Language of document : ECLI:EU:T:2011:178

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

13 April 2011 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kompetizzjoni – Ħlas ta’ multa – Garanzija bankarja – Talba għal miżura provviżorja (rinunzja għall-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja)”

Fil-Kawża T‑393/10 R

Westfälische Drahtindustrie GmbH, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Hamm (il-Ġermanja),

Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Hamm,

Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Iserlohn (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn C. Stadler u N. Tkatchenko, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka, R. Sauer, C. Hödlmayr, aġenti, assistiti minn R. Van der Hout, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni K (2010) 4387 finali li l-Kummissjoni tat fit-30 ta’ Ġunju 2010 fi proċeduri skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/38.344 – Azzar użat għall-prestressing), fil-forma tad-Deċiżjoni li temenda K (2010) 6676 finali tat-30 ta’ Settembru 2010, sa fejn timponi multa fuq ir-rikorrenti,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċeduri

1        Ir-rikorrenti jifformaw parti mill-imsejjaħ “Grupp Pampus” (PIB +- Gruppe) li jopera b’mod partikolari fis-settur industrijali tal-azzar u tal-wajer tal-azzar, u li jinkludi erba’ kumpanniji holding: Pampus Stahlbeteiligungsgesellschaft mbH, il-Pampus Umformtechnik GmbH, Pampus Logistikbeteiligungsgesellschaft mbH u l-Pampus Industriebeteilungen GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem: PIB). L-ishma kollha ta’ dawn il-kumpanniji holding, li għalihom ma hemmx holding komuni, huwa miżmuma minn tliet membri tal-familja Pampus.

2        L-ewwel rikorrenti, Westfählische Drahindustrie GmbH (iktar ’il quddiem: WDI), għandha l-għan li timmanifattura u li tikkumerċjalizza prodotti tal-azzar, li takkwista u li tamministra ishma f’impriżi li joperaw essenzjalment fil-qasam tal-manifattura u tax-xogħol ta’ wajer tal-azzjar. Il-WDI tappartjeni sa 98 % għat-tieni rikorrenti, Westfählische Drahtindustrie Verwaltung Gesellschaft mbH und Co. KG (iktar ’il quddiem: WDV). PIB għandu żewġ terzi mill-ishma ta’ WDV u ArcelorMittal Hambourg GmbH (iktar ’il quddiem: ArcelorMittal) għandha terz. B’mod partikolari, PIB għandu l-għan li jakkwista, li jamministra u li jbigħ ishma industrijali, u li tikkumerċjalizza prodotti tal-azzar.

3        Ir-rikorrenti jixtiequ li l-Qorti Ġenerali tagħtihom is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni K (2010) 4387 finali li l-Kummissjoni tat fit-30 ta’ Ġunju 2010 fi proċeduri skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/38.344 – Azzar użat għall-prestressing), fil-verżjoni tad-Deċiżjoni li temenda K (2010) 6676 finali tat-30 ta’ Settembru 2010, (flimkien jissejħu iktar ’il quddiem: id-deċiżjoni kkontestata) sa fejn hija timponilhom multi u li jiġu eżenti mill-obbligu li jikkostitwixxu garanzija bankarja.

4        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni takkuża, essenzjalment, lil ċertu numru ta’ produtturi tal-azzar użat għall-prestressing li, matul numru ta’ snin, iffissaw kwoti ta’ kunsinna u prezzijiet fis-settur tal-azzar użat għall-prestressing, li qasmu l-klijenti bejniethom u li qasmu informazzjoni kunfidenzjali kif ukoll, permezz ta’ dan il-ksur, komplew jikkawżaw dannu lill-industrija Ewropea tal-bini kollha. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni imponietilhom multi għal ammont totali ta’ madwar EUR 460 miljun. B’mod partikolari, hija imponiet fuq ir-rikorrenti multi għal ammont totali ta’ EUR 46.55 miljun bil-mod li ġej: hija kkundannat it-tliet rikorrenti in solidum għal multa ta’ EUR 15. 485-il miljun; hija kkundannat lil WDI u lil WDV in solidum għal multa ta’ EUR 23. 37 miljun u hija kkundannat lil WDI individwalment għal multa ta’ EUR 7.695 miljuni. Barra minn hekk, hija imponiet fuq erba’ kumpanniji tal-Grupp ArcelorMittal multa ta’ madwar EUR 276.48 miljun, li hija naqset sussegwentement għal EUR 230.4 miljun.

5        Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentew rikors jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla d-deċiżjoni inizjali tat-30 ta’ Ġunju 2010 sa fejn imponietilhom multi u, sussidjarjament, sabiex tnaqqas l-ammont tagħhom. Wara li ġew innotifikati bid-deċiżjoni li temenda tat-30 ta’ Settembru 2010, permezz ta’ nota li waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Novembru 2010, huma emendaw it-talbiet u l-motivi tar-rikors inizjali tagħhom b’mod li adattawhom għall-emendi magħmula permezz tad-deċiżjoni li temenda.

6        B’nota separata, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw din it-talba għal miżuri provviżorji intiża essenzjalment sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha,

–        tordna, mingħajr ma jkunu obbligati li jikkostitwixxu garanzija bankarja jew kwalunkwe sigurtà finanzjarja oħra, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm tiġi deċiża s-sentenza fil-kawża prinċipali sa fejn timponi multa ta’ EUR 15.485 miljun fuq it-tliet rikorrenti (WDI, WDV u PIB) in solidum, ta’ EUR 23.37 miljun fuq l-ewwel żewġ rikorrenti (WDI u WDV) in solidum u ta’ EUR 7.695 miljuni fuq l-ewwel rikorrenti (WDI);

–        sussidjarjament, tagħtihom faċilitajiet ta’ ħlas skont skeda adegwata stabbilita minn esperti mingħajr ma jkunu obbligati li jikkostitwixxu garanzija bankarja jew kwalunkwe sigurtà finanzjarja oħra għall-ħlas tal-multi imposti fuqhom u;

–        tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

7        Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fuq it-talba għal miżuri provviżorji u li waslu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talbiet kemm prinċipali kif ukoll dawk sussidjarji u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

8        B’ittra tal-15 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti talbu l-awtorizzazzjoni li jirrispondu għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-raġuni li l-proċedura amminstrattiva li tinvestiga l-kapaċità kontributtiva tagħhom (proċedura msejħa “proċedura ITP”) mibdija mill-Kummissjoni u konkluża bl-ittra tal-14 ta’ Frar 2011 ipprovdiet elementi ġodda li jikkorroboraw l-urġenza tat-talba tagħhom għal miżuri provviżorji. Wara li rċevew l-awtorizzazzjoni mill-Qorti Ġenerali, b’ittra tal-25 ta’ Frar 2011, huma ppreżentaw l-osservazzjoni addizzjonali tagħhom li huma kienu ddikjaraw. Il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni definittiva fuqhom b’ittra tal-21 ta’ Marzu 2011.

9        Fl-ittra amministrattiva msemmija iktar ’il fuq tal-14 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni rrifjutat li tnaqqas il-multi tar-rikorrenti għar-raġuni li WDI kienet f’pożizzjoni li tiffinanzja l-multa kollha ta’ EUR 46.55 miljun jew tikseb garanzija bankarja għal dan l-ammont.

10      Il-Qorti Ġenerali ġiet informata li, parallelament mal-proċedura ITP ta’ investigazzjoni tal-kapaċita kontributtiva tar-rikorrenti li kienet inbdiet mill-Kummissjoni, il-kumpanniji tal-Grupp ArcelorMittal imsemmija iktar ’il fuq (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) kienu kisbu, fl-4 ta’ April 2011, tnaqqis tal-multa tagħhom ta’ EUR 230.4 miljun għal EUR 45.7 miljun għaliex il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-limiti ta’ solvenza tagħhom. Issa, tliet minn dawn il-kumpanniji ġew miċħuda t-talba tagħhom għal miżuri proviżżorji minħabba, b’mod partikolari, li l-Grupp ArcelorMittal kellu saħħa finanzjarja kunsiderevoli (bi dħul mill-bejgħ totali konsolidat ta’ iktar minn EUR 46 miljardi għas-sena 2009) (digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Diċembru 2010, ArcelorMittal Wire France et vs Il-Kummissjoni, T-385/10 R, Ġabra p. II‑0000).

 MOTIVI

11      Skont l-Artikolu 278 TFUE u l-Artikolu 279 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 256(1) TFUE, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista, jekk jikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu, jordna s-sopensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat jew jippreskrivi l-miżuri provviżorji neċessarji.

12      Skont l-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba. B’hekk, is-sospensjoni u l-miżuri provviżorji jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk ikun stabbilit illi l-għoti tagħhom ikun iġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huma urġenti fis-sens li huwa meħtieġ, sabiex ma jkunx hemm dannu serju u irrimedjabbli għall-interessi tar-rikorrenti, illi huma jiġu deċiżi u jkollhom l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C-149/95 P [R], Ġabra 1995, p. I-2165, punt 22). Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, C-268/96 P(R), Ġabra p. I-4971, punt 30). L-Imħallef għal miżuri provviżorji, skont il-każ, għandu anki jiżen l-interessi involuti (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C‑445/00 R, Ġabra p. I-1461, punt 73, u d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ April 2002, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummisjoni, T‑198/01 R, Ġabra p. II-2153, punt 50).

13      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami komplessiv, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod kif dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, billi ebda regola tad-dritt Komunitarju ma timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita għall-evalwazzjoni tal-bżonn li tingħata deċiżjoni provviżorja (digriet Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, diġà ċċitat fil-punt 12, punt 23, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ April 2007, Vischim vs Il-Kummissjoni, C-452/06 P [R], mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 25).

14      L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet jinkludu l-informazzjoni kollha li l-Imħallef għandu bżonn sabiex jiddeċiedi fuq it-talba. Għaldaqstant ma hemmx lok li tiġi ordnata proċedura orali.

 Fuq l-għan tat-talba għal miżuri provviżorji

15      Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, impriża ssanzjonata għal multa għandha, fil-każ ta’ rikors ġudizzjarju, il-fakultà li tagħżel bejn il-ħlas provviżorju tal-multa u li tipprovdi garanzija bankarja aċċettabbli għall-Kummissjoni. Fl-ittri tal-5 ta’ Lulju u tal-1 ta’ Ottubru 2010 li bihom hija nnotifikat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni espressament ġibdet l-attenzjoni tar-rikorrenti għal miżuri provviżorji fuq din il-fakultà u speċifikat li l-ammont tal-eventwali garanzija bankarja ser jipproduċi interessi ta’ 2.5 %.

16      Fil-punti 52 u 59 tal-osservazzjonijiet li hija ppreżentat fuq it-talba għal miżuri provviżorji fl-14 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni espressament iddikjarat li l-urġenza tat-talba hija qabel kollox eskluża jekk ir-rikorrenti għandhom il-possibbiltà li jikkostitwixxu garanzija bankarja, bħala soluzzjoni inqas oneruża mill-ħlas provviżorju tal-multa. Hija żiedet li għaldaqstant ma hemmx lok li tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ riżervi finanzjarji suffiċjenti għall-ħlas provviżorju tal-multa.

17      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni stess hija disposta li tagħti lir-rikorrenti għal miżuri provviżorji s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata taħt kundizzjoni speċifika (jiġifieri l-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja). Għaldaqstant it-talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tista’ loġikament ikollha bħala għan biss li teħlishom mill-obbligu li jikkostitwixxu garanzija bankarja jekk huma jixtiequ jipproteġu ruħhom minn irkupru immedjat tal-multi imposti fuqhom (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2006, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06 R, Ġabra 2006, p. II-2491, punti 23 sa 26).

18      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni nnifisha tillimita l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-urġenza għall-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti jinsabux effettivament f’sitwazzjoni impossibli li jikkostitwixxu garanzija bankarja jew, fi kwalunkwe każ, jekk tali kostituzzjoni tikkawżalhomx id-dannu ta’ insolvenza li huma jallegaw (osservazzjonijiet tal-14 ta’ Frar 2011, punt 60).

19      Ma’ dan jiżdied minn dawn l-osservazzjonijiet u mill-punti 1178 u 1179 tad-deċiżjoni kkontestata li, l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li minħabba d-diffikultajiet finanzjarji serji tagħhom, WDI u PIB ma jistgħux iħallsu l-multa u probabbilment ma humiex vijabbli. Minn dan jeħtieġ li jiġi konkluż li, fl-opinjoni tagħha, ħlas provviżorju tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti ma hijiex opzjoni realistika għaliex huma ma humiex attwalment f’pożizzjoni finanzjarja li jagħmlu tali ħlas.

20      Din it-talba għal miżuri provviżorji (u, għaldaqstant, l-eżami tal-urġenza) tirrigwarda għaldaqstant biss il-possibbiltà li r-rikorrenti jiġu eżenti mill-obbligu li jikkostitwixxu garanzija bankarja, garanzija li tippermettilhom li jevitaw l-irkupru immedjat tal-multa tagħhom.

 Fuq l-urġenza

21      Skont ġurisprudenza stabbilta, in-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fir-rigward tan-neċessità li jkun hemm digriet għal miżuri provviżorji sabiex jiġi evitat dannu serju u irreparabbli lill-parti li qed titlob il-miżura provviżorja. Hija għal din tal-aħħar li għandha tressaq il-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-kawża prinċipali mingħajr ma ssofri dannu ta’ dan it-tip. (ara d-digrieti tal-President tal-15 ta’ Novembru 2001, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, T-151/01 R, Ġabra p. II‑3295, punt 187 u tal-ġurisprudenza ċċitatata f’dan ir-rigward, u tal-4 ta’ Diċembru 2007, Cheminova et vs Il-Kummissjoni, T-326/07 R, Ġabra p. II‑4877, punt 50).

22      Għal dak li jirrigwarda l-problema ta’ garanzija bankarja inkwistjoni f’dan il-każ, mill-ġurisprudenza stabbilta jirriżulta wkoll li t-talba għall-eżenzjoni mill-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija bankarja bħala kundizzjoni tan-nuqqas ta’ rkupru immedjat ta’ multa tista’ tintlaqa’ biss f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali (digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 1982, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82 R, Ġabra 1982, p. 1549, punt 6, u tal-14 ta’ Diċembru 1999, DSR-Senator Lines vs Il-Kummissjoni, C-364/99 P [R], Ġabra 1999, p. I-8733, punt 48). Il-possibbiltà li teżiġi l-kostituzzjoni ta’ garanzija hija, fil-fatt, espressament ipprovduta għall-proċeduri għal miżuri provviżorji mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, u tikkorrispondi għal linja ta’ kondotta ġenerali u raġonevoli tal-Kummissjoni (digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Awwissu 2003, IRO vs Il-Kummissjoni, T-79/03 R, Ġabra 2003, p. II‑3027, punt 25, u tal-21 ta’ Jannar 2004, FNSEA e vs Il-Kummissjoni, T‑247/03 R, Ġabra 2004, p. II‑271, punt 77).

23      L-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi eċċezzjonali tista’, fil-prinċipju, titqies stabbilita meta l-parti li titlob li tiġi eżentata milli tikkostitwixxi l-garanzija bankarja meħtieġa tipproduċi l-prova li għaliha huwa oġġettivament impossibbli li tikkostitwixxi din il-garanzija (digriet Romana Tabacch vs Il-Kummissjoni, diġà ċċitat fil-punt 17, punt 98, u d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ottubru 2003, Leali vs Il-Kummissjoni, T-46/03 R, Ġabra 2003, p. II-4473, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata f’dan ir-rigward).

24      Għal dak li jikkonċerna ż-żewġ ċirkustanzi eċċezzjonali invokati iktar ’il fuq, dawn jirrigwardaw kundizzjonijiet alternattivi u mhux kumulattivi.

25      Għaldaqstant, jekk ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li juru li għalihom huwa oġġettivament impossibbli li jikkostitwixxu garanzija bankarja għall-multi imposti fuqhom, skont din il-ġurisprudenza, għandha tiġi rrikonoxxuta l-urġenza tal-miżura provviżorja li huma jitolbu.

26      Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li għalihom huwa oġġettivament impossibli li jikkostitwixxu garanzija bankarja, kemm permezz tal-mezzi proprji tagħhom jew bl-għajnuna tal-azzjonisti u tal-Grupp PIB+ kollu. Skont id-deċiżjoni inizjali li ġiet innotifikata lilhom, huma pprovaw b’mod intens, iżda mingħajr suċċess, sabiex jiksbu l-għoti ta’ garanzija bankarja li tkopri l-multa inizjali ffissata għal EUR 56.05 miljun mingħand [kunfidenzjali] (1) l-istabbilimenti ta’ kreditu u mingħand korpi ta’ assigurazzjoni tal-kreditu li jifformaw parti miċ-ċirku ta’ finanzjaturi tal-grupp. Wara li rċevew id-deċiżjoni emendata, huma pprovaw mill-ġdid sabiex jiġbru garanzija bankarja għall-multa mnaqqsa (EUR 46.55 miljun), iżda għal darb’oħra ma kellhomx suċċess, peress li l-istabbilimenti ta’ kreditu u l-kopri ta’ assigurazzjoni tal-kreditu kollha ċaħdu t-talba tagħhom.

27      Il-Kummissjoni ssostni li l-ittri ta’ rifjut prodotti mir-rikorrenti jidhrulha kontestabbli minn diversi aspetti. Ir-rikorrenti indirizzaw esklużivament banek li huma diġà kredituri tal-Grupp PIB+ u għaldaqstant kellhom interess li jevitaw kull bidla fl-istatus quo finanzjarju billi jikkawżaw tnaqqis tal-ammont tal-multa. F’dan il-kuntest, il-korrispondenza skambjata bejn WDI u ċerti banek tat l-impressjoni ċara li l-ebda waħda mill-partijiet ma kellha, f’dak iż-żmien, interess reali li tibda diskussjoni serja dwar il-possibbiltà ta’ garanzija, iżda qiesu r-rifjut bħala kundizzjoni sine qua non tat-tnaqqis tal-multa li huma kienu jaspiraw għalihom. Barra minn hekk dan jispjega għaliex il-banek apparentement esprimew ir-rifjut tagħhom b’mod ġenerali, mingħajr eżami fil-fond tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti (u dik ta’ WDI b’mod partikolari). Flimkien ma’ dan, disgħa biss mill-ittri prodotti huma indirizzati direttament lil WDI. Barra minn hekk, [kunfidenzjali] banek iġġustifikaw ir-rifjut tagħhom billi rreferw għas-sitwazzjoni ekonomika tal-Grupp Pampus kollu. Issa, WDI hija impriża ekonomikament ta’ suċċess, solventi u għaldaqstant jistħoqqilha li tingħata kreditu. Peress li ma jeżisti l-ebda indizju konvinċenti li eventwali deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tal-Grupp Pampus ser ikollha effett fuq WDI, ir-raġuni reali tar-rifjut tibqa’ mhux ċara.

28      Skont il-Kummissjoni, l-ittri ta’ rifjut prodotti mir-rikorrenti lanqas huma ta’ natura li juru l-impossibbiltà għal WDI li tikkostitwixxi garanzija peress l-banek jimmanifestaw ir-rifjut tagħhom f’termini ġenerali u, prinċipalment, billi jirreferi b’mod ġenerali għad-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji tal-Grupp Pampus. L-uniku element determinanti jista’ għaldaqstant ikun biss is-sitwazzjoni ekonomika oġġettiva ta’ WDI, fil-dawl tal-perspettivi favorevoli fir-rigward ta’ cash-flow għas-snin futuri u tas-sigurtajiet disponibbli għall-banek, WDI kellha l-possibbiltà li tikseb garanzija bankarja. Mill-previżjonijiet ta’ cash-flow prodotti mir-rikorrenti jirriżulta li WDI tkun f’pożizzjoni li tirrimborsa self fl-ammont tal-multa fuq perijodu ta’ seba’ snin billi tuża l-cash-flow tagħha disponibbli. Għaldaqstant hija għandha tkun tista’ tikseb garanzija bankarja.

29      F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali tosserva li mill-proċess jidher li l-ewwel nett ir-rikorrenti avviċinaw erbatax-il stabbiliment ta’ kreditu mingħajr suċċess. Fl-20 ta’ Lulju 2010, huma bagħtu ittri miktuba prattikament l-istess “lill-banek ta’ kreditu” li talbuhom jagħtuhom garanzija għall-ammont tal-multi kollu jew parti minnu (EUR 56.05 miljun). B’posta elettronika fl-istess ġurnata, WDI bagħtet talba korrispondenti lill-banek li ġejjin: [kundifenzjali].

30      L-istabbilimenti ta’ kreditu u l-korpi ta’ assigurazzjoni tal-kreditu kważi dejjem iġġustifikaw sistematikament ir-rifjut tagħhom billi semmew is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja inċerta tar-rikorrenti, peress li din is-sitwazzjoni ma tippermettilhomx li jestendu l-impenn tagħhom għall-ammont tal-multa. Uħud mill-ittri ta’ rifjut huma qosra ħafna filwaqt li oħrajn jinkludu motivazzjoni dettaljata. Hekk kif il-[kundifidenzjali] (ittra lil WDI tas-26 ta’ Lulju 2010) jenfasizzza l-“importanza tal-impenn eżistenti” u jfakkar li l-Grupp Pampus jinsab f’“fażi ta’ riorganizzazzjoni”. Il-[kunfidenzjali] (tliet ittri identiċi indirizzat lil WDI, WDV u PIB fit-23 ta’ Lulju 2010) jirreferi għall-“eżami fil-fond” tas-sitwazzjoni ekonomika tal-impriża “li sar riċentement” kif ukoll għas-sitwazzjoni diffiċli li hija tinsab fiha bħalissa. Il-[kunfidenzjali] (ittri lil WDI, WDV u PIB tat-22 ta’ Lulju 2010) jiddikjara li ma jistax jipprovdi “garanzija, lanqas parzjali, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika attwali tal-grupp kollu u tal-impriżi individwali tiegħu”. Il-[kunfidenzjali] (ittra lil WDI tat-22 ta’ Lulju 2010) jinvoka l-“proċess rigoruż ta’ riorganizzazzjoni u ristrutturazzjoni li għandu jippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid, f’terminu medju, il-kapaċità finanzjarja” u jenfasizza li huwa qies il-perspettivi ta’ riorganizzazzjoni tal-grupp bħala kompromess profondament fil-każ ta’ piż addizzjonali tal-obbligi finanzjarji tiegħu, piż serju fuq ir-riżultat finanzjarju”, raġuni għaliex huwa ma qiesx li huwa “raġoneveoli li jassumi parti korrispondenti tal-garanzija”. Il-[kunfidenzjali] (ittra lil WDI, WDV u PIB tat-22 ta’ Lulju 2010) iddikjara li kkonkluda “wara eżami fil-fond tal-kreditu, [li] l-kundizzjonijiet li jippermettu li jestendu l-impenn [tiegħu] ta’ kreditu eżistenti ma humiex sodisfatti”.

31      B’ittra jew b’posta elettronika tal-10 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti talbu mill-ġdid garanzija mingħand l-istess banek għall-ammont tal-multa li sadanittant tnaqqas (jiġifieri EUR 46.55 miljun). Fl-ittri ta’ rifjut li jestendu mill-11 sas-26 ta’ Novembru 2010, il-banek ikkonfermaw li r-raġunijiet li huma kienu invokaw preċedentement sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut tagħhom japplikaw ukoll għall-multi mnaqqsa.

32      Fid-19 ta’ Frar 2011, għat-tielet darba WDI talbet lill-banek imsemmija iktar ’il fuq sabiex jagħtuha b’mod partikolari garanzija għall-multa tagħha (mnaqqsa) u kkomunikatilhom, f’dan ir-rigward, ir-raġunijiet li l-Kummissjoni kienet invokat sabiex tiċħad it-talba ITP tagħha. Għal darb’oħra hija ngħatat risposti negattivi. Għalhekk, fl-ittra tiegħu tat-22 ta’ Frar 2011, il-[kunfidenzjali] jiġġustifika r-rifjut tiegħu ta’ għoti ta’ garanzija billi invoka l-“funzjoni esklużiva [tiegħu] li jiffanzja għal terminu twil u l-evalwazzjoni [tiegħu] tas-sitwazzjoni ekonomika [tal-impriża], evalwazzjoni li hija differenti wkoll mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea”. Fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Frar 2011, il-[kunfidenzjali] jispjega li “wara li analizza l-informazzjoni kollha u wettaq iktar diskussjonijiet interni, huwa jqis li laħaq il-limitu tad-dispożizzjoni [tiegħu] li jagħti kreditu kemm lill-Grupp PIB+, b’mod ġenerali, kif ukoll lil WDI, b’mod partikolari”, għar-raġuni li huwa jħossu “obbligat li jiċħad għal darb’oħra t-talba għal garanzija bankarja favur il-Kummissjoni Ewropea”. Huwa jiskuża ruħu li ma jistax jesponi d-dettalji kollha tad-deċiżjoni tiegħu u jistieden lil WDI tifhem, billi jindika li l-proċeduri interni tiegħu ta’ għoti ta’ kreditu huma organizzati b’tali mod li, fil-każ ta’ gruppi, huwa ma jistax jagħti krediti unikament abbażi ta’ impriżi individwali li jifformawhom, iżda għandu jikkunsidra t-talbiet fuq livell globali, jiġifieri fuq il-livell tal-grupp innifsu (jiġifieri l-Grupp PIB+ f’dan il-każ). Barra minn hekk, huwa ma jiddeċidix li jilqa’ t-talbiet unikament abbażi tal-cash-flow preżenti jew futur, iżda billi jibbaża ruħu wkoll fuq il-volum ta’ kreditu diġà mogħti, fuq is-sigurtajiet li huma ħarġu, fuq il-kuntratti kollha ta’ self eżistenti u fuq esperjenzi preċedenti.

33      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti spjegaw, mingħajr ebda kontradizzjoni fuq dan il-punt, li huma u l-grupp kollu ta’ impriżi li huma jippartjenu għalih tqegħdu taħt sorveljanza speċjali mill-banek finanzjarji. B’hekk ġew organizzati konferenzi telefoniċi kull ġimgħa maċ-ċirku koordinatur tal-banek, ikkostitwit minn ([kunfidenzjali]), kif ukoll laqgħat, skont il-ħtiġijiet, kif ukoll mal-banek differenti u maċ-ċirku kollu ta’ finanzjaturi. Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, mill-proċess jidher li, minn Marzu 2010, ir-rikorrenti pprovdew lill-banek rapporti kull xahar dettaljati fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom (jiġifieri bilanċi provviżorji, kontijiet ta’ qligħ u telf, dikjarazzjonijiet ta’ cash-flow, eċċ), rapporti li jagħtu stampa kompleta tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Grupp PIB+ kollu.

34      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jikkonstata li r-rikorrenti pprovaw bla telf ta’ żmien, serjament u ripetutament, li jiksbu garanzija bankarja li tkopri l-multi imposti fuqhom. Mill-proċess jidher li dawn l-isforzi ma servew għal xejn għaliex il-banek ikkuntattjati eżaminaw is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tagħhom fil-fond, kif jindikaw l-ittri ta’ rifjut tagħhom, li juru li huma kienu kompletament informati bil-pożizzjoni tar-rikorrenti fi ħdan tal-Grupp PIB+ kollu (b’mod partikolari fir-rigward tal-membri tal-familja Pampus) u li huma kienu jafu, b’mod partikolari, bis-sitwazzjoni tar-rikorrenti WDI. F’dan il-kuntest, xejn ma jindika li r-rifjut ġie prekluż lir-rikorrenti purament sabiex jobbligahom għall-finijiet biss ta’ dawn il-proċeduri.

35      Peress li r-rikorrenti ġew irrifjutati garanzija bankarja mingħand total ta’ erbatax-il bank, li mmotivaw dan ir-rifjut bil-mod iddikjarat iktar ’il fuq, ir-rikorrenti urew b’suffiċjenza ta’ dritt li għalihom kien oġġettivament impossibbli li jiksbu din il-garanzija, speċjalment meta, f’sitwazzjonijiet komparabbli, il-ġurisprudenza diġà ddeċidiet żewġ jew tliet rifjuti bħala suffiċjenti (ara d-digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 2011, 1. garantovaná vs Il-Kummissjoni, T-392/09 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 56, u Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, diġà ċċitat fil-punt 17 iktar ’il fuq, punti 102 u 103). Il-fatt li r-rikorrenti ma pproduċewx rifjuti bil-miktub tal-korpi ta’ assigurazzjoni tal-kreditu [kunfidenzjali] li huma kienu kkuntattjaw ukoll huwa għaldaqstant irrilevanti u ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk jingħatawx garanziji bankarji taqax taħt il-missjoni ta’ korpi simili.

36      L-ebda argument li l-Kummissjoni esponiet sabiex turi l-kuntrarju ma huwa konvinċenti.

37      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-mezzi finanzjarji tal-azzjonista ArcelorMittal, li għal ħafna żmien kellha sehem ta’ terz f’WDI, ma ttieħdux, żbaljatament, inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest. Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, fil-kuntest tal-eżami tal-vijabbiltà finanzjarja ta’ impriża u tal-kapaċità tagħha li tikkostitwixxi garanzija bankarja, is-sitwazzjoni materjali tagħha ma tistax tiġi evalwata billi jittieħdu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-grupp li hija tappartjeni għalih, direttament jew indirettament, permezz tal-azzjonisti tagħha (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 1995, Transacciones Marítimas et vs Il-Kummissjoni, C‑12/95 P Ġabra 1995, p. I‑467, punt 12, u tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ottubru 2007, MB Immobilien Verwaltungs-GmbH vs Il-Kummissjoni, T‑120/07 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata f’dan ir-rigward).

38      Skont il-ġurisprudenza, dan l-approċċ jibbaża fuq l-idea li l-interessi oġġettivi tal-impriża kkonċernata ma jippreżentawx natura awtonoma meta mqabbla ma’ dawk tal-persuni li jikkontrollawha, b’tali mod li n-natura gravi u irreparabbli tad-dannu allegat għandha tiġi evalwata wkoll fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuni li jikkontrollaw l-impriża (digriet MB Immobilien Verwaltungs-GmbH vs Il-Kummissjoni, diġà ċċitat fil-punt 37, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata f’dan ir-rigward). Din il-“ġurisprudenza dwar grupp ta’ kumpanniji” sa minn din dak iż-żmien estendiet għall-ishma minoritarji (50 %, 40 % u wkoll 30 %) peress li tali ishma (sostanzjali), skont l-istruttura tal-kapital tal-impriża kkonċernat, jistgħu jkunu rilevanti sabiex tiġi evalwata l-vijabbiltà finanzjarja tagħha, b’tali mod li l-parti li tippreżenta talba għal miżuri provviżorji għandha fi kwalunkwe kas tinkludi fiha informazzjoni suffiċjenti li tikkonċerna tali ishma minoritarji (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Mejju 2010, Almamet vs Il-Kummissjoni, T-410/09 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 57 u 58, u tal-24 ta’ Jannar 2011, Rubinetterie Teorema vs Il-Kummissjoni, T-370/1 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 39 sa 42). L-ewwel nett din il-ġurisprudenza timponi biss obbligu ta’ informazzjoni bil-għan li jiġi stabbilit eventwali qbil ta’ interessi filwaqt, li fiż-żewġ kawżi għal miżuri provviżorji li taw lok, ma teżisti l-ebda raġuni li jiġi eżaminat jekk tali qbil ta’ interessi bejn l-impriża kkonċernata u l-azzjonist minoritarju tagħha jeżistix effettivament.

39      Ir-rikorrenti semmew is-sehem minoritarju ta’ ArcelorMittal u spjegaw li, fis-26 ta’ Lulju u fit-22 ta’ Novembru 2010, huma, mingħajr suċċess, indirrizzawha sabiex jiksbu garanzija bankarja li tkopri l-multi imposti fuqhom. Madankollu ma hemmx ħtieġa li tiġi eżaminata iktar fid-dettall is-serjetà kemm ta’ dawn it-talbiet kif ukoll tal-ittri ta’ rifjut ta’ ArcelorMittal tat-30 ta’ Lulju u tal-25 ta’ Novembru 2010 peress li l-ġurisprudenza dwar grupp ta’ kumpanniji ċċitata iktar ’il fuq ma tapplikax għar-relazzjoni bejn ir-rikorrenti u ArcelorMittal.

40      Filwaqt li huwa veru li ArcelorMittal topera fis-suq tal-azzar bħal kull waħda mir-rikorrenti, dawn l-impriżi jappartjenu madankollu għal gruppi differenti, jiġifieri l-Grupp ArcelorMittal, minn naħa, u l-Grupp PIB+, min-naħa l-oħra. Dawn jirrigwardaw impriża kompetittriċi li għandhom għanijiet (strateġiċi) differenti. Għaldaqstant huwa eskluż li ArcelorMittal u r-rikorrenti għandhom oġġettivament l-istess interessi fundamentali. B’mod partikolari huwa eskluż li bħala azzjonista, ArcelorMittal issostni l-politika agressiva tal-Grupp PIB+ li jfittex li jieħu l-klijenti tal-Grupp ArcelorMittal u li jeħodlu swieq intieri. Is-sehem minoritajru ta’ ArcelorMittal ma huwiex għaldaqstant ta’ natura li jagħti lok għall-implementazzjoni tal-ġurisprudenza dwar gruppi ta’ kumpanniji.

41      Il-fatt li ArcelorMittal u waħda jew l-oħra mir-rikorrenti jistgħu jkollhom interessi pekunarji konverġenti ma jipprekludiex din il-konklużjoni sa fejn tirrigwarda, pereżempju, li jiġi ppreżervat il-valur tas-sehem minoritarju ta’ ArcelorMittal. Dan l-interess ta’ ArcelorMittal, li miegħu jista’ jiżdied ukoll l-interess tagħha li tirċievi data ta’ impriżi mingħand WDV u WDI, sa fejn il-pożizzjoni ta’ azzjonista minoritarja tagħtiha d-dritt, ma jippreżentax l-istess intensità bħall-interessi strateġiċi fundamentali li grupp isegwi meta jelabora l-politika ta’ azzjoni tieħu u ma jiġġustifikax l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar gruppi ta’ kumpanniji ħlief fil-każ ta’ qbil ta’ interessi oġġettivi. Il-fatt li ArcelorMittal hija ppreparata sabiex [kunfidenzjali], kif tenfasizza l-Kummissjoni, ma jbiddel xejn.

42      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-ittri ta’ rifjut tal-banek ma jippermettux li tiġi stabbilita l-impossibbiltà li tinkiseb garanzija għaliex il-banek għandhom interess sinjifikattiv tagħhom stess li jkopru l-krediti tagħhom stess kemm jista’ jkun malajr fil-każ ta’ sospenzjoni simultanja tal-multi. Il-kredituri kollha tan-netwerk PIB+, inkluż il-banek u l-Kummissjoni, huma, fil-fatt, f’kompetizzjoni sabiex jiksbu l-aħjar kopertura possibbli u li jirkupraw mill-aħjar il-krediti tagħhom rispettivi sussegwentement. [kunfidenzjali]. B’hekk huma kellhom interess oġġettiv fiż-żamma tal-attività ta’ WDI minħabba l-qligħ tajjeb u l-pożizzjoni kompetittiva tajba ta’ WDI kif ukoll minħabba l-cash-fow li tiġġenera. Li ma tikkomplix l-attività ta’ WDI għall-banek ifisser abbandun tal-sors prinċipali ta’ dħul tan-netwerk minkejja perspettivi ta’ żieda tal-cash-flow fuq perijodu medju u twil. Għaldaqstant kien oġġettivament mistenni li l-banek jispiċċaw li jiffinanzjaw il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja li tkopri l-multi mill-mument li ma kienx hemm iktar speranza li tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni. Kull bank raġonevoli li jsegwi riflessjoni ekonomika razzjonali u li jaf bir-riżultati pożittivi ta’ WDI jkun dispost li jikkostitwixxi garanzija għall-ammont totali tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

43      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Il-Kummissjoni ma tridx tirrikonoxxi l-“interess kunsiderevoli proprju” tal-erbatax-il bank li rrifjutaw il-garanzija tagħhom lir-rikorrenti. Għandu jiġi osservat dwar dan li, meta huwa jadotta deċiżjoni, pożittiva jew negattiva, fir-rigward ta’ kreditu u ta’ garanzija, bank dejjem isegwi l-interessi proprji tiegħu bħala stabbiliment ta’ kreditu u barra minn hekk għandu jaġixxi fl-aħjar interessi tal-azzjonisti tiegħu. F’dan il-każ, dawn l-interessi għandhom jiġu subordinati għal dawk tal-Kummissjoni biss jekk il-ġurisprudenza dwar gruppi ta’ kumpannija msemmija iktar ’il fuq setgħet tiġi applikata għall-erbatax-il bank. Madankollu dan ma huwiex il-każ.

44      Minn naħa, ma hemm xejn fil-proċess li jindika li l-banek kienu ser isiru azzjonisti tar-rikorrenti jew li kienu b’mod jew ieħor ser jiksbu ishma fil-Grupp PIB+ permezz ta’ kontribuzzjonijiet ta’ kapital. Ir-relazzjonijiet ta’ negozju tagħhom ma’ dan tal-aħħar jillimitaw għall-qasam tal-kreditu u tal-isforzi kollha tagħhom intiżi sabiex jiggarantixxu jew sabiex irkuprati bl-aħjar mod possibbli t-talbiet tagħhom għal rimbors u għal ta’ interessi. Sa dan il-punt, ma jeżisti l-ebda għan identiku bejn l-interessi strateġiċi ta’ dawn l-istabbilimenti ta’ kreditu u dawk tar-rikorrenti, li joperaw prinċipalment fis-settur tal-azzar (ara l-punti 1 u 2 iktar ’il fuq).

45      Min-naħa l-oħra, l-indikazzjoni li [kunfidenzjali] ma hijiex fiha nnifisha suffiċjenti sabiex turi li jeżistu, bejn il-banek u dawn il-kumpanniji, rabtiet personali komparabbli ma’ dawk li jistgħu jeżistu, pereżempju, bejn it-tliet membri tal-familja Pampus u li jrendu superflu l-ħolqien ta’ kumapnnija holding komuni (ara l-punt 1 iktar ’il fuq) u lanqas li dawn ir-rabtiet personali huwa f’dan il-punt intensi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar gruppi ta’ kumpanniji.

46      It-tielet nett, il-Kummissjoni tilmenta li r-rikorrenti ma indirizzatx bank barrani. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat dwar dan is-suġġett li [kunfidenzjali] eskludiet kull possibbiltà mill-bidu nett li tikseb il-garanzija mixtieqa mingħand bank li ma jappartjenix għaċ-ċirku ta’ finanzjaturi tagħha wara li dawn kienu kollha espremew ir-rifjut tagħhom. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li r-rifjut ta’ garanzija speċifikament mill-banek regolari tar-rikorrent turi l-impossibbiltà oġġettiva li tinkiseb il-garanzija mixtieqa (digriet Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, diġà ċċitat fil-punt 17, punti 105, 109 u 110).

47      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, id-diversi ittri ta’ rifjut tal-banek [kunfidenzjali] imsemmija iktar ’il fuq juru suffiċjentement fid-dritt li huwa impossibbli għar-rikorrenti li jiksbu garanzija bankarja li tkopri l-multi tagħhom. Konsegwentement, l-argumenti li l-Kummissjoni tiddeduċi minn dokumenti u data ta’ natura finanzjarja u ekonomika li jikkonċernaw ir-rikorrenti sabiex juru li dawn il-banek fl-aħħar nett jispiċċaw dejjem sabiex jagħtu l-garanzija inkwistjoni huma irrilevanti, peress li kull bank raġonevoli li jkun jaf bir-riżultati pożittivi ta’ WDI b’mod partikolari jkun dispost li jagħmel dan.

48      Dan l-argument tal-Kummissjoni jikkontradixxi mal-istima tagħha stess [kunfidenzjali] “[kunfidenzjali]” li hija għamlet fid-deċiżjoni kkontestata (punt 1179). Barra minn hekk, huwa notevoli li l-Kummissjoni tqis li tista’ tiġġudika l-aġir ta’ “bank raġonevoli li jsegwi riflessjoni ekonomika razzjonali” f’dan il-każ għalkemm sa dan il-mument, hija dejjem enfasizzat li hija ma hijiex bank u la għandha l-infrastruttura u lanqas s-servizzi speċjalizzati ta’ bank, punt li l-Qorti Ġenerali segwit (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, Kawżi magħquda T‑236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra 2004, p. II-1181, punt 479).

49      L-argument tal-Kummissjoni jidher ukoll inkompatibbli mal-ġurisprudenza li tipprovdi li l-urġenza ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba, iżda mhux iktar tard mill-mument meta l-qorti tiddeċiedi fuqha (ara d-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Jannar 2009, Pannon Höerőmű vs Il-Kummissjoni, T‑352/09R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 29 u 30, u tat-8 ta’ Ġunju 2009, Z vs Il-Kummissjoni, T-173/09R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 22). Filwaqt li r-rikorrenti urew suffiċjentement fid-dritt li għalihom kien oġġettivament impossibbli li jiksbu garanzija bankarja qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qed tipprova, permezz tal-argument tagħha li jipprovdi li huwa mistenni li l-banek “jispiċċaw” sabiex jiffinanzjaw il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja “mill-mument li ma kienx hemm iktar speranza li tinkiseb sospensjoni tal-eżekuzzjoni”, li tibbaża ruħha fuq data ulterjuri għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u “tħalli l-affarijiet jgħadddu” sakemm ir-rikorrenti jkollhom jiddikjaraw ruħhom insolventi għal inkapaċità li jħallsu jew għal dejn eċċessiv fl-ipoteżi li, minkejja kollox, l-ebda garanzija bankarja ma ngħatatilhom (Artikoli 17 u 15 tal-Insolvenzordnung allemand moqrija flimkien mal-Artikoli 177 a u 130 tal-Kodiċi ta’ Dritt Kummerċjali Ġermaniż).

50      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma jistax ikollha raġun meta takkuża lir-rikorrenti li kkontribwew b’mod mhux xieraq sabiex jikkawżaw dannu peress li wara n-notifika tad-dikjrazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, WDI wettqet trasferimenti ta’ fondi sostanzjali favur kumpanniji terzi li jappartjenu għall-istess grupp u, fl-istess waqt, li kkostitwiet biss riżerva minima ta’ EUR [kunfidenzjali] miljuni għal parteċipazzjoni ta’ 18-il sena għall-akkordju fuq azzar użat għall-prestressing.

51      Il-Kummissjoni tispjega dwar dan li għandu jiġi evitat li tali trasferimenti ta’ fondi ma “jdgħajfux” il-politika li hija ssegwi meta timponi multi, iżda huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, permezz tat-trasferimenti inkwistjoni, WDI pprovat timpedixxi li jsir stralċ ġudizzjarju ta’ impriżi tal-Grupp PIB+ u t-telf ta’ numru ta’ impjiegi, u dan il-fatt ma huwiex ikkontestat. Lanqas huwa kkontestat il-fatt li l-azzjonisti ma “ħarġux” assi la mill-kumpanniji li fuqhom ġew imposti multi u lanqas minn impriżi benefiċjarji tat-trasferimenti ta’ kapital interni bejn il-grupp, bl-eċċezzjoni ta’ dividendi sa EUR [kunfidenzjali] miljuni fl-2008 favur l-azzjonista minoritarja ArcelorMittal, li ma tifformax parti mill-grupp. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax isir ilment la lill-kumpannija Holding-PIB u lanqas lil PIB+ meħud globalment li użaw WDI bħala sors ta’ finanzjament sabiex tingħata għajnuna lil kumpanniji oħra tal-grupp f’diffikultà.

52      Għal dak li jikkonċerna r-riżerva ta’ EUR [kunfidenzjalil] miljuni, l-ilment ta’ “nuqqas ta’ kopertura” huwa irrilevanti peress li, fid-deċiżjoni kkontestata (punti 1178 u 1179), il-Kummissjoni stess iddikjarat diversi elementi li jindikaw a priori li [kunfidenzjali]. Konsegwentement, l-ammont ta’ riżerva fil-kontabbiltà huwa irrilevanti. Barra minn hekk, l-ammont ta’ EUR [kunfidenzajli] miljuni ma jidher bl-ebda mod assurd. Fil-fatt, il-Kummissjoni diġà iddeċidiet żewġ okkazzjonijiet li kien neċessarju jitnaqqas l-ammont tal-multi li hija kienet imponiet fuq impriżi individwali li kienu pparteċipaw għal akkordji. Riċentement, hija saħansitra naqset b’madwar 80 % l-ammont tal-multa li hija kienet imponiet fuq ArcelorMittal, li huwa l-ikbar grupp tal-azzar dinji, minħabba l-inkapaċità ta’ ċerti impriżi tal-grupp li jħallsu (ara l-punt 10 iktar ’il fuq).

53      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li r-rikorrenti urew suffiċjentement fid-dritt l-urġenza tal-miżura provviżorja li huma jitolbu.

 Fuq il-Fumus boni juris

54      Skont l-ġurisprudenza, il-kundizzjoni dwar il-Fumus boni juris hija sodisfatta meta għall-inqas wieħed mill-motivi invokati mir-rikorrenti insostenn tar-rikors prinċipali jidher, prima facie, rilevanti u, fi kwalunkw każ, mhux infondat jew meta l-argumenti li hija tressaq ma jistgħux jiġu esklużi mingħajr eżami dettaljat, li huwa rriżervat għall-qorti kompetenti fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2009, United Phosphorus vs Il-Kummissjoni, T-95/09R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata f’dan ir-giward, u tal-10 ta’ Marzu 1995, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑395/94 R, Ġabra 1995, p. II-595, punt 49, ikkonfermat bid-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, diġà ċċitat fil-punt 12 iktar’il fuq, punti 26 u 27).

55      F’din il-kawża, ir-rikorrenti jagħmlu seba’ motivi, li fuqhom jibbażaw, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tnaqqis xieraq tal-multi tagħhom.

56      Kif il-Kummissjoni ġustament osservat, il-preżentazzjoni tal-parti l-kbira ta’ dawn il-motivi hija konċiża ħafna u ma hijiex direttament komprensibbili. Għaldaqstant, hija ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza li tipprovdi li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuq fuqhom it-talba għal miżuri provviżorji hija bbażata għandha tirriżulta b’mod koerenti u komprensibbli mit-test stess tat-talba sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara l-osservazzjonijiet tiegħu u l-Imħallef għal miżuri provviżorji jkun jista’ jiddeċiedi, skont il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn (digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2001, Stauner et vs Il-Parlament u Il-Kummissjoni, T-236/00R, Ġabra 2001, p. II-15, punt 34; tas-7 ta’ Mejju 2002, Aden et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-306/01R, Ġabra 2002, p. II-2387, punt 52, u tat-23 ta’ Mejju 2005, Dimos Ano Liosion et vs Il-Kummissjoni, T-85/05R, Ġabra 2005, p. II‑1721, punt 37).

57      Dan l-ilment ta’ konċizzjoni eċċessiva ma japplikax madankollu għall-motiv dedott mill-konstazzjoni żbaljata ta’ ksur uniku u kontinwu. Fit-talba għal miżuri provviżorji, ir-rikorrenti jesponu essenzjalment li l-Kummisjsoni tilmenta li WDI pparteċipat għal ksur mill-1 ta’ Jannar 1984 sad-19 ta’ Settembru 2002 u li WDV ipparteċipat fih mit-3 ta’ Settembru 1987 sad-19 ta’ Settembru 2002. Madankollu WDI u WDV kienu pparteċipaw fih matul perijodu sostanzjalment ħafna iqsar, jiġifieri mit-12 ta’ Mejju 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002. Fil-fatt, il-ksur imwettaq qabel it-12 ta’ Mejju 1997 kienu preskritti. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li kien hemm interruzzjoni ta’ kważi sena u nofs matul il-ftehim. Hija injorat il-fatt li l-ftehim konklużi qabel u wara din l-interruzzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala ksur uniku u kontinwu peress li huma għandhom natura differenti u ma jibbażawx fuq l-istess organizzazzjoni. Matul laqgħa li seħħet fid-9 ta’ Jannar 1996, barra minn hekk ir-rikorrenti tbiegħdu mill-ftehim b’mod viżibbli mill-impriżi l-oħrajn kollha, kif intwera mingħajr kwalunkwe ambigwità minn diversi noti bil-miktub. Dan it-tbegħid jiġġustifika wkoll li r-rikorrenti ma jistgħux jiġu akkużati bi ksur uniku u kontinwu.

58      Din l-espożizzjoni tar-rikorrenti, li, fil-każ ta’ suċċess tista’ twassal għal tnaqqis sinjifikattiv tal-multi imposti fuq WDI u fuq WDV, hija tant preċiża li ppermettiet lill-Kummissjoni li tippreżenta nota dettaljata ta’ diversi paġni. Barra minn hekk, hija ppermettiet lill-Imħallef għal miżuri provviżorji li jiddeċiedi li l-motiv ma jidhirx, prima facie, kompletament infondat u li ma jistax fi kwalunwe każ jiġi miċħud mingħajr eżami fil-fond, li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti li tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

59      Il-motiv dedott mir-rifjut li jittieħed inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti huwa wkoll direttament komprensibbli u ppermetta lill-Kummissjoni li tippreżenta nota dettaljata ta’ diversi paġni fuq dan il-punt ukoll.

60      Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa fuq ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni ffissat multa jew pagamenti ta’ penalità. F’dan il-każ ma jistax jiġi eskluż li l-Qorti Ġenerali tagħmel użu minn din il-ġurisdizzjoni meta tiddeċiedi fuq il-kawża prinċipali u li tnaqqas il-multi imposti fuq ir-rikorrenti. Il-Kummissjoni stess tispjega f’dan ir-rigward li, sa fejn ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni dwar il-kapaċità kontributtiva tagħhom, il-Qorti Ġenerali nnifisha tiffissa l-multa fil-każ li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi fid-deċiżjoni. Għaldaqstant hija għandha tibbaża ruħha fuq il-fatti kif jirriżultaw mill-informazzjoni pprovduta fil-frattemp. Konsegwentement, hija żżid li jekk tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda tal-urġenza f’dan il-każ, l-istess japplika għall-perspettivi ta’ suċċess tar-rikors fil-kawża prinċipali. Dawn l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni japplikaw ukoll għall-każ meta, kif kien sar qabel, jeħtieġ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda tal-urġenza f’dan il-każ.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li jeżisti, prima facie, fumus boni juris li jillimita favur it-tnaqqis tal-multi li r-rikorrenti talbu sussidjarjament.

 Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi

62      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-riskji inerenti għal kull waħda mis-soluzzjonijiet possibbli għandhom jiġu bbilanċjati fl-eżami tat-talba għal miżuri provviżorji. Konkretament dan ifisser li l-qorti għandha teżamina b’mod partikolari jekk l-interess tar-rikorrent għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandux jipprevali fuq l-interess ta’ eżekuzzjoni immedjata tagħha (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, diġà ċċitat fil-punt 12 iktar ’il fuq, punt 50; tat-12 ta’ Lulju 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-180/96 R, Ġabra 1996, p. I-3903, punt 89, u tas-26 ta’ Ġunju 2004, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, Kawżi Magħquda C‑182/03 R u C-217/03 R, Ġabra 2003, p. I-6887, punt 142).

63      Ir-rikorrenti urew mhux biss l-urġenza għal miżuri provviżorji li huma jitolbu, billi pproduċew il-prova li għalihom kien oġġettivament impossibbli li jiksbu garanzija bankarja li tkopri l-multi tagħhom, iżda wkoll il-fumus boni juris tat-talba sussidjarja tagħhom intiża għat-tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi. Għaldaqstant hemm lok li jiġi rikonoxxut li huma għandhom fundamentalment interess leġittimu għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li jikkostitwixxu garanzija bankarja għal dawn il-multi. Jekk it-talba tagħhom għal miżuri provviżorji ma tintlaqax, il-Kummissjoni tkun tista’, fil-fatt, tirkupra immedjatament il-multi, u dan probabbilment iwassal għall-istralċ ġudizzjarju tar-rikorrenti għal inkapaċità ta’ ħlas jew ta’ dejn eċċessiv (ara l-punt 49 iktar ’il fuq).

64      Il-Kummissjoni tipprekludi dan il-motiv billi tinvoka l-interess pubbliku għaż-żamma tal-effikaċja tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-effett dissważiv tal-multi li hija ddeċidiet kif ukoll l-interess finanzjarju tal-Unjoni. Hija tenfasizza b’mod partikolari li skont il-konferma tagħha mill-qorti suprema, multa tifforma parti mill-baġit tal-Unjoni.

65      Għandu jiġi osservat fir-rigward tal-interesssi finanzjarji tal-Unjoni, li l-importanza fundamentali tagħhom ma tistax tiġi kkontestata, li r-rikorrenti ma għandhomx ir-riżorsi neċessarji sabiex iħallsu l-multi imposti fuqhom (ara l-punti 16 u 19 iktar ’il fuq) u li għalihom huwa oġġettivament impossibbli li jikkostitwixxu l-garanzija meħtieġa. Għaldaqstant huwa probabbli ħafna li, jekk hija kellha tipproċedi għall-irkupru furzat, il-Kummissjoni ma tiġborx is-somom li hija ffissat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti spjegaw, mingħajr ebda kontradizzjoni, li, jekk huma jkollhom jitqegħdu fi stralċ ġudizzjarju, kif hemm lok li jsir, it-talba tal-Kummissjoni ma jkollhiex, skont id-dritt Ġermaniż, ebda prijorità fuq it-talbiet ta’ kredituri oħrajn u hija jkollha tikkuntenta ruħha bil-kwota li tingħatalha fi tmien l-istralċ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interessi finanzjarji tal-Kummissjoni ma jkunux protetti aħjar minn eżekuzzjoni furzata immedjata milli jekk hija tippermetti lir-rikorrenti li jkomplu bl-attività tagħhom u li jħallsu l-multi tagħhom permezz ta’ qligħ li huwa jagħmlu (ara, f’dan is-sens id-deċiżjoni Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni diġà ċċitata fil-punt 17, punt 136).

66      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tidher li mill-bidu qieset l-implementazzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħala pjuttost improbabbli f’dan il-każ. Fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija qieset, fil-fatt, li diversi indizji kienu jissuġġerixxu li PIB u WDI ma setgħux iħallsu l-multi tagħhom u li wisq probabbli huma ma kinux isalvaw mill-kundanna tagħhom (punti 1178 u 1179 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan jindika li mill-bidu hija kienet irriżenjat li ma tistax tirkupra l-multi. Barra minn hekk, wara li adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet diversi proċeduri ITP sabiex tinvestiga l-kapaċità kontributtiva ta’ impriżi li fuqhom hija pjuttost disposta tirrinunzja (parzjalment) għall-multi, anki wara li dawn saru parti integrali mill-baġit tal-Unjoni. Għalhekk, hija riċentement ħafna rrinunzjat għal 80 % tal-multa li hija kienet imponiet fuq il-Grupp ArcelorMittal. F’dan il-kuntest, il-preokkupazzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex “tqajjem” l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod partikolari kontra r-rikorrenti ma tidhirx partikolarment leġittima.

67      Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li għandha tingħata l-prijorità lill-interesssi tar-rikorrenti fuq l-interessi finanzjarji tal-Kummissjoni.

68      Madankollu għandu jiġi osservat li fumus boni juris kien ikkonfermat iktar ’ il fuq biss għat-talba sussidjarja intiża għal tnaqqis tal-multi u li r-rikorrenti stess kienu indikaw li huma kienu disposti li jħallsu rati ta’ kull xahar minn Lulju 2011 skont skeda adegwata (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). B’ittra tas-17 ta’ Frar 2011, fil-kuntest tal-proċedura ITP, huma ppreżentaw pjan ta’ ħlas aġġornat lill-Kummisjsoni u jispjegaw li fil-każ ta’ tnaqqis tal-multi tagħhom sa 75 %, jiġifieri tnaqqas ta’ madwar EUR 12-il miljun, huma jkun f’pożizzjoni li jagħmlu ħlas f’39 rata ta’ kull xahar minn Lulju 2011. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li WDI kienet, matul perijodu twil, ikkostitwiet riżerva ta’ EUR [kunfidenzjali] miljuni għall-ħlas tal-multa tagħha.

69      Fil-preżent, hemm lok għaldaqstant li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi tingħata lir-rikorrenti l-miżura provviżorja li huma jitolbu, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni f’dan l-istadju fuq it-tnaqqis ta’ 75 % imsemmi, biss fuq il-kundizzjoni li huma jħallsu s-somma ta’ EUR [kunfidenzjali] miljuni minn issa t-30 ta’ Ġunju 2011 u li mill-15 ta’ Lulju 2011, huma jħallsu, fil-15 ta’ kull xahar rati ta’ EUR 300 000 kull xahar sa ordni ġdid, iżda mhux iktar tard mid-deċiżjoni tas-sentenza li ser tingħata fil-kawża prinċipali.

70      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi indikat li, skont l-Artikolu 108 tar-Regoli tal- Proċedura, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’, fi kwalunkwe mument, jemenda jew jirrevoka d-digriet tiegħu fil-każ ta’ bdil ta’ ċirkustanzi. Bi “bdil ta’ ċirkustanzi”, hemm lok li jinftiehem, b’mod partikolari, punti ta’ fatt li jistgħu jemendew l-evalwazzjoni tal-kriterju tal-urġenza fil-każ konkret tal-kawża (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 2002, Il-Kummissjoni vs Artegodan, C‑440/01 P [R], Ġabra p. I-1489, punti 62 sa 64). Huma l-partijiet li għandhom, skont il-każ, jindirizzaw lill-Qorti Ġenerali jekk, fl-opinjoni tagħhom, iċ-ċirkustanzi nbidlu b’mod tali li jista’ jwassal għal emenda ta’ dan id-digriet.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

1)      Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-obbligu impost fuq Westfähliche Drahtindustrie GmbH, fuq Westfähliche Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG u fuq Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG li jikkostitwixxu garanzija favur il-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jiġi evitat l-irkupru immedjat tal-multi imposti fuqhom permezz tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni C(2010) 4387 finali li l-Kummissjoni tat fit-30 ta’ Ġunju 2010 fi proċeduri skont l-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/38.344 – Azzar użat għall-prestressing), fil-verżjoni tad-deċiżjoni li temenda K (2010) 6676 finali tat-30 ta’ Settembru 2010, tingħata taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      Westfähliche Drahtindustrie GmbH, Westfähliche Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG u Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG iħallsu s-somma ta’ EUR[kunfidenzjali] miljuni lill-Kummissjoni qabel it-30 ta’ Ġunju 2011;

b)      Huma jħallsu lill-Kummissjoni rati ta’ EUR 300 000 kull xahar mill-15 ta’ Lulju 2011 (u fil-15 ta’ kull xahar segwenti) sa ordni ġdid, iżda mhux iktar tard mid-deċiżjoni tas-sentenza li ser tingħata fil-kawża prinċipali.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Lussemburgu, fit-13 ta’ April 2011.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

       M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 –       Data kunfidenzjali mhux riprodotta.