Language of document : ECLI:EU:C:2017:881

Kawża C251/16

Edward Cussens et

vs

T. G. Brosnan

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 4(3)(a) u Artikolu 13B(g) – Eżenzjoni tal-provvista ta’ bini u tal-art li fuqha huwa qiegħed minbarra dik deskritta fl-Artikolu 4(3)(a) – Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi – Applikabbiltà fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dan il-prinċipju – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-22 ta’ Novembru 2017

1.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva – Eżenzjoni tal-provvista ta’ bini u tal-art li fuqha huwa qiegħed – Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi – Applikabbiltà diretta – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix traspożizzjoni ta’ dan il-prinċipju fid-dritt nazzjonali – Assenza ta’ effett – Effetti ratione temporis fuq it-tranżazzjonijiet imwettqa qabel l-istabbiliment ta’ dan il-prinċipju fil-qasam tat-taxxa – Effett retroattiv – Ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Assenza

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(g))

2.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva – Eżenzjoni tal-provvista ta’ bini u tal-art li fuqha huwa qiegħed – Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi – Klassifikazzjoni mill-ġdid tat-tranżazzjonijiet b’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju – Possibbiltà ta’ issuġġettar tat-tranżazzjonijiet li ma jikkostitwixxux prattika abbużiva abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(g))

3.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva – Eżenzjoni tal-provvista ta’ bini u tal-art li fuqha huwa qiegħed – Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi – Kamp ta’ applikazzjoni – Tranżazzjonijiet essenzjalment intiżi għat-tfittxija ta’ vantaġġ fiskali kuntrarju għall-għan tas-Sitt Direttiva – Kriterji – Vantaġġ fiskali li jirriżulta minn kuntratti ta’ kiri konklużi qabel il-bejgħ tal-proprjetà immobbli li taqa’ taħt dawn il-kuntratti – Identifikazzjoni tal-kontenut u tat-tifsira reali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tan-natura purament artifiċjali kif ukoll tar-rabtiet ta’ natura ġuridika, ekonomika u/jew personali bejn l-operaturi inkwistjoni

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(g))

4.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva – Eżenzjoni tal-provvista ta’ bini u tal-art li fuqha huwa qiegħed – Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi – Kamp ta’ applikazzjoni – Proprjetà immobbli li ma kinitx għadha ġiet effettivament użata qabel il-bejgħ tagħha – Inklużjoni – Kundizzjoni – Kisba ta’ vantaġġ fiskali kuntrarju għall-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti – Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(g))

5.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva – Eżenzjoni tal-provvista ta’ bini u tal-art li fuqha huwa qiegħed – Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi – Kamp ta’ applikazzjoni – Proprjetà immobbli li ma kinitx għadha ġiet effettivament użata qabel il-bejgħ tagħha – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(g))

1.      Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’, irrispettivament minn miżura nazzjonali li tagħtih effett fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, jiġi direttament applikat sabiex tiġi rrifjutata l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imwettaq qabel l-għoti tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121), minjgħajr ma l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu dan.

Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi, hekk kif applikat għall-qasam tal-VAT mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Halifax, għandu, għaldaqstant, in-natura ġenerali li hija naturalment inerenti għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Audiolux et, C‑101/08, EU:C:2009:626, punt 50).

Għad hemm lok li jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rifjut ta’ dritt jew ta’ vantaġġ minħabba fatti abbużivi jew frawdolenti huwa biss is-sempliċi konswegwenza tal-konstatazzjoni li, fil-każ ta’ frodi jew ta’ abbuż ta’ dritt, il-kundizzjonijiet oġġettivi meħtieġa għall-finijiet tal-kisba tal-vantaġġ imfittex ma humiex, fir-realtà, issodisfatti u li, għaldaqstant, tali rifjut ma jeħtieġx bażi legali speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 56; Halifax, punt 93, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pometon, C‑158/08, EU:C:2009:349, punt 28).

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi jista’ jiġi invokat fir-rigward ta’ persuna taxxabbli sabiex hija tiġi rrifjutata l-benefiċċju, b’mod partikolari, tad-dritt għal eżenzjoni mill-VAT, anke fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu tali rifjut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Schoenimport “Italmoda” Mariano Previti et, C‑131/13, C‑163/13 u C‑164/13, EU:C:2014:2455, punt 62).

Issa, tali applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2015, Balazs, C‑401/13 u C‑432/13, EU:C:2015:26, punti 49 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 38 sa 40).

Fil-fatt, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża, fejn neċessarju, it-tifsira u l-portata ta’ dan id-dritt, hekk kif għandu jew kellu jinftiehem u jiġi applikat mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Minn dan jirriżulta li, minbarra f’ċirkustanzi għall-kollox eċċezzjonali, li madankollu l-eżistenza tagħhom ma ġietx allegata f’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni hekk interpretat għandu jiġi applikat mill-qorti anke fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar it-talba għal interpretazzjoni, jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq quddiem il-qrati kompetenti tilwima dwar l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt ikunu ssodisfatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław, C‑276/14, EU:C:2015:635, punti 44 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 40).

(ara l-punti 31‑33, 40, 41, 44 u d-dispożittiv 1)

2.      Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill [77/388/KEE], tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandha tiġi interprtata fis-sens li, fil-każ li t-tranżazzjonjiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati mill-ġdid b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi, dawk minn dawn it-tranżazzjonjiet li ma jikkostitwixxux tali prattika jistgħu jiġu suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprevedu tali issuġġettar.

(ara l-punt 51 u d-dispożittiv 2)

3.      Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat, abbażi tal-punt 75 tas-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121), jekk l-għan essenzjali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex jew le l-kisba ta’ vantaġġ fiskali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-kuntratti ta’ kiri preċedenti għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod iżolat.

F’dan ir-rigward, hemm lok li mill-bidu nett jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Halifax ma teħtieġx li jiġi stabbilit li l-kisba ta’ vantaġġ fiskali tikkostitwixxi l-uniku għan tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni. Għalkemm tranżazzjonijiet li esklużivament iridu jilħqu tali għan jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżit li jirriżulta minn din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 45 tas-sentenza tagħha tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service (C‑425/06, EU:C:2008:108), li l-istess japplika meta t-tfittxija ta’ vantaġġ fiskali tikkostitwixxi l-għan essenzjali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni.

Sabiex tiddetermina l-kontenut u t-tifsira reali tal-kuntratti ta’ kiri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tista’, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni n-natura purament artifiċjali ta’ dawn it-tranżazzjonijiet kif ukoll ir-rabtiet ta’ natura ġuridika, ekonomika u/jew personali bejn l-operaturi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Halifax, punti 75 u 81). Tali elementi huma ta’ natura li juru li l-kisba tal-vantaġġ fiskali tikkostitwixxi l-għan essenzjali li jrid jintlaħaq, minkejja l-eżistenza eventwali, barra minn dan, ta’ għanijiet ekonomiċi (sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service, C‑425/06, EU:C:2008:108, punt 62).

(ara l-punti 53, 60, 62 u d-dispożittiv 3)

4.      Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi għandu jiġi interpretat fis-sens li provvisti ta’ proprjetà immobbli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jwasslu għall-kisba ta’ vantaġġ fiskali kuntrarju għall-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE, meta l-proprjetajiet immobbli ma kinux, qabel il-bejgħ tagħhom lil xerrejja terzi, għadhom ġew effettivament użati mill-proprjetarju jew mill-inkwilin tagħhom. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverfika jekk dawn huwiex il-każ fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

Għaldaqstant, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(g) tas-Sitt Direttiva tirrigwarda l-provvisti ta’ proprjetà immobbli li jsiru wara li din il-proprjetà immobbli tkun ġiet effettivament użata mill-proprjetarju tagħha jew mill-inkwilin tagħha. Min-naħa l-oħra, l-ewwel provvista ta’ proprjetà immobbli ġdida lill-konsumatur finali ma hijiex eżenti.

(ara l-punti 72, 75 u d-dispożittiv 4)

5.      Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-eventwali eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ tranżazzjoni ta’ provvista ta’ proprjetà immobbli.

(ara l-punt 80 u d-dispożittiv 5)