Language of document : ECLI:EU:T:2016:308

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

24 ta’ Mejju 2016 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari fl-Iran – Iffriżar ta’ fondi – Żball ta’ liġi – Bażi legali – Żball ta’ evalwazzjoni – Assenza ta’ provi”

Fil-Kawżi magħquda T‑423/13 u T‑64/14,

Good Luck Shipping LLC, stabbilita f’Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda), irrappreżentata minn F. Randolph, QC, M. Lester, barrister, u M. Taher, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u B. Driessen, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK, tas-6] ta’ Ġunju 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013 L 156, p. 10), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 522/2013, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013 L 156, p. 3), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 18), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 306, p. 18), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013 tal-15 ta’ Novembru 2013 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 306, p. 3) sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti, u min-naħa l-oħra, talba intiża sabiex jiġu ddikjarati inapplikabbli d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/497/PESK, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 272, p. 46), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 971/2013, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 272, p. 1).


IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Junius, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Dawn il-kawżi ġew ippreżentati fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati bil-għan li ssir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari.

2        Ir-rikorrenti, Good Luck Shipping LLC, hija aġenzija marittima stabbilita f’Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda). Hija torganizza l-irmiġġ tal-vapuri, il-ħatt u t-tagħbija ta’ merkanzija.

3        Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2010/413/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39). L-Artikolu 20(1) ta’ din id-Deċiżjoni jipprovdi:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’ miżmuma jew ikkontrollati, direttament jew indirettament minn dawn li ġejjin, għandhom jiġu ffriżati:

[...]

b)      persuni u entitajiet mhux koperti mill-Anness I li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni tal-Iran jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari, inkluż permezz ta’ involviment fl-akkwist tal-oġġetti, merkanzija, tagħmir, materjal u teknoloġija pprojbiti, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċti, jew persuni u entitajiet li għenu lil persuni jew entitajiet indikati biex jevadu jew jiksru d-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 1737 (2006), UNSCR 1747 (2007), UNSCR 1803 (2008) u UNSCR 1929 (2010) jew din id-Deċiżjoni kif ukoll membri għolja oħra u entitajiet tal-IRGC, u ta’ entitajiet oħra tal-IRISL u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li jaġixxu f’isimhom, kif elenkati fl-Anness II.

[...]”

4        Fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, taħt it-Titolu III, intitolat “[Kumpannija tat-Trasport Marittimu tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (IRISL)]”, l-ismijiet ta’ diversi kumpanniji fosthom IRISL u Hafize Darya Shipping Lines (iktar ’il quddiem “HDSL”) huma inklużi fil-lista tal-entitajiet li għandhom il-fondi tagħhom iffriżati.

5        Fit-8 ta’ Ottubru 2010, diversi kumpanniji, fosthom IRISL u HDSL, ressqu rikors quddiem il-Qorti Ġenerali rreġistrat bħala Kawża T‑489/10, intiż b’mod partikolari, għall-annullament tad-Deċiżjoni 2010/413, sa fejn din kienet tikkonċernahom.

6        Fil-25 ta’ Ottubru 2010, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 961/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1). L-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness VIII tal-imsemmi regolament. L-ismijiet ta’ diversi entitajiet, fosthom IRISL u HDSL, ġew inklużi fil-lista fl-imsemmi anness.

7        Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/783/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2011 L 319, p. 71), li permezz tagħha huwa, b’mod partikolari, inkluda l-isem tar-rikorrenti mal-lista tal-persuni u entitajiet elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, taħt it-titolu III.

8        Fl-istess jum, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1245/2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 961/2010 (ĠU 2011, L 319, p. 11), li permezz tiegħu l-Kunsill, b’mod partikolari, inkluda l-isem tar-rikorrenti fil-lista stabbilita fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010.

9        Fid-Deċiżjoni 2011/783 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“atti ta’ Diċembru 2011”), il-Kunsill iġġustifika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti kif ġej:

“Kumpannija li taġixxi f’isem IRISL. [Ir-rikorrenti] ġiet stabbilita sabiex tieħu post Oasis Freight Company psewdonomu Great Ocean Shipping Services, sanzjonata mill-Unjoni Ewropea, u f’likwidazzjoni legali. [Ir-rikorrenti] ħarġet dokumenti foloz tat-trasport favur IRISL u entitajiet miżmuma minn jew taħt il-kontroll ta’ IRISL. [Ir-rikorrenti]. taġixxi f’isem HDSL u [Safiran Payam Darya Shipping Lines] (indikati mill-UE) fl-Emirati Għarab Magħquda. [Ir-rikorrenti] ġiet stabbilita f’Ġunju 2011 bħala konsegwenza ta’ sanzjonijiet, sabiex tissostitwixxi lil Great Ocean Shipping Services u lil Pacific Shipping.”

10      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill informa lir-rikorrenti bl-inklużjoni ta’ isimha fil-listi ta’ persuni u entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif inklużi, rispettivament, fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010.

11      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-atti ta’ Diċembru 2011 u talbet aċċess għall-fajl tal-Kunsill.

12      Fid-9 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ressqet rikors għall-annullament tal-atti ta’ Diċembru 2011 sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawha. L-imsemmi rikors ġie irreġistrat bin-numru tal-kawża T-57/12.

13      Fit-23 ta’ Marzu 2012, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 88, p. 1), ħassar ir-Regolament Nru 961/2010. L-isem tar-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012. L-Artikolu 23(2) tal-istess regolament jipprovdi:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness IX għandhom jiġu ffriżati. L-Anness IX għandu jinkludi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f'konformità mal-Artikolu 20(1)(b) u (c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, ġew identifikati li:

[...]

b)      huma persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li assistew lil persuna, entità jew korp elenkati biex jevadu jew jiksru d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK jew tal-UNSCR 1737 (2006), UNSCR1747 (2007), UNSCR 1803 (2008) u UNSCR 1929 (2010);

[...]

e)      (e) | huma persuna ġuridika, entità jew korp li huwa proprjetà ta' jew ikkontrollat mill-Islamic Republic of Iran Shipping Lines (IRISL), jew li jaġixxu f'isimhom.”

14      L-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fil-punt III, B, 43 tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 u ġew invokati l-istess motivi li jinsabu fl-atti ta’ Diċembru 2011 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

15      Permezz ta’ att ippreżentat fi-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2012, ir-rikorrenti emendat it-talbiet tagħha fil-Kawża T‑57/12, sabiex tikkontesta wkoll ir-Regolament Nru 267/2012 sa fejn dan kien jikkonċernaha.

16      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2012, il-Kunsill wieġeb għall-ittra tar-rikorrenti tas-7 ta’ Frar 2012 u ttrażmettilha d-dokumenti li abbażi tagħhom huwa kien adotta l-atti ta’ Diċembru 2011 u inkluda l-isem tar-rikorrenti fil-listi tal-persuni u entitajiet imsemmija mill-miżuri restrittivi kontra l-Iran li jinsabu, fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 rispettivament.

17      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kunsill l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi tal-persuni u entitajiet imsemmija mill-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran li jinsabu, rispettivament, fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem il-“listi kkontestati”).

18      Fis-6 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/270/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2013 L 156, p. 10), kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 522/2013, li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU 2013 L 156, p. 3). Permezz ta’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ Ġunju 2013”), huwa emenda r-raġunijiet għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati kif ġej:

“Kumpannija li taġixxi f’isem l-IRISL. Ikkontrollata minn [M. M. F.]. [Ir-rikorrenti] ġiet stabbilita sabiex tissostitwixxi l-Oasis Freight Company magħrufa bħala Great Ocean Shipping Services, li kienet sanzjonata mill-Unjoni Ewropea u f’likwidazzjoni legali. [Ir-rikorrenti] ħarġet dokumenti tat-trasport foloz għall-IRISL u entitajiet miżmuma minn jew taħt il-kontroll ta’ IRISL. [Ir-rikorrenti] taġixxi f’isem HDSL u [Safiran Payam Darya Shipping Lines] (indikati mill-UE). [Hija ġiet] stabbilita f’Ġunju 2011 bħala riżultat tas-sanzjonijiet, sabiex tissostitwixxi lil Great Ocean Shipping Services.”

19      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill innotifika l-atti ta’ Ġunju 2013 lir-rikorrenti. Din tal-aħħar ġiet informata wkoll bil-possibbiltà li titlob eżami mill-ġdid tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kkontestati u li tikkontesta dawn l-atti quddiem il-Qorti Ġenerali.

20      Fis-16 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tal-atti ta’ Ġunju 2013, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawha. Ir-rikors ġie irreġistrat bin-numru tal-kawża T-423/13.

21      Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Good Luck Shipping vs Il-Kunsill (T‑57/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:410), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors tar-rikorrenti u annullat, sa fejn dawn kienu jikkonċernawha, l-atti ta’ Diċembru 2011 u r-Regolament Nru 267/2012, fuq il-bażi tal-fatt li l-Kunsill ma ressaqx il-provi tal-akkużi miġjuba kontriha (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Good Luck Shipping vs Il-Kunsill, T‑57/12, mhux ippublikata, EU:T:2013:410, punt 68).

22      Għal dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti ta’ Diċembru 2011 u tar-Regolament Nru 267/2012 li ġew deċiżi fis-sentenza msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-effetti tad-Deċiżjoni 2011/783 kellhom jinżammu, fil-konfront tar-rikorrenti, sad-data effettiva tal-annullament tar-Regolament Nru 267/2012 skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, fl-iskadenza tat-terminu tal-appell imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-imsemmi statut.

23      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453), il-Qorti Ġenerali annullat, b’mod partikolari, l-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti jipprevedu l-inklużjoni ta’ isem IRISL fil-listi kkontestati, għar-raġuni li l-Kunsill ma kienx stabbilixxa li IRISL kienet qed tappoġġja l-proliferazzjoni nukleari (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, T‑489/10, EU:T:2013:453, punt 76). Sussegwentement, hija annullat l-inklużjoni tal-ismijiet ta’ entitajiet oħra li fir-rigward tagħhom kien hemm suspett li kienu qegħdin jaġixxu f’isem IRISL, fosthom HDSL, għar-raġuni li ċ-ċirkustanza li taħthom l-ismijiet tagħhom kienu ġew inklużi, jiġifieri l-fatt li kienu kkontrollati minn jew jaġixxu f’isem IRISL, ma kienx jiġġustifika l-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi kontrihom, peress li IRISL ma ġietx validament rikonoxxuta bħala li tipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari (sentenza Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, T‑489/10, EU:T:2013:453, punt 77).

24      Fir-rigward tal-effetti ratione temporis tal-annullament deċiż fis-sentenza msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644 għandhom jinżammu fir-rigward ta’ IRISL u r-rikorrenti l-oħra, fosthom HDSL u Safiran Payam Darya Shipping Lines (iktar ’il quddiem “SAPID”) sad-data effettiva tal-annullament tar-Regolament Nru 267/2012, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, fl-iskadenza tat-terminu tal-appell imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-imsemmi statut.

25      Fl-10 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/497/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2013, L 272, p, 46), kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 971/2013, li jemenda r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU 2013, L 272, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“miżuri ta’ Ottubru 2013”) Dawn l-atti, b’mod partikolari, bidlu l-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni fil-lista ta’ persuni jew entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari fl-Iran li tinsab fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(b) u (c) tar-Regolament Nru 267/2012. Huma pprevedew b’mod partikolari kriterji ġenerali ġodda ta’ inklużjoni fil-listi kkontestati li jippermettu li jinkludu l-ismijiet:

–        ta’ persuni jew ta’ entitajiet li jkunu evadew id-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008) u 1929 (2010) jew kisruhom;

–        ta’ persuni u ta’ entitajiet li għenu lill-persuni jew l-entitajiet indikati sabiex jevadu dawn id-dispożizzjonijiet;

–        ta’ persuni jew ta’ entitajiet li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn IRISL li jaġixxu għan-nom tagħha jew jipprovdu servizzi ta’ assigurazzjoni jew servizzi oħra essenzjali lil IRISL jew lil entitajiet li huma proprjetà tagħha jew taħt il-kontroll tagħha jew li jaġixxu f’isimha.

26      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill informa lir-rikorrenti li huwa kien ħa nota tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Good Luck Shipping vs Il-Kunsill (T‑57/12, mhux ippublikata, EU:T:2013:410) u li kellu l-intenzjoni li jerġa’ jinkludi l-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati billi japplika l-kriterji ta’ inklużjoni ġenerali ġodda stabbiliti permezz tal-miżuri ta’ Ottubru 2013. Huwa ta lir-rikorrenti żmien sal-1 ta’ Novembru 2013 sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

27      Fil-31 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti kkontestat iż-żmien qasir li kien ingħatalha għat-tweġiba tagħha, talbet lill-Kunsill jikkonferma li isimha ma jerġax jiġi inkluż fil-listi kkontestati jew, f’każ kuntrarju, talbet li tikkonsulta l-informazzjoni kollha u l-provi li fuqhom huwa bbaża ruħu kif ukoll li tikseb tweġiba motivata għall-ittra tagħha.

28      Fil-15 ta’ Novembru 2013, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2013, L 306, p. 18).

29      Konsegwentement, fl-istess ġurnata, l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU 2013, L 306, p. 3).

30      Fid-Deċiżjoni 2013/661 kif ukoll fir-Regolament Nru 1154/2013 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Novembru 2013”), il-Kunsill adotta r-raġunijiet li ġejjin:

“Good Luck Shipping Company LLC, bħala l-aġent ta’ HDSL fl-Emirati Għarab Magħquda, tipprovdi servizzi essenzjali lil HDSL, li hija entità nominata li taġixxi f’isem IRISL.”

31      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill, bi tweġiba għall-ittra tar-rikorrenti tal-31 ta’ Ottubru 2013, indika li kien għadu tal-fehma li d-denominazzjoni l-ġdida tar-rikorrenti kienet iġġustifikata, u kien għalhekk li reġa’ inkluda isimha fil-listi kkontestati u, fl-istess ħin, taha aċċess għall-fajl, inklużi l-provi li fuqhom huwa kien ibbaża ruħu.

32      Permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/685/PESK, tas-26 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2013, L 316, p. 46), u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1203/2013, tas-26 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU 2013, L 316, p. 1), l-ismijiet ta’ IRISL u ta’ HDSL reġgħu ġew inklużi fil-listi kkontestati taħt il-kriterji ġenerali ġodda ta’ inklużjoni stabbiliti bil-miżuri ta’ Ottubru 2013.

33      Fid-29 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti ppreżentat rikors, li ġie rreġistrat bin-numru tal-kawża T‑64/14, dwar l-atti ta’ Novembru 2013 u l-miżuri ta’ Ottubru 2013.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

34      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Awwissu 2013, kif ġie indikat fil-punt 20 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tal-atti ta’ Ġunju 2013, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha. Ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru tal-kawża T-423/13.

35      Wara s-sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali, il-kawża T‑423/13 ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid. Dan ġie sussegwentement assenjat lit-Tieni Awla, li konsegwentement ġiet assenjata din il-kawża.

36      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar 2014, kif ġie indikat fil-punt 33 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ppreżentat rikors, irreġistrat bin-numru tal-kawża T‑64/14, fejn talbet l-annullament tal-atti ta’ Novembru 2013, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha u sabiex jiġu ddikjarati inapplikabbli l-miżuri ta’ Ottubru 2013, sa fejn dawn il-miżuri, li jistabbilixxu kriterji ġenerali ġodda ta’ inklużjoni fil-listi kkontestati, jikkostitwixxu l-bażi ġuridika tal-atti ta’ Novembru 2013.

37      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Lulju 2014, il-Kawżi T‑423/13 u T‑64/14 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi bil-miktub, tal-fażi orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Mejju 1991.

38      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn id-domandi fit-terminu stabbilit.

39      Fil-Kawża T-423/13, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti ta’ Ġunju 2013, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

40      Fil-Kawża T‑64/14, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti ta’ Novembru 2013, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha;

–        tiddikjara inapplikabbli, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, il-miżuri ta’ Ottubru 2013;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

41      Fil-Kawżi magħquda T‑423/13 u T‑64/14, il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-Kawża T-423/13

42      Insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑423/13, intiż kontra l-atti ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni kkawżat min-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni fil-listi kkontestati u mill-assenza ta’ provi kif ukoll min-nuqqas ta’ bażi legali, it-tielet, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għall-proprjetà, il-libertà ta’ stabbiliment u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

43      Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

44      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tqajjem żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u huwa intiż li jallega li r-raġunijiet mogħtija fir-rigward tagħha huma żbaljati u li l-Kunsill ma pprovdiex provi tal-imsemmija raġunijiet. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali. Insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kkontestati kienet ibbażata fuq l-inklużjoni ta’ IRISL, li kienet ġiet annullata permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453) u, min-naħa l-oħra, li l-annullament tal-ewwel inklużjoni ta’ isimha fil-listi kkontestati wara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Good Luck Shipping vs Il-Kunsill (T‑57/12, mhux ippublikata, EU:T:2013:410), kellha twassal għall-annullament tad-deċiżjoni li tinżamm din l-inklużjoni fil-listi li jinsabu fl-atti ta’ Ġunju 2013.

45      Il-Kunsill isostni li l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati hija bbażata fuq żewġ kriterji differenti, dak li taġixxi f’isem IRISL u dak li tassisti lil entitajiet li l-ismijiet tagħhom kienu ġew inklużi fl-imsemmija listi sabiex jevadu s-sanzjonijiet li jikkonċernawhom. Għalhekk, ir-raġunijiet indikati fl-atti ta’ Ġunju 2013 kif ukoll il-provi ppreżentati jippermettu l-ġustifikazzjoni tal-imsemmija inklużjoni abbażi ta’ wieħed miż-żewġ kriterji msemmija iktar ’il fuq.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill għandu ċerta setgħa diskrezzjonali sabiex jiddetermina każ b’każ jekk il-kriterji legali li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi inkwistjoni humiex issodisfatti (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill, T‑565/12, EU:T:2014:608, punt 54 u ġurisprudenza ċċitata).

47      Madankollu, il-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhom jiżguraw l-istħarriġ, fil-prinċipju stħarriġ komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, inkluż meta tali atti jkunu intiżi għall-implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill, T‑565/12, EU:T:2014:608, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Dawn id-drittijiet fundamentali jinkludu, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C 280/12 P, EU:C:2013:775, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u żgurat, f’dan il-każ, mill-Artikolu 24(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2010/413, u mill-Artikolu 46(3) u (4) tar-Regolament Nru 267/2012, jinkludi d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jeżiġi li l-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tkun tista’ jkollha għarfien tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata id-deċiżjoni meħuda kontriha mill-qari tad-deċiżjoni nnifisha, jew permezz ta’ komunikazzjoni tar-raġunijiet fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li titlob lill-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha taħt l-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ jekk huwiex għaqli li tadixxi lill-qorti kompetenti, kif ukoll li tpoġġi lil din tal-aħħar kompletament f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 61 u ġurisprudenza ċċitata).

51      L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni, li għandha portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tar-raġunijiet li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tas-sunt veru tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt dwar jekk dawn il-motivi, jew għall-inqas wieħed minnhom, li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostanzjati (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      L-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ att li bih ikunu ġew adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawh, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li fuqhom tkun ibbażata din l-evalwazzjoni. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-kompitu tal-Kunsill li jippreżenta l-provi sabiex jiġu mistħarrġa mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill, T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippublikata, EU:T:2013:409, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill T‑489/10 EU:T:2013:453, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kliem ieħor, hija fil-fatt l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi prova negattiva tal-assenza tal-fondatezza ta’ dawn il-motivi. Huwa neċessarju li l-informazzjoni jew il-provi prodotti jsostnu r-raġunijiet invokati kontra l-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill, T‑565/12, EU:T:2014:608, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan il-każ, qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza tal-motivi mqajma fit-tieni motiv, imsemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq, għandhom jiġu ddeterminati l-provi li jistgħu jiġu invokati utilment mill-Kunsill, b’kunsiderazzjoni għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u għad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Fuq il-provi li jistgħu jiġu utilment invokati, f’dan il-każ, mill-Kunsill

54      Huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk il-provi prodotti mill-Kunsill fil-kuntest tar-risposta tiegħu fil-Kawża T‑423/13, jistgħux jiġu utilment invokati insostenn tar-raġunijiet tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati, mingħajr ma dan jaffettwa d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

55      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-legalità tal-atti kkontestati ma tistax tiġi evalwata, fil-prinċipju, ħlief fuq il-bażi ta’ punti ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ġew adottati dawn l-atti, u mhux fuq il-bażi ta’ informazzjoni li ġiet miġjuba għall-attenzjoni tal-Kunsill wara l-adozzjoni ta’ tali atti, anki jekk dan tal-aħħar huwa tal-fehma li l-imsemmija informazzjoni tista’ leġittimament tikkomplementa r-raġunijiet mogħtija f’dawn l-atti u tikkontribwixxi sabiex tipprovdi bażi għall-adozzjoni tagħhom. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tistax taċċetta l-istedina tal-Kunsill għal sostituzzjoni, fl-aħħar mill-aħħar, tal-motivi li fuqhom huma bbażati dawn l-atti (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill, T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippublikata, EU:T:2013:409, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fil-każ ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun informata bl-informazzjoni jew bil-provi fil-fajl li, skont il-Kunsill, jiġġustifikaw iż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kkontestati kif ukoll, skont il-każ, il-provi ġodda kontriha u min-naħa l-oħra, li tkun f’pożizzjoni li ssostni utilment l-opinjoni tagħha dwar is-suġġett (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 126).

57      Fi kliem ieħor, fil-każ ta’ att inizjali li permezz tiegħu l-fondi ta’ entità jiġu ffriżati, sakemm ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew l-iżvolġiment tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-komunikazzjoni tal-provi mressqa kontra l-entità kkonċernata għandha ssir jew simultanjament mal-adozzjoni tal-att ikkontestat, jew fl-iqsar żmien possibbli wara l-imsemmija adozzjoni. Fuq talba tal-entità kkonċernata, din tal-aħħar għandha wkoll id-dritt li tinvoka l-opinjoni tagħha fuq dawn il-provi ladarba l-att ikun adottat (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T 35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 83 u ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, qabel kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi għandu jkun hemm possibbiltà ġdida ta’ smigħ, u jekk xieraq, il-komunikazzjoni ta’ kull prova ġdida inkriminanti (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03, mhux ippublikata, EU:T:2007:207, punti 173 u 178).

58      F’dan il-każ, huwa ċar li kien biss fil-mument li fih ġiet irreġistrata r-risposta fil-Kawża T‑423/13 li l-Kunsill irrefera għall-provi, li nstabu fuq l-internet fil-11 ta’ Marzu 2013 u fit-28 ta’ Ottubru 2013 u li fuq il-bażi tagħhom huwa qies li seta’ jiġġustifika ż-żamma tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati. Il-provi inkwistjoni huma dawn:

a)      curriculum vitae ta’ impjegat tar-rikorrenti li nstab fuq l-internet fit-28 ta’ Ottubru 2013, li jindika, essenzjalment, li l-proprjetarju tagħha jaħdem mar-rikorrenti, li hija aġent ta’ HDSL fil-port ta’ Jebel Ali (Emirati Għarab Magħquda) u jintervjeni kull darba li IRISL tuża l-imsemmi port sabiex tipprovdilha l-għajnuna meħtieġa;

b)      estratt mis-sit tal-internet tal-assoċjazzjoni tal-aġenti tal-kumpanniji marittimi ta’ Dubai, li nstab fuq l-internet fil-11 ta’ Marzu 2013, u li juri li l-isem tar-rikorrenti jikkorrispondi mal-isem tar-rappreżentant tal-kumpannija Great Ocean Shipping Service;

c)      curriculum vitae ta’ persuna residenti f’Sharjah (Emirati Għarab Magħquda), li nstab fil-11 ta’ Marzu 2013 fuq is-sit tal-internet ta’ kumpannija stabbilita f’Sharajah u li jindika li l-persuna kkonċernata ħadmet għar-rikorrenti u għall-kumpannija Great Ocean Shipping Service minn Frar 2010 sal-lum;

d)      estratt mis-sit tal-internet tal-organizzazzjoni tal-esportaturi Iranjani ta’ prodotti tal-industrija tal-minjieri u tas-servizzi tal-enerġija, li nstab fuq l-internet fit-28 ta’ Ottubru 2013, li jindika li r-rikorrenti ppreżentat ruħha bħala aġent ta’ HDSL.

59      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Kunsill, qabel id-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Ġunju 2013, kellu għad-dispożizzjoni tiegħu biss il-provi li nstabu fuq l-internet fil-11 ta’ Marzu 2013. Huwa għal din ir-raġuni biss, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq, li l-provi l-oħra li nstabu fuq l-internet wara d-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Ġunju 2013, jiġifieri fit-28 ta’ Ottubru 2013, ma jistgħux jiġu invokati mill-Kunsill insostenn tal-imsemmija atti.

60      Fit-tieni lok, huwa importanti li wieħed jinnota li d-deċiżjoni li tinżamm l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati, li jinsabu fl-atti ta’ Ġunju 2013, hija deċiżjoni li ttieħdet wara l-miżuri restrittivi u l-Kunsill kien għaldaqstant obbligat jikkomunika lir-rikorrenti l-informazzjoni jew il-provi fil-fajl li, fil-fehma tiegħu, jiġġustifikaw l-imsemmija żamma qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 56 u 57 iktar ’il fuq.

61      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument imqajjem mill-Kunsill matul is-seduta, li r-rikorrenti kellha, skont il-ġurisprudenza tal-Unjoni, tippreżenta talba ta’ aċċess għall-fajl sabiex ikollha għarfien tal-provi msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, u peress li dan ma sarx, il-Kunsill ma kienx obbligat li jagħtiha aċċess għall-fajl spontanjament.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta tiġi kkomunikata informazzjoni suffiċjentement preċiża, li tippermetti l-entità kkonċernata tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-provi miġjuba kontriha mill-Kunsill, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħti, spontanjament, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha. Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-35/10 u T-7/11, EU:T:2013:397, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Madankollu, f’dan il-każ, l-ebda informazzjoni li tippermetti lir-rikorrenti tesprimi l-perspettiva tagħha dwar il-provi miġjuba kontriha mill-Kunsill ma kienet ikkomunikata lilha qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ Ġunju 2013, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, la l-ittra tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2013 (ara punt 19 iktar ’il fuq) u lanqas l-atti ta’ Ġunju 2013 ma indikaw il-provi ġodda kontriha li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill sabiex jinkludi l-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati.

64      Barra minn hekk, kif jammetti l-Kunsill stess, il-provi ġodda msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, jappartjenu għad-dominju pubbliku peress li jinsabu fuq l-internet. Minn dan isegwi li ebda kunsiderazzjoni imperattiva dwar is-sigurtà jew ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità Ewropea u tal-Istati Membri tagħha ma pprekludiet il-komunikazzjoni tal-imsemmija provi qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ Ġunju 2013.

65      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, kieku l-Kunsill jista’ jinvoka l-informazzjoni msemmija fir-risposta fil-Kawża T‑423/13, dan jippermettilu jressaq raġunijiet addizzjonali, sabiex jikkompleta dawk imressqa fl-atti ta’ Ġunju 2013, u dan ikun ukoll jikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li ssir taf b’dawn ir-raġunijiet fi żmien xieraq sabiex, minn naħa, tiddefendi l-pożizzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva, u, min-naħa l-oħra, tevalwa l-fondatezza tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kkontestati u l-opportunità li tippreżenta rikors, kull ma kellha għad-dispożizzjoni tagħha kienet ir-risposta u l-fażi orali tal-proċedura sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha kontra tali raġunijiet. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun affettwat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill, T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippublikata, EU:T:2013:409, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni kkomunikata għall-ewwel darba fil-kuntest tar-risposta fil-Kawża T‑423/13 ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, anki jekk din setgħet tiġġustifika l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali provi jkun jippreġudika, minn naħa, il-prinċipju li jipprovdi li l-legalità tal-atti kkontestati tista’ tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi li abbażi tagħhom l-imsemmija atti jkunu ġew adottati u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

67      Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li d-deċiżjoni li jerġa’ jinkludi l-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati kienet issostanzjata biżżejjed fl-assenza tal-provi prodotti fil-kuntest tar-risposta fil-Kawża T‑423/13.

 Fuq il-fondatezza tal-ilment ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni

68      Hekk kif ġie espost fil-punt 44 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li r-raġunijiet mogħtija għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kkontestati huma żbaljati u li l-Kunsill ma pprovdiex provi tal-imsemmija raġunijiet.

69      Il-Kunsill isostni, hekk kif tfakkar fil-punt 45 iktar ’il fuq, li l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati hija bbażata fuq żewġ kriterji differenti, dak li taġixxi f’isem IRISL u dak li tassisti entitajiet inklużi fl-imsemmija listi li jevadu s-sanzjonijiet li jikkonċernawhom. Huwa jargumenta li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tqis li ma kinux issostanzjati r-raġunijiet dwar l-ewwel kriterju, l-imsemmija inklużjoni tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tar-raġunijiet li jirreferu għat-tieni kriterju.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġġustifika l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati, il-Kunsill jafferma, dwar l-ewwel kriterju mfakkar fil-punt 69 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti hija kkontrollata minn M. M. F., li kien direttur reġjonali ta’ IRISL għall-Emirati Għarab Magħquda, li hija aġixxiet bħala aġent ta’ HDSL, bħala aġent marittimu ta’ IRISL fil-port ta’ Jebel Ali u li ħarġet dokumenti foloz ta’ trasport favur IRISL u entitajiet proprjetà ta’ IRISL jew taħt il-kontroll tagħha. Rigward it-tieni kriterju msemmi fil-punt 69 iktar ’il fuq, huwa jsostni li r-rikorrenti kienet maħluqa sabiex tissostitwixxi entità li kienet ġiet sanzjonata mill-Unjoni u mbagħad likwidata legalment, sal-punt li, minn naħa, ir-rikorrenti u l-entità inkwistjoni huma rrappreżentati mill-istess persuna fl-assoċjazzjoni ta’ aġenti marittimi ta’ Dubai u, min-naħa l-oħra, l-entità inkwistjoni pprovdiet servizzi ta’ aġenzija marittima lil HDSL u illum, ir-rikorrenti tipprovdi l-istess servizzi lill-imsemmija entità, inkluż wara s-26 ta’ Lulju 2010, li ppermettilha li tevadi s-sanzjonijiet li jikkonċernawha.

71      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-uniċi provi prodotti mill-Kunsill huma dawk imsemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 59 sa 66 iktar ’il fuq, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

72      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ provi invokati b’mod utli mill-Kunsill, l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati kienet ibbażata biss fuq dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju, kemm jekk dawn ir-raġunijiet ta’ inklużjoni kienu jirreferu għall-ewwel kriterju kif ukoll jekk kienu jirreferu għat-tieni kriterju (ara l-punt 69 iktar ’il fuq).

 Fuq il-fondatezza tal-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi

73      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni wkoll, kif tfakkar fil-punt 44 iktar ’il fuq, li l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kkontestati saret mingħajr bażi legali wara l-għoti tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013,453). Hija tqajjem tali argument fir-replika, għar-raġuni li s-sentenza inkwistjoni ma kinitx laħqet ingħatat fiż-żmien tal-preżentata tar-rikors. Bħala parti mit-tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija tippreċiża, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza ppreċitata, iddeċidiet li l-Kunsill ma ġġustifikax l-inklużjoni tal-isem ta’ IRISL fil-listi kkontestati u, għaldaqstant, li l-inklużjoni tal-ismijiet tal-entitajiet (inkluża r-rikorrenti) li kienu proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn IRISL jew jaġixxu f’isimha kienet saret illegali mix-xahar ta’ Lulju 2010 (data tal-ewwel inklużjoni tal-IRISL). Hija żżid li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, sentenza li tannulla deżinjazzjoni “tħassar l-isem tal-entità retroattivament mill-ordinament ġuridiku u l-inklużjoni hija meqjusa bħala li qatt ma eżistiet”. Skont ir-rikorrenti, dan il-prinċipju huwa applikabbli f’dan il-każ.

74      Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrenti u jsostni b’mod partikolari, bħala parti mir-risposta tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li din tal-aħħar ma kinitx invokat fir-replika, li ġiet ippreżentata wara l-għoti tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013,453), motiv jew argument ibbażat fuq il-fatt li l-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL u ta’ entitajiet oħra kkonċernati fil-listi kkontestati kienet titqies li qatt ma eżistiet fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Ġunju 2013. Għaldaqstant, skont il-Kunsill, tali mezz jew argument ma setax jiġi eżaminat mill-Qorti Ġenerali fil-kawża preżenti mingħajr ma tingħata deċiżjoni ultra petita.

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, ir-rikorrenti, fil-kuntest tar-replika tagħha, talbet lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq il-konsegwenzi tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013,453), fuq l-atti ta’ Ġunju 2013 (ara punt 44 iktar ’il fuq) u l-osservazzjonijiet li hija għamlet fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, huma sempliċement żvilupp ta’ dan l-argument, li għaldaqstant ġie deċiż li huwa ammissibbli.

76      Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-konsegwenzi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali bl-awtorità tar-res judicata jagħmlu parti mill-interess pubbliku, aspett li jista’ jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Floral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punt 45]. Minn dan isegwi li, anki fin-nuqqas ta’ argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tar-replika u r-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali kellha tevalwa ex officio l-effetti tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013,453) fuq l-atti kkontestati.

77      Fir-rigward tal-evalwazzjoni sostantiva tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kunsill, għandu jiġi ppreċiżat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-validità tal-inklużjoni tal-isem ta’ entità fuq il-lista ta’ persuni jew entitajiet koperti minn miżuri restrittivi minħabba r-rabtiet tagħha ma’ entità oħra li isimha jkun ġie inkluż fuq l-imsemmija lista hija suġġetta għall-kundizzjoni li, fid-data tal-inklużjoni, l-isem ta’ din l-entità jkun ġie validament inkluż fuq din il-lista. Skont din il-ġurisprudenza, l-iffriżar ta’ fondi ta’ entitajiet proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn entità li isimha huwa validament inkluż fil-lista inkwistjoni jew li taġixxi f’isem din l-entità l-oħra huwa meħtieġ u xieraq sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri adottati kontriha u sabiex jiġi żgurat li dawn il-miżuri ma jiġux evitati. Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ inklużjoni valida tal-isem ta’ IRISL fil-listi kkontestati, l-inklużjoni fuq l-imsemmija listi, ta’ ismijiet ta’ entitajiet li jaġixxu f’isimha jew li jipprovdu servizzi essenzjali lil IRISL jew lil entitajiet oħra li jaġixxu f’isimha, ma tkunx iktar iġġustifikata bil-għan li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri kontra IRISL u sabiex jiġi żgurat li dawn il-miżuri ma jiġux evitati (ara, f’dan is-sens, is- sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013,453, punti 75 sa 77; ara wkoll, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, BT Telecommunications vs Il-Kunsill, T‑440/11, mhux ippublikata, EU:T:2014:1042, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li fis-16 ta’ Settembru 2013 ingħatat is-sentenza Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453) li annullat il-miżuri restrittivi meħuda kontra IRISL u entitajiet oħra, fosthom HDSL u SAPID. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri restrittivi meħuda kontra IRISL kienu ġew użati sabiex jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati fir-rigward tal-ewwel kriterju msemmi fil-punt 69 iktar ’il fuq, jiġifieri dak li taġixxi f’isem IRISL, filwaqt li l-miżuri restrittivi meħuda kontra HDSL u SAPID, kif jirriżulta mill-qari tal-atti ta’ Ġunju 2013 (ara punt 18 iktar ’il fuq), ġew użati sabiex jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fuq l-imsemmija listi fir-rigward tat-tieni kriterju msemmi fil-punt 69 iktar ’il fuq, jiġifieri dak li tassisti l-entitajiet inklużi fil-listi jevitaw is-sanzjonijiet li jikkonċernawhom.

79      Għalkemm huwa minnu li l-effetti tal-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL, ta’ HDSL u ta’ SAPID fil-listi kkontestati kienu nżammu sal-iskadenza tal-perijodu msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, jiġifieri, wara l-iskadenza tal-perijodu tal-appell imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-imsemmi statut, madankollu, huwa ċar li meta dak il-perijodu skada, l-imsemmija inklużjoni kienet tħassret retroattivament mill-ordinament ġuridiku daqslikieku qatt ma eżistiet (sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013 Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 68, ara ukoll, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, BT Telecommunications vs Il-Kunsill, T‑440/11, mhux ippublikata, EU:C:2014:1042, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tista’ tistabbilixxi perijodu li matulu l-effetti tal-annullament ta’ att jiġu sospiżi sabiex il-Kunsill ikun jista’ jirrimedja l-ksur ikkonstatat billi jadotta, skont il-każ, kriterji ġenerali ġodda ta’ inklużjoni fil-lista ta’ persuni u entitajiet koperti minn miżuri restrittivi u għal miżuri restrittivi ġodda, li huma intiżi li jiffriżaw il-fondi tal-entità kkonċernata fil-futur. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kemm l-imsemmija kriterji ġenerali ġodda ta’ inklużjoni kif ukoll l-imsemmija miżuri restrittivi ġodda ma jivvalidawx miżuri li nstabu li huma illegali permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, First Islamic Investment Bank vs Il-Kunsill, T‑161/13, EU:T:2015:667, punt 102).

81      Minn dan isegwi li s-sospensjoni tal-effetti tal-annullament ta’ att ma jippreġudikax il-prinċipju, imfakkar mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq, li jipprovdi li, ladarba jkun għadda l-perijodu ta’ sospensjoni, l-annullament tal-atti kkonċernati jipproduċi effetti retroattivi li jippermettu li wieħed jikkunsidra li l-atti koperti bl-annullament qatt ma eżistew.

82      Għalhekk, f’dan il-każ, kemm jekk huwa l-ewwel kriterju, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti taġixxi f’isem IRISL, kif ukoll jekk huwa t-tieni kriterju, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti tassisti lil entitajiet inklużi fil-lista sabiex jevadu sanzjonijiet li jikkonċernawhom, filwaqt li jaġixxu f’isem HDSL u SAPID, jew jissostitwixxu lil Great Ocean Shipping Services sabiex jerġgħu jibdew l-attivitajiet li din tal-aħħar kienet twettaq għal HDSL, sal-punt li l-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL, ta’ HDSL u ta’ SAPID fil-listi kkontestati ġew annullati mill-Qorti Ġenerali, ma huwiex iktar possibbli li jiġu ġġustifikati l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti fuq il-bażi ta’ kriterju wieħed jew ieħor, peress li dawn huma suġġetti għall-inklużjoni valida tal-imsemmija entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, T‑489/10, EU:T:2013:453, punti 75 sa 77; ara wkoll b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, BT Telecommunications vs Il-Kunsill, T‑440/11, EU:T:2014:1042, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi meta bbaża d-deċiżjoni li jżomm l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati fuq raġunijiet marbuta ma’ wieħed jew l-ieħor mill-kriterji msemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq.

84      Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ t-tieni motiv tar-rikors kif ukoll ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑423/13 u għandhom jiġu annullati l-atti ta’ Ġunju 2013, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors.

 Fuq il-Kawża T‑64/14

85      Fil-kawża T‑64/14, ir-rikorrenti tqajjem seba’ motivi insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tal-atti ta’ Novembru 2013. Dawn il-motivi huma bbażati, l-ewwel nett, fuq assenza ta’ bażi ġuridika tal-atti kkontestati li tirriżulta mill-illegalità tal-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni stabbiliti mill-miżuri ta’ Ottubru 2013, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ finalità tas-sentenzi, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, ta’ res judicata u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, it-tielet nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-raba’ nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-ħames nett, fuq żball ta’ evalwazzjoni, nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji applikabbli għall-istabbiliment tal-listi kkontestati, assenza ta’ provi li jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi meħuda kif ukoll, essenzjalment, żball ta’ liġi, is-sitt nett, fuq ksur tad-drittijiet fundamentali, jiġifieri d-dritt ta’ proprjetà, il-libertà ta’ stabbiliment u d-dritt għar-reputazzjoni, u, is-seba’ nett, fuq abbuż ta’ poter imwettaq mill-Kunsill.

86      Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat il-ħames motiv.

87      Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tqajjem sitt argumenti. L-ewwel nett, hija ssostni li d-deċiżjoni li jinżamm l-isem ta’ IRISL fil-listi kkontestati ma kinitx ġiet adottata meta ttieħdet id-deċiżjoni li tinżamm l-inklużjoni ta’ isimha fuq l-imsemmija listi li jinsabu fl-atti ta’ Novembru 2013. It-tieni nett, hija ssostni li ma pprovdietx servizzi lil IRISL. It-tielet nett, hija tenfasizza li d-deċiżjoni li tinżamm l-inklużjoni tal-isem ta’ HDSL fuq dawn il-listi ma kinitx ġiet adottata meta isimha kien reġa’ ġie inkluż fuq l-istess listi u li, għalhekk, din l-aħħar inklużjoni, ġġustifikata peress li hija kienet qiegħda tipprovdi servizzi essenzjali lil HDSL, hija infondata. Ir-raba’ nett, hija tqis li l-fatt li kienet aġent ta’ HDSL ma kienx jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni u, fil-kuntest tar-replika, hija żżid li l-ispjegazzjonijiet pprovduti mill-Kunsill sabiex jippreċiża r-raġuni tal-imsemmija inklużjoni, huma tardivi u mhux issostanzjati biżżejjed. Il-ħames nett, hija ssostni li ma jeżistux provi tar-rabta tagħha mal-proliferazzjoni nukleari. Is-sitt nett, l-impjegat tagħha, li l-Kunsill ipproduċa il-curriculum vitae tiegħu, ma kienx jipprovdi servizzi lil vapuri ta’ IRISL, li, barra minn hekk, qatt ma kienu jieqfu fil-port ta’ Jebel Ali.

88      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li l-ismijiet ta’ IRISL u ta’ HDSL kienu għadhom inklużi fil-listi kkontestati fil-mument tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fuq l-imsemmija listi, peress li, meta l-Qorti Ġenerali annullat l-inklużjoni ta’ isimhom, hija wkoll ipprevediet iż-żamma tal-effetti tal-atti kkonċernati sakemm jinħass l-effett tal-annullament parzjali tar-Regolament Nru 267/2012 (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, T‑489/10, EU:T:2013:453, punti 80 sa 83), jiġifieri mal-iskadenza tat-terminu tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fit-tieni lok, huwa jsostni li s-servizzi li r-rikorrenti tipprovdi lil HDSL, bħala aġent, huma essenzjali peress li, fl-assenza tagħhom, HDSL ma tkunx tista’ topera fl-Emirati Għarab Magħquda. Fit-tielet lok, huwa jenfasizza li l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom ġie inkluż l-isem tar-rikorrenti fuq dawn il-listi ma humiex ibbażati fuq ir-rabta tagħha mal-proliferazzjoni nukleari, iżda fuq il-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni stabbiliti permezz tal-miżuri ta’ Ottubru 2013, mfakkra fil-punt 25 iktar ’il fuq. Fir-raba’ lok, huwa jenfasizza li huwa pprovda l-provi taż-żamma tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fuq l-istess listi meta pproduċa, b’mod partikolari, il-curriculum vitae ta’ wieħed mill-impjegati ta’ din tal-aħħar, li jindika li l-imsemmi impjegat jintervjeni meta l-vapuri tal-IRISL jieqfu fil-port ta’ Jebel Ali.

89      Għandu jitfakkar li l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati kienet magħmula fuq il-bażi tal-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni stabbiliti mill-miżuri ta’ Ottubru 2013, li jippermettu l-inklużjoni fuq l-imsemmija listi b’mod partikolari l-ismijiet tal-“persuni jew [tal-] entitajiet proprjetà ta’ jew ikkontrollati mill-IRISL, li jaġixxu f’isimha, jew jipprovdu servizzi ta’ assigurazzjoni jew servizzi oħra essenzjali lil IRISL jew lil entitajiet oħra proprjetà tagħha, li huma taħt il-kontroll tagħha jew li jaġixxu f’isimha”, u li hija motivata kif ġej: “[Ir-rikorrenti] tipprovdi servizzi essenzjali lil HDSL, li hija entità inkluża fil-lista li taġixxi f’isem l-IRISL.”

90      L-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati seħħet fis-16 ta’ Novembru 2013 u kienet ibbażata fuq il-fatt li hija pprovdiet, bħala aġent, servizzi essenzjali lil HDSL, li kienet entità li taġixxi f’isem IRISL. Għaldaqstant, il-motivazzjoni għal din l-inklużjoni hija komposta minn żewġ partijiet relatati, l-ewwel parti hija bbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti kienet tipprovdi servizzi essenzjali lil HDSL u t-tieni parti hija bbażata fuq il-fatt li HDSL kienet entità li taġixxi f’isem l-IRISL.

91      Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 78 iktar ’il fuq, l-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL u HDSL fil-listi kkontestati kienu ġew annullati mill-Qorti Ġenerali (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, T‑489/10, EU:T:2013:453) u , kif ġie indikat fil-punt 79 iktar ’il fuq, dawn l-inklużjonijiet, minħabba l-effett retroattiv tal-annullament tagħhom, għandhom jiġu kkunsidrati daqslikieku qatt ma eżistew.

92      Kif ġie indikat fil-punt 32 iktar ’il fuq, l-ismijiet ta’ IRISL u ta’ HDSL reġgħu ġew inklużi fil-listi kkontestati fis-26 ta’ Novembru 2013, jiġifieri wara l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fl-imsemmija listi fis-16 ta’ Novembru 2013.

93      Minn dan kollu jirriżulta li, fil-mument tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati, data li fiha, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq, hija evalwat il-legalità tal-atti kkontestati, l-ismijiet ta’ IRISL u ta’ HDSL ma kinux inklużi validament fuq l-imsemmija listi.

94      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 77 sa 82 iktar ’il fuq, kif issostni wkoll ir-rikorrenti, il-Kunsill wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li jżomm, permezz tal-atti ta’ Novembru 2013, l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati fuq il-bażi tal-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL u HDSL fuq l-imsemmija listi, fl-assenza ta’ inklużjoni valida tal-ismijiet ta’ dawn l-entitajiet fuq dawn il-listi fid-data tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fuq l-istess listi.

95      Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 77 iktar ’il fuq, fl-assenza ta’ inklużjoni valida tal-ismijiet ta’ IRISL u HDSL fil-listi kkontestati, l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fuq l-imsemmija listi għar-raġuni li hija kienet tipprovdi servizzi essenzjali lil HDSL, entità li taġixxi għan-nom ta’ IRISL, tirriżulta li ma hijiex iġġustifikata mill-għan li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri adottati kontra IRISL u HDSL kif ukoll li jiġi żgurat li dawn il-miżuri ma jiġux evitati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, T‑489/10, EU:T:2013:453, punti 75 sa 77 u s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, BT Telecommunications vs Il-Kunsill, mhux ippublikata, T‑440/11, EU:T:2014:1042, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Din il-konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-argument imqajjem mill-Kunsill fir-risposta tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura, li fiha huwa jsostni li l-fatti msemmija fil-motivazzjoni tal-inklużjoni tal-isem ta’ IRISL fil-listi kkontestati ma kinux ikkontestati mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, (T‑489/10, EU:T:2013:453), u li, wkoll, mid-data tal-modifika tal-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni permezz tal-miżuri ta’ Ottubru 2013, adottati sabiex jirrimedjaw l-illegalitajiet kkonstatati permezz tal-imsemmija sentenza, l-istess fatti li kienu ġġustifikaw l-imsemmija inklużjoni, annullata mill-Qorti Ġenerali, kienu saru konformi ma’ wieħed mill-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni, jiġifieri dak li jawtorizza l-inklużjoni fuq l-imsemmija listi ta’ ismijiet ta’ persuni jew ta’ entitajiet li jkunu evadew id-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti jew l-atti tal-Unjoni jew kisruhom. Fi kliem ieħor, skont il-Kunsill, l-imsemmija modifika tal-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni permezz tal-miżuri ta’ Ottubru 2013, li seħħet qabel l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi li ġew affettwati permezz tal-atti ta’ Novembru 2013, irrendiet validi, mid-data tal-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, l-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL u ta’ HDSL fuq l-istess listi.

97      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-fatt li, matul il-perijodu ta’ sospensjoni tal-effetti tal-annullament iddikjarata fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, (T‑489/10, EU:T:2013:453), u qabel l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati permezz tal-atti ta’ Novembru 2013, il-Kunsill emenda, billi adotta l-miżuri ta’ Ottubru 2013, il-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni fil-lista ta’ persuni jew entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi bil-għan, b’mod partikolari, li jiżgura li l-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL u HDSL fuq l-imsemmija listi ssir konformi ma’ dawn il-kriterji ġodda għall-inklużjoni, ma tinvalidax il-konklużjoni li, kif ġie indikat ukoll fil-punti 79 sa 81 u 91 iktar ’il fuq, meta l-perijodu ta’ sospensjoni tal-effetti tal-annullament iddikjarat f’din is-sentenza skada, l-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL u HDSL f’dawn il-listi, annullati permezz tal-imsemmija sentenza, tħassru retroattivament mill-ordinament ġuridiku daqslikieku qatt ma eżistew. Fil-fatt, is-sempliċi modifika tal-imsemmija kriterji ġenerali ġodda ma għandhiex bħala effett li trendi valida, b’effett minn din il-modifika, l-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL u HDSL fil-listi inkwistjoni fuq il-bażi ta’ kriterji ġenerali preċedenti u għalhekk ma tistax tirrimedja l-illegalitajiet ikkonstatati mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, (T‑489/10, EU:T:2013:453), li annullat l-imsemmija inklużjoni.

98      Interpretazzjoni differenti minn dik indikata fil-punt 97 iktar ’il fuq tmur kontra l-prinċipju mfakkar fil-punt 55 iktar ’il fuq. Għalhekk, il-punti ta’ fatt u ta’ dritt a posteriori għall-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL u ta’ HDSL fil-listi kkontestati ma setgħux jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-imsemmija inklużjoni.

99      Minn dan isegwi li, kif ġie indikat fil-punt 80 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma setax, bis-sempliċi modifika tal-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni permezz tal-miżuri ta’ Ottubru 2013, jirrimedja l-illegalitajiet ikkonstatati mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, (T‑489/10, EU:T:2013:453), u jżomm fil-listi kkontestati, l-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL u ta’ HDSL. Barra minn hekk, fir-rigward tal-imsemmija inklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma llimitax ruħu bil-modifika tal-imsemmija kriterji ġenerali ta’ inklużjoni, iżda wettaq inklużjonijiet ġodda bbażati, b’mod partikolari, fuq dawn il-kriterji ġenerali ġodda ta’ inklużjoni. Madankollu, hekk kif ġie indikat fil-punti 92 u 93 iktar ’il fuq, dawn l-inklużjonijiet ġodda seħħew wara l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fl-imsemmija listi u għalhekk ma jippermettux, għar-raġunijiet mogħtija fil-punti 94 u 95 iktar ’il fuq, li tiġi ġġustifikata din l-aħħar inklużjoni fuq il-bażi tal-atti ta’ Novembru 2013.

100    Minn dan isegwi li l-ħames motiv għandu jiġi milqugħ u li għandhom jiġu annullati l-atti ta’ Novembru 2013, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra fir-rikors u l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni stabbiliti permezz tal-miżuri ta’ Ottubru 2013.

 Fuq l-effetti tal-annullament parzjali tal-atti kkontestati

101    Fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 522/2013, li permezz tiegħu l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi regolament ma jipproduċix effetti ġuridiċi bħala riżultat tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1154/2013. Konsegwentement, l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 522/2013, sa fejn l-imsemmi att jikkonċerna lir-rikorrenti, jirrigwarda biss l-effetti li dan l-att ipproduċa bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u d-data tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1154/2013.

102    Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2013/270, li permezz tagħha l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, għandu jiġi ppreċiżat li l-effetti tal-annullament tagħha, sa fejn l-imsemmi att jikkonċerna lir-rikorrenti, huma immedjati u definittivi.

103    Fir-rigward tal-effetti ratione temporis tal-annullament tar-Regolament Nru 1154/2013, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 280 TFUE, l-annullament ta’ dan ir-regolament, sa fejn dan l-att jikkonċerna lir-rikorrenti, għandu jieħu effett biss wara d-data tal-iskadenza tal-perijodu tal-appell, imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56, tal-imsemmi statut, jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell f’dan it-terminu, mid-data taċ-ċaħda ta’ dan tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2011, Kadio Morokro vs Il-Kunsill, T 316/11, mhux ippublikata, EU:T:2011:484, punt 38, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Good Luck Shipping vs Il-Kunsill, T‑57/12, mhux ippublikata, EU:T:2013:410, punt 74).

104    Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata mid-Deċiżjoni 2013/661, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li huwa meħtieġ, tindika liema mill-effetti tal-att annullat għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2013. Europäisch-Iranische Handelsbank vs Il-Kunsill, T‑434/11, EU:T:2013:405, punt 220, u Good Luck Shipping vs Il-Kunsill, T‑57/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:410, punt 75].

105    F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data effettiva tal-annullament parzjali tar-Regolament Nru 1154/2013, li emenda l-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, u dak tal-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 2010/413, kif emendata wara d-Deċiżjoni 2013/661, possibbilment tikkawża ksur serju taċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jipprevedu miżuri identiċi fir-rigward tar-rikorrenti.

106    L-effetti tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata mid-Deċiżjoni 2013/661, għandhom għalhekk jinżammu, fir-rigward tar-rikorrenti, sad-data effettiva tal-annullament parzjali tar-Regolament Nru 1154/2013 fuq l-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2012, Sina Bank vs Il-Kunsill, T‑15/11, EU:T:2012:661, punt 89, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Good Luck Shipping vs Il-Kunsill, T‑57/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:410, punt 76).

 Fuq l-ispejjeż

107    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef fil-kuntest taż-żewġ Kawżi Magħquda T‑423/13 u T‑64/14, għandu jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Huma annullati, sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lil Good Luck Shipping LLC:

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 522/2013, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni Nru 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2013/661 huma miżmuma fir-rigward ta’ Good Luck Shipping sad-data effettiva tal-annullament tar-Regolament Nru 1154/2013.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn Good Luck Shipping.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Mejju 2016.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-Kawża T-423/13

Fuq il-provi li jistgħu jiġu utilment invokati, f’dan il-każ, mill-Kunsill

Fuq il-fondatezza tal-ilment ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni

Fuq il-fondatezza tal-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi

Fuq il-Kawża T‑64/14

Fuq l-effetti tal-annullament parzjali tal-atti kkontestati

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.