Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Marzu 2014 – Léon Van Parys vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-171/14)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Firma Léon Van Parys NV (Antwerpen, il-Belġju) (rappreżentanti: P. Vlaemminck, B. Van Vooren u R. Verbeke, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-ittra tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Jannar 2014, li tinforma lir-rikorrenti biż-żamma tas-sospensjoni tat-terminu previst mill-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93;

tistabbilixxi li l-Artikolu 909 tar-Regolament Nru 2454/93 kien kompletament applikabbli favur ir-rikorrenti wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-324/10 tad-19 ta’ Marzu 2013 fil-Każ REM/REC 07/07;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 907 u 909 tar-Regolament Nru 2454/93 1 , kif ukoll tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 41 dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba.

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni annullat ex tunc id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 2858, b’mod li l-perijodu ta’ disa’ xhur għall-ipproċessar tal-kawża kien skada u għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal maħfra.

Minn tal-inqas għandu jiġi kkunsidrat li hemm nuqqas ta’ kompetenza min-naħa tal-Kummissjoni sa fejn hija tissuġġerixxi miżuri li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju, liema miżuri huma intiżi li jikkonformaw id-deċiżjoni parzjalment annullata tagħha mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2013, fil-Kawża T-324/10. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, fir-rigward tal-kompetenza tagħha li tieħu miżuri għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza.It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93, kif ukoll tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 41 dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba, peress li l-Kummissjoni użat b’mod illeċitu l-possibbiltà li tintalab informazzjoni skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 sabiex tiġi evitata, jew minn tal-inqas posposta, l-applikazzjoni futura tal-Artikolu 909 tar-Regolament Nru 2454/93.