Language of document : ECLI:EU:T:2011:605

Kawża T-139/06

Ir-Repubblika Franċiża

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Pagamenti ta’ penalità — Adozzjoni, mill-Istat Membru, ta’ ċerti miżuri — Talba għal ħlas — Kompetenza tal-Kummissjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza u li timponi pagamenti ta’ penalità — Kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tirkupra pagamenti ta’ penalità ffissati mill-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikoli 226 KE sa 228 KE, 274 KE u 279 KE)

2.      Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Terminu ta’ eżekuzzjoni

(Artikoli 226 KE u 228 KE)

3.      Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza u li timponi pagamenti ta’ penalità — Evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-miżuri adottati mill-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti

(Artikoli 226 KE u 228 KE)

4.      Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza u li timponi pagamenti ta’ penalità — “Pagamenti ta’ penalità fissi” u “pagamenti ta’ penalità li jonqsu” — Kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tnaqqas l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ffissati mill-Qorti tal-Ġustizzja — Assenza

(Artikoli 226 KE u 228 KE)

5.      Proċedura — Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali — Rikors għal annullament ippreżentat minn Stat Membru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffissa l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità dovuti sabiex tiġi eżegwita sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità — Assenza — Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikoli 226 KE, 228 KE u 229 KE)

1.      It-Trattat KE ma jistabbilixxix ir-regoli għall-eżekuzzjoni tas-sentenza deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fi tmiem il-proċedura prevista mill-Artikolu 228 KE, speċjalment meta jiġi impost pagament ta’ penalità. Għalkemm huwa veru li l-proċeduri stipulati fl-Artikoli 226 KE u 228 KE għandhom l-istess għan, jiġifieri dak li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt illi dawn huma żewġ proċeduri distinti, intiżi li jilħqu dak l-għan b’mod differenti. Fil-fatt, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 226 KE hija intiża sabiex tikkonstata u twaqqaf l-aġir ta’ Stat Membru li jikser id-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-għan tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 228 KE għandu ambitu ferm iżgħar, peress li hija intiża biss sabiex tħajjar lil Stat Membru li naqas, sabiex jikkonforma ruħu ma’ sentenza li stabbilixxiet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Minn dan isegwi li, la darba l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, permezz ta’ sentenza mogħtija skont l-Artikolu 226 KE, in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq l-obbligi tiegħu, it-tkomplija tan-negozjati bejn dan l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jkollhiex iktar bħala suġġett l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li fil-fatt ikun diġà ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-kwistjoni jekk hemmx il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tippreżenta rikors skont l-Artikolu 228 KE.

Skont l-Artikoli 226 KE sa 228 KE, id-determinazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-Istati Membri kif ukoll id-deċiżjoni dwar l-aġir tagħhom jistgħu jirriżultaw biss minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat b’mod ċar l-obbligi ta’ Stat Membru f’sentenza mogħtija skont l-Artikolu 228 KE, ikun kuntrarju għall-ispirtu tat-Trattat u tal-għan tal-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 228 KE jekk jiġi impost fuq il-Kummissjoni li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġdid, fuq il-bażi tal-Artikolu 226 KE.

Madankollu, jekk sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħtija taħt l-Artikolu 228(2) KE, tikkundanna Stat Membru jħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, pagamenti ta’ penalità u fejn, skont l-Artikolu 274 KE, il-Kummissjoni timplementa l-baġit, hija għandha tirkupra l-ammonti dovuti lill-baġit tal-Unjoni b’eżekuzzjoni tas-sentenza, skont id-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti adottati bl-implementazzjoni tal-Artikolu 279 KE.

Minn dak jirriżulta li l-Kummissjoni hija, bħala prinċipju, kompetenti sabiex titlob il-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punti 25-28, 32, 37 u 38)

2.      Minkejja li l-Artikolu 228 KE ma jispeċifikax it-terminu li fih għandha sseħħ l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li din l-eżekuzzjoni tibda immedjatament u tintemm fl-iqsar żmien possibbli. Mill-ispirtu tat-Trattat u mill-artikulazzjoni bejn l-Artikoli 226 KE u 228 KE jirriżulta li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas kif ukoll sentenza sussegwenti li tikkonstata n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni kompleta tal-ewwel sentenza għandhom jiġu kkunsidrati bħala qafas ġuridiku li jippermetti lil Stat Membru jiddetermina bi preċiżjoni l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tagħha sabiex jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 42 u 43)

3.      Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi pagamenti ta’ penalità fuq Stat Membru, fil-każ fejn il-Kummissjoni jkollha dubju serju u raġonevoli fir-rigward tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali, l-Istat Membru ma jistax jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta’ elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll affidabbli u li taħdem. Fil-fatt, dan l-Istat Membru għandu l-oneru li jippreżenta l-aħjar prova li tkun l-iktar iddettaljata u kompleta dwar ir-realtà ta’ dawn il-kontrolli u, jekk ikun il-każ, dwar l-ineżattezzi fl-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan huwa iktar minnu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li huwa l-Istat Membru li għandu juri li huwa temm l-imsemmi nuqqas. Fil-fatt, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tevalwa l-miżuri meħuda mill-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li l-Istat Membru li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ma jillimitax ruħu illi jadotta miżuri li fir-realtà jkollhom l-istess kontenut bħal dawk li kienu s-suġġett tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni ma jaffettwa la d-drittijiet – u, b’mod partikolari, id-drittijiet proċedurali – tal-Istati Membri, kif jirriżultaw mill-proċedura stabbilita bl-Artikolu 226 KE u lanqas il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju.

Konsegwentement, qabel ma tiġbor pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni hija marbuta tivverifika jekk l-ilmenti kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ sentenza bbażata fuq l-Artikolu 228 KE baqgħux jippersistu fid-data tat-terminu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punti 52-55)

4.      Jekk, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq il-bażi tal-Artikolu 228 KE, li pagament ta’ penalità fiss għandu jitħallas wara kull sitt xhur mid-data li fiha tingħata s-sentenza sakemm is-sentenza ma tkunx ġiet eżegwita kompletament, minn dan għandu jiġi dedott li l-eżekuzzjoni parzjali tal-imsemmija sentenza ma tagħtix dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità. Fil-fatt, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni b’mod espliċitu “pagamenti ta’ penalità fissi” u mhux “pagamenti ta’ penalità li jonqsu”, il-Kummissjoni, li hija marbuta bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant ma għandhiex kompetenza sabiex tnaqqas l-ammont ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità.

(ara l-punti 78 u 79)

5.      Fir-rigward ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas hija stess l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, l-iffissar eventwali ta’ pagament ta’ penalità u tal-ammont tiegħu fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, ikun kuntrarju għall-kompetenza tat-Trattat kieku l-Qorti Ġenerali tnaqqsu fil-kuntest ta’ rikors għal annullament. Fl-aħħar, l-Artikolu 229 KE jeżiġi li din il-ġurisdizzjoni tkun espliċita. Issa, dan ma jistax jiġi dedott, la mill-kliem tal-Artikolu 226 KE u lanqas minn dawk tal-Artikolu 228 KE.

(ara l-punt 81)