Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-1 ta' Diċembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgerichts Wien (l-Awstrija) - Eva-Maria Painer vs Standard VerlagsGmbH, Axel Springer AG, Süddeutsche Zeitung GmbH, Spiegel-Verlag Rudolf Augstein GmbH & Co KG, Verlag M. DuMont Schauberg Expedition der Kölnischen Zeitung GmbH & Co KG

(C-145/10) 

(Ġurisdizzjoni f'materji ċivili -Regolament (KE) Nru 44/2001 - Artikolu 6(1) - Numru ta' konvenuti - Direttiva 93/98/KEE - Artikolu 6 - Protezzjoni ta' ritratti - Direttiva 2001/29/KE - Artikolu 2 - Riproduzzjoni - Użu ta' ritratt ta' persuna bħala mudell biex jiġi stabbilit identikit - Artikolu 5(3)(d) - Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal kwotazzjonijiet - Artikolu 5(3)(e) - Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal raġunijiet ta' sigurtà pubblika - Artikolu 5(5))

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Handelsgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Eva Maria Painer

Konvenuti: Standard VerlagsGmbH, Axel Springer AG, Süddeutsche Zeitung GmbH, Spiegel-Verlag Rudolf Augstein GmbH & Co KG, Verlag M. DuMont Schauberg Expedition der Kölnischen Zeitung GmbH & Co KG

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Handelsgericht Wien - Interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta' Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), tal-Artikoli 1(1), 5(3)(d) u (e) kif ukoll tal-Artikolu 5(5) tad Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230) - Pubblikazzjoni ta' ritratti f'diversi rivisti, mingħajr permess mingħand l-awtur u mingħajr referenza korretta - Kompetenza ta' qorti sabiex tiddeċiedi diversi rikorsi li jsiru, minħabba tal-istess ksur tad-drittijiet tal-awtur, kontra konvenuti differenti, u bbażati fuq regoli ġuridiċi sostanzjalment identiċi tad-dritt ta' żewġ Stati Membri - Ksur tad-dritt tal-awtur iġġustifikat minn għanijiet ta' sigurtà pubblika

Dispożittiv

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta' Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li t-talbiet imressqa kontra diversi konvenuti, minħabba ksur ta' drittijiet tal-awtur sostanzjalment identiċi, ikunu bbażati fuq bażijiet legali nazzjonali li jkunu differenti skont l-Istati Membri ma jipprekludix l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni. Hija l-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess, li għandha tevalwa l-eżistenza ta' riskju ta' deċiżjonijiet irrikonċiljabbli jekk it-talbiet jiġu deċiżi separatament.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta' Ottubru 1993, li tarmonizza d-dewmien ta' protezzjoni ta' drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati għandu jiġi interpretat fis-sens li ritratt ta' persuna jista', skont din id-dispożizzjoni, jiġi protett mid-dritt tal-awtur, fuq il-kundizzjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika f'kull każ li jkollha quddiemha, li tkun kreazzjoni intellettwali tal-awtur li tirrifletti l-personalità ta' dan tal-aħħar u li timmanifesta ruħha mill-għażliet liberi u kreattivi tiegħu waqt il-ħolqien ta' dan ir-ritratt. Ladarba jiġi vverifikat li r-ritratt ta' persuna inkwistjoni għandu l-kwalità ta' xogħol, il-protezzjoni tiegħu ma hijiex inqas minn dik li jibbenefika minnha kull xogħol ieħor, inkluż dak fotografiku

L-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta' din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li mezz, bħal editur tal-istampa, ma jistax juża, fuq inizjattiva tiegħu stess, xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur billi jinvoka għan ta' sigurtà pubblika. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li jista' jikkontribwixxi regolarment sabiex jintlaħaq tali għan billi jippubblika ritratt ta' persuna mfittxija. Għandu jkun meħtieġ li din l-inizjattiva, minn naħa, taqa' fil-kuntest ta' deċiżjoni meħuda jew ta' azzjoni mmexxija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u intiża sabiex tiżgura s-sigurtà pubblika u, min-naħa l-oħra, tittieħed bi ftehim u f'koordinazzjoni mal-imsemmija awtoritajiet, sabiex jiġi evitat ir-riskju li tmur kontra miżuri meħuda minn dawn tal-aħħar, mingħajr ma tkun neċessarja għaldaqstant sejħa konkreta, attwali u espressa li tirriżulta mill-awtoritajiet ta' sigurtà, li jiġi ppubblikat ritratt għall-finijiet ta' investigazzjoni.

L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta' din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li artiklu tal-istampa li jikkwota xogħol jew oġġett ieħor protett ma huwiex xogħol litterarju protett mid-drittijiet tal-awtur ma jostakolax l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta' din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-obbligu li s-sors, inkluż l-isem tal-awtur jew tal-artist interpretu, tax-xogħol jew tal-oġġett l-ieħor protett ikkwotat ikun indikat. Madankollu, jekk, skont l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29, dan l-isem ma jkunx ġie indikat, l-imsemmi obbligu għandu jiġi kkunsidrat bħala osservat jekk jiġi indikat biss is-sors.

____________

1 - ĠU C 148, 05.06.2010