Language of document : ECLI:EU:T:2019:468

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Lulju 2019 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran – Iffriżar ta’ fondi – Restrizzjoni fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorji tal-Istati Membri – Kumpens għad-dannu allegatament subit wara l-inklużjoni u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi – Dannu materjali – Dannu morali”

Fil-Kawża T‑406/15,

Fereydoun Mahmoudian, residenti f’Teheran (l-Iran), irrappreżentat minn A. Bahrami u N. Korogiannakis, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn R. Liudvinaviciute-Cordeiro u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Aresu u D. Gauci, sussegwentement minn A. Aresu u R. Tricot, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrent allegatament ġarrab wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39, rettifika fil-ĠU 2010, L 197, p. 19), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 25), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2010, L 281, p. 81) u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), li permezz tagħhom isem ir-rikorrent ġie inkluż u miżmum fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President tal-Awla, V. Valančius u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-miżuri restrittivi introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

2        Ir-rikorrent, Fereydoun Mahmoudian, huwa azzjonist maġġoritarju u President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Fulmen. Din tal-aħħar hija kumpannija Iranjana, attiva b’mod partikolari fis-settur tat-tagħmir elettroniku.

3        Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ġew adottati l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK tas-27 ta’ Frar 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2007, L 61, p. 49), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad-19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2007, L 103, p. 1).

4        L-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 kien jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi kollha u tar-riżorsi ekonomiċi kollha ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet. Il-lista ta’ dawn il-persuni u entitajiet kienet tinsab fl-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140.

5        Sa fejn kienu kkonċernati l-kompetenzi tal-Komunità Ewropea, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 kien jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-korpi li huma rrikonoxxuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħala parteċipi fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Il-lista ta’ dawn il-persuni, entitajiet u korpi kienet tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

6        Il-Pożizzjoni Komuni 2007/140 tħassret bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 39).

7        L-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi ta’ numru ta’ kategoriji ta’ entitajiet. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, il-“persuni u entitajiet […] li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ [għall-proliferazzjoni nukleari] jew persuni jew entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċti, […] kif elenkati fl-anness II”.

8        Il-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġiet issostitwita b’lista ġdida, inkluża fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2010, L 281, p. 81).

9        Fil-25 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2007, L 281, p. 1).

10      Sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, fis-26 ta’ Lulju 2010, isem ir-rikorrent ġie inkluż mill-Kunsill fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li jinsabu fit-Tabella I tal-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni.

11      Konsegwentement, isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li jinsabu fit-Tabella I tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 195, p. 25). L-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 kellha bħala konsegwenza l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent.

12      Fid-Deċiżjoni 2010/413, l-istess bħal fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, il-Kunsill sostna l-motiv segwenti fir-rigward tar-rikorrent: “Direttur ta’ Fulmen”.

13      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrent talab lill-Kunsill sabiex jerġa’ jeżamina l-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. Huwa stieden ukoll lill-Kunsill jikkomunikalu l-elementi li abbażi tagħhom wasal sabiex jadotta l-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu.

14      L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ma ġietx affettwata mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644.

15      Peress li r-Regolament Nru 423/2007 tħassar bir-Regolament Nru 961/2010, isem ir-rikorrent ġie inkluż mill-Kunsill fil-punt 14 tat-Tabella A tal-Anness VIII ta’ dan l-aħħar regolament. Għalhekk, il-fondi tar-rikorrent ġew iffriżati abbażi tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010.

16      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill wieġeb l-ittra tar-rikorrent tas-26 ta’ Awwissu 2010, fejn indika li, wara eżami mill-ġdid, jiċħad it-talba tiegħu intiża sabiex ismu jitneħħa mil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u mil-lista tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. F’dan ir-rigward, huwa speċifika li, sa fejn il-fajl ma kellux elementi ġodda li jiġġustifikaw bidla fil-pożizzjoni tiegħu, ir-rikorrent kellu jkompli jiġi suġġett għall-miżuri restrittivi pprovduti mill-imsemmija testi. Barra minn hekk, il-Kunsill indika li d-deċiżjoni tiegħu li jżomm isem ir-rikorrent f’dawn il-listi ma kinitx ibbażata fuq elementi oħra għajr dawk imsemmija fil-motivazzjoni tal-imsemmija listi.

17      Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2010/413, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, id-Deċiżjoni 2010/644 u r-Regolament Nru 961/2010, sa fejn dawn jikkonċernaw lil Fulmen u lir-rikorrent.

18      Għal dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti kkontestati fil-kuntest tar-rikorsi li taw lok għas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), fil-punt 106 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, fir-rigward tar-Regolament Nru 961/2010, fakkret li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta’ skadenza tat-terminu tal-appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-istatut jew, jekk jitressaq appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell. F’dan il-każ, hija ddeċidiet li r-riskju ta’ preġudizzju serju u irriversibbli għall-effikaċja tal-miżuri restrittivi li jimponi r-Regolament Nru 961/2010 ma jidhirx li huwa suffiċjentement għoli, fid-dawl tal-effett importanti li dawn il-miżuri għandhom fuq id-drittijiet u l-libertajiet tar-rikorrent, sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-effetti tal-imsemmi regolament fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar matul perijodu li jmur lil hinn minn dak previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

19      Barra minn hekk, fil-punt 107 tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), il-Qorti Ġenerali żammet l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, sakemm jieħu effett l-annullament tar-Regolament Nru 961/2010.

20      Fl-4 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill appella quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142). Dan l-appell ġie rreġistrat bir-referenza C‑280/12 P. Insostenn tal-imsemmi appell, il-Kunsill argumenta, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li huwa kellu jressaq elementi li jippermettu li jiġi pprovat li Fulmen kienet intervjeniet fis-sit ta’ Qom/Fordoo (l-Iran) u dan minkejja l-fatt li l-elementi li setgħu jitressqu kienu joriġinaw minn sorsi kunfidenzjali u li l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali jirrigwardaw żewġ aspetti tal-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi, l-ewwel wieħed dwar il-komunikazzjoni lill-Kunsill ta’ provi mill-Istati Membri u t-tieni wieħed dwar il-komunikazzjoni ta’ elementi kunfidenzjali lill-qorti.

21      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell għaliex infondat, billi kkonfermat dak li kienet iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 103 tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), jiġifieri li l-Kunsill ma kienx ipproduċa l-prova li Fulmen kienet intervjeniet fis-sit ta’ Qom/Fordoo.

22      Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1361/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU 2013, L 343, p. 7, rettifika fil-ĠU 2014, L 54, p. 22), il-Kunsill, abbażi tal-konsegwenzi tas-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775), ipproċeda bit-tneħħija ta’ isem ir-rikorrent mil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet, li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, li jinsabu rispettivament fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, b’effett mid-19 ta’ Diċembru 2013. Sa minn dakinhar, isem ir-rikorrent ma reġa’ ġie inkluż fuq ebda lista.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. Il-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali.

24      Fid-9 ta’ Novembru 2015, il-Kunsill ippreżenta r-risposta.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

26      Fit-2 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba ta’ intervent tal-Kummissjoni. Il-Kunsill ma ppreżentax osservazzjonijiet fuq din it-talba fit-terminu stabbilit.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Diċembru 2015, adottata skont l-Artikolu 144(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni f’din il-kawża.

28      Fit-12 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent ippreżenta r-replika.

29      Fil-25 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. La l-Kunsill u lanqas ir-rikorrent ma ppreżentaw osservazzjonijiet fuq din in-nota.

30      Fis-26 ta’ Frar 2016, il-Kunsill ippreżenta l-kontroreplika.

31      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrent talab li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, skont l-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

32      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) adottat l-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kienet tikkonsisti fis-smigħ tal-partijiet dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura fl-istennija tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħlaq il-proċeduri fil-Kawża C‑45/15 P, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill. Il-Kunsill ikkomunika l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward fit-terminu stabbilit.

33      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

34      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2016, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jissospendi l-proċeduri f’din il-kawża.

35      Wara l-għoti tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) adottat it-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kienet tikkonsisti fis-smigħ tal-partijiet dwar il-konsegwenzi li huma jisiltu mill-imsemmija sentenza fuq din il-kawża (iktar ’il quddiem it-“tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura”). Il-partijiet prinċipali u l-Kummissjoni kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward fit-terminu stabbilit.

36      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li, filwaqt li kienet qiegħda tkompli ssostni l-pożizzjoni tal-Kunsill, hija ma tqisx li huwa neċessarju li tipparteċipa fis-seduta ta’ din il-kawża.

37      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet prinċipali u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2018.

38      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tikkundanna lill-Kunsill iħallsu ammont ta’ EUR 2 227 000, bħala kumpens għad-dannu materjali subit minnu u ammont ta’ EUR 600 000, bħala kumpens għad-dannu morali subit minħabba din l-istess inklużjoni;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

39      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

40      Fil-kontroreplika, abbażi tas-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il-Kunsill (T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86), il-Kunsill jikkontesta li, peress li r-rikorrent ibbaża t-talba tiegħu għal kumpens fuq l-illegalità tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors, peress li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jagħtix ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar talba għal kumpens ibbażata fuq l-illegalità ta’ att li jaqa’ taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK).

41      Bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, li stednitu jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, ir-rikorrent speċifika li, permezz ta’ dan ir-rikors, huwa ried jitlob kumpens biss għad-dannu kkawżat mir-regolamenti adottati mill-Kunsill, li ġie nnotat fil-proċess verbal tas-seduta. Fid-dawl tal-imsemmija tweġiba, għandu jiġi kkunsidrat li, essenzjalment, ir-rikorrent bidel it-tieni kap tat-talbiet tar-rikors, b’tali mod li, finalment, huwa jitlob biss li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kunsill iħallsu ammont ta’ EUR 2 227 000 bħala kumpens għad-dannu materjali li huwa ġarrab minħabba l-inklużjoni illegali ta’ ismu fil-listi annessi mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 u mar-Regolament Nru 961/2010 (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”) u ammont ta’ EUR 600 000 bħala kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba din l-istess inklużjoni.

42      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ f’kull mument, ex officio, wara li tisma’ l-partijiet, tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, li fosthom hemm, skont il-ġurisprudenza, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1980, Ferriera Valsabbia et vs Il-Kummissjoni, 154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79, EU:C:1980:81, punt 7, u tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T‑174/95, EU:T:1998:127, punt 80).

43      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, minkejja li rikors għad-danni intiż għal kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba l-adozzjoni ta’ att fil-qasam tal-PESK ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali (sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il-Kunsill, T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punti 30 u 31), madankollu, il-Qorti Ġenerali dejjem għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal kumpens għad-dannu allegatament subit minn persuna jew minn entità minħabba miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħha, skont l-Artikolu 215 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punti 232 sa 251, u tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 45 sa 149).

44      Ma jistax japplika mod ieħor fir-rigward ta’ talba għal kumpens ta’ dannu allegatament subit minn persuna jew minn entità minħabba miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tagħha, skont l-Artikolu 291(2) TFUE.

45      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma tipprovdi li s-sitt parti tiegħu, dwar id-dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji, ma hijiex applikabbli fil-qasam ta’ miżuri restrittivi. Għalhekk, l-użu tal-Artikolu 291(2) TFUE, li jipprovdi, “[m]eta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti, dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill”, ma huwiex eskluż, sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 35).

46      F’dan il-każ, il-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tar-rikorrent, bid-Deċiżjoni 2010/413, emendata sussegwentement bid-Deċiżjoni 2010/644, ġew implimentati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, adottat skont l-Artikolu 291(2) TFUE u mir-Regolament Nru 961/2010, adottat skont l-Artikolu 215 TFUE.

47      Minn dan isegwi li, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens tar-rikorrent, inkwantu din hija intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, emendata sussegwentement bid-Deċiżjoni 2010/644, madankollu, l-imsemmija qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-istess talba, inkwantu hija intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba l-implimentazzjoni ta’ din l-istess deċiżjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 u tar-Regolament Nru 961/2010 (iktar ’il quddiem l-“atti kontenzjużi”).

48      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex teżamina dan ir-rikors kif emendat waqt is-seduta, jiġifieri sa fejn dan huwa intiż għal kumpens għad-dannu li r-rikorrent allegatament ġarrab minħabba l-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tiegħu fid-Deċiżjoni 2010/413, emendata sussegwentement bid-Deċiżjoni 2010/644, li ġew implimentati permezz tal-atti kontenzjużi (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”).

B.      Fuq il-mertu

49      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illeċitu tal-istituzzjonijiet, huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punt 113, u tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 47).

50      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent isostni li f’dan il-każ it-tliet kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma ssodisfatti.

51      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li dan ir-rikors jiġi miċħud għaliex infondat, għar-raġuni li r-rikorrent ma pproduċiex il-prova, li l-oneru tagħha jaqa’ fuqu, li l-kundizzjonijiet kollha sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huma, f’dan il-każ, issodisfatti.

52      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, kif ġew elenkati diġà fil-punt 49 iktar ’il fuq, huma kumulattivi (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il-Kunsill, T‑49/07, EU:T:2010:499, punti 92 u 93, u d-digriet tas-17 ta’ Frar 2012, Dagher vs Il-Kunsill, T‑218/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:82, punt 34). Minn dan isegwi li, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 193).

53      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, ir-rikorrent ipproduċiex il-prova, li l-oneru tagħha jaqa’ fuqu, tal-illegalità tal-aġir li huwa jikkritika lill-Kunsill, jiġifieri l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, ir-realtà tad-danni materjali u morali li huwa jallega li ġarrab u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imsemmija adozzjoni u d-danni li huwa jinvoka.

1.      Fuq l-illegalità allegata

54      Ir-rikorrent jargumenta li l-kundizzjoni li tirrigwarda l-illegalità tal-aġir ta’ istituzzjoni hija ssodisfatta, għaliex, essenzjalment, l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju, mill-Kunsill, tad-dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, ta’ natura, skont il-ġurisprudenza, li jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

55      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrent ifakkar li mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), kif ukoll mis-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775), mogħtija fuq appell mill-Kunsill u li tiċħad l-imsemmi appell (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), jirriżulta li l-atti kontenzjużi huma vvizzjati b’illegalità.

56      Fil-fatt, minn naħa, huwa jfakkar li fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kunsill ma kellux l-inqas element kontrih sabiex isostni l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, u qieset li dan il-fatt jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula fil-kuntest tat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, huwa jindika li, fid-dawl tas-similarità tal-fatti li taw lok għal din il-kawża u dawk fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), il-konstatazzjonijiet kollha dwar il-gravità tal-illegalità tal-aġir tal-Kunsill f’din l-aħħar kawża huma trasponibbli mutatis mutandis għal din il-kawża. Huwa żied li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi li s-sempliċi annullament tal-atti kontenzjużi ma huwiex ta’ natura li jikkostitwixxi kumpens suffiċjenti għad-dannu morali tiegħu.

57      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Kunsill li, minkejja l-karattru flagranti tal-illegalità kkonstatata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), jippreżenta appell minn din is-sentenza, tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter li l-konsegwenza tiegħu kienet l-aggravazzjoni tad-dannu li huwa ġarrab.

58      It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-konsegwenza tal-miżuri kontenzjużi kienet il-ksur tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ intrapriża tiegħu u tad-dritt għall-proprjetà tiegħu, li huwa għandu skont l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Dan il-ksur ta’ dawn id-drittijiet fundamentali jaggrava l-illegalità mwettqa mill-Kunsill, sal-punt li jikkostitwixxi ksur serju.

59      Fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija magħmula fil-kuntest tat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, ma baqax jikkontesta l-illegalità li tirriżulta mill-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi u jirrikonoxxi li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), dwar l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi huma rilevanti f’din il-kawża, sa fejn l-inklużjoni tar-rikorrent seħħet f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza. Madankollu, huwa jikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar l-użu ħażin ta’ poter u dwar ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta u jikkunsidra li s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), ma tipprovdi ebda indikazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward.

60      F’dan il-każ, fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-illegalità tal-atti kontenzjużi.

61      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti Ġenerali, il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku, tkun kemm tkun ċensurabbli din l-illegalità, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni tal-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li tirrigwarda l-illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet hija ssodisfatta (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Dole Fresh Fruit International vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑56/00, EU:T:2003:58, punti 71 sa 75, u tat-23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 31). L-eventwali annullament ta’ att jew ta’ diversi atti tal-Kunsill li taw lok għad-danni invokati mir-rikorrent, anki meta tali annullament ikun deċiż minn sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija qabel ma jiġi ppreżentat rikors għad-danni, ma jikkostitwixxix, għalhekk, il-prova inkonfutabbli ta’ ksur suffiċjentement serju min-naħa ta’ din l-istituzzjoni, li jippermetti li tiġi kkonstatata, ipso jure, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

62      Il-kundizzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ aġir illegali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni teħtieġ il-ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi huwa intiż, irrispettivament min-natura tal-att illegali inkwistjoni, sabiex jiġi evitat li r-riskju ta’ ħlas tad-danni allegati mill-persuni kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ natura leġiżlattiva jew li timplika għażliet ta’ politika ekonomika kif ukoll fl-isfera tal-kompetenza amministrattiva tagħha, mingħajr madankollu ma tattribwixxi lil individwi r-responsabbiltà tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u li ma humiex skużabbli (ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 51).

64      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 59 sa 61 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet legali li tagħhom ir-rikorrent qiegħed jinvoka l-ksur f’dan il-każ għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi u jekk il-Kunsill wettaqx ksur suffiċjentement serju tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

65      Insostenn tat-talba għal kumpens għad-danni tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, żewġ kapijiet ta’ illegalità, jiġifieri, l-ewwel nett, l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi ladarba l-Kunsill ma kellu l-ebda prova insostenn tagħhom, illegalità li l-effetti tagħha kienu aggravati b’użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-Kunsill, meta dan ippreżenta appell mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), u, it-tieni nett, ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

66      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kap tal-illegalità bbażat fuq l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi mill-Kunsill meta dan ma kellu ebda prova insostenn tagħhom, għandu jitfakkar li, fil-punti 68 u 69 tas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti kienet tkun f’pożizzjoni li tifhem li fil-mument tal-adozzjoni tal-att ikkontestat fil-kawża inkwistjoni, hija kellha tiġbor l-informazzjoni jew il-provi li jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent fl-imsemmija kawża sabiex tkun tista’ tistabbilixxi, f’każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-imsemmija miżuri bil-produzzjoni tal-imsemmija informazzjoni jew tal-imsemmija provi quddiem il-qorti tal-Unjoni. Hija kkonkludiet li, billi ma aġixxiex b’dan il-mod, il-Kunsill huwa responsabbli għal ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 61 u 62 iktar ’il fuq. Fil-punt 40 tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), mogħtija wara appelli mis-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), u li tiċħad l-imsemmija appelli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet ġustament ikkunsidrat, b’mod partikolari fil-punti 68 u 69 tas-sentenza tagħha, li l-ksur, għal kważi tliet snin, tal-obbligu li l-Kunsill kellu li jipprovdi, f’każ ta’ kontestazzjoni, l-informazzjoni jew il-provi insostenn tal-motivi tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna fiżika jew ġuridika, kien jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

67      F’dan il-każ, kif jirriżulta mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja bis-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775), bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-ksur imwettaq mill-Kunsill mhux biss huwa identiku fir-rigward tal-għan tiegħu, iżda huwa wkoll itwal, b’madwar sitt xhur, minn dak imwettaq mill-Kunsill fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986).

68      Minn dan isegwi li, minn naħa, id-dispożizzjoni legali li tagħha qiegħed jiġi invokat il-ksur, f’dan il-każ, hija dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi, fosthom lir-rikorrent bħala persuna fiżika kkonċernata mill-atti kontenzjużi. Min-naħa l-oħra, il-ksur tal-imsemmija dispożizzjoni jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq.

69      Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet, wara t-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, dwar il-konsegwenzi li huma jisiltu mis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), fuq din il-kawża, jirriżulta li huma stess jaqblu, preżentement, dwar il-fatt li l-illegalità invokata tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi.

70      Fir-rigward tal-allegazzjoni li, essenzjalment, minbarra li huwa serju, dan l-aħħar ksur huwa aggravat minħabba l-fatt li l-Kunsill wettaq użu ħażin ta’ poter billi ppreżenta appell mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

71      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter jekk jidher, fuq bażi ta’ evidenza oġġettiva, rilevanti u konsistenti, li ttieħed bl-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bl-għan prinċipali, li jintlaħqu finijiet differenti minn dawk indikati jew li tiġi evitata proċedura speċifikament indikata fit-Trattat sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, Montel vs Il-Parlament, T‑634/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:848, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ appell mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali huwa stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u jifforma parti integrali mir-rimedji ġudizzjarji tas-sistema ġuridika tal-Unjoni. Skont l-istess artikolu, appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tista’ tippreżenta appell kwalunkwe parti li tkun tilfet, parzjalment jew totalment, fit-talbiet tagħha. Mid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni jirriżulta li fl-osservanza tal-limiti li dan jipprevedi, kull parti hija libera mhux biss li tippreżenta appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali, iżda, barra minn hekk, li tqajjem kull aggravju li hija tikkunsidra utli sabiex targumenta u tirbaħ il-kawża tagħha. Huwa għalhekk li, f’dan l-aħħar rigward, għall-kuntrarju ta’ dak allegat mir-rikorrent, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat għaliex ippreżenta appell mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), sabiex, kif jippreċiża fir-risposta tiegħu, ikun hemm “ġurisprudenza stabbilita ferm fir-rigward tal-miżuri restrittivi ġeografiċi”, peress li tali argument jirrigwarda b’mod manifest kwistjoni ta’ liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE.

73      Min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni tar-rikorrent li l-Kunsill kien ippreżenta appell mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), sempliċement sabiex jagħmel pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex hija twaqqaf il-programm nukleari tagħha, billi jżomm b’dan il-mod l-effetti prodotti mill-atti kontenzjużi fil-konfront tar-rikorrent, ma tistax tiġi milqugħa. Fil-fatt, mhux biss din l-allegazzjoni ma hija kkorroborata b’ebda prova jew informazzjoni, iżda, fi kwalunkwe każ, bilfors għandu jiġi kkonstatat li ż-żamma tal-imsemmija effetti hija inerenti għad-deċiżjoni li jiġi ppreżentat appell, u dan skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex, skont dan l-artikolu, “[b]’deroga mill-Artikolu 280 [TFUE] id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data tal-iskadenza tat-terminu tal-appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell”.

74      Barra minn hekk, għandu jitfakkar (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) li fir-rigward tal-effetti ratione temporis tal-annullament tar-Regolament Nru 961/2010, fil-punt 106 tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, f’dan il-każ, ir-riskju ta’ ħsara serja u irriversibbli fuq l-effettività tal-miżuri restrittivi imposti mir-Regolament Nru 961/2010 ma jidhirx li huwa elevat biżżejjed sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-effetti tar-regolament imsemmi fir-rigward tar-rikorrent għal perijodu li jmur lil hinn minn dak stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, fil-punt 107 tal-istess sentenza (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), hija ddeċidiet li żżomm l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament tar-Regolament Nru 961/2010.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ż-żamma tal-effetti prodotti mill-atti kontenzjużi fil-konfront tar-rikorrent, wara l-annullament ta’ dawn tal-aħħar permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), hija l-konsegwenza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-evalwazzjoni sovrana tal-Qorti Ġenerali, u mhux tal-aġir ikkritikat mir-rikorrent kontra l-Kunsill, għax ippreżenta appell mill-imsemmija sentenza.

76      Konsegwentement, fl-assenza ta’ kwalunkwe element oġġettiv, ippreżentat mir-rikorrent, li jista’ juri li l-Kunsill ippreżenta l-appell mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), bil-għan li jippreġudikah jew li jagħmel pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex hija twaqqaf il-programm nukleari tagħha, l-argument ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-Kunsill li aggrava l-ksur tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni f’dan il-każ għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

77      Fir-rigward tat-tieni kap ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent jillimita ruħu li jfakkar il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikun hemm preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet mogħtija mill-Karta u li jsostni li l-miżuri kontenzjużi imposti fir-rigward tiegħu kellhom l-għan u l-effett ta’ restrizzjonijiet konsegwenti fuq id-dritt tiegħu għall-proprjetà u għal-libertà tiegħu li jeżerċita attività ekonomika, kif mogħtija mill-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

78      Madankollu, għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għall-proprjetà huwa ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta, huwa ma jgawdix, fid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni assoluta, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet għall-użu ta’ dan id-dritt, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni u ma jammontawx, fid-dawl tal-għan imfittex, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta, b’analoġija, għal-libertà ta’ intrapriża, li hija ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta.

79      L-ewwel nett, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi fil-konfront tar-rikorrent, sa fejn dawn jipprovdu għall-iffriżar tal-fondi tiegħu, tar-riżorsi finanzjarji tiegħu u tar-riżorsi ekonomiċi l-oħra tiegħu, kien li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari u li tiġi eżerċitata pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex twaqqaf l-attivitajiet ikkonċernati. Dan l-għan kien jifforma parti mill-kuntest iktar ġenerali tal-isforzi marbuta maż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u huwa, għalhekk, leġittimu u xieraq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punti 100 u 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      It-tieni nett, il-miżuri kontenzjużi kellhom ukoll natura neċessarja peress li miżuri alternattivi u inqas vinkolanti, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu ta’ fondi ttrasferiti, ma kinux jippermettu li jintlaħaq b’mod daqstant effettiv l-għan imfittex, jiġifieri li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari u li b’dan il-mod issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex twaqqaf l-attivitajiet ikkonċernati, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li r-restrizzjonijiet imposti jiġu evitati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Għalhekk, ir-rikorrent ma wriex li l-atti kontenzjużi kisru d-drittijiet li huwa għandu skont l-Artikolu 16 u 17 tal-Karta.

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi deċiż li huwa biss l-ewwel kap ta’ illegalità, ibbażat fuq l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi mill-Kunsill, meta ma kellu l-ebda prova insostenn tagħhom, li jikkostitwixxi illegalità li tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq.

2.      Fuq id-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalità tal-aġir ikkritikat u dan id-dannu

83      Ir-rikorrent iqis li wera n-natura reali u ċerta tad-danni morali u materjali li huwa ġarrab minħabba l-atti kontenzjużi u r-rabta kawżali bejn l-illegalità tal-aġir ikkritikat u d-dannu allegat. Fid-dawl tal-fatti partikolari tal-każ, huwa jikkunsidra li s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), ma tikkontestax il-fondatezza tat-talba tiegħu għal kumpens.

84      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Huwa jqis li d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), dwar il-kundizzjonijiet ta’ kumpens għad-dannu materjali u immaterjali huma rilevanti u favorevoli għall-argumenti tiegħu f’din il-kawża.

85      Għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent ipproduċiex il-prova tad-dannu allegat u tar-rabta kawżali bejn l-illegalità tal-aġir ikkritikat u l-imsemmi dannu.

86      F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni tar-realtà tad-dannu, skont il-ġurisprudenza, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita jekk ir-rikorrent ġarrab effettivament dannu reali u ċert (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1982, De Franceschi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 51/81, EU:C:1982:20, punt 9, u tas-16 ta’ Jannar 1996, Candiotte vs Il-Kunsill, T‑108/94, EU:T:1996:5, punt 54). Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), u b’mod iktar partikolari, li jipproduċi provi konklużivi kemm tal-eżistenza kif ukoll tal-portata tad-dannu (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑362/95 P, EU:C:1997:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      B’mod iktar speċifiku, kull talba għal kumpens ta’ dannu, irrispettivament minn jekk tirrigwardax dannu materjali jew morali, b’mod simboliku jew sabiex jinkiseb kumpens sostanzjali, għandha tippreċiża n-natura tad-dannu allegat fid-dawl tal-aġir ikkritikat, u anki b’mod approssimattiv, tevalwa dan id-dannu kollu (ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Sabbagh vs Il-Kunsill, T‑652/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:112, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegat, l-imsemmi dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir allegat, u dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, filwaqt li ma hemm ebda obbligu li tiġi kkumpensata kull konsegwenza dannuża, anki remota, ta’ sitwazzjoni illegali (ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, EU:T:2006:121, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21). Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegat (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑149/96, EU:T:1998:228, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, ir-rikorrent weriex in-natura reali u ċerta tad-danni morali u materjali li huwa ġarrab wara l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imsemmija adozzjoni u dawn id-danni.

a)      Fuq id-dannu materjali allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali

90      Ir-rikorrent jallega li kien partikolarment affettwat mill-miżuri kontenzjużi meħuda fil-konfront tiegħu, peress li fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, iċ-ċentru tal-interessi tiegħu kien fi Franza, fi ħdan l-Unjoni, peress li kien kiseb in-nazzjonalità Franċiża u kien jirrisjedi fi Franza, fejn kien fetaħ kontijiet bankarji. Huwa jsostni li ġarrab erba’ tipi ta’ danni materjali, jiġifieri, l-ewwel nett, it-telf kapitali marbut mal-assenza ta’ ġestjoni dinamika tal-assi finanzjarji tiegħu; it-tieni nett, it-telf ta’ qligħ mill-ġestjoni tal-proprjetà immobbli tiegħu; it-tielet nett, it-telf magħmul f’kumpanniji Ewropej; u, ir-raba’ nett, l-ispejjeż legali sostnuti għar-rilaxx parzjali tal-fondi tiegħu, u sabiex jillibera l-kontijiet bankarji maqbuda. Fir-rigward ta’ dawn id-diversi danni materjali, huwa jitlob li l-Kunsill jiġi kkundannat iħallsu kumpens f’ammont totali ta’ EUR 2 227 000.

91      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob iċ-ċaħda tat-talba għal kumpens għad-danni materjali allegati.

1)      Fuq it-telf kapitali marbut mal-assenza ta’ ġestjoni dinamika tal-assi finanzjarji tar-rikorrent

92      Fir-rigward tat-telf kapitali marbut mal-assenza ta’ ġestjoni dinamika tal-assi finanzjarji, fir-rikors, ir-rikorrent jiddikjara li fil-portafoll tiegħu huwa kellu assi għal madwar EUR 15‑il miljun, li l-parti l-kbira tagħhom kienu investiti f’azzjonijiet f’kumpanniji Ewropej ikkwotati fil-borża, azzjonijiet f’kumpanniji oħra, depożiti fissi f’diversi muniti u bonds ta’ kumpanniji u statali, fosthom bonds tal-Istat Grieg. Barra minn hekk, huwa jqis li, peress li l-ġestjonarji ta’ fondi jitħallsu b’rata ta’ madwar 2 % tal-fondi ġestiti, dan id-dannu, li huwa jitlob kumpens għalih, jiżdied bi 2 % fis-sena tal-ammont tal-fondi tiegħu li huwa jevalwa għal EUR 11‑il miljun, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-assi tiegħu f’kontijiet bankarji miftuħa fil-Belġju, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 660 000 fuq bażi ta’ tliet snin.

93      Qabelxejn, fir-replika, ir-rikorrent jispeċifika li portafoll “dinamiku”, li huwa ddefinit fid-dawl tal-kompożizzjoni tiegħu, huwa kkaratterizzat minn teħid ta’ riskju ogħla mit-teħid ta’ riskju tad-detentur ta’ portafoll “ibbilanċjat”, inkambju għal prestazzjoni ogħla fuq żmien twil. L-għan innifsu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 423/2007 huwa preċiżament li jipprekludi kull persuna li hija suġġetta għal miżuri restrittivi milli tamministra b’mod xieraq portafoll “dinamiku”. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi hija l-fatt li ta lok għad-dannu finanzjarju li għandu awtomatikament jiġi kkumpensat meta l-imsemmija miżuri jiġu sussegwentement iddikjarati illegali.

94      Madankollu, ir-rikorrent isostni li l-portafoll tiegħu mal-bank BNP Paribas kien jeħtieġ ġestjoni “dinamika”. Bħala eżempju ta’ ġestjoni dinamika, huwa jannetti mar-replika dikjarazzjoni tat-titoli tal-kont BNP Paribas. Huwa jżid li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2010, L 88, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2012, L 332, p. 31 u fil-ĠU 2014, L 93, p. 85), ma tapplikax għal kontijiet li għandhom dawn il-karatteristiċi, iżda għal kontijiet bħal kont kurrenti li huwa għandu mal-bank Belfius, li ma jeħtieġx ġestjoni dinamika, u dan jispjega għaliex ma kienx inkluż fost il-portafolli li fir-rigward tagħhom jitlob kumpens għad-dannu allegatament subit. Għalhekk, matul il-perijodu ta’ bejn Lulju 2010 u l-bidu tas-sena 2014, l-assenza ta’ ġestjoni tal-kontijiet tar-rikorrent miftuħa mal-bank BNP Paribas kienet ipprekludietu milli jbigħ pożizzjonijiet b’riskju għoli, bħall-bonds tal-Istat Grieg, milli jieħu vantaġġ mill-varjazzjonijiet tas-suq, milli jwettaq l-arbitraġġi indispensabbli għal ġestjoni dinamika sabiex jadatta l-investimenti tiegħu u milli jinvesti l-likwidità tiegħu, iġġenerata mir-rimbors ta’ prodotti fissi, il-ħlas ta’ dividendi u interessi.

95      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

96      Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi, inter alia, it-talbiet tar-rikorrent u l-provi u offerti ta’ provi, jekk ikun hemm lok. L-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura jeħtieġ li tali prova tkun ippreżentata fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. Barra minn hekk, prova addizzjonali tista’ tiġi ppreżentata fl-istadju tar-replika biss jekk id-dewmien ikun iġġustifikat.

97      Issa, f’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda d-dannu bbażat fuq it-telf kapitali li rriżulta mill-assenza ta’ ġestjoni dinamika tal-assi finanzjarji tiegħu, huwa b’mod lakoniku u anki konfuż li, fir-rikors, ir-rikorrent jipprova juri d-dannu li huwa ġarrab. Fil-fatt, fir-rigward tad-dannu allegatament subit, fir-rikors, ir-rikorrent jiddeskrivi biss b’mod ġenerali t-tip ta’ investimenti li huwa wettaq u l-kompożizzjoni tal-portafoll tiegħu, li għall-ewwel huwa jevalwa, fil-punt 66 tar-rikors, għal EUR 15‑il miljun.

98      Minn naħa, imkien fir-rikors ma jidentifika l-istabbilimenti bankarji li lilhom huwa inkariga bil-ġestjoni tal-assi tiegħu, u saħansitra lanqas l-ammont ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, huwa jirreferi għalihom b’mod globali billi jagħmel riferiment, f’nota ta’ qiegħ il-paġna taħt il-punt 66 tar-rikors, għal żewġ annessi tar-rikors, intitolati rispettivament “Dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet u ittri ta’ istituzzjonijiet bankarji” u “Ittri tal-banek”, mingħajr ma jindika, b’mod preċiż, għal liema elementi jew għal liema siltiet tal-imsemmija annessi huwa qiegħed jagħmel riferiment.

99      Imbagħad, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza ferm stabbilita, għalkemm is-suġġett tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, b’riferiment għal siltiet minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-punti essenzjali tal-argumenti fid-dritt, li għandhom ikunu jinsabu fir-rikors. Barra minn hekk, ma huwiex kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, EU:T:2005:455, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Min-naħa l-oħra, fil-punt 67 tar-rikors, ir-rikorrent jevalwa finalment, mingħajr ma jagħti ġustifikazzjoni, il-portafoll tal-attiv tiegħu għal EUR 11‑il miljun u, fuq din il-bażi, huwa japplika rata ta’ 2 % li huwa jiddikjara, mingħajr ma pproduċa ebda prova, li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni medja ta’ ġestjonarji ta’ fondi, u konsegwentement, huwa jevalwa d-dannu tiegħu għal EUR 660 000 fuq perijodu ta’ tliet snin.

101    Argument tant lakoniku u konfuż fir-rikors jidher impreċiż wisq sabiex jiddetermina l-portata ta’ dan id-dannu, u għalhekk, sabiex jippermetti li l-Qorti Ġenerali tifhem, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura mfakkra iktar ’il fuq, il-portata tat-talbiet tar-rikorrent. Għalhekk, dan għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli.

102    Sussidjarjament, anki jekk jitqies li, minkejja dawn iċ-ċirkustanzi, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tista’ tfittex provi fl-annessi tar-rikors imsemmija fil-punt 96 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jippermettux li tiġi ddeterminata b’ċertezza l-portata ta’ dan id-dannu.

103    Fil-fatt, fir-rigward tal-anness intitolat “Dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet u ittri ta’ istituzzjonijiet bankarji”, dan jinkludi diversi dokumenti mhux identifikati individwalment mir-rikorrent. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tosserva li dawn donnhom huma dokumenti li jistgħu jiġu identifikati kif ġej:

–        dikjarazzjoni tal-kont tal-bank Dexia ddatata 30 ta’ Lulju 2010 (pagni 23 sa 25 tal-fajls tal-annessi tar-rikors), li fiha mkien ma jidher isem ir-rikorrent bħala d-detentur tal-kont ikkonċernat;

–        attestazzjoni ta’ bilanċ tal-kont fit-28 ta’ Ġunju 2010 ta’ kont tar-rikorrent mal-Banque Belfius, iddatata 23 ta’ Lulju 2015, flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-imsemmi kont għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Ġunju 2010 u d-9 ta’ Ottubru 2010 (paġni 26 sa 29 tal-fajl tal-annessi tar-rikors), attestazzjoni u dikjarazzjoni li fl-aħħar mill-aħħar jirriżultaw irrilevanti, peress li, fir-replika, ir-rikorrent jindika espressament li ma huwiex qiegħed jeħodhom inkunsiderazzjoni f’din it-talba għal kumpens;

–        id-dikjarazzjonijiet ta’ żewġ kontijiet tar-rikorrent miftuħa mal-bank Société Générale (paġni 30 u 31 tal-fajl tal-annessi tar-rikors);

–        dikjarazzjoni tal-kont ta’ tfaddil tal-paga tar-rikorrent mal-istabbilimenti Amundi u Inter Expansion (paġni 32 u 33 tal-fajl tal-annessi tar-rikors);

–        dokument intitolat “Portfolio Management Report” maħruġ mill-bank BNP Paribas Wealth Management, li fih imkien ma jidher isem ir-rikorrent bħala d-detentur tal-kont ikkonċernat (paġni 34 sa 38 tal-fajl tal-annessi tar-rikors);

–        tabella li tidentifika l-kontijiet miftuħa f’sitt stabbilimenti kif ukoll il-valur u n-natura tagħhom, mingħajr ebda speċifikazzjoni dwar l-identità tad-detentur tagħhom.

104    Għalhekk, minbarra l-fatt li ċerti dokumenti fuq imsemmija ma jippermettux li jiġi identifikat isem id-detentur tal-kont ikkonċernat, ebda element tal-anness inkwistjoni ma jippermetti li jinftiehem b’mod reali u ċert liema huwa d-dannu allegatament subit mir-rikorrent.

105    Din in-natura konfuża tal-argument tar-rikorrent tikber iktar bil-qari tal-ispeċifikazzjonijiet li huwa għamel fir-replika, għaliex dawn jipprovdu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-assi fdati lill-bank BNP Paribas. Madankollu, l-imsemmija assi, jekk jitqies li huma miżmuma mir-rikorrent, jammontaw, skont id-dokument intitolat “Portfolio Management Report”, riprodott fil-paġni 34 sa 38 tal-fajl tal-annessi tar-rikors, għal EUR 7 746 855, jiġifieri ammont ferm inqas mill-EUR 11 000 000 li fuqu r-rikorrent jibbaża finalment il-kalkolu tad-dannu li huwa jallega li ġarrab.

106    Fir-rigward tal-anness intitolat “Ittri tal-banek”, dan jinkludi tliet ittri ta’ tliet stabbilimenti bankarji jew ta’ ġestjoni ta’ assi, ittri li juru biss li dawn l-istabbilimenti qegħdin jaġixxu fuq l-atti kontenzjużi, jiġifieri, l-iffriżar tal-assi tar-rikorrent u x-xewqa tagħhom li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Fir-rigward tal-ittra tal-bank BNP Paribas Wealth Management tal-11 ta’ Frar 2011, l-awtur tagħha jżid li ma huwiex possibbli għalih li jgħaddi, kif jixtieq ir-rikorrent, għal ġestjoni “tat-tip konservattiv”, u għalhekk iktar sigura, tal-assi tiegħu (paġna 157 tal-fajl tal-annessi tar-rikors). Bilfors għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dokumenti ma jippermettux li tiġi ddeterminata l-portata tad-dannu allegat mir-rikorrent. Mid-diversi kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba tiegħu għal kumpens għad-dannu bbażat fuq it-telf kapitali li rriżulta mill-assenza ta’ ġestjoni dinamika tal-assi finanzjarji għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda għaliex infondata.

107    Fid-dawl tal-konklużjoni misluta fil-punt 101 iktar ’il fuq u mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent ipproduċiex il-prova ta’ rabta kawżali, it-talba għal kumpens għad-dannu bbażat fuq it-telf kapitali li rriżulta mill-assenza ta’ ġestjoni dinamika tal-assi finanzjarji għandha tiġi miċħuda għaliex inammissibbli.

2)      Fuq it-telf ta’ qligħ fir-rigward tal-ġestjoni tal-proprjetà immobbli

108    Fir-rigward tat-telf ta’ qligħ mill-ġestjoni tal-proprjetà immobbli tiegħu, ir-rikorrent jindika li l-ġestjoni ta’ żewġ appartamenti, li tagħhom huwa proprjetarju, fi Franza u fil-Belġju, saret impossibbli wara l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, peress li ma kienx possibbli għalih li jirċievi l-kirjiet, li jħallas għal xogħlijiet u għal poloz ta’ assigurazzjoni.

109    Fir-replika, ir-rikorrent jispeċifika li l-Artikolu 29(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012, li jippermetti li jibqgħu jinġabru l-kirjiet fuq kuntratti ta’ kiri pendenti, ma kienx applikabbli fil-każ tal-appartament li jinsab fi Franza, li ma kienx qiegħed jinkera fid-data li fiha isem ir-rikorrent ġie inkluż għall-ewwel darba fil-listi ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi, minħabba xogħol ta’ manutenzjoni li kellu jsir fih. Abbażi tal-kuntratt iffirmat fit-18 ta’ Ottubru 2014, wara t-tneħħija tal-miżuri kontenzjużi meħuda fil-konfront tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-valur lokatizju tal-appartament inkwistjoni huwa ta’ EUR 2 500 fix-xahar, b’tali mod li l-qligħ mitluf mill-kera jista’ jiġi evalwat għal ammont ta’ EUR 102 500.

110    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

111    Prinċipalment, kif ġie mfakkar fil-punt 96 iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jinkludi, inter alia, it-talbiet tar-rikorrent u l-provi u offerti ta’ provi, jekk ikun hemm lok. Barra minn hekk, prova addizzjonali tista’ tiġi ppreżentata fl-istadju tar-replika biss jekk id-dewmien ikun iġġustifikat.

112    Issa, f’dan il-każ, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 68 tar-rikors, l-uniku punt tiegħu ddedikat għad-dannu bbażat fuq l-impossibbiltà li jamministra l-beni immobbli tiegħu, ir-rikorrent jiddikjara biss li l-imsemmi dannu jirriżulta mill-“impossibbiltà li jirċievi l-kirjiet, li jħallas għal xogħlijiet u għall-assigurazzjoni, eċċ.” u strettament ma jipproduċi ebda dokument jew element li jista’ jsostni din id-dikjarazzjoni, li juri t-titoli ta’ proprjetà tiegħu u li jipproduċi l-prova tad-dannu u tar-rabta kawżali. Huwa minnu li, biss fir-rigward tal-appartament li huwa allegatament proprjetà tiegħu fi Franza, fir-replika, ir-rikorrent ipproduċa Anness C.2 li jinkludi tliet dokumenti, jiġifieri, kuntratt ta’ kera ffirmat fit-18 ta’ Ottubru 2014, kont tat-taxxa tal-2013 “taxxi fuq l-akkomodazzjonijiet vakanti” stabbilita fid-29 ta’ Ottubru 2013 u ittra tal-20 ta’ Ottubru 2014 indirizzata lis-servizzi tat-taxxa. Madankollu, minkejja li dawn it-tliet dokumenti ġew stabbiliti qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent imkien ma jiġġustifika l-produzzjoni tardiva tagħhom, fl-istadju tar-replika. Għalhekk, l-Anness C.2 tar-replika għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għal kumpens tal-kap tad-dannu msemmija iktar ’il fuq għandha għalhekk tiġi miċħuda għaliex inammissibbli.

113    Sussidjarjament, anki jekk jiġi preżunt li, f’dan il-każ, l-imsemmija talba u l-Anness C.2 jiġu ddikjarati ammissibbli, bilfors ikollu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jipproduċi ebda prova dwar in-natura reali u ċerta tad-dannu allegat, fir-rigward tad-dannu inkwistjoni. Fil-fatt għandu b’mod partikolari jiġi kkonstatat li r-rikorrent la jipproduċi l-prova tat-titoli tiegħu ta’ proprjetà fir-rigward taż-żewġ appartamenti li tagħhom jallega li huwa proprjetarju u lanqas il-prova li dawn il-proprjetajiet immobbli kienu intiżi li jinkrew fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi.

114    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jiddikjara, l-atti kontenzjużi bl-ebda mod ma jipprekluduh milli jkompli jirrisjedi, jekk dan kien il-każ qabel, f’appartament li huwa proprjetà tiegħu; dan iktar u iktar għaliex, kif huwa jfakkar fil-punt 65 tar-rikors, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, huwa kellu n-nazzjonalità Franċiża u kien jirrisjedi fi Franza.

115    Mill-kunsiderazzjonijiet iktar milli eżawrjenti preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma pproduċiex il-prova tad-dannu allegat fir-rigward taż-żewġ appartamenti proprjetà tiegħu fi Franza u fil-Belġju, b’tali mod li t-talba tiegħu għal kumpens fir-rigward tad-dannu bbażat fuq telf ta’ qligħ minn kera għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda għaliex infondata.

116    Fid-dawl tal-konklużjoni misluta fil-punt 112 iktar ’il fuq u mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent ipproduċiex il-prova tar-rabta kawżali, it-talba għal kumpens tal-kap tad-dannu bbażat fuq l-impossibbiltà li r-rikorrent jamministra l-assi immobbli tiegħu għandha tiġi miċħuda għaliex inammissibbli.

3)      Fuq it-telf magħmul f’kumpanniji Ewropej

117    Għal dak li jirrigwarda t-telf magħmul f’kumpanniji Ewropej, ir-rikorrent jindika li, waqt l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, huwa kellu 26 % tal-ishma tal-kumpannija Franċiża Codefa Connectique S.A.S. (iktar ’il quddiem “Codefa”) u kien azzjonist fil-kumpanniji Ġermaniżi Decom Technology GmbH (iktar ’il quddiem “Decom”) u Senteg GmbH, tramite l-kumpannija Belġjana Soreltek S.A. L-imsemmija atti kienu taw lok għal diffikultajiet insormontabbli għall-imsemmija kumpanniji u, għalhekk, għal deprezzament tal-valur tagħhom. Sabiex juri l-eżistenza tad-dannu materjali subit fi ħdan Codefa u Decom, huwa jipproduċi rapport, iddatat 21 ta’ Lulju 2015, stabbilit minn kumpannija ta’ esperti fil-kontabbiltà inkluża fil-lista ta’ esperti fil-kontabbiltà tar-reġjun ta’ Paris Île-de-France (Franza), inkluż fl-Anness A.14 tar-rikors (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-esperti fil-kontabbiltà”).

118    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

i)      Fuq it-telf minn Senteg u Decom

119    Fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-dannu bbażata fuq telf minn Senteg u Decom, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkunsidra li din it-talba hija inammissibbli. Fil-fatt, ir-rikorrent ma għandu ebda sehem f’dawn il-kumpanniji. Fir-rigward ta’ Soreltek, li għandha 80 % tal-ishma ta’ Decom u 20 % tal-ishma ta’ Senteg u li tagħha r-rikorrent isostni li huwa l-uniku benefiċjarju ekonomiku, mill-istatut jew mill-elementi l-oħra tal-proċess ma jirriżultax li din hija tar-rikorrent, direttament jew indirettament, għaliex din hija miżmuma sa 99 % mill-kumpannija Lussemburgiża Wirkkraft S.A. u sa 1 % minn kumpannija terza. Anki jekk ir-rikorrent kien il-benefiċjarju ekonomiku ta’ Wirkkraft, l-interess ġuridiku tiegħu huwa indirett ħafna fir-rigward ta’ Senteg u Decom.

120    Fir-replika, ir-rikorrent isostni li huwa għandu t-titoli tal-possessur ta’ Wirkkraft, li huwa joffri li jipproduċi jekk ikun hemm bżonn, li huwa jiżgura l-finanzjament kollu ta’ din il-kumpannija u li huwa l-uniku benefiċjarju ekonomiku ta’ Wirkkraft u ta’ Soreltek.

121    Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ Soreltek, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 99 iktar ’il fuq, ma huwiex kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors. Madankollu, f’dan il-każ, fil-punt 76 tar-rikors, ir-rikorrent jiddikjara biss “[li kien] ġie identifikat bħala [l-]uniku benefiċjarju ekonomiku” ta’ Soreltek. Insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, huwa jirreferi biss, mingħajr ebda speċifikazzjoni, għal erba’ dokumenti inklużi fl-Anness A.13 tar-rikors.

122    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tista’ tfittex u tidentifika l-elementi li jistgħu jsostnu din id-dikjarazzjoni tar-rikorrent, bilfors għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mill-imsemmija dokumenti inklużi fl-Anness A.13 tar-rikors ma jippermetti dan.

123    Fil-fatt, l-ewwel nett, l-istatuti ta’ Soreltek, kif irreġistarati mal-Moniteur belge (ara l-paġni 269 sa 271 tal-fajl tal-annessi tar-rikors) imkien ma juru l-kwalità allegata ta’ benefiċjarju ekonomiku uniku tar-rikorrent f’din il-kumpannija. L-iktar l-iktar, minnhom jirriżulta li 209 minn 210 ishma ta’ Soreltek, jiġifieri ftit iktar minn 99 % tal-imsemmija ishma, huma miżmuma minn Wirkkraft u l-aħħar sehem mill-kumpannija Transnational Consulting Group. Barra minn hekk, ir-rikorrent lanqas ma jidher bħala li jokkupa l-funzjoni ta’ amministratur jew amministratur delegat ta’ Soreltek (ara l-paġna 271 tal-fajl tal-annessi tar-rikors).

124    It-tieni nett, iż-żewġ ittri indirizzati mill-bank Dexia lil Soreltek, iddatati 11 ta’ Awwissu 2010 u 8 ta’ Settembru 2010 (paġni 272 u 273 tal-fajl tal-annessi tar-rikors), kienu intiżi sabiex jinformaw lill-imsemmija kumpannija li, fuq talba tal-Prosekutur tar-Re ta’ Brussell (il-Belġju), tnejn mill-kontijiet tagħha kienu ġew imblukkati, u mbagħad likwidati. Fl-ebda każ ma jissemma l-istatus ta’ benefiċjarju ekonomiku uniku tar-rikorrent fir-rigward ta’ din il-kumpannija.

125    It-tielet nett, l-ittra tal-11 ta’ Frar 2014 (riprodotta darbtejn fil-paġni 274 u 275 tal-fajl tal-annessi tar-rikors), indirizzata minn uffiċċju ta’ avukati lill-uffiċċju tal-Prosekutur tar-Re ta’ Brussell, turi biss il-kwalità tal-firmatarji bħala “avukati tar-rikorrent u tal-kumpannija tiegħu SA Soreltek” u t-talba ta’ ħlas lura tal-assi bankarji tal-klijenti tagħhom. Ebda element ta’ din l-ittra ma jippermetti li jiġi kkorroborat l-allegat status ta’ benefiċjarju ekonomiku uniku tar-rikorrent fir-rigward ta’ Soreltek.

126    Ir-raba’ nett, l-ittra tal-Prosekutur tar-Re ta’ Brussell tas-6 ta’ Diċembru 2013 (paġna 276 tal-fajl tal-annessi tar-rikors) tinforma lill-avukat tar-rikorrent li “dakinhar kien ordna r-rilaxx tal-assi maqbuda fil-proċess tiegħu fir-rigward ta’ F. Mahmoudian u [ta’] SA Soreltek” u kkomunikat il-kopja ta’ talba indirizzata mill-“bank ING lill-O.C.S.C. dwar il-proċess tat-titoli ta’ F. Mahmoudian (Titoli Befimmo SCA-SICAFI)”. Imkien ma jissemma l-istatus ta’ benefiċjarju ekonomiku uniku tar-rikorrent fir-rigward ta’ Soreltek.

127    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 93 tar-replika, ir-rikorrent irrepeta biss li huwa kien il-benefiċjarju ekonomiku ta’ Soreltek u għalhekk iddeduċa li din il-kumpannija kienet tifforma parti mill-assi tiegħu.

128    Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ Wirkkraft, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors, ir-rikorrent ma jipprovdi ebda element li jista’ jsostni l-allegazzjoni tiegħu, fil-punt 92 tar-replika, li huwa l-benefiċjarju ekonomiku u detentur ta’ titoli tal-possessur ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, fir-replika, huwa jgħid li huwa “dispost” li jipproduċi l-oriġinali tal-imsemmija titoli u, min-naħa l-oħra, jiddikjara li “il-finanzjament ta’ […] Wirkkraft huwa żgurat kompletament mir-rikorrent li huwa l-‘benefiċjarju ekonomiku’ tagħha kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni pprovduta fl-[a]nness C.6”.

129    Issa, minn naħa, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 76 u 85 tar-Regoli tal-Proċedura, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi, sa mill-istadju tar-rikors, il-provi li juru li huwa kien, kif jallega, detentur ta’ titoli tal-possesur ta’ Wirkkraft. Huwa bl-ebda mod ma jipprova jispjega għal liema raġuni, inkluż fl-istadju tar-replika, huwa ma pproduċiex tali prova addizzjonali.

130    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dikjarazzjoni prodotta fl-Anness C.6 tar-replika, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li hija ddatata 9 ta’ Diċembru 2013, jiġifieri ftit inqas minn sentejn qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent imkien ma jiġġustifika l-fatt li din ġiet ippreżentata fl-istadju tar-replika. Għalhekk, l-Anness C.6 tar-replika, li jinkludi sempliċi dikjarazzjoni fuq l-unur iffirmata mir-rikorrent u ebda dokument ta’ sostenn, għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli.

131    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma pproduċiex il-prova li, kif jiddikjara, huwa l-“benefiċjarju ekonomiku” u d-detentur tat-titoli tal-possessur ta’ Wirkkraft.

132    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li, fi kwalunkwe każ, peress li naqas milli jipproduċi l-inqas prova insostenn tad-dikjarazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent invoka, sabiex jintroduċi t-talba tiegħu għal kumpens għad-dannu bbażat fuq telf minn Senteg u Decom, dannu li fir-rigward tiegħu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 86 iktar ’il fuq, huwa ma pprovax ir-realtà.

133    Konsegwentement, din l-aħħar talba għandha tiġi miċħuda għaliex inammissibbli, u fi kwalunkwe każ, infondata.

ii)    Fuq it-telf marbut ma’ Codefa

134    Fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-dannu bbażat fuq telf marbut ma’ Codefa, sabiex juri d-dannu materjali li huwa jallega li ġarrab għal dak li jirrigwarda lil Codefa, ir-rikorrent jibbaża ruħu, minn naħa, fuq ir-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà u, min-naħa l-oħra, fuq diversi kopji ta’ dokumenti li jirrigwardaw lil Codefa, inklużi fl-Anness A.5 tar-rikors.

135    Fl-ewwel lok, għandu jiġi evalwat il-valur probatorju tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà.

136    F’dan ir-rigward, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kunċett ta’ prova, il-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet prinċipju tal-produzzjoni libera jew tal-libertà tal-mezzi ta’ prova, li għandu jinftiehem bħala l-fakultà li jiġu invokati, sabiex jiġi pprovat fatt partikolari, mezzi ta’ prova ta’ kwalunkwe natura, bħal testimonjanzi, provi dokumentali, ammissjonijiet, eċċ. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, Met-Trans u Sagpol, C‑310/98 u C‑406/98, EU:C:2000:154, punt 29; tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, EU:T:2004:220, punt 72; u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑511/06 P, EU:C:2008:604, punti 113 u 114). Fl-istess ħin, il-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet prinċipju ta’ libertà ta’ evalwazzjoni tal-prova, li jipprovdi li d-determinazzjoni tal-kredibbiltà jew, fi kliem ieħor, tal-valur probatorju ta’ prova jitħalla għall-ġudizzju uniku tal-qorti (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, EU:T:2004:220, punt 72, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑511/06 P, EU:C:2008:604, punti 111 u 112).

137    Sabiex jiġi stabbilit il-valur probatorju ta’ dokument, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħall-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, id-destinatarju tiegħu, il-kontenut, u jekk, abbażi ta’ dawn l-elementi, l-informazzjoni li tidher fih hijiex raġonevoli u affidabbli (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 1838, u tas-7 ta’ Novembru 2002, Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, T‑141/99, T‑142/99, T‑150/99 u T‑151/99, EU:T:2002:270, punt 223).

138    F’dan il-kuntest, il-qorti tal-Unjoni diġà qieset li analiżi, ippreżentata minn rikorrent, ma tistax titqies bħala perizja newtrali u indipendenti, sa fejn intalbet u ġiet iffinanzjata mir-rikorrent stess u mfassla abbażi ta’ informazzjoni li ġiet ipprovduta minnu, mingħajr l-issuġġettar tal-eżattezza jew tar-rilevanza ta’ din l-informazzjoni għal kwalunkwe verifika indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, punt 137).

139    Il-qorti tal-Unjoni diġà kellha l-okkażjoni tiddikjara li rapport ta’ perizja jista’ jiġi kkunsidrat li għandu valur probatorju biss abbażi tal-kontenut oġġettiv tiegħu u li sempliċi affermazzjoni mhux sostnuta li tinsab f’tali dokument ma hijiex, fiha nnifisha, konklużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il-Kummissjoni, T‑274/01, EU:T:2004:266, punt 71).

140    Huwa fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 136 sa 139 iktar ’il fuq li għandu jiġi evalwat, f’dan il-każ, il-valur probatorju tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà ġie stabbilit minn kumpannija ta’ esperti fil-kontabbiltà inkluża fil-lista ta’ esperti fil-kontabbiltà tar-reġjun ta’ Paris Île-de-France. Mill-ittra li tinsab fil-paġni 2 u 3 tal-imsemmi rapport, indirizzata lir-rikorrent u ddatata 21 ta’ Lulju 2015, jirriżulta li, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Ġunju 2015, l-għan tal-missjoni fdata mir-rikorrent lil din il-kumpannija kien li jiġu evalwati d-danni kkawżati mill-miżuri kontenzjużi, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-kapital ta’ Codefa u Decom. Fir-rigward tat-twettiq ta’ din il-missjoni, fl-ittra ġie speċifikat b’mod partikolari li “[dan] ir-rapport ġie ppreparat abbażi ta’ dokumenti li pprovdielhom Fereydoun Mahmoudian”. Mill-kliem tal-imsemmija ittra jirriżulta li r-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà ġie stabbilit fuq talba tar-rikorrent sabiex jiġu ddikjarati, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ir-realtà u l-portata tad-dannu materjali allegat u li dan huwa essenzjalment ibbażat fuq dokumenti pprovduti mir-rikorrent. Għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija dokumenti, li xi drabi sar riferiment għalihom permezz ta’ noti ta’ qiegħ il-paġna, ma humiex annessi mar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà.

142    Minħabba l-kuntest li fih ġie stabbilit ir-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà u skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 136 sa 139 iktar ’il fuq, il-valur probatorju ta’ dan ir-rapport għandu jkun irrelattivizzat. Dan ma jistax jitqies li huwa biżżejjed sabiex jipprova dak li hemm fih, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-realtà u l-portata tad-dannu allegat. L-iktar l-iktar, jista’ jiswa bħala bidu ta’ prova, sakemm ikun ikkorroborat minn provi oħra.

143    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kopji ta’ dokumenti li jirrigwardaw lil Codefa, inklużi fl-Anness A.5 tar-rikors, iżda wkoll tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà li għalih ir-rikorrent jirreferi b’mod globali fil-punt 71 tar-rikors, qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq, ma huwiex kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta anness ikun magħqud ma’ fajl li jiġbor diversi dokumenti li jirrigwardaw suġġett jew persuna, dokumenti li huma riprodotti f’numru voluminuż ta’ paġni. F’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ riferiment preċiż, mill-parti li tippreżentahom, għall-elementi u għas-siltiet tal-imsemmija annessi li hija tixtieq tenfasizza sabiex tipprova l-fondatezza tal-argumenti tagħha, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, il-valur probatorju u strumentali ta’ tali annessi jonqos ħafna.

144    Dan huwa manifestament il-każ, f’dan il-każ, fir-rigward tal-Anness A.5 tar-rikors, li jikkonsisti, skont id-deskrizzjoni tar-rikorrent, f’“[k]opji ta’ dokumenti li jirrigwardaw il-kumpannija CODEFA”, riprodotti fil-paġni 41 sa 154 tal-fajl tal-annessi tar-rikors, jiġifieri total ta’ 114‑il paġna. Fl-assenza ta’ riferiment preċiż, fir-rikors, għall-elementi li jinsabu fost dawn il-114‑il paġna tal-Anness A.5, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrent ma pproduċiex il-prova tal-fondatezza tal-argument tiegħu inkwistjoni f’dan il-każ.

145    Fir-rigward tar-riferiment globali, fil-punt 71 tar-rikors, għar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà sabiex tintwera l-eżistenza tad-dannu subit mir-rikorrent, b’mod partikolari fir-rigward tal-ishma tiegħu f’Codefa, għandu mill-ġdid jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 99 iktar ’il fuq, tali riferiment ġenerali għall-imsemmi rapport, riprodott fil-paġni 277 sa 290 tal-fajl tal-annessi tar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-punti essenzjali tal-argumenti fid-dritt, li għandhom ikunu jinsabu fir-rikors.

146    Fit-tielet lok, fir-rigward tat-talba tiegħu għal kumpens għad-dannu bbażat fuq telf marbut ma’ Codefa, ir-rikorrent jargumenta li, wara l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi fil-konfront tar-rikorrent u ta’ Fulmen, Codefa ltaqgħet ma’ diffikultajiet, b’tali mod li huwa ma setax jikseb ir-rimbors ta’ self li huwa kien ikkonċedielha, li jammonta għal EUR 220 000, u lanqas jirkupra l-investiment tiegħu, fir-rigward ta’ xiri ta’ azzjonijiet, f’din il-kumpannija fl-2009. Fid-dawl tal-imsemmija diffikultajiet, ir-rikorrent jallega li, f’Ottubru 2010, il-bank Société Générale għalaq il-kont ta’ Codefa u annulla l-awtorizzazzjoni ta’ overdraft li minnu kienet tibbenefika. Barra minn hekk, hija ma setgħetx tiftaħ kont fi stabbiliment bankarju ieħor. Finalment, minħabba s-sanzjonijiet imposti fuq ir-rikorrent u fuq Fulmen, hija ma setgħetx tibbenefika mill-għajnuna mill-Istat Franċiż mogħtija lill-intrapriżi f’diffikultà, minkejja li kienet eliġibbli għalihom. Fin-nuqqas ta’ għajnuna finanzjarja li setgħet tingħata minn azzjonist, dawn id-diffikultajiet finanzjarji wasslu għal-likwidazzjoni tagħha fl-2012.

147    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda ż-żewġ tipi ta’ self tal-ammont totali ta’ EUR 220 000 allegatament mogħtija mir-rikorrent lil Codefa, prinċipalment, għandu jiġi kkonstatat li fin-nota ta’ qiegħ il-paġna taħt il-punt 72 tar-rikors, ir-rikorrent jirreferi biss u mingħajr speċifikazzjoni għall-Anness A.5 tar-rikors. Għalhekk, ir-rikorrent ma pproduċiex il-prova tal-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ self, b’tali mod li, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

148    Sussidjarjament, anki jekk jiġi preżunt li, f’dan il-każ, tali riferiment huwa suffiċjenti, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali tkun awtorizzata tfittex fl-Anness A.5 tar-rikors xi dokument li juri l-eżistenza tas-self inkwistjoni, tal-inqas, għandhom jiġu sostnuti ż-żewġ dokumenti riprodotti rispettivament fil-paġni 43 u 44, minn naħa, u fil-paġni 45 u 46, min-naħa l-oħra, tal-fajl tal-annessi tar-rikors. Dawn iż-żewġ dokumenti jikkonsistu f’żewġ kuntratti ta’ self konklużi bejn Codefa, fil-kwalità tal-persuna li tissellef, u r-rikorrent, fil-kwalità tal-persuna li ssellef, għall-ammonti rispettivi ta’ EUR 70 000 u EUR 150 000, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 220 000, li jikkorrispondi ma’ dak invokat mir-rikorrent. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kif irrikonoxxa r-rikorrent stess waqt is-seduta, dawn iż-żewġ dokumenti, ifformulati bl-Ingliż, la fihom inizjali u lanqas ma huma ffirmati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk l-argument ibbażat fuq dawn iż-żewġ dokumenti jiġi kkunsidrat ammissibbli, il-valur probatorju rispettiv tagħhom ikun limitat ħafna sa fejn dawn ma jippermettux li tiġi stabbilita b’ċertezza l-eżistenza tal-kreditu li fuqu jibbaża ruħu r-rikorrent sabiex jitlob kumpens għad-dannu inkwistjoni. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata fid-dawl tal-fatt li, kif innota r-rikorrent waqt is-seduta, mir-rendikont tal-passiv ta’ Codefa (rapport ta’ sinteżi tat-30 ta’ Ġunju 2011), riprodott fil-paġni 80 u 81 tal-fajl tal-annessi tar-rikors, jirriżulta li, taħt l-isem “Overdrafts u self bankarju”, il-linja 455002 “MAHMOUDIAN Féreidoun” issemmi ammont ta’ dejn ta’ EUR 220 000 nett fit-30 ta’ Ġunju 2011. Fil-fatt, sa fejn Codefa kienet ġiet illikwidata iktar minn sitt xhur wara l-istabbiliment ta’ dan ir-rapport ta’ sinteżi, ma huwiex possibbli li jiġi vverifikat li s-self mogħti mir-rikorrent lil Codefa ma kienx, parzjalment jew totalment, irrimborsat minn dak iż-żmien. Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li l-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dan id-dokument li jinsab fl-Anness A.5 tar-rikors, li għalih ir-rikorrent ma għamilx riferiment speċifiku fir-rikors, fi kwalunkwe każ, tali referenza ma turix ir-realtà tad-dannu allegat.

149    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda d-deċiżjoni tal-bank Société Générale li jagħlaq il-kontijiet ta’ Codefa u jannulla awtorizzazzjoni ta’ overdraft li minnu kienet tibbenefika, prinċipalment, għandu jiġi kkonstatat li, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna taħt il-punt 73 tar-rikors, ir-rikorrent jirreferi biss u mingħajr ebda speċifikazzjoni oħra għall-“Anness A.5, ara l-ittra ta’ Société Générale tat-02.09.2010”. Kif diġà ġie kkunsidrat fil-punt 144 iktar ’il fuq, tali riferiment huwa insuffiċjenti fir-rigward ta’ anness li jinkludi diversi dokumenti riprodotti f’total ta’ 114‑il paġna. Għalhekk, ir-rikorrent ma pproduċiex il-prova tal-eżistenza ta’ tali deċiżjonijiet meħuda mill-bank Société Générale, b’tali mod li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

150    Sussidjarjament, anki jekk jiġi preżunt li f’dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat li tali riferiment huwa suffiċjenti, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali għandha tfittex fl-Anness A.5 tar-rikors liema dokument jikkostitwixxi l-“ittra tas-Société Générale tat-02.09.2010”, ikun jista’ jiġi kkonstatat li l-imsemmi dokument huwa riprodott fl-ewwel paġna tal-Anness A.5, jiġifieri fil-paġna 41 tal-fajl tal-annessi tar-rikors. Madankollu, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, kif irrikonoxxa r-rikorrent stess waqt is-seduta, mill-kliem ta’ din l-ittra tal-bank Société Générale, imkien ma jirriżulta li l-għeluq tal-kont ta’ Codefa, kif ukoll l-annullament tal-awtorizzazzjoni ta’ overdraft ta’ EUR 80 000 li minnu kienet tibbenefika, jirriżultaw mill-adozzjoni tal-atti kontenzjużi.

151    It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-allegat rifjut, minn stabbiliment bankarju ieħor, tal-ftuħ ta’ kont bankarju f’isem Codefa minħabba l-atti kontenzjużi maħruġa fil-konfront tar-rikorrent, bilfors għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni magħmula fir-rikors ma hija sostnuta minn ebda prova. Għalhekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, dan l-argument għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli.

152    Ir-raba’ nett, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li Codefa ma setgħetx tibbenefika mill-għajnuna normalment mogħtija lill-intrapriżi f’diffikultà minkejja li kienet eliġibbli għaliha, għandu mill-ġdid bilfors jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni magħmula fir-rikors ma hija sostnuta minn ebda prova. Għalhekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, dan l-argument għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli.

153    Il-ħames nett, fir-rigward tal-allegazzjoni li minħabba l-likwidazzjoni ta’ Codefa, ir-rikorrent ma setax “jirkupra direttament jew indirettament l-investiment tiegħu [fir-rigward] tax-xiri ta’ azzjonijiet fl-2009”, bilfors għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument magħmul fir-rikors ma huwa sostnut minn ebda prova. B’mod partikolari, ir-rikorrent la jispeċifika l-ammont totali li huwa kien investa sabiex jixtri azzjonijiet f’Codefa, la n-numru ta’ ishma u lanqas il-valur nominali tagħhom. Għalhekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, dan l-argument għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli.

154    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, sa fejn l-argumenti esposti insostenn tat-talba għal kumpens għad-dannu bbażat fuq telf marbut ma’ Codefa huma parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati, ir-rikorrent ma sostniex l-imsemmija talba. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li din għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

155    Konsegwentement, fid-dawl tal-konklużjonijiet magħmula fil-punti 133 u 154 iktar ’il fuq, it-talba għal kumpens għad-dannu bbażata fuq telf magħmul mir-rikorrent f’kumpanniji Ewropej għandha tiġi miċħuda għaliex parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

4)      Fuq l-ispejjeż legali sostnuti sabiex jinkiseb ir-rilaxx parzjali tal-fondi tar-rikorrent, u mbagħad sabiex jiġu lliberati l-kontijiet bankarji maqbuda

156    Fir-rigward tal-ispejjeż legali sostnuti sabiex jinkiseb ir-rilaxx parzjali tal-fondi tiegħu u mbagħad sabiex jiġu lliberati l-kontijiet bankarji maqbuda, ir-rikorrent jargumenta li ebda informazzjoni ma kienet intbagħtitlu dwar il-proċedura li għandu jsegwi sabiex ikollu l-fondi neċessarji sabiex ikopri l-ispejjeż personali tiegħu. Minħabba f’hekk, sabiex jikseb ir-rilaxx ta’ EUR 1 000 fix-xahar, huwa kellu jirrikorri għal uffiċċju ta’ avukati, fi Franza, li ħariġlu kont ta’ EUR 8 875. B’mod simili, huwa ddelega lil uffiċċju ta’ avukati fil-Belġju sabiex qabelxejn jintervjeni quddiem l-awtoritajiet Belġjani, u mbagħad, wara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775), sabiex jieħu l-passi neċessarji sabiex jinħallu l-kontijiet bankarji maqbuda tiegħu, li jiġġustifika l-kont ta’ EUR 8 838. Għalhekk, it-total tal-ispejjeż legali inkwistjoni jammonta għal EUR 17 713.

157    Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrent jenfasizza li, minħabba l-età u s-sitwazzjoni personali tiegħu, l-assistenza ta’ avukat speċjalizzat kienet neċessarja sabiex jiġu argumentati b’mod effettiv id-drittijiet tiegħu quddiem il-banek u l-awtoritajiet pubbliċi; il-fatt li huwa dam sena sabiex kiseb ir-rilaxx tal-ammonti neċessarji għall-ispejjeż essenzjali tiegħu juri li din it-tilwima kienet ikkumplikata u diffiċli; barra minn hekk, mill-annessi tal-proċess jirriżulta li l-imblukkar tal-kontijiet tiegħu fil-Belġju kien direttament marbut mal-atti kontenzjużi.

158    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

159    Essenzjalment, fir-rigward tad-dannu bbażat fuq l-ispejjeż legali li huwa sostna sabiex jikseb, fi Franza u fil-Belġju, ir-rilaxx parzjali tal-fondi tiegħu, matul il-perijodu kontenzjuż, u mbagħad sabiex jillibera l-kontijiet bankarji maqbuda tiegħu, ir-rikorrent jitlob ir-rimbors tal-kontijiet tal-avukati li huwa ħallas għal dan il-għan. F’dan ir-rigward, huwa jipproduċi, fl-annessi tar-rikors, minn naħa, korrispondenza bejn l-uffiċċju tal-avukati stabbilit fi Franza mad-Direttorat Ġenerali tat-Teżor (Franza) u korrispondenza bejn l-uffiċċju tal-avukati stabbilit fil-Belġju mal-Prosekutur ta’ Brussell u, min-naħa l-oħra, żewġ kontijiet maħruġa mill-uffiċċji tal-avukati kkonċernati rispettivament. Għandu jiġi kkunsidrat li b’“perijodu kontenzjuż”, ir-rikorrent jifhem il-perijodu ta’ bejn l-ewwel inklużjoni ta’ ismu fis-26 ta’ Lulju 2010 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) u t-tneħħija tal-imsemmi isem mil-listi kontenzjużi fid-19 ta’ Diċembru 2013 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq) (iktar ’il quddiem il-“perijodu kontenzjuż”).

160    F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-prova tar-realtà tad-dannu, li skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 86 iktar ’il fuq, għandha tiġi prodotta mir-rikorrent, mingħajr ma għandha tingħata deċiżjoni dwar jekk, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali inkwistjoni f’dan il-każ, ir-rikorrent kellux jirrikorri għas-servizzi ta’ avukat, bilfors għandu jiġi kkonstatat li huwa ppreżenta biss żewġ kontijiet, maħruġa mill-avukati tiegħu, indirizzati lilu personalment, għall-ammont totali ta’ EUR 17 713. Madankollu, huwa ma jressaq ebda prova li dawn iż-żewġ kontijiet kienu mhux biss effettivament imħallsa, iżda fuq kollox, peress li huwa jitlob ir-rimbors fir-rigward ta’ dan id-dannu, jekk dawn tħallsux minnu.

161    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li manifestament ir-rikorrent ma pproduċiex provi konklużivi kemm tal-eżistenza kif ukoll tal-portata tad-dannu li huwa jinvoka fir-rigward tal-ispejjeż tal-avukati li huwa ddeċieda li jesponi fir-rigward ta’ servizzi ta’ assistenza quddiem l-awtoritajiet nazzjonali Franċiżi u Belġjani. Għalhekk, huwa naqas manifestament milli jipprova li d-dannu, ibbażat fuq l-ispejjeż legali li huwa sostna fi Franza u fil-Belġju u li tagħhom qiegħed jitlob il-kumpens, kien reali u ċert. Sussegwentement, it-talba għal rimbors tal-ispejjeż tal-avukati sostnuti mir-rikorrent fi Franza u fil-Belġju għandha tiġi miċħuda (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Frar 2018, AEIM u Kazenas vs Il-Kummissjoni, T‑436/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:78, punti 46 u 47).

162    Fid-dawl tal-konklużjonijiet misluta fil-punti 107, 116, 155 u 161 iktar ’il fuq, it-talba għal kumpens għad-dannu materjali allegatament subit għandha tiġi miċħuda għaliex parzjalment inammissibbli, u, fi kwalunkwe każ infondata, u parzjalment infondata.

b)      Fuq id-dannu morali allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali

163    Ir-rikorrent isostni li l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi kkawżawlu żewġ tipi ta’ danni morali, jiġifieri, minn naħa, ħsara għall-onorabbiltà u għar-reputazzjoni tiegħu, li għalih jitlob ammont ta’ EUR 100 000, u, min-naħa l-oħra, is-sofferenza li rriżultat minnhom kemm fir-rigward tad-diffikultajiet ikkawżati lill-ħajja kwotidjana tiegħu kif ukoll id-dannu kkawżat lis-saħħa tiegħu, li għalihom jitlob ammont ta’ EUR 500 000.

164    Fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija magħmula fil-kuntest tat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fir-rigward tal-konsegwenzi tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402) fuq din il-kawża, huwa jqis li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti bbażati, b’mod partikolari, fuq l-użu ħazin ta’ poter imwettaq mill-Kunsill, il-kumpens sħiħ tad-dannu morali tiegħu jeħtieġ ammont ogħla minn dak sostnut fil-kawża li tat lok għas-sentenza msemmija iktar ’il fuq.

165    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkunsidra li t-talba għal kumpens għad-dannu morali allegat għandha tiġi miċħuda.

1)      Fuq il-ħsara għall-onorabbiltà u għar-reputazzjoni

166    Ir-rikorrent isostni li l-ħsara kkawżata għall-onorabbiltà u għar-reputazzjoni tiegħu bl-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-atti kontenzjużi kkawżatlu dannu morali separat mid-dannu materjali li jirriżulta mill-effett fuq ir-relazzjonijiet personali tiegħu ma’ terzi.

167    Barra minn hekk, l-annullament a posteriori tal-atti kontenzjużi ma jippermettix li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu morali li huwa ġarrab minħabba l-ħsara hekk ikkawżata għall-onorabbiltà u għar-reputazzjoni tiegħu, li kienet estiża u enfasizzata bil-fatt li l-Kunsill eżawrixxa r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli. Kien biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell li l-Kunsill allega għall-ewwel darba l-eżistenza ta’ elementi kunfidenzjali li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, eżistenza li baqgħet qatt ma ġiet stabbilita. Minkejja l-protesti tiegħu li kienu fondati, il-Kunsill kien iddeċieda, mingħajr ebda prova u mingħajr ma wettaq ebda verifika, li jżomm ismu fil-listi kontenzjużi għal madwar tliet snin u nofs, bejn is-26 ta’ Lulju 2010 u d-19 ta’ Diċembru 2013.

168    L-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi kienet is-suġġett ta’ ċerta pubbliċità, b’mod partikolari grazzi għall-użu tal-media mill-Kunsill, u dan kemm fil-komunità tan-negozju Iranjana kif ukoll Ewropea, li wasslet sabiex ittebba’ r-reputazzjoni tiegħu.

169    Bi tweġiba għall-argumenti tal-Kunsill, ir-rikorrent joġġezzjona li, fis-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li dannu morali jista’ jirriżulta, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn miżuri restrittivi, mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn persuni fiżiċi u persuni ġuridiċi; ix-xandiriet tal-BBC u r-rapportaġġ tal-istazzjon televiżiv Franċiż TF1 imxandar fis-6 ta’ Lulju 2014, li għalihom huwa jirreferi, juru l-portata tal-użu tal-media fil-każ tiegħu u jindikaw id-daqs ġust tad-dannu morali li huwa ġarrab billi kien stigmatizzat mill-Kunsill, fi Franza, b’mod partikolari, u fl-Oċċident, b’mod ġenerali.

170    Għal dak li jirrigwarda l-ħsara kkawżata għall-onorabbiltà u għar-reputazzjoni tar-rikorrent, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

171    L-ewwel nett, huwa jsostni li, għal dak li jirrigwarda l-kumpens għad-dannu morali, għandha ssir distinzjoni bejn il-ħsara għar-reputazzjoni ta’ persuna fiżika u dik ta’ kumpannija li għandha attività kummerċjali. Għalhekk, dan il-każ huwa, b’mod partikolari, iktar simili għal dak tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), milli għal dak fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986). Għalhekk, l-annullament tal-atti kontenzjużi fil-konfront tar-rikorrent, li huwa persuna fiżika, jikkostitwixxi forma xierqa ta’ kumpens għad-dannu għar-reputazzjoni tiegħu.

172    It-tieni nett, ir-rikorrent ma jipproduċi ebda prova tanġibbli ta’ ħsara għar-reputazzjoni personali tiegħu jew għall-onorabbiltà tiegħu, jew, fi kliem ieħor, tan-natura reali u ċerta tad-dannu li huwa jinvoka.

173    Fl-ewwel lok, għandu qabel kollox jiġi eżaminat l-argument tal-Kunsill li għandha ssir distinzjoni bejn il-ħsara għar-reputazzjoni ta’ persuna fiżika, għal dak li jirrigwarda l-kumpens għad-dannu morali, u l-ħsara għar-reputazzjoni ta’ kumpannija li għandha attività kummerċjali. Għalhekk, dan il-każ huwa iktar simili, b’mod partikolari, għall-każijiet li taw lok għas-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), u tat-18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il-Kunsill (T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86), milli għal dak fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), għaliex l-annullament tal-atti kontenzjużi adottati fil-konfront tar-rikorrent, li huwa persuna fiżika, jikkostitwixxi forma xierqa ta’ kumpens għad-dannu għar-reputazzjoni tiegħu. B’kuntrast ma’ kumpannija kummerċjali, li l-ħsara għar-reputazzjoni tagħha twassal għal konsegwenzi finanzjarji u li jistgħu jiġu kkwantifikati fuq livell monetarju, dan l-istess prinċipju huwa diffiċli li jiġi applikat għal persuna fiżika.

174    Dan l-argument tal-Kunsill, li jippremetti li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-qasam tal-kumpens ta’ dannu morali bbażat fuq ħsara għar-reputazzjoni, distinzjoni bejn persuna fiżika u persuna ġuridika, ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li fil-punt 72 tas-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat biss li l-illegalità tal-att inkwistjoni f’dik il-kawża, li n-natura u l-għan tiegħu kienu simili għal dawk tal-atti kontenzjużi, kienet ta’ natura li tirriabilita lir-rikorrent f’dik il-kawża, persuna fiżika, jew li tikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba din l-illegalità, u li tiġġustifika b’dan il-mod il-persistenza tal-interess ġuridiku tiegħu. Mill-punt tas-sentenza msemmi iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat sempliċement, f’dik il-kawża, li r-rikonoxximent tal-illegalità tal-att inkwistjoni kien ta’ natura li jiġġustifika l-persistenza tal-interess ġuridiku tar-rikorrent, minkejja li ismu kien ġie rtirat mil-lista kontenzjuża fl-imsemmija kawża.

175    Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li essenzjalment isostni l-Kunsill, fis-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni dwar jekk tali konstatazzjoni hijiex suffiċjenti sabiex tirriabilita b’mod sħiħ lir-rikorrent f’dik il-kawża jew sabiex tikkostitwixxi forma ta’ kumpens sħiħ għad-dannu morali li huwa ġarrab. Barra minn hekk, bilfors għandu jiġi rrilevat li fil-punt 49 tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja li, fis-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), hija ddeċidiet li l-annullament ta’ miżuri restrittivi illegali kien ta’ natura li jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu immaterjali subit, madankollu minn dan ma jirriżultax li din il-forma ta’ kumpens hija neċessarjament suffiċjenti fil-każijiet kollha, sabiex ikun żgurat kumpens sħiħ ta’ dan id-dannu.

176    Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li, dejjem fil-punt 72 tas-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma llimitat l-effetti tal-konstatazzjoni magħmula f’dan il-punt għal persuni fiżiċi biss. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll, li fil-punt 70 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod partikolari li l-miżuri restrittivi kkonċernati kellhom konsegwenzi negattivi sinjifikattivi u impatt kunsiderevoli fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kkonċernati mill-imsemmija miżuri. Madankollu, dawn kienu ġew adottati b’applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 tal-Kunsill, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294). Għalhekk, l-imsemmi regolament seta’ jirrigwarda kemm persuni fiżiċi kif ukoll entitajiet ġuridiċi.

177    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa żbaljat li l-Kunsill isostni, essenzjalment, li għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-ħsara għar-reputazzjoni ta’ persuna fiżika, għal dak li jirrigwarda l-kumpens għad-dannu, u l-ħsara għar-reputazzjoni ta’ kumpannija li għandha attività kummerċjali.

178    Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ din it-talba għal kumpens għad-dannu morali allegat mir-rikorrent fir-rigward tal-ħsara għall-onorabbiltà u għar-reputazzjoni tiegħu, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri kontenzjużi għandhom konsegwenzi negattivi sinjifikattivi u effett kunsiderevoli fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni affettwati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 70). F’dan ir-rigward, meta persuna tkun is-suġġett ta’ miżuri restrittivi, minħabba s-sostenn li hija allegatament tat għall-proliferazzjoni nukleari, hija tiġi assoċjata pubblikament ma’ aġir li jitqies li huwa theddida gravi għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, bil-konsegwenza li tqajjem l-istmerrija u s-suspett fil-konfront tagħha, bil-konsegwenza li r-reputazzjoni tagħha tiġi affettwata u li għaldaqstant issofri dannu morali (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 80).

179    Minn naħa, l-istmerrija u s-suspett imqajma minn miżuri restrittivi bħall-miżuri kontenzjużi jirrigwardaw il-volontà tagħha li tkun involuta f’attivitajiet ikkunsidrati bħala kundannabbli mill-komunità internazzjonali. B’hekk, il-persuna kkonċernata tiġi affettwata lil hinn mill-isfera tal-interessi ekonomiċi u finanzjarji attwali tagħha (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 82).

180    Min-naħa l-oħra, il-ħsara għar-reputazzjoni tal-persuna inkwistjoni hija iktar u iktar gravi peress li ma tirriżultax mill-espressjoni ta’ opinjoni personali, iżda minn teħid ta’ pożizzjoni uffiċjali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ġġib magħha konsegwenzi ġuridiċi vinkolanti (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 83).

181    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi kkawżawlu dannu morali, separat mid-dannu materjali dovut minħabba l-effett fuq l-interessi ekonomiċi u finanzjarji tiegħu. Konsegwentement, għandu jiġi rrikonoxxut id-dritt għal kumpens għal dan id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 85).

182    Fir-rigward tar-realtà tad-dannu morali allegatament subit, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari tali dannu, għalkemm il-produzzjoni jew il-proposta ta’ provi ma hijiex neċessarjament meqjusa bħala kundizzjoni għar-rikonoxximent ta’ tali dannu, madankollu hija tal-inqas ir-responsabbiltà tar-rikorrent li jistabbilixxi li l-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni kkonċernata kien ta’ natura li kkawżalu tali dannu (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il-Kummissjoni, T‑230/95, EU:T:1999:11, punt 39).

183    Barra minn hekk, għalkemm fis-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-annullament ta’ miżuri restrittivi illegali kien ta’ natura li jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali subit, madankollu dan ma jfissirx li din il-forma ta’ kumpens hija neċessarjament suffiċjenti, fil-każijiet kollha, sabiex ikun żgurat kumpens sħiħ għal dan id-dannu, peress li kwalunkwe deċiżjoni f’dan ir-rigward għandha tittieħed abbażi ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 49).

184    F’dan il-każ, ċertament l-annullament tal-atti kontenzjużi permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), li tikkonstata li l-assoċjazzjoni tar-rikorrent mal-proliferazzjoni nukleari ma hijiex iġġustifikata u, għalhekk, illegali, huwa ta’ natura li jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali li dan ġarrab u li għalih huwa jitlob kumpens f’din il-kawża. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, dan l-annullament ma jistax jikkostitwixxi kumpens sħiħ għall-imsemmi dannu.

185    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 178 iktar ’il fuq, l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u, f’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tal-involviment tar-rikorrent fil-proliferazzjoni nukleari, għandhom il-konsegwenza li jqajmu stmerrija u suspett fil-konfront tiegħu, u li jaffettwaw għalhekk ir-reputazzjoni tiegħu, u għalhekk ir-relazzjonijiet soċjali u familjari tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 88).

186    Issa, dawn l-effetti, li damu madwar tliet snin u nofs u li taw lok għad-dannu morali subit mir-rikorrent, ma jistgħux jiġu kontrabilanċjati kompletament permezz tal-konstatazzjoni, f’dan il-każ, a posteriori, tal-illegalità tal-atti kontenzjużi, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

187    L-ewwel nett, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna għandha t-tendenza li tattira iktar attenzjoni u twassal għal iktar reazzjonijiet, b’mod partikolari barra mill-Unjoni, milli l-annullament sussegwenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 88).

188    It-tieni nett, l-allegazzjoni tal-Kunsill kontra r-rikorrent hija partikolarment gravi, peress li tassoċjah mal-proliferazzjoni nukleari, jiġifieri ma’ attività li skont il-Kunsill hija ta’ perikolu għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 89).

189    It-tielet nett, kif jirriżulta mill-punt 21 iktar ’il fuq, din l-allegazzjoni ma hija sostnuta minn ebda element ta’ informazzjoni jew prova rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 90).

190    Ir-raba’ nett u fi kwalunkwe każ, għalkemm l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent, li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, setgħet tiġi rtirata mill-Kunsill f’kull mument, jew tal-inqas emendata jew ikkompletata, sabiex tirrimedja għall-eventwali illegalitajiet li setgħu jivvizzjawha, din inżammet għal madwar tliet snin u nofs, minkejja l-protesti tar-rikorrent, b’mod partikolari fir-rigward tal-assenza ta’ provi dwar l-allegazzjoni magħmula fil-konfront tiegħu. F’dan ir-rigward, il-proċess ma jinkludix elementi li jissuġġerixxu li l-Kunsill ivverifika, fi kwalunkwe mument jew bi kwalunkwe mod, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew b’risposta għall-protesti tar-rikorrent, il-fondatezza tal-imsemmija allegazzjoni, sabiex jillimita l-konsegwenzi dannużi li kienu jirriżultaw minnha għar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 91).

191    Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ tali verifika kienet tkun partikolarment iġġustifikata, wara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), fir-rigward tal-gravità tal-illegalità li ġiet ikkonstatata, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita. Fil-fatt, minkejja li din is-sentenza setgħet, f’kull każ parzjalment, tikkostitwixxi kumpens għad-dannu morali subit mir-rikorrent, fi kwalunkwe każ hija ma seta’ jkollha ebda effett f’dan is-sens fir-rigward tal-perijodu ta’ wara l-għoti tagħha, perijodu ta’ madwar sena u disa’ xhur li matulhom l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent inżammet kif kienet.

192    Mingħajr ma jiġi kkontestat bl-ebda mod id-dritt tal-istituzzjoni kkonċernata li tippreżenta appell mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tagħlaq l-istanza u lanqas il-posponiment tal-effett ta’ tali deċiżjoni, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi kkunsidrat li, f’Unjoni ta’ dritt, fid-dawl tal-gravità tal-aġir illegali kkonstatat mill-Qorti Ġenerali, l-istituzzjoni kkonċernata għandha l-kompitu li twettaq, anki jekk b’mod parallel għall-preżentazzjoni ta’ appell, verifika tal-evalwazzjonijiet ikkritikati mill-Qorti Ġenerali. Dan ir-rekwiżit ma jimponix fuq l-istituzzjoni kkonċernata l-obbligu li teżegwixxi mill-ewwel is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, iżda, kif jirriżulta mill-punt 91 tas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), l-obbligu li tivverifika jekk, fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali, l-atti kkontestati jistgħux, jew saħansitra għandhomx, jiġu rtirati, issostitwiti jew emendati, sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi dannużi.

193    Fil-fatt, id-dannu morali hekk ikkawżat, permezz taż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent wara l-għoti tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), kif sostnut espliċitament mir-rikorrent fir-rikors, huwa separat minn dak li seħħ qabel l-għoti ta’ din is-sentenza. Huwa għalhekk li, kif isostni r-rikorrent, fl-imsemmija sentenza l-Qorti Ġenerali, fid-dawl ta’ ġurisprudenza stabbilita, iddeċidiet formalment li l-inklużjoni ta’ ismu hija ta’ natura illegali minħabba l-assenza ta’ provi insostenn tal-allegazzjoni magħmula kontrih.

194    Għalhekk, f’dan il-każ, huwa b’mod partikolari fid-dawl tal-evalwazzjonijiet magħmula u tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), li l-Kunsill seta’ jeżamina jekk iż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent kif kienet, jiġifieri mingħajr ebda prova insostenn tal-allegazzjoni magħmula kontrih, kinitx iġġustifikata, mingħajr ma jirriskja li jaggrava iktar id-dannu li huwa kien diġà ġarrab, fid-data tal-għoti tal-imsemmija sentenza.

195    Din id-deċiżjoni ma tistax tinbidel fid-dawl tas-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775). Fil-fatt, peress li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet eżaminat biss u ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Kunsill mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), hija ma setgħetx tiddeċiedi dwar il-kumpens għad-dannu morali kkawżat miż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi wara l-għoti ta’ din l-aħħar sentenza.

196    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u, fi kwalunkwe każ, ta’ dawk esposti fil-punti 190 sa 195 iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li l-annullament tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), ma kkostitwixxiex kumpens sħiħ għad-dannu morali subit mir-rikorrent.

197    Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostni r-rikorrent, ċerti fatturi addizzjonali setgħux ikkontribwixxew għall-aggravazzjoni tad-dannu morali li huwa ġarrab, u għalhekk, jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kumpens għad-dannu li huwa ġarrab.

198    Qabelxejn, fir-rigward tal-allegata estensjoni u aggravazzjoni tad-dannu morali subit mir-rikorrent, għar-raġuni li l-Kunsill kien, minn naħa, eżawrixxa r-rimedji ġudizzjarji li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu skont it-Trattat FUE, b’mod partikolari, billi ppreżenta appell mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), u, min-naħa l-oħra, qajjem, għall-ewwel darba, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti motivi jew argumenti insostenn tal-imsemmi appell, inkluż billi invoka, mingħajr madankollu ma kkomunikahom, elementi kunfidenzjali li wasslu għall-atti kontenzjużi, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, bl-istess mod u għall-istess raġunijiet li għalihom fil-punti 70 sa 76 iktar ’il fuq ġie deċiż li tali ċirkustanzi ma jistgħux jikkostitwixxu fattur aggravanti tal-illegalità mwettqa mill-Kunsill, dawn lanqas ma jistgħu, bħala prinċipju, jagħtu lok għal kwalunkwe dannu morali li jista’ jwassal għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

199    Imbagħad, fir-rigward tax-xandir tar-rapportaġġ tat-trażmissjoni “sept à huit”, mill-istazzjon televiżiv Franċiż TF1, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, jiġifieri li minħabba l-kontenut tiegħu huwa ġarrab dannu morali aggravat, din it-trażmissjoni, disponibbli online fuq l-internet, kienet fil-fatt esklużivament iddedikata għall-effetti tal-atti kontenzjużi fuq Fulmen u mhux fuq ir-rikorrent. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi meqjus li din ix-xandira tirrigwarda wkoll l-interessi tar-rikorrent, minnha jirriżulta li din setgħet tikkontribwixxi fl-istabbiliment mill-ġdid tar-reputazzjoni tiegħu. Fil-fatt, b’mod partikolari, dan ix-xandir jiżgura l-pubbliċità tal-annullament tal-atti kontenzjużi mill-qorti tal-Unjoni. Madankollu, fid-dawl tal-allegazzjoni partikolarment gravi sostnuta mill-Kunsill kontra r-rikorrent, ix-xandir ta’ din it-trażmissjoni ma jistax, kif isostni l-Kunsill, jiġi kkunsidrat li jista’ jikkontrobilanċja l-effetti negattivi tal-miżuri kontenzjużi fuq ir-reputazzjoni tar-rikorrent.

200    Finalment, fir-rigward tax-xandir mill-BBC ta’ ritratt tar-rikorrent u, fl-24 ta’ Mejju 2011, ta’ xandira li fiha, skont ir-rikorrent, intervjena kelliem għall-Kunsill u ddikjara, fir-rigward ta’ diversi persuni li kienu s-suġġett ta’ sanzjonijiet tal-Kunsill, li “finalment kien ġie pprovat li d-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Unjoni Ewropea kienu ġġustifikati”, minbarra l-fatt li r-rikorrent ma jippreżenta ebda indikazzjoni fir-rikors li tippermetti li l-Qorti Ġenerali tikkonstata l-eżistenza u l-kontenut ta’ dawn ix-xandiriet, għandu jiġi kkunsidrat li x-xandiriet inkwistjoni u d-dikjarazzjonijiet magħmula, skont il-Kunsill, mill-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mhux mill-Kunsill, ma jistgħux jaggravaw id-dannu kkawżat lir-rikorrent mill-atti kontenzjużi. Fil-fatt, minkejja li dawn id-dikjarazzjonijiet ingħataw meta l-Qorti Ġenerali kienet adita minn rikors intiż sabiex jikseb l-annullament tal-atti kontenzjużi, l-imsemmija dikjarazzjonijiet, kif sostnuti mir-rikorrent fir-rikors, jirriflettu biss il-konvinzjoni tal-awtur tagħhom, aġent ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet li din l-istituzzjoni adottat fir-rigward ta’ “numru ta’ individwi sanzjonati mill-Kunsill”. Għalhekk, minbarra l-fatt li kull parti f’kawża quddiem qorti tal-Unjoni hija libera li tesprimi l-konvinzjoni tagħha dwar id-dritt tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjonijiet mogħtija ma jirrigwardawx lir-rikorrent b’mod individwali.

201    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-talba għal kumpens għad-dannu morali bbażat fuq il-ħsara għall-onorabbiltà u għar-reputazzjoni tar-rikorrent għandha tiġi milqugħa. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tevalwa dan id-dannu ex aequo et bono u tqis li l-allokazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 50 000 jikkostitwixxi kumpens xieraq.

2)      Fuq id-dannu marbut mad-diffikultajiet fil-ħajja kwotidjana u mad-dannu għas-saħħa

202    Ir-rikorrent jevalwa d-dannu bbażat fuq is-sofferenza mġarrba minħabba diffikultajiet fil-ħajja kwotidjana u fuq dannu għas-saħħa tiegħu, fl-ammont ta’ EUR 500 000.

203    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkunsidra li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrent ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-kumpens ta’ dannu morali fl-ammont ta’ EUR 500 000.

i)      Fuq id-dannu bbażat fuq is-sofferenza mġarrba minħabba d-diffikultajiet fil-ħajja kwotidjana

204    Ir-rikorrent jargumenta li wara l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, il-fondi tiegħu fi ħdan l-Unjoni ġew iffriżati u sab ruħu f’sitwazzjoni finanzjarja u personali diffiċli ħafna, imċaħħad mill-possibbiltà, mhux biss li jżomm l-istil ta’ ħajja tiegħu, iżda anki li jieħu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tiegħu u anki dawk tal-qraba tiegħu, b’mod partikolari, bħall-ħlas ta’ spejjeż ta’ saħħa, is-sostituzzjoni tat-telefon ċellulari tiegħu u l-ħlas tal-assigurazzjoni tar-residenza tiegħu. Huwa jiddikjara li kien biss minn Jannar tal-2012, jiġifieri 18‑il xahar wara l-adozzjoni tal-ewwel atti kontenzjużi, li huwa beda jingħata ammont mensili ta’ EUR 1 000 sabiex jieħu ħsieb il-bżonnijiet kwotidjani tiegħu. Għalhekk, għal iktar minn sena huwa kellu jgħix b’self mogħti minn dawk ta’ madwaru.

205    Fir-rigward tal-ispejjeż tiegħu, huwa jfakkar li kellu jagħmel talba motivata quddiem l-awtorità kompetenti sabiex jikseb l-ammont neċessarju. Peress li l-awtorizzazzjoni għall-ħlas tat-taxxi tiegħu, tal-assigurazzjonijiet tiegħu u tal-oneri tiegħu ngħatat biss fil-25 ta’ Marzu 2011, kien hemm dewmien ta’ ħlas kunsiderevoli, multi u diversi problemi amministrattivi. Huwa jżid li kull ħlas kien jeħtieġ il-preżentazzjoni tal-fattura u l-awtorizzazzjoni speċjali tal-bank jew tal-awtorità amministrattiva kompetenti u l-użu ta’ ħlas fi flus kontanti, li kien sors ta’ diffikultajiet kbar u ta’ ansjetà addizzjonali ta’ kuljum. Huwa ma kellux id-dritt li jivvjaġġa fil-pajjiżi Ewropej minbarra Franza, u lanqas li jinżel f’ajruport tal-Unjoni li jinsab barra minn Franza waqt il-vjaġġi tiegħu barra mill-Unjoni. Il-persuni kollha fil-ħajja familjari, soċjali u professjonali tiegħu, kif ukoll l-inkwilin tiegħu tal-appartament fil-Belġju, kienu ġew interrogati mis-servizzi tas-sigurtà tal-Istati Membri. It-talba tan-neputija tiegħu għan-naturalizzazzjoni fi Franza ġiet irrifjutata, fuq il-premessa li hija kellha rabta miegħu u kienet għamlet stage ta’ xahrejn ma’ Fulmen, li għalih irriżultat f’sentiment ta’ ħtija. Il-fatt li kellu jissellef mill-qraba tiegħu, ammont ta’ iktar minn EUR 20 000, sabiex jieħu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tiegħu, umiljah u kien qiegħed jgħix f’ansjetà għal dak li seta’ jiġri, f’każ ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa tiegħu. Huwa kellu wkoll sentiment qawwi ta’ inġustizzja minħabba s-sitwazzjoni tiegħu. Ir-rapportaġġ televiżiv tax-xandira “sept à huit”, imxandra fuq l-istazzjon televiżiv Franċiż TF1 fis-6 ta’ Lulju 2014, juri l-portata tal-impatt tal-miżuri restrittivi fuq is-sitwazzjoni personali tiegħu.

206    Fir-replika, ir-rikorrent jiċħad kategorikament l-insinwazzjoni tal-Kunsill li huwa kellu sempliċement jitlaq minn Franza sabiex jistabbilixxi ruħu fl-Iran.

207    Fir-rigward tas-sofferenza mġarrba mir-rikorrent minħabba diffikultajiet fil-ħajja kwotidjana, il-Kunsill jindika li ma jikkontestax li l-miżuri kontenzjużi affettwaw il-ħajja kwotidjana tiegħu. Madankollu, fil-kontroreplika, huwa jispeċifika li ma jirrikonoxxix espressament l-eżistenza ta’ dannu morali kumpensabbli subit mir-rikorrent. Fil-fatt, huwa jargumenta li l-ispejjeż li għalihom ir-rikorrent jirreferi, jiġifieri l-ispejjeż ta’ saħħa u ta’ assigurazzjoni jew it-taxxi, huma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 267/2012, li jipprovdi għar-rilaxx tal-fondi neċessarji sabiex ikopru l-bżonnijiet essenzjali tal-persuna affettwata minn miżura ta’ ffriżar ta’ fondi. Huwa ma jistax jinżamm responsabbli għal funzjonament b’dewmien jew ħażin tas-sistema implimentata mill-Istati Membri, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Huwa lanqas ma jista’ jinżamm responsabbli għall-interrogatorji tal-membri tal-familja, tal-konoxxenzi soċjali u professjonali tar-rikorrent kif ukoll tal-inkwilin tiegħu, li saru fuq deċiżjoni tas-servizzi tas-sigurtà jew tal-pulizija tal-Istati Membri. Għal dak li jirrigwarda r-rifjut ta’ naturalizzazzjoni Franċiża tan-neputija tar-rikorrent, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-miżuri restrittivi ma tinkludi ebda dispożizzjoni li għandha l-għan jew l-effett li tipprekludi n-naturalizzazzjoni tal-membri tal-familja tal-persuni affettwati minn tali miżuri. Fi kwalunkwe każ, minn naħa, dan ma huwiex dannu personali subit mir-rikorrent u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut ta’ naturalizzazzjoni invokat huwa bbażat fuq il-fatt li n-neputija tar-rikorrent kienet wettqet stage ma’ Fulmen u mhux fuq ir-rabta familjari mar-rikorrent.

208    Għal dak li jirrigwarda l-impossibbiltà li r-rikorrent iżomm l-istil ta’ ħajja tiegħu, din hija ċirkustanza li diffiċilment tista’ tiġi kklassifikata bħala dannu reali u ċert u l-portata reali tagħha hija, fi kwalunkwe każ, kontestabbli. Fid-dawl tan-natura tad-dannu allegat, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma hemmx lok li jingħata kumpens. Il-ħajja tar-rikorrent ma kinitx imħarbta sal-punt li huwa jallega, għaliex huwa dejjem żamm in-nazzjonalità Iranjana kif ukoll ir-residenza tiegħu u rabtiet ekonomiċi fl-Iran, fejn huwa seta’ jkompli jgawdi l-istil ta’ ħajja normali tiegħu, anki jekk din kienet affettwata fl-Ewropa.

209    Ma huwiex ammissibbli li r-rikorrent jitlob kumpens għal allegat dannu li jirriżulta minn restrizzjoni fil-qasam ta’ ammissjoni, f’dan il-każ rifjut ta’ imbark f’ajruport li jinsab barra minn Franza, peress li, għall-kuntrarju tal-miżuri ta’ ffriżar, ir-restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni ma humiex implimentati bl-adozzjoni ta’ regolament abbazi tal-Artikolu 215 TFUE.

210    Fir-rigward tad-dannu bbażat fuq sofferenza mġarrba minħabba diffikultajiet fil-ħajja kwotidjana, għandha ssir distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ danni allegati mir-rikorrent.

211    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-projbizzjoni ta’ vvjaġġar f’pajjiżi Ewropej minbarra Franza u li jinżel f’ajruport li jinsab barra minn Franza waqt il-vjaġġi barra mill-Unjoni, b’tali mod li r-rikorrent kien, b’mod partikolari, is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ imbark fis-17 ta’ Lulju 2011, bilfors għandu jitfakkar li, kif jargumenta l-Kunsill, tali miżuri huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 2010/413, li jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Issa, kif ġie konkluż fil-punti 47 u 48 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens għad-dannu tar-rikorrent, sa fejn din hija intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li huwa ġarrab minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413. Għalhekk, ma huwiex ammissibbli li r-rikorrent jitlob kumpens għal dan id-dannu.

212    It-tieni nett, ir-rikorrent ma huwiex iġġustifikat li jindirizza kontra l-Kunsill ilment ibbażat, essenzjalment, fuq dewmien min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali fit-trattament tat-talbiet tar-rikorrent intiżi sabiex jikseb ammont mensili sabiex jieħu ħsieb il-bżonnijiet essenzjali ta’ kuljum tiegħu kollha.

213    Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 961/2010, jiġifieri wieħed mill-atti kontenzjużi, kien previst li, b’deroga mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 961/2010, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti tal-internet elenkati fl-Anness V tal-imsemmi regolament, setgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jawtorizzaw ir-rilaxx jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 19(1)(a)(i) tal-imsemmi regolament, “meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness VII jew VIII, u l-membri dipendenti tal-familji tagħhom, inklużi ħlasijiet għal ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, ħlasijiet tal-assigurazzjoni u ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi”.

214    Għalhekk, ir-rikorrent ma huwiex iġġustifikat li jżomm lill-Kunsill responsabbli għad-danni li setgħu ġew ikkawżati lilu mid-dewmien fit-trattament tat-talbiet tiegħu, magħmula lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, għar-rilaxx jew tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati tiegħu sabiex jieħu ħsieb il-bżonnijiet kwotidjani essenzjali tiegħu, jiġifieri, b’mod partikolari, il-ħlas tal-ispejjeż tas-saħħa, inkluż ta’ membru tal-familja tiegħu, minkejja li r-rikorrent ma speċifikax jekk l-imsemmi membru kienx dipendenti fuqu, assigurazzjoni tar-residenza, taxxi, obbligi, linja telefonika u anki telefon ġdid. Tali danni, anki jekk jitqiesu stabbiliti, jistgħu jiġu imputati biss fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, hekk identifikati mir-Regolament Nru 961/2010.

215    It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda d-dannu bbażat, essenzjalment, fuq stress jew sentimenti ta’ ansjetà, umiljazzjoni jew ħtija, b’mod partikolari fil-konfront tal-qraba tiegħu, ikkawżati lir-rikorrent mill-atti kontenzjużi, li ċaħħduh milli jżomm l-istil ta’ ħajja li kellu qabel, għandu l-ewwel nett jiġi speċifikat li dan id-dannu huwa separat mid-dannu bbażat fuq il-ħsara għall-onorabbiltà u għar-reputazzjoni tar-rikorrent, li ġie eżaminat iktar ’il fuq u li fir-rigward tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 201 iktar ’il fuq, li tikkumpensah bl-ammont ta’ EUR 50 000. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 82 tas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), dan l-aħħar preġudizzju jirriżulta, b’mod partikolari, mill-istmerrija u mill-isfiduċja, ikkawżati minn miżuri restrittivi bħalma huma l-miżuri kontenzjużi, li jirrigwardaw il-volontà tal-persuna msemmija li tkun involuta f’attivitajiet ikkunsidrati kundannabbli mill-komunità internazzjonali.

216    Issa, f’dan il-każ, fir-rigward tad-dannu morali allegat, li jirrigwarda ħsara kkawżata mill-atti kontenzjużi lill-ħajja soċjali u familjari tar-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jirriżultax mill-istmerrija jew mill-isfiduċja kkawżati mill-allegata volontà tar-rikorrent “li [j]kun [involut] f’attivitajiet ikkunsidrati kundannabbli mill-komunità internazzjonali” iżda, bħala persuna fiżika, mid-degradazzjoni, essenzjalment, tal-immaġni familjari jew saħansitra soċjali tiegħu, minħabba li ma kienx iktar kapaċi, minħabba l-iffriżar tal-assi finanzjarji u ekonomiċi tiegħu, li jżomm l-istil ta’ ħajja preċedenti li kellu.

217    Issa, mill-elementi kollha tal-proċess li jirrigwardaw speċifikament il-livell tal-ħajja soċjali u familjari tar-rikorrent, jirriżulta li dan tal-aħħar ipproduċa l-prova tan-natura reali u ċerta tad-dannu preżentement allegat u eżaminat. Barra minn hekk, mill-istess provi jirriżulta li l-imsemmi dannu jirriżulta neċessarjament u direttament mill-atti kontenzjużi. Mill-bqija, minkejja li l-Kunsill ma jirrikonoxxix l-eżistenza ta’ dannu morali f’dan ir-rigward, kemm mill-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet tiegħu waqt is-seduta, jirriżulta li ma jikkontestax li l-miżuri kontenzjużi affettwaw il-ħajja kwotidjana tar-rikorrent.

218    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi li jirrigwardawh ikkawżaw lir-rikorrent dannu morali kumpensabbli, separat mhux biss mid-dannu materjali dovut għall-effett fuq l-interessi ekonomiċi u finanzjarji tiegħu, iżda wkoll mid-dannu morali bbażat fuq ħsara għall-onorabbiltà u għar-reputazzjoni tiegħu.

219    Fir-rigward tal-ammont tal-kumpens li għandu jingħata lir-rikorrent, fir-rigward tal-imsemmi dannu morali, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, minkejja li l-annullament tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent għandu jippermettilu, bħala prinċipju, li jerġa’ jikseb il-libertà kollha sabiex juża l-assi u r-riżori ekonomiċi tiegħu li kienu ffriżati, madankollu, dan ma jistax jirrimedja b’xi mod id-dannu preżentement eżaminat u li pproduċa l-effetti tiegħu matul il-perijodu kontenzjuż. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iffriżar tal-fondi fih innifsu, minħabba l-portata wiesgħa tiegħu, ifixkel il-ħajja kemm professjonali kif ukoll tal-familja tal-persuni kkonċernati (ara s-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-annullament tal-atti kontenzjużi waħdu la jista’ jikkostitwixxi kumpens sħiħ għall-imsemmi dannu u lanqas inaqqas l-ammont tal-kumpens mogħti.

220    Fir-rigward tat-tip u tal-gravità tad-dannu morali mġarrab mir-rikorrent u fid-dawl tal-impossibbiltà li dan it-tip ta’ dannu morali jiġi kkalkolat, abbażi ta’ elementi li għandhom ċifra jew li jistgħu jingħataw ċifra, dan għandu jiġi evalwat ex aequo et bono. F’dan ir-rigward, bħala kumpens xieraq, għandha tingħata allokazzjoni ta’ EUR 500 għal kull xahar li matulu isem ir-rikorrent kien inkluż fil-listi kontenzjużi. Għalhekk, peress li r-rikorrent kien inkluż fl-imsemmija listi mix-xahar ta’ Lulju 2010 sax-xahar ta’ Diċembru 2013, jiġifieri għal 42 xahar, allokazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 21 000 tikkostitwixxi kumpens xieraq għad-dannu bbażat fuq is-sofferenza subita minħabba diffikultajiet fil-ħajja kwotidjana, jiġifieri, essenzjalment, ibbażat fuq il-ħsara kkawżata lil-livell tal-ħajja soċjali u tal-familja tar-rikorrent.

ii)    Fuq id-dannu bbażat fuq il-ħsara għas-saħħa

221    Fir-rigward tad-dannu bbażat fuq il-ħsara għas-saħħa, ir-rikorrent isostni li, wara l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, huwa kellu jieħu trattament antidepressanti u, f’dan ir-rigward, jippreżenta, fl-Anness A.11 tar-rikors, ċertifikat mediku.

222    Fl-Anness C.8 tar-replika, ir-rikorrent annetta, “sa fejn huwa meħtieġ”, ċertifikat mediku ġdid.

223    Għal dak li jirrigwarda l-ħsara għas-saħħa tar-rikorrent, il-Kunsill isostni li kumpens eventwali għandu jkun ibbażat fuq provi tanġibbli. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma ppreżentax rapport mediku, iżda ppreżenta biss l-ewwel ċertifikat mediku, li jsemmi ħsara għas-saħħa tiegħu li la kienet permanenti u lanqas irriversibbli, kif ukoll, fir-replika, it-tieni ċertifikat mediku, partikolarment sommarju u li ma jippermettix li jiġu evalwati l-konsegwenzi fuq is-saħħa tar-rikorrent li setgħu rriżultaw mill-atti kontenzjużi.

224    Fir-rigward tad-dannu bbażat fuq il-ħsara għas-saħħa, ir-rikorrent iddikjara li kien ħa trattament antidepressanti u, f’dan ir-rigward, huwa ppreżenta fl-Anness A.11 tar-rikors, ċertifikat mediku ddatat 14 ta’ Diċembru 2010, maħruġ minn psikjatra ta’ sptar f’Pariġi. Mill-imsemmi ċertifikat jirriżulta li dan it-tabib jiċċertifika li r-rikorrent kellu “sindromu ta’ ansjetà u depressjoni maġġuri” li kien jeħtieġ teħid ta’ trattament farmakoloġiku u psikjatriku regolari ħafna. Skont l-istess tabib, degradazzjoni notevoli tal-istat tas-saħħa tar-rikorrent seħħet fl-aħħar ta’ Lulju 2010.

225    Ċertament, dan iċ-ċertifikat mediku ppreżentat mir-rikorrent jista’, fih innifsu, jikkorrobora d-dikjarazzjoni tiegħu li kellu jieħu trattament antidepressanti wara l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi. Madankollu, mill-aħħar paragrafu tal-imsemmi ċertifikat jirriżulta b’mod impliċitu li dan ġie stabbilit biss abbażi ta’ informazzjoni kkomunikata mir-rikorrent. Miċ-ċertifikat mediku inkwistjoni ma jirriżultax li d-dijanjosi tat-tabib hija bbażata fuq kura medika tar-rikorrent li huwa wettaq fil-passat, jew fuq rapporti u eżamijiet mediċi li kienu stabbiliti minn tabib ieħor jew minn tobba oħrajn li kienu kkuraw lir-rikorrent qabel. Mill-bqija, għandu jiġi rrilevat li, kif jiċċertifika l-imsemmi tabib, huwa beda jsegwi lir-rikorrent biss mix-xahar ta’ Settembru 2010, jiġifieri xahrejn wara l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex titressaq il-prova tad-degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa tiegħu li seħħet fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, ir-rikorrent kellu tal-inqas, jikkomunika lill-imsemmi tabib dokumenti li jistgħu jippermettulu jevalwa l-istat ta’ saħħa ġenerali jew saħansitra psikjatrika tiegħu qabel l-adozzjoni tal-imsemmija atti. Madankollu, ebda anness tal-proċess tal-kawża ma jippermetti li jiġi kkonstatat li kienet saret tali komunikazzjoni. Barra minn hekk, bilfors għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pproduċa ebda dokument li juri li kien ġie preskritt trattament antidepressanti wara d-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat mediku.

226    Fir-rigward taċ-ċertifikat mediku ppreżentat fl-istadju tar-replika, fl-Anness C.8 ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi rrilevat li dan huwa ddatat 12 ta’ Jannar 2016 u nħareġ minn psikjatra. Għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ tali dokument, ċertament huwa minnu li jista’ biss jiġi kkonstatat li r-rikorrent bl-ebda mod ma jiġġustifika, apparti billi bil-formulazzjoni tas-soltu “sa fejn huwa meħtieġ”, il-produzzjoni ta’ dan iċ-ċertifikat ġdid fl-istadju tar-replika. Madankollu, fir-rigward ta’ dannu bbażat fuq ħsara għas-saħħa, huwa possibbli u anki suffiċjenti li, f’dan il-każ, ir-rikorrent jispeċifika li huwa xtaq juri l-iżvilupp tal-istat tas-saħħa tiegħu wara l-ewwel ċertifikat mediku maħruġ fl-2010. Fi kwalunkwe każ, anki jekk dan l-anness tal-proċess tal-kawża jiġi preżunt ammissibbli, minn qari tal-imsemmi ċertifikat ma jirriżultax żvilupp partikolari tal-istat ta’ saħħa tar-rikorrent; l-iktar l-iktar, fih jiġi ċċertifikat li r-rikorrent għandu sindromu ta’ ansjetà u depressjoni li jeħtieġ it-tkomplija ta’ trattament.

227    Għalhekk, minkejja li ċ-ċertifikati mediċi ppreżentati mir-rikorrent jippermettu li jiġi kkonstatat li kellu ċerti problemi ta’ saħħa fl-2010 u fl-2016, dawn ma jinkludux elementi li jissuġġerixxu li dawn il-problemi huma marbuta mal-atti kontenzjużi. Għalhekk, ma jistgħux juru l-eżistenza ta’ rabta kawżali u t-talba għal kumpens għad-dannu bbażat fuq ħsara għas-saħħa tar-rikorrent għandha għalhekk tiġi miċħuda (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T‑250/04, EU:T:2007:262, punt 100).

228    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent la jipproduċi l-prova tan-natura reali u ċerta tad-dannu bbażat fuq il-ħsara għal saħħtu u lanqas tar-rabta kawżali. Għalhekk, it-talba għal kumpens għal dan id-dannu għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

229    Fid-dawl tal-konklużjonijiet misluta fil-punti 201, 220 u 228 iktar ’il fuq, it-talba għal kumpens għad-dannu morali allegat mir-rikorrent għandha tintlaqa’ parzjalment. Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li abbażi tal-evalwazzjoni ex aequo et bono tad-dannu morali mġarrab mir-rikorrent, l-allokazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 71 000 tikkostitwixxi kumpens xieraq.

230    Bħala konklużjoni, dan ir-rikors għal kumpens għandu jiġi milqugħ u, f’dan ir-rigward, ir-rikorrent għandu jingħata kumpens ta’ EUR 71 000 fir-rigward tad-dannu morali subit minnu. Min-naħa l-oħra, it-talba tiegħu għal kumpens għad-dannu materjali hija miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

231    Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

232    F’dan il-każ, il-Kunsill tilef għal dak li jirrigwarda t-talba għal kumpens għad-dannu morali subit mir-rikorrent, filwaqt li dan tal-aħħar tilef fir-rigward tat-talba tiegħu għal kumpens għad-dannu materjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

233    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat iħallas lil Fereydoun Mahmoudian kumpens ta’ EUR 71 000 fir-rigward tad-dannu morali subit.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Fereydoun Mahmoudian, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Lulju 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.