Language of document : ECLI:EU:C:2011:239

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

VERICA TRSTENJAK

ippreżentati fit-12 ta’ April 2011 (1)

Kawża C‑145/10

Eva-Maria Painer

vs

Standard VerlagsGmbH

Axel Springer AG

Süddeutsche Zeitung GmbH

SPIEGEL-Verlag Rudolf AUGSTEIN GmbH & Co KG

Verlag M. DuMont Schauberg Expedition der Kölnischen Zeitung GmbH & Co KG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgerichts Wien (l‑Awstrija)]

“Regolament (KE) Nru 44/2001 – Il-punt 1 tal-Artikolu 6 – Ġurisdizzjoni għal azzjonijiet relatati – Direttivi 93/98/KEE u 2006/116/KE – Artikolu 6 – Protezzjoni ta’ ritratti – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 2 – Riproduzzjoni – Użu ta’ ritratt ta’ persuna bħala mudell biex jiġi stabbilit identikit – Artikolu 5(3)(d) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal kwotazzjonijiet – Artikolu 5(3)(e) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika”






Werrej

I –Introduzzjoni7

II –Il-leġiżlazzjoni applikabbli 9

A –Ir-Regolament Nru 44/20019

B –Id-Direttiva 93/98 u d-Direttiva 2006/11612

C –Id-Direttiva 2001/2914

III –Il-fatti18

IV –Il-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali20

V –Id-domandi preliminari21

VI –Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja24

VII –Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u tad-domandi differenti24

VIII –Fuq l-ewwel domanda preliminari25

A –L-argumenti prinċipali tal-partijiet fil-kawża27

B –Fuq l-ammissibbiltà30

C –Analiżi ġuridika31

1.Fuq is-sistema ġenerali tar-regolament33

2.Konnessjonijiet, fis-sistema tar-Regolament Nru 44/200134

a)Referenza għall-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ?35

b)Referenza għall-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/200139

3.Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja41

4.Oġġezzjonijiet iġġustifikati44

5.Fuq ir-rabta mill-qrib fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/200148

a)Rabta bejn it-talba li tankra u t-talba jew it-talbiet l-oħra49

b)Unità tas-sitwazzjoni ta’ fatt50

c)Rabta ġuridika mill-qrib biżżejjed52

d)Nuqqas ta’ eżami jew ta’ tbassir separat dwar jekk jeżistix riskju ta’ kuntradizzjoni f’dan il-każ55

D –Konklużjoni56

IX –Fuq id-domandi preliminari l-oħra57

A –Fuq ir-raba’ domanda preliminari57

1.Argumenti prinċipali tal-partijiet fil-kawża59

2.Fuq l-ammissibbiltà62

3.Analiżi ġuridika63

a)Fuq il-possibbiltà li ritratti ta’ persuna jibbenefikaw mill-protezzjoni64

b)Fuq il-kunċett ta’ riproduzzjoni67

c)Konklużjoni70

B –Fuq it-tielet domanda preliminari70

1.Argumenti prinċipali tal-partijiet fil-proċeduri72

2.Analiżi ġuridika75

a)Fuq it-teknika leġiżlattiva użata fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/2976

b)Fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari78

c)Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda preliminari81

d)Fuq it-tielet parti tat-tielet domanda preliminari83

C –Fuq it-tieni domanda preliminari83

1.Argumenti tal-partijiet fil-proċeduri84

2.Analiżi ġuridika87

a)Fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari87

b)Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari90

i)Fuq l-impossibbiltà li jiġi indikat l-isem tal-awtur91

ii)Fuq il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ nuqqas ta’ impossibbiltà94

iii)Konklużjoni96

c)Osservazzjonijiet addizzjonali96

i)Kwotazzjoni, magħmula pereżempju għal skopijiet ta’ kritika jew ta’ reviżjoni97

ii)Kwotazzjoni sħiħa98

iii)Kundizzjonijiet oħra99

X –Konklużjoni99

I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ din id-domanda preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna) tagħmel, l-ewwel nett, domanda ta’ interpretazzjoni dwar il-ġurisdizzjoni minħabba azzjonijiet relatati skont il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2). B’hekk il-Qorti għandha quddiemha l-opportunità li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam (3).

2.        Id-domandi preliminari l-oħra jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (4). L-ewwel nett, titqajjem id-domanda dwar jekk identikit magħmul abbażi ta’ ritratt, jistax jiġi ppubblikat f’ġurnali, f’rivisti jew fuq l-internet mingħajr il-kunsens tal-awtur ta’ dan ir-ritratt. Id-domandi l-oħra jirrigwardaw il-possibbiltajiet ta’ restrizzjoni skont l-Artikolu 5(3)(d) u 5(3)(e) tal-imsemmija direttiva, li tippermetti lill-Istati Membri li jdaħħlu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni fir-rigward ta’ kwotazzjonijiet jew għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika.

3.        Fir-rigward tal-fatti, il-kawża prinċipali hija marbuta mal-ħtif ta’ ċittadina Awstrijaka, Natascha K., mar-riċerki magħmula mill-awtoritajiet tal-pulizija biex isibuha, kif wkoll mar-rapporti tal-każ fil-medja wara li hija ħarbet mill-persuna li ħatfitha.

II – Il-leġiżlazzjoni applikabbli (5)

A –    Ir-Regolament Nru 44/2001

4.        Skont l-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dan jissostitwixxi fost l-Istati Membri, b’eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, il-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

5.        Il-premessi 11, 12, u 15 tar-regolament jipprovdu hekk:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. […]

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[…]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri.[…]”

6.        Ir-regoli dwar ġurisdizzjoni huma pprovduti fil-Kapitolu II tar-regolament, li jinkludi l-Artikoli 2 sa 31.

7.        L-Artikolu 2(1) tar-regolament jipprovdi hekk:

“Bla preġudizzju għal dan ir-regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

8.        L-Artikolu 3(1) tar-regolament jipprovdi hekk:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu”.

9.        Il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 2 (“Ġurisdizzjoni speċjali”) tal-imsemmi Kapitolu, jipprovdi hekk:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

1.      meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun iktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji rrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.

10.      L-Artikolu 28 tar-regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 9 (“Lis pendens - azzjonijiet relatati”), jipprovdi hekk:

“1.      Meta azzjonijiet relatati jkunu pendenti fi qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mill-qorti li tkun l-ewwel invokata għandha tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha.

2.      Meta dawn l-azzjonijiet ikunu pendenti quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, xi qorti ieħor apparti mill-ewwel qorti invokata tista’ wkoll, fuq applikazzjoni ta’ wieħed mill-partijiet, tiċħad il-ġurisdizzjoni jekk il-qorti l-ewwel invokat ikollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet f’ dak il-każ u li l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni ta’ dan.

3.      Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun iktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

11.      L-Artikolu 34(3) tar-regolament, li jagħmel parti mill-Kapitolu III (“Rikonoxximent u eżekuzzjoni”) tiegħu, jipprovdi hekk:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

[…]

3.      jekk [t]kun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent”.

B –    Id-Direttiva 93/98 u d-Direttiva 2006/116

12.      Il-premessa 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza t-tul taż-żmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati (6), tipprovdi hekk :

“ [i]l-protezzjoni ta’ fotografiji fl-Istati Membri hija s-suġġett għal diversi kondizzjonijiet; […] sabiex tikseb armonizzazzjoni suffiċjenti tad-dewmien tal-protezzjoni ta’ xogħlijiet fotografiċi, b’mod partikolari ta’ dawk li, bħala riżultat tal-karattru artistiku u professjonali tagħhom, huma ta’ importanza fis-suq lokali, huwa meħtieġ li [jiġi definit] il-livell ta’ oriġinalità meħtieġ […] f’din id-Direttiva;[…] xogħol fotografiku skond it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għandu jkun ikkunsidrat oriġinali jekk huwa l-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur innifsu li jirrifletti l-personalità tiegħu, l-ebda kriterju ieħor bħala meritu jew skop ma jkun ikkunsidrat; […] [i]l-protezzjoni ta’ fotografiji oħra għandha titħalla għal-liġi nazzjonali”.

13.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 jipprovdi:

“Il-fotografiji li jkunu oriġinali fis-sens li jkunu l-kreazzjoni intellettwali tal-awtur innifsu għandhom ikunu protetti skont l-Artikolu 1. L-ebda kriterji oħra m’għandhom ikunu applikati biex jistabbilixxu l-eliġibbiltà tagħhom għall-protezzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-protezzjoni ta’ fotografiji oħra.”

14.      Id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (7), ikkodifikat id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/98.

15.      Il-premessa 16 tagħha hija fformulata kif ġej:

“Il-protezzjoni ta’ fotografiji fl-Istati Membri hija s-suġġett ta’ diversi reġimi. Xogħol fotografiku skond it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għandu jkun ikkunsidrat bħala oriġinali jekk ikun kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur li tirrifletti l-personalità tiegħu, mingħajr il-kunsiderazzjoni ta’ kriterji oħra, bħall-valur jew l-iskop tiegħu. Il-protezzjoni ta’ fotografiji oħra għandha tkun tista’ tingħata mil-liġi nazzjonali.”

16.      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi li ġej:

“Il-fotografiji li jkunu oriġinali fis-sens li jkunu l-kreazzjoni intellettwali tal-awtur innifsu għandhom ikunu protetti skont l-Artikolu 1. L-ebda kriterji oħra m’għandhom ikunu applikati biex jistabbilixxu l-eliġibbiltà tagħhom għall-protezzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-protezzjoni ta’ fotografiji oħra.”

C –    Id-Direttiva 2001/29

17.      Il‑premessi 9, 21, 32 u 44 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

[…]

(21)      Din id-Direttiva għandha tiddefinixxi l-iskop ta’ l-atti regolati mid-dritt ta’ riproduzzjoni rigward il-benefiċjarji differenti. Dan għandu jsir b’konformità ma’ l-acquis communautaire. Tifsira wiesgħa ta’ dawn l-atti hija meħtieġa biex tisgura ċertezza legali ġewwa s-suq intern.

[…]

(32)      Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l-elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l-leġislazzjoni implimentattiva fil-futur.

[…]

(44)      Meta japplikaw l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom f’din id-Direttiva, huma għandhom ikunu eżerċitati skond l-obbligi internazzjonali. Dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati b’mod li jippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li jmorru kontra l-isfruttar normali tax-xogħol tiegħu jew ta’ suġġett ieħor. Id-disposizzjonijiet ta’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet mill-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jirriflettu kif inhu xieraq, l-impatt ekonomiku miżjud li dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jkollhom fil-kuntest ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Għalhekk, l-iskop ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet jista’ jkollu jkun iktar limitat meta jiġi għal ċertu użu ġdid ieħor ta’ xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett ieħor.”

18.      L-Artikolu 1(1) tad-direttiva jipprovdi :

“Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, mingħajr enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.”

19.      L-Artikolu 2(a) tad-direttiva, dwar id-dritt ta’ riproduzzjoni, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom”

20.      L-Artikolu 3(1) tad-direttiva jipprovdi għad-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku u d-dritt li ħwejjeġ oħra protetti jkunu disponibbli għall-pubbliku. Huwa jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

21.      L-Artikolu 5 tad-direttiva (“Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”) jinkludi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[…]

d)      kwotazzjonijiet għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni, kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall-pubbliku, li, sakemm ma jkunx sar impossibbli, is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, u li l-użu tagħhom huwa skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku;

e)      użu għall-iskopijiet ta’ sigurtà pubblika jew biex jiżgura t-twettiq jew rappurtaġġ xieraq ta’ proċċ[e]dimenti amministrattivi, parlamentari jew ġudizzjarji;

[…]

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet”.

III – Il-fatti

22.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali taħdem bħala fotografa indipendenti. Fost affarijiet oħra, hija tieħu ritratti ta’ tfal fil-kindergarten u fl-iskejjel tat-trabi. Fil-kuntest tal-atttività professjonali tagħha, hija ħadet ritratti taċ-ċittadina Awstrijaka Natascha K. (iktar ’il quddiem, “ir-ritratti inkwistjoni ”) qabel ma din inħatfet fl-1998. Hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali li kienet ddisinjat l-isfond, iddeterminat il-poża u l-espressjoni tal-wiċċ, kif ukoll ħadet u żviluppat ir-ritratti.

23.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ilha iktar minn 17-il sena tidentifika r-ritratti li tieħu f’isimha u fl-isem kummerċjali tagħha. Matul is-snin, l-identifikazzjoni saret b’diversi modi, permezz ta’ stikers u/jew permezz tal-intaljar fuq il-pokits u l-muntatura. Dawn l-indikazzjonijiet dejjem semmew l-isem u l-indirizz professjonali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

24.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali biegħet ir-ritratti żviluppati minnha mingħajr ma tat lil terzi persuni drittijiet fuq dawn ir-ritratti u mingħajr ma tat il-kunsens tagħha għall-pubblikazzjoni tagħhom. Għalhekk, il-prezz li hija talbet għar-ritratti kien jikkorrispondi biss għall-prezz tar-ritratti.

25.      Wara li Natascha K. inħatfet fl-1998 meta kellha 10 snin, l-awtoritajiet tas-sigurtà kompetenti ħarġu avviz ta’ tfittxija fejn intużaw ir-ritratti inkwistjoni.

26.      Il-ħames konvenuti fil-kawża prinċipali huma edituri ta’ ġurnali. Hija biss l-ewwel konvenuta fil-kawża prinċipali li għandha s-sede tagħha fi Vjenna, l-Awstrija. It-tieni sal-ħames konvenuti fil-każwa prinċipali għandhom s-sede tagħhom fil-Ġermanja.

27.      L-ewwel u t-tielet konvenuti fil-kawża prinċipali jippubblikaw ġurnali ta’ kuljum li huma distribwiti (ukoll) fl-Awstrija (Der Standard u Süddeutsche Zeitung); ir-raba’ parti konvenuta fil-kawża prinċipali tippubblika ġurnal ta’ kull ġimgħa li jitqassam ukoll fl-Awstrija (Der Spiegel). Il-ħames konvenuta fil-kawża prinċipali hija editriċi ta’ ġurnal ta’ kuljum li jiġi ppubblikat fil-Ġermanja biss (Express). It-tieni konvenuta fil-kawża prinċipali tippubblika ġurnal ta’ kuljum (Bild) li l-edizzjoni nazzjonali tiegħu ma hijiex iddistribwita fl-Awstrija. Min-naħa l-oħra, l-edizzjoni ta’ München ta’ dan il-ġurnal titqassam fl-Awstrija wkoll. Barra minn hekk, it-tieni konvenuta fil-kawża prinċipali tippubblika wkoll ġurnal ieħor (Die Welt) li huwa wkoll iddistribwit fl-Awstrija u juża wkoll siti ta’ informazzjoni fuq l-internet.

28.      Fl-2006, Natascha K. irnexxielha taħrab mill-persuna li ħatfitha. Il-proċeduri fil-kawża prinċipali huma marbuta mar-rapportaġġ ta’ dan il-każ mill-konvenuti fil-kawża prinċipali bejn din id-data u l-ewwel dehra pubblika ta’ Natascha K. fuq it-televixin fil-5 ta’ Settembru 2006. Fil-fatt, matul dan il-żmien, l-ebda persuna ma kellha ritratti reċenti ta’ Natascha K. Fil-kuntest tar-rapportaġġ tagħhom, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppubblikaw għalhekk ir-ritratti inkwistjoni f’ġurnali u rivisti kif ukoll fuq is-siti tal-internet imsemmija iktar ’il fuq, mingħajr l-indikazzjoni tal-persuna li kienet ħadithom jew b’informazzjoni żbaljata, jiġifieri li ma ġiex indikat l-isem tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala l-awtur iżda isem ieħor. Il-kopertura permezz tal-medja fil-ġurnali ta’ kuljum, fil-ġurnal ta’ kull ġimgħa u fis-siti tal-internet kienet tvarja fir-rigward tar-ritratti magħżula u tat-testi ta’ kitba li kienu jakkompanjawhom. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jiddikkjaraw li huma rċevew ir-ritratti inkwistjoni minn aġenzija tal-aħbarijiet mingħajr indikazzjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew bl-indikazzjoni ta’ isem ieħor bħala l-awtur, li ma kienx dak tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

29.      Barra minn hekk, diversi artikli kienu jinkludu identikit li juri l-wiċċ li kien meqjus li kellha Natascha K. f’dak il-waqt (iktar ’il quddiem “l-identikit inkwistjoni”). Dan ġie żviluppat minn disinjatur grafiku bl-għajuna ta’ programm tal-kompjuter abbażi ta’ wieħed mir-ritratti inkwistjoni.

IV – Il-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali

30.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħarrket lill-konvenuti fil-kawża prinċipali quddiem il-Handelsgericht Wien fl-Awstrija. L-azzjoni tagħha hija essenzjalment intiża (8) sabiex twaqqaf ir-riproduzzjoni, mingħajr il-kunsens tagħha u mingħajr l-indikazzjoni ta’ isimha, bħala awtriċi, tar-ritratti u tal-identikit inkwistjoni kif ukoll sabiex hija tingħata remunerazzjoni u danni.

31.      Fl-istess waqt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet proċeduri għal miżuri provviżorji li diġà ġew deċiżi fl-aħħar istanza mill-qorti suprema Awstrijaka.

V –    Id-domandi preliminari

32.      Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari tat-8 ta’ Marzu 2010, il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li jitressqu talbiet kontra diversi konvenuti minħabba ksur tad-dritt tal-awtur sostanzjalment identiku, ibbażati fuq bażijiet legali li jvarjaw fil-pajjiżi differenti, iżda li għandhom kontenut essenzjalment identiku − kif inhu l-każ għall-Istati Ewropej kollha fir-rigward tad-dritt li jinkiseb it-twaqqif tal-aġir inkwistjoni indipendentement minn kwalunkwe tort da- parti tal-konvenut, id-dritt għal kumpens adegwat għal atti li jiksru d-dritt tal-awtur u d-dritt għad-danni minħabba l-użu illegali tax-xogħol − ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu u għalhekk li dawn it-talbiet ikunu evalwati u deċiżi fl-istess waqt?

2.      a)     Fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 5(3)(d) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu mhijiex prekluża fil-każ li l-artikolu tal-istampa li jiċċita xogħol jew oġġett ieħor protett ma jkunx xogħol litterarju protett mid-dritt tal-awtur?

2.      b)     Fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 5(3)(d) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu mhijiex prekluża fil-każ li ma jkunx indikat l-isem tal-awtur jew l-artist li jinterpreta x-xogħol jew l-oġġett ieħor protett?

3.      a)     Fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 5(3)(e) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu fl-interess tal-ġustizzja kriminali fil-kuntest tas-sigurtà pubblika jirrikjedi sejħa konkreta, attwali u espressa tal-awtoritajiet ta’ sigurtà li jippubblikaw ir-ritratt, jiġifieri li r-ritratt għandu jiġi ppubblikat għall-finijiet ta’ investigazzjoni fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet, u li jkun hemm ksur tad-dritt tal-awtur jekk dan ma jsirx?

3.      b)     Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 3(a) iktar ’il fuq: jistgħu l-midja jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 anki fil-każ fejn dawn jiddeċiedu minn rajhom, mingħajr avviż ta’ tfittxija mill-awtoritajiet, li dawn ir-ritratti jkunu ppubblikati “fl-interess tas-sigurtà pubblika”?

3.      c)     Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(b) iktar ’il fuq: f’dan il-każ, huwa biżżejjed li l-medja tiddikjara a posteriori li r-ritratti jkunu ġew ippubblikati għall-finijiet ta’ investigazzjoni, jew, fi kwalunkwe każ, huwa meħtieġ li ssir sejħa konkreta lill-qarrejja, sabiex jintalbu jikkontribwixxu jagħtu dawl fuq ksur ta’ liġi kriminali u li din is-sejħa tkun direttament assoċjata mal-pubblikazzjoni tar-ritratt?

4)      Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), tal-20 Marzu 1952, u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 1(1) u 5(5) tad-Direttiva 2001/29/KE [meħuda flimkien] u l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt tal-awtur jagħti lil xogħlijiet fotografiċi u/jew lil ritratti, b’mod partikolari lil ritratti ta’ persuni, protezzjoni “inqas” jew saħansitra l-ebda protezzjoni, minħabba l-fatt li, fir-rigward tar-“ritratt realista”, dawn tal-aħħar għandhom potenzjal artistiku żgħir wisq?

VI – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33.      Dan ir-rinviju preliminari kien ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Marzu 2010.

34.      Osservazzjonijiet bil‑miktub ġew ippeżentati mir-rikorrenti u mill-konvenuti fil-każwa prinċipali, mill-Gvernijiet Spanjol, Taljan u Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

35.      Peress li l-ebda waħda mill-partijiet ma talbet il-ftuħ tal-proċedura orali, il-konklużjonijiet f’din il-kawża setgħu jiġu fformulati wara l-laqgħa ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2010.

VII – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u tad-domandi differenti

36.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jiddubitaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fit-totalità tagħha. Skont dawn tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju ma kkonstatax adegwatament il-fatti, u lanqas immotivat biżżejjed id-dubji li kellha dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-konvenuti fil-kawża prinċipali, barra minn hekk, hija ma stabbilietx konnessjoni adegwata bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kontroversja u dawk tad-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, ma ċċitatx in-normi rilevanti tad-dritt nazzjonali.

37.      Din il-kritika ma tistax tintlaqa’.

38.      Hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, din il-kawża hija kkaratterizzata mill-fatt li ġiet ippreċeduta minn proċeduri għal miżuri provviżorji. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, l-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema) adottat pożizzjonijiet li l-kompatibbiltà tagħhom mal-eżiġenzi tad-dritt tal-Unjoni hija preżentement ikkontestata bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. Għall-finijiet ta’ talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, huwa biżżejjed li l-qorti tar-rinviju tiddeskrivi l-pożizzjoni tal-Oberster Gerichtshof u tippreċiża li, minħabba d-differenza fl-opinjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, hija tiddubita l-kompatibbiltà ta’ din il-pożizzjoni mal-eżiġenzi tad-drittt tal-Unjoni. Barra minn hekk, matul id-deskrizzjoni tagħha tal-pożizzjoni tal-Oberster Gerichtshof, il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi r-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli b’biżżejjed preċiżjoni għall-finijiet tal-proċeduri preżenti.

VIII – Fuq l-ewwel domanda preliminari

39.      L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-ġurisdizzjoni għal azzjonijiet relatati skont il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi id-domanda dwar jekk hijiex kompetenti, skont din id-dispożizzjoni, sabiex tiddeċiedi wkoll fuq it-talbiet imressqa kontra t-tieni u l-ħames partijiet konvenuti fil-kawża prinċipali, peress li dawn jirrigwardaw artikoli li dehru f’ġurnali li huma ppubblikati biss fil-Ġermanja (jiġifieri l-ġurnal ta’ kuljum Express kif ukoll l-edizzjoni nazzjonali tal-ġurnal Bild) (9).

40.      L-isfond ta’ fatt u ta’ liġi ta’ din il-kawża huwa kkaratterizzat, fost affarijiet oħra, mill-fatt li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tar-rinviju għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar it-talba diretta kontra l-ewwel konvenuta fil-kawża prinċipali li għandha s-sede tagħha fi Vjenna u li tippubblika l-ġurnal ta’ kuljum Der Standard. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, id-dritt Awstrijak huwa applikabbli għal din it-talba, li hija bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tal-awtur tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. It-talbiet imressqa kontra l-ħames u t-tieni konvenuti fil-kawża prinċipali li jirrigwardaw l-artikli fil-ġurnal ta’ kuljum Express u fl-edizzjoni nazzjonali tal-ġurnal Bild, huma bbażati fuq ksur komparabbli tad-drittijiet tal-awtur tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Skont il-qorti tar-rinviju, jekk din hija kompetenti sabiex tiddeciedi dawn it-talbiet, għandu japplika d-dritt Ġermaniż f’dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni f’dawn il-ġurnali ta’ kuljum li ma jitqassmux fl-Awstrija. Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li għalkemm ir-regoli tad-dritt Ġermaniż u tad-dritt Awstrijak huma ċertament differenti, dawn jipprovdu għal kundizzjonijiet li huma essenzjalment komparabbli.

A –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet fil-proċeduri

41.      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni għal azzjonijiet relatati hija applikabbli f’dan il-każ. Hemm interess li t-talbiet kollha jkunu investigati u deċiżi fl-istess waqt, sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet li jistgħu jkunu inkompatibbli li kieku l-kwistjonijiet kellhom jiġu deċiżi separatament minkejja li l-fatti huma l-istess u l-leġiżlazzjoni applikabbli prattikament identika. Apparti xi differenzi minuri, it-talbiet magħmula fir-rigward tal-konvenuti kollha fil-kawża prinċipali huma identiċi. Il-fatti huma komparabbli peress li, fil-każijiet kollha, ir-ritratti inkwistjoni ġew utilizzati mingħajr il-kunsens tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Il-fatt li japplikaw liġijiet nazzjonali differenti għal talbiet differenti ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 meta dawn jagħtu lil dawn it-talbiet bażijiet ġuridiċi essenzjalment identiċi. Minbarra dan, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju wkoll jiffavorixxu din l-interpretazzjoni. Fl-era tal-internet, l-awtur għandu iktar u iktar ikun jista’ jieħu azzjoni effettiva kontra l-ksur tad-drittijiet tiegħu li jseħħ fi Stati Membri differenti.

42.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li d-domanda hija inammissibbli, minħabba li huma biss il-qrati li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu appellati skont id-dritt intern, li jistgħu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk huma jsostnu l-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament ma japplikax f’dan il-każ, peress li r-rabta mill-qrib meħtieġa minn din id-dispożizzjoni hija nieqsa f’dan il-każ. L-ewwel nett, il-pubblikazzjoni tar-ritratti inkwistjoni fid-diversi ġurnali għandha tiġi evalwata b’mod separat għal kull każ. It-tieni nett, il-pożizzjoni legali tista’ tkun differenti f’kull Stat Membru, li jirrendi impossibbli l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet inkompatibbli. Fis-sentenza Roche Nederland et (10), f’sitwazzjoni komparabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kienx hemm rabta mill-qrib biżżejjed. Fl-imsemmi każ il-konvenuti differenti kienu jiffurmaw parti mill-istess grupp ta’ impriżi u kienu kkomportaw ruħhom b’mod simili skont politika kummerċjali komuni. A fortiori ma tistax teżisti rabta mill-qrib f’dan il-każ.

43.      Il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jsostnu li s-sempliċi fatt li l-liġi nazzjonali applikabbli għat-talba mressqa kontra l-ewwel konvenuta li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija, u dik applikabbli għat-talbiet l-oħra, ma hijiex l-istess, ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001.

44.      Qabel xejn, il-Kummissjoni tirrileva li l-kunċett ta’ “ġudizzji irrikonċiljabbli” fil-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament ma jistax jiġi interpretat b’mod komparabbli mad-dispożizzjoni ekwivalenti tiegħu fl-Artikolu 34(3) ta’ dan ir-regolament. Għall-kuntrarju, il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament huwa marbut mill-qrib mal-Artikolu 28(3) tal-istess regolament, għaliex dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma intiżi li jipprevjenu deċiżjonijiet inkompatibbli. Madankollu, l-għan intiż minnhom ma huwiex kompletament identiku.

45.      Barra minn hekk, il-Gvern Awstrijak jirrileva li huwa minnu li l-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament ma huwiex intiż li jelimina r-riskju ta’ deċiżjonijiet kuntradittorji li jistgħu jirriżultaw mid-diversità tal-kontenut tal-liġijiet nazzjonali applikabbli u li dawn id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali jistgħu jwasslu għal soluzzjonijiet differenti. Madankollu, l-imsemmi artikolu huwa intiż li jevita kuntradizzjonijiet bejn żewġ deċiżjonijiet dovuti għal diverġenzi fl-evalwazzjoni tal-fatti. Minħabba dan il-fatt, talbiet imsejsa fuq liġijiet nazzjonali differenti jaqgħu wkoll taħt il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, peress li l-kundizzjonijiet rikjesti miż-żewġ leġiżlazzjonijiet nazzjonali jkunu komparabbli fis-sustanza tagħhom.

46.      Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li għall-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament ma huwiex meħtieġ li t-talbiet differenti jkunu msejsa fuq l-istess bażi ġuridika. Li kieku dan ma jkunx il-każ, din id-dispożizzjoni tiġi mċaħħda minn parti importanti tal-effettività tagħha. Il-kwistjoni dwar jekk jeżistix riskju ta’ deċiżjonijiet inkompatibbli ma għandhiex effett fuq l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, hemm lok li ssir evalwazzjoni tal-fatturi kollha tal-każ konkret, b’riferiment partikolari għall-għanijiet ta’ tisħiħ tal-protezzjoni ġuridika u l-prevenzjoni ta’ proċeduri simultanji, kif ukoll għall-interessi tar-rikorrenti u tal-konvenuti. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi żgurat li l-persuni li għandhom drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jkollhom opportunitajiet adegwati sabiex jiżguraw ir-rispett ta’ dawn id-dritttijiet. F’dan il-każ, l-interess tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur tagħha jipprevali fil-konfront tat-tieni konvenuta fil-kawża prinċipali u, konsegwentement, għandu japplika l-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ħames konvenuta fil-kawża prinċipali, li tiddistribwixxi l-ġurnali tagħha fil-Ġermanja biss, tali talba ma kinitx biżżejjed prevedibbli u għalhekk il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament ma jistax japplika.

B –    Fuq l-ammissibbiltà

47.      Safejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali jinvokaw l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari, minħabba li huma biss il-qrati li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu appellati skont id-dritt intern li jistgħu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi rinviju preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

48.      Din ir-restrizzjoni, prevista fl-Artikolu 68(1) ma għadhiex tinsab fit-Trattat FUE, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009 u li huwa, għaldaqstant, applikabbli ratione temporis għat-talba għal deċiżjoni preliminari li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Marzu 2010.

C –    Evalwazzjoni ġuridika

49.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-regola ta’ ġurisdizzjoni għal azzjonijiet relatati skont il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 tistax tapplika fir-rigward tat-tieni u tal-ħames konvenuta fil-kawża prinċipali, inkwantu għall-pubblikazzjoni tar-ritratti u tal-identikit inkwistjoni fil-ġurnali ta’ kuljum distribwiti esklużivament fil-Ġermanja, jiġifieri fl-edizzjoni nazzjonali tal-ġurnal Bild u tal-ġurnal ta’ kuljum Express.

50.      Skont il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, rikorrent li jħarrek persuna quddiem il-qrati fejn tali persuna tkun domiċiljata (iktar ’il quddiem it-“talba li tankra” (11)), jista’ wkoll ifittex persuna oħra quddiem din il-qorti. Madankollu, ir-rekwiżit huwa li din it-talba li tankra u t-talba l-oħra jkunu marbuta b’rabta tant mill-qrib illi jkun jaqbel illi jiġu ttrattati u deċiżi fl-istess ħin sabiex jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet li jistgħu jkunu inkompatibbli jekk il-kawżi kellhom jiġu deċiżi separatament.

51.      F’dan il-każ, teżisti talba li tankra fit-talba mressqa kontra l-ewwel konvenuta fil-kawża prinċipali li għandha s-sede tagħha fi Vjenna.

52.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar it-tieni kundizzjoni imposta mill- punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, jiġifieri, dwar l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn it-talba li tankra minn naħa, u dawk magħmula kontra t-tieni u l-ħames konvenuta, min-naħa l-oħra. Din it-tieni kundizzjoni għandha l-oriġini tagħha fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li ppreċediet il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament. Il-kliem tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma kienx jimponi kundizzjoni f’dan is-sens. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien meħtieġ li tiġi vverifikata din il-kundizzjoni addizzjonali sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jistipula l-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat ta’ domiċilju tal-konvenut (12). Fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, il-leġiżlatur tal-Unjoni integra din il-kundizzjoni żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant teżisti kontinwità bejn il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament u l-punt 1 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

53.      Il-qorti tar-rinvjiu tistaqsi dwar jekk rabta tant mill-qrib bħal dik meħtieġa fil-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament tistax teżisti fil-każ li:

–        fil-kuntest tat-tliet kawżi, il-ksur tad-drittijiet tal-awtur ikun komparabbli fir-rigward tal-mertu, kif ukoll fir-rigward tat-talbiet magħmula;

–        id-dritt Awstrijak ikun applikabbli għat-talba li tankra u d-dritt Ġermaniż għat-talbiet magħmula kontra t-tieni u l-ħames konvenuta safejn dawn jirrigwardaw il-ġurnali distribwiti fil-Ġermanja;

–        skont id-dritt Awstrijak u Ġermaniż, il-kundizzjonijiet li japplikaw għat-talbiet imressqa jkunu identiċi fis-sustanza tagħhom.

54.      Ser nittratta r-risposta għal din id-domanda f’diversi stadji. Qabel xejn, ser neżamina l-pożizzjoni ta’ ġurisdizzjoni għal azzjonijiet relatati fi ħdan is-sistema ta’ ġurisdizzjoni implementata permezz tar-Regolament Nru 44/2001 (1). Sussegwentement, ser nistudja r-relazzjoni bejn il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, li b’mod partikolari, huwa intiż li jevita deċiżjonijiet inkompatibbli, u dispożizzjonijiet oħra li għandhom għanijiet simili (2). Sussegwentement, ser nittratta l-interpretazzjoni, magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-kundizzjoni ta’ rabta mill-qrib (3). Peress li nikkunsidra li l-oġġezzjonijiet magħmula fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huma parzjalment fondati (4), ser nissuġġerilha li tirfina l-pożizzjoni tagħha (5).

1.      Fuq is-sistema ġenerali tar-regolament

55.      Skont l-Artikolu 2 tar-regolament, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun domiċiljat il-konvenut, huma, bħala regola, kompetenti biex jiddeċiedu azzjoni. Madankollu, l-imsemmi regolament jipprovdi sensiela eżawrjenti ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali li jidderogaw minn dan il-prinċipju. Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, li l- punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament jagħmel parti minnhom, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (13).

56.      Fl-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, hemm lok li jsir riferiment wkoll għall-premessa 11 tiegħu. Skont din il-premessa, ir-regoli ta’ kompetenza għandhom ikollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà. Huma għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tad-domiċilju tal-konvenut. Derogi għal din il-ġurisdizzjoni għandhom isiru biss f’xi każijiet definiti b’mod ċar, fejn is-suġġett tal-kontroversja jew l-awtonomija tal-partijiet tiġġustifika kriterju ta’ rabta ieħor.

2.      Rabtiet ma’ normi li jfittxu għanijiet simili, fis-sistema tar-Regolament Nru 44/2001

57.      Il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament għandu l-għan li, b’mod partikolari, jevita li talbiet li jkollhom rabta mill-qrib ma jkunux is-suġġett ta’ deċiżjonijiet inkompatibbli (14). Għalhekk, jidher loġiku li, għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jsir riferiment għal dispożizzjonijiet oħra fir-regolament li għandhom għanijiet simili. L-Artikolu 34(3) tar-regolament (a), bħall-Artikolu 2 tiegħu (b), jirrigwardaw kuntradizzjonijiet bejn żewġ deċiżjonijiet ġudizzjarji.

a)      Riferiment għall-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ?

58.      L-ewwel nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament għandux jiġi interpretat b’riferiment għall-Artikolu 34(3) tiegħu u għall-ġurisprudenza relatata miegħu. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi li deċiżjoni mogħtija bejn żewġ partijiet fi Stat Membru ma hijiex rikonoxxuta jekk din tkun inkompatibbli ma’ deċiżjoni mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru l-ieħor li fih jiġi mfittex ir-rikonoxximent.

59.      Fir-rigward tad-dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri l-Artikolu 27(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikkjarat li inkompatibbiltà bejn żewġ deċiżjonijiet fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni titqies li teżisti biss meta ż-żewġ deċiżjonijiet jinvolvu konsegwenzi ġuridiċi li jeskludu lil xulxin (15). Dan ikun il-każ meta, pereżempju, l-ewwel deċiżjoni meħuda bejn żewġ persuni tordna l-ħlas ta’ manteniment minħabba obbligi li jirriżultaw miż-żwieġ, filwaqt li t-tieni waħda tikkonstata d-divorzju tagħhom (16).

60.      Uħud jipproponu li, għall-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 34(3) tiegħu u tiġi applikata l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fil-konfront tal-punt 1 tal-Artikolu 6 (17). Madankollu dan ir-raġunar huwa oppost mill-oġġezzjonijiet imsemmija iktar ’l isfel.

61.      L-ewwel nett, l-Artikoli 34(3) u 6(1) tar-regolament jirrigwardaw sitwazzjonijiet differenti u għandhom għalhekk għanijiet differenti.

62.      L-Artikolu 34(3) tar-regolament japplika fl-istadju tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri l-oħra. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex issolvi kunflitt bejn żewġ deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija bejn l-istess partijiet li, fis-sistema institwita mir-regolament, bħala regola, lanqas biss għandu jseħħ (18). In-nuqqas ta’ rikonoxximent skont l-Artikolu 34(3) tar-regolament huwa għalhekk każ eċċezzjonali, li jinvolvi deroga għall-prinċipju ta’ rikonoxximent kważi awtomatiku ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra u għalhekk għall-“ġebla tax-xewka” tar-regolament, li hija ġġustifikata b’mod eċċezzjonali. Għal din ir-raġuni, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u għandha tkun limitata għal deċiżjonijiet li jinvolvu konsegwenzi ġuridiċi li jeskludu lil xulxin (19).

63.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu  6(1) tar-regolament jirregola tip ta’ sitwazzjonijiet oħra. Qabel xejn, huwa intiż li jipprevjeni mill-bidu deċiżjonijiet ġudizzjarji inkompatibbli, saħansitra qabel ma jingħataw. Barra minn hekk, ma hijiex kwistjoni ta’ kontradizzjonijiet bejn deċiżjonijiet mogħtija bejn l-istess partijiet, iżda kontradizzjonijiet li jistgħu jeżistu bejn żewġ deċiżjonijiet fejn waħda minnhom tingħata bejn ir-rikorrent u l-konvenut fit-talba li tankra, u l-oħra bejn ir-rikorrent u konvenut ieħor. Meta teżisti rabta mill-qrib bejn it-talbiet, il- punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament jippermetti lir-rikorrent li jissuġġetta ż-żewġ azzjonijiet għall-ġurisdizzjoni tal-istess qorti sabiex jiġu evitati kontradizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw bejn id-deċiżjonijiet jekk żewġ qrati differenti jiddeċiedu t-talbiet (20).

64.      Minħabba d-differenza fl-għan ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, ikkunsidrata iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi, ma għandhiex tapplika l-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikolu 34(3) tar-regolament fil-konfront tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tiegħu.

65.      It-tieni nett, argument kontra l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikolu 34(3) tar-regolament, huwa l-fatt li din tirrestrinġi konsiderevolment l-effettività tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament. Każ fejn il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ żewġ deċiżjonijiet jeskludu lil xulxin jeżisti biss, bħala regola ġenerali, meta ż-żewġ deċiżjonijiet jingħataw bejn l-istess partijiet. Peress li l-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament ma jirrigwardax din is-sitwazzjoni, iżda jirrigwarda każ fejn iż-żewġ deċiżjonijiet jingħataw, minn naħa, bejn ir-rikorrent u l-konvenut fit-talba li tankra, u, min-naħa l-oħra, bejn ir-rikorrent u konvenut ieħor, bħala reġola ġenerali, ma għandux ikun hemm konsegwenzi ġuridiċi li jeskludu lil xulxin fis-sens tal-Artikolu 34(3) tar-regolament. Fil-fatt, anki jekk id-deċiżjonijiet ikunu kuntradittorji, bħala regola ġenerali, huwa possibbli li dawn jiġu infurzati (21).

66.      Għaldaqstant, interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 ibbażata fuq l-Artikolu 34(3) tiegħu għandha tiġi miċħuda, bħalma għandha tiġi miċħuda l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikolu 34(3) tar-regolament fil-konfront tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tiegħu (22).

b)      Riferiment għall-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001

67.      Min-naħa l-oħra, fl-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-rabta li teżisti bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 28 tar-regolament. Skont l-Artikolu 28(1) tar-regolament, it-tieni qorti adita b’kawża tista’ tissospendi l-proċedimenti quddiemha meta jkunu pendenti quddiem il-qrati ta’ Stati Membri differenti talbiet relatati. Jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fis-subparagrafu (2) ta’ dan l-artikolu jkunu sodisfatti, it-tieni qorti adita tista’ saħansitra tiċħad il-ġurisdizzjoni tagħha. Il-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm rabta ta’ konnessjoni li tista’ tiġġustifika s-sospensjoni ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 28(1) tar-regolament, u saħansitra dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jekk il-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa fost l-oħrajn fis-subparagrafu (2) tiegħu jiġu sodisfatti, jinsabu fis-subparagrafu (3) ta’ dan l-artikolu. Huma jinsabu definiti bl-istess kliem bħat-tieni kundizzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament. Hekk kif ġie rrilevat iktar ’il fuq (23), dan huwa dovut għall-fatt li l-formulazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament għandha l-oriġini tagħha fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt 1 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, u għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ispirata mid-dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikolu 28(3) tar-regolament, jiġifieri t-tielet paragrafu tal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

68.      Anki għal din ir-raġuni biss, naħseb li huwa loġiku li fl-interpretazzjoni tal- punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-rabta li teżisti, fis-sistema tar-regolament, mal-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, il-ġurisprudenza dwar din id-dispożizzjoni kif ukoll dwar dik li ppreċedietha. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li l-kunċett ta’ “rabta” fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (issa, l-Artikolu 28(3) tar-regolament) jiġi interpretat fis-sens li, biex ikun hemm rabta bejn żewġ talbiet, huwa biżżejjed li l-investigazzjoni u d-deċiżjoni tagħhom b’mod separat jagħtu lok għal riskju ta’ deċiżjonijiet kuntrarji, mingħajr ma jkun meħtieġ li jkun hemm ir-riskju ta’ konsegwenzi ġuridiċi li jeskludu lil xulxin (24). Naħseb li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata għall- unt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament.

69.      Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha tal-leġiżlatur ma jistgħux jiġu applikati awtomatikament mill-Artikolu 28 tar-regolament għall-punt 1 tal-Artikolu 6 tiegħu. Fil-fatt, anki jekk il-kliem ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huwa simili u anki jekk huma għandhom għanijiet komparabbli, jeżistu madankollu differenzi bejniethom li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

70.      L-Artikolu 28(1) tar-regolament jippermetti lit-tieni qorti adita b’każ li tissospendi l-proċeduri quddiemha. Madankollu, għall-kuntrarju tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, is-sospensjoni tal-proċeduri ma għandhiex l-effett li tittrasferixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, huwa minnu li jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 28(2) tar-regolament ikunu sodisfatti, il-qorti tista’ wkoll tiċħad il-ġurisdizzjoni tagħha. Madankollu, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li qorti nazzjonali tipproċedi biex tieħu dawk id-deċiżjonijiet li l-Artikolu 28 tar-regolament jawtorizzaha li tieħu, billi, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ funzjonament armonjuz tal-ġustizzja.

71.      Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni li tiġi applikata r-regola ta’ ġurisdizzjoni għal azzjonijiet relatati tappartjeni biss lir-rikorrent. Issa dan ma jiggwidax ruħu abbażi tal-bżonnijiet ta’ funzjonament armonjuż tal-ġustizzja, iżda biss skont liema qorti tkun l-iktar vantaġġuża għalih. Għal din ir-raġuni, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ rabta mill-qrib fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-interessi tal-konvenut sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ eventwali abbużi. Għaldaqstant hemm lok li wieħed ikun ftit iktar eżiġenti fil-konfront tal-kunċett ta’ rabta mill-qrib fil-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 milli fil-konfront tal-kunċett ta’ rabta skont l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament (25).

3.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

72.      Wara li ddeskrivejt il-kuntest ġuridiku mfassal mir-regolament Nru 44/2001, issa ser nittratta l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ rabta mill-qrib fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-ġurisprudenza tagħha dwar il- punt 1 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

73.      Qabel xejn, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ rabta mill-qrib fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u bl-istess mod fl-Istati Membri kollha (26).

74.      Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jistrieħ fuq il-premessa li l-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament (jew tal-Konvenzjoni ta’ Brussell) japplika biss jekk jista’ jkun hemm diverġenza fid-deċiżjoni tal-kontroversja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Diverġenza fid-deċiżjoni tal-kontroversja ma hijiex biżżejjed waħedha, iżda huwa meħtieġ ukoll li din id-diverġenza titqajjem fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt (27).

75.      Barra minn hekk, mis-sentenza Roche Nederland et jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li azzjonijiet għal ksur ta’ privattiva Ewropea kontra diversi kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti fir-rigward ta’ atti mwettqa fit-territorju ta’ xi wieħed jew iktar minn dawn l-Istati, ma kinux jiffurmaw parti mill-istess sitwazzjoni ta’ fatt. Hija ġġustifikat il-pożizzjoni tagħha billi ddikjarat li l-konvenuti kienu differenti u li l-atti li huma wettqu bi ksur tal-privattiva fi Stati Membri differenti, ma kinux l-istess.

76.      Minbarra dan, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li żewġ azzjonijiet ma kinux jaqgħu taħt il-kuntest tal-istess sitwazzjoni ta’ dritt meta d-dritt applikabbli jkun differenti u meta dan id-dritt ma jkunx ġie kompletament armonizzat, bħalma kien il-każ tad-dritt dwar il-privattivi. F’dawn it-tip ta’ każijiet, soluzzjonijiet diverġenti ma setgħux jitqiesu inkompatibbli fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (28).

77.      Sussegwentement, fis-sentenza Freeport, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-identità tal-bażi ġuridika ta’ azzjonijiet imressqa kontra konvenuti differenti ma kinitx kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament (29). Kienet il-qorti nazzjonali li kellha l-kompitu li tevalwa l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn it-talbiet differenti miġjuba quddiemha, u, għalhekk, ir-riskju ta’ deċiżjonijiet inkompatibbli li kieku l-azzjonijiet kellhom jiġu deċiżi separatament. Għal dan il-għan, hija kellha d-dmir li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi meħtieġa kollha tal-każ. Dan seta’ jwassal lill-qorti nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni l-bażijiet legali tal-azzjonijiet imressqa quddiemha (30).

4.      Oġġezzjonijiet iġġustifikati

78.      Tqajmu riżervi fir-rigward ta’ ċerti elementi ta’ din il-ġurisprudenza (31). Fir-rigward tal-kundizzjoni, żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Roche Nederland et, li tipprovdi li l-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 jitqies li japplika biss jekk iż-żewġ talbiet ikunu msejsa fuq l-istess bażi legali, naħseb li dawn ir-riżervi huma ġġustifikati. Fil-fatt, din il-kundizzjoni tidher li tistrieħ fuq il-preżunzjoni li ma jistax ikun hemm deċiżjonijiet inkompatibbli fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament meta japplikaw liġijiet nazzjonali differenti għat-talbiet u dawn il-liġijiet ma jkunux ġew kompletament armonizzati. Madankollu din il-preżunzjoni ma hijiex korretta (32). Hija tkun korretta biss jekk il-kuntradizzjonijiet kollha li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjonijiet mogħtija fuq żewġ talbiet pendenti quddiem żewġ qrati differenti u suġġetti għal żewġ liġijiet differenti, ikunu dovuti għal differenzi eżistenti bejn il-leġiżlazzjoni applikabbli. Madankollu dan ma huwiex il-każ.

79.      Fil-fatt, meta żewġ deċiżjonijiet jingħataw minn żewġ qrati differenti, l-ewwel nett, huwa dejjem possibbli li l-kuntradizzjonijiet bejn dawn id-deċiżjonijiet ikunu spjegati minħabba differenza fl-evalwazzjoni tal-fatti minn dawn il-qrati. Meta, bħal f’dan il-każ, jiġu istitwiti żewġ azzjonijiet għal ksur tad-dritt tal-awtur, fejn azzjoni waħda tkun suġġetta għad-dritt Awstrijak u l-oħra għad-dritt Ġermaniż, jista’ jkun hemm differenzi fid-deċiżjonijiet li jkunu dovuti għal differenzi bejn id-dritt tal-awtur Ġermaniż u d-dritt tal-awtur Awstrijak. Xi differenzi jistgħu jirriżultaw ukoll mill-fatt li żewġ qrati li japplikaw kriterji ġuridiċi komparabbli fis-sustanza tagħhom jaslu għal konklużjonijiet diverġenti għaliex jagħmlu evalwazzjoni differenti tal-fatti.

80.      It-tieni nett, anki f’qasam li ma jkunx ġie kompletament armonizzat, huwa possibbli li ċerti differenzi minimi jkunu ġew armonizzati. F’dan il-każ, anki talbiet suġġetti għal liġijiet nazzjonali differenti jistgħu, finalment, jaqgħu taħt l-istess regoli tal-mertu, jiġifieri dawk komuni imposti mid-dritt tal-Unjoni.

81.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, il-perspettiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma jistax ikun hemm deċiżjonijiet inkompatibbli fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament jekk liġijiet nazzjonali differenti japplikaw għat-talbiet u jekk dawn il-liġijiet ma jkunux ġew kompletament armonizzati, ma treġix.

82.      Din il-perspettiva lanqas ma tista’ tistrieħ fuq il-kunsiderazzjoni li l-qrati tal-Istati Membri ma jistgħux jiddeċiedu fuq il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mwettqa fi Stat Membru ieħor billi japplikaw id-dritt ta’ dan l-Istat Membru ieħor. Fil-fatt, is-sistema istitwita mir-Regolament Nru 2001/44 tistrieħ fuq ir-regola li l-qrati kollha għandhom din il-ġurisdizzjoni.

83.      It-tielet nett, l-eżempju msemmi iktar ’il fuq iqajjem id-domanda dwar jekk tistax tkun kundizzjoni sine qua non tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament li trid tapplika l-istess liġi għat-talba li tankra u għat-talba l-oħra. Fil-każ ta’ obbligu ta’ garanzija fejn wieħed mill-konvenuti jkun marbut biss fil-każ ta’ inadempjenza tal-konvenut l-ieħor, bħal fil-każ fejn żewġ persuni jkunu marbuta b’mod alternattiv, fil-fehma tiegħi, jeżisti interess evidenti li tkun l-istess qorti li tiddeċiedi l-kawża, sabiex b’hekk ikunu evitati deċiżjonijiet inkompatibbli (33). F’dan it-tip ta’ każ, ir-rabta ġuridika bejn iż-żewġ talbiet ma tiddependix mill-kwistjoni dwar jekk tapplikax l-istess liġi għaż-żewġ talbiet.

84.      Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq iqajmu dubji dwar jekk l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament hijiex verament iġġustifikata biss fil-każ fejn tapplika l-istess liġi għaż-żewġ talbiet.

85.      Fis-sentenza tagħha Freeport, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tassew iddevjat sostantivament mill-pożizzjoni tagħha fis-sentenza Roche Nederland et. Madankollu, peress li hija baqgħet teżiġi l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt (34) permezz ta’ riferiment għas-sentenza Roche Nederland et, l-approċċ ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja jibqa’ inċert (35).

5.      Fuq ir-rabta mill-qrib fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001

86.      Fid-dawl ta’ din il-kritika, fl-opinjoni tiegħi ġġustifikata, fil-konfront tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, nipproponi li jiġi irfinat il-kriterju użat sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bizzejjed fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, hija biss rabta bejn it-talba li tankra, minn naħa, u t-talba jew talbiet l-oħra, min-naħa l-oħra, li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. Din l-eżiġenza għandha tittieħed bis-serjetà (a). L-ewwel kundizzjoni meħtieġa biex tkun teżisti tali rabta mill-qrib hija l-uniċità tas-sitwazzjoni ta’ fatt li minnha tifforma parti t-talba li tankra u t-talba l-oħra (b). It-tieni nett, għandha teżisti rabta ġuridika mill-qrib biżżejjed bejn it-talba li tankra u t-talba l-oħra (ċ). Min-naħa l-oħra, ma huwiex meħtieġ li tiġi vverifikata separatament l-eżistenza ta’ riskju, fil-każ konkret, ta’ deċiżjonijiet inkompatibbli (d).

a)      Rabta bejn it-talba li tankra u t-talba jew it-talbiet l-oħra

87.      Skont il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, teżisti ġurisdizzjoni għal azzjonijiet relatati biss fil-konfront ta’ talbiet li għandhom rabta mill-qrib mat-talba li tankra. Madankollu, min-naħa tagħhom, dawn it-talbiet ma jistgħux iservu bħala talba li tankra fil-konfront ta’ talbiet oħra li jkunu relatati mill-qrib magħhom.

88.      Dan jirriżulta l-ewwel nett mill-kliem stess tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, li jeżiġi rabta mill-qrib bejn it-talba li tankra u t-talba l-oħra. It-tieni nett, argument ieħor favur din l-analiżi, li għandu jittieħed bis-serjetà, huwa l-idea li r-regoli dwar ġurisdizzjoni għandhom ikollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà għall-konvenut.

89.      Fir-rigward ta’ dan il-każ, dan ifisser li, fil-konfront tat-talbiet magħmula kontra l-ħames u t-tieni konvenuta fil-kawża prinċipali, safejn dawn it-talbiet jirrigwardaw ġurnali ppubblikati fil-Ġermanja, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni għal azzjonijiet relatati tapplika biss jekk kull waħda minn dawn it-talbiet tinvolvi rabta mill-qrib biżżejjed mat-talba li tankra li ssir kontra l-ewwel konvenuta fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk teżistix rabta bejn it-talbiet differenti magħmula kontra t-tieni u l-ħames parti konvenuta fil-kawża prinċipali, hija mingħajr rilevanza għall-finijiet tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, peress li dawn il-konvenuti ma għandhomx is-sede tagħhom fl-Awstrija u għaliex, minħabba f’hekk, dawn it-talbiet ma jistgħux ikunu talbiet li jankraw.

90.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju ma tistax tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament sabiex tiddeċiedi t-talba, magħmula kontra t-tieni konvenuta fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-edizzjoni nazzjonali tal-ġurnal Bild li jiġi ppubblikat fil-Ġermanja, minħabba l-fatt li hija tinsab adita wkoll b’talbiet oħra magħmula kontra t-tieni konvenuta fil-kawża prinċipali relatati ma’ ġurnali li jitqassmu fl-Awstrija (l-edizzjoni ta’ München tal-ġurnal Bild u Die Welt) li għalihom hija għandha ġurisdizzjoni. Fil-fatt, dawn it-talbiet l-oħra mressqa kontra t-tieni konvenuta fil-kawża prinċipali ma humiex talbiet li jankraw fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, peress li s-sede tat-tieni parti konvenuta ma tinsabx fl-Awstrija.

b)      Sitwazzjoni waħdanija ta’ fatt

91.      L-ewwel kundizzjoni għall-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn it-talba li tankra, minn naħa, u t-talba l-oħra, min-naħa l-oħra, hija li t-talbiet għandhom jiffurmaw parti mill-istess sitwazzjoni ta’ fatt. F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament għandu jkollha livell għoli ta’ prevedibbiltà għall-konvenut (36). Madankollu, biex is-sitwazzjoni ta’ fatt tkun tista’ titqies waħdanija, għandu jkun possibbli, tal-inqas, li l-konvenut ikun jista’ jistabbilixxi li skont il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament huwa jista’ jiġi mħarrek, bħala konvenut flimkien ,mal-konvenut l-ieħor fit-talba li tankra, quddiem il-qorti fejn dan tal-aħħar ikun domiċiljat.

92.      Din il-kundizzjoni minima ma tkunx sodisfatta jekk il-fatti li fuqhom ir-rikorrent jibbaża t-talba li tankra u t-talba l-oħra tiegħu jkunu tali li l-atti inkwistjoni tal-konvenut fit-talba li tankra u tal-konvenut l-ieħor ikunu jirrigwardaw l-istess interessi, jew interessi simili, protetti ġuridikament mir-rikorrenti, iżda dawn jitwettqu b’mod indipendenti u mingħajr konoxxenza ta’ xulxin. F’tali każ ta’ aġir parallel mhux miftiehem, ma jkunx biżżejjed prevedibbli għall-konvenut l-ieħor li, skont tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament, dan ikun jista’ jiġi mħarrek ukoll quddiem il-qorti fejn ikun domiċiljat il-konvenut fit-talba li tankra.

93.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk hemmx aġir parallel mhux miftiehem tal-konvenuta fit-talba li tankra, minn naħa, u tat-tieni u l-ħames konvenuta fil-kawża prinċipali min-naħa l-oħra. Madankollu, l-informazzjoni fattwali ppreżentata fid-digriet ta’ rinviju timplika li, f’dan il-każ, kien hemm aġir parallel mhux miftiehem. F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament hija diġà prekluża għaliex ma teżistix sitwazzjoni fattwali waħda fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

94.      Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza Roche Nederland et, il-Qorti tal-Ġustizzja marret iktar ’il bogħod u, minħabba n-nuqqas tal-istess “sitwazzjoni ta’ fatt”, irrifjutat l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell f’każ fejn ġie allegat il-ksur ta’ privattiva Ewropea minn kumpanniji tal-istess grupp stabbiliti fi Stati Membri differenti. B’mod partikolari, id-deċiżjoni tagħha kienet ibbażata fuq il-fatt li l-konvenuti kienu differenti u li l-atti bi ksur tal-privattiva, imwettqa minnhom fi Stati Membri differenti, ma kinux l-istess (37). F’dawn il-konklużjonijiet ma naħsibx li huwa meħtieġ li tiġi eżaminata din il-ġurisprudenza kontroversjali (38), peress li, fil-kawża prinċipali, ma jidhirx li jeżisti aġir parallel miftiehem (39).

c)      Rabta ġuridika mill-qrib biżżejjed

95.      It-tieni kundizzjoni ta’ rabta mill-qrib fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament hija li għandha teżisti rabta ġuridika adegwata. Peress li, f’dan il-każ, ma teżistix probabbilment sitwazzjoni fattwali waħdanija, jiena ser nittratta din it-tieni kundizzjoni fil-qosor.

96.      Il-punt tat-tluq tal-analiżi tiegħi għandu jkun il-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ talbiet għandhomx rabta ġuridika mill-qrib biżżejjed li ma jkunx raġonevoli fuq ir-rikorrent li jkunu żewġ qrati differenti li jiddeċiedu dwarhom. Mill-kliem tal- punt 1 tal-Artikolu 6 jirriżulta li dan jista’ jkun il-każ meta, b’mod partikolari, ir-rabta ġuridika bejn żewġ talbiet tkun tant mill-qrib li kuntradizzjonijiet bejn id-deċiżjonijiet li jiddeċiedu dwarhom ma jkunux aċċettabbli. Barra minn hekk, sa ċertu punt, f’dan il-kuntest, jistgħu jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni aspetti ta’ ekonomija tal-ġudizzju, filwaqt li, madankollu, jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-interess tal-konvenuti relatat mal-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni.

97.      Qabel xejn, ir-rabta ġuridika bejn żewġ talbiet tkun tant mill-qrib li ma jkunux aċċettabbli kuntradizzjonijiet bejn id-deċiżjonijiet, meta l-eżitu tat-tieni talba jiddependi mill-eżitu tal-ewwel waħda. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-eżempji tal-obbligu ta’ garanzija jew ta’ responsabbiltà alternattiva, iċċitati fil-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, rabta ġuridika mill-qrib biżżejjed teżisti wkoll meta l-konvenuti jkunu debituri in solidum jew koproprjetarji jew ikollhom bejniethom komunjoni tal-beni.

98.      F’każijiet fejn isiru talbiet komparabbli u fejn il-kundizzjonijiet meħtieġa skont il-liġijiet rispettivament applikabbli jkunu komparabbli fis-sustanza tagħhom, tiġi ffavorita l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament għaliex, qabel xejn, din tippermetti li jiġu evitati kuntradizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn diverġenza fl-evalwazzjoni tal-fatti minn żewġ qrati. Jekk id-dritt tal-Unjoni jimponi eżiġenzi komuni, il-fatt li jkunu evitati kuntradizzjonijiet ta’ natura ġuridika wkoll jiffavorixxi din l-analiżi. Barra minn hekk, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju wkoll jiffavorixxu l-eżistenza ta’ tali rabta. Madankollu, f’dan it-tip ta’ każijiet, tassumi importanza determinanti l-kundizzjoni ta’ sitwazzjoni fattwali waħdanija li għandha tifforma parti minnha t-talba li tankra u t-talba l-oħra. Fil-fatt, ir-riskju ta’ diverġenza fl-apprezzament tal-fatti u fl-apprezzament ġuridiku jista’ jiġġustifika l-bdil ta’ ġurisdizzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament biss jekk dan il-bdil ikun prevedibbli għall-konvenut.

99.      Fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-każ, jidher li ma teżistix sitwazzjoni fattwali waħdanija, ma hemmx lok li, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, dan il-punt jiġi eżaminat iktar fil-fond. Madankollu, biex nikkonkludi, nirrileva li l-eżempji ċċitati iktar ’il fuq, fejn teżisti rabta mill-qrib biżżejjed, ma għandhomx jiġu mifhuma bħala lista eżawrijenti ta’ każijiet li fihom teżisti rabta ġuridika adegwata.

d)      Nuqqas ta’ eżami jew ta’ tbassir separat dwar jekk jeżistix riskju ta’ kuntradizzjoni f’dan il-każ

100. Kuntrarjament għal dak li b’mod partikolari jidher li jirriżulta mis-sentenza Roche Nederland et (40), apparti l-eżistenza ta’ sitwazzjoni fattwali waħda u rabta ġuridika mill-qrib biżżejjed, ma huwiex meħtieġ li jiġi vverifikat jekk jeżistix riskju ta’ kuntradizzjoni bejn żewġ deċiżjonijiet jew li jsir tbassir dwar dan il-punt.

101. Ir-regoli tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 jirrigwardaw fil-fatt ir-riskju astratt li t-tqassim ta’ żewġ deċiżjonijiet bejn żewġ qrati jagħti lok għal kontradizzjonijiet bejn dawn id-deċiżjonijiet (41). Kif irrilevajt iktar ’il fuq, f’kull każ fejn żewġ qrati jiddeċiedu żewġ talbiet ibbażati fuq fatti simili, jeżisti tal-inqas ir-riskju li diverġenza fl-evalwazzjoni tal-fatti tagħti lok għal differenzi fid-deċiżjonijiet tagħhom. Skont dan il-ħsieb, il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament żgur li għandu l-għan li jevita kuntradizzjonijiet. Madankollu, peress li dan huwa perikolu astratt, hija biss l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib biżżejjed mat-talba li tankra li hija meħtieġa bħala kundizzjoni (42).

102. Dan il-ħsieb lanqas ma huwa prekluż mill-kliem tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament. Il-kliem “sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji rrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati” jista’ jiġi mifhum bħala sempliċi deskrizzjoni tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, li ma għandux in-natura ta’ kundizzjoni awtonoma.

D –    Konklużjoni

103. Għalhekk, il-kunċett ta’ rabta mill-qrib fil-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi, bħala kundizzjoni, sitwazzjoni fattwali waħdanija kif ukoll rabta ġuridika mill-qrib biżżejjed bejn it-talba li tankra u t-talba l-oħra. Għalhekk, f’dan il-każ, hija importanti biss ir-rabta mill-qrib mat-talba magħmula kontra l-ewwel parti konvenuta fil-kawża prinċipali.

104. Sitwazzjoni ta’ fatt, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, ma tistax titqies waħdanija jekk l-atti inkwistjoni tal-konvenut fit-talba li tankra u dawk tal-konvenut fit-talba l-oħra jikkonsistu f’aġir parallel mhux miftiehem.

105. Rabta ġuridika adegwata tista’ teżisti wkoll meta liġijiet nazzjonali differenti li ma jkunux ġew kompletament armonizzati jkunu japplikaw għat-talba li tankra u għat-talba l-oħra.

IX – Fuq id-domandi preliminari l-oħra

106. Ser nirrispondi t-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi preliminari billi nibda mir-raba’ waħda li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-pubblikazzjoni ta’ identikit tistax tikkostitwixxi riproduzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE, tar-ritratt użat għall-ħolqien tiegħu (A). Skont is-sistema tal-imsemmija direttiva, din id-domanda għandha tingħatalha risposta qabel it-tieni u t-tielet domandi preliminari, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3)(d) u (e) tad-direttiva. Skont dawn l-aħħar imsemmija dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni (iktar ’il quddiem “restrizzjonijiet”) għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika (B) jew għal kwotazzjonijiet (Ċ).

A –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari

107. Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (43), kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 1(1) u 5(5) tad-Direttiva 2001/29/KE, meħuda flimkien, u l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna (44), għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-dritt tal-awtur jagħti lil ritratti ta’ persuna, protezzjoni “inqas”, jew saħansitra l-ebda protezzjoni, minħabba l-fatt li, fir-rigward tar-“ritratt realista”, dawn tal-aħħar għandhom potenzjal artistiku żgħir wisq.

108. Hekk kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, ir-raba’ domanda preliminari għandha tiġi mifhuma fid-dawl tal-pożizzjoni adottata mill-Oberster Gerichtshof fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji (45). Fil-fatt, din tal-aħħar iddeċidiet li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kellhomx bżonn il-kunsens tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex jippubblikaw l-identikit. Ir-ritratt inkwistjoni, li kien serva ta’ mudell għall-iżvilupp tal-identikit inkwistjoni, kien, ċertament, xogħol fotografiku protett mid-drittijiet tal-awtur. Madankollu, il-ħolqien u l-pubblikazzjoni tal-identikit ma kinux jikkostitwixxu adattazzjoni, li kellha bżonn il-kunsens tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala l-awtriċi tax-xogħol fotografiku, iżda użu ħieles li seta’ jsir mingħajr il-kunsens tagħha. Il-kwistjoni dwar jekk kinitx adattazzjoni jew użu ħieles tiddependi mill-attività kreattiva involuta fil-mudell. Akar ma kien għoli l-livell ta’ attività kreattiva, inqas ma seta’ jsir użu ħieles tal-mudell. Fir-rigward ta’ ritratti ta’ persuni, bħalma kien ir-ritratt inkwistjoni, il-persuna li toħloqhom kellha biss possibbiltajiet ridotti ta’ kreazzjoni artistika oriġinali. Għal din ir-raġuni, il-livell ta’ protezzjoni mogħti mid-dritt tal-awtur lir-ritratt inkwistjoni kien limitat. Barra minn hekk, l-identikit inkwistjoni stabbilit abbażi ta’ dan ir-ritratt kien xogħol ġdid, awtonomu u protett fih innifsu mid-dritt tal-awtur.

1.      Argumenti prinċipali tal-partijiet fil-kawża

109. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija tal-fehma li approċċ li jipprovdi li d-dritt tal-awtur jagħti lil ritratti ta’ persuni, protezzjoni “inqas”, jew saħansitra l-ebda protezzjoni, hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari. Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/29, sempliċi ritratti u xogħlijiet fotografiċi huma protetti bl-istess mod kontra l-adattazzjonijiet. Il-fatt li, waqt it-teħid ta’ ritratti ta’ persuni, il-possibbiltajiet ta’ kreazzjoni artistika huma ta’ livell inqas, ma jnaqqasx il-protezzjoni li jgawdu minnha. Skont ir-rikorrenti, ritratti ta’ dan it-tip ma jistgħux jinqasmu f’parti protetta u f’parti mhux protetta. Fi kwalunkwe każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li identikits jistgħu jsiru f’kull mument u faċilment. L-approċċ tal-Oberster Gerichtshof ma huwiex kompatibbli la mat-tripla kundizzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, u lanqas mad-dritt ta’ proprjetà skont l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-KEDB u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel nett, hija tirrileva li dawn ma humiex każijiet speċjali definiti b’mod restrittiv. It-tieni nett, anki skont dan l-approċċ, l-użu normali tar-ritratt inkwistjoni, li fuqu ġie bbażat l-identikit, qiegħed jiġi affettwat b’mod sinjifikattiv u, it-tielet nett, id-dritt tal-awtur qiegħed jiġi mċaħħad mill-valur ekonomiku tiegħu, mingħajr ma dan huwa ġġustifikat fir-rigward ta’ interess leġittimu ġenerali.

110. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw ir-raba’ domanda preliminari inammissibbli peress li din hija manifestament nieqsa minn kwalunkwe rabta mal-proċeduri fil-kawża prinċipali. Il-kwistjoni tal-portata tal-protezzjoni li jibbenefika minnha r-ritratt inkwistjoni għandha fil-fatt tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi kollha ta’ dan il-każ. F’dan il-kuntest, id-domanda ta’ interpretazzjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju ma hijiex importanti.

111. Barrra minn hekk, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li l-approċċ tal-Oberster Gerichtshof huwa korrett. Fil-każ ta’ ritratt ta’ persuna, il-fotografu għandu inqas possibbiltà li jeżerċita l-kapaċitajiet kreattivi tiegħu, li jagħti lok għal inqas originalità fil-każ ta’ dawn it-tip ta’ ritratti. Minħabba f’hekk, il-protezzjoni mogħtija lilu mid-dritt tal-awtur hija “inqas”, jew saħansitra ineżistenti. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-attività kreattiva involuta fil-produzzjoni ta’ identikit. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 5(3)(i) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi għal possibbiltà ta’ restrizzjonijiet fil-każ ta’ inklużjoni inċidentali ta’ xogħol fi prodott ieħor.

112. Skont il-Gvern Taljan, mid-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju ma jirriżultax li r-ritratti ta’ persuni jgawdu minn protezzjoni tad-dritt tal-awtur “inqas”, jew saħansitra ineżistenti, meta mqabbla ma’ identikit stabbilit fuqhom. Ir-ritratti ta’ persuni ma humiex inqas protetti mid-dritt tal-awtur. Barra minn hekk, il-produzzjoni ta’ identikit hija attività x’aktarx sempliċi, li tista’ ssir b’mod faċli bl-għajnuna ta’ programm tal-kompjuter. Barra minn hekk, dan l-approċċ ma huwiex kompatibbli mat-tripla kundizzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29.

113. Il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jenfasizzaw li d-dispożizzjonijiet rilevanti ma humiex dawk iċċitati mill-qorti tar-rinviju, iżda l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 (tad-Direttiva 2006/116). Flimkien mal-Gvern Spanjol, huma jsostnu li r-ritratti huma protetti minn dritt tal-awtur jekk jinvolvu kreazzjoni intellettwali oriġinali. Minħabba f’hekk, il-possibbiltà li ritratt ta’ persuna jibbenefika mill-protezzjoni tiddependi mil-livell ta’ oriġinalità u ta’ kreattività tiegħu. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li, fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, tevalwa jekk, skont dawn il-kriterji, ir-ritratt li fuqu jkun ġie stabbilit l-identikit, jissodisfax dawn l-eżiġenzi. Il-fatt li dan huwa ritratt ta’ persuni ma għandux il-konsegwenza li jnaqqas il-protezzjoni kontra l-adattazzjonijiet, mogħtija lilu skont id-Direttiva 2001/29. Il-kwistjoni dwar jekk il-produzzjoni ta’ identikit għandhiex tiġi kklassifikata bħala riproduzzjoni ta’ mudell fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 tiddependi minn jekk il-karatteristiċi, li minħabba fihom il-mudell għandu jiġi kkunsidrat bħala kreazzjoni intellettwali oriġinali, jinstabux fl-identikit.

2.      Fuq l-ammissibbiltà

114. Ir-raba’ domanda preliminari għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-pożizzjoni tal-Oberster Gerichtshof, iċċitata fil-punt 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hijiex konformi mal-eżiġenzi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, mid-dritt internazzjonali.

115. Id-domanda preliminari, hekk mifhuma, hija ammissibbli.

116. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-konvenuti fil-kawża prinċipali, din id-domanda ma għandha xejn ipotetiku. Kuntrarjament, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-distinzjoni magħmula mill-Oberster Gerichtshof abbażi tad-dritt nazzjonali bejn l-użu ħieles tar-ritratt inkwistjoni u r-riproduzzjoni tiegħu, li teżiġi l-kunsens tal-awtur, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Din id-domanda hija rilevanti għall-finijiet tal-kontroversja pendenti quddiemha.

117. Bl-istess mod, huwa bla preġudizzju għall-ammissibbiltà tagħha li r-risposta għad-domanda preliminari, hekk mifhuma, ma tirriżultax mid-dispożizzjonijiet iċċitati fid-domanda, iżda mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98, li ġie kkodifikat mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/116, kif ukoll mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29. Minħabba li l-mekkaniżmu tat-talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE għandu l-għan li jippermetti kooperazzjoni effettiva bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, u minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk tagħti lill-qorti tar-rinviju l-għajnuna neċessarja kollha sabiex tkun tista’ tiġi deċiża l-kontroversja fil-kawża prinċipali, hija tista’ tirrispondi għad-domanda preliminari billi tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti (46).

3.      Evalwazzjoni ġuridika

118. Peress li, skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, id-dritt ta’ riproduzzjoni jippresupponi l-eżistenza ta’ xogħol protett mid-dritt tal-awtur (47), f’dan il-każ tqum l-ewwel nett id-domanda dwar il-kundizzjonijiet li taħthom ritratt ta’ persuna jista’ jibbenefika minn protezzjoni tad-dritt tal-awtur (a). Sussegwentement, titqajjem id-domanda dwar jekk il-pubblikazzjoni ta’ identikit, li jkun ġie stabbilit abbażi ta’ ritratt ta’ persuna protett mid-dritt tal-awtur, għandhiex titqies bħala riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 (b).

a)      Fuq il-possibbiltà li ritratti ta’ persuna jibbenefikaw mill-protezzjoni

119. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98, li ġie kkodifikat bl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/116, jistipola l-kundizzjonijiet li taħthom ritratti jibbenefikaw minn protezzjoni tad-dritt tal-awtur skont id-dritt tal-Unjoni (48). Skont l-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, il-fattur determinanti huwa l-punt jekk ir-ritratti humiex oriġinali fis-sens li huma jkunu kreazzjoni intellettwali tal-awtur tagħhom. It-tieni sentenza tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttivi tipprovdi li l-ebda kriterju ieħor ma jista’ jiġi applikat sabiex jiġi deċiż jekk ritratti jistgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni.

120. Għalhekk huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk ir-ritratt li jkun ġie użat bħala mudell għall-identikit għandux jitqies bħala kreazzjoni oriġinali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Dan il-kunċett, li ma huwiex definit fid-Direttiva 93/98 (fid-Direttiva 2006/116), huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu (49). Mill-premessa 17 tad-Direttiva 93/98, kif ukoll mill-premessa 16 tad-Direttiva 2006/116, li jirreferu għall-Konvenzjoni ta’ Berna, jirriżulta li xogħol fotografiku huwa oriġinali meta jkun kreazzjoni intellettwali tal-awtur li tirrifletti l-personalità tiegħu.

121. Għalhekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 (tad-Direttiva 2006/116), huwa biss ir-riżultat ta’ attività kreattiva umana li huwa protett, liema attività kreattiva ma hijiex eskluża sempliċement minħabba l-fatt li l-awtur jisserva minn mezz tekniku bħalma hija l-kamera tar-ritratti.

122. Barra minn hekk, ir-ritratt innifsu għandu jkun ir-riżultat ta’ attività kreattiva oriġinali (50). Fir-rigward ta’ ritratt, il-kreazzjoni oriġinali tikkonsisti fil-fatt li l-fotografu juża l-marġni ta’ kreazzjoni artistika disponibbli u b’hekk jagħti lir-ritratt orġinalità li hija partikolari għalih.

123. Hekk kif tipprovdi espressament it-tieni sentenza tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 (tad-Direttiva 2006/116), kriterji oħra ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għalhekk ma huwiex meħtieġ ċertu livell ta’ kwalità artistika jew element ġdid. Bl-istess mod, l-għan imfittex mill-mezzi ta’ kreazzjoni artistika, kif ukoll in-nefqa u l-mezzi finanzjarji investiti, ma humiex rilevanti.

124. Għalhekk, il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 (tad-Direttiva 2006/116) sabiex ritratt ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-dritt tal-awtur mhumiex partikolarment onerużi (51). Skont dan il-kriterju, ritratt ta’ persuna jista’ jkun protett mid-dritt tal-awtur skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 (tad-Direttiva 2006/116) anki jekk ikun jikkonsisti f’xogħol magħmul mill-fotografu fuq ordni partikolari. Anki jekk is-suġġett essenzjali ta’ ritratt bħal dan, li jikkonsisti fil-persuna fotografata, ikun stabbilit bil-quddiem, il-fotografu għandu possibbiltajiet ta’ kreazzjoni artistika adegwati. Fil-fatt, fost affarijiet oħra, huwa jista’ jiddetermina l-angolu tar-ritratt, il-poża u l-espressjoni tal-wiċċ tal-persuna fotografata, l-isfond, il-kuntrast, kif ukoll il-livell ta’ dawl. Ċertament dak li jimporta huwa li l-fotografu jagħti lir-ritratt l-“irtokk personali” tiegħu.

125. Fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, skont dan il-kriterju, ir-ritratt li ġie użat bħala mudell għall-produzzjoni tal-identikit huwiex protett mid-dritt tal-awtur skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 (tad-Direttiva 2006/116).

b)      Fuq il-kunċett ta’ riproduzzjoni

126. Meta ritratt ikun protett mid-dritt tal-awtur skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 (tad-Direttiva 2006/116), l-awtur tiegħu għandu d-dritt ta’ riproduzzjoni skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29. Skont din id-dispożizzjoni, huwa jista’ jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, provviżorja jew permanenti, totali jew parzjali, bil-mezzi kollha u fi kwalunkwe forma. Għalhekk, skont dan il-kliem ferm wiesgħa (52), f’dan il-każ teżisti riproduzzjoni jekk il-konvenuti ppubblikaw ir-ritratti inkwistjoni kif kienu mingħajr ma biddluhom. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tqum dwar jekk il-pubblikazzjoni tal-identikit inkwistjoni tistax titqies ukoll bħala riproduzzjoni tar-ritratt li kien ġie stabbilit fuqu.

127. Safejn l-identikit ikun ġie prodott bl-għajnuna tal-informatika, billi l-ewwel ġie skanjat ir-ritratt inkwistjoni (53) u wara l-immaġini skanjata ġiet modifikata bl-għajnuna ta’ programm tal-kompjuter, jidher loġiku li dan għandu jiġi kkunsidrat riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-direttiva. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tkopri wkoll, espressament, il-pubblikazzjonijiet taħt forma modifikata. Il-premessa 21 tad-Direttiva 2001/29, li tipprovdi li l-atti ta’ riproduzzjoni għandhom jiġu definiti b’mod wiesa’, ukoll tiffavorixxi din l-interpretazzjoni.

128. Madankollu, din il-konklużjoni ma hijiex inevitabbli. Fil-fatt, fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ riproduzzjoni, ma għandux isir riferiment biss għall-kliem tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, iżda għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-għan intiż minn din id-dispożizzjoni. Dan jikkonsisti fil-protezzjoni tax-xogħol protett mid-dritt tal-awtur. F’dan il-kuntest hemm lok li ssir distinzjoni bejn ix-xogħol u x-xogħol materjali. Ix-xogħol huwa l-kreazzjoni intellettwali personali, li hija protetta mid-dritt tal-awtur. Ix-xogħol materjali huwa l-oġġett fiżiku li fih jintwera x-xogħol protett mid-dritt tal-awtur. Id-dritt ta’ riproduzzjoni skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 jipproteġi x-xogħol fis-sens tad-dritt tal-awtur. Huwa jipproteġi x-xogħol materjali biss safejn ikun hemm ir-riskju li x-xogħol jiġi affettwat.

129. Għalhekk, il-pubblikazzjoni ta’ identikit tikkostitwixxi riproduzzjoni tar-ritratt ta’ persuna li serva ta’ mudell tiegħu biss jekk il-kreazzjoni intellettwali personali, li tagħti lok għall-protezzjoni tad-dritt tal-awtur għal dak il-mudell, tibqa’ dejjem inkorporata fl-identikit. Bħala regola, jidher loġiku li dan għandu jkun il-każ meta l-identikit ikun ġie prodott abbażi tal-immaġini skanjata tar-ritratt li serva ta’ mudell tiegħu. Madankollu, fil-każ meta identikit, intiż li juri l-apparenza li suppost għandu adult ta’ 18-il sena, ikun ibbażat fuq immaġini ta’ tifel jew tifla ta’ għaxar snin, ma jistax jiġi eskluż li l-fatturi li jagħtu lok għall-kreazzjoni intellettwali personali fil-mudell ikunu ġew il-biċċa l-kbira eliminati waqt il-produzzjoni tal-identikit. Pereżempju, jekk ir-ritratt ta’ persuna jkun użat biss sabiex jiġu rilevati l-karatteristiċi bijometriċi ta’ persuna u jiġi sussegwentement stabbilit identikit abbażi ta’ dawn il-karatteristiċi, il-pubblikazzjoni ta’ dan l-identikit ma tkunx tikkostitwixxi riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29.

130. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-qafas stabbilit mid-Direttiva 2001/29, naħseb li l-punt dwar x’inhu l-livell ta’ attività kreattiva tal-identikit u jekk dan huwiex xogħol li huwa protett fih innifsu mid-dritt tal-awtur, ma huwiex kriterju rilevanti awtonomu. Madankollu, iktar ma l-identikit jitbiegħed mill-mudell, iktar ikun faċli li jiġi kkunsidrat li fl-identikit, il-fatturi li jikkonferixxu lill-mudell il-karatteristika ta’ kreazzjoni intellettwali personali, ikunu tnaqqsu sa tali livell li ma jkunux iktar sinjifikattivi u li għalhekk ma għandhomx jibqgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

131. Fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li, filwaqt li tirreferi għal dawn il-punti, teżamina jekk il-pubblikazzjoni tal-identikit hijiex riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29.

c)      Konklużjoni

132. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li ritratt ta’ persuna jibbenefika mill-protezzjoni tad-dritt tal-awtur skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 (tad-Direttiva 2006/116) jekk dan ikun kreazzjoni intellettwali oriġinali tal-fotografu, li jkun il-każ jekk dan, filwaqt li juża l-marġini ta’ kreazzjoni artistika disponibbli, jagħti rtokk personali lir-ritratt ta’ persuna.

133. It-tieni nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubblikazzjoni ta’ identikit, li jkun ġie stabbilit abbażi ta’ ritratt ta’ persuna protett mid-dritt tal-awtur, tikkostitwixxi riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 meta l-fatturi li jagħtu lill-mudell il-karatteristika ta’ kreazzjoni intellettwali oriġinali, jkunu jinsabu wkoll fl-identikit.

B –    Fuq it-tielet domanda preliminari

134. It-tielet domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-possibbiltà ta’ restrizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjoni għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku meta l-użu jsir għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika jew biex jiġi żgurat it-tħaddim tajjeb tal-proċeduri amministrattivi, parlamentari jew ġudizzjarji, jew biex l-imsemmija proċeduri jkollhom rappurtaġġ adegwat.

135. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, dwar il-kwistjoni jekk l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu tirrikjedix li tkun saret sejħa konkreta, attwali u espressa mill-awtoritajiet ta’ siġurtà biex ir-ritratti inkwistjoni jiġu ppubblikati, jiġifieri jekk ir-ritratt għandux ikun ippubblikat għal raġunijiet ta’ investigazzjoni fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet. Fl-ipoteżi fejn xejn minn dan ma huwa neċessarju, tqum id-domanda, it-tieni nett, jekk il-medja tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 anki fil-każ fejn din tiddeċiedi minn rajha, mingħajr avviż ta’ tfittxija mill-awtoritajiet, li dawn ir-ritratti għandhom jiġu ppubblikati “fl-interess tas-sigurtà pubblika”. It-tielet nett, jekk dan ma huwiex possibbli, tqum id-domanda jekk huwiex biżżejjed, għall-finijiet tal-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29, li l-medja tiddikjara a posteriori li r-ritratti ġew ippubblikati għall-finijiet ta’ investigazzjoni, jew jekk, fi kwalunkwe każ, huwiex meħtieġ li ssir sejħa konkreta lill-qarrejja fejn jintalbu jikkontribwixxu biex jagħtu informazzjoni dwar ksur ta’ liġi kriminali u li din is-sejħa tkun ġiet direttament assoċjata mal-pubblikazzjoni tar-ritratt.

1.      Argumenti prinċipali tal-partijiet fil-proċeduri

136. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol huma tal-fehma li l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 japplika biss jekk l-awtoritajiet ta’ sigurtà jkunu għamlu sejħa konkreta, attwali u espressa biex ir-ritratti inkwistjoni jiġu ppubblikati. Huma jirrilevaw li d-deċiżjoni dwar l-użu, u kif isir tali użu, ta’ din il-possibbiltà ta’ restrizzjoni, tappartjeni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti amministrattivi u ġudizzjarji. Il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika tifforma parti mill-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet pubbliċi u għalhekk huma dawn tal-aħħar li għandhom jiddeċiedu f’liema medja u f’liema forma jistgħu jiġu ppubblikati ritratti għall-finijiet ta’ investigazzjoni. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-fatt li d-Direttiva 2001/29 hija intiża sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fuq kreazzjonijiet intellettwali, jiffavorixxi din l-interpretazzjoni. Li kieku l-medja setgħu jipprevalixxu ruħhom mill-fatt li ritratt ikun ġie ppubblikat għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, huma jkunu jistgħu jisfruttaw faċilment xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur mingħajr ma jkunu kisbu l-kunsens tal-awtur. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 jeżiġi li l-pubblikazzjoni tar-ritratti tkun akkompanjata minn sejħa biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Ma huwiex biżżejjed li l-medja ssostni, a posteriori, li r-ritratti ġew ippubblikati għall-finijiet ta’ investigazzjoni.

137. Kuntrarjament, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-medja tista’ tipprevalixxi ruħha mill-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 anki fil-każ meta ma jkun sar ebda avviż ta’ tfittxija attwali u espress. Din id-dispożizzjoni ma fiha ebda indikazzjoni li sejħa konkreta u espressa mill-awtoritajiet ta’ sigurtà hija meħtieġa.

138. Il-bqija tal-argumenti tal-partijiet fil-proċeduri huma differenti.

139. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jenfasizzaw li l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 iħalli wkoll lill-Istati Membri l-possibbiltà li, sabiex jiżguraw it-tħaddim tajjeb tal-proċeduri amministrattivi, parlamentari jew ġudizzjarji, jawtorizzaw l-użu ħieles ta’ xogħlijiet. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 jirregola żewġ sitwazzjonijiet awtonomi u li, f’dan il-każ, hija involuta biss l-ipoteżi ta’ użu għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika.

140. Barra minn hekk, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li, meta l-immaġini jiġu ppubblikati fl-interess tas-sigurtà pubblika, il-medja tista’ tipprevalixxi ruħha direttament mill-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29. F’dan il-kuntest, huma jfakkru, b’mod partikolari, l-importanza tal-libertà tal-istampa. Meta tirrapporta sitwazzjoni u tagħmel investigazzjoni, il-medja għandha tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi b’mod liberu, u għalhekk, mingħajr il-bżonn ta’ sejħa mill-awtoritajiet. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni ta’ fatti fil-medja hija diġà biżżejjed sabiex twassal lill-qarrejja li jikkomunikaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji l-informazzjoni importanti li tixħet dawl fuq ir-reat.

141. Min-naħa tagħhom, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jirrilevaw li l-introduzzjoni ta’ eċċezzjonijiet u ta’ limitazzjonijiet minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika hija riżervata għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Madankollu, dawn tal-aħħar għandhom jirrispettaw il-qafas stabbilit mill-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 u t-tripla kundizzjoni. Għalhekk, il-medja ma tistax tiddeċiedi, skont id-diskrezzjoni tagħha stess, meta jeżisti periklu għas-sigurtà pubblika.

142. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li l-pubblikazzjoni tar-ritratti għandha tkun kemm meħtieġa għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, kif ukoll proporzjonata mal-għan ta’ sigurtà pubblika mfittex. Fil-każ meta l-awtoritajiet tal-pulizija jkunu talbu lill-medja li jippubblikaw ritratt, teżisti preżunzjoni kbira li l-użu jkun sar għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Min-naħa l-oħra, jekk ma teżistix rabta ċara bejn il-pubblikazzjoni tar-ritratt u tal-kliem li jakkompajnah u s-siġurtà pubblika, u l-editur jirrileva biss a posteriori li dan kien il-każ, ikun hemm suspett qawwi li, fil-fatt, l-użu ma kienx għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika.

143. Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li huwa biżżejjed jekk il-pubblikazzjoni tar-ritratti tkun oġġettivament ta’ natura li tikkontribwixxi sabiex tixħet dawl fuq reati.

2.      Analiżi ġuridika

144. Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, it-tielet domanda wkoll għandha tinqara fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat mill-Oberster Gerichtshof fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji (54). Fil-fatt, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li skont id-dritt nazzjonali, l-użu ħieles tar-ritratti inkwistjoni għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika ma kienx jirrikjedi sejħa espressa u preċedenti mill-awtoritajiet ta’ sigurtà sabiex l-immaġini jiġu ppubblikati. Għall-kuntrarju, kien biżżejjed li r-ritratti tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sigurtà sabiex jiġu ppubblikati u li, fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tagħhom, kien sar riferiment għall-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet kriminali, li kienu għadhom effettivament pendenti, sabiex jinxteħet dawl fuq ir-reati.

145. Permezz tad-domanda tagħha maqsuma fi tliet partijiet, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dan l-approċċ huwiex konformi mal-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29.

146. Qabel ma nirrispondiha, ser neżamina t-teknika leġiżlattiva użata fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva, u, għaldaqstant, fis-subparagrafu (e) tiegħu.

a)      Fuq it-teknika leġiżlattiva użata fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29

147. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi għal sensiela ta’ restrizzjonijiet għad-dritt tal-awtur. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 32 tal-imsemmija direttiva, din il-lista hija eżawrjenti peress li hija intiża sabiex tiżgura livell minimu ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tar-restrizzjonijiet awtorizzati. Għaldaqstant, il-kunċetti użati fl-Artikolu 5(3) tad-direttiva huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni.

148.  L-Artikolu 5(3) tad-direttiva jipprovdi sensiela ta’ restrizzjonijiet fakultattivi. L-Istati Membri jistgħu jadottaw ir-restrizzjonijiet imsemmija hemmhekk, iżda ma humiex obbligati li jagħmlu dan. Peress li l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jiddeċiedu jekk jadottawx jew le waħda mir-restrizzjonijiet enumerati fl-imsemmi subparagrafu (3), skont il-prinċipju qui potest majus, potest et minus, bħala regola, huma għandhom ukoll is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-modalitajiet konkreti ta’ din ir-restrizzjoni. Madankollu, huma għandhom josservaw ċerti kundizzjonijiet. Qabel xejn, ċerti setgħat ta’ restrizzjoni jħallu lill-Istati Membri liberi li jiddeċiedu jdaħħlux jew le restrizzjoni, iżda jimponu ċerti eżiġenzi minimi fl-ipoteżi fejn l-Istati Membri jagħmlu użu minn din is-setgħa. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom, fi kwalunkwe każ, josservaw it-tripla kundizzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29. Għalhekk huma awtorizzati li japplikaw ir-restrizzjonijiet biss f’ċerti każijiet speċjali (l-ewwel kundizzjoni), li ma jimminawx l-użu normali tax-xogħol (it-tieni kundizzjoni) u lanqas joħolqu preġudizzju mhux iġġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet (it-tielet kundizzjoni) (55). Barra minn hekk, kundizzjonijiet addizzjonali jistgħu wkoll jirriżultaw minn regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, mill-premessa 32 tad-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom b’mod koerenti.

149. L-Artikolu 5(3) tad-direttiva jipprovdi għalhekk qafas ġuridiku li Stat Membru għandu josserva. Madankollu, fil-kuntest tal-qafas impost, il-mod li bih Stat Membru jimplementa konkretament restrizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni jifforma parti mis-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

150. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(e) tad-direttiva, din tfisser li Stat Membru huwa marbut b’din id-dispożizzjoni safejn din tistabbilixxi l-limiti dwar x’jista’ jiġi kkunsidrat mill-Istat Membru bħala każ li jipperikola s-sigurtà pubblika li jista’ jiġġustifika eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, fi ħdan dawn il-limiti, l-Istat Membru għandu, bħala regola, id-diskrezzjoni li jiddeċiedi l-każijiet li fihom jikkunsidra li tkun iġġustifikata eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur.

b)      Fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari

151. Fid-dawl tat-teknika leġiżlattiva tal-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29, l-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk qorti ta’ Stat Membru teċċedix il-limiti imposti mill-Artikolu 5(3)(e) tad-direttiva meta, fl-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, tiddeċiedi li f’każ bħal dak preżenti ma hijiex meħtieġa sejħa attwali u espressa mill-awtoritajiet tas-sigurtà sabiex ikunu jistgħu jiġu ppubblikati ritratti protetti mid-dritt tal-awtur mingħajr il-kunsens tal-awtur tagħhom.

152. Fil-fatt, dan il-każ huwa kkaratterizzat mill-fatt li Natascha K. kienet ġiet imfittxa wara li nħatfet fl-1998 u li, għal din ir-raġuni, ir-ritratti inkwistjoni kienu disponibbli għand l-awtoritajiet tas-sigurtà sabiex jiġu ppubblikati. Min-naħa l-oħra, wara li Natascha K. inrexxielha taħrab mill-persuna li ħatfitha fl-2006, ma kien hemm ebda avviż ta’ tfittxija attwali u espress.

153. Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li skont il-kliem tal-Artikolu 5(3)(e) tad-direttiva, il-fattur determinanti huwa li l-eċċezzjoni jew ir-restrizzjoni magħmula għad-dritt ta’ riproduzzjoni tkun saret għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Għalhekk, il-kriterju rilevanti huwa jekk ir-riproduzzjoni hijiex oġġettivament opportuna biex jintlaħaq l-għan tas-sigurtà pubblika (56).

154. Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li avviz ta’ tfittxija intiż għas-sejbien ta’ persuna li tinħataf jew tal-persuna li tkun ħatfitha, għandu għan ta’ sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 5(3)(e) tad-direttiva.

155. Barra minn hekk, Stat Membru ma jeċċedix il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 5(3)(e) tad-direttiva jekk jikkunsidra li, minkejja li jkun għadda terminu ta’ żmien konsiderevoli wara l-ħruġ tal-avviż ta’ tfittxija, is-sigurtà pubblika tkun għadha affettwata. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-persuna mfittxa tinstab biss wara li jkunu għaddew diversi snin mill-avviz ta’ tfittxija.

156. Għalkemm, fil-passat, awtorità tas-sigurtà nazzjonali tkun ħarġet avviż ta’ tfittxija, u, f’dan il-kuntest, qassmet ritratti bil-għan li jiġu ppubblikati, madankollu, ir-restrizzjoni ma tistax tibqa’ tkun kkunsidrata opportuna sabiex tilħaq l-għan tas-sigurtà pubblika jekk dan l-avviż ta’ tfittxija jkun tilef l-għan tiegħu. Għalhekk huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika liema kienu l-għanijiet intiżi mill-avviż ta’ riċerka inizjali u jekk dawn l-għanijiet kinux diġà ntlaħqu minħabba l-ħarba ta’ Natascha K. u s-suwiċidju tal-persuna li ħatfitha, li seħħ immedjatament wara.

157. Jekk l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li dawn ir-riċerki kienu intiżi għal għanijiet oħra li ma kinux għadhom intlaħqu, bħal pereżempju it-tfittxija ta’ kompliċi potenzjali (57), hija jkollha sussegwentement tivverifika jekk il-pubblikazzjoni tar-ritratti inkwistjoni fil-ġurnali u fir-rivista setgħetx tikkontribwixxi oġġettivament għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet ta’ riċerka. Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li anki artikli fil-ġurnali li, minnhom infushom, ma jagħmlux talba għal informazzjoni jkunu oġġettivament ta’ natura li jikkontribwixxu għal investigazzjoni tal-awtoritajiet tas-sigurtà pubblika. Madankollu, l-artiklu għandu tal-anqas jistabbilixxi rabta ma’ investigazzjoni li tkun għadha għaddejja. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni tar-ritratti għandha tkun oġġettivament ta’ natura li tikkontribwixxi għal dawn l-iskopijiet oħra ta’ tfittxija. F’dan il-każ, huwa għalhekk il-kompitu tal-qorti nazzjonali li teżamina, b’mod partikolari, jekk il-pubblikazzjoni ta’ ritratti li kellhom iktar minn tmien snin u ta’ identikit tal-persuna maħtufa tistax tkun oġġettivament opportuna għas-sejbien ta’ kompliċi potenzjali, li ma kienx instab tmien snin qabel meta ntużaw l-istess ritratti.

158. Jekk, abbażi tal-kriterju msemmi iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 huma sodisfatti, hija għandha tivverifika wkoll jekk it-tripla kundizzjoni hijiex sodisfatta. F’dan il-każ, hija għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk it-tielet kundizzjoni hijiex adegwatament sodisfatta, jiġifieri li l-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt ma ġarrbux preġudizzju mhux iġġustifikat. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ jekk ir-riproduzzjoni tar-ritratti inkwistjoni kienet prinċipalment intiża biex tillustra artiklu fuq Natascha K., filwaqt li l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ riċerka tal-awtoritajiet pubbliċi tas-sigurtà assumiet importanza sekondarja meta mqabbla ma’ dak il-għan.

c)      Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda preliminari

159. Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-medja tistax tiddeċiedi, fuq l-inizjattiva tagħha stess, li ritratt huwa ppubblikat għal raġunijiet ta’ siġurtà pubblika, jiġifieri jekk il-medja tistax tibbenefika direttament mill-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29, u b’hekk “taqbeż” l-awtoritajiet kompetenti tas-sigurtà.

160. Għandha tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda.

161. Hekk kif irrilevajt iktar ’il fuq (58), l-Artikolu 5(3)(e) tad-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jipprovdu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt tal-awtur għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, Stat Membru ma huwa bl-ebda mod obbligat li jdaħħal tali restrizzjoni. Jekk idaħħalha, huwa jista’ jiddeċiedi dwar l-operat tagħha fil-kuntest tal-limiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, bħala regola, id-deċiżjoni dwar f’liema każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(3)(e) tad-direttiva, tkun iġġustifikata limitazzjoni għad-dritt tal-awtur, tifforma parti mis-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru.

162. Għalhekk, il-medja ma tistax tinvoka direttament l-Artikolu 5(3)(e) tad-direttiva sabiex tiġġustifika r-riproduzzjoni ta’ ritratti protetti mid-dritt tal-awtur, għaliex din id-dispożizzjoni ma hijiex biżżejjed preċiża u inkundizzjonata għal dan.

163. L-argument li l-konvenuti fil-kawża prinċipali setgħu, f’dan il-kuntest, jipprevalixxu ruħhom mill-libertà tal-istampa minħabba li kienu jeżistu limitazzjonijiet sabiex huma jirrapportaw avveniment, ma jreġix. L-Artikolu 5(3)(e) tad-direttiva jagħti lill-Istati Membri setgħat bil-għan li tiġi protetta s-sigurtà pubblika. Għalhekk, huwa ma għandux l-għan li jibbilanċja l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-libertà tal-istampa. Min-naħa l-oħra, dan l-ibbilanċjar huwa espress, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5(3)(c) (libertà tal-istampa) u (d) (kwotazzjoni libera) tad-Direttiva 2001/29 u għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-interpretazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

164. Għaldaqstant, bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-medja ma tistax tinvoka direttament l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 sabiex tiġġustifika r-riproduzzjoni ta’ ritratti protetti mid-dritt tal-awtur.

d)      Fuq it-tielet parti tat-tielet domanda preliminari

165.       Ma għandhiex tingħata risposta għat-tielet parti tat-tielet domanda preliminari peress li din id-domanda saret biss għall-każ fejn ir-risposta għat-tieni parti tingħata fl-affermattiv.

C –    Fuq it-tieni domanda preliminari

166. It-tieni domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni fil-każ ta’ kwotazzjonijiet magħmula, pereżempju, għal skopijiet ta’ kritika jew ta’ reviżjoni, safejn dawn jirrigwardaw xogħol li kien diġà sar disponibbli legalment għall-pubbliku. Kundizzjonijiet oħra huma li għandu jissemma s-sors, inkluż ukoll l-isem tal-awtur, sakemm dan ma jkunx sar impossibbli, u li l-użu tal-kwotazzjonijiet isir skont prattika ġusta u safejn ikun iġġustifikat biex jintlaħaq l-għan intiż.

167. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk din id-dispożizzjoni tistax tapplika wkoll meta l-artikolu tal-istampa li jagħmel kwotazzjoni ma huwiex, minnu innifsu, xogħol litterarju protett mid-dritt tal-awtur. It-tieni nett, hija tistaqsi dwar jekk id-dispożizzjoni tistax tapplika wkoll fil-każ meta l-isem tal-awtur jew tal-artist tax-xogħol ikkwotat ma jissemmiex.

1.      Argumenti tal-partijiet fil-proċeduri

168. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li t-tieni domanda preliminari hija inammissibbli fir-rigward tal-ewwel parti tagħha, peress li ma hijiex rilevanti għad-deċiżjoni għaliex il-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx jekk l-artikoli humiex protetti mid-dritt tal-awtur jew le.

169. Fir-rigward tal-mertu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Taljan isostnu li l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 hija prekluża meta l-artikolu tal-istampa li jikkwota xogħol ma jkunx, minnu innifsu, xogħol litterarju protett mid-dritt tal-awtur. Skont il-Gvern Taljan, din l-analiżi tista’ tkun ibbażata fuq il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk il-Gvern Taljan u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirreferu għall-għanijiet ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u remunerazzjoni adegwata għall-awtur.

170. Min-naħa l-oħra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jikkunsidraw li ma huwiex rekwiżit tal-Artikolu 5(3)(d) tad-diretttiva li l-artikolu tal-istampa li jagħmel kwotazzjoni jkun, minnu innifsu, xogħol litterarju protett mid-dritt tal-awtur, peress li d-dritt li wieħed jagħmel kwotazzjoni jista’ jkun iġġustifikat ukoll f’dan it-tip ta’ każ. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirreferi għall-kliem tad-dispożizzjoni u għall-fatt li l-eċċezzjonijiet enumerati fl-Artikolu 5 tad-direttiva huma eżawrjenti. Barra minn hekk, għandu jkun stabbilit ekwilibriju ġust bejn il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-interess li jsir użu liberu permezz ta’ kwotazzjoni.

171. Sussidjarjament, il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol jirrilevaw li anki artiklu tal-istampa qasir jista’ jiġi protett mid-dritt tal-awtur.

172. Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol, Taljan u dak Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni, jirrilevaw li l-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva ma japplikax meta l-isem tal-awtur jew tal-artist tax-xogħol ikkwotat, jew tal-materja l-oħra protetta li tiġi kkwotata, ma jissemmiex b’mod korrett, sakemm dan ma jkunx impossibbli. Il-Gvern Awstrijak jenfasizza l-kliem ċar tal-imsemmija dispożizzjoni.

173. Skont il-konvenuti fil-kawża prinċipali, din id-domanda hija inammissibbli peress li r-riposta diġà tirriżulta mill-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Fuq il-mertu, huma jirrilevaw li l-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva japplika wkoll fil-każ meta ma jissemmiex l-isem tal-awtur jew tal-artist, tax-xogħol ikkwotat, jew tal-materja l-oħra protetta li tiġi kkwotata. Barra minn hekk, lanqas ma kien possibbli li, fil-kors normali tal-affarijiet, jiskopru l-isem jew l-isem kummerċjali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-aġenzija minn fejn huma rċevew ir-ritratti inkwistjoni kienet, hi stess, irċeviethom xi żmien qabel mingħand il-pulizija, mingħajr ebda indikazzjoni, għall-finijiet ta’ tfittxija jew għal waqt konferenzi stampa.

174. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Taljan isostnu li l-fatt li l-konvenuti fil-kawża prinċipali rċevew ir-ritratti inwkistjoni permezz ta’ aġenzija tal-istampa ma eżonerahomx mill-obbligu li jindikaw l-awtur it-tajjeb.

175. Barra minn hekk, il-partijiet fil-proċeduri jifformulaw ukoll osservazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet Spanjol u Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni jenfasizzaw li din id-dispożizzjoni tapplika biss meta r-ritratti jintużaw bħala kwotazzjoni, jiġifieri meta jkollhom il-funzjoni li jiċċaraw is-suġġett tal-artiklu. Dan ma jkunx il-każ jekk huma jkunu ntużaw biss sabiex jattiraw l-attenzjoni tal-qarrej fuq l-artiklu.

176. Skont il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni, l-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva jista’ jawtorizza wkoll il-kwotazzjoni ta’ ritratti sħaħ meta din tkun meħtieġa fid-dawl tal-għan tal-kwotazzjoni. Madankollu, f’dan il-kuntest, it-tripla kundizzjoni tal-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva għandha importanza partikolari. Madankollu, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jiddubitaw jekk ġietx sodisfatta t-tripla kundizzjoni, b’mod partikolari l-ewwel u t-tielet kundizzjoni.

177. Min-naħa l-oħra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-kundizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva ġew sodisfatti wkoll. B’mod partikolari, il-pubblikazzjoni saret fil-kuntest ta’ prattika tajba, peress li l-konvenuti fil-kawża prinċipali rċevew ir-ritratti ppubblikati minn terzi persuni ta’ fiduċja. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt tal-libertà tal-espressjoni.

2.      Evalwazzjoni ġuridika

178. Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, it-tieni domanda preliminari għandha wkoll tiġi interpretata fid-dawl tal-pożizzjoni adottata mill-Oberster Gerichtshof fid-deċiżjoni tagħha fil-proċeduri għal miżuri provviżorji (59). Hemmhekk, l-Oberster Gerichtshof irrilevat li, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, kien possibbli li jsir użu liberu għal finijiet ta’ kwotazzjoni f’ġurnali u f’rivisti, iżda l-kwotazzjoni ta’ ritratti sħaħ kienet awtorizzata biss jekk din kienet meħtieġa għall-għanijiet tal-kwotazzjoni u jekk il-valur ekonomiku tar-ritratti ma jitnaqqasx b’mod sinjifikattiv.

a)      Fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari

179. Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk japplikax l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 meta l-medja, li tkun tinsab fiha l-kwotazzjoni, ma tibbenefikax hija stess mill-protezzjoni tad-dritt tal-awtur.

180. Id-domanda hija rilevanti għad-deċiżjoni tal-kontroversja fil-kawża prinċipali. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-konvenuti fil-kawża prinċipali, ma huwiex meħtieġ li l-qorti tar-rinviju l-ewwel tivverifika jekk l-artikli humiex protetti mid-dritt tal-awtur. It-talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE ma għandhiex, fil-fatt, natura sussidjarja, fis-sens li qorti nazzjonali għandha ssolvi l-kwistjonijiet kontenzjużi l-oħra kollha qabel ma tagħmel domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

181. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-possibbiltà ta’ restrizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva hija fakultattiva għall-Istati Membri u li, għalhekk, bħala regola, dawn għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedu dwar jekk idaħħlux jew le din ir-restrizzjoni fid-dritt nazzjonali tagħhom u dwar l-operat tagħha fi ħdan il-qafas impost mid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li, madankollu, josservaw ir-riżervi mqajma fil-punt 148 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

182. Għalhekk, id-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tiġi mifhuma fis-sens li din tixtieq tkun taf jekk Stat Membru joħroġx mill-qafas impost minn din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jekk, fid-dritt nazzjonali tiegħu, huwa ma jissuġġettax id-dritt ta’ kwotazzjoni għall-kundizzjoni li l-artiklu stess, li fih issir il-kwotazzjoni, ikun protett mid-dritt tal-awtur.

183. Din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

184. L-ewwel nett, il-kliem tal-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva ma jipprovdi ebda kundizzjoni restrittiva f’dan is-sens.

185. It-tieni nett, id-direttiva ma fiha l-ebda indikazzjoni oħra li tista’ twassal għal konklużjoni li teżisti tali kundizzjoni. Kuntrarjament, mis-sistema ġenerali tal-possibbiltajiet ta’ restrizzjoni kollha previsti fl-Artikolu 5(3) tad-direttiva, jirriżulta li dawn il-possibbiltajiet ta’ restrizzjoni ma huma bl-ebda mod ibbażati fuq l-idea fundamentali li restrizzjoni għad-dritt tal-awtur fuq xogħol tista’ teżisti biss għall-benefiċċju ta’ xogħol ieħor.

186. It-tielet nett, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni lanqas ma jiffavorixxi interpretazzjoni f’dan is-sens. Il-possibbiltà ta’ restrizzjoni skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-interess ta’ riflessjoni u diskussjoni libera. Għalhekk, b’mod iktar partikolari, hija intiża li tiżgura t-twettiq tal-libertà tal-espressjoni u tal-istampa. Issa, dikjarazzjonijiet li minnhom infushom huma protetti mid-dritt tal-awtur jistgħu ċertament jaqgħu taħt il-kamp ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali.

187. Ir-raba’ nett, il-Konvenzjoni ta’ Berna, li fuqha ġiet ibbażata l-possibbiltà ta’ restrizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva (60) u li għalhekk din id-direttiva għandha tiġi interpretata fid-dawl tagħha, ma tagħti lanqas l-iċken indikazzjoni favur tali interpretazzjoni restrittiva.

188. Il-ħames nett, it-tripla kundizzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-direttiva lanqas ma teżiġi li jkunu protetti biss kwotazzjonijiet f’xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur. F’dan ir-rigward, nista’, qabel xejn, nirreferi għall-argumenti li għadni kif semmejt. Barra minn hekk, ma jidhirx li kwotazzjonijiet f’xogħlijiet li ma humiex protetti mid-dritt tal-awtur jippreġudikaw b’mod iktar qawwi l-użu normali ta’ ritratt protett mid-dritt tal-awtur minn kwotazzjonijiet f’xogħlijiet litterarji protetti.

189. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ma hijiex kundizzjoni neċessarja tal-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva li l-artiklu stess, li fih tkun tinsab il-kwotazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikun protett mid-dritt tal-awtur.

190. Peress li l-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva jagħti għazla lill-Istati Membri, bħala regola, dawn tal-aħħar huma liberi li jħaddnu fid-dritt nazzjonali tagħhom id-dritt ta’ kwotazzjoni permezz ta’ qafas iktar restrittiv minn dak impost mid-dritt tal-Unjoni u din id-dispożizzjoni. Huma għandhom, madankollu, josservaw l-eżiġenzi l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa, b’mod partikolari.

b)      Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari

191. Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 tistax tapplika jekk l-awtur tar-ritratt ippubblikat ma jissemmiex fl-artiklu tal-istampa. Din id-domanda wkoll għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Stat Membru joħroġx mill-qafas stabbilit mill-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva jekk id-dritt nazzjonali jippermetti li ssir kwotazzjoni anki meta ma jkunx indikat l-isem tal-awtur tax-xogħol ikkwotat.

192. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-konvenuti fil-kawża prinċipali, id-domanda preliminari hija ammissibbli. Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li anki meta r-risposta għal domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, din ma hijiex inammissibbli, iżda tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ digriet.

193. Fir-rigward tal-mertu, id-domanda tinkludi żewġ aspetti. Peress li, skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva, l-isem tal-awtur għandu jiġi indikat biss meta dan ma jkunx sar impossibbli, qabel xejn tqum il-kwistjoni dwar meta teżisti impossibbiltà fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (i). Sussegwentement, għandha tiġi ttrattata l-kwistjoni dwar il-konsegwenzi ġuridiċi li għandhom jiġu previsti minn Stat Membru fil-każ li, għalkemm l-indikazzjoni ma kinitx impossibbli, l-isem tal-awtur ma jkunx ġie indikat (ii).

i)      Fuq l-impossibbiltà li jiġi indikat l-isem tal-awtur

194. L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 ma jiddefinixxix meta l-indikazzjoni tas-sors u tal-awtur tkun saret impossibbli.

195. Minn naħa, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jeżiġi impossibbiltà. Għalhekk, diffikultà eċċessiva ma hijiex biżżejjed. Dan jimplika kriterju ferm strett. L-għanijiet ta’ livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ remunerazzjoni xierqa, li jiffurmaw il-bażi tad-direttiva, ukoll jiffavorixxu tali interpretazzjoni (61). Barra minn hekk, mill-kliem “ma jkunx sar” (62), jirriżulta li l-persuna li tikkwota hija mistennija tagħmel tal-anqas ċertu sforz sabiex issir taf is-sors u l-isem tal-awtur.

196. Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt ta’ kwotazzjoni jservi sabiex jippermetti t-twettiq tal-libertà tal-espressjoni u tal-istampa. L-eżiġenzi ta’ impossibbiltà ma għandhomx ikunu daqshekk għolja jekk, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ kwotazzjoni jsir impossibbli meta l-awtur ma jkunx jista’ jiġi identifikat.

197. Barra minn hekk, il-punt dwar jekk kienx sar impossibbli li jiġi indikat l-awtur fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva għandu jiġi analizzat bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi kollha tal-każ konkret.

198. F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li r-ritratti inkwistjoni ntużaw fil-kuntest ta’ avviż ta’ tfittxija. Fil-fatt, f’dan it-tip ta’ każ, il-persuna li tixtieq tikkwota r-ritratt ma tistax tistrieħ sempliċiment fuq il-fatt li l-persuna li kienet materjalment fil-pussess tar-ritratt hija wkoll id-detentriċi tad-drittijiet fuqu. Barra minn hekk, f’dan it-tip ta’ każ, għandu jiġi mistenni mill-persuna li tixtieq tikkwota r-ritratt li din tagħmel verifiki jekk l-isem tal-awtur ma jirriżultax mir-ritratt. Fil-fatt, bħala regola ġenerali, l-isem tal-awtur ma jiġix indikat fuq ir-ritratti użati fil-kuntest ta’ tfittxija tal-pulizija.

199. It-tripla kundizzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-direttiva timplika wkoll l-eżistenza ta’ livell għoli ta’ responsabbiltà impost fuq il-partijiet konvenuti fil-kawża prinċipali. It-tieni u t-tielet kundizzjoni jirrikjedu li l-użu normali tax-xogħol ma jkunx ippreġudikat u li l-interessi leġittimi tad-detentur ta’ dritt ma jġarrbux preġudizzju mhux iġġustifikat. Din il-kawża hija kkaratterizzata mill-fatt li l-miżuri ta’ tfittxija tal-pulizija, jiġifieri miżuri għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, kienu diġà ppreġudikaw id-drittijiet tal-awtur tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li dawn il-miżuri kienu jinvolvu r-riproduzzjoni tar-ritratti inkwistjoni mingħajr il-kunsens tagħha u mingħajr ma ġiet indikata bħala l-awtriċi tar-ritratti. F’dan it-tip ta’ każ, sabiex id-dritt tal-awtur ma jiġix imċaħħad minn kwalunkwe sinjifikat, jiena tal-fehma li meta l-persuna li tixtieq tagħmel kwotazzjoni ma tkunx għamlet investigazzjonijiet hija stess, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li din tista’ targumenta li kien impossibbli li l-awtur jiġi indikat.

200. Mingħajr ma rrid nippreġudika l-evalwazzjoni li għadha trid tagħmel il-qorti tar-rinviju f’dan il-każ, naħseb li fid-dawl tal-indikazzjonijiet fattwali mogħtija fid-digriet tar-rinviju, huwa wisq probabbli li l-indikazzjoni tal-awtur mill-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kinitx saret impossibbli.

ii)    Fuq il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ nuqqas ta’ impossibbiltà

201. Jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonstata li l-indikazzjoni tal-isem tal-awtur ma kinitx saret impossibbli, sussegwentement tqum il-kwistjoni dwar x’inhuma l-konsegwenzi ġuridiċi li l-Istat Membru jrid jipprovdi dwarhom f’dan it-tip ta’ każ. Approċċ possibbli huwa li, f’każ bħal dan, il-pubblikazzjoni ma tkunx awtorizzata fin-nuqqas tal-kunsens tal-awtur. Is-soluzzjoni l-oħra possibbli hija li, f’każ bħal dan, il-pubblikazzjoni tibqa’ awtorizzata iżda l-awtur jista’ jeżiġi li ismu jiġi indikat.

202. Naħseb li l-uniku approċċ kompatibbli mal-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva huwa dak li jipprovdi li l-kwotazzjoni mingħajr indikazzjoni tal-isem tal-awtur u mingħajr il-kunsens tiegħu tikkostitwixxi pubblikazzjoni illegali.

203. L-ewwel nett, il-kliem tal-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva jiffavorixxi din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, dan jipprovdi li Stat Membru għandu l-għażla li jipprovdi għal dritt ta’ kwotazzjoni biss meta s-sors, inkluż l-isem tal-awtur, jiġi indikat. Dan iwassal lil wieħed biex jaħseb li din hija kundizzjoni obbligatorja li għandha tiġi osservata mill-Istat Membru li jagħmel użu mis-setgħa mogħtija lilu mill-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva.

204. It-tieni nett, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li din il-kundizzjoni hija msemmija f’din id-dispożizzjoni flimkien ma’ kundizzjonijiet oħra li, min-naħa tagħhom, huma manifestament obbligatorji. B’mod iktar speċifiku dawn huma l-kundizzjonijiet li l-kwotazzjonijiet għandhom isiru skont prattiċi tajba u safejn dawn ikunu ġġustifikati minħabba l-għan intiż.

205. It-tielet nett, l-għan u l-iskop ta’ din il-kundizzjoni jiffavorixxu din l-interpretazzjoni. Bħala regola, awtur għandu d-dritt li jiddeċiedi dwar l-użu li jista’ jsir mix-xogħol tiegħu. Huwa minnu li l-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva jippermetti lil Stat Membru li jillimita d-drittijiet tal-awtur fl-interess tal-libertà tal-espressjoni u tal-istampa. Madankollu, permezz tal-obbligu li jiġi indikat is-sors u l-isem tal-awtur huwa jfittex li jħalli lill-awtur kontroll minimu. Għalhekk, l-awtur għandu jkun jista’ jikkontrolla, fost affarijiet oħra, jekk l-użu li jsir mix-xogħol tiegħu jeċċedix il-limiti ta’ kwotazzjoni legali. Approċċ li jipprovdi li r-riproduzzjoni hija legali anki meta l-isem tal-awtur ma jiġix indikat u li dan jista’ jeżiġi biss li ismu jiġi indikat, jagħti lok għar-riskju li l-awtur ma jkunx jista’ jeżerċita dan il-kontroll b’mod effettiv. Fil-fatt, f’ħafna każijiet, jekk l-isem ma jiġix indikat, ikun hemm ir-riskju li l-awtur ma jiġix infurmat mill-użu li jsir mix-xogħol tiegħu.

206. L-argumenti esposti iktar ’il fuq jissuġġerixxu li l-indikazzjoni tal-isem għandha tkun kkunsidrata kundizzjoni obbligatorja tal-possibbiltà ta’ limitazzjoni skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni jimplika li riproduzzjoni ma tistax tkun legalizzata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni (63).

iii) Konklużjoni

207. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-qafas tal-kwotazzjoni libera definit mill-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva jkun inqabeż meta ma jiġix indikat l-isem tal-awtur ta’ ritratt anki jekk dan ma jkunx sar impossibbli. Din l-indikazzjoni ma tkunx saret impossibbli jekk il-persuna li tagħmel il-kwotazzjoni ma tkunx ħadet il-miżuri kollha li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ konkret, ikunu jidhru opportuni sabiex jiġi identifikat l-awtur.

c)      Osservazzjonijiet addizzjonali

208. It-tieni domanda preliminari tirrigwarda biss żewġ punti ta’ importanza fil-kuntest tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29. Peress li, fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tagħti lill-qorti tar-rinviju l-assistenza kollha li hija tikkunsidra meħtieġa għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali (64), nixtieq li, minbarra ż-żewġ aspetti mqajma mill-qorti tar-rinviju, nittratta tliet punti oħra dwar il-limiti tal-qafas impost mid-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 5(3)(d) u 5 tad-Direttiva 2001/29. Dawn jirrigwardaw, qabel xejn, il-kwistjoni dwar liema huma l-kundizzjonijiet li taħthom teżisti effettivament kwotazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 (i). Sussegwentement tqum id-domanda dwar jekk kwotazzjoni sħiħa tistax tikkostitwixxi kwotazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ii). Fl-aħħar nett, ser neżamina wkoll il-limiti imposti fuq din il-possibbiltà ta’ restrizzjoni minħabba l-kundizzjoni li l-użu jrid isir skont prattiċi tajba, kif ukoll minħabba t-tripla kundizzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva (iii).

i)      Kwotazzjoni, magħmula pereżempju għal skopijiet ta’ kritika jew ta’ reviżjoni

209. L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fil-każ ta’ kwotazzjonijiet magħmula għal skopijiet ta’ kritika jew ta’ reviżjoni. Għalhekk, il-fattur determinanti huwa li r-riproduzzjoni trid issir bl-għan ta’ kwotazzjoni.

210. Id-direttiva ma tispjegax il-kunċett ta’ kwotazzjoni. Skont is-sens attwali tal-kelma, il-karatteristika esterna determinanti ta’ kwotazzjoni hija li din tirriproduċi, mingħajr ebda modifikazzjoni, il-ħsieb ta’ ħaddieħor filwaqt li tidentifikah b’dan il-mod. L-eżempji mogħtija fl-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva, li jipprovdu li kwotazzjoni trid issir għal skopijiet ta’ kritika jew ta’ reviżjoni, juru li dan il-fatt, meħud waħdu, ma huwiex biżżejjed. Kuntrarjament, hija meħtieġa rabta ta’ sustanza max-xogħol ikkwotat, taħt il-forma ta’ deskrizzjoni, ta’ kummentarju jew ta’ evalwazzjoni. Għalhekk il-kwotazzjoni għandha sservi bħala bażi għal diskussjoni.

211. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, meta ppubblikaw ir-ritratti inkwistjoni, il-konvenuti fil-kawża prinċipali kellhomx tali għan. Madankollu, jekk il-kontenut tal-artikoli ma jkollux ir-rabta ta’ sustanza meħtieġa mar-ritratti, ma tkunx teżisti kwotazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva. B’mod speċjali, ir-ritratti ma jitqisux intiżi għal skopijiet ta’ kwotazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva meta dawn ikunu ġew użati biss bħala “lixka” sabiex jattiraw l-attenzjoni tal-qarrejja mingħajr ma jkunu ġew diskussi fit-test li jakkompanjahom.

ii)    Kwotazzjoni sħiħa

212. Barra minn hekk, tqum id-domanda dwar jekk l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 jinkludix ukoll kwotazzjonijiet sħaħ. Skont is-sens attwali ta’ dan it-terminu, bħala regola, kwotazzjoni hija biss estratt minn test. Madankollu, fir-rigward tar-ritratti, ma naħsibx li jista’ jiġi eskluż li anki kwotazzjoni sħiħa tista’ tkun kwotazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fir-rigward ta’ dawn it-tip ta’ xogħlijiet, jista’ fil-fatt ikun meħtieġ li dawn jiġu riprodotti b’mod sħiħ sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita r-rabta ta’ sustanza meħtieġa. Li kieku partijiet ta’ ritratti biss setgħu jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva, dan ikun jillimita b’mod kunsiderevoli l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tar-ritratti.

213. Peress li kwotazzjoni sħiħa timplika preġudizzju kunsiderevoli għad-dritt tal-awtur, il-kundizzjonijiet l-oħra, bħal dik li l-kwotazzjoni għandha ssir skont prattiċi tajba, kif ukoll it-tripla kundizzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-direttiva, għandhom importanza ferm partikolari.

iii) Kundizzjonijiet oħra

214. Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina wkoll jekk il-pubblikazzjoni tar-ritratti inkwistjoni hijiex konformi mal-prattiċi u tissodisfax it-tripla kundizzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-direttiva. F’dan il-kuntest, hija trid tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-kwotazzjoni sħiħa tar-ritratti inkwisjtoni fil-ġurnali, fir-rivisti u fuq is-siti tal-internet tal-konvenuti fil-kawża prinċipali naqqsitx, b’mod konsiderevoli, il-possibbiltajiet ta’ bejgħ u b’hekk tat lok għal dannu mhux iġġustifikat għall-interessi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

X –    Konklużjoni

215. Fir-rigward tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi d‑domanda preliminari kif ġej:

“1.      Il-kunċett ta’ rabta mill-qrib fil-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi, bħala kundizzjoni, sitwazzjoni fattwali waħdanija, kif ukoll rabta ġuridika mill-qrib biżżejjed bejn it-talba mressqa kontra l-konvenut domiċiljat fejn għandha s-sede tagħha l-qorti adita (talba li tankra) u t-talba l-oħra. F’każ bħal dak inkwistjoni, sitwazzjoni ta’ fatt ma tistax titqies waħdanija jekk l-atti inkwistjoni tal-konvenut fit-talba li tankra u dawk tal-konvenut fit-talba l-oħra jikkonsistu f’aġir parallel mhux miftiehem. Rabta ġuridika adegwata tista’ teżisti anki fil-każ fejn liġijiet nazzjonali differenti, li ma jkunux ġew kompletament armonizzati, ikunu applikabbli għaż-żewġ talbiet.

2.a)      L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jawtorizza l-kwotazzjoni ta’ xogħol mingħajr il-kunsens tal-awtur anki fil-każ fejn l-artiklu tal-istampa, li fih tkun tinsab il-kwotazzjoni, ma jkunx protett minn dritt tal-awtur.

2.b)      Barra minn hekk l-imsemmija dispożizzjoni teżiġi, b’mod imperattiv, li l-persuna li tikkwota ritratt protett minn dritt tal-awtur tindika l-isem tal-awtur tiegħu, sakemm dan ma jkunx sar impossibbli. Din l-indikazzjoni ma tkunx saret impossibbli jekk il-persuna li tagħmel il-kwotazzjoni ma tkunx ħadet il-miżuri kollha li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ konkret, ikunu jidhru opportuni sabiex jiġi indentifikat l-awtur.

3.a)      L-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ avviż ta’ tfittxija intiż għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, Stat Membru jista’ jippermetti li l-medja tirriproduċi ritratti protetti minn dritt tal-awtur anki mingħajr il-kunsens tal-awtur tagħhom sakemm l-għanijiet li t-tfittxija tkun intiża li tilħaq ma jkunux tilfu l-iskop tagħhom u sakemm r-riproduzzjoni tkun oġġettivament opportuna sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

b)      Il-medja ma tistax tinvoka direttament din id-dispożizzjoni biex tiġġustifika r-riproduzzjoni li tkun saret mingħajr il-kunsens tal-awtur.

4.     Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza t-tul taż-żmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati, u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati, ritratt ta’ persuna jgawdi mill-protezzjoni tad-dritt tal-awtur jekk dan ikun kreazzjoni intellettwali oriġinali tal-fotografu, li jkun il-każ jekk il-fotografu, filwaqt li juża l-marġini ta’ kreazzjoni artistika disponibbli, jagħti rtokk personali lir-ritratt ta’ persuna.

Il-pubblikazzjoni ta’ identikit, li jkun ġie stabbilit abbażi ta’ ritratt ta’ persuna protett mid-dritt tal-awtur, tikkostitwixxi riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 meta l-fatturi li jagħtu lill-mudell il-karatteristika tiegħu ta’ kreazzjoni intellettwali oriġinali, ikunu jinsabu wkoll fl-identikit.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż; lingwa tal-proċedura: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem magħruf ukoll bħala r-“regolament”.


3 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis (189/87, Ġabra p. 5565), u tat-13 ta’ Lulju 2006, Roche Nederland et (C-539/03, Ġabra, I‑6535) li, madankollu, jirrigwardaw id-dispożizzjoni preċedentement applikabbli, jiġifieri l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif ukoll tal-11 ta’ Ottubru 2007, Freeport (C-98/06, Ġabra p. I-8319).


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230, iktar ’il quddiem magħrufa wkoll bħala d-“direttiva”.


5 – Skont it-termini użati fit-Trattati UE u FUE, ser nuża t-terminu “dritt tal-Unjoni” bien ninkludi d-dritt Komunitarju u d-dritt tal-Unjoni. Meta, iktar ’il quddiem, nirreferi għal dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt primarju, ser nispeċifika d-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis.


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 141.


7 – ĠU L 372. p. 12.


8 – It-talbiet magħmula fil-kawża prinċipali jirrigwardaw ukoll id-distribuzzjoni tar-ritratti. Peress li dan il-punt ma huwiex rilevanti għall-finijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti, id-distribuzzjoni ma hijiex sejra tiġi eżaminata b’mod separat iktar ’il quddiem. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-possibbiltà li jiġu stabbiliti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet skont l-Artikolu 5(3)(d) u 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 hija limitata għall-Artikoli 2 u 3 tal-imsemmija direttiva, u għalhekk, ma tkoprix id-dritt ta’ riproduzzjoni skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.


9 – Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konkużjonijiet. Il-qorti tar-rinviju ma tpoġġix din id-domanda fir-rigward tal-ġurnali, ir-rivisti u s-siti tal-internet l-oħra.


10 – Iċċitata fin-nota 3.


11 – Fuq dan il-kunċett ara, C. Althammer, “Die Anforderungen an die ‘Ankerklage’ am forum connexitatis, Praxis des Internationalen Privat- und Verfahrensrechts 2006”, p. 558.


12 – Sentenzi Kalfelis (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 6 sa 12), u tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C-51/97, Ġabra I-6511, punti 47 et seq).


13 – Sentenzi Freeport (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 35) u tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage (C-103/05, Ġabra p. I‑6827, punt 23).


14 – Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ukoll ifittex għanijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju.


15 – Sentenza tal-4 ta’ Frar 1998, Hoffmann (C-145/86, Ġabra p. 645, punt 22).


16 – Sentenza Hoffmann (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 25).


17 – Għalhekk, l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Roche Nederland et (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 107 sa 110) esprima l-preferenza tiegħu għal interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Fis-sentenza tagħha f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet miftuħa l-kwistjoni dwar jekk din l-opinjoni kellhiex tiġi segwita. Madankollu, mis-sentenza Freeport (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax serjament l-adozzjoni ta’ dan l-approċċ restrittiv.


18 – Ara, b’mod partikolari, id-dispożizzjoni dwar il-lis pendens, jiġifieri l-Artikolu 27 tar-regolament.


19 – Ara l-premessa 17 tar-regolament u s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C‑406/92, Ġabra p. I-5439, punt 55).


20 – Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-regolament tista’ tkun vantaġġuża mill-perspettiva ta’ekonomija tal-ġudizzju.


21 – Fuq dan is-suġġett ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lèger fil-kawża Roche Nederland et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 109).


22 F’dan is-sens ara, H. Gaudemet-Tallon, “Compétence et exécution des jugements en Europe”, L.G.D.J., Pariġi, ir-raba’ edizzjoni, 2010, p 255.


23 – Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – Sentenza Tatry (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq, punt 58).


25 – F’dan is-sens, S. Leible, f’T. Rauscher, Europäisches Zivilprozessrecht, Sellier 2006, Art. 6, punt 8


26 – Sentenza Reisch Montage (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 29).


27 – Sentenzi Freeport (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 40) u Roche Nederland et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 26).


28 – F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li privattiva Ewropea tibqa’ rregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Kontraenti li fuqha hija tkun inħarġet (teorija msejħa “tas-sorra”). Minħabba dan, kwalunkwe azzjoni għal ksur ta’ privattiva Ewropea kellha tiġi eżaminata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fi-seħħ f’dak il-qasam. Minn dan irriżulta li, meta diversi qrati ta’ Stati Membri differenti kienu aditi b’azzjonijiet għal ksur ta’ privattiva Ewropea maħruġa f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri kontra konvenuti domiċiljati f’dawk l-Istati Membri għal fatti allegatament kommessi fuq it-territorju tagħhom, divergenzi eventwali bejn id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati inkwistjoni ma kinux jiffurmaw parti mill-kuntest tal-istess sitwazzjoni ta’ dritt. Għal din ir-raġuni, is-sitwazzjoni ta’ dritt ma kinitx komparabbli. Fin-nuqqas ta’ sitwazzjoni ta’ dritt komparabbli, f’dawn it-tip ta’ każijiet, ma kienx hemm riskju ta’ deċiżjonijiet inkompatibbli.


29 – Sentenza Freeport (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 38).


30 – Sentenza Freeport (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna  3, punt 41).


31 – A. Kur, “A Farewell to Cross-Border Injunctions? The ECJ Decisions GAT v. Luk and Roche Nederland v. Primus and Goldenberg”, International Review of Intellectual Property and Competition Law 2006, p. 844, 849 et seq; M. Wilderspin, “La competence juridictionnelle en matière de litiges concernant la violation des droits de propriété intellectuelle”, Revue critique de droit international privé 2006, p. 777, 791 et seq; P. Schlosser, “Ammerkung zu EuGH, Urteil v. 13.7.2006 – Rs C-539/03 Roche Nederland BV u.a. / Primus u Goldenberg” Juristenzeitung 2007, p. 303, 305 et seq; H. Muir Watt, f’U. Magnus, P. Mankowski, Brussels I Regulation, Sellier 2007, Art. 6 punt 25a. F’dan il-kuntest, għandu jingħad li, b’reazzjoni għas-sentenza Roche Nederland et, il-European Max Planck Group for Conflict of Laws in Intellectual Property (http://www.ip.mpg.de/shared/data/pdf/clip_brussels_i_dec_06_final.pdf, p. 11) ippropona li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi emendat b’tali mod li dawn it-tip ta’ każijiet ikunu jaqgħu taħt ġurisdizzjoni għal azzjonijiet relatati.


32 – Ferm kritiku, A. Kur, iċċitat iktar ’l fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, p. 850, li jikkwalifika dan l-argument bħala “manifestament żbaljat”.


33 –      Riżultat ikun inkompatibbli, pereżempju, jekk qorti tiddeċiedi li konvenut, li huwa d-debitur prinċipali jew il-parti prinċipalment responsabbli, ma huwiex responsabbli għad-dejn jew għar-riparazzjoni, filwaqt li t-tieni qorti tiddeċiedi li l-konvenut l-ieħor, li huwa d-debitur in subsidium jew il-parti responsabbli in subsidium, ma huwiex responsabbli għad-dejn jew għar-riparazzjoni, għaliex hija tikkunsidra li huwa dan l-ewwel konvenut li huwa responsabbli.


34      Sentenza Freeport (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 40).


35 – H. Roth, “Das Konnexitätserfordernis im Mehrparteiengerichtsstand des Art. 6 Ziffer 1 EuGVO”, Die Richtige Ordnung - Festschrift für Jan Kroppholler, Mohr Siebeck 2008, p. 884, 887, jenfasizza l-kuntradizzjonijiet eżistenti bejn dawn iż-żewġ sentenzi. F’dan is-sens ara wkoll H. Gaudemet-Tallon, iċċitatat iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, p. 256-259.


36 – Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37 – Sentenza Roche Nederland et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 26 et seq).


38 – Ara, b’mod partikolari, M. Wilderspin, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, p. 791 u 792.


39 Huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li nżid li, fil-fehma tiegħi, il-biża mqajma mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 37 et seq tas-sentenza Roche Nederland et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3) li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-regolament f’din it-tip ta’ sitwazzjoni hija ta’ natura li taffettwa l-prevedibbiltà tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u tinkoraġġixxi prattika ta’ “forum shopping”, tista’ tiġi indirizzata billi tiġi osservata, b’mod rigoruż, il-kundizzjoni li għandha teżisti rabta mat-talba li tankra, hekk kif jiena nipproponi fil-punti 87 sa 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, bħala regola ġenerali, din ikollha l-konsegwenza li l-uniku forum komuni possibbli għat-talbiet kollha magħmula kontra kumpanniji tal-istess grupp huwa dak tas-sede tal-kumpannija parent, jekk din tiġi mħarrka flimkien mal-kumpanniji sussidjarji tagħha.


40 –      Ara l-punt 32 tas-sentenza Roche Nederland et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).


41 –      Idea simili hija espressa minn H. Roth, op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, p. 892 u 893.


42 – F’dan is-sens ara wkoll H. Roth, op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, p. 893.


43 –      Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) ; l-ewwel Protokoll Addizzjonali tal-20 ta’ Marzu 1952.


44 –      Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi (riveduta f’Pariġi fl-24 ta’ Lulju 1971 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979).


45 – Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46 – Sentenzi tat-28 ta’ Frar 1984, Einberger (294/82, Ġabra p. 1177, punt 6) u tas-16 ta’ Lulju 1992, Belovo (C-187/91, Ġabra p. I-4937, punt 13).


47 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C-5/08, Ġabra p. I-6569, punti 33 et seq). G. Schulze, f’“Schleichende Harmonisierung des urheberrechtlichen Werkbegriffs?”, Gewer Rechtsschultz und Urheberrecht 2009, p. 1019, jikkritika l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja li jipprovdi li l-eżistenza ta’ kreazzjoni intellettwali hija meħtieġa wkoll fir-rigward ta’ tipi ta’ xogħlijiet li l-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni tagħhom ma jkunux ġew armonizzati. F’dan il-każ, dan il-punt ma huwiex rilevanti, peress li l-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ ritratti ġew armonizzati fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 (tad-Direttiva 2006/116).


48 – Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 (tad-Direttiva 2006/116), l-Istati Membri jistgħu jipproteġu r-ritratti saħansitra iktar minn dak li jeżiġi d-dritt tal-Unjoni.


49 – Dan jirriżulta mill-premessa 17 tad-Direttiva 93/98.


50 – Ara s-sentenza Infopaq International (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 35), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/116.


51 – Ara A. Nordemann, f’U. Loewenheim, Handbuch der Urheberrechts, Beck, 2 ed. 2010, § 9 punt 149. M. Leistner, “Copyright Law in the EC: Status quo, recent case law and policy perspectives”, Common Market Law Review 2009, p. 847, 848 u 850, jirrileva li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 (tad-Direttiva 2006/116) għandu l-effett li jnaqqas il-kriterju iktar eżiġenti applikat f’xi Stati Membri sabiex jikkonformaw ruħhom mad-direttiva. Għalhekk, għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, ma huwiex meħtieġ li jsir tqabbil iktar dettaljat bejn, minn naħa, il-kriterju magħruf bħala “sweat of the brow” preżenti fis-sistemi ta’ common law, u għalhekk fis-sistemi ġuridiċi tar-Renju Unit u tal-Irlanda, u, min-naħa l-oħra, il-kriterju tal-“oriġinalità” u tas-“Schöpfungshöhe” applikat mis-sistemi ġuridiċi kontinentali.


52 – Il-kunċett ta’ riproduzzjoni fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 huwa tagħqid tal-kunċett ta’ riproduzzjoni fil-direttivi preċedenti. F’dan ir-rigward, ara J. Reinbothe, “Die EG-Richtlinie zum Urheberrecht in der Informationsgesellschaft”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht– Internationaler Teil 2001, p. 733, 736; S. Lewinsky, “Der EG-Richtlinienvorschlag zum Urheberrecht und zu verwandten Schutzrechten in der Informationsgesellschaft”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht – Internationaler Teil 1998, p. 637, 638.


53 – F’dan il-każ, l-iskanjar innifsu huwa att ta’ riproduzzjoni, li l-legalità tiegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29.


54 – Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55 – Fir-rigward tat-tripla kundizzjoni, ara l-konklużjoniet tiegħi fil-kawża Infopaq International (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt 134).


56 – Lil hinn mill-każ preżenti, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 5(3)(e) tad-direttiva ma jkoprix biss sitwazzjonijiet ta’ avviżi ta’ tfittxija.


57 – Dan huwa allegat mill-konvenuti fil-kawża prinċipali.


58 – Ara l-punti 148 sa 150 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59 – Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konlużjonijiet.


60 – Ara l-Artikolu 10(1) tal-Kovenzjoni ta’ Berna.


61 – Ara l-premessi 4, 9 u 10 tad-Direttiva 2001/29.


62 – “[S]ich … erweist”, fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, “turns out to be” f’dik bil-lingwa Ingliża, “resulte” bl-Ispanjol, “blijkt” bl-Olandiż, “se revele” bil-Portugiż, “se … izkaže” bis-Sloven. Il-verżjoni Taljana “in caso di” hija inqas ċara.


63 – Ara wkoll f’dan is-sens, H.-P. Götting, f’U. Löwenheim, Handbuch des Urheberrechts, Beck 2010, § 32 punt 12.


64 Ara l-punt 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet.