Language of document : ECLI:EU:T:2015:515

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Ksur kumpless – Ksur uniku u kontinwu – Tbegħid – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Ugwaljanza fit‑trattament – Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet – Evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 – Linji Gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑393/10,

Westfälische Drahtindustrie GmbH, stabbilita f’Hamm (il-Ġermanja),

Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG, stabbilita f’Hamm,

Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG, stabbilita f’Iserlohn (il-Ġermanja),

inizjalment irrappreżentati minn C. Stadler u N. Tkatchenko, sussegwentement minn C Stadler u S. Budde, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka, R. Sauer u C. Hödlmayr, bħala aġenti, assistiti minn M. Buntscheck, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament u ta’ bidla tad‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat‑30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat‑30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2011) 2269 finali, tal‑4 ta’ April 2011 kif ukoll talba għal annullament tal-ittra tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal‑Kompetizzjoni tal-Kummissjoni tal‑14 ta’ Frar 2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 II – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament tal-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011

92      Għandu jitfakkar li, fil-mori tal-kawża, id-Direttur Ġenerali bagħat ittra lir-rikorrenti, datata l-14 ta’ Frar 2011, li permezz tagħha ċaħad it-talba ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom li dawn kienu ppreżentaw lill-Kummissjoni fit‑12 ta’ Awwissu 2010, jiġifieri bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali u l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

93      F’din l-ittra, li ntbagħtet wara eżami tal-fatti ppreżentati mir-rikorrenti u r-risposti mogħtija minnhom għal diversi mistoqsijiet li sarulhom mis-servizzi tal-Kummissjoni bejn it‑12 ta’ Awwissu 2010 u s‑7 ta’ Frar 2011, id-Direttur Ġenerali kkunsidra, għal raġunijiet differenti minn dawk li ġew użati fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm lok li jingħata tnaqqis tal-multa lir-rikorrenti minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom.

94      Fir-replika, ir-rikorrenti talbu li jiġu awtorizzati jestendu t-talbiet tar-rikors għall-annullament tal-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011 (ara l-punt 66 iktar ’il fuq).

95      Il-Kummissjoni tikkontesta din it-talba, għar-raġuni, l-ewwel nett, li l-imsemmija ittra ma tbiddilx is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom u għalhekk, ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament u, it-tieni nett, li r-rikorrenti, insostenn tat-talba tagħhom ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom, ma ppreżentawx fatti ġodda u sostantivi. Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, hija sempliċement ta’ natura konfermattiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali u li peress li din għandha l-obbligu, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fattwali eżistenti fid-data meta hija tiddeċiedi, ir-rikorrenti ma għandhomx interess li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar in-natura adegwata tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom kif ippreżentata fl-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011.

96      Ċertament huwa minnu li manifestazzjoni ta’ opinjoni bil-miktub minn istituzzjoni tal-Unjoni jew sempliċi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni ma jistgħux jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ natura li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, peress li ma jistgħux jipproduċu effetti legali jew ma għandhomx l-intenzjoni li jipproduċu tali effetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1980, Sucrimex u Westzucker vs Il‑Kummissjoni, 133/79, Ġabra, EU:C:1980:104, punti 15 sa 19, u tas‑27 ta’ Settembru 1988, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, 114/86, Ġabra, EU:C:1988:449, punti 12 sa 15).

97      Barra minn hekk, fir-rigward tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi ġie deċiż li kull ittra, mibgħuta minn korp tal-Unjoni bħala risposta għal domanda magħmula mid-destinatarju tagħha, ma tikkostitwixxix att li jirrigwardah fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tagħti lil dan id-destinatarju l-possibbiltà li jippreżenta rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Jannar 1993, Miethke vs Il‑Parlament, C‑25/92, Ġabra, EU:C:1993:32, punt 10).

98      Għall-kuntrarju, skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti u li jistgħu jaffettwaw l-interessi ta’ terzi billi jbiddlu b’mod kunsiderevoli l-pożizzjoni legali tagħhom jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra, EU:C:1981:264, punt 9; ara wkoll, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2008, Cestas vs Il‑Kummissjoni, T‑260/04, Ġabra, EU:T:2008:115, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Barra minn hekk, li sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura li tagħha jintalab l-annullament tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sustanza tagħha, filwaqt li l-forma li biha din il-miżura ġiet adottata hija, bħala prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward (sentenza IBM vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, EU:C:1981:264, punt 9; ara, ukoll, is-sentenza Cestas vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, EU:T:2008:115, punt 68 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

100    Huwa biss l-att li bih korp tal-Unjoni jiddetermina l-pożizzjoni tiegħu b’mod mhux ekwivoku u definittiv, taħt forma li tippermetti li tiġi identifikata n-natura tiegħu, li jikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, bil-kundizzjoni madankollu li din id-deċiżjoni ma tikkostitwixxix il-konferma ta’ att preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 1982, Il‑Ġermanja u Bundesanstalt für Arbeit vs Il‑Kummissjoni, 44/81, Ġabra, EU:C:1982:197, punt 12).

101    Fil-każ fejn l-att ikkontestat huwa sempliċement konfermattiv, ir-rikors huwa ammissibbli biss taħt il-kundizzjoni li l-att ikkonfermat ikun ġie kkontestat fit-termini stabbiliti (ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il‑Kummissjoni, T‑275/94, Ġabra, EU:T:1995:141, punt 27, u tal‑10 ta’ Lulju 1997, AssiDomän Kraft Products et vs Il‑Kummissjoni, T‑227/95, Ġabra, EU:T:1997:108, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, rikors kontra deċiżjoni konfermattiva huwa inammissibbli biss jekk id-deċiżjoni konfermattiva tkun saret definittiva fir-rigward tal-persuna kkonċernata, sakemm ma tkunx is-suġġett ta’ appell kontenzjuż imressaq fit-terminu stabbilit. Fil-każ kuntrarju, il-persuna kkonċernata għandha dritt tikkontesta kemm id-deċiżjoni kkonfermata, kif ukoll id-deċiżjoni konfermattiva, jew waħda minnhom (sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 1989, Maurissen u Union syndicale vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 193/87 u 194/87, EU:C:1989:185, punt 26, u tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, Ġabra, EU:C:2007:812, punt 54).

102    Min-naħa l-oħra, meta rikorrent jistenna li jgħaddi t-terminu stabbilit sabiex jaġixxi kontra deċiżjoni li tistabbilixxi b’mod mhux ekwivoku miżura li għandha effetti legali li jaffettwaw l-interessi tiegħu u li hija imposta b’mod vinkolanti fuqu, huwa ma jistax jistenna li jiġi stabbilit mill-ġdid it-terminu billi jitlob lill-istituzzjoni tbiddel id-deċiżjoni tagħha billi jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut li tikkonferma d-deċiżjoni meħuda preċedentement (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1995, COBRECAF et vs Il‑Kummissjoni, T‑514/93, Ġabra, EU:T:1995:49, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talba tar-rikorrenti għall-annullament tal-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, li fiha d-Direttur Ġenerali ċaħad talba, li r-rikorrenti ressqu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, intiża għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom (ara l-punti 60 u 61 hawn fuq).

104    F’dan ir-rigward, l-argument magħmul mill-Kummissjoni li hija ma hijiex obbligata tiddeċiedi dwar it-talbiet għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriżi mressqa wara l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jimponu multi huwa ineffettiv f’dan il-każ. Fil-fatt, huwa paċifiku li, f’dan il-każ, is-servizzi tal-Kummissjoni ddeċidew dwar it-talba ġdida mressqa mir-rikorrenti, wara li eżaminaw dokumenti ġodda li huma ressqu insostenn ta’ din it-talba u għamlulhom diversi mistoqsijiet, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti.

105    Barra minn hekk, fi tmiem dan l-eżami, id-Direttur Ġenerali bbaża r-rifjut tiegħu li jilqa’ t-talba għal tnaqqis tal-multa mressqa mir-rikorrenti għal raġunijiet li jikkontradixxu dawk li ntużaw fid-deċiżjoni inizjali. Fil-fatt, filwaqt li, fid-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni kienet irrilevat li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti kienet tant prekarja li kienet probabbilment ser twassal għal tmiem l-operat tagħhom, irrispettivament mill-ammont tal-multi li kienu ser jiġu imposti fuqhom, għall-kuntrarju, fl-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, id-Direttur Ġenerali kkunsidra li, fir-rigward tal-previżjonijiet ta’ cash-flow ta’ WDI pprovduti mir-rikorrenti wara d-deċiżjoni inizjali, dawn ma kinux urew li kienet din il-kumpannija biss li ma kinitx f’pożizzjoni li tikseb il-finanzjament neċessarju sabiex tħallas il-multi kollha.

106    Barra minn hekk, l-ammont tal-multi li fir-rigward tagħhom id-Direttur Ġenerali eżerċita l-evalwazzjoni tiegħu tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti kien dak li kien mitlub li jitħallas minnhom wara l-ewwel deċiżjoni li temenda. Madankollu, dan l-ammont kien differenti minn dak li fir-rigward tiegħu kienet saret l-ewwel evalwazzjoni ta’ din il-kapaċità ta’ ħlas fid-deċiżjoni inizjali.

107    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, id-Direttur Ġenerali evalwa l-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti billi ħa inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt u ta’ liġi differenti minn dawk li ġew eżaminati fid-deċiżjoni inizjali u li r-raġuni tar-rifjut li titnaqqas il-multa imposta fuqhom użata mid-Direttur Ġenerali hija differenti minn dik li fuqha kien ibbażat ir-rifjut tal-ewwel talba ta’ tnaqqis tagħhom fid-deċiżjoni inizjali. Għalhekk, l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011 ma għandhiex, kif tallega l-Kummissjoni, tiġi kkunsidrata bħala purament konfermattiva tad-deċiżjoni inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, Ġabra, EU:T:2001:42, punti 44 sa 51, u tat‑22 ta’ Mejju 2012, Sviluppo Globale vs Il‑Kummissjoni, T‑6/10, EU:T:2012:245, punti 22 sa 24).

108    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti ressqu t-talba tagħhom għal annullament tal-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, u dan fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li huwa wkoll indirizzat kontra d-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, fid-data li fiha r-rikorrenti talbu sabiex jestendu s-suġġett ta’ dan ir-rikors għall-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, id-deċiżjoni inizjali ma kinitx saret definittiva. Issa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 101 iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, anki li kieku l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011 għandha tiġi kkunsidrata bħala att purament konfermattiv tad-deċiżjoni inizjali, dan il-fatt ma huwiex tali li jwassal sabiex talba għal annullament simili ssir inammissibbli.

109    Finalment, għandu jiġi rrilevat li l-eżerċizzju, mill-Qorti tal-Unjoni, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma jeskludix, iżda jippreżumi li tista’, sa fejn dan jintalab mir-rikorrenti u bla ħsara għar-raġunijiet ta’ ordni pubbliku li hija għandha, fl-osservanza tal-kontradittorju, tqajjem ex officio, l-istħarriġ tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt magħmula mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2062, punti 51 sa 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, għalkemm il-qorti ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, għandha, bħala regola, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt prevalenti fid-data li fiha tiddeċiedi meta tikkunsidra li huwa ġġustifikat li tuża s-setgħa tagħha li tibdel deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra, EU:C:1974:18, punti 51 u 52; tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il‑Kummissjoni, T‑275/94, Ġabra, EU:T:1995:141, punt 61, u tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra, EU:T:2011:560, punti 282 sa 285), dan l-obbligu ma għandux il-konsegwenza li jtellef lill-impriżi ssanzjonati mill-Kummissjoni minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE minn kull interess li l-istħarriġ ġudizzjarju jitratta wkoll il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi magħmula mill-Kummissjoni, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi prevalenti fid-data ta’ dawn l-evalwazzjonijiet. Għalhekk, is-sempliċi eventwalità li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma għandhiex bħala konsegwenza, kif issostni l-Kummissjoni, li l-istħarriġ tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011 isir ineffettiv.

110    Minn dan jirriżulta li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tat-talba għal annullament tal-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011 għandhom jiġu miċħuda.

[omissis]

A –  Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li r-rikorrenti pparteċipaw, mingħajr interruzzjoni, fi ksur uniku u kontinwu mill-1 ta’ Jannar 1984

121    Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, minħabba, minn naħa, l-interruzzjoni ta’ kważi sena u nofs bejn it-tmiem tal-club Zurich u l-bidu tal-club Europe, u, min-naħa l-oħra, differenzi f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ dawn iż-żewġ arranġamenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li dawn iż-żewġ ksur distinti kkostitwixxew ksur uniku u kontinwu. Minn dan isegwi li l-ksur imwettaq qabel il-ftuħ tal-club Europe, fit‑12 ta’ Mejju 1997, kien preskritt skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003.

122    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif juru l-kotba bin-notamenti meħuda minn Emesa, WDI tbiegħdet, b’mod evidenti għall-impriżi l-oħra kollha li kienu fil-laqgħa tad‑9 ta’ Jannar 1996, mill-ftehim implementati fil-kuntest tal-club Zurich. Għalhekk, kull ksur imwettaq minn WDI qabel it‑12 ta’ Mejju 1997 kien, għal din ir-raġuni, preskritt ukoll skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003.

123    Permezz tat-tieni motiv, imressaq b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti jsostnu li l-ksur li bih ġew ikkritikati kellu, mill-inqas, jiġi kkunsidrat bħala repetut u li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra, fir-rigward tal-perijodu użat għall-kalkolu tal-multi, l-interruzzjoni tal-akkordju matul il-perijodu tranżitorju.

124    Għalhekk, qabel kollox, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx korrettament tikkonstata li WDI pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu.

1.     Fuq l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu

a)     Komponenti tal-akkordju u karatterizzazzjoni tal-ksur uniku fid-deċiżjoni kkontestata

125    Filwaqt li l-Kummissjoni ssostni, fir-risposta tagħha u fil-kontroreplika, li l-ksur inkwistjoni f’dan il-każ huwa “kontinwu jew repetutˮ, għandu qabel kollox jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi ksur ġie kkwalifikat biss bħala “uniku u kontinwuˮ (premessa 609 tad-deċiżjoni kkontestata) u mhux bħala repetut. B’hekk ir-rikorrenti ġew issanzjonati għal ksur kommess, mingħajr interruzzjoni, minn Klöckner Draht, li saret WDI, mill‑1 ta’ Jannar 1984 u minn WDV u Pampus, mid-dati li fiha dawn il-kumpanniji kisbu l-kontroll ta’ WDI (ara l-punti 54 sa 57 hawn fuq).

126    Fil-fatt, fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet l-akkordju li fih qed jiġi allegat li r-rikorrenti pparteċipaw bħala “arranġament pan-Ewropew li jikkonsisti f’fażi msejħa ta’ Zurich u f’fażi msejħa Ewropea u/jew f’arranġamenti nazzjonali/reġjonali skont il-każˮ.

127    Il-premessi 123 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata jippreżentaw fil-qosor dawn il-ftehim u prattiki miftiehma differenti, li mbagħad huma esposti fid-dettall u evalwati fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont il-Kummissjoni, kif tfakkar fil-punti 40 sa 53 iktar ’il fuq, l-akkordju huwa magħmul, b’mod partikolari u f’ordni kronoloġika, minn seba’ komponenti essenzjali.

128    L-ewwel nett, il-club Zurich, jiġifieri l-ewwel fażi tal-ftehim pan‑Ewropew, dam mill‑1 ta’ Jannar 1984 sad‑9 ta’ Jannar 1996 u kien jirrigwarda l-iffissar ta’ kwoti skont il-pajjiż (il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Benelux, Franza, l-Italja u Spanja), it-tqassim ta’ klijenti, il-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Il-membri tiegħu, fil-bidu, kienu Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK u Redaelli, li kienet tirrappreżenta diversi impriżi Taljani oħra minn tal-inqas mill-1993 –, li magħhom sussegwentement ingħaqdu Emesa, fl-1992, u Tycsa, fl-1993.

129    It-tieni nett, il-club Italia, arranġament nazzjonali li dam mill‑5 ta’ Diċembru 1995 sad‑19 ta’ Settembru 2002, kien jirrigwarda l-iffissar ta’ kwoti għall-Italja kif ukoll l-esportazzjonijiet minn dan il-pajjiż lejn il-bqija tal-Ewropa. Il-membri tiegħu kienu l-impriżi Taljani Redaelli, ITC, CB u Itas, li magħhom sussegwentement ingħaqdu Tréfileurope u Tréfileurope Italia fit‑3 ta’ April 1995, SLM fl‑10 ta’ Frar 1997, Trame fl‑4 ta’ Marzu 1997, Tycsa fis‑17 ta’ Diċembru 1996, DWK fl‑24 ta’ Frar 1997 u Austria Draht fil‑15 ta’ April 1997.

130    It-tielet nett, il-ftehim tan-Nofsinhar huwa arranġament reġjonali nnegozjat u konkluż fl-1996 mill-impriżi Taljani Redaelli, ITC, CB u Itas, ma’ Tycsa u Tréfileurope, sabiex tiġi ddeterminata r-rata ta’ penetrazzjoni ta’ kull wieħed mill-parteċipanti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar (Spanja, l-Italja, Franza, il-Belġju u l-Lussemburgu) u sabiex jimpenjaw ruħhom jinnegozjaw flimkien il-kwoti mal-produtturi l-oħra tal-Ewropa tat-Tramuntana.

131    Ir-raba’ nett, il-club Europe, jiġifieri t-tieni fażi tal-ftehim pan‑Ewropew, għaqqad, f’Mejju 1997, lil Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK, Tycsa u Emesa. Il-laqgħat tal-club Europe, li fihom produtturi oħra Ewropej setgħu jipparteċipaw kultant (ara l-punt 48 iktar ’il fuq) intemmu f’Settembru 2002. Il-ftehim kien maħsub sabiex tingħeleb il-kriżi tal-club Zurich u kien jirrigwarda t-tqassim ta’ kwoti ġodda (ikkalkolati fuq il-perijodu mir-raba’ trimestru tal-1995 sal-ewwel trimestru tal-1997), it-tqassim tal-klijentela u l-iffissar tal-prezzijiet. Il-membri permanenti qablu dwar regoli ta’ koordinazzjoni li kienu jinkludu l-ħatra ta’ koordinaturi responsabbli għall-implementazzjoni tal-arranġamenti f’diversi pajjiżi u għall-koordinazzjoni ma’ impriżi interessati oħra, attivi f’dawn il-pajjiżi jew li jirrigwardaw l‑istess klijenti. Ir-rappreżentanti tagħhom iltaqgħu regolarment fuq livelli differenti sabiex jissorveljaw l-implementazzjoni tal-arranġamenti. Huma skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-aġir miftiehem, kienet tiġi applikata sistema ta’ kumpens adegwat.

132    Il-ħames nett, fil-kuntest tal-partijiet pan-Ewropej tal-akkordju, is-sitt membri permanenti, li okkażjonalment kienu jingħaqdu magħhom il-produtturi Taljani u Fundia, kienu jżommu wkoll kuntatti, bilaterali jew multilaterali, u kienu jipparteċipaw fl-iffissar tal-prezzijiet u fl-attribuzzjoni ta’ klijentela fuq bażi ad hoc, jekk kien ikollhom interess. B’hekk, Tréfileurope, Nedri, WDI, Tycsa, Emesa, CB u Fundia kkoordinaw flimkien il-prezzijiet u l-volumi għall-klijent Addtek. Dawn il-proġetti kienu jirrigwardaw prinċiparjament il-Finlandja, l-Isvezja u n-Norveġja, iżda kienu jirrigwardaw ukoll il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja, l-Istati Baltiċi u l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Il-koordinazzjoni fir-rigward ta’ Addtek bdiet matul il-club Zurich tal-arranġament pan-Ewropew u kompliet minn tal-inqas sal-aħħar tal-2001.

133    Is-sitt nett, matul il-perijodu bejn, minn tal-inqas, Settembru 2000 u Settembru 2002, is-sitt membri permanenti, ITC, CB, Redaelli, Itas u SLM iltaqgħu regolarment bil-għan li l-impriżi Taljani jiġu integrati bħala membri permanenti fil-club Europe. L-impriżi Taljani xtaqu jżidu l-kwoti tagħhom fl-Ewropa filwaqt li l-club Europe kien qiegħed jinsisti li jinżamm l-istatus quo. Għal dan il-għan, saru numru ta’ laqgħat fi ħdan il-club Italia, sabiex tiġi ddefinita pożizzjoni komuni għall-impriżi Taljani, laqgħat fi ħdan il-club Europe, sabiex jiġu eżaminati l-pretensjonijiet tal-impriżi Taljani, u laqgħat bejn parteċipanti tal-club Europe u r-rappreżentanti Taljani, sabiex jintlaħaq ftehim bejn il-membri ta’ dawn iż-żewġ arranġamenti. Matul dawn in-negozjati, l-impriżi involuti kienu jiskambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Għall-finijiet tad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-kwoti Ewropej bil-għan li jiġu inklużi l-produtturi Taljani, dawn l-impriżi qablu li jużaw perijodu ta’ referenza ġdid (mit‑30 ta’ Ġunju 2000 sat‑30 ta’ Ġunju 2001). Dawn l-impriżi qablu wkoll dwar il-volum ta’ esportazzjoni globali tal-impriżi Taljani lejn il-kumplament tal-Ewropa. Fl-istess waqt, huma ddiskutew ukoll il-prezzijiet, fejn il-membri tal-club Europe xtaqu li jiġi adottat, fil-livell tal-Ewropa, il-mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet applikat fi ħdan il-club Italia.

134    Is-seba’ nett, il-Kummissjoni rrilevat ukoll l-eżistenza tal-club España, arranġament parallel mal-elementi l-oħra tal-akkordju u li kien jirrigwarda s-swieq Spanjoli u Portugiżi (ara l-punt 52 hawn fuq).

135    Fil-premessi 610 sa 612 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li dawn l-elementi kollha ta’ ksur kienu kkostitwixxew grupp koerenti ta’ miżuri bl-għan waħdieni li jillimitaw il-kompetizzjoni fis-suq tal-APC fil-livelli Ewropej u nazzjonali. B’hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-arranġamenti antikompetittivi kollha identifikati kellhom għan wieħed kummerċjali antikompetittiv, jiġifieri d-distorsjoni jew it-tneħħija tal-kundizzjonijiet kompetittivi normali tas-suq tal-APC u li jistabbilixxu ekwilibriju globali permezz ta’ mekkaniżmi komuni għal-livelli differenti li fihom twettaq il-ksur, jiġifieri l-iffissar tal-prezzijiet, l-allokazzjoni ta’ kwoti, it-tqassim tal-klijentela u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.

136    B’mod iktar partikolari, fil-premessa 613 tad-deċiżjoni kkontestata, hija speċifikat ir-raġunijiet li għalihom il-fażijiet tal-club Zurich u tal-club Europe kienu kkostitwixxew ksur uniku, minkejja l-perijodu tranżitorju. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat li l-laqgħat li l-għan tagħhom kien li jippreġudikaw il-kompetizzjoni libera u li jerġgħu jistabbilixxu arranġament pan‑Ewropew sostenibbli seħħew minn meta ntemm il-club Zurich. Hija indikat ukoll li l-effetti tal-kuntratti konklużi taħt l-awtorità tal-club Zurich kienu baqgħu għaddejjin matul il-perijodu tranżitorju u li l-funzjonament tal-arranġamenti reġjonali, li kienu jikkontribwixxu għall-istess għan uniku bħal dak segwit minn kull komponent tal-akkordju, baqa’ għaddej ukoll matul dan l-istess perijodu.

137    Fil-premessi 614 u 615 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li mekkaniżmi konkreti ta’ tħaddim ta’ elementi differenti tal-akkordju kienu jiżguraw il-koordinazzjoni bejn l-arranġamenti pan‑Ewropej u l-ftehim nazzjonali differenti. B’hekk, skont il-Kummissjoni, is-sistema ta’ kwoti implementata fi ħdan il-club Italia ispirat is-sistema użata mill-club Zurich. Barra minn hekk, il-koordinazzjoni bejn il-club Europe u l-produtturi Taljani kienet żgurata minn Tréfileurope u dik bejn il-club Europe u l-club España kienet żgurata minn Tycsa u minn Emesa, li kienu jipparteċipaw fiż-żewġ clubs.

138    B’kollox, skont il-premessi 616 sa 621, il-parteċipanti kollha fl-arranġamenti kompetittivi pparteċipaw, fi gradi differenti, fi pjan antikompetittiv komuni, li l-implementazzjoni tiegħu kienet kontinwa, kemm fl-għanijiet tiegħu kif ukoll fil-karatteristiċi essenzjali tiegħu, mill-1984 sa tmiem l-2002.

139    Fil-premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, anki jekk il-parteċipanti kollha fl-akkordju ma kinux ipparteċipaw individwalment fl-elementi kollha tal-ksur, kollha kienu bbenefikaw mill-iskambji ta’ informazzjoni li saru bejn il-parteċipanti u kienu jafu li l-parteċipazzjoni tagħhom kienet parti minn pjan ġenerali.

140    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni li l-club Zurich u l-club Europe, li fihom huma ma jiċħdux li pparteċipaw, jikkostitwixxu żewġ elementi ta’ ksur uniku.

b)     Kunċett ta’ ksur uniku

141    Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, meta wieħed jew iktar minn dawn l-elementi ta’ din is-sensiela ta’ atti jew ta’ aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda waħidhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt pjan ġenerali, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra, EU:C:1999:356, punt 81; tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punt 258, u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, Ġabra, EU:C:2012:778, punt 41).

142    Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir li kien speċifiku għaliha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li jkollhom għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż li jikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-ksur fl-intier tiegħu, tista’ għalhekk tkun responsabbli wkoll għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li l-imsemmija impriża biħsiebha tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir illeċitu maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:1999:356, punti 83, 87 u 203; Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 83, u Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 42).

143    Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ tattribwixxi lilha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk għall-ksur kollu kemm hu. Impriża tista’ wkoll tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, iżda b’għarfien tal-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-ksib tal-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedih u tkun lesta li tieħu r-riskju marbut miegħu. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha wkoll dritt li tattribwixxi lil din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li joħloq dan il-ksur u, konsegwentement, ta’ dan tal-aħħar kollu kemm hu (sentenza Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 43).

144    Min-naħa l-oħra, jekk impriża kienet direttament involuta f’wieħed jew iktar mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, hija kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kienet taf bl-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implementat minn dawn il-parteċipanti sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet komuni jew li raġonevolment setgħet tipprevedih u li kienet lesta taċċetta r-riskju li joħloq, il-Kummissjoni tista’ biss timputalha r-responsabbiltà ta’ dak l-aġir li fih kienet direttament ipparteċipat u tal-aġir previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk imfittxija minnha u li fir-rigward tiegħu hemm il-prova li hija kienet taf jew setgħet raġonevolment ippreveditu u li kienet lesta li taċċetta r-riskju marbut miegħu (sentenza Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 44).

145    Madankollu, dan ma jistax iwassal għall-eżenzjoni ta’ din l-impriża mir-responsabbiltà tagħha għall-aġir li fir-rigward tiegħu huwa paċifiku li pparteċipat fih jew li setgħet effettivament tinżamm responsabbli tiegħu. Madankollu huwa possibbli li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju globali bħala ksur uniku u kontinwu tinqasam b’dan il-mod biss jekk, minn naħa, din l-impriża tqiegħdet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tifhem li kull aġir li jikkostitwixxi dan l-akkordju kien imputat lilha, u għalhekk li tiddefendi ruħha fuq dan il-punt, u jekk, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni hija suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward (sentenza Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punti 45 u 46).

146    F’dan ir-rigward, numru ta’ kriterji ġew identifikati mill-ġurisprudenza bħala rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura unika tal-ksur, jiġifieri l-identità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, l-identità tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, l-identità tal-impriżi li ħadu sehem fih u l-identità tal-metodi tal-implementazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-identità tal-persuni fiżiċi involuti f’isem impriżi u l-identità tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-prattiki inkwistjoni jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan l-eżami (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni, T‑147/09 u T‑148/09, Ġabra, EU:T:2013:259, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Fl-aħħar nett, il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fil-komponenti kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom tkun ipparteċipat għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, fid-determinazzjoni tal-multa (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:1999:356, punt 90, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 86).

c)     Elementi kkunsidrati fir-rigward tar-rikorrenti

148    Fil-premessi 796 sa 799, il-Kummissjoni indikat li r-responsabbiltà tar-rikorrenti kienet ikkunsidrata f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-parteċipazzjoni ta’ Klöckner Draht, sussegwentement ta’ WDI fil-club Zurich mill‑1 ta’ Jannar 1984 sad‑9 ta’ Jannar 1996 (ara l-punt 128 iktar ’il fuq), it-tieni nett, il-parteċipazzjoni ta’ WDI f’laqgħat li saru matul il-perijodu tranżitorju (mid‑9 ta’ Jannar 1996 sat‑12 ta’ Mejju 1997), it-tielet nett, il-parteċipazzjoni ta’ WDI fil-club Europe mit‑12 ta’ Mejju 1997 sad‑19 ta’ Settembru 2002 (ara l-punt 131 iktar ’il fuq), b’mod partikolari bħala koordinatur għall-Ġermanja u, ir-raba’ nett, il-koordinazzjoni f’dak li jirrigwarda l-klijent Addtek mill-1984 sal-2002.

149    Fir-rigward tal-kriterji proposti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 141 sa 147 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jikkontestaw la l-parteċipazzjoni tagħhom fil-club Zurich u fil-club Europe u lanqas l-għarfien tagħhom tal-elementi differenti tal-ksur. Huma jqisu, għall-kuntrarju, li dawn l-elementi differenti tal-ksur ma jidħlux fi pjan ġenerali u li WDI interrompiet l-aġir antikompetittiv tagħha matul il-perijodu tranżitorju.

 Fir-rigward tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali

150    Ir-rikorrenti jqisu li, sabiex turi l-eżistenza ta’ pjan ġenerali, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement tikkonstata li l-elementi differenti tal-ksur jirrigwardaw l-istess settur ekonomiku, mingħajr ma tistabbilixxi rapport ta’ kumplimentarjetà bejn l-elementi differenti kkonċernati, pereżempju l-eżistenza ta’ ftehim‑qafas. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma għandhiex tibbaża ruħha fuq il-preżenza ta’ parteċipanti komuni. Min-naħa l-oħra, hija żbaljat billi ma siltet l-ebda konsegwenza mill-fatt li l-portata ġeografika tad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-kwoti kienet tikkonċerna s-swieq nazzjonali fil-kuntest tal-club Zurich u s-suq Ewropew kollu kemm hu fil-kuntest tal-club Europe. Barra minn hekk, il-modalitajiet tal-koordinazzjoni kienu differenti, peress li d-diretturi tal-bejgħ kienu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-club Europe filwaqt li d-diretturi eżekuttivi biss kienu jattendu l-laqgħat tal-club Zurich. Barra minn hekk, ġew stabbiliti koordinaturi nazzjonali fi ħdan il-club Europe, filwaqt li l-club Zurich kien jopera permezz ta’ uffiċċju ċentrali ta’ notifika wieħed.

151    Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma huwa tali li jdgħajjef l-argumenti użati fid-deċiżjoni kkontestata.

152    Fil-fatt, kif il-Kummissjoni rrilevat, l-akkordju ssanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata kien magħmul minn numru ta’ ftehimiet li seħħew fuq perijodu ta’ żmien fil-livelli kemm lokali (nazzjonali jew reġjonali) kif ukoll Ewropej, li l-għan komuni tagħhom kien li jiġi żgurat ekwilibriju mhux kompetittiv tas-suq Ewropew tal-APC, ikkaratterizzat minn kapaċità strutturali żejda.

153    Barra minn hekk, huwa paċifiku li r-raġunijiet użati sabiex jintlaħaq dan l-għan, jiġifieri l-iffissar tal-prezzijiet, l-allokazzjoni ta’ kwoti, it-tqassim ta’ klijentela u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva kienu komuni għall-elementi kollha tal-akkordju. Il-parteċipanti prinċipali fil-club Zurich u fil-club Europe, fosthom ir-rikorrenti, kienu l-istess impriżi. Il-Kummissjoni ssostni mingħajr ma hija kontradetta li dawn l-impriżi kienu fil-maġġoranza tagħhom irrappreżentati mill-istess persuni fiżiċi fil-kuntest tal-club Zurich, imbagħad f’dak tal-club Europe.

154    Barra minn hekk, minkejja li ma humiex strettament identiċi, fi kwalunkwe każ ġew implementati mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni bejn il-club Zurich, u sussegwentement il-club Europe, minn naħa, u l-arranġament nazzjonali u reġjonali (ftehim tan-Nofsinhar, club Italia u club España), min-naħa l-oħra. Fil-fatt, minn naħa, huwa paċifiku li l-produtturi Taljani kienu jipparteċipaw direttament fil-club Zurich, filwaqt li l-koordinazzjoni bejn il-club Europe u l-club Italia kienet żgurata minn Tréfileurope. Min-naħa l-oħra, il-koordinazzjoni bejn il-club España u l-club Europe saret permezz tal-integrazzjoni ta’ Emesa u ta’ Tycsa fi ħdan din tal-aħħar.

155    Dawn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt, magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u mhux ikkontestati mir-rikorrenti, jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm ksur uniku kkostitwit minn diversi elementi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 146 iktar ’il fuq.

156    Fir-rigward tad-differenzi bejn il-club Zurich u l-club Europe li fuqhom kienu bbażaw ruħhom ir-rikorrenti, li qabel kollox ġew ukoll ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li, minflok ma jostakolaw il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku, għall-kuntrarju huma juru r-rieda li jiġu stabbiliti mezzi iktar effikaċi sabiex jintlaħaq l-istess għan bħal dak segwit mill-parteċipanti kollha fl-arranġamenti differenti tal-akkordju, jiġifieri li jiġu limitati l-effetti tal-kompetizzjoni f’suq li għandu kapaċità strutturali żejda, b’mod partikolari permezz ta’ ftehim li jirrigwarda l-prezzijiet, il-kwoti ta’ produzzjoni u t-tqassim tal-klijenti prinċipali.

157    Din il-konstatazzjoni tippermetti li tiġi spjegata l-allegata kontradizzjoni rrilevata mir-rikorrenti bejn il-premessi 186 u 629 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minkejja li l-uniċità tal-għan ġenerali segwit mill-akkordju fil-komponenti suċċessivi tiegħu seħħet, kull wieħed mill-ftehimiet, li globalment jikkostitwixxu l-ksur uniku, kien ikkaratterizzat mid-dimensjoni ġeografika tiegħu, ftit jew wisq ristretta, kif ukoll mill-metodi implementati sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-impenji, li, fir-rigward tagħhom, baqgħu l-istess u kienu jirrigawardaw il-prezzijiet, il-kwoti ta’ kunsinna, it-tqassim tal-klijenti u tal-iskambji ta’ informazzjoni kummerċjali sensittivi.

158    Għalhekk, id-differenzi ta’ funzjonament bejn iż-żewġ fażijiet suċċessivi tal-arranġamenti pan‑Ewropej ma jipprekludux ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali, ikkaratterizzat mill-istess għan antikompetittiv, li fih daħlu b’mod suċċessiv il-club Zurich u l-club Europe (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 258; tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra, EU:C:2006:592, punt 110, u Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq, EU:T:2013:259, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fir-rigward tar-riperkussjonijiet tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-interruzzjoni tal-akkordju fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur u fuq il-preskrizzjoni

159    Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li, wara nuqqas ta’ qbil serju fi ħdan il-club Zurich sa mill-1995, dan ma baqax jiffunzjona qabel ma beda l-club Europe. Għalhekk kien hemm interruzzjoni, matul perijodu ta’ sena u erba’ xhur, fil-funzjonament tal-akkordju, li jipprekludi milli jiġi kkunsidrat li l-club Zurich u l-club Europe jistgħu jiġu kkunsidrati bħala elementi distinti ta’ ksur uniku.

160    Mingħajr ma huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u matul is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxew li l-arranġamenti reġjonali u nazzjonali ma kinux ġew interotti matul il-perjodu tranżitorju, għandu jitfakkar li, għar-raġunijiet indikati fil-punti 152 sa 158 iktar ’il fuq, il-grupp ta’ għanijiet segwiti u ta’ metodi implementati minn kull wieħed mill-ftehimiet antikompetittivi identifikati mill-Kummissjoni, kif ukoll, a fortiori fil-każ tal-club Zurich u tal-club Europe, il-preżenza tal-istess produtturi prinċipali jippermettu li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ pjan ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 141 sa 147 iktar ’il fuq, li fih daħlu suċċessivament dawn iż-żewġ clubs.

161    Issa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li pparteċipaw fil-club Zurich sad‑9 ta’ Jannar 1996 u jammettu li pparteċipaw fil-club Europe mit‑12 ta’ Mejju 1997. Għalhekk, anki li kieku kellu jitqies li l-perijodu tranżitorju jikkostitwixxi waqfien mill-funzjonament tal-akkordju jew, sempliċement, perijodu ta’ waqfien ta’ kull attività ta’ ksur min-naħa tar-rikorrenti, huwa ġust, fid-dawl tal-kontinwità tal-għanijiet u tal-metodi kkonstatati iktar ’il fuq, li huma nżammu responsabbli talli pparteċipaw fi ksur uniku. Barra minn hekk, peress li t-tul tal-perijodu tranżitorju kien inqas minn dak ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, il-ksur uniku li fih ipparteċipaw ir-rikorrenti għandu mill-inqas, li kieku kellu jiġi aċċettat li dan il-perijodu jikkostitwixxi interruzzjoni, jiġi kkunsidrat bħala repetut iktar milli kontinwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq, EU:T:2013:259, punti 70 sa 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Minn dan isegwi li l-ewwel motiv, peress li huwa bbażat fuq il-preskrizzjoni fir-rigward tal-perijodu qabel it‑12 ta’ Mejju 1996, għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, irrispettivament minn jekk il-perijodu tranżitorju kkostitwixxiex interruzzjoni tal-ksur jew le.

163    Madankollu, jekk l-argument li r-rikorrenti jisiltu mill-interruzzjoni tal-ksur matul il-perijodu tranżitorju jirriżulta li huwa fondat, f’dan il-każ huma jistgħu jippretendu li ma għandhomx jiġu ssanzjonati għall-perijodu li matulu seħħet l-interruzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq, EU:T:2013:259, punt 88). Għalhekk għandha tingħata deċiżjoni ukoll dwar dan l-argument u jiġu eżaminati, inizjalment, l-allegazzjonijiet dwar l-interruzzjoni tal-akkordju b’mod ġenerali u, sussegwentement, dawk dwar il-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju.

2.     Fir-rigward tal-fondatezza tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju

164    Sabiex jiġi evalwat li l-aġir antikompetittiv tal-parteċipanti fil-club Zurich kompla matul il-perijodu tranżitorju, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fil-premessa 613 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-argumenti mfakkra fil-punt 136 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferi għal ħdax-il laqgħa li matulhom seħħew skambji ta’ informazzjoni u li fihom seħħew ftehimiet dwar il-prezzijiet u tqassim ta’ kwoti. Ir-rikorrenti kellhom l-opportunità li jikkonsultaw il-provi dokumentarji li għalihom irreferiet il-Kummissjoni fl-anness 2, l-ewwel darba fil-bini tal-Kummissjoni wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, it-tieni darba, fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali wara miżuri istruttorji li saru qabel is-seduta u li kienu indirizzati lill-Kummissjoni.

165    Għandu jitfakkar li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti speċifikaw li huma ma kinux qed jikkontestaw il-fatt li l-ftehimiet reġjonali seħħew matul il-perijodu tranżitorju, iżda li huma kienu qed isostnu li l-parti pan‑Ewropea tal-akkordju kellha interruzzjoni bejn it-tmiem tal-club Zurich u l-bidu tal-club Europe.

a)     Tfakkir tal-prinċipji fir-rigward tal-oneru u produzzjoni tal-prova

166    Skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-oneru tal-prova, minn naħa, hija l-parti jew l-awtorità li qed tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li għandha tipproduċi l-prova ta’ dan billi tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, il-fatti li jikkostitwixxu ksur u, min-naħa l-oħra, hija l-impriża li qed tinvoka l-benefiċċju ta’ eċċezzjoni kontra konstatazzjoni tal-ksur li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni huma sodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità jkollha għaldaqstant tirrikorri għal provi oħra (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra, EU:T:2006:350, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra, EU:C:1998:608, punt 58, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 78). It-tul tal-ksur huwa element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 101(1) TFUE, element li l-oneru tal-prova tiegħu huwa, prinċipalment, fuq il-Kummissjoni (sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra, EU:T:1994:79, punt 79, u Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2006:350, punt 51).

167    Dan it-tqassim tal-oneru tal-prova madankollu jista’ jvarja sa fejn il-punti ta’ fatt li waħda mill-partijiet tinvoka jistgħu jkunu tali li jobbligaw lill-parti l-oħra sabiex tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, fin-nuqqas ta’ liema jista jiġi konkluż li l-prova tkun ġiet prodotta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 79, u s-sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 166 iktar ’il fuq, EU:T:2006:350, punt 53).

168    Fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-kompetizzjoni huwa dak tal-produzzjoni libera tal-provi (sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra, EU:C:2007:53, punt 63, u tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra, EU:T:2004:221, punt 273). Peress li l-projbizzjoni mill-parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehim antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa effettivament komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn il-ftehim iseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, l-iktar ta’ spiss f’pajjiżi terzi, u li d-dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri xi dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħall-minuti ta’ laqgħa, dawn normalment ikunu frammentarji u skarsi, b’mod li spiss jirriżulta neċessarju li ċerti dettalji jiġu kkostitwiti mill-ġdid permezz ta’ deduzzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv ikollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indikazzjonijiet li, meta kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punti 55 sa 57). Tali indikazzjonijiet u koinċidenzi jippermettu li tiġi żvelata mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ta’ ftehim antikompetittivi, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra, EU:C:2006:593, punt 166).

169    Huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra, EU:T:2000:180, punti 43 u 72 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra, EU:T:2005:367, punt 217). Madankollu, kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li s-sensiela ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 168 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punt 180, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2005:367, punt 218; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “PVC IIˮ, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra, EU:T:1999:80, punti 768 sa 778). Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-ġurisprudenza tirrikjedi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ mingħajr interruzzjoni bejn żewġ dati preċiżi (sentenzi Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, punt 168 iktar ’il fuq, EU:C:2006:593, punt 169; Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, punt 166 iktar ’il fuq, EU:T:1994:79, punt 79, u Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 166 iktar ’il fuq, EU:T:2006:350, punt 51).

170    Fir-rigward tal-valur probatorju li għandu jingħata lid-diversi provi, għandu jiġi enfasizzat li l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi liberament prodotti huwa l-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 168 iktar ’il fuq, EU:C:2007:53, punt 63; ara, ukoll, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra, EU:T:2004:218, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata, u JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 168 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punt 273). Skont ir-regoli ġeneralment applikabbli fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà, u għalhekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra, EU:T:2000:77, punt 1053; konklużjonijiet tal-Imħallef Vesterdorf li kien qed jaġixxi bħala Avukat Ġenerali fil-kawża Rhône‑Poulenc vs Il‑Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra, EU:T:1991:38). B’mod partikolari, għandha tingħata importanza kbira lill-fatt li dokument ġie redatt b’rabta mill-qrib mal-fatti (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il‑Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra, EU:T:1999:54, punt 312) jew permezz ta’ xhud dirett ta’ dawn il-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 168 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punt 207). Id-dokumenti li minnhom jirriżulta li kien hemm xi kuntatti bejn diversi impriżi u li dawn kellhom eżattament l-għan li jeliminaw minn qabel l-inċertezza relatata mal-aġir futur tal-kompetituri tagħhom juru, b’mod suffiċjenti skont id-dritt, l-eżistenza ta’ prattika miftiehma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra, EU:C:1975:174, punti 175 u 179). Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 168 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punti 207, 211 u 212).

171    Barra minn hekk, ġie deċiż b’mod stabbilit li l-fatt li tiġi kkomunikata informazzjoni lill-kompetituri bil-għan li jiġi ppreparat ftehim antikompetittiv huwa biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma skont l-Artikolu 101 TFUE (sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑455/11 P, EU:C:2013:796, punt 40; tas‑6 ta’ April 1995, Trefilunion vs Il‑Kummissjoni, T‑148/89, Ġabra, EU:T:1995:68, punt 82, u tat‑8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni , T‑53/03, Ġabra, EU:T:2008:254, punt 178).

172    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li r-rwol tal-qorti adita b’rikors dirett kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur fil-qasam tad-dritt dwar il-kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-provi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha humiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 168 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punti 174 u 175; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II, punt 169 iktar ’il fuq, EU:T:1999:80, punt 891). L-eżistenza ta’ dubju fi ħsieb il-qorti għandha tibbenefika lid-destinatarji tad-deċiżjoni, b’tali mod li l-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement skont il-liġi jekk il-qorti jkun għad fadlilha dubju dwar din il-kwistjoni (sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 168 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punt 177, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, EU:T:2005:367, punt 215). Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk ikkonfermata mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, huma protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet konnessi miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika, b’mod partikolari, għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew għal pagamenti ta’ penalità (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra, EU:C:1999:358, punti 149 u 150; Montecatini vs Il‑Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra, EU:C:1999:362, punti 175 u 176, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 169 iktar ’il fuq, EU:T:2005:367, punt 216).

b)     Fir-rigward tal-laqgħat li saru matul il-perijodu tranżitorju u t-tkomplija tal-ksur matul dan il-perijodu

173    It-tkomplija ta’ laqgħat li l-għan tagħhom kien l-iskambju ta’ informazzjoni, l-iffissar tal-prezzijiet u l-allokazzjoni ta’ kwoti titqies li ġiet stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata u l-anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferi għal ħdax-il laqgħa li matulhom saru skambji ta’ informazzjoni kif ukoll ftehim dwar il-prezzijiet u l-kwoti. Ir-rikorrenti, min-naħa tagħhom, wara li rrikonoxxew fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ċerti parteċipanti fil-club Zurich, b’mod partikolari DWK u Tréfileurope France, kienu komplew bl-aġir antikompetittiv tagħhom matul il-perijodu tranżitorju, ma jippreżentaw l-ebda kritika fattwali fir-rigward ta’ dawn il-laqgħat, iżda jillimitaw ruħhom sabiex isostnu li l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu t-tkomplija tal-ksur matul il-perijodu tranżitorju.

174    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa iktar komuni milli wieħed jaħseb li, fid-dawl tal-kunflitti ta’ interess inerenti f’dan it-tip ta’ ftehim, akkordju prattikat fuq perijodu twil ta’ żmien ikollu żviluppi kemm fir-rigward tal-identità tal-parteċipanti kif ukoll tal-forom u l-intensità tal-kollużjoni tagħhom.

175    Fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 613), sabiex tikkonferma li l-aġir antikompetittiv tal-membri antiki tal-club Zurich kompla matul il-perijodu tranżitorju, il-Kummissjoni semmiet sitt laqgħat.

176    L-ewwel nett, skont il-Kummissjoni, saret laqgħa f’Pariġi (Franza) fl‑1 ta’ Marzu 1996. Matul din il-laqgħa saru diskussjonijiet dwar il-kwoti u l-prezzijiet fl-Ewropa.

177    Fil-fatt, mit-talba għal klemenza mressqa minn ITC, li fiha din l-impriża tirreferi għall-minuti ta’ laqgħa li saret fit‑12 ta’ Marzu 1996, jiġifieri ftit wara l-laqgħa stess, jirriżulta li kienet saret laqgħa f’din id-data f’Pariġi bejn ir-rappreżentanti ta’ ITC, ta’ Tycsa, ta’ Tréfileurope, ta’ DWK, ta’ Redaelli, ta’ Nedri u ta’ WDI. Skont it-talba għal klemenza ta’ ITC, is-suġġetti diskussi f’din il-laqgħa kienu jirrigwardaw il-prezzijiet u l-kwoti fl-Ewropa kif ukoll l-istat tal-istocks tal-impriżi preżenti. Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 170 iktar ’il fuq jirriżulta li d-dikjarazzjoni ta’ ITC, li hija awto-inkriminanti u bbażata fuq minuti li saru kontemporanjament mal-fatti relatati, għandha valur probatorju għoli. Ir-rikorrenti, minn-naħa tagħhom, ma pproduċew l-ebda prova kuntrarja u l-ineżattezza ta’ din l-informazzjoni ma toħroġ minn ebda atti tal-proċess sottomess lill-Qorti Ġenerali. Għalhekk, l-eżistenza ta’ din il-laqgħa, l-identità tal-parteċipanti u s-suġġetti diskussi għandhom jitqiesu bħala stabbiliti.

178    It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, saret laqgħa fit‑8 ta’ Ottubru 1006 f’Rosmalen (il-Pajjiżi l-Baxxi).

179    Din il-laqgħa ġiet ikkonfermata minn Nedri fit-talba għal klemenza li din il-kumpannija ressqet lill-Kummissjoni. Skont Nedri, minbarra hi stess, f’din il-laqgħa pparteċipaw rappreżentanti ta’ DWK, ta’ Fontaine Union u ta’ WDI u d-diskussjonijiet kienu dwar is-sitwazzjoni tas-suq Olandiż. Din id-dikjarazzjoni, awto‑inkriminanti, ma hija kontradetta minn ebda prova kuntrarja prodotta mir-rikorrenti u lanqas minn xi atti tal-proċess. Għalhekk l-eżistenza ta’ din il-laqgħa, l-identità tal-parteċipanti kif ukoll is-suġġett diskuss għandhom jitqiesu bħala stabbiliti.

180    It-tielet nett, il-Kummissjoni tirreferi għal laqgħa li saret fl‑4 ta’ Novembru 1996 f’Düsseldorf.

181    F’dan ir-rigward, mit-talba għal klemenza ta’ Nedri jirriżulta li l-parteċipanti f’din il-laqgħa kienu l-istess bħal dawk li pparteċipaw fil-laqgħa organizzata fl-istess belt, fit‑8 ta’ Jannar 1996, u li l-għan ta’ dawn iż-żewġ laqgħat kien l-istess. Issa, mill-imsemmija talba għal klemenza jirriżulta li l-ewwel laqgħa, li fiha pparteċipaw DWK, Nedri, Tréfileurope, Tycsa u WDI, kienet tirrigwarda s-sitwazzjoni konsekuttiva għad-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom matul ix-xahar ta’ Mejju 1995 fl-implementazzjoni ta’ ftehim ta’ suq konklużi fil-kuntest tal-club Zurich. Min-naħa l-oħra, mit-talba għal klemenza ta’ Nedri ma jirriżultax, l-unika prova prodotta f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni, li l-laqgħa tal‑4 ta’ Novembru kienet tirrigwarda wkoll, kif indikat fid-deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni tas-suq fil-Pajjiżi l-Baxxi.

182    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tirreferi għal laqgħa li saret fl‑4 ta’ Diċembru 1996 fi Brussell (il-Belġju), dwar “sistema ġdida ta’ kwotiˮ.

183    Fit-talba għal klemenza tagħha, Nedri indikat, dwar din il-laqgħa, li din kienet saret bejnha, Emesa, DWK, Tréfileurope, Tycsa u WDI. Skont Nedri, l-għan ta’ din il-laqgħa kien li jiddiskutu l-implementazzjoni ta’ sistema ġdida pan‑Ewropea ta’ kwoti. Madankollu, dawn id-diskussjonijiet ma kinux ta’ suċċess. Dawn id-dikjarazzjonijiet, awto‑inkriminanti, ma huma kontradetti minn ebda prova kuntrarja.

184    Il-ħames nett, il-Kummissjoni tirreferi, fid-deċiżjoni kkontestata, għal laqgħa li saret fit‑3 ta’ April 1997 f’Pariġi, dwar “sistema ġdida ta’ kwotiˮ.

185    Mit-talba għal klemenza mressqa minn DWK jirriżulta effettivament li din il-laqgħa saret fuq inizjattiva ta’ Nedri u ta’ Tréfileurope. F’din il-laqgħa pparteċipaw, minbarra dawn it-tliet impriżi, Tycsa, Emesa u WDI. Matul din il-laqgħa, skont DWK, saru diskussjonijiet dwar it-twaqqif ta’ sistema ġdida ta’ kwoti, li madankollu ma kellhomx suċċess. DWK iżżid li, matul din il-laqgħa, u wara, ġiet skambjata informazzjoni kummerċjali sensittiva bejn il-parteċipanti. Fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fir-risposta li taw għal mistoqsija bil-miktub li saritilhom mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-rikorrenti kkonfermaw li pparteċipaw f’din il-laqgħa.

186    Is-sitt nett, u finalment, il-Kummissjoni rreferiet għal laqgħa li saret fid‑9 ta’ April 19997 f’Düsseldorf li kienet tirrigwarda wkoll “sistema ġdida ta’ kwotiˮ.

187    L-eżistenza ta’ din il-laqgħa ġiet ikkonfermata minn Nedri fit-talba għal klemenza tagħha. B’hekk Nedri tikkonferma li l-parteċipanti tal-laqgħa tat‑3 ta’ April 1997 (ara l-punti 184 u 185 iktar ’il fuq) komplew id-diskussjonijiet tagħhom intiżi sabiex titwaqqaf sistema ġdida ta’ kwoti pan‑Ewropej, li tinkludi lin-Norveġja u l-Isvizzera, iżda li teskludi lir-Renju Unit u l-Irlanda. Fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll f’risposta li taw għal mistoqsija bil-miktub li saritilhom mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-rikorrenti kkonfermaw li pparteċipaw f’din il-laqgħa.

188    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit li, minn tal-inqas sitt darbiet matul perijodu ta’ sena u erba’ xhur, il-produtturi prinċipali Ewropej, jiġifieri kemm il-membri tal-club Zurich sa meta ntemm kif ukoll tal-club Europe minn meta twaqqaf, fosthom ir-rikorrenti, iltaqgħu sabiex jiskambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva u sabiex jippruvaw jistabbilixxu sistema ġdida mandatorja ta’ kwoti pan‑Ewropej. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li (ara l-punt 171 iktar ’il fuq) tali aġir huwa biżżejjed sabiex jiġi kklassifikat ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Għalhekk, l-argument magħmul mir-rikorrenti li kull produttur Ewropew adotta aġir awtonomu fis-suq matul il-perijodu tranżitorju ma huwiex tali li jikkonfuta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-ksur uniku li fih kienu pparteċipaw kompla matul il-perijodu tranżitorju.

189    Barra minn hekk, minn naħa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li, matul il-perijodu tranżitorju, il-laqgħat tal-clubs Italia u España komplew (ara annessi 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, kif ġie kkonstatat fil-punti 152 sa 154 iktar ’il fuq, dawn il-ftehimiet reġjonali kienu jidħlu, minħabba l-għan u l-metodi komuni tagħhom kif ukoll l-eżistenza ta’ mekkaniżmi intiżi għall-koordinazzjoni bejn l-elementi differenti tal-akkordju, fi pjan ġenerali li kien jippermetti li jiġi kklassifikat ksur uniku. Barra minn hekk, matul il-perijodu tranżitorju stess, membri tal-club Italia pparteċipaw fil-laqgħa tal‑1 ta’ Marzu 1996 (ara l-punti 176 u 177 iktar ’il fuq) u membri tal-club España kienu assoċjati mal-laqgħat kollha li l-eżistenza tagħhom ġiet stabbilita, minbarra dik li saret fit‑8 ta’ Ottubru 1996 f’Rosmalen. Għal din ir-raġuni addizzjonali, il-Kummissjoni kienet korretta li tikkunsidra, kif għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur uniku ma ġiex interrott.

190    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija fondata meta ssostni li t-tkomplija tal-effetti tal-ftehimiet konklużi bejn il-produtturi ta’ APC u l-klijenti tagħhom fil-perijodu tal-club Zurich kienet biżżejjed sabiex turi li l-ksur kompla wara li spiċċa dan il-club. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li l-kuntratti inkwistjoni kienu nnegozjati f’dati varji matul is-sena u li wħud minn dawn il-kuntratti setgħu jiskadu fil-bidu tas-sena 1996 ma għandux jinvalida l-analiżi tal-Kummissjoni, peress li r-rikorrenti la wrew, u lanqas sostnew, li ebda kuntratt ma ġie konkluż ftit qabel ma spiċċa l-club Zurich.

191    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kienet fondata meta kkunsidrat li l-akkordju li hija kklassifikat fid-deċiżjoni kkontestata ma kienx interrott matul il-perijodu tranżitorju u li, għalhekk kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE.

192    Għalhekk issa għandha tiġi eżaminata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li huma, minn tal-inqas, temmew kull aġir ta’ ksur matul il-perijodu tranżitorju.

c)     Fir-rigward tal-allegata interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

193    F’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ WDI f’aġir antikompetittiv matul il-perijodu tranżitorju, ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li WDI tbiegħdet fis-sens tal-ġurisprudenza waqt il-laqgħa tad‑9 ta’ Jannar 1996 u, it-tieni nett, li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipproduċi l-prova tal-parteċipazzjoni tagħha f’aġir antikompetittiv matul dan il-perijodu.

 Fuq l-allegat tbegħid

–       Tfakkir tal-prinċipji applikabbli fir-rigward tat-tbegħid

194    Għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, sabiex ittemm ir-responsabbiltà tagħha, l-impriża għandha titbiegħed b’mod miftuħ u mingħajr ekwivoku mill-akkordju, b’tali mod li l-parteċipanti l-oħra jkunu kuxjenti mill-fatt li hija ma għadhiex tappoġġja iktar l-għanijiet ġenerali tal-akkordju. Barra minn hekk, l-oneru tal-prova ta’ dan it-tbegħid jaqa’ fuq l-impriża li tallegah (sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il‑Kummissjoni, T‑168/01, Ġabra, EU:T:2006:265, punt 86, u tat‑3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑110/07, Ġabra, EU:T:2011:68, punt 176; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il‑Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra, EU:C:2004:2, punt 63, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punti 81 sa 84).

–       Fuq il-fondatezza tal-allegazzjoni tar-rikorrenti

195    Ir-rikorrenti jqisu li WDI validament tbiegħdet mill-akkordju fis-sens tal-ġurisprudenza, peress li r-rappreżentant tagħha, matul il-laqgħa tad‑9 ta’ Jannar 1996, indika:

“Bħalissa, il-club ma għandu l-ebda sens għalina.ˮ

196    Primarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-veraċità ta’ din id-dikjarazzjoni, li qabel kollox, ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni, hija kkonfermata minn Emesa, li tagħha r-rikorrenti u l-Kummissjoni pproduċew estratt min-noti tagħhom. Madankollu, tali dikjarazzjoni ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala manifestazzjoni ċara u mingħajr ekwivoku tar-rieda ta’ WDI li titbiegħed mill-akkordju.

197    Fil-fatt, mill-qari tan-noti meħuda minn Emesa matul il-laqgħa tad‑9 ta’ Jannar 1996 jirriżulta li l-proposti tar-rappreżentanti ta’ WDI seħħew fil-kuntest ta’ diskussjoni dwar is-soluzzjonijiet li l-parteċipanti f’din il-laqgħa setgħu jipproponu sabiex itaffu l-kriżi tal-club Zurich. B’hekk, wara li esprima dubji dwar il-possibbiltà li jiġu applikati mill-ġdid il-ftehim tal-club Zurich, ir-rappreżentant ta’ WDI indika, meta ngħata l-opportunità jesprimi ruħu dwar il-kwistjoni jekk kellhiex tiġi stabbilita sistema ġdida ta’ kwoti u bħala risposta għall-pożizzjoni espressa mir-rappreżentanti ta’ Tréfileurope li kienu qed jipproponu li tinżamm is-sistema eżistenti – jiġifieri, f’dak il-perijodu, il-club Zurich – li f’għajnejh, il-club Zurich ma kienx għadu jagħmel sens. Għal din ir-raġuni, WDI ngħadded mir-rappreżentant ta’ Emesa flimkien ma’ numru ta’ impriżi li, f’dak il-perijodu, kienu favur it-twaqqif ta’ sistema ġdida. Għalhekk, tali dikjarazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala prova tar-rieda ta’ WDI li ttemm il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u li tadotta aġir kompetittiv fis-suq tal-APC.

198    Din l-interpretazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-rappreżentant ta’ WDI hija, barra minn hekk, ikkorroborata minn dak li nkiteb mir-rappreżentant ta’ Emesa, wara n-noti relatati mad-diskussjoni dwar l-opportunità li titwaqqaf sistema ġdida ta’ kwoti, f’tabella li tirrappreżenta r-riżultat ta’ diskussjoni dwar it-tqassim ta’ kwoti, li fiha tidher WDI. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li l-inklużjoni ta’ din it-tabella wara n-noti relatati mad-dikjarazzjoni tar-rappreżentant ta’ WDI tindika li d-diskussjoni dwar il-kwoti saret wara din id-dikjarazzjoni hija l-iktar plawżibbli, peress li tali noti, ġeneralment, jittieħdu b’mod kronoloġiku.

199    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma pproduċewx il-prova, li l-oneru tagħha taqa’ fuqhom, tat-tbegħid ta’ WDI matul il-laqgħa tad‑9 ta’ Jannar 1996.

 Fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat li saru matul il-perijodu tranżitorju

200    Mingħajr ma jikkontestaw formalment il-preżenza tagħhom fil-laqgħat imsemmija fil-premessa 613 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti madankollu jsostnu li matul dawn il-laqgħat, huma ma adottawx aġir antikompetittiv.

201    Madankollu, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punti 173 sa 188 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti pparteċipaw, matul il-perijodu tranżitorju, f’sitt laqgħat li matulhom ġiet skambjata informazzjoni kummerċjali sensittiva u ġie diskuss it-twaqqif ta’ sistema ġdida ta’ kwoti sabiex jittaffa l-falliment tal-club Zurich. Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 171 iktar ’il fuq, l-għan ta’ dawn il-laqgħat huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha titqies li rnexxielha turi li r-rikorrenti, li ma pprovawx li kienu tbiegħdu waqt il-laqgħa tad‑9 ta’ Jannar 1996 u li ssemmew bħall-parteċipanti l-oħra fit-talbiet għal klemenza ta’ ITC, ta’ DWK u ta’ Nedri li kienu jirreferu għal dawn il-laqgħat, ma interrompewx il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur matul il-perijodu tranżitorju. Konsegwentement, ma għandhom jippretendu l-ebda tnaqqis ta’ multa minħabba l-perijodu kif applikat fid-deċiżjoni kkontestata.

3.     Konklużjoni dwar l-ewwel żewġ motivi tar-rikors

202    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni korrettament iddikjarat l-eżistenza ta’ ksur uniku, magħmul minn pjan ġenerali li fih kienu jidħlu l-ftehim differenti li fil-kuntest tagħhom dan il-ksur ġie implementat.

203    Minbarra dan, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-assenza ta’ interruzzjoni ta’ dan il-ksur uniku matul il-perijodu tranżitorju mit-tmiem tal-club Zurich sal-bidu tal-club Europe, peress li, l-ewwel nett, matul dan l-istess perijodu, il-parteċipanti tal-club Zurich kellhom laqgħat ta’ natura antikompetittiva, it-tieni nett, il-komponenti lokali u reġjonali tal-akkordju komplew u, it-tielet nett, l-effetti antikompetittivi tal-miżuri adottati fil-kuntest tal-club Zurich komplew wara l-waqfien ta’ dan l-element tal-akkordju.

204    Barra minn hekk, il-Kummissjoni wriet ukoll li WDI, li ma stabbilixxietx li kienet validament tbiegħdet matul l-aħħar laqgħa tal-club Zurich, li saret fid‑9 ta’ Jannar 1996, kienet kompliet bl-aġir antikompetittiv tagħha matul il-perijodu tranżitorju.

205    Konsegwentement, l-ewwel motiv tar-rikors, kif ukoll it-tieni, imressaq b’mod sussidjarju, għandhom jiġu miċħuda.

[omissis]

  E – Fuq l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti

267    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom fil-kuntest ta’ erba’ motivi tar-rikors.

268    Minn naħa, huma jikkontestaw il-legalità esterna tad-deċiżjoni kkontestata. Għal dan il-għan, fil-kuntest tas-seba’ motiv tar-rikors, huma jallegaw li ma kienx hemm motivazzjoni biżżejjed fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-punt 35 tal-Linji Gwida tal-2006. Fil-kuntest tat-tmien motiv, huma jsostnu li, peress li ma organizzatx smigħ u peress li ma tathomx l-opportunità li jippreżentaw il-perspettiva tagħhom f’dak li jirrigwarda l-pożizzjoni li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tieħu dwar l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

269    Min-naħa l-oħra, huma jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom użati kemm fid-deċiżjoni kkontestata (is-sitt motiv tar-rikors) kif ukoll fl-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011 (id-disa’ motiv tar-rikors).

270    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 96 sa 110 iktar ’il fuq, l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011 hija att li jista’ jiġi kkontestat. Madankollu, kif sostniet il-Kummissjoni fir-risposta għall-mistoqsijiet bil-miktub li sarulha mill-Qorti Ġenerali u matul is-seduta, id-deċiżjoni f’din l-ittra, li hija evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti wara dik li saret fid-deċiżjoni kkontestata, saret mid-Direttur Ġenerali u mhux mill-Kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni, li huwa l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata, ma għandhiex tiġi ssostitwita b’din tal-aħħar. Minn dan isegwi li l-evalwazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata u fl-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011 għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju separat u li l-intervent tal-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011 ma jrendix mingħajr skop it-talbiet u l-motivi tar-rikors indirizzati kontra d-deċiżjoni kkontestata.

 1. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata

271    L-evalwazzjoni partikolari tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti ġiet ippreżentata fil-punt 19.5.11 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 1176 sa 1179), riprodotti hawn taħt:

“19.5.11 [WDI], [WDV] u [Pampus]

1176      Peress li [WDI], [WDV] u [Pampus] ressqu talba dwar in-nuqqas ta’ kapaċità ta’ ħlas, dawn it-talbiet huma eżaminati flimkien fil-livell ta’ [Pampus], li tiġbor lil WDI u [WDV]. B’hekk, sabiex tiġi evalwata l-kapaċità finanzjarja ta’ [Pampus], qed jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont globali tal-multi imposti fuq WDI, [WDV] u [Pampus], mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-eventwali responsabbiltà ta’ [Pampus]. Dan jammonta għal EUR 56 050 000, li jikkorrispondi għas-somma ta’ EUR 15 485 00, li tirrapreżenta s-somma li għaliha WDI, [WDV] u [Pampus] għandhom ikunu responsabbli in solidum, EUR 30 115 000, li tirrapreżenta s-somma li għaliha WDI u [WDV] għandhom ikunu responsabbli in solidum u EUR 10 450 000, li tirrapreżenta s-somma li għaliha WDI għandha tinżamm responsabbli waħidha.

1177      It-talbiet ta’ [Pampus], [WDV] u WDI dwar in-nuqqas ta’ kapaċità ta’ ħlas għandhom ikunu miċħuda għar-raġunijiet imsemmija fil-premessi 1178 u 1179.

1178      Il-punti segwenti juru fir-rigward ta’ [Pampus] u ta’ WDI tali diffikultajiet finanzjarji serji, li jidhru li ma humiex kapaċi jħallsu l-multa: (i) [Pampus] ma baqgħalhiex kapital tagħha; (ii) [Pampus] għandha kapital operattiv negattiv ta’ madwar EUR 100 miljun, bil-multa inkluża; (iii) [Pampus] selfet flus lil kumpanniji oħra tal-grupp fl-ammont ta’ madwar EUR 140 miljun, self li ma tniżżilx bħala telf iżda li għalih [Pampus] ma hijiex qed tipprevedi rimbors, peress li kull waħda minnhom għandha l-kapital tagħha bin-negattiv u (iv) WDI kellha tieħu self għal perijodu qasir ta’ EUR 20 miljun fi Frar 2010, sabiex tkompli bl-attività tagħha. Pjan ta’ ristrutturizzazzjoni huwa mistenni mill-banek lejn l-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju, sabiex jiġu mgħejjuna jiddeċiedu dwar iż-żamma ta’ linji ta’ kreditu sal-aħħar tas-sena 2010.

1179      Tnaqqis tal-multa skont il-punt 35 tal-[Linji Gwida tal-2006] jista’ jingħata biss jekk hemm rabta ta’ kawżalità bejn id-diffikultajiet finanzjarji u l-eżistenza tal-multa. L-informazzjoni sottomessa minn [Pampus], [WDV] u WDI ma tindikax li din ir-rabta ta’ kawżalità hija preżenti. L-ewwel nett, l-informazzjoni finanzjarja mogħtija fil-qosor fil-premessa 1178 tindika li PIB u WDI probabbilment ma jkomplux bl-attività tagħhom, indipendentement mill-pagament tal-multa. Fi kliem ieħor, ma jidhirx probabbli li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa se jżid iċ-ċans li l-grupp ikompli jopera fil-futur prevedibbli. Is-sopravivenza tal-impriża għalhekk ma tiddependix fuq l-ammont tal-multa, iżda pjuttost fuq deċiżjonijiet meħuda mill-azzjonisti (li jinkludu, fil-livell ta’ WDI, ArcelorMittal bħala terz). It-tieni nett, parti kbira mill-problemi finanzjarji ta’ [Pampus] u WDI ġew ikkawżati minn movimenti reċenti ta’ fondi ta’ [Pampus] lejn kumpanniji oħra miżmuma mill-istess azzjonisti. Fir-rigward tal-ġurisprudenza stabbilita u tal-prattika li l-Kummissjoni għandha dritt tevalwa sa fejn l-azzjonisti jistgħu jassistu finanzjarjament kumpanniji li jinvokaw diffikultajiet sabiex iħallsu multa, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jingħata tnaqqis f’sitwazzjoni fejn il-mezzi finanzjarji ġew ittrasferiti lil kumpanniji marbuta, wara li rċevew id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bil-volontà ċara jew l-effett li tiġi nnegata l-politika ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni.ˮ

a)     Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti

272    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, li tkun adottat l-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatti u ta’ liġi kollha rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63; tat‑30 ta’ Settembru 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra, EU:C:2003:509, punt 87, u tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra, EU:C:2004:379, punt 66).

273    Għandu jiġi kkonstatat li l-kritika relatata mal-evalwazzjoni tal-kapaċità tagħhom ta’ ħlas li r-rikorrenti jippreżentaw fil-kuntest tas-seba’ motiv taqa’ fit-tqegħid inkwistjoni tal-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u għandha, għal din ir-raġuni, tkun marbuta mas-sitt motiv.

274    Għall-kuntrarju, il-qari tal-premessi tad-deċiżjoni kkontestata riprodotti fil-punt 271 iktar ’il fuq jippermetti li jiġi kkonstatat, hekk kif, minbarra dan, il-kontestazzjoni fattwali tal-fondatezza ta’ dawn il-motivi mir-rikorrenti turi, li l-Kummissjoni indikat, bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrenti jifhmuhom u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha, ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li ma għandhiex tagħti tnaqqis ta’ multa skont il-punt 35 tal-Linji Gwida tal-2006.

275    Minn dan isegwi li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

b)     Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-fatt li, peress li ma semgħetx lir-rikorrenti qabel ir-rifjut tagħha li tilqa’ t-talba sabiex jiġi kkunsidrat in-nuqqas ta’ kapaċità ta’ ħlas tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

276    Fil-kuntest tat-tmien motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, billi l-Kummissjoni ma semgħethomx fir-rigward tar-raġunijiet tar-rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija indebitament ċaħdithom mid-dritt għal smigħ li jirriżulta mill-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

277    Skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, qabel ma tieħu d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikoli 7, 8 u 23 u fl-Artikolu 24(2) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriżi involuti fil-proċedura l-opportunità li jesprimu l-fehma tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet ikkunsidrati mill-Kummissjoni. Skont din l-istess dispożizzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata ma tibbażax id-deċiżjonijiet tagħha fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ikkonċernati setgħu jinvokaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

278    Barra minn hekk, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li d-dritt ta’ kull persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli, li huwa żgurat fl-Artikolu 41(1), jinkludi b’mod partikolari d-dritt li persuna tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura individwali li tolqotha b’mod sfavorevoli.

279    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li ġie organizzat smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha huma, barra minn hekk, ipparteċipaw (ara l-punt 34 iktar ’il fuq). Madankollu, huma jsostnu li kellu jsir smigħ ieħor li jirrigwarda l-pożizzjoni li l-Kummissjoni kienet qed tippjana li tadotta f’dak li jirrigwarda t-talba tagħhom ta’ tnaqqis ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom.

280    Issa, l-organizzazzjoni ta’ tali smigħ ma hijiex prevista fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-unika ħaġa rrikonoxxuta minn din id-dispożizzjoni huwa d-dritt tal-impriżi li juru l-perspettiva tagħhom f’dak li jirrigwarda l-“oġġezzjonijietˮ li fuqhom il-Kummissjoni tippjana li tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi ma tikkostitwixxix oġġezzjoni li tista’ tkun il-bażi ta’ deċiżjoni li tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE, iżda tippermetti lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi mressqa insostenn ta’ talba ta’ tnaqqis tal-multa bbażata fuq raġunijiet indipendenti mill-elementi li jikkostitwixxu l-ksur.

281    Fit-tieni lok, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma joħloqx dritt ieħor lill-impriżi li jinstemgħu qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq it-talba tagħhom ta’ tnaqqis ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni pprovduta minnhom.

282    Tali deċiżjoni tikkostitwixxi, mingħajr dubju, miżura individwali svaforevoli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li d-dritt għal smigħ previst fiha għandu jitqies li ġie rrispettat fis-sitwazzjonijiet li fihom, bħal f’dan il-każ, id-deċiżjoni meħuda hija bbażata biss fuq elementi kkomunikati minn min jagħmel it-talba u fid-dawl ta’ kuntest ġuridiku u fattwali magħruf minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Euris Consult vs Il‑Parlament, T‑637/11, Ġabra, EU:T:2014:237, punt 119). Fil-fatt, mill-atti tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja u dan ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, jirriżulta li l-informazzjoni li fuqha l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti hija dik ipprovduta minnhom, jew bħala risposta għall-kwestjonarju li l-Kummissjoni bagħtitilhom jew bl-inizjattiva tagħhom stess.

283    Huwa veru li, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Kummissjoni hija obbligata li tippermetti lil impriża li tkun ressqet talba għal tnaqqis minħabba l-kapaċità ta’ ħlas tagħha sabiex turi l-perspettiva tagħha fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi li hija għandha l-intenzjoni li tapplika sabiex tiċħad din it-talba, f’każ fejn dawn il-punti ma ġewx ikkomunikati lilha minn din l-impriża. Għall-kuntrarju, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra li dawn il-punti li ġew imressqa lilha ma humiex konvinċenti ma jobbligahiex li tikkomunika din l-evalwazzjoni qabel ma tiddeċiedi dwar it-talba.

284    Minn dan jirriżulta li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

c)     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, b’tali mod li “abbużat mis-setgħa diskrezzjonali tagħhaˮ u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti

285    Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni inizjali, ċaħdet it-talba tagħhom ta’ tnaqqis ta’ multa minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom.

 Kunsiderazzjonijiet ġenerali relatati mal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi ssanzjonati minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE

286    Il-punt 35 tal-Linji Gwida tal-2006 jipprevedi l-effett li jista’ jkollha l-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża ssanzjonata talli kisret l-Artikolu 101 TFUE fuq il-kalkolu tal-multa li tista’ tiġi imposta fuqha. Dan il-punt huwa redatt kif ġej:

“F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Il-Kummissjoni ma hijiex ser tnaqqas multa għal din ir-raġuni fuq il-bażi ta’ sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew ta’ defiċit. Tnaqqis jista’ jingħata biss fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dawn il-linji gwida, tippreġudika irrimedjabbilment il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal għat-telf totali tal-valur tal-assi tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

287    Skont ġurisprudenza stabbilita, billi adottat regoli ta’ kondotta bħal-linji gwida u billi stqarret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni għamlet restrizzjoni fuqha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma ssib ruħha li qed twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 251 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 211, u tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, T‑400/09, EU:T:2012:675, punt 40).

288    Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li skont il-punt 35 tal-Linji Gwida tal-2006 tnaqqis ta’ multa jista’ jingħata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u skont il-kundizzjonijiet li huma ddefiniti f’dawn il-linji gwida. B’hekk, minn naħa, għandu jintwera li l-multa imposta “tippreġudika b’mod li irrimedjabbilment il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal għat-telf totali tal-valur tal-assi tagħhaˮ. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ “kuntest ekonomiku u soċjali partikolariˮ għandha wkoll tiġi stabbilita. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li dawn iż-żewġ gruppi ta’ kundizzjonijiet ġew identifikati preliminarjament mill-qrati tal-Unjoni.

289    Fir-rigward tal-ewwel grupp ta’ kundizzjonijiet, ġie deċiż li l-Kummissjoni ma hijiex, bħala regola, obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni, meta tiddetermina l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, il-qagħda finanzjarja ta’ defiċit ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ dan l-obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi li huma l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 251 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 327, u Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, punt 287 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 94).

290    Fil-fatt, li kieku kellu jkun hekk, ikun hemm ir-riskju li dawn l-impriżi jingħataw vantaġġ għad-detriment ta’ impriżi oħra iktar effiċjenti u mmexxija aħjar. B’dan il-fatt, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ qagħda finanzjarja sfavorevoli jew ta’ defiċit tal-impriża kkonċernata ma hijiex biżżejjed sabiex issir talba li titlob lill-Kummissjoni tikkunsidra n-nuqqas tal-kapaċità ta’ ħlas tagħha sabiex tagħti tnaqqis ta’ multa.

291    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li miżura adottata minn awtorità tal-Unjoni tipprovoka l-falliment jew l-istralċ ta’ impriża partikolari ma huwiex prekluż, bħala tali, mid-dritt tal-Unjoni. Għalkemm tali tranżazzjoni tista’ tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-proprjetarji jew tal-azzjonisti, madankollu ma jfissirx li l-elementi personali, materjali jew immaterjali rrappreżentati mill-impriża għandhom jitilfu huma wkoll il-valur tagħhom (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra, EU:T:2004:118, punt 372, u Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 287 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 50).

292    Minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li hija s-sempliċi ipoteżi ta’ telf tal-valur tal-elementi personali, materjali jew immaterjali rrappreżentati minn impriża, fi kliem ieħor, tal-attiv tagħha, li tista’ tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni, waqt l-iffissar tal-ammont tal-multa, tittieħed inkunsiderazzjoni, l-eventwalità tal-falliment jew tal-likwidazzjoni tagħha, wara l-impożizzjoni ta’ din il-multa (sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, punt 287 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 51).

293    Fil-fatt, l-istralċ ta’ kumpannija mhux neċessarjament jimplika t-tmiem tal-impriża inkwistjoni. Din tista’ tibqa’ teżisti bħala tali, kemm fil-każ ta’ rikapitalizzazzjoni tal-kumpannija, u kemm fil-każ ta’ rkupru globali tal-elementi tal-assi tagħha minn entità oħra. Tali rkupru jista’ jseħħ kemm permezz ta’ xiri volontarju, u kif ukoll permezz ta’ bejgħ forzat tal-assi tal-kumpannija f’falliment b’kontinwità tal-operat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, punt 287 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 97).

294    Għalhekk ir-riferiment li sar, fil-punt 35 tal-Linji Gwida tal-2006, għall-privatizzazzjoni tal-assi tal-impriża kkonċernata tal-valur kollu għandu jinftiehem fis-sens li jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn l-irkupru tal-impriża fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt preċedenti, jidher improbabbli, jew saħansitra impossibbli. F’tali ipoteżi, l-elementi li jiffurmaw l-assi ta’ din l-impriża jiġu offruti għall-bejgħ separatament u huwa probabbli li ħafna minnhom ma jinxtrawx jew, aħjar, jinbiegħu bi prezz imnaqqas ħafna (sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, punt 287 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 98).

295    Fir-rigward tat-tieni grupp ta’ kundizzjonijiet, relatati mal-eżistenza ta’ kuntest ekonomiku u soċjali partikolari, dan jirreferi, skont il-ġurisprudenza, għall-konsegwenzi li l-pagament tal-multa jista’ jġib miegħu, b’mod partikolari fil-livell ta’ żieda tal-qgħad jew ta’ deterjorazzjoni tas-setturi ekonomiċi ’l fuq jew ’l isfel tal-impriża kkonċernata (sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra, EU:C:2006:433, punt  106, u Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, punt 287 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 99).

296    Għalhekk, jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi msemmija preċedentament jiġu ssodisfatti, l-impożizzjoni ta’ multa li tista’ tikkawża t-tmiem ta’ impriża tkun kuntrarja għall-għan segwit mill-punt 35 tal-Linji Gwida tal-2006. L-applikazzjoni tal-imsemmi punt għall-impriżi kkonċernati tikkostitwixxi, sa ċertu punt, applikazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, punt 287 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 100).

297    Finalment, kif fakkret ġustament il-Kummissjoni quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji kif ukoll, diversi drabi, fil-kuntest tal-proċeduri bil-miktub u orali quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn l-applikazzjoni tal-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006 tikkostitwixxi l-aħħar punt meħud inkunsiderazzjoni meta jiġi ffissat l-ammont tal-multi imposti għall-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi ssanzjonati taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa prevista fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

298    Fir-rigward tal-portata ta’ din il-kompetenza, għandu jitfakkar li hija tikkostitwixxi modalità ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li llum jinsab espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li jikkorrispondi, fid-dritt tal-Unjoni, għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra, EU:C:2011:815, punt 51; tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, Ġabra, EU:C:2012:684, punt 47, u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, Ġabra, EU:C:2013:522, punt 36).

299    Skont il-ġurisprudenza, fil-fatt, l-osservanza tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma teskludix li, fi proċedura ta’ natura amministrattiva, tiġi imposta qabel kollox “piena” minn awtorità amministrattiva. Madankollu hija tippresupponi li d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li fiha nnifisha ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB tkun suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ korp ġudizzjarju b’ġurisdizzjoni sħiħa. Fost il-karatteristiċi ta’ tali korp ġudizzjarju hija inkluża s-setgħa ta’ riforma tal-punti kollha, ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi, tad-deċiżjoni meħuda. Tali korp għandu b’mod partikolari jkollu ġurisdizzjoni li jiddeċiedi l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti għall-kawża quddiemu (sentenza Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, punt 298 iktar ’il fuq, EU:C:2013:522, punt 35; ara Qorti EDB, Menarini Diagnostics vs L‑Italja, Nru 43509/08, § 59, tas‑27 ta’ Settembru 2011, u Segame vs Franza, Nru 4837/06, § 55, tas‑7 ta’ Ġunju 2012).

300    Barra minn hekk, l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi ma tiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali, li hija ċertament obbligata li tirrispondi għall-motivi mqajma u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt, tkun obbligata twettaq ex officio istruttorja ġdida u sħiħa tal-proċess (sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 298 iktar ’il fuq, EU:C:2011:815, punt 66).

301    Għalhekk, minbarra l-motivi ta’ ordni pubbliku li hija għanda teżamina, u jekk ikun il-każ, tqajjem ex officio, il-Qorti tal-Unjoni għandha twettaq l-istħarriġ tagħha abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati, u ma tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi sabiex tirrinunzja milli teżerċita stħarriġ fid-dettall kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 298 iktar ’il fuq, EU:C:2011:815, punt 62).

302    Fl-aħħar nett, kif imfakkar fil-punt 109 iktar ’il fuq u kif issostni korrettament il-Kummissjoni, il-qorti ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, għandha, bħala regola, u mingħajr preġudizzju għall-eżami tal-provi prodotti lilha mill-partijiet, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt prevalenti fid-data li fiha hija tiddeċiedi meta tqis li huwa ġġustifikat li teżerċita s-setgħa tagħha li tibdel deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra, EU:C:1974:18, punti 51 u 52; tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il‑Kummissjoni, T‑275/94, Ġabra, EU:T:1995:141, punt 61, u tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra, EU:T:2011:560, punti 282 sa 285). A fortiori, hekk għandu jkun fil-każijiet fejn, bħal f’dan il-każ, l-ammont tal-multa li għandha tħallas il-kumpannija ssanzjonata wara li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ ħlas tagħha huwa dak li jirriżulta mid-deċiżjoni adottata mill-Qorti Ġenerali wara rikors ippreżentat minnha, fejn il-pagament effettiv tal-multa jkun inbidel.

303    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali u fid-dawl tal-motivi ta’ fatt u ta’ liġi ppreżentati mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali li għandu jiġi evalwat ir-raġunament li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

 2. Fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata

304    Fil-premessi 1176 sa 1178 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 271 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet tar-rikorrenti billi rrilevat li WDI u Pampus kellhom diffikultajiet finanzjarji serji tant li kienu jidhru li ma kellhomx kapaċità li jħallsu l-multa. Dan l-eżami kien ibbażat fuq il-punti segwenti.

305    L-ewwel nett, WDI kellha tieħu self għal perijodu qasir ta’ EUR 20 miljun fi Frar 2010, li kien indispensabbli sabiex jippermettilha tkompli l-attivitajiet tagħha. Il-banek kienu qed jistennew pjan ta’ ristrutturazzjoni lejn l-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2010, data li fiha l-banek kellhom jiddeċiedu dwar iż-żamma tal-linji ta’ kreditu sal-aħħar tas-sena.

306    It-tieni nett, Pampus ma kienx baqgħalha kapital tagħha. Skont il-Kummissjoni, il-kapital operattiv ta’ din il-kumpannija kien negattiv b’madwar EUR 100 miljun, bil-multa inkluża.

307    It-tielet nett, Pampus kienet selfet flus lil kumpanniji oħra tal-grupp għal ammont ta’ madwar EUR 140 miljun. Għalkemm dan is-self ma tniżżilx bħala telf, Pampus ma kinitx qed tipprevedi rimbors, peress li l-kapital ta’ kull waħda mill-kumpanniji debitriċi kien negattiv.

308    Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti, fil-premessa 1179 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 271 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal tnaqqis tal-multa mressqa mir-rikorrenti għat-tliet raġunijiet li ġejjin.

309    L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multa ma jżidx iċ-ċans ta’ sopravivenza tal-grupp fil-futur prevedibbli. B’hekk, anki jekk il-multa titnaqqas għal kollox, Pampus u WDI probabbilment ma jibqgħux joperaw.

310    It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, ikun xi jkun l-ammont tal-multa imposta, is-sopravvivenza tal-grupp tiddependi fuq deċiżjonijiet meħuda mill-azzjonisti, fosthom ArcelorMittal, li kellha terz tal-kapital ta’ WDI.

311    It-tielet nett, parti kbira mill-problemi finanzjarji li kellhom Pampus u WDI oriġinaw minn movimenti ta’ fondi reċenti ta’ Pampus lil kumpanniji oħra tal-grupp. Għall-Kummissjoni, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jingħata tnaqqis f’sitwazzjoni fejn, wara li tirċievi dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-mezzi finanzjarji jiġu ttrasferiti lil kumpanniji relati “bil-volontà ċara jew l-effett li tiġi nnegata l-politika ta’ sanzjoni tal-Kummissjoniˮ. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni speċifikat li dan l-aħħar motiv waħdu kien biżżejjed sabiex jiġġustifika r-rifjut ta’ kull talba ta’ tnaqqis ta’ multa mressqa mir-rikorrenti, peress li n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ ħlas allegat kien joriġina minn deċiżjonijiet ta’ tmexxija diskrezzjonali li huma stess kienu adottaw.

312    Issa, kuntrarjament għal dak li kien maħsub fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma waqfux joperaw wara x-xahar ta’ Ġunju 2010. Dan il-fatt ċertament jibqa’ mingħajr effett fuq il-legalità tal-evalwazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata. Xorta jibqa’ l-fatt li huwa jista’ joħloq dubju, mill-inqas f’moħħ il-qorti, dwar is-serjetà u l-fondatezza tal-analiżi tal-perspettivi li kienet toffri s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-portata tal-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata dakinhar lill-Kummissjoni.

313    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jesponu, min-naħa tagħhom, b’mod konvinċenti r-raġunijiet li għalihom, fid-dawl tal-portata tal-provi li pproduċew insostenn tat-talba tagħhom għall-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni ma jikkorrispondux maċ-ċirkustanzi li kienu l-iktar probabbli dak iż-żmien.

314    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jistabbilixxu b’mod suffiċjenti li l-perspettivi tagħhom fuq perijodu medju u fuq perijodu twil kienu pożittivi u kienu jippermettulhom b’hekk jiksbu s-sostenn tal-kredituri tagħhom matul il-perijodu kollu tal-kriżi li beda fl-2009. Id-dokumenti prodotti għal dan il-għan mir-rikorrenti juru l-isforzi sinjifikattivi li saru sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tagħhom u jiġi rristrutturat il-grupp Pampus wara t-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ marbut mal-kriżi ekonomika. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta wkoll li l-grupp Pampus minn dejjem kien jaf iżomm relazzjoni tajba mal-banek tiegħu, billi jipprova jikseb b’mod kontinwu l-aħjar kundizzjonijiet ta’ finanzjarjament possibbli sabiex jippreżerva u jkompli l-attività tiegħu minkejja d-diffikultajiet serji li ltaqa’ magħhom.

315    Dan huwa l-każ tas-self ta’ EUR 20 miljun mogħti mill-banek lir-rikorrenti fi Frar 2010 li ppermettilhom jiksbu l-likwidità neċessarja sabiex jevitaw il-waqfien tal-pagamenti. Dan il-ftehim ta’ status quo (standstill), li l-proroga tiegħu kienet serjament maħsuba qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li saret fit‑2 ta’ Lulju 2010, kien eżempju tar-rieda tal-istabbilimenti finanzjarji sabiex inaqqsu d-diffikultajiet ta’ likwidità tal-grupp. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma siltet l-ebda konsegwenza mill-eventwalità ta’ dan it-tiġdid. Fil-kuntest ta’ dak li ġara wara l-kriżi ekonomika ġenerali li seħħet fl-2008, is-sostenn kontinwu mogħti mir-rikorrenti mill-banek tagħhom seta’ madankollu jwassal sabiex ikun maħsub li dawn tal-aħħar ma kkunsidrawx li l-grupp Pampus kellu nuqqas strutturali ta’ vijabbiltà finanzjarja, iżda iktar problemi ta’ likwidità. Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, fl-analiżi tagħha l-Kummissjoni manifestament naqset milli tikkunsidra bħala suffiċjentement probabbli ż-żamma tal-faċilitajiet ta’ likwidità mogħtija mir-rikorrenti mill-banek tagħhom fil-każ fejn il-vijabbiltà finanzjarja tagħhom ma tonqosx b’mod sinjifikattiv. L-impożizzjoni ta’ multa li tammonta għal dik maħsuba fid-deċiżjoni inizjali min-naħa l-oħra kienet tali li tista’ twassal għal tnaqqis ta’ dan it-tip. Għalhekk, barra minn hekk, huwa żbaljat li, fuq l-evalwazzjoni ta’ dan il-punt ta’ kuntest li hija għamlet minħabba r-raġunijiet li abbażi tagħhom ġiet miċħuda t-talba ta’ tnaqqis tal-multa mressqa mir-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset li l-ammont tal-multa finalment impost fuq ir-rikorrenti ma kellu l-ebda rwol.

316    Fit-tieni lok, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jesponu wkoll, b’mod iddettaljat u konvinċenti r-raġunijiet li għalihom it-trasferimenti ta’ ammonti ta’ iktar minn EUR 100 miljun [self minn Pampus lil Pampus Stahlbeteiligungsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “PSBˮ), li jikkorrispondu għal dejn ta’ PSB fuq il-grupp Ovako] u ta’ iktar minn EUR 140 miljun [dejn ta’ Pampus fuq Pampus Automotive GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “PAMˮ), ta’ madwar EUR 55 miljun, TSW Trierer Stahlwerk GmbH (iktar ’il quddiem it-“TSWˮ), ta’ madwar EUR 79 miljun, u Speralux SA, ta’ madwar EUR 10 miljuni] ma setgħux, fid-dawl tal-provi li huma pproduċew insostenn tat-talba tagħhom, jiġu kkunsidrati bħala telf pur u sempliċi, kif għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha, sabiex tasal għall-konklużjoni radikali tat-telf totali tal-valur tad-dejn miżmum minn Pampus fil-konfront tal-kumpanniji l-oħra tal-grupp, b’analiżi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanniji debituri limitata għall-eżami tal-bilanċi tal-kontijiet annwali tagħhom, mingħajr fl-istess ħin ma tipprova tevalwa l-vijabbiltà tagħhom, anki għal perijodu qasir. Peress li ma għamlitx tali analiżi, il-Kummissjoni ttraskurat kunsiderazzjoni essenzjali tal-opportunitajiet ta’ rimbors tas-self inkwistjoni.

317    Barra minn hekk, il-fatti li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata – anki jekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-legalità tagħha – jikkorroboraw il-mod superfiċjali li bih għamlet l-analiżi l-Kummissjoni. B’hekk, huwa paċifiku li s-self ta’ Pampus lil PSB ma ġiex iddeprezzat fit-totalità tiegħu, iżda sempliċement bin-nofs, jiġifieri ammont ta’ EUR 50.5 miljun, li, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni wassal għal “titjib nett tal-istat tal-kapital stess ta’ Pampusˮ. Huwa wkoll paċifiku li d-dejn ta’ Pampus fuq PAM ġie ddeprezzat biss sa EUR 26.5 miljun, jiġifieri n-nofs u mhux is-self kollu mogħti.

318    It-tieni nett, ir-rikorrenti għandhom raġun meta jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni, tqis li kull talba għal tnaqqis ta’ multa min-naħa tagħhom setgħet biss tiġi miċħuda minħabba t-trasferimenti finanzjarji li saru bejn Pampus u kumpanniji oħra tal-istess grupp wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

319    Minn naħa, il-Kummissjoni setgħet tirrifjuta, kif għamlet, li tikkunsidra r-raġunijiet li għalihom saru dawn it-trasferimenti bejn il-grupp. Issa, mill-punti ta’ fatt ikkomunikati lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn il-finanzjamenti mogħtija lil kumpanniji tal-grupp kienu intiżi sabiex jissodisfaw il-ħtieġa li jiġu ffinanzjati akkwisti magħmula qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet kif ukoll, fir-rigward ta’ trasferimenti magħmula wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex jippermettu li jitkomplew l-attivitajiet ta’ dawn il-kumpanniji.

320    Fil-fatt, minkejja li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata fit‑30 ta’ Settembru 2008 (premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata), hija ġiet innotifikata lir-rikorrenti, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom, li ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni, fit‑2 ta’ Ottubru 2008. Mill-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti bħala tweġiba għall-mistoqsijiet li l-Kummissjoni għamlitilhom matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li l-grupp Ovako kien ġie akkwistat fl-2006, u li t-trasferimenti finanzjarji li saru sabiex isir dan l-akkwist, fosthom is-self kontenzjuż mogħti lil PSB, kienu seħħew mill-2007. Bl-istess mod, PAM kienet ġiet akkwistata fl-2007 u TSW fl-2005. It-trasferimenti kontenzjużi li saru wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bħas-self mogħti lil Speralux, kienu għalhekk intiżi sabiex ikopru l-bżonnijiet ta’ likwidità ta’ kumpanniji li, fid-data li fiha d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet innotifikata, kienu jagħmlu parti mill-grupp Pampus.

321    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, kif ġustament isostnu r-rikorrenti, ma setgħetx ma tikkunsidrax is-sitwazzjoni finanzjarja tal-grupp Pampus b’mod globali, u l-vijabbiltà ta’ dan il-grupp. Hekk kif ir-rikorrenti informaw lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bl-eċċezzjoni ta’ TSW, il-kumpanniji kollha li bbenefikaw mit-trasferimenti finanzjarji kkontestati kienu fil-kontroll esklużiv ta’ kumpanniji holding familjari, bħal Pampus, li kienu kollha miżmuma, fl-istess proporzjonijiet, mill-istess soċji, jiġifieri Pa. u ż-żewġ ulied bniet tiegħu. Fir-rigward ta’ TSW, żewġ terzi tagħha kienu direttament miżmuma minn Pa. u minn waħda miż-żewġ ulied bniet tiegħu u setgħet għalhekk titqies, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ Pampus, li tagħmel parti mill-istess grupp. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni għalhekk kellha tikkunsidra li t-trasferimenti finanzjarji magħmula għall-benefiċċju ta’ kumpanniji oħra li jappartjenu għall-istess grupp ma kellhom l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ Pampus.

322    Fit-tielet lok, mill-iżbalji ta’ evalwazzjoni li għadhom kemm ġew irrilevati jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx korrettament tikkunsidra, kif għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont tal-multa li kellha l-intenzjoni li timponi fuq ir-rikorrenti ma setax ikollu effett fuq il-vijabbiltà tagħhom. Huwa għalhekk żbaljat li hija kkunsidrat li l-ammont inkwistjoni ma kienx rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom.

323    Fir-raba’ lok, u finalment, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jistabbilixxu li l-intervent tal-azzjonisti tagħhom kien improbabbli jirriżultaw minn qari ineżatt tad-deċiżjoni kkontestata u, għalhekk, huma ineffettivi. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma qisitx li tali intervent kien probabbli, iżda ssodisfat ruħha, b’mod inċidentali, billi tirrileva li, fl-opinjoni tagħha, is-sopravvivenza tar-rikorrenti setgħet tiddependi biss fuq tali interventi (ara l-premessa 1179 tad-deċiżjoni kkontestata, riprodotta fil-punt 271 iktar ’il fuq).

324    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta evalwat il-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ natura li jistgħu jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata b’illegalità. Tali konstatazzjoni tiġġustifika, bħala regola, li l-Qorti Ġenerali tevalwa jekk hemmx bżonn, bħala konsegwenza kif ukoll jekk ir-rikorrenti jitolbuha tagħmel dan, li jinbidel l-ammont tal-multi imposti fuqhom. Madankollu, dan jista’ ma jkunx il-każ, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, jekk l-analiżi li għamel id-Direttur Ġenerali fl-ittra tal-14 ta’ Frar 2011 tista’ tipprovdi bażi fattwali u legali għaċ-ċaħda tat-talba għal tnaqqis ta’ multa mressqa mir-rikorrenti. Peress li huma jikkontestaw ukoll din it-tieni analiżi, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tagħha.

 3. Fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti fl-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011

325    Għandu jitfakkar li t-talba l-ġdida ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom imressqa mir-rikorrenti reġgħet ġiet miċħuda fl-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, għal raġunijiet differenti minn dawk li ntużaw fid-deċiżjoni kkontestata. Il-partijiet rilevanti tal-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011 huma s-segwenti:

“Fit‑12 ta’ Awwissu 2010, WDI, WDV u [Pampus] […] talbu tnaqqis tal-ammont tal-multi tagħhom konformement mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 35 tal-Linji Gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-multi, kundizzjonijiet li japplikaw b’analoġija minħabba l-insolvenza li huma jallegaw.

Abbażi ta’ din it-talba u informazzjoni oħra pprovduta mill-partijiet sas‑7 ta’ Frar 2011, id-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni stħarrġu din l-informazzjoni u data u vverifikaw li t-tliet impriżi msemmija hawn fuq ma kinux f’pożizzjoni li jħallsu l-multi kif jiddikjaraw huma. Huma analizzaw b’mod partikolari l-effetti tal-multa fuq il-vijabbiltà ta’ dawn it-tliet impriżi u kkunsidraw ukoll ir-relazzjonijiet tagħhom mal-banek u mal-azzjonisti tagħhom kif ukoll il-kapaċità ta’ dawn tal-aħhar li jgħinu lill-impriżi finanzjarjament sabiex ikunu jistgħu jħallsu l-multi imposti bid-[deċiżjoni kkontestata].

Minn dan l-eżami jirriżulta li WDI ma pprovdiet ebda informazzjoni u lanqas ma pproduċiet provi ġodda li juru l-ħlas tal-multa ta’ EUR 46 550 000 kienet ser tikkomprometti irrimedjabbilment il-vijabbiltà tagħha. Għall-kuntrarju, minn informazzjoni li WDI pproduċiet sas‑7 ta’ Frar 2011 jirriżulta li hija kienet f’pożizzjoni li tħallas l-ammont totali tal-multa. Nirriferi b’mod partikolari għall-previżjonijiet tal-cash flow nett tas-snin li ġejjin li inthom bgħattulna għal WDI: EUR 13.3 miljuni għall-2011 (inkluż EUR 1.37 miljun għar-rimbors ta’ self għal perijodu twil), EUR 17.7 miljun għall-2012 (inkluż EUR 0.7 miljun għar-rimbors ta’ self għal perijodu twil), EUR 14.8 miljun għall-2013, EUR 21.5 miljun għall-2014, EUR 22.3 miljun għall-2015 u EUR 25.4 miljun għall‑2016. Dawn il-previżjonijiet tal-cash flow nett huma r-riżultat tal-analiżi tal-cash flow pożittiv tal-attivijiet li qed isiru u l-investimenti limitati. WDI ma wrietx li bi previżjonijiet ta’ cash flow daqstant solidi, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tħallas il-multa.

Dawn il-previżjonijiet ta’ cash flow nett ma jiħdux inkunsiderazzjoni r-rimborsi, anki jekk parzjalment, tas-self mogħti minn WDI lil kumpanniji li jappartjenu lilha, minkejja li tali rimbors ma jistax jiġi eskluż. Barra minn hekk, minn informazzjoni li ġiet ipprovduta jirriżulta li l-banek ta’ WDI jistgħu jimputaw djun ieħor tal-artijiet fuq assi korporali ta’ WDI.

Nikkunsidra wkoll li ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-kapaċità ta’ ħlas ta’ WDV u ta’ [Pampus] f’dan il-każ peress li WDI, li hija l-unika kumpannija tal-grupp Pampus li ġiet ikkundannata għall-ħlas totali tal-multa ta’ EUR 46 550 000, hija f’pożizzjoni li tiffinanzja din il-multa kollha jew li tikseb garanzija bankarja għal dan l-istess ammont kollu. Inqis li pagament provviżorju jew garanzija aċċettabbli għas-servizzi ta’ kontabbiltà tal-Kummissjoni li tkopri l-ammont ta’ EUR 46 550 000 għat-tul tal-proċedura ġudizzjarja kollha għandu jkun biżżejjed għall-Kummissjoni sabiex tiżgura d-dejn individwali u in solidum tat-tliet impriżi kkonċernati sal-għeluq tal-proċedura ġudizzjarja.

Nixtieq nenfażizza wkoll li, fl-opinjoni tiegħi, l-ebda waħda mill-impriżi, sa issa, ma wriet rabta kawżali jew ċara, fis-sens tal-punt 1179 tad-[deċiżjoni kkontestata], bejn il-multa imposta u s-sitwazzjoni finanzjarja allegatament delikata ħafna ta’ WDI. L-informazzjoni ġdida li ġiet ipprovduta lill-Kummissjoni bejn l-adozzjoni tad-[deċiżjoni kkontestata] u s‑7 ta’ Frar 2011 tindika b’mod ċar, għall-kuntrarju, li wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, WDI approvat self lil impriżi terzi tal-grupp Pampus mingħajr ma imponiet pjani ta’ rimbors lill-benefiċjarji. Dan is-self, sa madwar EUR 115 miljun, jeċċedi b’mod manifest l-ammont tal-multa imposta fuq WDI.

Għalhekk għandi ninformak li, wara eżami akkurat tal-informazzjoni u data ġdida li inti bgħattilna bejn id-data li fiha rċevejt id-deċiżjoni kkontestata u s‑7 ta’ Frar 2011, ma nara l-ebda raġuni sabiex jinbidel jew jonqos l-ammont tal-multi imposti fuq WDI, WDV u [Pampus] permezz tal-Artikolu 2 tad-[deċiżjoni kkontestata] u ma nistax għalhekk nilqa’ t-talba tiegħek.ˮ

326    Sabiex jikkontestaw ir-raġunament espost fl-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, li prinċipalment jieħu inkunsiderazzjoni l-previżjonijiet ta’ cash-flow nett ta’ WDI, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li dan il-kriterju biss ma jistax ikun il-bażi tal-analiżi tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża fir-rigward tal-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006.

327    Huwa minnu li l-previżjonijiet ta’ cash-flow nett għandhom natura għal kollox imprevedibbli li fuqhom ma tistax tiddependi b’mod esklużiv l-analiżi tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jikkunsidraw ir-rikorrenti, din in-natura imprevedibbli ma hijiex biżżejjed sabiex jitqiegħdu inkwistjoni d-deduzzjonijiet li setgħu jsiru minn din l-informazzjoni, li huma taw fil-kuntest tat-talba tagħhom ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom, fir-rigward tal-kapaċità verosimili ta’ WDI sabiex jittieħdu xi benefiċċji.

328    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti għandhom raġun isostnu li, sabiex jiċħad it-talba tagħhom għal tnaqqis tal-multa, id-Direttur Ġenerali ma setax ma jiħux inkunsiderazzjoni dak li huma kienu stabbilixxew b’mod suffiċjenti, permezz tal-produzzjoni ta’ numru ta’ rifjuti minn banek li kienu diġà approvawlhom self kif ukoll bil-produzzjoni ta’ diversi rapporti ta’ analiżi finanzjarja, li kien impossibbli għalihom li jħallsu f’pagament wieħed l-ammont totali tal-multi finalment imposti fuqhom, kif kien jirriżulta mill-ewwel deċiżjoni ta’ bidla, milli jiksbu finanzjament jew saħansitra garanzija bankarja sa dan l-ammont.

329    F’dan ir-rigward, kif diġà kkonstata l-Imħallef għal miżuri provviżorji (digriet Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, EU:T:2011:178, punti 35 u 43), ir-rikorrenti pproduċew iktar minn għexur ta’ rifjuti ta’ self motivati u għandu jiġi preżunt li bank, meta jadotta deċiżjoni, pożittiva jew negattiva, dwar kreditu u garanzija, dejjem jipproteġi l-interessi tiegħu bħala stabbiliment ta’ kreditu u għandu barra minn hekk jaġixxi b’tali mod għall-benefiċċju tal-azzjonisti tiegħu.

330    Minbarra dan, ir-raġunijiet li għalihom il-motiv ibbażat fuq l-intervent tat-tranżazzjonijiet finanzjarji fil-grupp ma setgħux ikunu biżżejjed f’dan il-każ sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut tat-talba għal tnaqqis ta’ multi mressqa mir-rikorrenti ġew esposti fil-punti 316 sa 321 iktar ’il fuq.

331    Minn dan isegwi li, sabiex tiġi miċħuda t-talba għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom imressqa mir-rikorrenti, id-Direttur Ġenerali wettaq żbalji ta’ natura li jivvizzjaw il-legalità tal-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011.

332    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żbalji meta, f’żewġ okkażjonijiet, evalwat il-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti. Dawn l-iżbalji huma ta’ natura, minn naħa, li jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu ġiet imposta multa permezz tagħha fuq ir-rikorrenti kif ukoll tal-ittra tal-14 ta’ Frar 2011, u, min-naħa l-oħra, jiġġustifikaw li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

4.     Fir-rigward tal-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha

333    Kif tfakkar fil-punti 286 sa 303 iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 35 tal-Linji Gwida tal-2006 jirriżultaw mill-ġurisprudenza u xejn ma jipprekludi lill-Qorti Ġenerali, sakemm ma tkunx marbuta mil-linji ġenerali adottati mill-Kummissjoni (ara l-punt 227 iktar ’il fuq), milli tapplika dawn l-istess kundizzjonijiet fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

334    Peress li l-eżami tal-ewwel erba’ motivi tar-rikors ma wera l-ebda żball ta’ natura li jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata u l-Qorti Ġenerali ma sabet l-ebda raġuni sabiex tikkunsidra bħala mhux xieraq l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti kif jirriżulta mill-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa għalhekk fir-rigward ta’ dan l-ammont li għandha ssir l-evalwazzjoni ġdida tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti.

335    Barra minn hekk, sabiex tiżgura l-effett utli tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża fir-rigward tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha, il-Qorti Ġenerali għandha, meta trid teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tevalwa s-sitwazzjoni li kienet prevalenti fid-data li fiha adottat id-deċiżjoni tagħha (ara l-punti 109 u 302 iktar ’il fuq), fir-rigward ta’ dokumenti li l-partijiet jistgħu jippreżentawlha, bla ħsara għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991, sal-għeluq tal-proċedura orali.

336    F’dan ir-rigward, il-partijiet kellhom il-possibbiltà li jinkludu fil-fajl tal-kawża dokumenti li saru wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub li t-tnejn li huma kienu semmew l-eżistenza tagħhom waqt is-seduta pubblika. Huma użaw din il-possibbiltà u kull waħda ppreżentat osservazzjonijiet fuq l-imsemmija dokumenti. Minbarra dan, kull parti ddikjarat il-pożizzjoni tagħha fuq l-osservazzjonijiet tal-parti ta’ kontra.

337    Ir-rikorrenti jsostnu li l-eżami tad-data l-iktar reċenti juri li huma ma għandhomx biżżejjed likwidità sabiex jiżguraw il-pagament tal-multa kollha li ġiet imposta fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata. Huma lanqas jistgħu jirrikorru għand stabbilimenti ta’ kreditu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżiġibbiltà tal-pagament tal-multa jwassal għal-likwidazzjoni tagħhom, fil-kuntest li fih id-dejn tal-Kummissjoni ma jkunx ta’ prijorità.

338    L-istabbilimenti li diġà tawhom kreditu ma humiex disposti li jżidu l-appoġġ tagħhom, kif juri r-rifjut tagħhom li jagħtu proroga tal-faċilitajiet ta’ kreditu li huma kienu talbu għal tliet snin fl-2013. B’hekk, il-banek aċċettaw li jġeddu l-linji ta’ kreditu mogħtija lir-rikorrenti biss mill‑14 ta’ Settembru 2014 sat‑30 ta’ Novembru 2015.

339    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma rnexxielhomx ibigħu l-attiv li huma kienu qed jantiċipaw li jaffettwa r-riżultat sabiex jitnaqqas id-dejn. Din is-sitwazzjoni kienet turi l-vijabbiltà finanzjarja dgħajfa tal-artijiet u tal-installazzjonijiet u, għalhekk il-valur baxx tal-attiv li huma kienu qed jippjanaw li jiddisponu minnu.

340    It-titjib fir-riżultat ta’ kontabbiltà tagħhom fil-parti l-kbira tiegħu jirriżulta mir-reintegrazzjoni tal-fondi li huma kienu kisbu minħabba l-pagament tal-multa. Minbarra dan, it-tnaqqis tad-dejn ta’ Pampus ma għandux effett fuq il-kapaċità ta’ ħlas tagħhom. Barra minn hekk, l-effetti ta’ tnaqqis tal-piż fiskali li seħħ permezz tal-pagamenti perjodiċi fir-rigward tal-investimenti li saru fl-aħħar ħames snin waslu sabiex jispiċċaw.

341    Il-ħlasijiet perjodiċi li kienu jagħmlu skont id-digriet Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq (EU:T:2011:178), kienu jirrappreżentaw responsabbiltà finanzjarja annwali ta’ EUR 3.6 miljun, li kienet tipprekludihom milli jwettqu l-investimenti neċessarji sabiex iżommu l-kompetittività tagħhom.

342    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-likwidazzjoni tagħhom twassal għat-telf tal-valur tal-attiv tagħhom. Fl-opinjoni tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat li, jekk ikun hemm persuna waħda li tippjana li tixtrihom, il-valur tal-attiv tagħhom jonqos immedjatament b’madwar 25 %.

343    Fl-aħħar nett, ma għandhomx jiġu kkunsidrati dikjarazzjonijiet li saru mill-grupp Penta/Equinox f’dak li jirrigwarda l-vijabbiltà tal-bilanċ tagħhom, peress li tali dikjarazzjonijiet jissodisfaw tħassib ta’ immaġni u ma joffru l-ebda garanzija ta’ sinċerità.

344    Konsegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali għandha tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa, peress li l-kumulu ta’ tnaqqis flimkien ma’ tqassim ta’ pagamenti jista’ biss ikollu natura eċċezzjonali. Fl-opinjoni tagħhom, kull multa tista’ titħallas, u dan ikun xi jkun l-ammont, jekk il-pagamenti jistgħu jitqassmu fuq perijodu twil biżżejjed. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għandha tpoġġi ruħha fid-data li fiha l-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom, bla ħsara għall-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi l-oħra saret f’din l-istess data.

345    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

346    Għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li, fid-digriet Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq (EU:T:2011:178), ir-rikorrenti ġew ikkundannati sabiex iħallsu, provviżorjament, ammont ta’ EUR 2 miljun kif ukoll ammont ta’ kull xahar li jirrappreżenta pagament annwali supplimentari ta’ EUR 3.6 miljun. Huwa paċifiku li r-rikorrenti sa issa ħallsu dan l-obbligu, tant li l-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tippermettilhomx iħallsu l-multa tirrigwarda biss is-somma li tirrappreżenta madwar żewġ terzi tal-ammont inizjalment impost fuq WDI. Huwa paċifiku, fil-fatt, li l-ammonti diġà mħallsa jirrappreżentaw iktar minn EUR 15‑il miljun.

347    Huwa wkoll paċifiku li, bejn l-2011 u l-2013, ir-rikorrenti wettqu ristrutturizzazzjoni tagħhom infushom, li fi tmiemha Pampus dehret li ħelset mid-dejn fir-rigward tal-istabbilimenti ta’ kreditu. Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li mill-ittra li dawn bagħtu fit‑28 ta’ Mejju 2014 jirriżulta li d-dejn akkumulat tal-grupp Pampus naqas minn EUR 350 miljun fl-2010 għal EUR 160 miljun fl-2013, b’mod partikolari minħabba r-rinunzji ta’ dejn approvat minn stabbilimenti ta’ krediti u skambji ta’ dejn (swap) mal-investitur Penta/Equinox, li, f’dak iż-żmien, kien qed jippjana li jakkwista l-grupp filwaqt li jittrasforma d-dejn tiegħu f’teħid ta’ ishma. F’din l-okkażjoni, Penta/Equinox ippubblika stqarrija għall-istampa, prodotta mill-Kummissjoni, li fih kien qed jikkunsidra li l-bilanċ tar-rikorrenti kien “vijabbliˮ (sustainable balance sheet).

348    Il-Kummissjoni tindika wkoll, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li r-rikorrenti biegħu ishma li huma kienu jżommu f’kumpanniji oħra, u li r-riżultat tal-bejgħ tagħhom intuża sabiex jonqos id-dejn tagħhom. Huwa paċifiku wkoll li, mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-linji ta’ kreditu approvati tar-rikorrenti ġew kull darba mġedda meta skadew. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-rikorrenti rnexxielhom inaqqsu l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom, kemm permezz ta’ nnegozjar ta’ kundizzjonijiet kummerċjali favorevoli (stokks ikkunsinnati għand il-klijenti tagħhom, estensjoni ta’ termini ta’ pagament aċċettata mill-fornitur tagħhom) kif ukoll permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim mal-impjegati tagħhom sabiex inaqqsu l-ispiża tax-xogħol.

349    Mir-rapporti annwali għas-sena finanzjarja 2013, inklużi fil-fajl mill-partijiet, jirriżulta li l-perspettivi operattivi ta’ WDI kemm fir-rigward tal-previżjonijiet ta’ ordnijiet kif ukoll tal-vijabbiltà tal-impriżi kienu favorevoli.

350    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-indizji kollha juru l-affidabbiltà tal-imsieħba finanzjarji u kummerċjali tagħhom f’dak li jirrigwarda l-vijabbiltà tagħhom, filwaqt li, kif imfakkar fil-punt 288 iktar ’il fuq, hija l-impriża li ressqet it-talba li għandha turi li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha hija tali li l-pagament tal-multa imposta fuqha jwassal għat-telf tal-valur tal-attiv tagħha. Issa, ir-rikorrenti stess sostnew li, fil-każ, ipotetiku, li l-pagament tal-multa jwassal għal-likwidazzjoni tagħhom, għandu jkun mistenni li l-valur tal-attiv tagħhom jonqos b’madwar 25 %, liema fatt ma jikkostitwixxix telf tal-valur kollu.

351    Minbarra dan, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tar-rikorrenti li ma għandhomx il-likwidità meħtieġa sabiex iħallsu l-multa, peress li ma jista’ jingħata l-ebda tnaqqis tal-multa għal din ir-raġuni.

352    Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punti 347 u 348 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti rnexxielhom, bejn l-2001 u l-2013, inaqqsu d-dejn tagħhom b’ammont li kull sena kien iktar mill-ammont inizjali tal-multa, filwaqt li l-istabbilimenti ta’ kreditu dejjem aċċettaw li jġeddu l-faċilitajiet mogħtija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tagħhom li l-ebda stabbilimenti ta’ kreditu ma kien lest li jkompli jappoġġjahom iktar fil-każ li l-ammont tal-multa li kien għad baqgħalhom iħallsu jintalab ma tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita, u dan mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għar-rikorrenti li jitolbu lill-Kummissjoni tagħtihom hi stess faċilitajiet ta’ pagament.

353    Minbarra dan, l-inkapaċità tar-rikorrenti li jsibu xerrejja għall-elementi tal-attiv kollha, li minnhom hemm uħud, kif hija stess issostni, li ma humiex vijabbli, ma għandhiex tkun biżżejjed sabiex turi l-inkapaċità tagħhom li jassumu l-pagament tal-multa.

354    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li t-titjib tar-riżultati tagħhom jirriżulta mir-reintegrazzjoni tal-fondi li huma kienu ġabu sabiex iħallsu l-multa, għandu jiġi osservat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li din ir-reintegrazzjoni tikkorrispondi għall-ammonti diġà mħallsa b’mod provviżorju, fl-eżekuzzjoni tad-digriet Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq (EU:T:2011:178), u li l-fondi li jikkorrispondu għall-ammonti li għad għandhom jitħallsu f’każ ta’ rifjut tar-rikors tagħhom mill-Qorti Ġenerali ma ġewx reintegrati.

355    F’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi negattivi li jġib miegħu l-pagament tal-multa, għandu jitfakkar li l-possibbiltà għal impriża li tikseb tnaqqis minħabba l-assenza tal-kapaċità ta’ ħlas tagħha ma għandhiex bħala għan li tipproteġi minn kull konsegwenza negattiva li tista’ tirriżulta mill-pagament tal-multa, inkluża l-likwidazzjoni tagħha stess, iżda sempliċement, f’tali ipoteżi, it-telf tal-valur kollu tal-attiv tagħha.

356    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-fatt li l-Qorti Ġenerali tevalwa l-kapaċità ta’ ħlas tagħhom fid-data li fiha tagħti d-deċiżjoni tagħha filwaqt li l-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriżi oħra ġiet evalwata fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dan jista’ biss jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jinstabux f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ impriżi oħra li ma ppreżentawx rikors intiż sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom magħmula mill-Kummissjoni, u konsegwentement, b’mod partikolari, f’dan il-każ, il-preżentata ta’ dan ir-rikors mir-rikorrenti u l-ammissjoni parzjali tat-talba tagħhom għal miżuri provviżorji kellhom l-effett li jissospendu l-eżiġibbiltà tal-pagament tal-multa totali imposta fuqhom sa ma tingħata din is-sentenza.

357    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma humiex fondati li jippretendu li għandhom jingħataw tnaqqis tal-multa minħabba l-kapaċità ta’ ħlas tagħhom, għal raġunijiet analogi għal dawk mogħtija mill-Kummissjoni fil-punt 35 tal-Linji Gwida.

358    Minn dan isegwi li minn naħa, għandu jiġi annullat il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, u min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti għandhom jiġu kkundannati għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont identiku għal dak tal-multa li ġiet imposta fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

359    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ikun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti jbatu n-nofs tal-ispejjeż tagħhom u li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll in-nofs tal-ispejjeż tar-rikorrenti, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors għal tnaqqis tal-multa imposta fuq Westfälische Drahtindustrie GmbH u fuq Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali tat‑30 ta’ Settembru 2010.

2)      Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat‑30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38344 – Azzar għall-prestressing), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat‑30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269 finali, tal‑4 ta’ April 2011, huwa annullat.

3)      L-ittra tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni tal‑14 ta’ Frar 2011 hija annullata.

4)      Westfälische Drahtindustrie, Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. u Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. huma kkundannati in solidum għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 15 485 000.

5)      Westfälische Drahtindustrie u Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. huma kkundannati in solidum għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 23 370 000.

6)      Westfälische Drahtindustrie hija kkundannata għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 7 695 000.

7)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

8)      Westfälische Drahtindustrie, Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. u Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. għandhom ibatu n-nofs tal-ispejjeż tagħhom stess, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u nofs l-ispejjeż ta’ Westfälische Drahtindustrie, ta’ Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. u ta’ Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co., inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l‑pubblikazzjoni tagħhom hija utli.