Language of document : ECLI:EU:T:2024:68

Kawża T-146/22

Ryanair DAC

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas7 ta’ Frar 2024

“Għajnuna mill-Istat - Għajnuna mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi lil KLM fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 - Garanzija mill-Istat għal self bankarju u self subordinat mill-Istat - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern - Rikors għal annullament - Locus standi - Effett negattiv sostanzjali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq - Ammissibbiltà - Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji”

1.      Rikors għal annullament - Persuni fiżiċi jew ġuridiċi - Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment - Inċidenza individwali - Kriterji - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern - Rikors ta’ impriża kompetitriċi li tistabbilixxi li kien hemm effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq - Ammissibbiltà - Obbligu għall-impriża kompetitriċi li tiddefinixxi b’mod preċiż is-suq inkwistjoni u li tqabbel is-sitwazzjoni tal-kompetituri kollha preżenti f’dan is-suq sabiex tiddistingwi ruħha minnhom - Assenza

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 19 sa 45)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Grupp ta’ impriżi li jikkostitwixxu unità ekonomika waħda - Kriterji ta’ evalwazzjoni - Rabtiet kapitalistiċi, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn l-impriżi li jappartjenu għall-imsemmi grupp - Qafas kuntrattwali u kuntest tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni

(Artikolu 107(3)(b) TFUE)

(ara l-punti 52 sa 62, 76, 77, 97, 107, 132, 139 sa 146)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna - Impriża li tibbenefika minn vantaġġ dirett jew indirett - Vantaġġ indirett - Kunċett - Distinzjoni bejn vantaġġ indirett u effetti ekonomiċi sekondarji inerenti għal miżura ta’ għajnuna

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2016/C 262/01, punti 115 u 116)

(ara l-punti 149 sa 158)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati - Projbizzjoni - Derogi - Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern - Għajnuna intiża li tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru - Għajnuna intiża li tiffinanzja l-bżonnijiet ta’ likwidità immedjati ta’ grupp tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern - Żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarji - Żball li jista’ jkollu effett fuq l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern

(Artikolu 107(3)(b) TFUE)

(ara l-punti 159 sa 163)

Sunt

Fuq rikors ippreżentat mill-kumpannija tal-ajru Ryanair, il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Lulju 2021 (1) li permezz tagħha din tal-aħħar ikklassifikat appoġġ finanzjarju nnotifikat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-kumpannija tal-ajru KLM bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tagħmel xi preċiżazzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-benefiċjarji ta’ miżura ta’ għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji.

Fis‑26 ta’ Ġunju 2020, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkomunika lill-Kummissjoni għajnuna mill-Istat favur KLM, li kienet tikkonsisti, minn naħa, f’garanzija mill-Istat għal self li kien ser jingħatalha minn konsorzju ta’ banek u, min-naħa l-oħra, f’self mill-Istat (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”). Il-baġit totali ta’ din l-għajnuna kien jammonta għal EUR 3.4 biljun.

Il-miżura inkwistjoni taqa’ fil-kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri oħra ta’ għajnuna mill-Istat intiżi sabiex isostnu l-kumpanniji miżmuma mill-kumpannija holding Air France-KLM, li l-kumpanniji tal-ajru KLM u Air France huma ż-żewġ sussidjarji prinċipali tagħha.

B’mod partikolari, permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2020 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Air France”) (2), il-Kummissjoni awtorizzat għajnuna individwali mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil Air France, taħt forma, minn naħa, ta’ garanzija mill-Istat fl-ammont ta’ 90 % fuq self li jammonta għal EUR 4 biljun mogħti minn konsorzju ta’ banek u, min-naħa l-oħra, ta’ self minn azzjonist li jammonta għal massimu ta’ EUR 3 biljun. Fil‑5 ta’ April 2021, il-Kummissjoni, barra minn hekk, ikkonkludiet li għajnuna individwali mogħtija mir-Repubblika Franċiża fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ Air France u tal-kumpannija holding Air France-KLM, li tammonta għal ammont totali ta’ EUR 4 biljun (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Air France-KLM u Air France”) (3), hija kompatibbli mas-suq intern.

L-għan tal-miżura inkwistjoni kien li tipprovdi temporanjament lil KLM il-likwidità li hija kellha bżonn sabiex taffronta r-riperkussjonijiet negattivi tal-pandemija tal-COVID‑19.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Lulju 2020 (4), il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Skont dik id-deċiżjoni, KLM kienet l-unika benefiċjarja tal-għajnuna, bl-esklużjoni tal-kumpanniji l-oħra tal-grupp Air France-KLM.

Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali madankollu annullat id-deċiżjoni tat‑13 ta’ Lulju 2020 (5), għar-raġuni li din kienet ivvizzjata b’assenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li tissospendi l-effetti tal-annullament tal-imsemmija deċiżjoni sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

Fis‑16 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni, konsegwentement, adottat it-tieni deċiżjoni, li fiha hija qieset mill-ġdid li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Din id-darba, il-Kummissjoni identifikat lil KLM u lis-sussidjarji tagħha bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna, bl-esklużjoni tal-kumpanniji l-oħra tal-grupp Air France-KLM.

Billi kkontestat b’mod partikolari l-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u tas-sussidjarja tagħha Air France mill-perimetru tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, Ryanair adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’rikors għall-annullament ta’ dik it-tieni deċiżjoni.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarji ta’ miżura ta’ għajnuna kkomunikata fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan ir-rigward, xorta jibqa’ l-fatt li l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni u jekk hijiex ta’ natura li ssostni l-konklużjonijiet misluta minnha.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza kif ukoll mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (6) isegwi li diversi entitajiet ġuridiċi distinti jistgħu jitqiesu li jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fost l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ tali unità ekonomika hemm b’mod partikolari r-rabtiet kapitalistiċi, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn l-entitajiet ikkonċernati, il-kuntratti li jipprevedu l-għoti tal-għajnuna kkomunikata kif ukoll it-tip ta’ miżura mogħtija u l-kuntest li tidħol fih.

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tirrileva, qabelxejn, li r-rabtiet kapitalistiċi u organiċi fi ħdan il-grupp Air France-KLM donnhom juru li l-entitajiet ġuridiċi distinti fi ħdan l-imsemmi grupp jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u l-provi prodotti minn Ryanair juru li l-kumpannija holding Air France-KLM teżerċita effettivament kontroll fuq il-kumpanniji oħt Air France u KLM billi tinvolvi ruħha direttament jew indirettament fil-ġestjoni tagħhom u b’hekk tipparteċipa fl-attività ekonomika eżerċitata minnhom. Minn dan jirriżulta wkoll li teżisti, fil-livell tal-grupp Air France-KLM, proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni ċentralizzata u ċerta koordinazzjoni, żgurati permezz ta’ korpi mħallta li jiġbru flimkien rappreżentanti ta’ livell għoli tal-kumpannija holding Air France-KLM, ta’ Air France u ta’ KLM, tal-inqas f’dak li jirrigwarda t-teħid ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti.

Il-konklużjoni tal-Kummissjoni, li l-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM ma jikkostitwixxux unità ekonomika għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni hija, barra minn hekk, invalidata mir-rabtiet funzjonali u ekonomiċi li jeżistu bejn dawn l-entitajiet. Fil-fatt, id-deskrizzjoni tal-imsemmija rabtiet fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-diversi eżempji invokati f’dan ir-rigward minn Ryanair juru ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni funzjonali, kummerċjali u finanzjarji bejn l-imsemmija entitajiet.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li, kuntrarjament għall-argumenti tal-Kummissjoni, il-kuntest kuntrattwali li abbażi tiegħu tingħata l-miżura inkwistjoni ma jippermettix li jiġi konkluż li l-uniċi benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni huma KLM u s-sussidjarji tagħha, bl-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ Air France, u tas-sussidjarji li huma jikkontrollaw. Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li diversi kundizzjonijiet għall-għoti tal-miżura inkwistjoni kienu espliċitament suġġetti għall-approvazzjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM jew kienu s-suġġett ta’ impenn min-naħa tagħha. Dan juri li l-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura inkwistjoni jimponu fuq l-imsemmija kumpannija holding drittijiet u obbligi kuntrattwali importanti fil-kuntest tal-għoti u tal-implimentazzjoni tal-imsemmija miżura. Barra minn hekk, billi tiggarantixxi l-vijabbiltà ta’ KLM, il-miżura inkwistjoni ssaħħaħ ukoll il-vijabbiltà tal-kumpannija holding Air France-KLM. Fl-assenza ta’ din il-miżura, ir-riskju li KLM tfalli seta’ jaffettwa negattivament lill-imsemmija kumpannija holding u, b’hekk, lill-grupp Air France-KLM kollu kemm hu. Għalhekk, fid-dawl tal-livell ta’ integrazzjoni fi ħdan il-grupp Air France-KLM, il-miżura inkwistjoni tista’ ssaħħaħ, tal-inqas indirettament, il-pożizzjoni finanzjarja ta’ dan il-grupp kollu kemm hu.

Billi enfasizzat l-eżistenza ta’ rabta kronoloġika, strutturali u ekonomika bejn il-miżura inkwistjoni u l-miżuri ta’ għajnuna li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni Air France u tad-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France, il-Qorti Ġenerali tirrileva, barra minn hekk, li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix il-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France. F’dik id-deċiżjoni, li kienet ġiet adottata iktar minn tliet xhur qabel id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet qieset kemm il-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji tagħha kif ukoll Air France u s-sussidjarji tagħha, bl-esklużjoni ta’ KLM u tas-sussidjarji ta’ din tal-aħħar, bħala benefiċjarji tal-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett ta’ dik id-deċiżjoni. Issa, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kienet il-Kummissjoni li kellha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll id-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France, ħaġa li hija naqset milli tagħmel.

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li l-miżura inkwistjoni għandha, l-iktar l-iktar, sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji fir-rigward tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ Air France. Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-effetti prevedibbli tal-miżura inkwistjoni minn perspettiva ex ante jissuġġerixxu li s-soluzzjoni ta’ finanzjament prevista setgħet tkun ta’ benefiċċju għall-grupp Air France-KLM kollu kemm hu, billi ttejjeb il-pożizzjoni finanzjarja globali tiegħu. Issa, konformement mal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, tali soluzzjoni ta’ finanzjament tindika l-eżistenza, tal-inqas, ta’ vantaġġ indirett favur il-grupp Air France-KLM.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni kienu KLM u s-sussidjarji tagħha, bl-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u tas-sussidjarji l-oħra tagħha, inkluża Air France u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar. Peress li din l-identifikazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji jista’ jkollha effett fuq l-analiżi kollha tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 5437 final tas‑16 ta’ Lulju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57116 (2020/N) – Il-Pajjiżi l-Baxxi – COVID‑19: Garanzija mill-Istat għal self u self mill-Istat lil KLM.


2      Deċiżjoni C(2020)2983 final tal‑4 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57082 (2020/N) – Franza – COVID-19: linji gwida temporanji (Artikolu 107(3)(b) TFUE) – Garanzija u self minn azzjonist favur Air France), kif ikkoreġuta bid-Deċiżjonijiet C(2020) 9384 final tas‑17 ta’ Diċembru 2020 u C(2021) 5701 final tas‑26 ta’ Lulju 2021.


3      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2488 final tal‑5 ta’ April 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.59913 – Franza – COVID-19 – Rikapitalizzazzjoni ta’ Air France u ta’ Air France-KLM.


4      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4871 final tat‑13 ta’ Lulju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57116 (2020/N) – Il-Pajjiżi l-Baxxi – COVID-19: Garanzija mill-Istat u self mill-Istat lil KLM.


5      Sentenza tas‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID‑19) (T‑643/20, EU:T:2021:286).


6      Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1).