Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2023 – Apoio XXI - Centro de Apoio Psico-Pedagógico vs EMCDDA

(Kawża T-1150/23)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrent: Apoio XXI - Centro de Apoio Psico-Pedagógico Lda (Vila Nova de Gaia, il-Portugall) (rappreżentant: J. Freitas Peixoto, avukata)

Konvenut: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni li tinsab fil-komunikazzjoni tal-EMCDDA tat-2 ta’ Ottubru 2023 li tagħti l-kuntratt pubbliku li jirriżulta mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku “FC.23.EXO.0010.2.0 – Il-Koordinazzjoni u l-Provvista ta’ Servizzi ta’ Interpretazzjoni għall-EMCDDA (Lottijiet 1 u 2)” lil ONCALL – Europa Language Services SPRL, minħabba ksur tal-Artikolu 167 u tal-punt 29.3 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju u l-esklużjoni sussegwenti tal-proposta kklassifikata fl-ewwel post u tagħti, konsegwentement, il-kuntratt (għaż-żewġ lottijiet) lill-imsemmija rikorrenti;

tannulla d-deċiżjoni li tinsab fil-komunikazzjoni tal-EMCDDA tat-2 ta’ Ottubru 2023 li tagħti l-kuntratt pubbliku li jirriżulta mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku FC.23.EXO.0010.2.0 – Il-Koordinazzjoni u l-Provvista ta’ Servizzi ta’ Interpretazzjoni għall-EMCDDA (Lottijiet 1 u 2)” lil ONCALL – Europa Language Services SPRL, fuq il-bażi tal-Artikolu 296 TFUE, u tal-Artikolu 170(3) flimkien mal-punti 31.2 u 23.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju minħabba li hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, u tordna, għaldaqstant, il-provvista tal-informazzjoni u tal-elementi mitluba;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-kawża, inklużi l-ispejjeż sostnuti għall-onorarji tal-avukat, li għandhom jiġu ffissati iktar ’il quddiem ġaladarba, f’din il-fażi tal-proċedura, għadhom ma ġewx ikkalkolati u likwidati.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 167 u 170(1), u tal-punt 29.3 tal-Anness I għar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Finanzjarju”), sa fejn, fid-dawl tal-elementi li ġew prodotti mill-EMCDDA fuq talba tar-rikorrenti, il-proposta kklassifikata fl-ewwel post b’ebda mod ma setgħet tiġi aċċettata għall-evalwazzjoni u l-għoti sussegwenti ġaladarba ma tissodisfax il-kriterji ta’ selezzjoni indikati fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE flimkien mal-Artikolu 170(3) u mal-punt 31.2 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju, li minnhom jirriżulta n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-EMCDDA, inkwantu l-EMCDDA ma qiegħedx għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti, minkejja li kienet talbet dan, l-informazzjoni u l-elementi neċessarji sabiex din tkun kapaċi tifhem jekk il-proposta kklassifikata fl-ewwel post tissodisfax ir-rekwiżiti minimi, il-kriterji ta’ selezzjoni u l-livelli minimi ta’ kwalità kollha previsti bħala kriterju għall-għoti tal-kuntratt, fid-dawl tal-fatt li l-prezz propost fl-offerta kklassifikata fl-ewwel post kien iktar baxx (għaż-żewġ lottijiet) b’iktar minn 50% mill-prezz propost fl-offerta tar-rikorrenti, li kienet ġiet ikklassifikata fit-tieni post fl-imsemmija proċedura għal kuntratt pubbliku.

____________