Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Settembru 2010 - Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-393/10)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Westfälische Drahtindustrie GmbH (Hamm, il-Ġermanja), Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG (Hamm), Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG (Iserlohn, il-Ġermanja) (rappreżentant: C. Stadler, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1(8)(a) u (b) tad-deċiżjoni, sa fejn huwa jiddikjara r-responsabbiltà tal-ewwel u t-tieni rikorrenti qabel it-12 ta' Mejju 1997 minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE;

tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni, sa fejn huwa jimponi flimkien u in solidum multa ta' EUR 15 485 000 fuq l-ewwel u t-tielet rikorrenti, ta' EUR 30 115 000 fuq l-ewwel u t-tieni rikorrenti u ta' EUR 10 450 000 fuq l-ewwel rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas b'mod xieraq il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta' Ġunju 2010, fil-Każ COMP/38.344 - Azzar użat għall-prestressing. Fid-deċiżjoni kkontestata ġew imposti multi fuq ir-rikorrenti u fuq impriżi oħra għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti pparteċipaw fi ftehim kontinwu jew fi prattiki miftiehma fis-settur tal-azzar użat għall-prestressing fis-suq intern u fiż-ŻEE.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

Fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti jallegaw ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1, għaliex is-suppożizzjoni li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu mhijiex korretta.

Fit-tieni motiv, jiġi allegat b'mod sussidjarju l-ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, minħabba ksur tal-prinċipji essenzjali tal-kalkolu tal-multi għaliex isir riferiment għall-perijodu ta' ksur stabbilit mill-konvenuta billi ġie miżjud il-perijodu ta' kriżi tal-kartell.

Fit-tielet motiv, ir-rikorrenti jindikaw li l-konvenuta kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 għaliex kisret il-prinċipju tal-protezzjoni taċ-ċertezza legali u tal-prinċipju li jipprovdi li l-amministrazzjoni tibqa' marbuta bl-atti tagħha, meta użat kontra r-rikorrenti d-data fit-talba għal tnaqqis tal-multa.

Fir-raba' motiv, ir-rikorrenti jallegaw ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, għaliex il-konvenuta wettqet diversi żbalji ta' evalwazzjoni meta evalwat l-gravità tal-ksur.

Fil-ħames motiv, ir-rikorrenti jallegaw ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni taħt l-Artikolu 296(2) TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F'dan ir-rigward, huma jindikaw li l-konvenuta tbiegħdet b'mod arbitrarju mill-metodu ta' kalkolu indikat fid-deċiżjoni kkontestata.

Fis-sitt motiv, ir-rikorrenti jsostnu li fil-kalkolu tagħha tal-multa, il-konvenuta kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba abbuż ta' poter u ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Fis-seba' motiv, ir-rikorrenti jallegaw il-ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għaliex il-konvenuta ma mmotivatx aspetti fundamentali tad-deċiżjoni kkontestata.

Fl-aħħar nett, bħala t-tmien motiv huwa allegat li l-konvenuta kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti taħt l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għaliex ma kkonsultatx lir-rikorrenti fir-rigward ta' aspetti essenzjali.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).