Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Settembru 2010 - Nedri Spanstaal BV vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-391/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Nedri Spanstaal BV (Venlo, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: M. Slotboom u B. Haan, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-parti rikorrenti

tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli;

tannulla l-Artikolu 1(9) tad-deċiżjoni fir-rigward tal-perijodu imputabbli lil Hit Groep u l-Artikolu 2(9) fir-rigward tal-multa imposta fuq Nedri;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta' Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-Każ COMP/38.344 - Spanstaal.

Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 1 kif ukoll tal-prinċipju ta' motivazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta' liġi u ta' fatt billi kkonstatat responsabbiltà in solidum fil-konfront ta' Hit Groep biss għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 1998 sas-17 ta' Jannar 2002. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tikkonstata r-responsabbiltà fil-konfront ta' Hit Groep għall-perijodu mill-1 ta' Mejju 1987 sas-17 ta' Jannar 2002 inklużi. Fil-fatt, Hit Groep kienet kkontrollat lir-rikorrenti matul dan il-perijodu kollu.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Linji Gwida dwar il-metodu għall-iffissar ta' multi 2, tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' dak ta' motivazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta' liġi u ta' fatt meta ffissat il-limitu legali tal-ammont tal-multa, jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ li sar matul is-sena ta' stima preċedenti, b'relazzjoni mad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti fl-2009. Il-limitu legali kellu jiġi ffissat b'relazzjoni mad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti fl-2002.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-punt 23 tal-Avviż dwar l-immunità 3 u tal-prinċipju ta' motivazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta' dritt u ta' fatt meta tat lir-rikorrenti tnaqqis fil-multa ta' 25 % biss minflok ta' 30 %.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2 - Linji Gwida dwar il-metodu għall-iffissar ta' multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2).

3 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).