Language of document : ECLI:EU:T:2011:605

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

19 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Pagamenti ta’ penalità – Adozzjoni, mill-Istat Membru, ta’ ċerti miżuri – Talba għal ħlas – Kompetenza tal-Kummissjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża T‑139/06,

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn E. Belliard, G. de Bergues u S. Gasri, sussegwentement minn E. Belliard, G. de Bergues u B. Cabouat, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. van Rijn, K. Banks u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer, T. Harris u C. Murrell bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 659 finali, tal-1 ta’ Marzu 2006, li fiha talba għall-pagamenti ta’ penalitajiet dovuti f’eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, Ġabra p. I‑6263),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Moavero Milanesi, President, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        B’sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑64/88, Ġabra p. I‑2727, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat u ddeċidiet dak li ġej:

“Billi ma żguratx, bejn l-1984 u l-1987, kontroll li jiggarantixxi r-rispett tal-miżuri tekniċi Komunitajri għall-preżervazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE), Nru 171/83, tal-25 ta’ Jannar 1983, kif ukoll mir-Regolament tal-Kunsill (KEE), Nru 3094/86, tas-7 ta’ Ottubru 1986, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE), Nru 2057/82, tad-29 ta’ Ġunju 1982, li jistabbilixxi ċerti miżuri ta’ kontroll għall-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti tal-Istati Membri, kif ukoll mill-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2241/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, li jistabbilixxi ċerti miżuri ta’ kontroll għall-attivitajiet tas-sajd.”

2        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentat, abbażi tal-Artikolu 228 KE, rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika Franċiża ma kkonformatx mal-obbligi imposti fuqha mis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991 u intiż sabiex tinkiseb il-kundanna għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità.

3        Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, Ġabra p. I-6263, iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat u ddeċidiet dak li ġej:

“1)      Peress li ma assiguratx kontroll ta’ l-attivitajiet tas-sajd skond il-ħtiġijiet previsti mid-dispożizzjonijiet komunitarji, u peress li ma assiguratx li l-ksur tar-regoli tal-attivitajiet tas-sajd jiġu segwiti skont il-ħtiġijiet previsti mid-dispożizzjonijiet komunitarji, u peress li ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991 […], ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 228 KE.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 57 761 250 għal kull perjodu ta’ sitt xhur mill-qari ta’ din is-sentenza sa meta s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991 […] ma tkunx ġiet eżegwita kompletament.

3)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, somma ta’ ħlas f’daqqa ta’ EUR 20 000 000.

4)      Ir-Repubblika Franċiża għanda tbati l-ispejjeż.”

4        Permezz tan-nota JUR JM 1128/2005, tad-29 ta’ Lulju 2005, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li huma kienu ħadu mill-2003 dwar it-tisħiħ tal-kontrolli fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd, b’mod partikolari fir-rigward tad-daqs regolamentari tal-qabda ta’ ħut, billi kkomunikawlha l-pjanijiet ta’ kontroll tas-sajd għas-snin 2004 u 2005.

5        Il-Kummissjoni rrispondiet lill-awtoritajiet Franċiżi bin-nota FISH/D/3/AC/mrh D(2005) 10572, tat-28 ta’ Settembru 2005, li fiha hija indikat li l-elementi ta’ informazzjoni pprovduti ma ppermettewlhiex tikkonstata l-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005. Permezz ta’ din l-istess nota, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jipprovdulha, fl-iqsar żmien possibbli, ċerta informazzjoni li hija qieset neċessarja sabiex tevalwa l-grad ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

6        L-awtoritajiet Franċiżi rrispondew għal din it-talba permezz tan-nota JUR SJ 1808/05, tal-15 ta’ Diċembru 2005.

7        Il-Kummissjoni qieset li dawn ir-risposti ma kinux kompleti u għaldaqstant ippreċiżat lill-awtoritajiet Franċiżi, permezz tan-nota FISH/D/3/AC/mhr D(2005), tat-23 ta’ Diċembru 2005, liema kienu d-dokumenti li kellhom jibagħtulha.

8        L-awtoritajiet Franċiżi rrispondew lill-Kummissjoni permezz tan-nota JUR SJ 42/06, tas-16 ta’ Jannar 2006.

9        Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet, bejn Ottubru u Diċembru 2005, ħames spezzjonijiet, fosthom tlieta għall-għarrieda. Ir-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet intbagħtu lill-awtoritajiet Franċiżi fil-21 u fit-23 ta’ Diċembru 2005.

10      L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn ir-rapporti permezz tan-nota JUR SJ 43/06, tas-16 ta’ Jannar 2006.

11      Permezz tan-nota JUR SJ 212/06, tal-15 ta’ Frar 2006, l-awtoritajiet Franċiżi aġġornaw id-data mibgħuta lill-Kummissjoni permezz tan-noti preċedenti tagħhom.

12      Barra minn hekk, iżżammew żewġ laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi, fit-18 ta’ Lulju u fit-12 ta’ Ottubru 2005.

13      Fl-aħħar, il-Kummissjoni pproċediet għal żewġ spezzjonijiet ġodda bejn is-7 u d-9 ta’ Frar 2006.

14      Ir-rapporti ta’ spezzjoni ntbagħtu lill-awtoritajiet Franċiżi fil-21 ta’ Frar 2006, li rreaġixxew għall-imsemmija rapporti permezz tan-nota AGRAP-RP/162/06, tas-7 ta’ Marzu 2006, iżda li ġiet indirizzata lill-Kummissjoni permezz tal-posta elettronika tal-24 ta’ Frar 2006.

15      Il-Kummissjoni qieset li r-Repubblika Franċiża ma kinitx wettqet eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005 u, konsegwentement, nnotifikata, fit-2 ta’ Marzu 2006, bid-Deċiżjoni C(2006) 659 finali, tal-1 ta’ Marzu 2006, li timponi l-ħlas tas-somma ta’ EUR 57 761 250 bħala eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Mejju 2006, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat dan ir-rikors.

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Settembru 2006, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talab li jintervjeni fil-proċedura preżenti insostenn tal‑Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Ottubru 2006, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ippreżenta n-nota tiegħu u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini stabbiliti.

18      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali ġiet mibdula, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u, konsegwentement, din il-kawża ġiet attribwita lill-imsemmija awla.

19      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali, u fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub, qabel is-seduta, għal domanda dwar l-influwenza eventwali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Marzu 2011, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (T‑33/09, Ġabra p. II‑1429), fuq il-kawża preżenti. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit li ma pparteċipax, u r-risposti tagħhom għad-domandi orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-12 ta’ Mejju 2011.

20      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż jew, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż tagħha stess.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba tar-Repubblika Franċiża;

–        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

22      Ir-Renju Unit, li intervjena insostenn tal-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali tiċħad dan ir-rikors.

 Id-dritt

23      Ir-Repubblika Franċiża tqajjem erba’ motivi, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tiġbor il-pagamenti ta’ penalità, fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-miżuri li hija ħadet sabiex tikkonforma mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, u fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha żżomm ammont inqas ta’ pagamenti ta’ penalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

24      Essenzjalment, ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li t-Trattati ma jattribwixxux lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex teħtieġ pagamenti ta’ penalità abbażi tal-Artikolu 228 KE u li l-uniku mod sabiex tipproċedi tkun il-preżentata mill-Kummissjoni ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġdid fuq il-bażi tal-Artikolu 226 KE.

25      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat KE ma jistabbilixxix ir-regoli għall-eżekuzzjoni tas-sentenza deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fi tmiem il-proċedura prevista mill-Artikolu 228 KE, speċjalment meta jiġi impost pagament ta’ penalità (is-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

26      Għalkemm huwa veru li l‑proċeduri stipulati fl-Artikoli 226 KE u 228 KE għandhom l-istess għan, jiġifieri dak li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal‑Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt illi dawn huma żewġ proċeduri distinti, intiżi li jilħqu dak l-għan b’mod differenti.

27      Fil-fatt, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 226 KE hija intiża sabiex tikkonstata u twaqqaf l-aġir ta’ Stat Membru li jikser id-dritt tal‑Unjoni (sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 27, u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑456/05, Ġabra p. I‑10517, punt 25), filwaqt li l-għan tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 228 KE għandu ambitu ferm iżgħar, peress li hija intiża biss sabiex tħajjar lil Stat Membru li naqas, sabiex jikkonforma ruħu ma’ sentenza li stabbilixxiet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, punt 80).

28      Minn dan isegwi li, la darba l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, permezz ta’ sentenza mogħtija skont l‑Artikolu 226 KE, in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq l-obbligi tiegħu, it‑tkomplija tan-negozjati bejn dan l-Istat Membru u l‑Kummissjoni ma jkollhiex iktar bħala suġġett l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li fil-fatt ikun diġà ġie kkonstatat mill-Qorti tal‑Ġustizzja, iżda l-kwistjoni jekk hemmx il‑kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tippreżenta rikors skont l‑Artikolu 228 KE (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja vs API u Il-Kummissjoni, C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 118 sa 120).

29      Fil-kawża preżenti, permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat il-ksur tal-Artikolu 228 KE mir-Repubblika Franċiża u kkundannatha sabiex tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 57 761 250 għal kull perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha tingħata din is-sentenza sakemm is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991 ma tkunx ġiet eżegwita kompletament.

30      Mid-dispożittiv tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005 jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja speċjali ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi prevista mill-Artikolu 228(2) K6E, simili għal mezz ta’ eżekuzzjoni (is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, punt 92), iddeterminat b’mod preċiż kemm l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità u kemm l-awtorità amministrattiva responsabbli għall-irkupru tiegħu.

31      B’osservanza tal-proċedura prevista mit-Trattat, wara rikors tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 226 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lir-Repubblika Franċiża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, permezz tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991. Wara rikors tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 228 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ din l-ewwel sentenza u kkundannat lir-Repubblika Franċiża għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa sabiex tħajjarha tikkonforma ruħha fl-iqsar żmien possibbli mas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991.

32      Skont l-Artikoli 226 KE sa 228 KE, id-determinazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-Istati Membri kif ukoll id-deċiżjoni dwar l-aġir tagħhom jistgħu jirriżultaw biss minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-191/95, Ġabra p. I-5449, punt 45; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 1981, Essevi u Salengo, 142/80 u 143/80, Ġabra p. 1413, punti 15 u 16). Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat b’mod ċar l-obbligi tar-Repubblika Franċiża fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, ikun kuntrarju għall-ispirtu tat-Trattat u tal-għan tal-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 228 KE jekk jiġi impost fuq il-Kummissjoni li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġdid, fuq il-bażi tal-Artikolu 226 KE.

33      Permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, minn naħa, is-somma f’daqqa li ġiet ikkundannata għaliha r-Repubblika Franċiża saret immedjatament dovuta, minħabba l-fatt li hija tissanzjona d-dewmien tal-awtoritajiet Franċiżi fl-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, u, min-naħa l-oħra, il-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità eventwali ġie suġġett għall-konstatazzjoni kull sitt xhur mill-Kummissjoni tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni kompleta tal-imsemmija sentenza. Is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, fil-kuntest tal-Artikolu 228 KE, tagħti kompetenza lill-Kummissjoni sabiex twettaq din il-konstatazzjoni b’mod awtonomu, u r-Repubblika Franċiża għandha l-possibbiltà li tikkontesta l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni permezz ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, kif kien il-każ fil-kawża preżenti. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika Franċiża għandha l-possibbiltà turi li l-Kummissjoni qabżet il-limiti tal-mandat mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja, u li miżuri speċifiċi ġew adottati, wara kull konstatazzjoni ta’ kull sitt xhur, sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991 li kkonstatat dan in-nuqqas.

34      Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif ippreċiżati mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), jipprovdu bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ irkupru ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa. Fil-fatt, skont is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tħallas pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”.

35      L-Artikolu 274 KE jipprovdi li, “[i]l-Kummissjoni għandha timplimenta l-budget, skond id‑disposizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skont l-Artikolu 279 KE”. Barra minn hekk, l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1605/2002 jipprovdi li l-uffiċjal li jawtorizza huwa responsabbli għall-implementazzjoni tad-dħul u b’mod partikolari, għall-istabbiliment tal-ammonti dovuti li għandhom jiġu rkuprati u l-ħruġ tal-ordnijiet tal-irkupru. Fl-aħħar, l-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 2342/2002 jippreċiża li meta l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli jistabbilixxi l-ammont li għandu jitħallas, il-Komunitajiet jgħoddu dan il-fatt bħala stabbiliment tad-dritt li jintalab ħlas mid-detentur.

36      Fil-kawża preżenti, l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli, jiġifieri l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, jivverifika l-eżistenza ta’ dan id-dejn u, wara li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar, jitlob il-ħlas mir-Repubblika Franċiża b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37      Fil-każ fejn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħtija taħt l‑Artikolu 228(2) KE, tikkundanna Stat Membru jħallas lill‑Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, pagamenti ta’ penalità u fejn, skont l‑Artikolu 274 KE, il-Kummissjoni timplementa l-baġit, hija għandha tirkupra l-ammonti dovuti lill-baġit tal-Unjoni b’eżekuzzjoni tas-sentenza, skont id-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti adottati bl-implementazzjoni tal-Artikolu 279 KE (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

38      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-Kummissjoni hija, bħala prinċipju, kompetenti sabiex titlob il-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja u, konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

39      Madankollu, ir-Repubblika Franċiża ppreċiżat, fir-risposta tagħha għad-domanda tal-Qorti Ġenerali u fis-seduta li, jekk il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tevalwa l-miżuri adottati mill-Istat Membru sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, “il-Kummissjoni [kellha] tillimita ruħha għall-massimu ta’ kontroll tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni manifest tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”.

40      F’dan ir-rigward, mill-punt 82 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni ma jaffettwax la d-drittijiet – u, b’mod partikolari, id-drittijiet proċedurali – tal-Istati Membri, kif jirriżultaw mill-proċedura stabbilita bl-Artikolu 226 KE u lanqas lill-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, fil-kuntest tat-tielet motiv imqajjem mir-Repubblika Franċiża, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-miżuri adottati, li jsir kontroll tar-rispett, mill-Kummissjoni, tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha stabbilit mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża

41      Ir-Repubblika Franċiża takkuża lill-Kummissjoni li ma tagħtiex il-possibbiltà li tgħarraf b’mod utli l-perspettiva tagħha, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, tal-ilmenti u taċ-ċirkustanzi allegati minnha. Hija tikkunsidra li, sabiex tkun f’pożizzjoni sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni kellha tindikalha liema kienu l-kriterji li hija kellha l-intenzjoni tuża sabiex tevalwa jekk hija kinitx wettqet eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005.

42      Minkejja li l-Artikolu 228 KE ma jispeċifikax it-terminu li fih għandha sseħħ l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-ħtieġa ta’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li din l-eżekuzzjoni tibda immedjatament u tintemm fl-iqsar żmien possibbli (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-121/07, Ġabra p. I-9159, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Mill-ispirtu tat-Trattat u mill-artikulazzjoni bejn l-Artikoli 226 KE u 228 KE jirriżulta li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas kif ukoll sentenza sussegwenti li tikkonstata n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni kompleta tal-ewwel sentenza għandhom jiġu kkunsidrati bħala qafas ġuridiku li jippermetti lil Stat Membru jiddetermina bi preċiżjoni l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tagħha sabiex jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni.

44      Wara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, ir-Repubblika Franċiża kellha tippreżenta lill-Kummissjoni r-riżultati konkreti, li rriżultaw minn miżuri antiki u minn miżuri eventwali ġodda, li jippermettu li tingħata risposta għall-ilmenti milqugħa mill-Qorti tal-Ġustizzja u juru b’hekk l-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991. Għalkemm irid dejjem ikun hemm sforzi sabiex ikun hemm djalogu kostruttiv bejn Stat Membru u l-Kummissjoni fil-kuntest tal-obbligu ta’ kooperazzjoni legali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, u li japplika kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kundanna ġdida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li l-Istat Membru jieħu l-inizjattiva sabiex jikkonforma mal-obbligi tiegħu fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u li jinforma lill-Kummissjoni fid-dawl tar-rwol tagħha ta’ istituzzjoni responsabbli għas-sorveljanza tal-implementazzjoni ta’ dan id-dritt mill-Istati Membri.

45      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżekuzzjoni tajba tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, il-kriterji ta’ evalwazzjoni użati għal dan il-għan ġew iddeterminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005. Barra minn hekk, dawn ġew spjegati mill-Kummissjoni waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Lulju 2005 kif ukoll fin-nota tat-28 ta’ Settembru 2005, jiġifieri f’terminu raġjonevoli ta’ ftit iktar minn xahrejn wara li ngħatat is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, u b’hekk l-awtoritajiet Franċiżi kienu ngħataw l-opportunità li jesprimu ruħhom darbtejn fuq il-kriterji kkunsidrati. F’kull każ, il-fatt li dawn tal-aħħar jikkunsidraw li ma setgħux jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fid-dawl tar-rilevanza ta’ dawn il-kriterji ma għandu l-ebda effett fuq il-fatt li huma ma wettqux eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, fid-dawl tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, wara l-ewwel skadenza ta’ sitt xhur.

46      L-ewwel spezzjonijiet seħħew f’Ottubru 2005, jiġifieri tliet xhur wara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, u r-rapporti dwar dawn l-ispezzjonijiet ġew ikkomunikati fit-tmiem ta’ Diċembru, jiġifieri f’terminu raġjonevoli ta’ xahrejn wara l-verifiki fuq il-post. Għandu jiġi rrilevat li t-talbiet għall-estensjoni tat-terminu tar-Repubblika Franċiża ġew milqugħa mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata finalment fl-1 ta’ Marzu 2006, jiġifieri xahar u nofs wara li skada l-ewwel terminu ta’ sitt xhur, stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Jannar 2006, u wara spezzjonijiet fuq il-post ġodda min-naħa tal-Kummissjoni, mingħajr ma r-Repubblika Franċiża talbet għal estensjoni oħra.

47      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata sabiex tikkoopera in bona fede mal-Istati Membri sabiex tiffaċilita l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma tistax tiġi akkużata bl-iskadenza, fil-kuntest ta’ dan id-djalogu, tal-ewwel terminu ta’ sitt xhur li fit-tmiem tiegħu Stat Membru għandu jħallas pagamenti ta’ penalità minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni kompleta ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

48      Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittitjiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-miżuri meħuda sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      Ir-Repubblika Franċiża tqis li wettqet eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005.

50      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, ikkonstatat in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991 dwar in-nuqqas tar-Repubblika Franċiża sabiex twettaq l-obbligi li hija għandha taħt id-dritt tal-Unjoni. Minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li kull miżura evokata mir-Repubblika Franċiża, kemm jekk għamlet dan quddiem il-Kummissjoni waqt l-ewwel evalwazzjoni ta’ sitt xhur jew kemm jekk quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija rilevanti biss fir-rigward tal-produzzjoni ta’ riżultati konkreti fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, li tippermetti li l-ilmenti milqugħa mill-Qorti tal-Ġustizzja jingħataw risposta. Fil-fatt, fit-12 ta’ Lulju 2005, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat il-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li żball ta’ evalwazzjoni eventwali tal-Kummissjoni kien ikun rilevanti biss kieku r-Repubblika Franċiża kienet ipproċediet għall-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991. Eżekuzzjoni parzjali kienet tkun mingħajr konsegwenza fuq l-impożizzjoni tal-pagamenti ta’ penalità, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod espliċitu li, fil-każ fejn is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991 ma tiġix eżegwita kompletament sitt xhur wara li ngħatat is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005 u għal kull perijodu ta’ sitt xhur segwenti, ir-Repubblika Franċiża jkollha tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 57 761 250. Fil-fatt, ir-Repubblika Franċiża kellha l-obbligu li teżegwixxi kompletament is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991 qabel it-12 ta’ Jannar 2006.

52      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-każ fejn il-Kummissjoni jkollha dubju serju u raġonevoli fir-rigward tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali, l-Istat Membru ma jistax jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta’ elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll affidabbli u li taħdem. Fil-fatt, dan l-Istat Membru għandu l-oneru li jippreżenta l-aħjar prova li tkun l-iktar iddettaljata u kompleta dwar ir-realtà ta’ dawn il-kontrolli u, jekk ikun il-każ, dwar l-ineżattezzi fl-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-387/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa iktar minnu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li huwa l-Istat Membru li għandu juri li huwa temm l-imsemmi nuqqas.

53      Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi pagamenti ta’ penalità fuq Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tevalwa l‑miżuri meħuda mill-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mas‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li l-Istat Membru li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ma jillimitax ruħu illi jadotta miżuri li fir-realtà jkollhom l-istess kontenut bħal dawk li kienu s-suġġett tas-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

54      Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni ma jaffettwa la d-drittijiet – u, b’mod partikolari, id-drittijiet proċedurali – tal-Istati Membri, kif jirriżultaw mill-proċedura stabbilita bl-Artikolu 226 KE u lanqas il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).

55      Konsegwentement, qabel ma tiġbor pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni hija marbuta tivverifika jekk l-ilmenti kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ sentenza bbażata fuq l-Artikolu 228 KE baqgħux jippersistu fid-data tat-terminu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja.

56      Fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħat ħames ilmenti mressqa kontra r-Repubblika Franċiża:

–        in-nuqqas ta’ kontrolli f’dak li jirrigwarda d-daqs minimu tal-malji tax-xbiek (punti 12 sa 15 tas-sentenza);

–        in-nuqqas ta’ kontrolli f’dak li jirrigwarda t-tqegħid max-xbiek ta’ ċerti strumenti pprojbiti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja (punti 16 u 17 tas-sentenza);

–        in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq l-obbligi ta’ kontroll fir-rigward tal-qabdiet supplimentari (punti 18 u 19 tas-sentenza);

–        in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq l-obbligi ta’ kontroll f’dak li jirrigwarda r-rispett tal-miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni li jipprojbixxu l-bejgħ tal-ħut ta’ daqs żgħir (punti 20 sa 23 tas-sentenza);

–        in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq l-obbligu li jipproċedi għal azzjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur (punt 24).

57      Fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-ilmenti li jistabbilixxu l-persistenza ta’ nuqqas tar-Repubblika Franċiża fil-leġiżlazzjoni Komunitarja;

–        in-nuqqas ta’ kontrolli (punti 44 sa 62);

–        in-nuqqas ta’ azzjonijiet (punti 69 sa 74).

58      Hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 32 sa 38 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93, tat-12 ta’ Ottubru 1993, li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 2, p. 70), jagħti indikazzjonijiet preċiżi dwar il-kontenut tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri u li jridu jkunu intiżi sabiex jiżguraw lilhom infushom bir-regolarità tal-ħarġiet ta’ sajd fl-għan ta’ prevenzjoni u repressjoni fl-istess ħin tal-irregolaritajiet eventwali u ta’ repressjoni ta’ dawn. Dan l-għan jimplika li l-miżuri implementati għandhom ikollhom karattru effettiv, proporzjonat u disważiv.

59      Għaldaqstant ir-Repubblika Franċiża ma tistax tallega b’mod validu li ma kellhiex konoxxenza preċiża tan-nuqqas u tal-miżuri li huma neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-leġiżlazzjoni Komunitarja kif ukoll l-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

60      Għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ressqitx provi suffiċjenti tal-persistenza taż-żewġ ilmenti milqugħa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005.

 Fuq in-nuqqas ta’ kontroll

61      Fil-punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata ġie rrilevat li s-sitwazzjonijiet u l-aġir li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata n-nuqqas tar-Repubblika Franċiża li twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fis-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1991 u tat-12 ta’ Lulju 2005 saru kontinwi fit-tmiem tas-sena 2005 u fil-bidu tas-sena 2006. Billi pproċediet hekk, il-Kummissjoni ma kkonstatatx nuqqas ġdid, iżda nuqqas ta’ bidla sinjifikattiva fil-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fiż-żewġ sentenzi preċedenti. Issa, sabiex teżegwixxi kompletament lis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, huwa neċessarju għar-Repubblika Franċiża li temenda l-aġir li wassal għan-nuqqas ta’ rispett tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li pproċediet għal dawn il-konstatazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata. Bil-kontra, dawn il-konstatazzjonijiet huma ta’ natura li jikkjarifikaw, jekk neċessarju, għall-awtoritajiet Franċiżi liema hu l-aġir li jwassal għall-kontinwità tan-nuqqas ikkonstatat fil-11 ta’ Ġunju 1991 mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi jippermettulhom jiddefinixxu l-miżuri neċessarji sabiex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom fil-futur.

62      Dan huwa iktar minnu peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, kienet enfasizzat il-gravità tal-ksur u, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq il-politika komuni tas-sajd. Fil-fatt, l-interess pubbliku huwa l-isfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi tal-baħar fuq bażi sostenibbli, f’kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali xierqa. F’dan il-kuntest, il-protezzjoni tal-frieħ huwa determinanti sabiex jerġgħu jiġu kkostitwiti l-ħażniet tal-ħut. In-nuqqas ta’ rispett tal-miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni previsti mill-politika komuni, b’mod partikolari l-ħtiġijiet dwar id-daqs minimu tal-ħut, għalhekk jikkostitwixxu perikolu serju għall-ħarsien ta’ ċerti speċi u ta’ ċerti postijiet tas-sajd u jipperikolaw it-tfittxija tal-għan essenzjali tal-politika komuni tas-sajd (is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, punt 105).

63      Ir-Repubblika Franċiża tikkontesta essenzjalment il-kwalità tal-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni, mingħajr ma tressaq l-ebda prova li dawn influwenzaw bi kwalunkwe mod il-prattika tas-servizzi Franċiżi kompetenti, u li kkontribwixxew b’hekk għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tan-nuqqas tal-integrazzjoni effikaċji tal-kontrolli fuq il-livelli differenti tal-qasam, b’mod partikolari minħabba cross-referencing sistematiku tad-data, ma tistax tiġi kkontradetta mill-affermazzjoni biss tar-Repubblika Franċiża li tipprovdi li dan il-cross-referencing ta’ data huwa “prattika regolari tas-servizzi”, b’referenza għaċ-ċirkolari tat-30 ta’ Mejju 2005.

64      Fil-fatt, il-konstatazzjonijiet, waqt spezzjoni mwettqa fis-suq ta’ Rungis f’Diċembru 2005, ta’ nuqqas ta’ kontroll tad-dokumenti ta’ trasport, li wassal sabiex issir magħrufa l-oriġini ta’ diversi lottijiet u sabiex jiġu ppjanati l-kontrolli bħala konsegwenza, u li, in-nuqqas waqt l-ispezzjonijiet f’Guilvinec, f’Loctudy, f’Saint Gilles Croix–de Vie u f’Cotinière ta’ Frar 2006, ta’ validazzjoni ta’ cross-referencing sistematika mill-ispetturi nazzjonali tal-ġurnal ta’ abbord, tad-dikjarazzjonijiet ta’ sbarkament u tan-noti ta’ bejgħ ma humiex direttament ikkontestati mir-Repubblika Franċiża. Issa, dawn il-konstatazzjonijiet huma suffiċjenti fihom infushom sabiex juru n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991 u sabiex irendu l-pagamenti ta’ penalità imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala dovuti, skont id-deċiżjoni kkontestata.

65      Hekk kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 51 u 52 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, dawn l-elementi jippermettu li tiġi kkonstatata l-persistenza ta’ prattika ta’ bejgħ ta’ ħut ta’ daqs żgħir fin-nuqqas ta’ intervent effettiv mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jippreżentaw grad ta’ kostanza u ta’ ġeneralità ta’ natura tali li tipperikola serjament, minħabba l-effett kumulattiv tagħha, l-għanijiet tas-sistema Komunitarja ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni ta’ riżorsi f’dak li jirrigwarda s-sajd.

66      Minn barra dan, ix-xebh u r-repetizzjoni tas-sitwazzjonijiet ikkonstatati fir-rapporti kollha jippermettu li jiġi konkluż li dawn il-każijiet setgħu jseħħu biss minħabba insuffiċjenza strutturali tal-miżuri implementati mill-awtoritajiet Franċiżi u, konsegwentement, minn nuqqas min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet li jwettqu l-obbligu li jipproċedu għall-kontrolli effettivi, proporzjonati u li jiddiswadu imposti fuqhom mil-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Il-konstatazzjonijiet tal-ispetturi tal-Kummissjoni waqt l-ispezzjonijiet ta’ Diċembru 2005 u ta’ Frar 2006, dwar in-nuqqas ta’ għarfien ta’ tekniċi elementari ta’ spezzjoni, in-nuqqas ta’ konoxxenza suffiċjenti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u n-nuqqas ta’ konoxxenzi tat-teknikalitajiet sabiex jittieħdu l-qisien tal-ħut u d-differenzi bijoloġiċi li jippermettu li ssir distinzjoni bejn l-ispeċi suġġetti għal-leġiżlazzjonijiet differenti, min-naħa tal-ispetturi Franċiżi, ma jistgħux jiġu kkontestati permezz tal-miżuri ta’ taħriġ adottati mir-Repubblika Franċiża qabel it-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-post.

68      Fil-fatt, għalkemm huwa probabbli li tali miżuri jistgħu jikkontribwixxu għall-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991 fil-futur, għandu jiġi rrilevat li, sitt xhur wara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kwalità tal-ispezzjonijiet kienet insuffiċjenti, mingħajr ma kien neċessarju li r-Repubblika Franċiża tressaq prova kuntrarja f’dan ir-rigward. In-nuqqas ta’ kontroll tal-ġurnal ta’ abbord, b’mod partikolari, irendi impossibbli li jsir paragun bejn il-kwantitajiet ta’ ħut li huma żgħar wisq ikkonstatati fid-dikjarazzjoni ta’ sbarkament u dawk li jidhru fin-nota ta’ bejgħ u jostakola li jiġi skopert ksur potenzjali.

69      Id-diffikultajiet li ltaqgħat magħhom il-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ħaddiema disponibbli f’kull ġurnata, assenjati għall-attivitajiet ta’ spezzjoni, kif ukoll sabiex tivverifika l-osservanza tar-rata ta’ spezzjoni ta’ 1 % tal-isbarkament ma humiex ikkontestati mill-argumenti tar-Repubblika Franċiża. Fil-fatt, il-kwistjoni ma hijiex dik tad-determinazzjoni ta’ ċifra teoretika tal-ħaddiema eventwalment disponibbli sabiex titwettaq spezzjoni iżda dik tan-numru reali ta’ spetturi kkwalifikati li wettqu spezzjonijiet sistematiċi fuq il-post waqt il-perijodu bejn it-12 ta’ Lulju 2005 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, dawn il-ħaddiema ma setgħux jiġu ddeterminati b’mod preċiż u r-rata ta’ spezzjoni ta’ 1 % tal-isbarkament, mument kruċjali fid-dawl tad-determinazzjoni tal-ħut ta’ daqs żgħir maqbud, tibqa’ insuffiċjenti għall-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991.

70      Fl-aħħar, u b’mod ġenerali, peress li l-Kummissjoni tipprovdi biżżejjed elementi li juru l-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jikkonstata b’mod sostanzjali u ddettaljat l-informazzjoni ppreżentata u l-konsegwenza tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Anke jekk jitqies li din l-informazzjoni diverġenti mressqa mir-Repubblika Franċiża kella tiġi kkunsidrata bħala indikatriċi tat-titjib tas-sitwazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-isforzi kkunsentiti ma humiex ta’ natura tali li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ġie kkonstatat (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq in-nuqqas ta’ azzjonijiet ta’ konstatazzjoni tal-ksur

72      Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Franċiża li ma ħaditx b’mod sistematiku azzjonijiet ta’ konstatazzjoni tal-ksur u li ma fasslitx rendikont iddettaljat tal-ispezzjonijiet imwettqa. B’hekk, fir-rigward tal-marlozz żgħir, l-ebda sanzjoni ma ġiet imposta wara l-proċessi-verbali stabbiliti għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u t-12 ta’ Jannar 2006 u dan il-fatt ma ġiex miċħud mill-awtoritajiet Franċiżi.

73      Fin-noti tagħha, ir-Repubblika Franċiża tesponi r-raġunijiet, marbuta mal-organizzazzjoni interna tagħha, li ostakolawha milli tipprovdi ċerta informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni, jiġifieri, pereżempju, il-konsegwenzi tal-proċeduri ġudizzjarji mibdija qabel l-2004, jew li obbligawha sabiex tipprovdi informazzjoni parzjali. Dawn l-ispjegazzjonijiet jikkonfermaw in-natura inkompleta tal-informazzjoni mibgħuta u, b’mod iktar ġenerali, l-inkapaċità tal-awtoritajiet Franċiżi sabiex juru l-effikaċja tas-sistema nazzjonali ta’ infurzar u ta’ sanzjonijiet fil-qasam tal-ksur tar-regoli li jirrigwardaw il-ħut ta’ daqs żgħir.

74      Issa, hekk kif stabbilixxiet diġà l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 70 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, peress li ġie stabbilit li l-ksur li seta’ jiġi kkonstatat mill-awtoritajiet nazzjonali ma ġiex irrilevat u li ma ġew stabbiliti ebda proċess-verbali kontra dawk li wettqu l-ksur, irid jiġi kkonstatat li l-imsemmija awtoritajiet naqsu milli jwettqu l-obbligu li jagħtu bidu għal azzjonijiet impost fuqhom mir-regoli Komunitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, punt 24).

75      F’dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl tal-elementi ddettaljati ppreżentati mill-Kummissjoni, l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi ma hijiex issostanzjata biżżejjed biex turi li l-miżuri li huma implementaw, għal dak li jirrigwarda l-azzjonijiet ta’ konstatazzjoni tal-ksur tar-regoli tas-sajd, kellhom il-karattru effettiv, proporzjonat u dissważiv meħtieġ sabiex jitwettaq l-obbligu tagħhom li jiżguraw l-effettività tas-sistema Komunitarja ta’ konservazzjoni u ta’ amministrazzjoni tar-riżorsi f’dak li jirigwarda s-sajd (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, punti 37, 38 u 73).

76      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta, minn naħa, li r-Repubblika Franċiża ma wrietx li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball ta’ evalwazzjoni u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tal-kompetenza tagħha, peress li, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, hija llimitat ruħha sabiex turi l-persistenza taż-żewġ ilmenti kkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Lulju 2005. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-obbligu tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi pagamenti ta’ penalità ta’ livell inqas

77      Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-isforzi tagħha sabiex teżegwixxi kompletament lis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005 u, konsegwentement, tnaqqas il-pagamenti ta’ penalità stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

78      Issa, fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li pagament ta’ penalità fiss għandu jitħallas wara kull sitt xhur mid-data li fiha tingħata s-sentenza sakemm is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991 ma tkunx ġiet eżegwita kompletament. Minn dan għandu jiġi dedott li l-eżekuzzjoni parzjali tal-imsemmija sentenza ma tagħtix dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità.

79      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod espliċitu “pagamenti ta’ penalità fissi” u mhux “pagamenti ta’ penalità li jonqsu”, hekk kif hija għamlet fis-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑278/01, Ġabra p. I-14141, punti 49 sa 62). Il-Kummissjoni, li hija marbuta bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant ma għandhiex kompetenza sabiex tnaqqas l-ammont ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità.

80      B’hekk, minkejja l-progress eventwali mwettaq mir-Repubblika Franċiża fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, din kienet għadha ma wettqitx, fl-1 ta’ Marzu 2006, eżekuzzjoni kompleta. Għaldaqstant, il-pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 57 761 250 jibqgħu kompletament dovuti.

81      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni sussidjarja ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas hija stess l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, għandu jiġi kkonstatat li l-iffissar eventwali ta’ pagament ta’ penalità u tal-ammont tiegħu fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, ikun kuntrarju għall-kompetenza tat-Trattat kieku l-Qorti Ġenerali tnaqqsu fil-kuntest ta’ rikors għal annullament. Fl-aħħar, l-Artikolu 229 KE jeżiġi li din il-ġurisdizzjoni tkun espliċita. Issa, dan ma jistax jiġi dedott, la mill-kliem tal-Artikolu 226 KE u lanqas minn dawk tal-Artikolu 228 KE.

82      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq l-obbligu tal-Kummissjoni li tiffissa pagamenti ta’ penalità inqas, u sussidjarjament fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex twettaq dan it-tnaqqis hija nnifisha għandu jiġi miċħud.

83      Għaldaqstant isegwi li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tal-istess regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

85      Peress li r‑Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall‑ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill‑Kummmissjoni Ewropea, kif mitlub minn din tal‑aħħar. Ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l‑ispejjeż tiegħu stess.

Moavero Milanesi

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Ottubru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.