Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Cluj (ir-Rumanija) fis-17 ta’ Novembru 2020 – Happy Education SRL vs Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Cluj-Napoca, Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Cluj

(Kawża C-612/20)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Cluj

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Happy Education SRL

Konvenuti: Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Cluj-Napoca, Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Cluj

Domandi preliminari

L-Artikolu 132(1)(i), l-Artikolu 133 u l-Artikolu 134 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li servizzi edukattivi bħal dawk li jinsabu fil-programm nazzjonali “Școala după școală” (Skola wara l-iskola) jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizzi marbuta mill-qrib mal-edukazzjoni skolastika” meta jiġu pprovduti, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, minn organu privat, għal skopijiet kummerċjali u fl-assenza ta’ sħubija konkluża ma’ stabbiliment edukattiv?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, ir-rikonoxximent tar-rikorrenti bħala “organizzazzjoni li għandha skopijiet simili” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/11, jista’ jirriżulta minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali relatati mal-awtorizzazzjoni ta’ attivitajiet identifikati bil-kodiċi CAEN 8559 – “Forom oħra edukattivi” mill-Oficiul Național al Registrului Comerțului (l-Uffiċċju Nazzjonali tar-Reġistru tal-Kummerċ), kif ukoll min-natura ta’ interess ġenerali tal-attivitajiet ta’ programmi edukattivi tat-tip “Skola wara l-iskola”, li għandhom l-għan li jipprevjenu t-tluq mill-iskola u t-tluq bikri mill-iskola, li jżidu l-prestazzjoni fl-iskola, li jtejbu l-edukazzjoni ta’ dawk li jibqgħu lura, u li jħaffu t-tagħlim, l-iżvilupp personali u l-integrazzjoni soċjali?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.