkludi evalwazzjonijiet dwar ir-regoli interni.

145. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 218(11) TFUE, il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew Stat Membru jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn kontestazzjonijiet legali dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni (ara l-Opinjonijiet 2/94, EU:C:1996:140, punt 3; 1/08, EU:C:2009:739, punt 107, kif ukoll 1/09, EU:C:2011:123, punt 47).

146. Fil-fatt, deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata eventwalment, wara l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni, li dan il-ftehim huwa, jew minħabba l-kontenut tiegħu, jew minħabba l-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu, inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma tistax ma toħloqx, mhux biss fuq il-livell intern tal-Unjoni iżda wkoll fuq il-livell tar-relazzjonijiet internazzjonali, diffikultajiet serji u tista’ tikkawża preġudizzju lill-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi lill-Istati terzi (ara l-Opinjonijiet 3/94, EU:C:1995:436, punt 17, kif ukoll 1/09, EU:C:2011:123, punt 48).

147. Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim maħsub mar-regoli tat-Trattati, huwa meħtieġ li din ikollha elementi suffiċjenti dwar il-kontenut stess tal-imsemmi ftehim (ara l-Opinjonijiet 2/94, EU:C:1996:140, punti 20 sa 22, kif ukoll 1/09, EU:C:2011:123, punt 49).

148. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għaddiet lill-Qorti tal-Ġustizzja l-abbozzi ta’ strumenti ta’ adeżjoni li dwarhom in-negozjaturi diġà laħqu ftehim fuq livell ta’ prinċipju. Flimkien dawn l-istrumenti jipprovdu qafas suffiċjentement komplet u preċiż tal-modalitajiet ta’ kif ser isseħħ l-adeżjoni maħsuba u għalhekk jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà tal-imsemmija abbozzi mat-Trattati.

149. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-regoli interni, peress li dawn għadhom ma ġewx adottati, il-kontenut tagħhom huwa ta’ natura ipotetika biss u, fi kwalunkwe każ, in-natura tagħhom bħala parti mid-dritt intern tal-Unjoni teskludi li dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ din il-proċedura għal opinjoni, li tista’ tikkonċerna biss ftehimiet internazzjonali li l-konklużjoni tagħhom tkun qiegħda tiġi kkunsidrata mill-Unjoni.

150. Barra minn hekk, il-verifika li l-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa twettaq fil-kuntest tal-proċedura għal opinjoni, u li tista’ ssir bl-esklużjoni tal-kontenut futur tar-regoli interni li għad iridu jiġu adottati, hija ddelimitata b’mod strett mit-Trattati, b’tali mod li, sabiex tevita li tirfes fuq il-kompetenzi ta’ istituzzjonijiet oħra li huma responsabbli sabiex jistabbilixxu r-regoli interni neċessarji sabiex il-ftehim ta’ adeżjoni jkun operattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina biss il-konformità ta’ dan il-ftehim mat-Trattati u għandha tiżgura mhux biss li dan il-ftehim ma jikser ebda dispożizzjoni tad-dritt primarju iżda wkoll li jinkludi kull dispożizzjoni meħtieġa, jekk ikun il-każ, minn dan id-dritt.

151. Minn dan isegwi li l-evalwazzjonijiet dwar l-imsemmija regoli interni magħmula kemm mill-Kummissjoni u kemm mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet l-oħra li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ din it-talba għal opinjoni u, għaldaqstant, ma humiex ta’ natura li jdaħħlu inkwistjoni l-ammissibbiltà tagħha.

152. Għaldaqstant, din it-talba għal opinjoni hija ammissibbli.

B –   Fuq il-mertu

1.     Kunsiderazzjonijiet preliminari

153. Qabel tibda l-analiżi tat-talba tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva, preliminarjament, li, b’differenza mill-istat tad-dritt Komunitarju fis-seħħ fid-data meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat l-Opinjoni 2/94 tagħha (EU:C:1996:140), l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB għandha, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, bażi legali speċifika fl-Artikolu 6 TUE.

154. Madankollu, din l-adeżjoni għadha kkaratterizzata minn karatteristiċi partikolari kunsiderevoli.

155. Fil-fatt, sa mill-adozzjoni tal-KEDB, kienu biss entitajiet Statali li setgħu jkunu Partijiet fiha u dan il-fatt jispjega għalfejn, sal-lum il-ġurnata, din il-konvenzjoni torbot biss lill-Istati. Dan huwa barra minn hekk ikkorroborat mill-fatt li, sabiex tkun possibbli l-adeżjoni tal-Unjoni, ma huwiex biss l-Artikolu 59 tal-KEDB li ġie emendat, iżda l-ftehim maħsub stess jinkludi sensiela ta’ emendi għal din il-konvenzjoni li permezz tagħhom din l-adeżjoni tista’ ssir operattiva fil-kuntest tas-sistema stabbilita mill-konvenzjoni stess.

156. Issa, dawn l-emendi huma ġġustifikati preċiżament mill-fatt li, għall-kuntrarju ta’ kull Parti Kontraenti oħra, l-Unjoni, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, ma tistax, minħabba n-natura tagħha stess, titqies li hija Stat.

157. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat f’diversi okkażjonijiet, it-Trattati fundaturi tal-Unjoni stabbilixxew, b’differenza minn trattati internazzjonali ordinarji, ordinament ġuridiku ġdid, mgħammar b’istituzzjonijiet partikolari għalih, li favur tiegħu l-Istati li huma membri ta’ dan l-ordinament ġuridiku llimitaw, f’oqsma dejjem iżjed estiżi, id-drittijiet sovrani tagħhom u li s-suġġetti tiegħu ma humiex biss dawn l-Istati iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi van Gend & Loos, 26/62, EU:C:1963:1, p. 23, u Costa, 6/64, EU:C:1964:66, p. 1158, kif ukoll l-Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punt 65).

158. Issa, il-fatt li l-Unjoni għandha ordinament ġuridiku sui generis, ta’ natura li hija speċifika għaliha, qafas kostituzzjonali u prinċipji fundaturi li huma partikolari għaliha, struttura istituzzjonali partikolarment elaborata kif ukoll ġabra sħiħa ta’ regoli legali li jiżguraw il-funzjonament tagħha, għandu konsegwenzi fir-rigward tal-proċedura u tal-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni għall-KEDB.

159. Huwa preċiżament fid-dawl ta’ dan il-fatt li t-Trattati jissuġġettaw din l-adeżjoni għall-osservazzjoni ta’ diversi kundizzjonijiet.

160. B’hekk, l-ewwel nett, wara li jipprovdi li l-Unjoni għandha taderixxi għall-KEDB, l-Artikolu 6(2) TUE jispeċifika l-ewwel nett, fit-tieni sentenza tiegħu, li “[d]in l-adeżjoni m’għandhiex taffettwa l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati”.

161. It-tieni nett, il-Protokoll Nru 8 UE, li għandu l-istess valur legali bħat-Trattati, jipprovdi b’mod partikolari li l-ftehim ta’ adeżjoni għandu jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiżgura li l-adeżjoni ma tolqot la l-kompetenzi tal-Unjoni, la s-setgħat tal-istituzzjonijiet tagħha, la s-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB, u lanqas l-Artikolu 344 TFUE.

162. Fl-aħħar nett, permezz tad-Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona qablet li din l-adeżjoni għandha ssir skont modalitajiet li jippermettu li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

163. Huwa fid-dawl b’mod partikolari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest tal-missjoni fdata lilha mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tistħarreġ li l-modalitajiet legali ta’ adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB ikunu konformi mar-rekwiżiti indikati u, b’mod iktar ġenerali, mal-Karta kostituzzjonali bażika tal-Unjoni li hija kkostitwita mit-Trattati (sentenza Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23).

164. Sabiex jitwettaq tali stħarriġ, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punti 160 sa 162 ta’ din l-opinjoni, il-kundizzjonijiet li għalihom it-Trattati jissuġġettaw l-adeżjoni huma maħsuba, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li din l-adeżjoni ma taffettwax il-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tagħha.

165. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fost dawn il-karatteristiċi hemm dawk li jikkonċernaw l-istruttura kostituzzjonali tal-Unjoni, li hija riflessa fil-prinċipju ta’ kompetenzi attribwiti li jinsab fl-Artikolu 4(1) TUE u fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE, u li hija riflessa wkoll fil-qafas istituzzjonali ddefinit fl-Artikoli 13 TUE sa 19 TUE.

166. Ma’ dan għandhom jissemmew ukoll il-karatteristiċi speċifiċi marbuta man-natura stess tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat diversi drabi, id-dritt tal-Unjoni huwa kkaratterizzat mill-fatt li huwa mislut minn sors awtonomu, li huwa kkostitwit mit-Trattati, mis-supremazija tiegħu fuq id-drittijiet tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Costa, EU:C:1964:66, p. 1159 u 1160, kif ukoll Internationale Handelsgesellschaft, EU:C:1970:114, punt 3; l-Opinjonijiet 1/91, EU:C:1991:490, punt 21, u 1/09, EU:C:2011:123, punt 65, u s-sentenza Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 59) kif ukoll mill-effett dirett ta’ sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tal-Istati Membri u għall-Istati Membri stess (sentenza van Gend & Loos, EU:C:1963:1, p. 23, u Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punt 65).

167. Dawn il-karatteristiċi essenzjali tad-dritt tal-Unjoni taw lok għal nisġa strutturata ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet legali reċiprokament interdipendenti li jorbtu, b’mod reċiproku, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-Istati Membri bejniethom, li issa huma impenjati, kif ifakkar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, fil-“ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa”.

168. Tali struttura legali hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif jippreċiża l-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplementahom.

169. Barra minn hekk, fil-qofol ta’ din l-istruttura legali jinsabu d-drittijiet fundamentali, kif irrikonoxxuti mill-Karta — li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur legali bħat-Trattati —, u l-osservanza ta’ dawn id-drittijiet tikkostitwixxi kundizzjoni meħtieġa għal-legalità tal-atti tal-Unjoni, b’tali mod li fl-Unjoni ma jistgħux jiġu aċċettati miżuri inkompatibbli ma’ dawn l-istess drittijiet (ara s-sentenzi ERT, C‑260/89, EU:C:1991:254, punt 41; Kremzow, C‑299/95, EU:C:1997:254, punt 14; Schmidberger, C‑112/00, EU:C:2003:333, punt 73, kif ukoll Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, EU:C:2008:461, punti 283 u 284).

170. Issa, l-awtonomija li jgawdi minnha d-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-Istati Membri kif ukoll fir-rigward tad-dritt internazzjonali teżiġi li l-interpretazzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali tiġi żgurata fil-kuntest tal-istruttura u tal-għanijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Internationale Handelsgesellschaft, EU:C:1970:114, punt 4, kif ukoll Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, EU:C:2008:461, punti 281 sa 285).

171. Fir-rigward tal-istruttura tal-Unjoni, għandu jiġi enfasizzat li ma humiex biss l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni li huma obbligati josservaw il-Karta, iżda anki l-Istati Membri meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 17 sa 21).

172. Il-missjoni li jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni, kif imfakkra fl-Artikolu 3 TUE, hija, min-naħa tagħha, fdata lil sensiela ta’ dispożizzjonijiet fundamentali, bħalma huma dawk li jipprevedu l-libertà ta’ moviment tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tal-persuni, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja kif ukoll il-politika tal-kompetizzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet, li jagħmlu parti mill-qafas ta’ sistema partikolari għall-Unjoni, huma strutturati b’mod li jikkontribwixxu, kull waħda fil-qasam speċifiku tagħha u bil-karatteristiċi partikolari tagħha, sabiex jitwettaq il-proċess ta’ integrazzjoni li huwa r-raġuni eżistenzjali tal-Unjoni stess.

173. Bl-istess mod, l-Istati Membri, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, huma responsabbli sabiex jiżguraw, fit-territorji rispettivi tagħhom, l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-istess artikolu, l-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

174. Sabiex jiġi żgurat li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija ta’ dan l-ordinament ġuridiku, it-Trattati stabbilixxew sistema ġudizzjarja maħsuba sabiex tiżgura l-koerenza u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

175. F’dan il-kuntest, il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja huma responsabbli sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa ta’ dan id-dritt (Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176. B’mod partikolari, l-element ċentrali ta’ din is-sistema ġudizzjarja huwa l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE li, filwaqt li tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, preċiżament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, hija intiża li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza van Gend & Loos, EU:C:1963:1, p. 23), u b’hekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza ta’ dan id-dritt, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punti 67 u 83).

177. Għaldaqstant, huwa b’osservanza ta’ dan il-qafas kostituzzjonali, imfakkar fil-punti 155 sa 176 ta’ din l-opinjoni, li d-drittijiet fundamentali, kif irrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta, għandhom jiġu interpretati u applikati fi ħdan l-Unjoni.

2.     Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dritt primarju tal-Unjoni

178. Sabiex tittieħed pożizzjoni dwar it-talba għal opinjoni tal-Kummissjoni, huwa meħtieġ kemm li jiġi vverifikat jekk il-ftehim maħsub jistax jippreġudika l-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni li għadhom kemm tfakkru u, kif enfasizzat il-Kummissjoni stess, l-awtonomija ta’ dan id-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali — kif irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Karta —, u kemm li jiġi eżaminat jekk il-mekkaniżmi istituzzjonali u proċedurali previsti minn dan il-ftehim jiżgurawx l-osservanza tal-kundizzjonijiet li għalihom it-Trattati ssuġġettaw l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB.

a)     Fuq il-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni

179. Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB, jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali. Madankollu, fl-assenza ta’ adeżjoni tal-Unjoni għal din il-konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 60, kif ukoll Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 44).

180. Mill-banda l-oħra, permezz tal-adeżjoni, il-KEDB, bħal kull ftehim internazzjonali ieħor konkluż mill-Unjoni, tkun torbot, bis-saħħa tal-Artikolu 216(2) TFUE, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri u, għalhekk, tkun tagħmel parti integrali mid-dritt tal-Unjoni (sentenza Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punt 5; Opinjoni 1/91, EU:C:1991:490, punt 37; sentenzi IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 36, kif ukoll Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 73).

181. B’hekk, l-Unjoni, bħal kull Parti Kontraenti oħra, ser tkun suġġetta għal kontroll estern fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet li l-Unjoni ser timpenja ruħha li tirrispetta skont l-Artikolu 1 tal-KEDB. F’dan il-kuntest, l-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, ser ikunu suġġetti għall-mekkaniżmi ta’ kontroll previsti minn din il-konvenzjoni u, b’mod partikolari, għad-deċiżjonijiet u għas-sentenzi tal-Qorti EDB.

182. F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li ftehim internazzjonali, li jipprevedi l-ħolqien ta’ qorti li jkollha l-kompitu li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tiegħu u li d-deċiżjonijiet tagħha jorbtu lill-istituzzjonijiet, inkluż lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex, bħala prinċipju, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, speċjalment meta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, il-konklużjoni ta’ tali ftehim tkun prevista fit-Trattati stess. Fil-fatt, il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-kapaċità tagħha li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali jimplikaw neċessarjament il-possibbiltà li l-Unjoni tissottometti ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ qorti maħluqa jew innominata permezz ta’ tali ftehimiet, fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom (ara l-Opinjonijiet 1/91, EU:C:1991:490, punti 40 u 70, kif ukoll 1/09, EU:C:2011:123, punt 74).

183. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li ftehim internazzjonali jista’ jaffettwa s-setgħat tagħha biss jekk il-kundizzjonijiet essenzjali għaż-żamma tan-natura ta’ dawn is-setgħat ikunu ssodisfatti u jekk, għaldaqstant, ma tkunx qiegħda tiġi ppreġudikata l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara l-Opinjonijiet 1/00, EU:C:2002:231, punti 21, 23 u 26, kif ukoll 1/09, EU:C:2011:123, punt 76; ara wkoll, f’dan is-sens is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, EU:C:2008:461, punt 282).

184. B’mod partikolari, l-intervent tal-korpi mogħtija kompetenzi deċiżjonali mill-KEDB, kif previst fil-ftehim maħsub, ma għandux ikollu l-effett li jimponi fuq l-Unjoni u fuq l-istituzzjonijiet tagħha, fl-eżerċizzju tas-setgħat interni tagħhom, interpretazzjoni partikolari tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara l-Opinjonijiet 1/91, EU:C:1991:490, punti 30 sa 35, kif ukoll 1/00, EU:C:2002:231, punt 13).

185. Issa, huwa minnu li huwa inerenti għall-kunċett stess ta’ kontroll estern li, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-KEDB mogħtija mill-Qorti EDB ser torbot, bis-saħħa tad-dritt internazzjonali, lill-Unjoni u lill-istituzzjonijiet tagħha, inkluż lill-Qorti tal-Ġustizzja, u li, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dritt irrikonoxxut minn din il-konvenzjoni ma hijiex ser torbot lill-mekkaniżmi ta’ kontroll previsti minn din tal-aħħar u, b’mod partikolari, lill-Qorti EDB, kif previst fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim u kif ippreċiżat fil-paragrafu 68 tal-abbozz ta’ rapport ta’ spjega.

186. Madankollu, dan ma jistax ikun il-każ fir-rigward tal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lid-dritt tal-Unjoni, inkluż lill-Karta. B’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru huwiex obbligat jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, ma għandhomx jistgħu jkunu kkontestati mill-Qorti EDB.

187. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 53 tal-Karta jipprovdi li ebda dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar ma għandha tiġi interpretata fis-sens li tillimita jew tippreġudika d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti, fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni, mid-dritt internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom huma partijiet l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha, u b’mod partikolari mill-KEDB, kif ukoll mill-Kostituzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar.

188. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li l-applikazzjoni ta’ standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali la għandha tikkomprometti l-livell ta’ protezzjoni previst fil-Karta u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Melloni, EU:C:2013:107, punt 60).

189. Sa fejn l-Artikolu 53 tal-KEDB jirriżerva, essenzjalment, il-possibbiltà għall-Partijiet Kontraenti li jipprevedu standards ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dawk iggarantiti minn din il-konvenzjoni, għandha tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 53 tal-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 53 tal-KEDB lill-Istati Membri tibqa’ limitata, fir-rigward tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-imsemmija konvenzjoni, għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġi evitat li jiġu kompromessi l-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta kif ukoll is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

190. Issa, fil-ftehim maħsub ma hija prevista ebda dispożizzjoni sabiex tiġi żgurata tali koordinazzjoni.

191. Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu importanza fundamentali fid-dritt tal-Unjoni peress li dan il-prinċipju jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. Issa, dan il-prinċipju jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed mill-Istati Membri jikkunsidra, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 78 sa 80, kif ukoll Melloni, EU:C:2013:107, punti 37 u 63).

192. B’hekk, meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jkunu obbligati, bis-saħħa ta’ dan l-istess dritt, li jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħra, b’tali mod li la jkunu jistgħu jeżiġu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak żgurat mid-dritt tal-Unjoni u lanqas, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ma jkunu jistgħu jivverifikaw jekk dan l-Istat Membru l-ieħor ikunx effettivament irrispetta, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni.

193. Issa, l-approċċ adottat fil-kuntest tal-ftehim maħsub, fejn l-Unjoni qiegħda tiġi assimilata għal Stat u fejn qiegħda tingħata rwol identiku minn kull aspett għal dak ta’ kull Parti Kontraenti oħra, jinjora preċiżament in-natura intrinsika tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Istati Membri, minħabba s-sħubija tagħhom fl-Unjoni, aċċettaw li r-relazzjonijiet bejniethom, fir-rigward tal-oqsma li huma s-suġġett tat-trasferiment ta’ kompetenzi mill-Istati Membri lill-Unjoni, ikunu rregolati mid-dritt tal-Unjoni bl-esklużjoni, jekk din tkun meħtieġa minn dan id-dritt, ta’ kull dritt ieħor.

194. Sa fejn il-KEDB, billi teżiġi li l-Unjoni u l-Istati Membri jitqiesu li huma Partijiet Kontraenti mhux biss fir-relazzjonijiet ma’ dawk li ma humiex Stati Membri tal-Unjoni, iżda wkoll fir-relazzjonijiet reċiproċi bejniethom, inkluż meta dawn ir-relazzjonijiet ikunu rregolati mid-dritt tal-Unjoni, tirrikjedi li Stat Membru jivverifika r-rispett tad-drittijiet fundamentali minn Stat Membru ieħor, u dan anki meta d-dritt tal-Unjoni jimponi l-fiduċja reċiproka bejn dawn l-Istati Membri, l-adeżjoni tista’ tikkomprometti l-bilanċ li fuqu hija bbażata l-Unjoni kif ukoll l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.

195. Issa, fil-ftehim maħsub ma ġie previst xejn sabiex jiġi evitat tali żvilupp.

196. Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Protokoll Nru 16 jawtorizza lill-ogħla qrati tal-Istati Membri jressqu quddiem il-Qorti EDB talbiet għal opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ta’ prinċipju li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mill-KEDB jew mill-protokolli tagħha, u dan minkejja li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li, għal dan il-għan, dawn l-istess qrati jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

197. Għalkemm huwa minnu li l-ftehim maħsub ma jipprevedix l-adeżjoni tal-Unjoni bħala tali għall-Protokoll Nru 16 u li dan tal-aħħar ġie ffirmat fit-2 ta’ Ottubru 2013, jiġifieri wara li ntlaħaq ftehim fil-livell tan-negozjaturi dwar l-abbozzi tal-istrumenti ta’ adeżjoni, jiġifieri fil-5 ta’ April 2013, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, peress li l-KEDB ser tkun parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, il-mekkaniżmu stabbilit permezz tal-imsemmi protokoll jista’, b’mod partikolari meta jkunu inkwistjoni drittijiet iggarantiti mill-Karta li jikkorrispondu għal dawk irrikonoxxuti mill-KEDB, jaffettwa l-awtonomija u l-effikaċja tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE.

198. B’mod partikolari, ma huwiex eskluż li talba għal opinjoni konsultattiva mressqa taħt il-Protokoll Nru 16 minn qorti ta’ Stat Membru li jkun aderixxa għal dan il-protokoll tista’ tibda l-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li hemm ir-riskju li tiġi evitata l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li, kif tfakkar fil-punt 176 ta’ din l-opinjoni, hija l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja stabbilita mit-Trattati.

199. Issa, peress li ma jipprevedi xejn fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-mekkaniżmu stabbilit permezz tal-Protokoll Nru 16 u l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-ftehim maħsub jista’ jippreġudika l-awtonomija u l-effikaċja ta’ din tal-aħħar.

200. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, kif prevista fl-abbozz ta’ ftehim, tista’ tippreġudika l-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni u l-awtonomija ta’ dan tal-aħħar.

b)     Fuq l-Artikolu 344 TFUE

201. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim internazzjonali ma jistax jippreġudika s-sistema ta’ kompetenzi stabbilita permezz tat-Trattati u, għaldaqstant, l-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħha. Dan il-prinċipju huwa b’mod partikolari rifless fl-Artikolu 344 TFUE, li jipprovdi li l-Istati Membri jobbligaw ruħhom li ma jippreżentawx tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fit-Trattati (ara, f’dan is-sens, l-Opinjonijiet 1/91, EU:C:1991:490, punt 35, u 1/00, EU:C:2002:231, punti 11 u 12; sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑459/03, EU:C:2006:345, punti 123 u 136, kif ukoll Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, EU:C:2008:461, punt 282).

202. Barra minn hekk, l-obbligu tal-Istati Membri li jirrikorru għall-proċeduri dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni — u, b’mod partikolari, li josservaw is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jikkostitwixxu karatteristika fundamentali tas-sistema tal-Unjoni — għandu jinftiehem li huwa manifestazzjoni speċifika tad-dmir iktar ġenerali tagħhom ta’ lealtà, li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, EU:C:2006:345, punt 169), peress li, skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmi obbligu japplika wkoll fir-relazzjonijiet reċiproċi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni.

203. Huwa preċiżament fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 8 UE jipprevedi espliċitament li l-ftehim ta’ adeżjoni ma għandux jaffettwa l-Artikolu 344 TFUE.

204. Madankollu, kif ġie speċifikat fi-punt 180 ta’ din l-opinjoni, permezz tal-adeżjoni, il-KEDB ser issir parti integrali mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta dan id-dritt ikun inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tisma’ kull tilwima bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u l-Unjoni dwar l-osservanza ta’ din il-konvenzjoni.

205. Issa, għall-kuntrarju tal-konvenzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (EU:C:2006:345, punti 124 u 125), li kienet tipprovdi espliċitament li s-sistema għas-soluzzjoni ta’ tilwim li tagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni tipprevali, bħala prinċipju, fuq is-sistema stabbilita permezz ta’ din il-konvenzjoni, il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim prevista fl-Artikolu 33 tal-KEDB tista’ tapplika għal kull Parti Kontraenti u, għalhekk, anki għat-tilwim bejn l-Istati Membri jew bejn dawn tal-aħħar u l-Unjoni meta jkun inkwistjoni d-dritt tal-Unjoni.

206. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie sostnut f’uħud mill-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-fatt li l-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ ftehim jipprovdi li l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhomx jitqiesu li huma modi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim li għalihom irrinunzjaw il-Partijiet Kontraenti fis-sens tal-Artikolu 55 tal-KEDB ma jistax ikun biżżejjed sabiex tinżamm il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

207. Fil-fatt, l-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ ftehim sempliċement inaqqas il-portata tal-obbligu previst fl-imsemmi Artikolu 55, iżda jħalli fis-seħħ il-possibbiltà li l-Unjoni jew l-Istati Membri jressqu quddiem il-Qorti EDB, bis-saħħa tal-Artikolu 33 tal-KEDB, talba li s-suġġett tagħha jkun ksur allegat tagħha mwettaq, rispettivament, minn Stat Membru jew mill-Unjoni, b’konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni.

208. L-eżistenza stess ta’ tali possibbiltà tippreġudika r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 344 TFUE.

209. Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, fil-każ li l-Unjoni jew l-Istati Membri effettivament iressqu tilwima bejniethom quddiem il-Qorti EDB, din tal-aħħar tkun, skont l-Artikolu 33 tal-KEDB, adita b’tali tilwima.

210. Issa, għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jirregolaw id-diversi proċeduri ġudizzjarji interni tal-Unjoni, li jsegwu għanijiet li huma partikolari għalihom, l-Artikolu 344 TFUE huwa intiż preċiżament li jżomm in-natura esklużiva tal-modalitajiet ta’ soluzzjoni ta’ dan it-tilwim fi ħdan l-Unjoni, u b’mod partikolari tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, u għalhekk jipprekludi kull kontroll estern fi stadju preċedenti jew sussegwenti.

211. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8 UE stess jirreferi biss għall-mekkaniżmi neċessarji sabiex jiġi ggarantit li l-applikazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti EDB minn Stati mhux Membri jiġu indirizzati korrettament kontra l-Istati Membru u/jew kontra l-Unjoni, skont il-każ.

212. Għaldaqstant, il-fatt li l-Istati Membri jew l-Unjoni għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw applikazzjoni quddiem il-Qorti EDB jista’ fih innifsu jippreġudika l-finalità tal-Artikolu 344 TFUE u, barra minn hekk, imur kontra n-natura stess tad-dritt tal-Unjoni, li jeżiġi, kif tfakkar fil-punt 193 ta’ din l-opinjoni, li r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri jiġu rregolati minn dan id-dritt bl-esklużjoni, jekk din tkun meħtieġa minn dan id-dritt, ta’ kull dritt ieħor.

213. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tkun kompatibbli mal-Artikolu 344 TFUE biss esklużjoni espressa tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB li tirriżulta mill-Artikolu 33 tal-KEDB fir-rigward tat-tilwim bejn l-Istati Membri jew bejn dawn tal-aħħar u l-Unjoni, dwar l-applikazzjoni tal-KEDB fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni.

214. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim maħsub jista’ jaffettwa l-Artikolu 344 TFUE.

c)     Fuq il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta

215. Il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta ġie introdott, kif jirriżulta mill-paragrafu 39 tal-abbozz ta’ rapport ta’ spjega, sabiex “tiġi evitata kull lakuna fis-sistema tal-[KEDB] marbuta mal-parteċipazzjoni, mar-responsabbiltà u mal-infurzabbiltà”, lakuna li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni, tista’ tirriżulta mill-adeżjoni tal-Unjoni għal din il-konvenzjoni.

216. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu għandu wkoll l-għan li jiżgura li, skont ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8(UE), l-applikazzjonijiet ippreżentati minn Stati mhux Membri u l-applikazzjonijiet individwali jiġu indirizzati b’mod korrett kontra l-Istati Membru u/jew l-Unjoni, skont il-każ.

217. Madankollu, dawn il-finalitajiet għandhom jiġu segwiti b’mod li dawn ikunu kompatibbli mar-rekwiżit li jiġi żgurat li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, kif jeżiġi l-Artikolu1 tal-imsemmi protokoll.

218. Issa, l-ewwel nett, l-Artikolu 3(5) tal-abbozz ta’ ftehim jipprovdi li Parti Kontraenti ssir konvenuta konġunta jew billi taċċetta stedina mill-Qorti EDB, jew permezz ta’ deċiżjoni ta’ din tal-aħħar fuq talba mill-Parti Kontraenti stess.

219. Meta l-Qorti EDB tistieden lil Parti Kontraenti sabiex issir konvenuta konġunta, din l-istedina ma tkunx vinkolanti, kif huwa ppreċiżat speċifikament fil-paragrafu 53 tal-abbozz ta’ rapport ta’ spjega.

220. Tali assenza ta’ natura vinkolanti ma tirriflettix biss, kif jindika l-imsemmi paragrafu 53, il-fatt li l-applikazzjoni inizjali ma tkunx ġiet ippreżentata kontra l-konvenut konġunt potenzjali u li ebda Parti Kontraenti ma tista’ tiġi obbligata ssir parti fil-proċedura f’kawża li ma tkunx ġiet indirizzata kontriha fl-applikazzjoni li tiftaħ il-proċedura, iżda tirrifletti wkoll, fuq kollox, il-fatt li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet materjali previsti għall-implementazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta humiex issodisfatti.

221. Fil-fatt, peress li dawn il-kundizzjonijiet huma marbuta, essenzjalment, mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn din tal-aħħar u l-Istati Membri tagħha kif ukoll il-kriterji ta’ imputabbiltà ta’ att jew ta’ ommissjoni li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-KEDB, id-deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunux issodisfatti f’kawża partikolari teħtieġ neċessarjament evalwazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

222. Filwaqt li l-abbozz ta’ ftehim jieħu debitament inkunsiderazzjoni dawn il-kunsiderazzjonijiet fir-rigward tal-modalitajiet kif il-Qorti EDB tista’ tistieden lil Parti Kontraenti sabiex issir konvenuta konġunta, dan ma jistax jingħad fil-każ ta’ talba minn Parti Kontraenti għal dan il-għan.

223. Fil-fatt, kif jipprevedi l-Artikolu 3(5) tal-abbozz ta’ ftehim, meta l-Unjoni jew l-Istati Membri jitolbu li jintervjenu bħala konvenuti konġunti f’kawża quddiem il-Qorti EDB, huma għandhom jippreżentaw l-argumenti li jippermettu li jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura huma ssodisfatti, u l-Qorti EDB għandha tiddeċiedi dwar din it-talba fid-dawl tan-natura plawżibbli ta’ dawn l-argumenti.

224. Huma minnu li, permezz ta’ tali stħarriġ, il-Qorti EDB tivverifika, fid-dawl tal-imsemmija argumenti, jekk huwiex plawżibbli li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3) tal-imsemmi abbozz ikunu ssodisfatti u li dan l-istħarriġ ma jikkonċernax il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti. Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, permezz ta’ dan l-istħarriġ, il-Qorti EDB ser tkun meħtieġa tevalwa r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn din tal-aħħar u l-Istati Membri tagħha kif ukoll il-kriterji ta’ imputazzjoni tal-atti jew tal-ommissjonijiet tagħhom, sabiex tkun tista’ tadotta deċiżjoni definittiva f’dan ir-rigward li torbot kemm lill-Istati Membri u kemm lill-Unjoni.

225. Tali stħarriġ jista’ jindaħal fit-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

226. It-tieni nett, l-Artikolu 3(7) tal-abbozz ta’ ftehim jipprovdi li, fil-każ li jiġi kkonstatat il-ksur li fir-rigward tiegħu Parti Kontraenti tkun konvenuta konġunta fi proċedura, il-konvenut u l-konvenut konġunt għandhom ikunu responsabbli in solidum għal dan il-ksur.

227. Issa, l-imsemmija dispożizzjoni ma teskludix li Stat Membru jista’ jinżamm responsabbli, flimkien mal-Unjoni, għal ksur ta’ dispożizzjoni tal-KEDB li fir-rigward tagħha dan l-istess Stat Membru jkun ifformula riżerva skont l-Artikolu 57 ta’ din il-konvenzjoni.

228. Tali konsegwenza tal-imsemmi Artikolu 3(7) tinsab f’kunflitt mal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE, li jipprovdi li l-ftehim ta’ adeżjoni għandu jiggarantixxi li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu ma taffettwa s-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB u, b’mod partikolari, tar-riżervi għaliha.

229. It-tielet nett, l-Artikolu 3(7) tal-abbozz ta’ ftehim jipprevedi, fl-aħħar parti tiegħu, eċċezzjoni għar-regola ġenerali li l-konvenut u l-konvenut konġunt għandhom ikunu responsabbli in solidum għal ksur ikkonstatat. Fil-fatt, il-Qorti EDB, fuq il-bażi tal-argumenti ppreżentati mill-konvenut u mill-konvenut konġunt, u wara li tisma’ l-pożizzjoni tal-applikant, tista’ tiddeċiedi li wieħed minnhom biss għandu jinżamm responsabbli għal dan il-ksur.

230. Issa, deċiżjoni dwar it-tqassim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tar-responsabbiltà fir-rigward ta’ att jew ta’ ommissjoni li jkunu kkostitwixxew ksur tal-KEDB ikkonstatat mill-Qorti EDB tkun ibbażata wkoll fuq evalwazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn din tal-aħħar u l-Istati Membri tagħha kif ukoll l-imputabbiltà ta’ dan l-att jew ta’ din l-ommissjoni.

231. Għaldaqstant, jekk il-Qorti EDB titħalla tadotta tali deċiżjoni, dan jista’ jkun ukoll ta’ preġudizzju għat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

232. Din il-konklużjoni ma hijiex imdgħajfa mill-fatt li l-Qorti EDB ser tkun meħtieġa tiddeċiedi biss fuq il-bażi tal-argumenti ppreżentati mill-konvenut u mill-konvenut konġunt.

233. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu wħud mill-Istati Membri li pparteċipaw f’din il-proċedura u l-Kummissjoni, mill-qari tal-Artikolu 3(7) tal-abbozz ta’ ftehim u mill-paragrafu 62 tal-abbozz ta’ rapport ta’ spjega ma jirriżultax b’mod ċar li l-preżentazzjoni tal-argumenti tal-konvenut konġunt u tal-konvenut għandha ssir b’mod konġunt.

234. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li t-talba għat-tqassim tar-responsabbiltà tkun ibbażata fuq qbil bejn il-konvenut konġunt u l-konvenut, dan il-fatt ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġi eskluż kull preġudizzju għall-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, is-soluzzjoni għall-kwistjoni tat-tqassim tar-responsabbiltà għandha tinstab esklużivament fuq il-bażi tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni rilevanti, taħt l-istħarriġ, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiżgura li l-qbil bejn il-konvenut konġunt u l-konvenut josserva l-imsemmija regoli. Jekk il-Qorti EDB titħalla tikkonferma qbil li jista’ jkun hemm bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha dwar it-tqassim tar-responsabbiltà, dan ikun ifisser li l-Qorti EDB tkun qiegħda titħalla tieħu post il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar kwistjoni li taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din tal-aħħar.

235. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-modalitajiet ta’ funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta previsti fil-ftehim maħsub ma jiggarantixxux iż-żamma tal-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tagħha.

d)     Fuq il-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja

236. Huwa minnu li l-ħtieġa tal-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta, kif jirriżulta mill-paragrafu 65 tal-abbozz ta’ rapport ta’ spjega, mal-osservanza tan-natura sussidjarja li tikkaratterizza l-mekkaniżmu ta’ kontroll stabbilit mill-KEDB, imfakkar fil-punt 19 ta’ din l-opinjoni. Madankollu, għandu jingħad ukoll li din il-proċedura hija meħtieġa wkoll sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni.

237. F’dan il-kuntest, il-ħtieġa li tiġi involuta minn qabel il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kawża mressqa quddiem il-Qorti EDB li fiha jkun inkwistjoni d-dritt tal-Unjoni, tissodisfa r-rekwiżit li jinżammu l-kompetenzi tal-Unjoni u s-setgħat tal-istituzzjonijiet tagħha, b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 UE.

238. B’hekk, għal dan il-għan, huwa meħtieġ, fl-ewwel lok, li l-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkunx diġà ddeċidiet dwar l-istess punt ta’ liġi bħal dak li jkun is-suġġett tal-proċedura quddiem il-Qorti EDB għandha tiġi riżolta biss mill-istituzzjoni kompetenti tal-Unjoni, li d-deċiżjoni tagħha għandha torbot lill-Qorti EDB.

239. Fil-fatt, jekk il-Qorti EDB titħalla tiddeċiedi dwar tali kwistjoni, dan ikun ifisser li dik il-qorti tkun qiegħda tingħata l-ġurisdizzjoni tinterpreta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

240. Issa, la l-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim u lanqas il-paragrafi 65 u 66 tal-abbozz ta’ rapport ta’ spjega ma jinkludu l-elementi li jippermettu li jiġi konkluż li tali possibbiltà hija eskluża.

241. Għaldaqstant, il-proċedura ta’ involviment minn qabel għandha tiġi organizzata b’tali mod li, f’kull kawża pendenti quddiem il-Qorti EDB, informazzjoni kompleta u sistematika għandha tiġi indirizzata lill-Unjoni, sabiex l-istituzzjoni kompetenti ta’ din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni li tevalwa jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkunx diġà ddeċidiet dwar il-kwistjoni li tkun is-suġġett ta’ tali kawża u, jekk dan ma jkunx il-każ, li tikseb l-implementazzjoni ta’ din il-proċedura.

242. Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-proċedura deskritta fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim hija maħsuba sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernata mad-drittijiet inkwistjoni ggarantiti mill-KEDB jew mill-protokolli li għalihom l-Unjoni tkun aderixxiet. Il-paragrafu 66 tal-abbozz ta’ ftehim ta’ spjega jippreċiża li l-kliem “eżaminatx il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni” jfissru, essenzjalment, l-għoti ta’ deċiżjoni dwar il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt idderivat jew inkella dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju.

243. Minn dan isegwi li l-ftehim maħsub jeskludi l-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tiddeċiedi dwar kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt idderivat permezz tal-proċedura ta’ involviment minn qabel.

244. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, l-istess bħal ma l-interpretazzjoni minn qabel tad-dritt primarju hija neċessarja sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ dan id-dritt mal-impenji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-adeżjoni tagħha għall-KEDB, għal dan l-istess għan id-dritt idderivat għandu jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ tali interpretazzjoni.

245. Fil-fatt, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż tad-dritt idderivat, teżiġi, bħala prinċipju, deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja meta din id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi interpretata b’diversi modi plawżibbli.

246. Issa, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva tad-dritt idderivat u jekk il-Qorti EDB, fl-eżami tagħha tal-konformità ta’ dan id-dritt mal-KEDB, tipprovdi hija stess interpretazzjoni partikolari minn fost dawk li jkunu plawżibbli, il-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni jkun ċertament miksur.

247. Għaldaqstant, il-limitazzjoni tal-portata tal-proċedura ta’ involviment minn qabel, fir-rigward tad-dritt idderivat, għal kwistjonijiet ta’ validità biss tippreġudika l-kompetenzi tal-Unjoni u s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn ma tippermettix lil din tal-aħħar tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva tad-dritt idderivat fir-rigward tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB.

248. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-modalitajiet ta’ funzjonament tal-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja previsti fil-ftehim maħsub ma jippermettux li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tagħha.

e)     Fuq il-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-qasam tal-PBSK

249. Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE jirriżulta li, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jirregolaw il-PBSK, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għal stħarriġ tal-osservanza tal-Artikolu 40 TUE kif ukoll tal-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet koperti mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

250. Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha b’mod partikolari ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi, ippreżentati fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE.

251. Minkejja l-interpretazzjoni sistematika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fit-talba għal opinjoni tagħha, u kkontestata minn uħud mill-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, maħsuba essenzjalment sabiex tiddefinixxi l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam bħala li hija wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi s-sitwazzjonijiet kollha li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ applikazzjoni quddiem il-Qorti EDB, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kellhiex l-opportunità li tippreċiża l-portata tal-limitazzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tagħha li jirriżultaw, fil-qasam tal-PBSK, mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

252. Madankollu, sabiex tittieħed pożizzjoni dwar din it-talba għal opinjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ċerti atti adottati fil-kuntest tal-PBSK ma jaqgħux taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja.

253. Tali sitwazzjoni hija inerenti għall-mod kif ġew organizzati s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-Trattati u, bħala tali, tista’ tkun iġġustifikata biss fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni biss.

254. Madankollu, permezz tal-adeżjoni kif prevista fil-ftehim maħsub, il-Qorti EDB ser tingħata l-awtorità tiddeċiedi dwar il-konformità mal-KEDB ta’ ċerti atti, azzjonijiet jew ommissjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-PBSK u, b’mod partikolari, ta’ dawk li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tagħhom fir-rigward tad-drittijiet fundamentali.

255. Tali sitwazzjoni tkun tfisser li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmija atti, azzjonijiet jew ommissjonijiet tal-Unjoni, għalkemm dan l-istħarriġ ikun limitat għal eżami tar-rispett tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, ikun qiegħed jiġi fdat esklużivament lil korp estern għall-Unjoni. 

256. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkonstata li l-ġurisdizzjoni sabiex jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju ta’ atti, ta’ azzjonijiet jew ta’ ommissjonijiet tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, ma tistax tingħata esklużivament lil qorti internazzjonali li ma tkunx tagħmel parti mill-qafas istituzzjonali u ġudizzjarju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punti 78, 80 u 89).

257. Għaldaqstant, minkejja li dan huwa konsegwenza tal-mod kif inhuma organizzati attwalment is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-ftehim maħsub ma jħarisx il-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti, azzjonijiet jew ommissjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-PBSK.

258. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim maħsub, sa fejn:

–      jista’ jippreġudika l-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li ma jiżgurax il-koordinazzjoni bejn l-Artikolu 53 tal-KEDB u l-Artikolu 53 tal-Karta, ma jeskludix ir-riskju li jiġi ppreġudikat il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fid-dritt tal-Unjoni u ma jipprevedi ebda relazzjoni bejn il-mekkaniżmu stabbilit permezz tal-Protokoll Nru 16 u l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjonijiet preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE;

–      jista’ jaffettwa l-Artikolu 344 TFUE, minħabba li ma jeskludix il-possibbiltà li tilwim bejn l-Istati Membri jew bejn dawn tal-aħħar u l-Unjoni, li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-KEDB fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni, jitressaq quddiem il-Qorti EDB;

–      ma jipprevedix modalitajiet ta’ funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta u tal-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja li jippermettu li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tagħha, u

–      ma jħarisx il-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ atti, azzjonijiet jew ommissjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-PBSK, minħabba li jafda l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ wħud minn dawn l-atti, azzjonijiet jew ommissjonijiet esklużivament lil korp estern għall-Unjoni.

la huwa kompatibbli mal-Artikolu 6(2) TUE u lanqas mal-Protokoll Nru 8 UE.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) tagħti l-opinjoni segwenti:

Il-ftehim dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali la huwa kompatibbli mal-Artikolu 6(2) TUE u lanqas mal-Protokoll (Nru 8) dwar l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

Firem