Language of document : ECLI:EU:T:2023:723

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

15 ta’ Novembru 2023 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Miżura statali li testendi liċenzji tal-logħob tal-ażżard mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Diffikultajiet serji – Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati”

Fil-Kawża T‑167/21,

European Gaming and Betting Association, stabbilita f’Etterbeek (il-Belġju), irrappreżentata minn T. De Meese, K. Bourgeois u M. Van Nieuwenborgh, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u J. Carpi Badía, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman, J. Langer u C. Schillemans, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn L. Truchot, President, H. Kanninen u T. Perišin (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: A. Marghelis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑1 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, European Gaming and Betting Association, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 8965 final, tat‑18 ta’ Diċembru 2020, dwar il-Każ SA.44830 (2016/FC) – Il-Pajjiżi l-Baxxi – Estensjoni tal-liċenzji tal-logħob tal-ażżard fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tissemma f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Jannar 2021 (ĠU 2021, C 17, p. 1).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Il-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-logħob tal-ażżard hija bbażata fuq sistema ta’ awtorizzazzjonijiet esklużivi, jew liċenzji, li tipprovdi li l-organizzazzjoni jew il-promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard hija pprojbita, sakemm ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni amministrattiva għal dan l-għan.

3        Ir-rikorrenti hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, li l-membri tagħha huma operaturi Ewropej tal-logħob u tal-imħatri online. Fit‑8 ta’ Marzu 2016, hija ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), dwar għajnuna allegatament illegali u inkompatibbli mas-suq intern mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil diversi operaturi ta’ lotteriji u attivitajiet oħra ta’ mħatri u ta’ logħob tal-ażżard f’dan l-Istat Membru.

4        L-ilment kien jirrigwarda, minn naħa, regola ta’ politika ġenerali adottata mis-Segretarju tal-Istat Olandiż għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2014 dwar l-estensjoni, sal‑1 ta’ Jannar 2017, tal-liċenzji maħruġa għall-imħatri sportivi, għall-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, għall-lotteriji u għall-casinos lid-detenturi ta’ liċenzji kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet adottati min-Nederlandse Kansspelautoriteit (l-Awtorità Olandiża tal-Logħob tal-Ażżard, il-Pajjiżi l-Baxxi) fil‑25 ta’ Novembru 2014 skont din ir-regola, li kienu jġeddu sitt liċenzji li waslu sabiex jiskadu għal lotteriji karitatevoli, għal imħatri fuq l-avvenimenti sportivi, għal-lotterija istantanja, għal-lottu u għall-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“miżura kkontestata”).

5        Fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti allegat, essenzjalment, li, skont il-miżura kkontestata, l-awtoritajiet Olandiżi kienu taw għajnuna mill-Istat lill-operaturi detenturi ta’ dawn il-liċenzji. Hija sostniet li l-imsemmija għajnuna kienet ingħatat fil-forma ta’ estensjoni tal-liċenzji eżistenti fuq bażi esklużiva, mingħajr ma l-awtoritajiet Olandiżi kienu talbu l-ħlas ta’ remunerazzjoni bil-prezz tas-suq u mingħajr ma kienu organizzaw proċedura ta’ għoti ta’ liċenzji miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja.

6        Fit‑30 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment lill-awtoritajiet Olandiżi, li wieġbu permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Lulju 2016. Sussegwentement, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Awwissu 2016, bagħtet talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet Olandiżi, li wieġbu għaliha permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2016.

7        Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet komplementari lill-Kummissjoni fl‑4 ta’ Mejju, fit‑28 ta’ Ġunju u fis‑17 ta’ Novembru 2016.

8        Fit‑30 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-eżitu tal-evalwazzjoni preliminari tagħha. Hija qieset li l-estensjoni tal-liċenzji tad-detenturi ta’ liċenzji eżistenti fuq bażi esklużiva ma kinitx timplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Għaldaqstant, hija qieset li l-miżura kkontestata ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, kien indikat espliċitament li din il-pożizzjoni ma kinitx pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni stess, iżda biss opinjoni inizjali tad-dipartimenti tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni”, ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli u fl-istennija ta’ osservazzjonijiet komplementari oħra li r-rikorrenti setgħet tixtieq tippreżenta.

9        Ir-rikorrenti wieġbet permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2017, li fiha hija kkontestat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u pprovdiet informazzjoni komplementari.

10      Fl‑1 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Olandiżi talba għal informazzjoni komplementari, li ġiet ipprovduta lilha fis‑7 ta’ Diċembru 2017.

11      Fid‑9 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Olandiżi informazzjoni dwar ir-riforma li kienet għaddejja tal-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard fil-Pajjiżi l-Baxxi.

12      Fid‑19 ta’ Frar 2019, is-Senat Olandiż adotta liġi ġdida dwar il-logħob tal-ażżard, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ April 2021.

13      Fl‑1 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-iżvilupp reċenti tal-leġiżlazzjoni li tirregola s-settur tal-logħob tal-ażżard fil-Pajjiżi l-Baxxi.

14      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ April 2019, ir-rikorrenti kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-adozzjoni tal-liġi l-ġdida dwar il-logħob tal-ażżard. F’din l-ittra, ir-rikorrenti sostniet li l-adozzjoni ta’ din il-liġi ma kinitx emendat jew neħħiet l-illegalità tal-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-ilment.

15      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bil-konklużjoni preliminari tagħha li l-estensjoni tal-liċenzji esklużivi kkonċernati ma kinitx tagħti vantaġġ lill-operaturi eżistenti u li, konsegwentement, il-miżura kkontestata ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

16      Fit‑22 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti kitbet lill-Kummissjoni sabiex tinformaha li hija kienet ser iżżomm il-pożizzjoni tagħha li l-miżura kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

17      Il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Olandiżi talbiet għal informazzjoni permezz ta’ ittri tat‑2 ta’ Diċembru 2019 u tas‑16 ta’ Ġunju 2020 li għalihom dawn wieġbu permezz ta’ ittri tas‑7 ta’ Frar u tat‑18 ta’ Settembru 2020.

18      Il-proċedura ngħalqet bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

19      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1)(a) tal-wet houdende nadere regelen met betrekking tot kansspelen (il-Liġi dwar Leġiżlazzjoni Komplementari fil-Qasam tal-Logħob tal-Ażżard), tal‑10 ta’ Diċembru 1964 (Stb. 1964, Nru 483), l-offerta ta’ attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard kienet ipprojbita fil-Pajjiżi l-Baxxi, sakemm ma tkunx ingħatat liċenzja skont din il-liġi. Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi, dawn il-liċenzji setgħu jingħataw biss jekk id-dħul iġġenerat mill-attivitajiet tal-logħob jitħallas lil organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-interess ġenerali.

20      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-Artikolu 2(b) tal-besluit tot vaststelling van de algemene maatregel van bestuur, bedoeld in artikel 6 van de Wet op de kansspelen (Kansspelenbesluit) (id-Digriet li Jistabbilixxi l-Miżura Ġenerali ta’ Amministrazzjoni Msemmija fl-Artikolu 6 tal-Liġi dwar il-Logħob tal-Ażżard (Digriet dwar il-Logħob tal-Ażżard)), tal‑1 ta’ Diċembru 1997 (Stb. 1997, Nru 616), kien jipprevedi, b’mod partikolari, li l-operaturi tal-logħob li kisbu liċenzja skont il-liġi Olandiża dwar il-logħob tal-ażżard kienu obbligati jħallsu d-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-biljetti ta’ parteċipazzjoni lill-benefiċjarji speċifikati fil-liċenzji. Dan il-ħlas kellu jammonta għal mill-inqas 50 % tal-valur nominali tal-biljetti ta’ parteċipazzjoni mibjugħa.

21      Il-Kummissjoni qieset li, jekk l-Istat Membru jagħti dritt esklużiv lil operatur ekonomiku jew jestendi dan id-dritt u ma jippermettix lid-detentur ta’ dan id-dritt jirċievi iktar mid-dħul minimu neċessarju sabiex ikopri l-ispejjeż tal-operat u tal-investiment marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt, flimkien ma’ profitt raġonevoli, din il-miżura ma tagħtix vantaġġ lill-benefiċjarju. F’tali ċirkustanzi, il-benefiċjarju tad-dritt esklużiv ma setax jitqies li kiseb vantaġġ li ma setax jikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

22      Il-Kummissjoni kkonstatat li d-detenturi ta’ liċenzji kienu obbligati jħallsu d-dħul kollu tal-attivitajiet tagħhom ta’ logħob tal-ażżard, jiġifieri d-dħul tagħhom wara t-tnaqqis tal-ispejjeż relatati mal-prezzijiet attribwiti u tal-ispejjeż raġonevoli, lil korpi ta’ interess ġenerali u li, għaldaqstant, dawn l-operaturi ma setgħux jagħmlu profitt jew setgħu jagħmlu biss profitt li ma kienx ogħla minn profitt raġonevoli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni finanzjarja tad-detenturi ta’ liċenzji għall-perijodu 2015‑2016, ipprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi, tikkonferma din l-analiżi.

23      Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura kkontestata ma kinitx tagħti vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha u għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

 Ittalbiet talpartijiet

24      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

26      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ investigazzjoni formali”), filwaqt li l-eżami preliminari fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE (iktar ’il quddiem l-“eżami preliminari”) ma kienx jippermetti li jiġu eliminati d-dubji kollha dwar l-eżistenza ta’ għajnuna u, it-tieni wieħed, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura kkontestata ma kinitx tagħti vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, lid-detenturi ta’ liċenzji.

27      Għandu jiġi eżaminat qabelxejn l-ewwel motiv.

28      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tagħha billi ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, filwaqt li l-eżami preliminari ma kinitx tippermetti li jiġu eliminati d-dubji kollha dwar l-eżistenza ta’ għajnuna. Dan il-motiv jinqasam fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq it-tul ta’ żmien u ċ-ċirkustanzi tal-eżami preliminari, it-tieni waħda, fuq il-bidla sostanzjali tal-analiżi tal-Kummissjoni matul l-eżami preliminari u, it-tielet waħda, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kien hemm ebda dubju fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura kkontestata kinitx tagħti vantaġġ lid-detenturi ta’ liċenzji.

 Fuq ilprinċipji applikabbli

29      Skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2015/1589, tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mas-suq intern, fid-dawl tal-fatt li, jekk jeżistu, dawn id-dubji għandhom jagħtu lok għal ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Dan l-obbligu huwa kkonfermat mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, li jipprovdi li l-Kummissjoni hija obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali meta l-miżura inkwistjoni tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, mingħajr ma għandha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 113 u 185 u l-ġurisprudenza ċċitata; digriet tal‑25 ta’ Ġunju 2019, Fred Olsen vs Naviera Armas, C‑319/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:542, punt 30, u s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 57).

31      Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ġiet adottata mingħajr ma din l-istituzzjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u billi għamlet hekk, kisret id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura kkomunikata jmissha qajmet dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax għaldaqstant ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Il-prova tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna inkwistjoni, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kif ukoll fil-kontenut tagħha, għandha tiġi prodotta mill-persuna li titlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      B’mod partikolari, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni, li l-preżenza tagħhom tobbliga lil din tal-aħħar tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet meħuda fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni mhux biss abbażi tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fil-mument meta adottatha, iżda wkoll skont l-informazzjoni li hija seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Issa, l-informazzjoni li l-Kummissjoni “setgħet kellha għad-dispożizzjoni” tinkludi dik li tidher rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq u li tagħha hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni matul il-proċedura amministrattiva (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata tmexxi l-proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali sabiex ikollha, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-iktar elementi kompleti u affidabbli possibbli (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Madankollu, għalkemm il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, waqt l-eżami tal-eżistenza u tal-legalità ta’ għajnuna mill-Istat, jista’ jkun neċessarju li l-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, tmur lil hinn mill-eżami biss tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-għarfien tagħha, ma jistax jiġi dedott minn din il-ġurisprudenza li l-Kummissjoni għandha tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li tista’ tippreżenta rabta mal-kwistjoni mressqa quddiemha, minkejja li tali informazzjoni hija ta’ dominju pubbliku (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-legalità ta’ deċiżjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minħabba l-assenza ta’ diffikultajiet serji ma jistax ikun limitat għat-tfittxija tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tista’ tiġi annullata, minħabba l-ommissjoni tal-eżami kontradittorju u fil-fond previst mill-Artikolu 108(2) TFUE, anki jekk ma jiġix stabbilit li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-mertu kienu żbaljati fid-dritt jew fil-fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, První novinová společnost vs Il‑Kummissjoni, T‑316/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:489, punti 88, 90 u 91 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali ma huwiex ristrett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 66).

39      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali u ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti intiż li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dubji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

40      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel tiġi eżaminata t-tielet parti tal-ewwel motiv.

 Fuq ittielet parti talewwel motiv, dwar leżistenza ta’ vantaġġ mogħti liddetenturi ta’ liċenzji

41      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata li ma kien hemm ebda dubju fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura kkontestata kinitx tagħti vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha. Din il-parti tinkludi, essenzjalment, żewġ ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq vantaġġ allegatament mogħti lid-detenturi ta’ liċenzji u, it-tieni wieħed, fuq l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-liċenzji inkwistjoni kinux jagħtu vantaġġ indirett lill-korpi li lilhom id-detenturi tal-imsemmija liċenzji kellhom iħallsu parti mid-dħul tagħhom iġġenerat mill-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard.

42      Fir-rigward tat-tieni lment, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha informazzjoni u provi li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ vantaġġ indirett għall-benefiċċju tal-korpi li lilhom id-detenturi ta’ liċenzji kellhom iħallsu parti mid-dħul tagħhom iġġenerat mill-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard. Issa, billi naqset milli teżamina dan il-fatt, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tneħħi d-dubji kollha dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, u dan iktar u iktar peress li hija bbażat ruħha b’mod wiesa’, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-obbligu impost fuq id-detenturi ta’ liċenzji li jħallsu parti mid-dħul tal-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard lill-assoċjazzjonijiet karitatevoli kkonċernati sabiex tikkonkludi li ma kienx hemm vantaġġ fir-rigward tad-detenturi ta’ liċenzji. Skont ir-rikorrenti, il-fatt li dawn l-assoċjazzjonijiet karitatevoli huma organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru ma jipprekludix li jitqiesu bħala benefiċjarji indiretti tal-għajnuna peress li l-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru jistgħu wkoll joffru oġġetti u servizzi f’suq u għalhekk jitqiesu bħala impriżi.

43      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument, għar-raġuni li l-organi inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu bħala impriżi li joperaw f’livelli ta’ attività sussegwenti għal dawk tad-detenturi tal-liċenzji tal-logħob tal-ażżard, fis-sens tal-punt 115 tal-avviż tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) [TFUE] (ĠU 2016, C 262, p. 1). Barra minn hekk, hija tqis li l-argument tar-rikorrenti dwar din l-oġġezzjoni ma tqajjimx fl-ilment tagħha jew fil-kuntest tal-osservazzjonijiet ulterjuri tagħha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li ma kienx il-kompitu tagħha li tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li setgħet tippreżenta rabta mal-każ imressaq quddiemha, minkejja li tali informazzjoni hija ta’ dominju pubbliku.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif ġie kkonstatat, b’mod partikolari, fil-punti 19 u 20 iktar ’il fuq, li mil-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-logħob tal-ażżard suġġetta għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li parti mid-dħul iġġenerat mill-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard kellha titħallas, mid-detenturi tal-liċenzji, esklużivament lil korpi ta’ interess ġenerali, kif indikati fil-liċenzji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-eżistenza ta’ tali obbligu fil-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni.

45      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha tal-assenza ta’ vantaġġ għad-detenturi ta’ liċenzji preċiżament fuq l-obbligu impost fuqhom li jħallsu parti mid-dħul tagħhom lil korpi ta’ interess ġenerali, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 49 u 54 sa 57 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi mingħajr ħlas adegwat skont it-tariffi tas-suq seta’ jikkostitwixxi abbandun ta’ dħul tal-Istat u l-għoti ta’ vantaġġ. Barra minn hekk, mill-punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-miżura kkontestata tissuġġetta l-għoti ta’ liċenzji li jippermettu li jiġu eżerċitati attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard għall-obbligu tad-detenturi ta’ tali liċenzji li jħallsu parti mid-dħul li jirriżulta minn dawn l-attivitajiet esklużivament lil korpi ta’ interess ġenerali jiggarantixxi li l-imsemmija detenturi ma jirċevux iktar mid-dħul minimu neċessarju sabiex ikopru l-ispejjeż tagħhom, flimkien ma’ profitt raġonevoli. Għaldaqstant, fid-dawl tal-eżistenza tal-obbligu impost fuq id-detenturi ta’ liċenzji li jħallsu parti mid-dħul tagħhom lill-korpi ta’ interess ġenerali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura kkontestata ma kinitx tagħti vantaġġ u, għaldaqstant, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (punti 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      B’hekk, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha informazzjoni dwar il-miżura kkontestata li kellha twassalha sabiex tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-logħob tal-ażżard kinitx maħsuba b’mod li torjenta l-ħlas tad-dħul iġġenerat mill-attività tad-detenturi ta’ liċenzji inkwistjoni essenzjalment lejn korpi ta’ interess ġenerali indikati minn dawn il-liċenzji.

47      Fil-fatt, għandu jitfakkar li diġà ġie deċiż li, waqt l-eżami ta’ miżura, il-Kummissjoni tista’ tkun obbligata teżamina jekk vantaġġ jistax jitqies li jkun ingħata indirettament lil operaturi li ma humiex id-destinatarju immedjat tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat. F’dan ir-rigward, il-qorti tal-Unjoni aċċettat ukoll li vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat għal persuni ġuridiċi oħra li kienu impriżi (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020, Germanwings vs Il‑Kummissjoni, T‑716/17, EU:T:2020:181, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan ir-rigward, hemm lok, barra minn hekk, li jiġi rrilevat li l-punt 115 tal-avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jippreċiża li vantaġġ indirett jista’ jingħata lil impriża differenti minn dik li lilha ġew ittrasferiti direttament ir-riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, il-punt 116 tal-imsemmi avviż jipprevedi li l-kunċett ta’ “vantaġġ indirett” ikopri s-sitwazzjoni li fiha l-miżura hija maħsuba b’mod li torjenta l-effetti sekondarji tiegħu lejn impriżi jew gruppi ta’ impriżi identifikabbli. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-miżura kkontestata kinitx tagħti vantaġġ indirett lill-korpi ta’ interess ġenerali.

49      Issa, jista’ biss jiġi osservat li, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni kienet ġiet informata b’din il-parti tal-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-logħob tal-ażżard, id-deċiżjoni kkontestata baqgħet siekta dwar din il-kwistjoni.

50      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, billi jobbligaw lid-detenturi ta’ liċenzji jħallsu parti mid-dħul tagħhom lil korpi ta’ interess ġenerali, l-awtoritajiet Olandiżi jsegwu għanijiet direttament marbuta mal-ordni pubbliku u mal-moralità pubblika, għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk il-korpi assoċjati mal-miżura kkontestata kinux jikkostitwixxu impriżi jew jekk kinux isegwu missjonijiet ta’ servizz pubbliku.

51      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk il-miżura kkontestata kinitx tagħti vantaġġ indirett lill-organizzazzjonijiet li lilhom id-detenturi ta’ liċenzji kellhom iħallsu parti mid-dħul tagħhom. B’dan il-mod, hija eskludiet mingħajr iktar preċiżazzjonijiet li din il-kwistjoni tista’ tqajjem diffikultajiet serji fil-klassifikazzjoni tal-miżura kkontestata bħala għajnuna mill-Istat, liema fatt seta’ jiġi ċċarat biss mill-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, minħabba l-assenza totali ta’ investigazzjoni xierqa mill-Kummissjoni, fl-istadju tal-eżami preliminari, tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura kkontestata kinitx tagħti vantaġġ indirett lil dawn il-korpi, u dan minkejja li l-ħlas ta’ parti mid-dħul iġġenerat mill-attività tad-detenturi ta’ liċenzji lil korpi ta’ interess ġenerali indikati minn dawn il-liċenzji kien jikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi prinċipali tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża, l-assenza ta’ eżami ta’ din il-kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tagħha.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’ sa fejn din tikkonċerna l-ilment ibbażat fuq il-vantaġġi indiretti mogħtija lill-korpi li lilhom id-detenturi ta’ liċenzji għandhom iħallsu parti mid-dħul tagħhom iġġenerat mill-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni parti.

53      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tieni motiv invokat.

 Fuq lispejjeż

54      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

55      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

56      Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 8965 final, tat18 ta’ Diċembru 2020, dwar il-Każ SA.44830 (2016/FC) – Il-Pajjiżi l-Baxxi – Estensjoni tal-liċenzji tal-logħob tal-ażżard fil-Pajjiżi l-Baxxi, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-European Gaming and Betting Association.

3)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Truchot

Kanninen

Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Novembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.