Language of document : ECLI:EU:F:2013:170

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

5 ta’ Novembru 2013

Kawża F‑105/12

Brigitte Knöll

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-Europol — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kunratt — Rifjut li jingħata kuntratt għal żmien indeterminat — Annullament mit-Tribunal — Eżekuzzjoni tas-sentenza tat-Tribunal”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu B. Knöll titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2011 li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) ta s-somma ta’ EUR 20 000 sabiex jeżegwixxi s-sentenza tat-Tribunal tad-29 ta’ Ġunju 2010, Knöll vs Europol (F‑44/09, iktar ʼil quddiem is-“sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010”).

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2011 li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija ta lil B. Knöll is-somma ta’ EUR 20 000 sabiex jeżegwixxi s-sentenza tat-Tribunal tad-29 ta’ Ġunju 2010, Knöll vs Europol (F‑44/09), hija annullata. L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn B. Knöll.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Diffikultajiet partikolari — Kumpens ekwu għall-iżvantaġġ li rriżulta għar-rikorrenti mill-att annullat — Kundizzjonijiet

(Artikolu 266 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

Ir-regoli li jirrigwardaw l-implementazzjoni tas-sentenzi għal annullament għandhom ukoll jinqraw, b’mod partikolari fir-rigward ta’ sentenza dwar servizz pubbliku, fid-dawl tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u b’mod partikolari tal-ewwel paragrafu tal-imsemmi artikolu, dwar id-dritt ta’ kull persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni.

Huwa biss meta l-implementazzjoni ta’ sentenza għal annullament tippreżenta diffikultajiet partikolari li l-istituzzjoni kkonċernata tkun tista’ tieħu kull deċiżjoni li tkun ta’ natura li tikkumpensa b’mod ekwu l-iżvantaġġ li jirriżulta għall-persuni kkonċernati mid-deċiżjoni annullata u tkun tista’, f’dan il-kuntest, tistabbilixxi djalogu magħhom sabiex tipprova tasal għal ftehim li permezz tiegħu toffrilhom kumpens ekwu għall-illegalità li tagħha huma kienu l-vittmi.

Meta sentenza tal-qorti tal-Unjoni tannulla deċiżjoni tal-amministrazzjoni minħabba fil-ksur tad-drittijiet tad-difiża, hija l-amministrazzjoni kkonċernata li għandha turi li hija adottat il-miżuri kollha possibbli li jistgħu jinnewtralizzaw l-effetti ta’ din l-illegalità kkonstatata mill-qorti. L-amministrazzjoni ma tistax għaldaqstant tillimita ruħha li tiddikjara li ma huwiex iktar possibbli li l-vittma ta’ dan il-ksur ta’ dritt fundamentali titpoġġa fil-kundizzjonijiet li tkun tista’ tagħmel użu mid-drittijiet tagħha tad-difiża, b’mod partikolari minħabba l-fatt li hija stess adottat sussegwentement deċiżjonijiet, fl-istess qasam. L-aċċettazzjoni ta’ tali aġir tkun tfisser li l-obbligu li jiġi żgurat fl-ewwel lok ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u li tiġi implementata s-sentenza li kkonstatat il-ksur tagħhom, ma jkollu l-ebda valur. Huwa biss meta, minħabba f’raġunijiet li ma jirrigwardawx l-amministrazzjoni kkonċernata, huwa oġġettivament diffiċli, jekk mhux impossibbli, li l-effetti tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża ssanzjonati mis-sentenza għal annullament jiġu nnewtralizzati, li din tal-aħħar tkun tista’ tagħti lok għall-ħlas ta’ benefiċċju bħala kumpens.

(ara l-punti 39, 40 u 51)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Ġunju 2008, Andreas et vs BĊE, F‑15/05, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata