Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Bulgarija) fis-26 ta’ Ottubru 2023 – Proċeduri kriminali kontra IR

(Kawża C-644/23, Stangalov 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski gradski sad

Parti fil-proċeduri prinċipali

IR

Domandi preliminari

Hija konformi mal-Artikolu 9 u mal-Artikolu 8(4) u (2), ikkunsidrati flimkien, tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali 1 leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ l-ewwel sitwazzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 423(1) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), li tipprovdi li akkużat ikkundannat in absentia ma għandux dritt għal proċess ġdid fil-preżenza tiegħu meta jkun ħarab, wara li kien ġie informat matul il-fażi preliminari tal-proċess bl-elementi ġenerali tal-akkuża mressqa kontrih, u meta, preċiżament minħabba li jkun ħarab, ma setax jiġi nnotifikat bl-att ta’ akkuża u ma setax jiġi informat dwar il-proċeduri ġudizzjarji mressqa kontrih u dwar il-konsegwenzi tal-assenza tiegħu matul dawn il-proċeduri, u li tipprovdi wkoll li l-akkużat lanqas ma għandu dritt għal proċess ġdid fil-preżenza tiegħu meta jkun difiż minn avukat imqabbad ex officio, u dan anki jekk ma jkun hemm ebda konnessjoni bejnu u dan l-avukat?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343 u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jobbligaw jew jippermettu lill-qorti tar-rinviju tirrifjuta li teżamina l-fondatezza tal-akkuża mressqa kontra dan l-akkużat u tagħti sentenza in absentia kontrih meta tkun konvinta, abbażi ta’ motivi raġonevoli, li l-istanza ġudizzjarja suprema nazzjonali li għandha kompetenza esklużiva sabiex tiddeċiedi t-talba tal-akkużat ikkundannat in absentia għal proċess ġdid fil-preżenza tiegħu fil-kawża prinċipali, ma hijiex ser tilqa’ din it-talba u ma hijiex ser tiftaħ proċess ġdid sa fejn ma hijiex ser tapplika r-regoli previsti fl-Artikolu 9 u fl-Artikolu 8(4) u (2), ikkunsidrati flimkien, tad-Direttiva 2016/343, u ser tapplika minflok id-dritt nazzjonali, b’tali mod li ser iċċaħħad lill-akkużat ikkundannat in absentia mid-dritt tiegħu li jkun preżenti fil-proċedura kriminali, li huwa dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2016, L 65, p. 1.