Language of document : ECLI:EU:T:2014:1038

Kawża T‑307/13

Capella EOOD

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern
(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark Komunitarja figurattiva ORIBAY ORIginal Buttons for Automotive Yndustry — Ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal revoka”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Diċembru 2014

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Kompetenza tal-Qorti Ġenerali — Ordni indirizzata lill-Uffiċċju — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65(6))

2.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Rwol proċedurali tal-Uffiċċju — Possibbiltà għall-Uffiċċju, minkejja li jissejjaħ bħala konvenut, li jsostni t-talbiet tar-rikorrent

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 133(2))

3.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Eżami tat-talba — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu parzjali — Obbligu tal-applikant li jitlob għal revoka li jiddetermina l-portata tat-talba tiegħu għal prova — Portata — Riproduzzjoni tad-deskrizzjoni tal-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi rreġistrati, bl-esklużjoni ta’ ċerti subkategoriji — Ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal revoka

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 51(1)(a) u (2) u 56); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 37(a)(iii))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 11)

2.      Fi proċedura għat-tressiq ta’ kawża dwar trade marks Komunitarji kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), xejn ma jipprekludi lill-Uffiċċju milli jaqbel ma’ talba tar-rikorrent jew inkella milli sempliċement iħalli f’idejn il-ġudizzju tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li jressaq l-argumenti kollha li jidhrulu xierqa sabiex jiggwidaw lill-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, l-UASI ma jistax iressaq talbiet favur l-annullament jew favur il-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq kap li ma jkunx tqajjem fir-rikors jew jippreżenta motivi li ma jkunux tqajmu fir-rikors.

(ara l-punt 17)

3.      Sa fejn il-prova dwar l-użu tat-trade mark li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni għal revoka għandha tiġi prodotta biss fuq talba tal-applikant, huwa dan tal-aħħar li jiddetermina l-portata tat-talba tiegħu ta’ prova.

Meta t-trade mark ikkontestata tkun ġiet irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi suffiċjentement wiesgħa sabiex fi ħdanha jkun possibbli li jiġu identifikati numru ta’ subkategoriji li jistgħu jitqiesu awtonomi, huwa possibbli li l-proprjetarju tal-imsemmija trade mark jirnexxielu jipproduċi l-prova tal-użu ġenwin tagħha biss għal parti minn dawn il-prodotti jew servizzi, f’liema każ, il-protezzjoni li toffri r-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni tirrigwarda biss is-subkategorija jew is-subkategoriji li fihom jaqgħu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom ġiet effettivament użata t-trade mark inkwistjoni.

Bl-istess mod, meta t-trade mark ikkontestata tkun ġiet irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi suffiċjentement wiesgħa sabiex fi ħdanha jkun possibbli li jiġu identifikati numru ta’ subkategoriji li jistgħu jitqiesu awtonomi, applikant għal revoka, li jikkunsidra li l-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata għamel użu ġenwin minn parti minn dawn il-prodotti u servizzi, għandu d-dritt, sabiex jistabbilixxi l-portata tat-talba tiegħu għal prova dwar l-użu ġenwin tal-imsemmija trade mark, li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni għal revoka, li jeskludi mill-applikazzjoni tiegħu għal revoka l-imsemmija prodotti jew servizzi.

F’dan ir-rigward, fil-preżenta ta’ deskrizzjoni tal-prodotti, li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark ikkontestata, taħt kategorija partikolari, ma jistax jiġi mitlub mill-applikant għal revoka, sabiex it-talba tiegħu tiġi ddikjarata ammissibbli, li huwa jidentifika s-subkategoriji kollha tal-prodotti u tas-servizzi li jistgħu, fl-opinjoni tiegħu, jaqgħu, filwaqt li jiġu identifikati rispettivament b’mod awtonomu, fil-kategorija usa’ li hija l-unika waħda deskritta skont ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

Issa, minn naħa, sa fejn, fl-applikazzjoni tiegħu għal revoka, l-applikant jirriproduċi qabel kollox espressament u b’mod sħiħ id-deskrizzjoni tal-kategorija tal-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark ikkontestata, imbagħad jillimita l-portata tagħha billi jneħħi ċerti subkategoriji ta’ prodotti li fir-rigward tagħhom huwa ma jikkontestax l-użu ġenwin, huwa manifestament jissodisfa din il-ħtieġa ta’ prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata. Min naħa l-oħra, huwa biss l-applikant għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li jista’ jistabbilixxi, taħt il-kontroll tal-istanzi kompetenti tal-UASI, il-portata tal-protezzjoni li huwa jixtieq jara attribwit lill-imsemmija trade mark. Għalhekk, peress li l-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata, fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħha, kien iddeskriva l-prodotti kkonċernati permezz ta’ riferiment għal sempliċi kategorija wiesgħa, mingħajr ma identifika f’iktar dettall is-subkategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi li jistgħu jaqgħu f’din tal-aħħar, il-Bord tal-Appell tal-UASI ma jistax jiddikjara l-applikazzjoni għal revoka inammissibbli minħabba l-fatt li l-applikant ma jkunx identifika, fl-imsemmija applikazzjoni, tali subkategoriji.

Fl-aħħar nett, sabiex tingħata deċiżjoni b’mod partikolari dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal revoka bbażata fuq l-assenza ta’ użu ġenwin ta’ trade mark, huma l-istanzi kompetenti tal-UASI li għandhom jevalwaw minn qabel jekk it-trade mark ikkontestata ġietx irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi suffiċjentement wiesgħa sabiex fi ħdanha jkun possibbli li jiġu identifikati numru ta’ subkategoriji li jistgħu jitqiesu b’mod awtonomu.

(ara l-punti 23-25, 30, 31)