Language of document : ECLI:EU:T:2015:509

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Iffissar ta’ kwoti u ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ – Dħul mill-bejgħ rilevanti – Kooperazzjoni maul il-proċedura amministrattiva – Linji gwida dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multi tal‑2006”

Fil-Kawża T‑391/10,

Nedri Spanstaal BV, stabbilita f’Venlo (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata inizjalment minn M. Slotboom u B. Haan, sussegwentement minn M. Slotboom, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Van Nuffel, S. Noë u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Suġġett tat-tilwima

1        Ir-rikors ineżami ġie ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), li timponi sanzjoni fuq akkordju bejn fornituri tal-azzar għall-prestressing (iktar ’il quddiem l-“APS”) li pparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ ffissar ta’ kwoti, ta’ tqassim ta’ klijentela, ta’ ffissar ta’ prezzijiet u ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar il-prezz, il-volum u l-klijenti fuq il-livell Ewropew, fuq il-livell reġjonali u fuq il-livell nazzjonali.

2        Id-deċiżjoni inizjali kienet indirizzata mill-Kummissjoni Ewropea lil:

–        ArcelorMittal SA,

–        ArcelorMittal Wire France SA,

–        ArcelorMittal Fontaine SA,

–        ArcelorMittal Verderio Srl,

–        Emesa-Trefilería, SA (iktar ’il quddiem “Emesa”),

–        Industrias Galycas SA (iktar ’il quddiem “Galycas”),

–        ArcelorMittal España, SA,

–        Trenzas y Cables de Acero PSC, SL (iktar ’il quddiem “Tycsa”),

–        Trefilerías Quijano SA (iktar ’il quddiem “TQ”),

–        Moreda-Riviere Trefilerías SA (iktar ’il quddiem “MRT”),

–        Global Steel Wire, SA (iktar ’il quddiem “GSW”),

–        Socitrel – Sociedade Industrial de Trefilaria, SA (iktar ’il quddiem “Socitrel”),

–        Companhia Previdente – Sociedade de Controle de Participações Financeiras SA (iktar ’il quddiem “Companhia Previdente”),

–        voestalpine Austria Draht GmbH (iktar ’il quddiem “Austria Draht”),

–        voestalpine AG,

–        Fapricela Indústria de Trefilaria, SA (iktar ’il quddiem “Fapricela”),

–        Proderac – Productos Derivados del Acero, SA (iktar ’il quddiem “Proderac”),

–        Westfälische Drahtindustrie GmbH (iktar ’il quddiem “WDI”),

–        Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “WDV”),

–        Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Pampus”),

–        Nedri Spanstaal BV (iktar ’il quddiem “Nedri”), ir-rikorrenti,

–        Hit Groep BV,

–        DWK Drahtwerk Köln GmbH, Saarstahl AG (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “DWK”),

–        Ovako Hjulsbro AB,

–        Ovako Dalwire Oy AB,

–        Ovako Bright Bar AB,

–        Rautaruukki Oyj,

–        Italcables SpA (iktar ’il quddiem “ITC”),

–        Antonini SpA,

–        Redaelli Tecna SpA (iktar ’il quddiem “Redaelli”),

–        CB Trafilati Acciai SpA (iktar ’il quddiem “CB”),

–        ITAS – Industria Trafileria Applicazioni Speciali SpA (iktar ’il quddiem “Itas”),

–        Siderurgica Latina Martin SpA (iktar ’il quddiem “SLM”),

–        Ori Martin SA,

–        Emme Holding SpA, li kellha u li mbagħad reġgħet ingħatat l-isem Trafileria Meridionali SpA (iktar ’il quddiem “Trame”).

3        Id-deċiżjoni inizjali ġiet emendata darbtejn mill-Kummissjoni.

4        L-ewwel nett, il-Kummissjoni adottat, fit-30 ta’ Settembru 2010, id-Deċiżjoni C (2010) 6676 finali, li temenda d-deċiżjoni inizjali (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ta’ emenda”). Essenzjalment, l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda kellha l-effett li tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq il-kumpanniji segwenti: ArcelorMittal Verderio, ArcelorMittal Fontaine u ArcelorMittal Wire France, ArcelorMittal España, WDI u WDV.

5        L-ewwel deċiżjoni ta’ emenda kienet indirizzata lid-destinatarji kollha tad-deċiżjoni inizjali.

6        It-tieni nett, il-Kummissjoni adottat, fl-4 ta’ April 2011, id-Deċiżjoni C (2011) 2269 finali, li temenda d-deċiżjoni inizjali (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ emenda”). Essenzjalment, it-tieni deċiżjoni ta’ emenda kellha l-effett, b’mod partikolari, li tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq il-kumpanniji segwenti: minn naħa, ArcelorMittal, ArcelorMittal Verderio, ArcelorMittal Fontaine u ArcelorMittal Wire France, u, min-naħa l-oħra, SLM u Ori Martin. Dawn il-kumpanniji biss kienu d-destinatarji tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

7        It-tieni deċiżjoni ta’ emenda ġiet ikkomunikata lill-kumpanniji kollha li ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni inizjali, fejn kien il-każ fuq l-inizjattiva tal-Qorti Ġenerali.

8        Il-Qorti Ġenerali staqsiet lil Nedri dwar il-konsegwenzi li jistgħu jinstiltu minn dawn l-emendi tad-deċiżjoni inizjali fuq il-kontenut tal-argumenti tagħha u kellha l-possibbiltà taġġusta l-motivi u t-talbiet tagħha sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li jista’ jkun hemm.

9        B’hekk, id-deċiżjoni inizjali, kif emendata bl-ewwel u bit-tieni deċiżjoni ta’ emenda, tikkostitwixxi, għall-finijiet tar-rikors ineżami, id-“deċiżjoni kkontestata”.

10      Ġew ippreżentati tmienja u għoxrin rikors kontra d-deċiżjoni inizjali, l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, it-tieni deċiżjoni ta’ emenda jew l-ittri indirizzati mill-Kummissjoni sussegwentement għal talbiet imressqa minn uħud mid-destinatarji tad-deċiżjoni inizjali intiżi sabiex issir evalwazzjoni ġdida tal-kapaċità tagħhom li jħallsu (Kawżi T‑385/10, ArcelorMittal Wire France et vs Il-Kummissjoni, T‑388/10, Productos Derivados del Acero vs Il-Kummissjoni, T‑389/10, SLM vs Il-Kummissjoni, T‑391/10, Nedri Spanstaal vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑398/10, Fapricela vs Il‑Kummissjoni, T‑399/10, ArcelorMittal España vs Il-Kummissjoni, T‑406/10, Emesa-Trefilería u Industrias Galycas vs Il-Kummissjoni, T‑413/10, Socitrel vs Il‑Kummissjoni, T‑414/10, Companhia Previdente vs Il-Kummissjoni, T‑418/10, voestalpine u voestalpine Wire Rod Austria vs Il-Kummissjoni, T‑419/10, Ori Martin vs Il-Kummissjoni, T‑422/10, Trafilerie Meridionali vs Il‑Kummissjoni, T‑423/10, Redaelli Tecna vs Il-Kummissjoni, T‑426/10, Moreda-Riviere Trefilerías vs Il-Kummissjoni, T‑427/10, Trefilerías Quijano vs Il‑Kummissjoni, T‑428/10, Trenzas y Cables de Acero vs Il-Kummissjoni, T‑429/10, Global Steel Wire vs Il-Kummissjoni, T‑436/10, Hit Groep vs Il‑Kummissjoni, T‑575/10, Moreda-Riviere Trefilerías vs Il-Kummissjoni, T‑576/10, Trefilerías Quijano vs Il-Kummissjoni, T‑577/10, Trenzas y Cables de Acero vs Il-Kummissjoni, T‑578/10, Global Steel Wire vs Il-Kummissjoni, T‑438/12, Global Steel Wire vs Il-Kummissjoni, T‑439/12, Trefilerías Quijano vs Il-Kummissjoni, T‑440/12, Moreda-Riviere Trefilerías vs Il-Kummissjoni, T‑441/12, Trenzas y Cables de Acero vs Il-Kummissjoni, T‑409/13, Companhia Previdente u Socitrel vs Il-Kummissjoni).

 Il-fatti li wasslu għat-tilwima

 Is-settur li huwa s-suġġett tal-proċedura

 Il-prodott

11      L-akkordju li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni imponiet sanzjoni kien jikkonċerna l-APS. Din l-espressjoni tirreferi għal kejbils metalliċi u għal strands ta’ vireg magħmula minn fili (“wire rod”) u, b’mod partikolari, minn naħa, l-azzar għal konkrit li jitqiegħed taħt pressjoni qabel jifforma, liema konkrit jintuża fil-kostruzzjoni ta’ gallariji, pedamenti jew xaftijiet u, min-naħa l-oħra, l-azzar għal konkrit li jitqiegħed taħt pressjoni wara li jifforma, liema konkrit jintuża fl-arkitettura industrijali, fl-arkitettura taħt l-art jew għall-kostruzzjoni ta’ pontijiet (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Il-firxa ta’ prodotti magħmula minn APS tinkludi diversi tipi ta’ kejbils b’fil wieħed (pereżempju, kejbils lixxi, li jleqqu jew iggalvanizzati, bi profil, b’linji mqabbża) kif ukoll diversi tipi ta’ strands (pereżempju strands li jleqqu, bi profil, miksija bil-politin jew metalliċi). L-istrands magħmula minn APS huma fformati bi tliet jew b’seba’ fili. L-APS jinbiegħ b’diversi dijametri. Madankollu, l-istrands speċjali, jiġifieri l-istrands iggalvanizzati jew miksija – b’lubrikant jew bix-xema’ –, u l-hekk imsejħa guy-wires, jiġifieri l-istrands iggalvanizzati u miksija u l-kejbils iggalvanizzati użati fil-kostruzzjoni ta’ pontijiet, ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni (premessi 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fid-deċiżjoni kkontestata huwa indikat ukoll li, f’diversi pajjiżi, hija meħtieġa approvazzjoni teknika maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-proċeduri li jwasslu għal din l-approvazzjoni jeħtieġu madwar sitt xhur (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

 L-istruttura tal-offerta

14      Ikkunsidrati flimkien u skont id-deċiżjoni kkontestata, il-membri tal-akkordju kienu jikkontrollaw madwar 80 % tal-bejgħ fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, diversi mill-ikbar produtturi kienu preżenti flimkien ma’ numru ta’ produtturi lokali. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-ikbar produtturi kienu jagħmlu parti minn gruppi metallurġiki li jipproduċu wkoll il-vireg magħmula minn diversi fili, li huma materja prima tal-APS u li jikkostitwixxu l-element prinċipali tal-prezz tiegħu. Filwaqt li l-impriżi li ma kinux integrati kellhom jixtru l-materja prima tagħhom fis-suq, l-impriżi integrati kienu ġeneralment jiddependu fuq il-possibbiltajiet ta’ provvista interni għall-grupp tagħhom. Matul il-perijodu kollu tal-akkordju kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, l-industrija ddikjarat kapaċitajiet eċċessivi sostanzjali u dewwiema ta’ APS (premessi 98 u 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Fl-2001, il-valur tal-bejgħ ta’ APS fi ħdan iż-ŻEE kien ammonta għal madwar EUR 365 miljun għal volum totali viċin is-600 000 tunnellata matul din l-istess sena. Dan il-bejgħ kien jikkonċerna, fir-rigward ta’ 20 sa 25 % tiegħu, il-fili ta’ APS u, fir-rigward ta’ 75 sa 80 % tiegħu, l-istrands ta’ APS, liema medji kienu jvarjaw ftit skont kull pajjiż. L-Italja kienet il-pajjiż bl-ikbar konsum ta’ APS (madwar 28 % tal-bejgħ ta’ APS fi ħdan iż-ŻEE). Pajjiżi oħra li kienu konsumaturi kbar kienu Spanja (16 %) kif ukoll il-Pajjiżi l-Baxxi, Franza, il-Ġermanja u l-Portugall (8 sa 10 % kull wieħed) (premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata).

 L-istruttura tad-domanda

16      Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-istruttura tad-domanda għal APS kienet eteroġenea ħafna. Il-fabbrikanti ta’ materjali għall-kostruzzjoni prefabbrikati u l-impriżi ta’ inġinerija speċjalizzati kienu jużaw l-APS, pereżempju f’kostruzzjonijiet intiżi sabiex jiġu stabbilizzati l-bini jew il-pontijiet. Il-klijentela kienet komposta min-numru żgħir ħafna ta’ klijenti kbar – pereżempju Addtek International Oy AB (iktar ’il quddiem “Addtek”), li sadanittant saret Consolis Oy AB, li kienet tirrappreżenta bejn 5 u 10 % tal-konsum ta’ APS fi ħdan l-Unjoni Ewropea – u min-numru kbir ta’ klijenti iżgħar (premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      L-użanzi kummerċjali kienu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Il-produtturi ta’ APS u l-klijenti tagħhom kienu ħafna drabi jikkonkludu kuntratti qafas għal sitt xhur jew għal tnax-il xahar. B’hekk, skont id-domanda, il-klijenti kienu jordnaw tunnellati li kienu jaqgħu fil-firxa tal-volum miftiehem bil-prezz miftiehem. Il-kuntratti kienu jiġġeddu regolarment wara negozjati ġodda (premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u ż-ŻEE

18      Skont kif jingħad fid-deċiżjoni kkontestata, il-volumi ta’ bejgħ ta’ APS matul il-perijodu kkonċernat mill-akkordju juru li l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni kien intensiv. APS ġie prodott u kkummerċjalizzat fiż-ŻEE kollha, inkluż fin-Norveġja (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Nedri u l-kumpannija parent tagħha Hit Groep

19      Nedri hija produttur ta’ APS.

20      Bejn l-1969 u l-1994, Nedri kienet taħt il-kontroll dirett jew indirett ta’ Hoogovens Groep BV. Mill-1 ta’ Mejju 1987 sat-28 ta’ Frar 1994, dan il-kontroll kien ġie eżerċitat permezz tal-kumpannija Hoogovens Industriële Toeleveringsbedrijf BV, li kellha 100 % tal-azzjonijiet f’Nedri.

21      Fit-28 ta’ Frar 1994, Hoogovens Groep biegħet din il-kumpannija, inkluż lil Nedri li kienet sussidjarja 100 % tagħha, lil tliet impriżi. F’dan il-kuntest, l-isem tal-kumpannija Hoogovens Industriële Toeleveringsbedrijf inbidel għal Hit Groep BV, li baqgħat iżżomm 100 % tal-azzjonijiet f’Nedri.

22      Bejn l-1 ta’ Mejju 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1997, Nedri kienet miżmuma 100 % bħala sussidjarja ta’ Nedri Draht Beteiligungs GmbH, li min-naħa tagħha kienet miżmuma 70 % minn Hit Groep u 30 % minn Thyssen Draht AG.

23      Bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002, Hit Groep reġa’ kellha l-100 % tal-azzjonijiet f’Nedri.

24      Fis-17 ta’ Jannar 2002, Nedri nbiegħet lil Vadeho III BV.

25      Inqas minn xahar wara, fil-15 ta’ Frar 2002, Vadeho III biegħet 95 % mis-sehem tagħha fil-kapital ta’ Nedri lil investituri privati u l-5 % l-oħra lill-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Nedri. Permezz ta’ ftehim tas-6 ta’ Mejju 2003, Nedri assumiet l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ WDI fir-rigward tal-APS. Mill-14 ta’ Mejju 2003, WDI għandha sehem ta’ 30 % fil-kapital ta’ Nedri u mill-20 ta’ Novembru 2006, Ovako Holdings B.V., li min-naħa tagħha hija miżmuma 100 % minn Pampus Stahlbeteiligungs GmbH, għandha 70 % mill-kapital ta’ Nedri.

26      Id-dħul mill-bejgħ ta’ Nedri fir-rigward tal-APS fl-2001 fi ħdan iż-ŻEE kien jammonta għal EUR 31 641 636. Id-dħul mill-bejgħ mondjali kkonsolidat tagħha fl-2009 kien ta’ EUR 67 420 000.

 Il-proċedura amministrattiva

27      Fid-9 ta’ Jannar 2002, il-Bundeskartellamt (awtorità tal-kompetizzjoni Ġermaniża) bagħtet lill-Kummissjoni dokumenti dwar kawża pendenti quddiem qorti tax-xogħol lokali Ġermaniża, li kienet tikkonċerna t-tkeċċija ta’ ex impjegat ta’ WDI. Dan l-impjegat kien qiegħed isostni li kien involut fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tal-APS. F’dan il-kuntest, huwa kien ipprovda lista tal-impriżi implikati u informazzjoni preliminari dwar il-ksur (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata).

 L-ewwel talba għal klemenza u immunità mogħtija lil DWK

28      Fit-18 ta’ Ġunju 2002, DWK bagħtet lill-Kummissjoni memorandum dwar ksur tal-Artikolu 101 TFUE li kien jikkonċerna l-APS u li fih kienet involuta hija stess kif ukoll impriżi oħra. F’dan il-kuntest, DWK speċifikat li kienet qiegħda tittama li tibbenefika mill-Avviż tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002 dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-klemenza”) (premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Fit-3 ta’ Lulju 2002, ir-rappreżentanti ta’ DWK iltaqgħu mal-Kummissjoni u ddiskutew il-proċedura ta’ klemenza. Fid-19 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni tat lil DWK l-immunità kundizzjonali minn multi taħt il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-klemenza, peress li kienet l-ewwel waħda li pprovdiet provi li setgħu jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE li jikkonċerna allegat akkordju bejn produtturi ta’ APS fl-Unjoni kollha (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ispezzjonijiet u talbiet għal informazzjoni

30      Fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni wettqet verifiki fil-bini, b’mod partikolari, ta’ WDI, ta’ DWK, ta’ Tycsa, ta’ Nedri, ta’ ITC, ta’ Redaelli, ta’ Itas, ta’ SLM u ta’ Edilsider (il-kumpannija ta’ persuna responsabbli għall-bejgħ ta’ Tréfileurope Italia Srl, li saret ArcelorMittal Verderio), kif ukoll fil-bini tas-sussidjarji jew tal-impriżi relatati rispettivi tagħhom, inkonformità mal-Artikolu 14(2) jew (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) (premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Mid-19 ta’ Settembru 2002 ’il quddiem, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni, inkonformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u mal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni inizjali, lill-kumpanniji parent tagħhom, lil impriżi oħra, lil ċerti persuni (impjegat irtirat ta’ Redaelli u sussegwentement konsulent kummerċjali, u aġent tal-bejgħ ta’ Tréfileurope Italia, permezz ta’ Edilsider) u lil ċerti assoċjazzjonijiet professjonali (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Fis-7 u fit-8 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni wettqet spezzjoni, inkonformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, fl-uffiċċju (“studio”) ta’ membru tal-familja ta’ ex impjegat ta’ Redaelli (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Talbiet oħra għal klemenza u r-risposti mogħtija mill-Kummissjoni

33      Fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti kumpanniji, bħal ITC, Nedri, SLM, Redaelli u WDI, ressqu talbiet uffiċjali għal klemenza taħt l-Avviż dwar il-klemenza. Tycsa kkonfermat l-eżistenza ta’ arranġamenti antikompetittivi iżda ma ressqitx talba għal klemenza (premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      ITC talbet il-klemenza fil-21 ta’ Settembru 2002, filwaqt li ppreżentat provi kontemporanji dwar il-laqgħat li nżammu bejn il-produtturi ta’ APS bejn l-1979 u l-2002. Fil-11 ta’ Novembru 2002, hija ppreżentat ukoll dikjarazzjoni ta’ impriża. Fl-10 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni tat lil ITC tnaqqis provviżorju tal-multi ta’ bejn 30 u 50 %, bil-kundizzjoni li tkompli tosserva l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 21 tal-Avviż dwar il-klemenza (premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Fis-17 ta’ Ottubru 2002, Tycsa wieġbet għal talba għal informazzjoni filwaqt li rrikonoxxiet il-fatti u pprovdiet provi li kienu jinkriminawha. Fil-21 ta’ Ottubru 2002, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni, Redaelli ppreżentat provi li kienu jinkriminawha u, fl-20 ta’ Marzu 2003, talbet uffiċjalment sabiex tibbenefika mill-Avviż dwar il-klemenza. Fit-23 ta’ Ottubru 2002, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni, Nedri ppreżentat provi filwaqt li talbet li tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza. Fit-30 ta’ Ottubru 2002, filwaqt li wieġbet għal talba għal informazzjoni, SLM talbet tnaqqis tal-ammont tal-multi. Fl-4 ta’ Novembru 2002 u, sussegwentement, fis-6 ta’ Marzu 2003 u fil-11 ta’ Ġunju 2003, Tréfileurope ppreżentat informazzjoni li kienet tinkrimina lilha nnifisha bi tweġiba għal talba għal informazzjoni, kif ukoll dikjarazzjoni ta’ impriża intiża li tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza. Fis-17 ta’ Marzu 2004, Galycas wieġbet għal talba għal informazzjoni u rrikonoxxiet il-fatti filwaqt li għamlet ċerti dikjarazzjonijiet inkriminanti. Fid-19 ta’ Mejju 2004, WDI ppreżentat dikjarazzjoni ta’ impriża intiża li tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza. Fit-28 ta’ Ġunju 2007, fil-kuntest ta’ kuntatti oħra mal-Kummissjoni, ArcelorMittal ippreżentat talba għal klemenza li kienet tinkludi prinċipalment in-noti miktuba bl-idejn kontemporanji li jkopru l-perijodu bejn l-1992 u l-2002 ta’ ex impjegat ta’ Emesa (premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      B’reazzjoni għat-talbiet għal klemenza, il-Kummissjoni bagħtet lil Nedri u lil WDI ittra bid-data tad-19 ta’ Settembru 2008 li permezz tagħha informathom li l-immunità mill-multi ma kinitx disponibbli u li kellha l-intenzjoni, skont il-punt 26 tal-Avviż dwar il-klemenza, li tapplika tnaqqis tal-multi fil-limiti previsti fil-punt 23(b) ta’ dan l-avviż. Fl-istess jum, il-Kummissjoni bagħtet ukoll ittra lil Redaelli u lil SLM fejn ċaħdet it-talba tagħhom għal klemenza (premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ftuħ tal-proċedura u dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

37      Fit-30 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ diversi kumpanniji, fosthom Nedri.

38      Id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentaw kummenti bil-miktub bi tweġiba għall-oġġezzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni.

 Aċċess għall-fajl u smigħ

39      Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellhom l-opportunità jiksbu aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-forma ta’ kopja fuq DVD. Fl-istess ħin, il-kumpanniji rċevew ukoll lista li telenka d-dokumenti inklużi fil-fajl ta’ investigazzjoni u li tindika l-livell ta’ aċċessibbiltà ta’ kull dokument. Huma ġew informati li d-DVD kien jagħtihom aċċess totali għad-dokumenti kollha li l-Kummissjoni kien irnexxielha tikseb matul l-investigazzjoni, ħlief għal dokumenti jew għal partijiet minn dokumenti li kien fihom sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra. L-aċċess għad-dokumenti marbuta mal-klemenza ngħata fil-bini tal-Kummissjoni.

40      Hit Groep kisbet aċċess għall-parti mit-tweġiba ta’ Nedri għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tikkonċerna r-responsabbiltà tal-kumpannija parent u, fid-19 ta’ Diċembru 2008, Nedri kisbet aċċess għall-parti tat-tweġiba ta’ Hit Groep għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tikkonċerna r-responsabbiltà tal-kumpannija parent.

41      Fil-11 u fit-12 ta’ Frar 2009 inżamm smigħ. L-impriżi destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ħlief għal HIT Groep, Emesa u Galycas, ipparteċipaw f’dan is-smigħ.

42      Erbatax-il impriża invokaw ukoll inkapaċità li jħallsu fis-sens tal-punt 35 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”). Huma ppreżentaw ġustifikazzjonijiet insostenn ta’ din it-talba.

 Talbiet komplementari għal informazzjoni

43      Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil GSW, lil MRT, lil Tycsa, lil TQ, lil Companhia Previdente u lil Socitrel, sabiex jiġu kkjarifikati ċerti punti dwar, b’mod partikolari, l-istruttura ta’ impriża tagħhom. Dawn il-kumpanniji wieġbu bejn is-6 ta’ Marzu u l-15 ta’ April 2009.

44      Il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni lid-destinatarji kollha tad-deċiżjoni inizjali sabiex jiġi stabbilit, minn naħa, il-valur tal-bejgħ tal-prodotti rilevanti u, min-naħa l-oħra, id-dħul mill-bejgħ tal-gruppi. Id-destinatarji kollha wieġbu għal dawn it-talbiet.

 Id-deċiżjoni kkontestata

45      Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna akkordju bejn fornituri ta’ APS li pparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ ffissar ta’ kwoti, ta’ tqassim ta’ klijentela, ta’ ffissar ta’ prezzijiet u ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar il-prezz, il-volum u l-klijenti fuq il-livell Ewropew, fuq il-livell reġjonali u fuq il-livell nazzjonali. Skont il-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn l-impriżi b’hekk wettqu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) TFUE u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. L-aġir illegali seħħ minn tal-inqas mill-bidu tas-sena 1984 u kompla sad-19 ta’ Settembru 2002.

46      L-investigazzjoni implikat 18-il impriża. Fil-premessi 122 sa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, l-arranġamenti tal-akkordju li kienu s-suġġett tal-proċedura huma deskritti f’termini ġenerali. Dawn il-premessi huma rriprodotti fil-qosor fil-punti li ġejjin sa fejn il-fatti li huma deskritti fihom jippermettu komprensjoni aħjar tal-kuntest tat-tilwima.

47      Sa minn tal-inqas mill-ewwel nofs tas-snin 80 (1984) u sa meta saru l-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002, diversi impriżi attivi fis-settur tal-APS kienu parzjalment jew konstantament involuti f’arranġamenti pan-Ewropej li kienu jikkonsistu f’fażi msejħa “ta’ Zurich” u f’fażi msejħa “Ewropea” jew f’arranġamenti nazzjonali jew reġjonali skont il-każ. L-arranġamenti pan-Ewropej u l-arranġamenti nazzjonali jew reġjonali kellhom l-istess għan globali li jinżamm il-bilanċ sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-prezzijiet fuq suq Ewropew li kien qiegħed jinbidel u li kien ikkaratterizzat minn kapaċitajiet ta’ produzzjoni eċċessivi. Għaldaqstant, l-impriżi kontinwament ipprovaw jevitaw kompetizzjoni qawwija fuq is-suq nazzjonali tagħhom jew fuq is-swieq ta’ esportazzjoni billi kkonkludew ftehimiet dwar kwoti, prezzijiet jew attribuzzjoni ta’ klijentela.

 Il-club Zurich u l-ftehimiet reġjonali

48      L-ewwel fażi tal-ftehim pan-Ewropew hija msejħa “club Zurich”. F’dan il-kuntest, mill-1 ta’ Jannar 1984 sad-9 ta’ Jannar 1996, b’reazzjoni għal pressjoni qawwija fuq il-prezzijiet li kien hemm dak iż-żmien, Tréfileurope SA, Nedri, WDI, DWK – jew il-predeċessuri tagħhom – u Redaelli – li kienet tirrappreżenta diversi impriżi Taljani oħra (minn tal-inqas fl-1993 u fl-1995) – iffissaw kwoti skont il-pajjiż (il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija u l-Benelux), qasmu l-klijenti, stabbilixxew prezzijiet u skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Ma’ dawn il-kumpanniji ngħaqdu l-produtturi Spanjoli, Emesa, fl-1992, u Tycsa, fl-1993 – li, f’dak l-istess żmien, kienu wkoll bdew jiltaqgħu, fir-rigward tas-suq Iberiku, inizjalment ma’ produtturi Spanjoli u sussegwentement ma’ produtturi Portugiżi, fi ħdan il-“club España”. Matul is-snin 80, il-laqgħat tal-club Zurich inżammu essenzjalment f’Zurich (l-Isvizzera) u, fis-snin 90, f’Düsseldorf (il-Ġermanja).

49      Sa mhux iktar tard mit-23 ta’ Jannar 1995 u matul il-bqija tas-sena 1995, l-impriżi Taljani Redaelli, ITC, CB u Itas (fejn l-aħħar tlieta kienu ħafna drabi rrappreżentati minn Redaelli) innegozjaw ftehim (irrevedut) ta’ kwoti mal-produtturi l-oħra tal-club Zurich li kellu jirregola l-bejgħ tal-produtturi Taljani u tal-produtturi l-oħra tal-club Zurich fl-Italja u fil-bqija tal-Ewropa. Fl-aħħar mill-aħħar ma seta’ jintlaħaq ebda ftehim peress li l-kwoti għall-esportazzjoni mitluba mill-produtturi Taljani tqiesu li kienu għolja wisq. Dan wassal għax-xoljiment tal-club Zurich, li l-aħħar laqgħa kkonfermata tiegħu nżammet fid-9 ta’ Jannar 1996.

50      Madankollu, fil-5 ta’ Diċembru 1995, l-impriżi Taljani Redaelli, ITC, CB u Itas ikkonkludew bejniethom ftehim li jiffissa l-kwoti kemm fi ħdan is-suq Taljan u kemm fir-rigward tal-esportazzjonijiet mill-Italja lejn il-bqija tal-Ewropa (il-“club Italia”). Sussegwentement, dawn l-impriżi Taljani (reġgħu) ingħaqdu minn Tréfileurope u Tréfileurope Italia, SLM, Trame, Tycsa, DWK u Austria Draht. Il-laqgħat kienu jinżammu regolarment sabiex tiġi ssorveljata l-eżekuzzjoni tal-arranġament dwar il-kwoti, sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet (inkluża taxxa addizzjonali msejħa “suppliment”), sabiex titqassam il-klijentela u sabiex tiġi skambjata informazzjoni kummerċjali sensittiva, u dawn il-laqgħat baqgħu jinżammu sa meta saret l-ispezzjoni mill-Kummissjoni. Dawn il-kumpanniji użaw sistema ta’ sorveljanza ssofistikata bl-intervent ta’ terzi indipendenti li kienu jikkontrollaw regolarment il-prezzijiet u l-volum reali mibjugħ lill-klijenti fl-Italja.

51      Kienet teżisti koordinazzjoni speċifika bejn il-club Zurich u l-club Italia. Redaelli, u sussegwentement Tréfileurope, kienet iżżomm informati lill-membri tal-arranġament pan-Ewropew. Min-naħa tagħhom, il-parteċipanti tal-club Italia kienu wkoll informati dwar l-iżviluppi rilevanti tal-arranġament pan-Ewropew permezz ta’ Redaelli, u mbagħad permezz ta’ Tréfileurope, ta’ DWK u ta’ Tycsa, li kienu jipparteċipaw fiż-żewġ clubs.

52      Fl-istess ħin, matul is-sena 1996 kollha, l-impriżi Taljani (minn tal-inqas Redaelli, CB, ITC u Itas), Tycsa u Tréfileurope nnegozjaw u lejn l-aħħar tal-1996 laħqu ftehim speċifiku intitolat “ftehim tan-Nofsinhar”, li kien jistabbilixxi r-rata ta’ penetrazzjoni ta’ kull wieħed mill-parteċipanti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar (il-Belġju, Spanja, Franza, l-Italja u l-Lussemburgu) u kien jinkludi impenn min-naħa tagħhom li jinnegozjaw flimkien il-kwoti mal-produtturi l-oħra tal-Ewropa tat-Tramuntana.

 Il-club Europe u ftehimiet reġjonali

53      Sabiex jegħlbu l-kriżi tal-club Zurich, l-ex parteċipanti ta’ dan il-club (madankollu b’parteċipazzjoni inqas regolari min-naħa tal-produtturi Taljani, b’mod partikolari min-naħa ta’ Redaelli) komplew xorta waħda jiltaqgħu regolarment bejn Jannar 1996 u Mejju 1997. Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK, Tycsa u Emesa (iktar ’il quddiem il-“membri permanenti”) fl-aħħar adottaw, f’Mejju 1997, arranġament pan-Ewropew irrevedut li permezz tiegħu qassmu l-kwoti li kienu kkalkolati fuq il-bażi ta’ reġjun ta’ referenza u ta’ perijodu ta’ referenza speċifiċi (mir-raba’ trimestru tal-1995 sal-ewwel trimestru tal-1997). Din it-tieni fażi tal-arranġament pan-Ewropew hija msejħa “club Europe”.

54      Barra minn hekk, il-membri permanenti qasmu bejniethom il-klijentela u ffissaw il-prezzijiet tal-prodotti (b’mod speċifiku kemm skont il-pajjiż u kemm skont il-klijent). Huma qablu dwar regoli ta’ koordinazzjoni li kienu jinkludu l-ħatra ta’ koordinaturi responsabbli għall-implementazzjoni tal-arranġamenti skont il-pajjiż u għall-koordinazzjoni ma’ impriżi interessati oħra, li huma attivi f’dawn l-istess pajjiżi jew li jikkonċernaw l-istess klijenti. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tagħhom iltaqgħu regolarment fuq livelli differenti (diretturi u rappreżentanti tal-bejgħ), sabiex jissorveljaw l-implementazzjoni tal-arranġamenti. Huma skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-aġir kummerċjali miftiehem, kienet tiġi applikata sistema ta’ kumpens adegwat.

55      Fil-kuntest ta’ dan l-arranġament pan-Ewropew, il-membri permanenti, li okkażjonalment kienu jingħaqdu magħhom il-produtturi Taljani u Fundia Hjulsbro AB (iktar ’il quddiem “Fundia”), kienu jżommu wkoll kuntatti bilaterali (jew multilaterali) u kienu jipparteċipaw fl-iffissar tal-prezzijiet u fl-attribuzzjoni ta’ klijentela fuq bażi ad hoc, meta kien ikun hemm interess li jsir dan (fuq il-bażi tal-preżenza tagħhom fis-suq diskuss).

56      Matul il-perijodu bejn, minn tal-inqas, Settembru 2000 u l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni, f’Settembru 2002, il-membri permanenti kif ukoll ITC, CB, Redealli, Itas u SLM iltaqgħu regolarment bil-għan li l-impriżi Taljani jiġu integrati bħala membri permanenti fil-club Europe.

57      Matul l-istess perijodu, minbarra l-iffissar ta’ kwoti ġenerali għal kull żona ġeografika, ġie diskuss ukoll it-tqassim tal-kwoti għal kull klijent. L-impriża li normalment kienet tikkoordina suq nazzjonali partikolari kellha tiġġestixxi wkoll in-negozjati għal attribuzzjoni ddettaljata tal-kwoti għal kull klijent stabbilit f’dan il-pajjiż.

58      Minbarra l-produtturi Taljani, il-membri tal-club Europe ppruvaw jintegraw ukoll bħala membri permanenti lill-produtturi kbar l-oħra ta’ APS li magħhom kellhom arranġamenti jew li magħhom kellhom kuntatti bilaterali jew multilaterali fil-passat u ppruvaw ukoll jiddistribwixxu mill-ġdid il-kwoti Ewropej għal kull pajjiż, kif kien isir fil-kuntest tal-club Zurich.

59      Fl-istess żmien bħall-arranġament pan-Ewropew u bħall-club Italia, ħames impriżi Spanjoli, TQ, Tycsa, Emesa, Galycas u Proderac (din tal-aħħar b’effett minn Mejju 1994) u żewġ impriżi Portugiżi, Socitrel b’effett minn April 1994, u Fapricela b’effett minn Diċembru 1998, ftehmu, fir-rigward ta’ Spanja u tal-Portugall, li jżommu s-sehem tas-suq tagħhom stabbli u li jiffissaw kwoti, li jqassmu bejniethom il-klijenti, inklużi l-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, u li jiffissaw il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet għall-ħlas. Barra minn hekk, huma skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva (club España).

60      L-arranġamenti pan-Ewropej u reġjonali (club Italia/club España/ftehim tan-Nofsinhar) baqgħu fis-seħħ sal-mument tal-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’Settembru 2002.

61      Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ Nedri, il-Kummissjoni tikkonstata li din ipparteċipat direttament fl-akkordju mill-1 ta’ Jannar 1984 sad-19 ta’ Settembru 2002 (premessa 802 tad-deċiżjoni kkontestata).

62      Il-Kummissjoni tindika wkoll li Hit Groep kellha direttament jew indirettament il-kapital kollu ta’ Nedri bejn l-1 ta’ Mejju 1987 u l-1 ta’ Mejju 1994 u bejn il-31 ta’ Diċembru 1997 u s-17 ta’ Jannar 2002. Fir-rigward tal-perijodu intermedju, li matulu Nedri kienet tappartjeni lil Nedri Draht Beteiligungs, li min-naħa tagħha kienet miżmuma 70 % minn Hit Groep u 30 % minn Thyssen Draht, il-Kummissjoni tindika li ma għandhiex biżżejjed provi li jistabbilixxu li Hit Groep kienet eżerċitat jew setgħet teżerċita influwenza determinanti fuq Nedri. Għaldaqstant, hija ma żżommx lil Hit Groep responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Nedri fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1997 (premessa 804 tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Fil-premessi 805 sa 812 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tassumi li Hit Groep, li kellha 100 % tal-azzjonijiet f’Nedri bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002, eżerċitat influwenza determinanti fuq Nedri u tiċħad l-argumenti ta’ Hit Groep intiżi sabiex tirribatti din il-preżunzjoni.

64      Fl-Artikolu 1(9) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li Nedri u Hit Groep kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw, mill-1 ta’ Jannar 1984 sad-19 ta’ Settembru 2002, fir-rigward ta’ Nedri, u mill-1 ta’ Jannar 1998 sas-17 ta’ Jannar 2002, fir-rigward ta’ Hit Groep, f’sett sħiħ ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-APS.

65      Fl-Artikolu 2(9) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni timponi, minn naħa, multa ta’ EUR 5 056 500 fuq Nedri u Hit Groep in solidum u, min-naħa l-oħra, multa ta’ EUR 1 877 500 fuq Hit Groep.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

66      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Settembru 2010, Nedri fetħet il-kawża ineżami.

67      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha t-tieni deċiżjoni ta’ emenda. Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba fis-16 ta’ Ġunju 2011.

68      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Lulju 2011, Nedri indikat li ma xtaqietx taġġusta l-motivi tagħha sussegwentement għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

69      Il-proċedura bil-miktub intemmet fil-15 ta’ Diċembru 2011 bil-preżentata, mill-Kummissjoni, ta’ rettifika għall-kontroreplika.

70      Wara bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali b’effett mit-23 ta’ Settembru 2013, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha għaldaqstant din il-kawża ġiet assenjata fit-3 ta’ Ottubru 2013.

71      Ir-rapport preliminari msemmi fl-Artikolu 52(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 ġie kkomunikat lis-Sitt Awla fit-8 ta’ Novembru 2013.

72      Fis-17 ta’ Diċembru 2013, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsija bil-miktub lir-rikorrenti fir-rigward tal-eventwali riperkussjonijiet tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, Ġabra, EU:C:2013:522), fuq l-ewwel motiv imressaq insostenn tar-rikors tagħha. Ir-rikorrenti wieġbet għal din it-talba.

73      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2014, Nedri rrinunzjat għall-ewwel motiv imressaq insostenn tar-rikors tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

74      Fl-14 ta’ Mejju 2014, fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

75      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2014.

76      Nedri titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(9) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċerna l-perijodu li fir-rigward tiegħu tiddaħħal inkwistjoni r-responsabbiltà ta’ Hit Groep;

–        tannulla l-Artikolu 2(9) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċerna l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

77      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

78      Nedri tressaq żewġ motivi insostenn tat-talba għal annullament tagħha.

79      L-ewwel nett, Nedri ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Linji gwida tal-2006, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwità, ta’ proporzjonalità u l-obbligu ta’ motivazzjoni, meta applikat il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat matul is-sena kummerċjali preċedenti għad-dħul mill-bejgħ tagħha fl-2009, meta l-Kummissjoni kien imissha applikat dan il-limitu massimu għad-dħul mill-bejgħ tagħha fl-2002.

80      It-tieni nett, Nedri tinvoka ksur mill-Kummissjoni, minn naħa, tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza u, min-naħa l-oħra, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li tatha biss tnaqqis ta’ 25 % tal-ammont tal-multa minflok tnaqqis ta’ 30 %.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Linji gwida tal-2006, tal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni applikat il-limitu massimu ta’ 10 % għas-sena kummerċjali 2009 u mhux għas-sena kummerċjali 2002 fil-kalkolu tal-ammont tal-multa li hija imponiet fuq Nedri

 Tfakkira tad-deċiżjoni kkontestata

81      Mill-premessi 1063 et seq tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li kellha tieħu inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali 2009, u dan qiegħed jiġi kkontestat minn Nedri, li tqis li l-Kummissjoni kien imissha rreferiet għas-sena kummerċjali 2002, l-aħħar sena li matulha kienet ipparteċipat fil-ksur.

 L-argumenti tal-partijiet

82      Nedri essenzjalment issostni li l-Kummissjoni żbaljat meta applikat il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għas-sena kummerċjali 2009 u meta injorat it-talba tagħha sabiex tirreferi f’dan ir-rigward għas-sena kummerċjali 2002. Hija tqis li b’hekk il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Linji gwida tal-2006, u b’mod partikolari l-punt 32 tagħhom, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwità u ta’ proporzjonalità.

83      Skont ir-rikorrenti, mis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Brittania Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑76/06 P, Ġabra, EU:C:2007:326, punti 20 u 25) jirriżulta li, fil-każ li bejn il-perijodu li matulu jkun twettaq il-ksur u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponilha multa jseħħu bidliet sostanzjali fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tal-impriża, hija s-sitwazzjoni ekonomika reali matul il-perijodu li matulu jkun twettaq il-ksur li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

84      Issa, id-dħul mill-bejgħ li hija ġġenerat fl-2009 f’ebda każ ma jirrappreżenta, skontha, sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali fuq perijodu ta’ tnax-il xahar u ma jirriflettix is-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha matul il-perijodu li matulu twettaq il-ksur.

85      Fil-fatt, id-dħul mill-bejgħ iġġenerat minn Nedri kien ta’ EUR 31 641 636 fl-2001 u ta’ EUR 69 345 000 fl-2009. Dan l-iżvilupp huwa dovut, minn naħa, għaż-żieda qawwija fil-prezz tal-materji primi u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li assumiet l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ WDI fis-settur tal-APS matul l-istess perijodu.

86      Hija ssostni li, għalhekk, bejn il-perijodu li matulu twettaq il-ksur u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, kienu seħħew bidliet sostanzjali fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tal-impriża li kienu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni tirreferi għall-aħħar sena kummerċjali tal-perijodu tal-ksur, jiġifieri s-sena 2002.

87      Barra minn hekk, hija tqis li, peress li hija impriża bi prodott wieħed, is-sanzjoni imposta fuqha hija ferm iktar oneruża milli huwa l-każ ta’ impriżi kbar li joperaw fuq firxa wiesgħa ta’ attivitajiet.

88      Il-Kummissjoni tikkontesta din il-linja ta’ argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Tfakkira tal-prinċipji

89      Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi meta, jew b’intenzjoni jew b’negliġenza, jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE. Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ impriżi li jipparteċipaw fil-ksur, il-multa ma għandhiex tkun ta’ iktar minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha ġġenerat matul is-sena kummerċjali preċedenti.

90      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-limitu massimu dwar id-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż sabiex jiġi evitat li l-multi imposti mill-Kummissjoni jkunu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs tal-impriża kkonċernata (sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, EU:C:2007:326, punt 24).

91      Dan il-limitu għalhekk huwa wieħed superjuri, li japplika b’mod uniformi għall-impriżi kollha, li jiddependi mid-daqs ta’ kull waħda mill-impriżi involuti, u li l-għan tiegħu huwa distint u awtonomu mill-għan tal-kriterji ta’ gravità u ta’ tul tal-ksur. L-unika konsegwenza possibbli ta’ dan il-limitu massimu hija li l-ammont tal-multa kkalkolat fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji jitnaqqas sal-livell massimu awtorizzat. L-applikazzjoni ta’ dan il-limitu timplika li l-impriża kkonċernata ma tħallasx il-multa li, bħala prinċipju, kienet tkun dovuta fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni bbażata fuq l-imsemmija kriterji (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punti 281 sa 283).

92      Fi kliem ieħor, l-għan li għalih ġie stabbilit, fl-Artikolu 23(2), limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża li tkun ipparteċipat fil-ksur huwa b’mod partikolari li jiġi evitat li l-impożizzjoni ta’ multa ta’ ammont ogħla minn dan il-limitu massimu tmur lil hinn mill-kapaċità ta’ ħlas tal-impriża fid-data li fiha tiġi rrikonoxxuta li hija responsabbli għall-ksur u li fiha l-Kummissjoni timponilha sanzjoni pekunjarja (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C‑408/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2153, punt 63).

93      Fir-rigward tas-“sena kummerċjali preċedenti” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, din l-espressjoni tirreferi, bħala prinċipju, għall-aħħar sena sħiħa ta’ attività tal-impriża kkonċernata fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni (sentenza tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra, EU:T:2010:168, punt 80; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq, EU:C:2007:326, punt 32).

94      Kemm mill-għanijiet tas-sistema li minnha jagħmel parti t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u kemm mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq jirriżulta li sabiex ikun applikat il-limitu massimu ta’ 10 % huwa għalhekk meħtieġ, minn naħa, li l-Kummissjoni jkollha d-dħul mill-bejgħ għall-aħħar sena kummerċjali li tippreċedi d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li din l-informazzjoni tkun tirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar (sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑33/02, Ġabra, EU:T:2005:428, punt 38, kif ukoll Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 93 iktar ’il fuq, EU:T:2010:168, punt 95).

95      Għalkemm mis-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq, (EU:C:2007:326, punt 32), jirriżulta li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha bħala prinċipju tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-impriża kkonċernata matul l-aħħar sena sħiħa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa, mill-kuntest u mill-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti din id-dispożizzjoni jirriżulta madankollu li, meta d-dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jkunx jirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar u, għalhekk, ma jipprovdi ebda indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata u l-livell adegwat tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha, l-imsemmi dħul mill-bejgħ ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-multa. F’dan il-każ tal-aħħar, li jimmaterjalizza biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tkun obbligata tirreferi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa, għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa li tirrifletti sena sħiħa ta’ attivitajiet ekonomiċi normali (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, 1.garantovaná vs Il-Kummissjoni, T‑392/09, EU:T:2012:674, punt 86, ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, 1. garantovaná vs Il-Kummissjoni, C‑90/13 P, EU:C:2014:326).

96      B’hekk, pereżempju, jekk is-sena kummerċjali tkun intemmet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni iżda jekk il-kontijiet annwali tal-impriża inkwistjoni jkunu għadhom ma ġewx stabbiliti jew ikunu għadhom ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni, din tal-aħħar tista’, jekk mhux ukoll għandha, tuża d-dħul mill-bejgħ iġġenerat matul sena kummerċjali preċedenti sabiex tapplika l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Bl-istess mod, jekk, minħabba riorganizzazzjoni jew bidla tal-prassi kontabbli, impriża tipproduċi, għas-sena kummerċjali preċedenti, kontijiet li jikkonċernaw perijodu iqsar minn tnax-il xahar, il-Kummissjoni tista’ tuża dħul mill-bejgħ iġġenerat matul sena sħiħa preċedenti sabiex tapplika din id-dispożizzjoni. Dan japplika wkoll fil-każ li l-impriża kkonċernata ma tkun iġġenerat ebda dħul mill-bejgħ matul is-sena li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq, EU:T:2005:428, punt 39, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq, EU:C:2007:326, punti 27 u 30).

97      Madankollu, ġie deċiż li, fir-rigward tal-argument ta’ rikorrent li d-dħul mill-bejgħ totali tiegħu ġġenerat fir-rigward ta’ sena partikolari huwa “artifiċjalment għoli” minħabba allegata żieda sinjifikattiva fil-prezzijiet ta’ materja prima, kien biżżejjed li jiġi osservat li tali fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jipprekludix li tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li d-dħul mill-bejgħ iġġenerat minn impriża jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għal tali finijiet, anki meta jkun differenti b’mod sinjifikattiv mid-dħul mill-bejgħ iġġenerat matul snin preċedenti, jekk jikkorrispondi għal sena sħiħa li matulha jkunu effettivament twettqu attivitajiet ekonomiċi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li r-riferiment, fil-ġurisprudenza, għal “sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali” huwa intiż li jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sena li matulha l-impriża kkonċernata kienet qiegħda fil-proċess li twaqqaf l-operazzjonijiet tagħha, għalkemm ma tkunx għadha waqqfet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha kollha u, b’mod iktar ġenerali, ta’ sena li matulha l-aġir tal-impriża kkonċernata fis-suq ma kienx jikkorrispondi għal dak ta’ impriża li teżerċita attività ekonomika f’kundizzjonijiet normali. Għall-kuntrarju, is-sempliċi fatt li d-dħul mill-bejgħ jew il-profitti ġġenerati matul sena partikolari jkunu ferm sinjifikattivament inqas jew iktar minn dawk iġġenerati matul snin preċedenti ma jfissirx li s-sena inkwistjoni ma tikkostitwixxix sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Almamet vs Il-Kummissjoni, T‑410/09, EU:T:2012:676, punt 253).

98      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjoni tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63; tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra, EU:C:2003:509, punt 87, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra, EU:C:2004:379, punt 66).

99      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan jeżiġi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li jkun adegwat u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri adegwati, tintgħażel dik li tkun l-inqas oneruża u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi kkawżati ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, Ġabra, EU:C:2013:661, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

100    Fil-kawża ineżami, Nedri essenzjalment issostni li, bejn l-2002 u l-2009, kien hemm bidla fl-istruttura tagħha u żieda fid-dħul mill-bejgħ tagħha u li dawn iċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw li s-sena kummerċjali 2009 ma tkunx dik li tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ sa fejn dik is-sena ma tirriflettix is-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha matul il-perijodu li matulu twettaq il-ksur (jiġifieri mill-1987 sal-2002).

101    Għandu jiġi kkonstatat li d-dħul mill-bejgħ ta’ Nedri fir-rigward tas-sena kummerċjali 2009 jikkorrispondi għas-“somma totali ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti” għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li jikkorrispondi għal sena sħiħa li matulha r-rikorrenti effettivament wettqet attivitajiet ekonomiċi, punti dawn li barra minn hekk ma humiex ikkontestati minnha.

102    Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali mfakkra fil-punti 93 sa 97 iktar ’il fuq, huma għalhekk irrilevanti l-argumenti mressqa minn Nedri fir-rigward, minn naħa, tal-bidliet strutturali li hija kienet is-suġġett tagħhom u, min-naħa l-oħra, taż-żieda fid-dħul mill-bejgħ tagħha bejn l-2002 u l-2009, punti dawn li fil-fatt ma jikkostitwixxux ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ natura li jiġġustifikaw li l-Kummissjoni tirreferi għal dħul mill-bejgħ ta’ sena preċedenti għall-2009.

103    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-fatt li Nedri assumiet l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ WDI fis-settur tal-APS ma jikkostitwixxix, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 iktar ’il fuq, fatt eċċezzjonali li seta’ jiġġustifika li l-Kummissjoni tirreferi għal sena kummerċjali differenti minn dik li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

104    Fir-rigward tal-linja ta’ argumenti tar-rikorrenti bbażata fuq il-punt 25 tas-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq (EU:C:2007:326), fis-sens li kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha “matul il-perijodu li matulu twettaq il-ksur”, b’tali mod li għandha tiġi eskluża kull sena sussegwenti għal dan il-perijodu, għandu jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni twassal sabiex tiġi injorata sistematikament il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li tipprovdi li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għandu jsir riferiment għad-dħul mill-bejgħ totali ġġenerat matul is-sena kummerċjali li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fis-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq (EU:C:2007:326), ma hemm ebda indikazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li titbiegħed minn din il-ġurisprudenza stabbilita. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li din il-ġurisprudenza hija kkonfermata b’mod ċar fil-punti 30 u 41 tas-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq (EU:C:2007:326). Għaldaqstant, il-punt 25 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat fil-kuntest taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dik il-kawża u mhux fis-sens li għandu portata ġenerali li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-interpretazzjoni mogħtija fil-ġurisprudenza lil dawn id-dispożizzjonijiet.

105    Fl-aħħar nett, għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta rreferiet għad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti għas-sena 2009, li kien id-dħul mill-bejgħ li kellha tieħu inkunsiderazzjoni inkonformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 93 u 97 iktar ’il fuq.

106    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

107    Minn dan isegwi li, meta rreferiet għas-sena kummerċjali 2009 għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % ffissat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li ħadet inkunsiderazzjoni, kif kienet meħtieġa li tagħmel, l-aħħar sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali tar-rikorrenti matul perijodu ta’ tnax-il xahar.

108    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-premessi 1063 et seq tad-deċiżjoni kkontestata jesponu b’mod li jinftiehem ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tirreferi għad-dħul mill-bejgħ tas-sena 2009 tar-rikorrenti.

109    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni kien imissha tat lir-rikorrenti tnaqqis ta’ 30 % u mhux ta’ 25 % tal-ammont tal-multa

 Tfakkira tad-deċiżjoni kkontestata

110    Mill-premessi 1082 sa 1087 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-kooperazzjoni mogħtija minn Nedri, din setgħet tingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 25 %.

 L-argumenti tal-partijiet

111    Nedri ssostni li, peress li kienet it-tieni impriża li ssodisfat ir-rekwiżiti tal-punt 21 tal-Avviż dwar il-klemenza, hija setgħet tibbenefika minn tnaqqis li seta’ jilħaq it-30 % tal-ammont tal-multa.

112    L-ewwel nett, hija tfakkar li hija kkomunikat il-provi li kellha fit-23 ta’ Ottubru 2002, jiġifieri ftit iktar minn xahar wara l-ispezzjonijiet, li saru fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002. Il-Kummissjoni b’hekk qieset li Nedri kienet ikkontribwixxiet għall-proċedura fi stadju kmieni ħafna (premessa 1087 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija kkompletat it-talba tagħha għal klemenza fid-29 ta’ Marzu 2004.

113    It-tieni nett, Nedri tqis li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-informazzjoni voluminuża u ddettaljata li hija pprovdiet – li kienet tikkonċerna l-arranġament pan-Ewropew kollu u b’mod partikolari l-club Zurich, is-suq Skandinavu, inkluża Addtek, u l-club Europe – kellha valur miżjud kunsiderevoli (premessa 1084 tad-deċiżjoni kkontestata).

114    Madankollu, Nedri tqis, minn naħa, li, fid-dawl tal-mod kif il-Kummissjoni ppreżentat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-informazzjoni pprovduta, il-livell ta’ dettall u l-kwantità ta’ din l-informazzjoni ma joħorġux b’mod li jirrifletti l-portata reali tagħha.

115    Min-naħa l-oħra, hija tqis li, fil-premessa 1085 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żbaljat meta ddeċidiet li l-informazzjoni pprovduta dwar l-attribuzzjoni ta’ klijentela u ta’ kwoti fis-suq Ġermaniż ma kinitx ikkontribwixxiet b’mod sinjifikattiv għall-komprensjoni jew għall-istabbiliment tal-ksur. Fil-fatt, skont Nedri, hija kienet l-ewwel waħda li pprovdiet informazzjoni siewja dwar id-diskussjonijiet fi ħdan il-club Europe li kienu jikkonċernaw l-attribuzzjoni ta’ klijentela u ta’ kwoti fis-suq Ġermaniż. Hija tispeċifika li hija pprovdiet ukoll provi dwar numru kbir ta’ laqgħat dwar l-attribuzzjoni ta’ klijentela. B’hekk, l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni dwar is-suq Ġermaniż, li tissemma fin-noti ta’ qiegħ il-paġna numri 354 sa 357 tad-deċiżjoni kkontestata, tirreferi għad-dokumenti li joriġinaw mingħand Nedri. Skont din tal-aħħar, mingħajr il-provi li hija pprovdiet, il-Kummissjoni kien jirnexxielha tipprova biss li kienu nżammu xi laqgħat, kif, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tinnegax fil-premessa 1085 tad-deċiżjoni kkontestata. Nedri żżid li l-Kummissjoni lanqas ma ssostanzjat l-evalwazzjoni tagħha li din l-informazzjoni ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv.

116    Fl-aħħar nett, Nedri ssostni li d-diversi riferimenti, fid-deċiżjoni kkontestata, għat-tweġibiet mogħtija minnha għat-talbiet għal informazzjoni, għat-talba tagħha għal klemenza, għall-informazzjoni komplementari pprovduta matul l-investigazzjoni u għall-konfermi li hija kienet f’pożizzjoni li tagħti għall-preżunzjonijiet tal-Kummissjoni (premessi 1082 u 1087 tad-deċiżjoni kkontestata) juru li hija kienet ikkooperat b’mod estensiv u kontinwu.

117    Għalhekk, skont Nedri, ma huwiex korrett li t-tnaqqis li ngħatat kien biss ta’ 25 % u mhux ta’ 30 %.

118    Il-Kummissjoni tikkontesta din il-linja ta’ argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

119    Skont il-punti 20 et seq tal-Avviż dwar il-klemenza:

“20.      Impriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet taħt is-sezzjoni A [dwar l-immunità minn multi] jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta.

21.       Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.

22.       Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.

23.       Il-Kummissjoni ser tiddetermina f’kull deċiżjoni finali adottata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva:

(a)      jekk il-provi pprovduti minn impriża rrapreżentaw valur miżjud sinnifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien.

(b)      il-livell ta’ tnaqqis li l-impriża tibbenefika minnu, b’mod relattiv għall-multa li kieku kienet tiġi imposta, kif ġej. Għal:

–        […]

–        It-tieni impriża li tissodisfa il-punt 21: tnaqqis ta’ 20-30 %,

–        […]

Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura [portata] u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa.

Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell [akkordju] issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

120    Għaldaqstant, il-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-perċentwali ta’ tnaqqis li għalih tkun intitolata t-tieni impriża, għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-data li fiha ġew ikkomunikati l-provi u l-livell ta’ valur miżjud tagħhom. Hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll – għalkemm ma hijiex obbligata li tagħmel hekk – il-portata u l-kontinwità tal-kooperazzjoni min-naħa tal-impriża b’effett mid-data tal-kontribuzzjoni tagħha.

121    Fil-kawża ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-mument li fih saret il-kontribuzzjoni min-naħa ta’ Nedri (premessi 1082 u 1087 tad-deċiżjoni kkontestata) u li evalwat il-livell ta’ valur miżjud tal-provi prodotti minn din tal-aħħar (premessi 1082 sa 1085 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-portata u l-kontinwità tal-kooperazzjoni min-naħa ta’ Nedri b’effett mid-data tal-kontribuzzjoni tagħha (premessa 1087 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    Għaldaqstant, għandu qabel kollox jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

123    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza jipprovdi li, għat-tieni impriża li tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 21 tal-istess avviż, it-tnaqqis għandu jkun ta’ bejn 20 u 30 % u li t-tnaqqis, fi ħdan din il-firxa ta’ valuri, għandu jiddependi mit-tliet kriterji mfakkra fil-punt 120 iktar ’il fuq.

124    Il-fatt li l-kooperazzjoni ngħatat fi stadju bikri u l-livell tal-valur miżjud tal-provi prodotti, kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-portata tal-kooperazzjoni min-naħa tal-impriża wara l-kontribuzzjoni tagħha, huma kriterji kumulattivi li l-importanza tagħhom tiddependi mill-kuntest u miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ ineżami u li jistgħu jwasslu għal tnaqqis li jinsab f’firxa ta’ valuri bejn 20 u 30 % tal-ammont tal-multa.

125    Fir-rigward tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dawn id-diversi kriterji, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-mument li fih Nedri kkomunikat il-provi tagħha, li t-talba tagħha għal klemenza tressqet xahar wara l-ispezzjonijiet.

126    Għaldaqstant, huwa minnu li l-kooperazzjoni min-naħa ta’ Nedri ngħatat fi stadju bikri tal-proċedura amministrattiva – kif barra minn hekk tirrikonoxxi l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1087) – għalkemm madankollu ma ngħatatx immedjatament wara l-ispezzjonijiet, b’differenza, pereżempju, mill-kooperazzjoni min-naħa ta’ ITC.

127    Issa, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni tali ċirkustanzi fattwali meta tevalwa l-perċentwali ta’ tnaqqis li hija tista’ tagħti lil impriża li titlob il-klemenza minħabba l-kooperazzjoni tagħha.

128    It-tieni nett, fir-rigward tal-valur miżjud tal-kontribuzzjoni ta’ Nedri, għandu fl-ewwel lok jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-informazzjoni mogħtija minnha kienet tikkonċerna l-arranġament pan-Ewropew kollu u b’mod partikolari l-club Zurich, is-suq Skandinavu, inkluża Addtek, u l-club Europe, u li l-Kummissjoni rrikonoxxiet il-valur miżjud sinjifikattiv ta’ din l-informazzjoni. Dan fil-fatt jirriżulta mill-premessi 1082 sa 1084 tad-deċiżjoni kkontestata.

129    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti mressqa minn Nedri fir-rigward tas-suq Ġermaniż, il-Kummissjoni essenzjalment qieset li din l-informazzjoni ma kinitx ikkontribwixxiet b’mod sinjifikattiv għall-komprensjoni jew għall-istabbiliment tal-ksur u li l-valur miżjud tagħha għalhekk ma kienx kunsiderevoli.

130    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tikkontesta din l-evalwazzjoni, ir-rikorrenti sempliċement issostni li hija kienet l-ewwel waħda li pprovdiet provi lill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, li dawn il-provi kienu jikkonċernaw numru kbir ta’ laqgħat dwar l-attribuzzjoni ta’ klijentela u li mingħajr dawn il-provi l-Kummissjoni kien jirnexxielha tipprova biss li nżammu numru ta’ laqgħat.

131    Madankollu, ir-rikorrenti ma tindikax fuq liema bażi hija ineżatta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li t-tqassim ta’ klijenti fis-suq Ġermaniż huwa biss eżempju wieħed minn fost oħra ta’ tali tqassim, deskritt fit-Taqsima 9.1.3.6 tad-deċiżjoni kkontestata, u li għalhekk il-provi prodotti f’dan ir-rigward għandhom effettivament valur miżjud relattiv biss.

132    Għandu jitqies li l-provi prodotti minn Nedri li ppermettew li jiġi stabbilit li nżammu ċerti laqgħat tac-club Europe dwar wieħed mill-komponenti tas-swieq ġeografiċi kkoordinati fil-kuntest ta’ da nil-club, jiġifieri dwar is-suq Ġermaniż (f’dan ir-rigward hija tirreferi għall-premessa 220 – u n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 354 – u għall-premessa 223 – u n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 357 – tad-deċiżjoni kkontestata), għandhom biss valur mijud relattiv. Barra minn hekk, iż-żamma ta’ laqgħa oħra dwar dan is-suq setgħet tiġi stabbilita permezz tal-provi prodotti minn membru ieħor tal-akkordju (ara l-premessa 221 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna numri 354 u 355 tad-deċiżjoni kkontestata), kif tosserva ġustament il-Kummissjoni.

133    It-tielet nett, mill-premessa 1087 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni fil-fatt ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni ulterjuri min-naħa ta’ Nedri.

134    Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-mument li fih tressqet it-talba għal klemenza ta’ Nedri, fid-dawl tal-valur miżjud tal-provi li hija kkomunikat lill-Kummissjoni u fid-dawl tal-kooperazzjoni ulterjuri tagħha, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta ffissat bħala 25 % r-rata ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa li kellu jingħatalha.

135    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

136    Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

137    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Nedri Spanstaal BV għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem

Werrej


Suġġett tat-tilwima

Il-fatti li wasslu għat-tilwima

Is-settur li huwa s-suġġett tal-proċedura

Il-prodott

L-istruttura tal-offerta

L-istruttura tad-domanda

Il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u ż-ŻEE

Nedri u l-kumpannija parent tagħha Hit Groep

Il-proċedura amministrattiva

L-ewwel talba għal klemenza u immunità mogħtija lil DWK

Ispezzjonijiet u talbiet għal informazzjoni

Talbiet oħra għal klemenza u r-risposti mogħtija mill-Kummissjoni

Ftuħ tal-proċedura u dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

Aċċess għall-fajl u smigħ

Talbiet komplementari għal informazzjoni

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-club Zurich u l-ftehimiet reġjonali

Il-club Europe u ftehimiet reġjonali

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Linji gwida tal-2006, tal-prinċipji ta’ ekwitŕ u ta’ proporzjonalitŕ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni applikat il-limitu massimu ta’ 10 % għas-sena kummerċjali 2009 u mhux għas-sena kummerċjali 2002 fil-kalkolu tal-multa li hija imponiet fuq Nedri

Tfakkira tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Tfakkira tal-prinċipji

– Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni kien imissha tat lir-rikorrenti tnaqqis ta’ 30 % u mhux ta’ 25 % tal-ammont tal-multa

Tfakkira tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.