Language of document : ECLI:EU:T:2024:71

Kawża T501/22

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Ir-Repubblika tal-Awstrija

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) tas7 ta’ Frar 2024

“FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Infiq imwettaq mill-Awstrija – Koeffiċjent tat-tnaqqis – Artikolu 24(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013 – Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament (UE) 1306/2013 – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni dwar il-clearance tal-kontijiet skont l-infiq iffinanzjat mill-FAEGG u l-FAEŻR – Korrezzjonijiet finanzjarji – Stat Membru destinatarju li kien assoċjat mill-qrib mal-proċess ta’ tfassil tad-deċiżjoni – Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Assenza

(Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 43 sa 45)

2.      Agrikoltura – Finanzjament mill-FEAGA u l-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal infiq li jirriżulta minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Kontestazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat – Oneru tal-prova – Tqassim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1306/2013)

(ara l-punt 58)

3.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regoli komuni – Skema ta’ Pagament Bażiku – Applikazzjoni ta’ koeffiċjent tat-tnaqqis għall-mergħat Alpini biss u mhux għall-ħbula ta’ art fil-qrib li ma kinux is-suġġett ta’ tali klassifikazzjoni – Ħbula ta’ art fil-qrib meqjusa li jappartjenu għal żoni distinti – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1307/2013, Artikolu 24(6))

(ara l-punti 83, 84, 87)

4.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regoli komuni – Allokazzjoni supplimentari ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali – Kumpens għad-danni għal żvantaġġi speċifiċi mġarrba mill-bdiewa – Żvantaġġ li jirriżulta minn żball imwettaq minn Stat Membru fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1307/2013, premessa 24 u Artikoli 24(6) u 30(6) u (7); Regolament tal-Kummissjoni Nru 639/2014, Artikolu 31(2))

(ara l-punti 99 sa 105, 108, 111 sa 114)

5.      Agrikoltura – Finanzjament mill-FEAGA u l-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Limitazzjoni tar-rifjut ta’ finanzjament – Terminu ta’ erbgħa u għoxrin xahar – Bidu tad-dekorrenza – Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tar-riżultat tal-verifiki – Kundizzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1306/2013, Artikolu 52(4)(a); Regolament tal-Kummissjoni Nru 908/2014, Artikolu 34(2))

(ara l-punti 139, 140)

Sunt

Adita b’rikors għal annullament ippreżentat mir-Repubblika tal-Awstrija, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2022/908 (1), sa fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-infiq sostnut minn dan l-Istat Membru taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) qabel is-27 ta’ Novembru 2016. F’dan il-kuntest, hija ddeċidiet, għall-ewwel darba, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 (2) u dwar il-kunċett ta’ “żvantaġġi speċifiċi” fis-sens tal-Artikolu 30(7)(b) tal-istess regolament.

Fil-kuntest tal-iskema tal-pagament bażiku, ir-Repubblika tal-Awstrija ddeċidiet li tapplika koeffiċjent tat-tnaqqis għall-ħbula ta’ art ikklassifikati, skont id-dritt Awstrijak, bħala “mergħat” u “mergħat Alpini”. Fl‑2016, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-konfront tagħha sabiex tivverifika jekk, għas-snin 2015 u 2016, il-ġestjoni u l-kontroll tal-iskemi ta’ għajnuna skont is-superfiċji twettqux mill-awtoritajiet Awstrijaċi konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Wara li qieset, fi tmiem din l-investigazzjoni, li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu għamlu applikazzjoni ineżatta tal-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 fir-rigward tal-“mergħat”, il-Kummissjoni imponiet korrezzjoni finanzjarja (3) fuq ir-Repubblika tal-Awstrija. Konsegwentement, din tal-aħħar, bħala miżura korrettiva, allokat lill-bdiewa kkonċernati drittijiet għall-pagament supplimentari għal kull ettaru eliġibbli ta’ “mergħat”, mir-riżerva nazzjonali li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu skont l-istess regolament (4), b’effett mis-sena 2017.

Fl‑2018, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni ġdida kontra r-Repubblika tal-Awstrija. Mir-rapport ta’ sinteżi tagħha jirriżulta, minn naħa, li l-awtoritajiet Awstrijaċi applikaw b’mod ineżatt l-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 fir-rigward tal-“mergħat”, fatt li wassal għal differenzi fit-trattament mhux iġġustifikati sa fejn, fi ħdan l-istess żona, il-koeffiċjent tat-tnaqqis ma ġiex applikat għall-ħbula tal-art kollha suġġetti għall-istess kundizzjonijiet klimatiċi. Min-naħa l-oħra, dan ir-rapport jistabbilixxi li r-Repubblika tal-Awstrija użat b’mod illegali r-riżerva nazzjonali sabiex tiffinanzja l-miżura korrettiva relatata mal-“mergħat”. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-Kummissjoni għalhekk, minħabba ż-żewġ nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu li bihom hija akkużata r-Repubblika tal-Awstrija, eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq iddikjarat taħt il-FAEG minn dan l-Istat Membru li jammonta għal EUR 68 146 449.98.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 (5) li jirriżulta minn korrezzjoni finanzjarja bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-koeffiċjent tat-tnaqqis ġie applikat għall-“mergħat” u mhux għall-ħbula tal-art fil-qrib ma jurix neċessarjament applikazzjoni ineżatta tal-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-portata taż-żoni li fir-rigward tagħhom għandu jiġi evalwat jekk il-kriterju tal-kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli huwiex sodisfatt. Madankollu, l-approċċ tal-awtoritajiet Awstrijaċi, li jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tat-tnaqqis għall-ħbula tal-art ikklassifikati bħala “mergħat Alpini” biss, mingħajr ma ntwera f’dan il-każ li l-awtoritajiet kompetenti pproċedew b’mod konkret u sistematiku għal tali klassifikazzjoni billi bbażaw ruħhom fuq l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet klimatiċi partikolari, ma jippermettix li jiġi ggarantit li dan il-koeffiċjent ġie applikat għall-ħbula tal-art kollha li jinsabu f’żoni kkaratterizzati minn kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli, u lanqas li jiġi żgurat li dan il-koeffiċjent ġie applikat biss għal ħbula tal-art li effettivament jissodisfaw dan il-kriterju.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament supplimentari lill-bdiewa li jaħdmu “mergħat” sabiex tiġi rrimedjata l-applikazzjoni ineżatta tal-koeffiċjent tat-tnaqqis ma setgħetx tiġi ffinanzjata mir-riżerva nazzjonali abbażi tal-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013.

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, li r-Repubblika tal-Awstrija tinvoka bħala bażi legali tal-użu tagħha tar-riżerva nazzjonali, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kliem tiegħu, il-kuntest tiegħu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti din id-dispożizzjoni.

Fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-aġġettiv “speċifiku” jimmilita favur interpretazzjoni li abbażi tagħha l-iżvantaġġi inkwistjoni jikkonċernaw ċerti kategoriji ta’ bdiewa, li huma distinti minn oħrajn minħabba partikolaritajiet inerenti għas-sitwazzjoni tagħhom. Issa, il-fatt li bdiewa jbatu l-konsegwenzi ta’ żball imwettaq minn Stat Membru fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jidhirx li huwa suffiċjenti sabiex jitqies li dawn il-bdiewa jaqgħu taħt kategorija partikolari u li l-iżvantaġġ li huma jsofru minħabba dan l-iżball għandu, għal din ir-raġuni, jitqies li huwa speċifiku għalihom. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li fih tinsab id-dispożizzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 639/2014 (6).

Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, l-implimentazzjoni tar-riżerva hija intiża sabiex tippermetti lill-Istati Membri jagħtu appoġġ lill-bdiewa li jinsabu f’sitwazzjonijiet partikolari, bi prijorità lill-bdiewa żgħażagħ u lil dawk li jibdew jeżerċitaw attività agrikola.

Issa, f’dan il-każ, l-iżvantaġġ imġarrab mill-bdiewa li jaħdmu “mergħat” ma kienx inerenti għas-sitwazzjoni tagħhom jew marbut ma’ kwalità li hija partikolari għalihom, iżda kien jirriżulta mill-fatt li l-awtoritajiet Awstrijaċi, billi applikaw b’mod ineżatt l-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, ċaħduhom minn drittijiet għall-pagament li kellhom jiġu allokati lilhom mill-bidu.

Għaldaqstant, Il-fatt, invokat mir-Repubblika tal-Awstrija, li l-applikazzjoni ineżatta tad-dritt tal-Unjoni affettwat biss lill-possessuri ta’ “mergħat”, fatt li barra minn hekk huwa kontestabbli fid-dawl tal-effett ta’ dan l-iżball fuq il-valur tad-drittijiet għall-pagament tal-bdiewa Awstrijaċi kollha, ma jistax, għaldaqstant, iwassal sabiex jitqies li l-possessuri ta’ “mergħat” kienu jinsabu f’sitwazzjoni li tikkostitwixxi żvantaġġ speċifiku li jippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija tagħtihom drittijiet għall-pagament supplimentari mir-riżerva nazzjonali abbażi tal-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013.

F’dan ir-rigward, il-komunikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 (7) tikkostitwixxi l-element ta’ referenza għall-kalkolu tat-terminu ta’ 24 xahar previst fl-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013, sa fejn din tidentifika b’mod suffiċjentement preċiż is-suġġett tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni u n-nuqqasijiet ikkonstatati minnha matul l-investigazzjoni. Il-limitazzjoni tal-perijodu li matulu l-Kummissjoni tista’ teskludi ċertu nfiq mill-finanzjament tal-Unjoni għandha l-għan li tipproteġi lill-Istati Membri kontra l-assenza ta’ ċertezza legali li tkun teżisti jekk il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tikkontesta nfiq imwettaq diversi snin qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-konformità.

Peress li hija kienet tidentifika, għall-ewwel darba, b’mod suffiċjentement preċiż in-nuqqas ikkonstatat mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ineżatta tal-koeffiċjent tat-tnaqqis għall-“mergħat Alpini”, il-komunikazzjoni tas‑27 ta’ Novembru 2018 ikkostitwixxiet, f’dan il-każ, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ 24 xahar imsemmi fl-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq magħmul qabel Is‑27 ta’ Novembru 2016.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn, fir-rigward tal-ewwel korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni, din eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni nfiq imwettaq qabel is‑27 ta’ Novembru 2016.


1      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/908 tat‑8 ta’ Ġunju 2022 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrab mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2022, L 157, p. 15).


2      Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7)


3      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/265 tat‑12 ta’ Frar 2019 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2019, L 44, p. 14)


4      Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.


5      Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).


6      Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1).


7      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas‑6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25).