Language of document : ECLI:EU:C:2017:504

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

29 ta’ Ġunju 2017 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Dazji tas-sisa fuq is-sigaretti – Direttiva 2008/118/KE – Eżiġibbiltà – Post u ħin tal-eżiġibbiltà – Marki fiskali – Moviment liberu tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Limitazzjoni ratione temporis tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-bejgħ ta’ pakketti tas-sigaretti – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑126/15,

li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-12 ta’ Marzu 2015,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Tomat u G. Braga da Cruz, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes u N. Silva Vitorino, kif ukoll minn A. Cunha, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn M. Jacobs u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ssuġġettat il-pakketti ta’ sigaretti li diġà ġew intaxxati u rrilaxxati għall-konsum f’sena speċifika għal projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni u bejgħ lill-pubbliku wara l-iskadenza tal-perijodu eċċessivament qasir previst fl-Artikolu 27 tal-Portaria Nru 1295/2007 tal-Ministério das Finanças e da Administração Pública (Digriet Nru 1295/2007 tal-ministeru għall-finanzi u għall-amministrazzjoni pubblika), tal-1 ta’ Ottubru 2007 (Diário da República, serje Nru 1, Nru 189, tal-1 ta’ Ottubru 2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal dan ir-rikors (iktar 'il quddiem id-“Digriet Nru 1295/2007”), ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 u tal-Artikolu 39(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għall dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12), u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Skont il-premessa 31 tad-Direttiva 2008/118:

“L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jipprovdu li l-oġġetti rilaxxati għall-konsum ikollhom marki fiskali jew marki ta’ identifikazzjoni nazzjonali. L-użu ta’ dawn il-marki m’għandu jostakola bl-ebda mod il-kummerċ intra-Komunitarju.

Peress li l-użu ta’ dawn il-marki m’għandux iwassal għal tassazzjoni doppja, għandu jiġi ċċarat li kwalunkwe ammont imħallas jew garantit biex jinkisbu dawn il-marki għandu jiġi rimborżat, maħfur jew rilaxxat mill-Istat Membru li ħareġ dawn il-marki jekk id-dazju tas-sisa jkun sar dovut u nġabar fi Stat Membru ieħor.

Madankollu, sabiex jiġi evitat kull abbuż, l-Istati Membri li ħarġu dawn il-marki għandhom ikunu jistgħu jagħmlu rimborż, maħfra jew rilaxx bil-kondizzjoni li tiġi ppreżentata evidenza li dawn tneħħew jew inqerdu.”

3        L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2008/118 jipprevedi:

“1.      Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-‘rilaxx għall-konsum’ għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

a)      it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

b)      iż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa barra minn arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx inġabar skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Komunitarju u l-leġislazzjoni nazzjonali;

ċ)      il-produzzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluża l-produzzjoni irregolari, barra minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

d)      l-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż l-importazzjoni irregolari, sakemm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqegħdux, immedjatament mal-importazzjoni, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.”

4        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Il-kondizzjonijiet tal-impożizzjoni tal-ħlas u r-rata tad-dazju tas-sisa li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data li fiha d-dazju jsir dovut fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum.”

5        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva:

“Barra mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 33(6), l-Artikolu 36(5), u l-Artikolu 38(3), kif ukoll dawk previsti fid-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1, id-dazju tas-sisa fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu ġew rilaxxati għall-konsum jistgħu, fuq talba tal-persuna kkonċernata, jiġu rimborżati jew maħfura mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn dawk il-prodotti ġew rilaxxati għall-konsum fis-sitwazzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri u skont il-kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu għall-fini tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni jew abbuż possibbli.”

6        L-Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkollhom marki fiskali jew marki nazzjonali ta’ identifikazzjoni użati għal finijiet fiskali fil-mument meta l-prodotti jiġu rilaxxati għall-konsum fit-territorju tagħhom, jew, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 33(1), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 36(1), meta dawn jidħlu fit-territorju tagħhom.

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu sabiex jiżguraw li dan l-Artikolu jiġi implimentat b’mod korrett u biex jevitaw kull tip ta’ evażjoni, ħrib jew abbuż, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-amrki [marki] fiskali jew il-marki ta’ identifikazzjoni nazzjonali kif stabbiliti fil-paragrafu 1 ma joħolqux ostakoli għall-moviment ħieles tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

[…]”

 Id-dritt Portugiż

7        L-Artikolu 106 tal-Código dos Impostos Especiais de Consumo (kodiċi dwar id-dazju tas-sisa, iktar 'il quddiem iċ-“CIEC”) jipprevedi:

“1.      Ir-rilaxx għall-konsum ta’ sigaretti huwa suġġett għal regoli ta’ limitazzjoni applikabbli matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena kalendarja.

2.      Matul il-perijodu msemmi fil-paragrafu preċedenti, ir-rilaxxi għall-konsum ta’ sigaretti, magħmula kull xahar minn kull operatur ekonomiku, ma jistgħu jaqbżu l-limiti kwantitattivi, li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ fattur ta’ żieda ta’ 10 % fi kwantità medja ta’ sigaretti kull xahar irrilaxxati għall-konsum matul it-12-il xahar immedjatament qabel.

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu preċedenti, il-kalkolu tal-medja ta’ kull xahar huwa bbażat fuq il-kwantità totali ta’ rilaxxi għall-konsum ta’ sigaretti, mhux eżentati, magħmula bejn l-1 ta’ Settembru tas-sena preċedenti u l-31 ta’ Awwissu tas-sena segwenti.

4.      Kull operatur ekonomiku għandu jipprovdi lill-uffiċċju doganali kompetenti, mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru ta’ kull sena, dikjarazzjoni inizjali li tindika l-medja fix-xahar tiegħu u li tistabbilixxi limitu kwantitattiv applikabbli fil-każ tiegħu matul il-perijodu ta’ limitazzjoni.

5.      F’ċirkustanzi eċċezzjonali, debitament iġġustifikati mill-bidla għal għarrieda u limitata ratione temporis tal-volum tal-bejgħ, in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija limiti kwantitattivi jista’ jiġi awtorizzat, għalkemm ma jkunux ittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-medja fix-xahar għas-sena segwenti.

6.      Wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ limitazzjoni u mhux iktar tard mill-aħħar ta’ Jannar ta’ kull sena, l-operatur ekonomiku għandu jipprovdi lill-uffiċċju doganali kompetenti dikjarazzjoni ta’ tneħħija tal-kwantità totali ta’ sigaretti effettivament irrilaxxati għall-konsum matul il-perijodu ta’ limitazzjoni.

7.      Il-kwantitajiet ta’ sigaretti li jaqbżu l-limitu kwantitattiv imsemmi fil-paragrafu 4 ikunu suġġett għal ħlas tat-taxxa bir-rata fis-seħħ fid-data tal-preżentata tad-dikjarazzjoni ta’ tneħħija meta l-eċċess huwa rrikonoxxut mill-konfrontazzjoni bejn l-elementi li jinsabu f’dan id-dokument u dawk ittrattati mill-amministrazzjoni, mingħajr preġudizzju, jekk ikun il-każ, tal-proċedura ta’ ksur li hija timponi.

8.      Ir-regoli previsti f’dan l-artikolu huma applikabbli b’mod individwali fil-Portugall kontinentali, fir-reġjun awtonomu ta’ Açores u fir-reġjun awtonomu ta’ Madeira, u l-obbligi previsti fil-paragrafi speċifikati għandhom jitwettqu fl-uffiċċju doganali fejn jiġu pproċessati r-rilaxxi għall-konsum.”

8        L-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/2007 huwa fformulat kif ġej:

“Għal-finijiet tal-Artikolu 93(7) tal-[CIES], il-prodotti tat-tabakk manifatturati jistgħu jkunu suġġetti għal kummerċjalizzazzjoni u ta’ bejgħ lill-pubbliku fit-termini li ġejjin:

a)      pakketti tas-sigaretti: sa l-aħħar tat-tielet xahar tas-sena segwenti għal dik li tinsab fuq it-timbru mwaħħal;

b)      tabakk imqatta’ fin sabiex jiġu rrumblati s-sigaretti u t-tabakk l-ieħor għat-tipjip: sa l-aħħar tas-sena segwenti għal dik li tikkorrispondi mat-timbru mwaħħal;

c)      sigarri u sigarri żgħar, sa l-aħħar tal-ħames sena segwenti għal dik li tinsab fuq it-timbru mwaħħal.”

9        L-Artikolu 109 tar-Regime Geral das Infrações Tributárias (arranġament ġenerali dwar ir-reati tat-taxxa), iktar 'il quddiem ir-“RGIT”) jipprevedi:

“1.      Il-fatti deskritti fl-Artikolu 96 ta’ din il-liġi ma jikkostitwixxux reat kriminali minħabba l-valur tal-provvista fiskali jew tal-merkanzija li kienet is-suġġett tar-reat jew, irrispettivament minn dawn il-valuri, meta huma r-riżultat ta’ negliġenza, huma punibbli b’multa ta’ EUR 500 sa EUR 165 000.

2.      Il-fatti li ġejjin huma punibbli b’multa minn EUR 250 sa EUR 165 000:

[…]

o)      jirrifjuta, ifixkel jew jimpedixxi l-kontroll tal-kundizzjonijiet tal-attività, b’mod partikolari ma jipprovdux lill-servizz ta’ kontroll l-informazzjoni prevista mil-liġi;

p)      jirrilaxxa għall-konsum, iżomm jew jikkummerċjalizza prodotti bi ksur tar-regoli dwar it-timbru, l-ippakkjar, iż-żamma jew il-kummerċjalizzazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-limiti kwantitattivi, stabbiliti mis-[CIEC] u l-leġiżlazzjoni kumplimentari;

[…]

4.      It-tentattiv huwa punibbli.”

10      Skont il-punt 4.2.9 tal-Kapitolu XII tal-manwal tad-dazju tas-sisa, il-prodotti li ma setgħux ikunu kkummerċjalizzat jew mibjugħa minħabba t-terminu msemmi fl-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/2007 jistgħu jkunu suġġetti għal rilaxx ġdid għall-konsum, billi jitwaħħlu timbri ġodda taħt kontroll doganali.

 Il-proċedura prekontenzjuża

11      Fit-23 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra r-Repubblika Portugiża taħt l-Artikolu 226 KE (li sar l-Artikolu 258 TFUE), billi bagħtet lil dan l-Istat Membru ittra ta’ intimazzjoni li fiha spjegat li din tal-aħħar kienet naqset milli twettaq l-obbligi li għandha taħt il-prinċipju ta’ proporzjonalità applikat fid-dawl tal-Artikolu 6 u l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Volum 1, p. 179), billi ssuġġetta l-prodotti tat-tabakk immanifatturati li diġà ġew intaxxati u rrilaxxati għall-konsum għal projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni u bejgħ wara perijodu definit tas-sena segwenti għal dik li tinsab fit-timbru fiskali mwaħħal, skont l-Artikoli 27 u 28 tad-Digriet Nru 1295/2007 (iktar 'il quddiem l-“ittra ta’ intimazzjoni tat-23 ta’ Novembru 2009”).

12      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Jannar 2010, ir-Repubblika Portugiża ċaħdet l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni.

13      Fl-4 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Portugiża ittra ta’ intimazzjoni komplementari.

14      Il-Kummissjoni tenniet il-pożizzjoni tagħha spjegata fl-ittra ta’ intimazzjoni tat-23 ta’ Novembru 2009, billi qieset li, essenzjalment, ir-Repubblika Portugiża ma ssodisfatx l-obbligi tagħha taħt il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll l-Artikolu 7, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9, l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2008/118, li sadanittant din tal-aħħar tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 92/12.

15      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Awwissu 2010, ir-Repubblika Portugiża ċaħdet mill-ġdid l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni.

16      Fit-22 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Portugiża opinjoni motivata li fiha hija kkonkludiet li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll l-Artikolu 7, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 u l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2008/118, billi suġġetta l-pakketti tas-sigaretti diġà intaxxati u rrilaxxati għall-konsum għal projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ bejgħ lill-pubbliku wara perijodi qosra wisq, previsti fl-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/2007, li tintemm fis-sena segwenti ta’ dik li tinsab fit-timbru fiskali. Il-Kummissjoni stiednet ukoll lir-Repubblika Portugiża sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn.

17      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2012, ir-Repubblika Portugiża wieġbet għal din l-opinjoni motivata billi sostniet, essenzjalment, li l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni kienet infondata.

18      Fil-31 ta’ Mejju 2013 il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Portugiża opinjoni motivata komplementari sabiex tikkoreġi xi żbalji li jinsabu fl-opinjoni motivata tat-22 ta’ Ġunju 2012, iżda li fiha essenzjalment l-istess konklużjoni bħal dik li tinsab f’din l-aħħar opinjoni. Il-Kummissjoni stiednet ukoll lir-Repubblika Portugiża sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata komplementari f’terminu ta’ xahrejn.

19      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Lulju 2013, ir-Repubblika Portugiża wieġbet għal din l-opinjoni motivata komplementari billi kkontestat, mill-ġdid, il-fondatezza tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

20      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 9 tar-Regolament Nru 2008/118 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

21      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, ladarba l-prodotti tat-tabakk huma rrilaxxati fis-suq, il-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni Ewropea ma tippermettix lill-Istati Membri jissottomettu dawn il-prodotti, minħabba d-data tar-rilaxx għall-konsum, għal dazju tas-sisa komplementari għat-taxxa dovuta jew li tiġi limitata d-distribuzzjoni għal raġunijiet fiskali. Issa, fil-Portugall, skont l-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007, il-pakketti tas-sigaretti li jkollhom it-timbru ta’ sena fiskali partikolari jistgħu jinbiegħu u jiġu kkummerċjalizzati biss sa l-aħħar tat-tielet xahar tas-sena segwenti għal dik li fiha jkunu rrilaxxati għall-konsum (iktar 'il quddiem il-“miżura kontenzjuża”).

22      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li, anki jekk din il-miżura ssegwi għan leġittimu, jiġifieri l-prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, hija ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

23      Fil-fatt, l-imsemmija miżura hija bbażata fuq il-preżunzjoni inkonfutabbli li l-pakketti kollha tas-sigaretti li ma humiex mibjugħa wara l-iskadenza tat-terminu għandhom jitqiesu bħala li ġew irrilaxxati għall-konsum fi kwantitajiet eċċessivi, fl-antiċipazzjoni taż-żieda tar-rata tas-sisa. Issa, billi ma tammettix il-possibbiltà li tiġi prodotta l-prova kuntrarja, din il-preżunzjoni tkun sproporzjonata mal-għan segwit.

24      Il-Kummissjoni żżid li l-miżuri previsti fl-Artikolu 106 tas-CIEC diġà jippermettu li jiġi llimitat l-ammont ta’ sigaretti li jistgħu jiġu rrilaxxati fis-suq Portugiż mill-istess operatur matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena kalendarja.

25      Skont il-Kummissjoni, sabiex il-miżura kontenzjuża tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan tal-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, iż-żieda fid-dazji tas-sisa fuq is-sigaretti għandha tkun pjuttost sinjifikattiva. Issa, id-dazju tas-sisa fuq is-sigaretti ma kienx żdied b’mod sostanzjali fl-aħħar snin fil-Portugall. Fil-fatt, Skont id-data fuq il-kategorija ta’ prezzijiet l-iktar popolari (CPMV), il-prezz għal kull 1 000 sigarett tela’ minn EUR 170 matul l-2009 għal EUR 195 fl-2014, li jirrappreżenta żieda ta’ 14.7 % fuq perijodu ta’ ħames snin, jiġifieri żieda ta’ EUR 3.4 għal EUR 3.9 għal pakkett ta’ 20 sigarett.

26      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li t-terminu previst mil-leġiżlazzjoni Portugiża ma jiħux kont biżżejjed tal-perijodi ta’ żamma tal-prodotti differenti lanqas tal-varjazzjoni staġjonali tad-dħul mill-bejgħ.

27      Fil-fatt, it-terminu previst fl-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007 huwa qasir wisq, b’mod partikolari għas-sigaretti ta’ marki inqas kbar, b’mod ġenerali, perijodu itwal huwa neċessarju sabiex iseħħ id-dħul mill-bejgħ mistenni. Il-Kummissjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 147) li tipprevedi li l-prodotti tat-tabakk barra s-sigaretti, li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, għad jistgħu jiġu kkummerċjalizzati għal sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, kontra sena għas-sigaretti. Hija tispjega li dawn it-termini ġew stabbiliti sabiex jirriflettu l-varjazzjoni staġjonali tad-dħul mill-bejgħ ta’ dawn il-prodotti.

28      Il-Kummissjoni tirrileva barra minn hekk li d-differenza li hemm bejn it-terminu ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ bejgħ tal-pakketti tas-sigaretti previst fl-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007, u t-termini ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ bejgħ tal-prodotti l-oħra tat-tabakk, previsti fl-Artikolu 27(b) u (c) ta’ dan id-digriet, turi n-natura sproporzjonata tal-miżura kontenzjuża.

29      Fit-tielet lok, skont il-Kummissjoni, din il-miżura twassal għal spejjeż u telf supplimentari għall-operaturi kummerċjali, peress li, wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007, l-unika is-soluzzjoni ekonomikament vijabbli disponibbli għalihom hija l-qerda tal-pakketti mhux mibjugħa, li jżid in-nuqqas ta’ proporzjon bejn l-għanijiet mressqa u l-effetti tal-miżura kontenzjuża.

30      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tqis li, għalkemm il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija għan leġittimu segwit mill-miżura kontenzjuża, din il-miżura tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Ir-Repubblika Portugiża ma wrietx kif din il-miżura kkontribwixxiet sa issa sabiex jitnaqqas il-konsum tat-tabakk.

31      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni ma tifhimx għaliex l-imsemmija miżura tista’ tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tat-tabakk u tiżgura d-dħul fiskali.

32      Fis-sitt lok, il-Kummissjoni tqis li s-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Portugiża għal nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/2007, li jistgħu jitilgħu sa EUR 165 000, jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu sproporzjonati, b’mod partikolari hekk jitqiesu ż-żidiet mnaqqsa ta’ dazji tas-sisa fil-Portugall matul l-aħħar snin kif ukoll ir-restrizzjonijiet relatati mal-tqegħid fis-suq previst fl-Artikolu 106 tat-CIEC.

33      Fid-difiża tagħha, ir-Repubblika Portugiża sostniet li l-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/2007, sa fejn huwa bbażat fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku, josserva l-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

34      Qabel kollox, ir-Repubblika Portugiża tispjega li s-sistema ta’ timbru Portugiża hija bbażata prinċipalment fuq il-fatt li l-kulur fl-isfond tat-timbru jinbidel kull sena. Hija essenzjalment din il-karatteristika li tagħti l-bilanċ lil din is-sistema u tippermetti lil din tal-aħħar tikseb l-għanijiet tagħha. B’hekk, skont il-leġiżlazzjoni Portugiża, prodott tat-tabakk rilaxxat għall-konsum matul l-2015 għandu jkollu t-timbru korrispondenti għal dik is-sena u, bħala prinċipju, jiġi kkummerċjalizzat sal-31 ta’ Diċembru 2015, peress li, mill-1 ta’ Jannar 2016, timbru ġdid ta’ kulur ta’ sfond differenti daħal fis-seħħ. L-Artikoli 27 u 28 tad-Digriet Nru 1295/2007 jistabbilixxu eċċezzjoni għal dan il-prinċipju billi jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk lil hinn mill-aħħar tas-sena li tikkorrispondi għall-timbru mwaħħal. It-tul tal-validità tat-timbru annwali ikun, b’hekk, fil-prattika, ta’ 15-il xahar.

35      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-prevenzjoni tal-evażjoni u tal-evitar tat-taxxa, ir-Repubblika Portugiża tindika li l-limitazzjonijiet kwantitattivi previsti fl-Artikolu 106 tat-CIEC ma humiex biżżejjed minnhom infushom sabiex jinkiseb dan l-għan. Fil-fatt, fil-każ li ma jkunx hemm dawn il-limitazzjonijiet, ikun faċli għall-operaturi b’setgħa finanzjarja sinjifikattiva sabiex jagħmlu rilaxxi għall-konsum massiċċi qabel il-bidu tal-perijodu ta’ limitazzjoni, per eżempju f’Lulju u f’Awwissu, u li jkollhom prodotti fl-istokk għall-provvista tas-suq is-sena segwenti.

36      Il-miżura kontenzjuża tevita wkoll distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi l-kbar u ż-żgħar. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007 ma pprojbixxiex il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ pakketti tas-sigaretti wara l-iskadenza tat-termini li jipprevedi, l-operaturi li għandhom kapaċità finanzjarja sinjifikattiva jibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv kbir, peress li jkollhom, matul is-sena sussegwenti, prodotti irħas mqabbla ma’ kompetituri mgħammra b’kapaċità finanzjarja iżgħar.

37      Fit-tieni lok, it-terminu ta’ tliet xhur ikun iktar minn biżżejjed sa fejn, skont id-data disponibbli għall-amministrazzjoni Portugiża, it-tul medju ta’ rotazzjoni ta’ ħażniet ta’ sigaretti jkun ta’ xahrejn.

38      Konsegwentement, ir-Repubblika Portugiża tallega li għalkemm, fl-aħħar ta’ Marzu ta’ kull sena, għad hemm prodotti tat-tabakk maħżuna, dan huwa dovut mhux għall-fatt li t-terminu previst fl-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007 huwa qasir wisq, kif issostni b’mod żbaljat il-Kummissjoni, iżda għall-fatt li l-operaturi għamlu, qabel il-bidu tal-perijodu ta’ limitazzjoni, rilaxxi għall-konsum eċċessivi mmirati sabiex ikollhom ħażniet suffiċjenti sabiex ikomplu, is-sena segwenti u matul il-perijodu massimu permess, li jikkummerċjalizzaw il-prodotti li jkollhom it-timbru tas-sena preċedenti.

39      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti mill-operaturi minħabba l-miżura kontenzjuża, ir-Repubblika Portugiża tikkontesta l-allegazzjonijiet li saru f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni. Sa fejn id-dazji tas-sisa, li jirrappreżentaw 78.08 % tal-prezz tas-sigaretti, huma rrimborsati fil każ ta’ qerda ta’ pakketti tas-sigaretti mhux mibjugħa fit-terminu previst fl-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007, l-ispejjeż għall-qerda ma humiex għoljin ħafna fir-rigward tal-prodott li ġej minn fabbrika.

40      Ir-Repubblika Portugiża tippreċiża li, skont id-data disponibbli għaliha, diversi operaturi għandhom bħala prattika li jdaħħlu mill-ġdid fil-maħżen tat-taxxa tagħhom il-prodotti li jistgħu jiġi kkummerċjalizzati skont l-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/2007, sabiex jistgħu jitwaħħlu fuq dawn il-prodotti marka fiskali ġdida kif ukoll prezz bl-imnut ġdid. Dawn l-operazzjonijiet iwasslu biss għal prezz imnaqqas peress li dawn ma jirrikjedux teknoloġija kumplessa.

41      Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Portugiża tenfasizza li, għalkemm il-miżura kontenzjuża ssegwi għanijiet fil-qasam tal-ġbir ta’ dħul fiskali, hija tissodisfa wkoll l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, b’mod partikolari t-tnaqqis fil-konsum ta’ prodotti tat-tabakk.

42      Il-ħames, fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tat-tabakk, ir-Repubblika Portugiża tiddikjara li dan il-għan jiddependi l-biċċa l-kbira mis-sistema tat-timbru, li l-miżura kontenzjuża tikkostitwixxi element essenzjali. Hija tirrileva f’dan ir-rigward li t-tibdil, kull sena, tal-kulur fl-isfond tat-timbru jwassal għal riżultati tajbin sa fejn jagħmel ir-riproduzzjoni tat-timbru iktar diffiċli u jipprevjeni l-abbużi.

43      Fis-sitt lok, dwar l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta osservanza tal-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/207 li jistgħu jitilgħu sa EUR 165 000, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-ammont tal-piena imposta hija kkalkolata skont il-gravità tan-nuqqas kommess mill-awtur tal-ksur kif ukoll mis-sitwazzjoni ekonomika tagħha, u żżid li dan l-ammont għandu, sa fejn possibbli, jeċċedu l-benefiċċju ekonomiku li l-awtur tal-ksur ħa minnu.

44      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni l-pożizzjoni tagħha.

45      Dwar l-għan ta’ prevenzjoni tal-evażjoni, hija tirrileva li Digriet Nru 1295/2007 japplika fil-każijiet kollha, irrispettivament mill-bidliet fil-livell ta’ tassazzjoni tas-sigaretti, u dan huwa suffiċjenti sabiex juri n-natura sproporzjonata tal-miżura kontenzjuża.

46      Il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm it-terminu massimu ta’ rotazzjoni ta’ pakketti tas-sigaretti jogħla, skont id-data mressqa mir-Repubblika Portugiża, għal xahrejn, dan huwa biss terminu medju.

47      Fir-rigward tal-ispejjeż li huma responsabbiltà tal-operaturi, il-Kummissjoni tiddubita l-fondatezza tal-allegazzjoni tar-Repubblika Portugiża li skontha jkun ekonomikament vijabbli li jerġgħu jitqiegħdu fil-kummerċ il-pakketti tas-sigaretti li ma jinbiegħux skont it-terminu previst fl-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007. Tali allegazzjoni tikkontradixxi l-pożizzjoni adottata mill-Istat Membru matul il-fażi amministrattiva tal-proċedura u tkun ibbażata fuq fatti sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata supplimentari, jiġifieri l-1 ta’ Awwissu 2013.

48      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tfakkar li l-ispiża li tirriżulta mill-miżura kontenzjuża, marbuta mal-proċess ta’ għoti taħt siġill ta’ pakketti tas-sigaretti, tibqa’ r-responsabbiltà tal-operaturi, u dan anki meta ż-żieda tar-rata ta’ dazju tkun ftit, jekk mhux ineżistenti, u dan juri n-natura sproporzjonata ta’ din il-miżura.

49      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Portugiża tosserva li, sa fejn il-Kummissjoni tqis li t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007 huwa “qasir wisq”, hija impliċitament tammetti li skadenza għandha teżisti għall-kummerċjalizzazzjoni, matul sena partikolari, ta’ pakketti tas-sigaretti li għandhom timbru li jikkorrispondi mas-sena preċedenti. Madankollu, il-Kummissjoni ma tat ebda indikazzjoni dwar dak li jikkostitwixxi, skontha, terminu raġonevoli.

50      Fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti mill-operaturi ekonomiċi minħabba l-miżura kontenzjuża, ir-Repubblika Portugiża rrikonoxxiet li l-pożizzjoni tagħha nbidlet mill-fażi amministrattiva tal-proċedura. Madankollu, dan it-tibdil huwa dovut għal bidla fis-sitwazzjoni fattwali, sa fejn, matul din il-fażi, l-awtoritajiet Portugiżi ma kellhom l-ebda talba għal twaħħil ta’ marki fiskali ġodda fuq il-pakketti ta’ sigaretti. Huwa biss mill-2014 li tali talbiet applikazzjonijiet saru, kif awtorizzati minn ċirkulari amministrattiva tal-20 ta’ Diċembru 2012.

51      Fin-noti ta’ intervent tagħhom, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja isostnu l-konklużjonijiet tar-Repubblika Portugiża.

52      Fl-osservazzjonijiet ippreżentati b’risposta għan-noti ta’ intervent tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika tal-Estonja u tar-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni iżżomm il-pożizzjoni tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Fl-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li l-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007 jikser l-Artikolu 7 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens li jipprevedi li l-pakketti tas-sigaretti, ladarba jitqiegħdu fis-suq Portugiż, ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati jew mibjugħa lil hinn mill-tielet xahar tas-sena segwenti għal li fiha kienu rrilaxxati għall-konsum.

–       Fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118

54      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/118, id-dazju tas-sisa jsir eżiġibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum. Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, il-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tad-dazju u r-rata tad-dazju tas-sisa li għandha tiġi applikata għandhom jiġu ddeterminati skont id-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ fid-data tal-eżiġibbiltà fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum.

55      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni jiddetermina meta d-dazju tas-sisa jsir eżiġibbli, hija tirreferi għad-dritt tal-Istati Membri għall-iffissar tal-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà u r-rati tas-sisa.

56      Għaldaqstant, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-imsemmija dispożizzjonijiet ma tistax tiġi dedotta projbizzjoni magħmula fuq l-Istati Membri sabiex jillimitaw ratione temporis il-bejgħ ta’ sigaretti li ġew tqiegħdu b’mod legali fis-suq, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tagħha.

57      Il-Kummissjoni lanqas ma tistax validament issostni li l-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/2007 għandu l-effett li jġiegħel lill-operaturi ekonomiċi li jħallsu dazju tas-sisa kumplimentari għall-pakketti tas-sigaretti li diġà ġew irrilaxxati b’mod legali għall-konsum. Fil-fatt, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każ fejn l-operaturi jżommu, meta jiskadi t-terminu previst fl-imsemmi Artikolu 27, pakketti tas-sigaretti li ma setgħux jinbiegħu, l-imsemmija operaturi jistgħu, jew jitolbu r-rimbors tad-dazju tas-sisa mħallas qabel, sakemm il-pakketti jkunu meqruda taħt il-kontroll tad-dwana, jew jagħmlu rilaxx ġdid għall-konsum tal-prodotti kkonċernati, billi jwaħħlu timbru ġdida fiskali kontroll doganali, u dan l-operazzjoni tikkostitwixxi t-twettiq awtonomu tal-fatt taxxabbli.

58      Minn dan isegwi li l-argument tal-Kummissjoni li l-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007 jikser bħala tali l-Artikolu 7 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118 ma jistax jiġi aċċettat.

59      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-Istati Membri għandhom interess leġittimu li jieħdu passi adegwati sabiex iħarsu l-interessi finanzjarji tagħhom (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Sosnowska, C-25/07, EU:C:2008:395, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li l-ġlieda kontra l-evażjoni, l-evitar u l-abbużi eventwali hija għan segwit mid-Direttiva 2008/118, kif jirriżulta mill-premessa 31 kif ukoll mill-Artikolu 11 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39(3) paragrafu tiegħu.

60      Issa, huwa paċifiku li l-miżura kontenzjuża hija miżura li għandha l-għan li tipprevjeni r-rilaxxi għall-konsum fi kwantitajiet eċċessivi ta’ pakketti tas-sigaretti sal-aħħar tas-sena, b’antiċipazzjoni ta’ żieda fit-taxxa tas-sisa. Peress li l-Kummissjoni tirrikonoxxilha, barra minn hekk, espressament fin-noti tagħha, tali rilaxxi għall-konsum f’ammonti eċċessivi, u tantiċipa żieda futura fir-rati tas-sisa, jikkostitwixxu forma ta’ abbuż li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jipprevjeni b’miżuri xierqa.

61      Issa, sa fejn l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118 jirreferi għad-dritt nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà u tar-rati tas-sisa, tali dritt irrikonoxxut lill-Istati Membri jimplika neċessarjament il-possibbiltà għal dawn tal-aħħar li jadottaw miżuri tali bħal dik prevista fl-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007.

62      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Istati Membri għandhom josservaw, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt tal-liġi Unjoni, il-prinċipji ġenerali ta’ liġi li fosthom jinsab, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, inkiser.

63      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-miżura kontenzjuża hijiex sproporzjonata, u jekk tiksirx, f’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

64      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-Istati Membri jirrikorru għal mezzi li, filwaqt li jippermettu li effettivament jintlaħaq l-għan imfittex mil-liġi nazzjonali, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ u jkollhom l-inqas preġudizzju fuq il-objettivi u l-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et, C-286/94, C-340/95, C-401/95 u C-47/96, EU:C:1997:623, punt 46, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2015, Impresa Edilux u SICEF, C-425/14, EU:C:2015:721, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża f’dan ir-rigward li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-anqas oneruża u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C-189/01, EU:C:2001:420, punt 81, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C-379/08 u C-380/08, EU:C:2010:127, punt 86).

65      Fir-rigward, fl-ewwel lok, minn naħa, tal-għanijiet segwiti mill-miżura kontenzjuża, ir-Repubblika Portugiża ssostni li hija tirrigwarda, minbarra l-prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, iż-żamma ta’ kompetizzjoni b’saħħitha, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tat-tabakk. Ma huwiex ikkontestat li dawn l-għanijiet huma leġittimi.

66      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-adegwatezza tal-miżura kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta’ pakketti tas-sigaretti wara Marzu tas-sena segwenti għal dik li fiha dawn il-pakketti ġew irrilaxxati għall-konsum għandu l-effett li tneħħi kull inċentiv għall-operaturi ekonomiċi li jagħmlu r-rilaxx għall-konsum ta’ ammonti eċċessivi ta’ dawn il-prodotti tat-tabakk, fl-antiċipazzjoni ta’ żieda futura fit-taxxa, peress li huma obbligati li jirtiraw mis-suq il-pakketti mhux mibjugħa wara dan it-terminu. Bil-maqlub, l-assenza tal-miżura kontenzjuża tipprevjeni jew iddewwem id-data effettiva taż-żieda futura fir-rati tad-dazji tas-sisa, li ġeneralment iwassal sabiex jiżdied il-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-pakketti tas-sigaretti.

67      Din il-miżura hija, konsegwentement, xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi li huma l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fir-rigward ta’ dan aħħar għan, għandna jżidu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward ta’ prodotti tat-tabakk, il-leġiżlazzjoni fiskali tikkostitwixxi strument importanti u effettiva għall-ġlieda kontra l-konsum ta’ dawn il-prodotti u, b’hekk, ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2006, Valeško, C-140/05, EU:C:2006:647, punt 58, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-197/08, EU:C:2010:111, punt 52).

68      L-imsemmija miżura tipprekludi wkoll li jiġi evitat li operaturi li għandhom saħħa finanzjarja sinjifikattiva jgawdu vantaġġ kompetittiv billi jfornu s-suq b’mod eċċessiv meta mqabbel mal-kompetituri mgħammra b’inqas riżorsi finanzjarji, u għaldaqstant tikkontribwixxi sabiex tiżgura kompetizzjoni b’saħħitha.

69      Madankollu, ir-Repubblika Portugiża ma tispjegax b’mod suffiċjenti li jinftiehem kif il-projbizzjoni, wara li jiskadi t-terminu speċifikat, li jiġu kkummerċjalizzati u jinbiegħu l-prodotti li diġà kienu legalment suġġetti għad-dazju tas-sisa, tippermetti li ssir il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tat-tabakk. Ma jistax għalhekk jitqies li din il-miżura hija xierqa għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu.

70      F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, in-natura neċessarja tal-miżura kontenzjuża, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Fil-fatt, hija din tal-aħħar li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi kwalunkwe preżunzjoni (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-461/14, EU:C:2016:895, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-argument tal-Kummissjoni li l-limitazzjonijiet kwantitattivi ta’ rilaxx għall-konsum ta’ sigaretti, skont l-Artikolu 106 tat-CIEC, diġà jikkostitwixxu, fihom infushom, miżura suffiċjenti sabiex jinkisbu l-objettivi intiżi, għandu jiġi rrilevat li, skont din id-dispożizzjoni, ir-rilaxx għall-konsum tas-sigaretti ma jistax, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena kalendarja, jeċċedi l-limiti kwantitattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ fattur ta’ żieda ta’ 10 % fl-ammont medju fix-xahar ta’ sigaretti rrilaxxati għall-konsum matul is-sena preċedenti.

72      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tiġi evitata minn operatur ekonomiku li jagħżel li jirrilaxxa għall-konsum ammonti eċċessivi ta’ sigaretti matul il-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Settembru. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mid-data mogħtija mir-Repubblika Portugiża, ir-rilaxxi għall-konsum ta’ sigaretti żdiedu, f’Awwissu 2014, għal 241 % meta mqabbla mal-medja ta’ kull xahar. Ma jidhirx, għalhekk, li l-limiti kwantitattivi previsti fl-Artikolu 106 tas-CIEC huma suffiċjenti, waħedhom, sabiex issir ġlieda effikaċi kontra r-rilaxx għall-konsum ta’ ammonti eċċessivi ta’ sigaretti, fl-antiċipazzjoni ta’ żieda fir-rati tas-sisa.

73      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dwar it-terminu ta’ tliet xhur previst mill-miżura kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-ħtieġa li jiġi stabbilit terminu sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi, iżda tikkritika lir-Repubblika Portugiża li stabbilixxiet terminu qasir wisq. F’dan ir-rigward hija tirreferi għad-Direttiva 2001/37/KE li tipprevedi rekwiżiti ġodda għall-ittikkettjar ta’ prodotti tat-tabakk u tistabbilixxi perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ sena għas-sigaretti, sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti.

74      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li terminu ta’ bejgħ li għand jiġi estiż sal-aħħar tas-sena segwenti għal dik tar-rilaxx għall-konsum iwassal sabiex ir-rata tas-sisa l-ġdida ma tolqotx is-sigaretti rrilaxxati għall-konsum, fl-itwal każ, ħlief sena wara d-dħul fis-seħħ taż-żieda tat-taxxa. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, terminu ta’ bejgħ tant twil inaqqas b’mod sinjifikattiv l-effikaċja tal-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/2007.

75      Barra minn hekk, bi tweġiba għall-argument tar-Repubblika Portugiża ibbażat fuq li t-terminu ta’ tliet xhur huwa suffiċjenti, minħabba li t-tul medju ta’ rotazzjoni tal-ħażniet tas-sigaretti huwa ta’ xahrejn, il-Kummissjoni sempliċement tallega li dan huwa terminu medju u li dan it-terminu la jieħu kont tal-varjazzjoni staġjonali u lanqas tal-fatt li r-rotazzjoni hija itwal għas-sigaretti ta’ marki ta’ daqs iżgħar, mingħajr ma tinvoka argument, ċirkustanzjali li jippermetti li jiġi stabbilit x’ikun, skontha, terminu raġonevoli.

76      Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li t-terminu ta’ tliet xhur li matulu s-sigaretti jistgħu jiġu kkummerċjalizzati u mibjugħa tikkonċerna biss, fi kwalunkwe każ, dawk li ġew irrilaxxati għall-konsum fl-aħħar ta’ Diċembru tas-sena kalendarja preċedenti. Fil-fatt, fil-każ li s-sigaretti huma rrilaxxati għall-konsum f’Jannar jew fi Frar tal-istess sena ta’ dik li tikkorrispondi mal-timbru fiskali mwaħħal, jistgħu jinbiegħu sa Marzu tas-sena segwenti, li jħalli perijodu ta’ erbatax sa ħmistax-il xahar sabiex jinbiegħu. B’hekk, iktar ma r-rilaxx għall-konsum ta’ sigaretti iseħħ kmieni matul is-sena, iktar it-terminu sabiex jinbiegħu huwa twil.

77      Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/2007 jipprovdi termini ta’ bejgħ itwal għat-tabakk imqatta’ fin iddestinat għall-irrumblar tas-sigaretti u t-tabakk l-ieħor għat-tipjip kif ukoll għas-sigarri u s-sigarri żgħar ma jikkontestax din il-konstatazzjoni peress li dawn il-prodotti huma differenti mis-sigaretti ordinarji sa fejn kull wieħed minnhom għandu t-tul ta’ rotazzjoni tiegħu.

78      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-assenza ta’ żieda sinjifikattiva ta’ dazji tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk fil-Portugall fl-aħħar snin, għandu jiġi osservat li l-miżura kontenzjuża tapplika fil-każijiet kollha, inkluż f’dak fejn ir-rata tas-sisa tonqos jew ma tinbidilx. Issa, f’tali ċirkustanzi, l-inċentiv għall-operaturi kummerċjali li jipprovdu s-suq b’ammonti eċċessivi ta’ sigaretti matul sena partikolari huwa minimu, jekk mhux ineżistenti, billi s-sisa li għandhom iħallsu s-sena segwenti ma żdiditx. Konsegwentement, il-miżura kontenzjuża ma tidhirx, f’dawn iċ-ċirkustanzi, meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti.

79      Kuntrarjament għal dak li r-Repubblika Portugiża ssostni, l-għanijiet segwiti jistgħu jintlaħqu b’mod inqas restrittiv u ugwalment xierqa jekk il-miżura kontenzjuża tapplika biss fil-każ ta’ żieda fir-rata ta’ dazju tas-sisa fuq is-sigaretti. Fil-fatt, fl-assenza ta’ żieda, l-inċentiv għall-operaturi kummerċjali sabiex jirrilaxxaw għall-konsum ammonti eċċessivi ta’ sigaretti, bil-għan li jevitaw li jħallsu dazji tas-sisa ogħla, ma jeżistix.

80      Minn dan isegwi li, sa fejn il-miżura kontenzjuża tapplika wkoll fl-assenza ta’ żieda fir-rati tas-sisa, l-ewwel ilment huwa fondat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tagħha. Għall-kumplament tal-ilment, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti invokati mill-Kummissjoni, dwar in-neċessità ta’ din il-miżura, ma jistgħux jiġu aċċettati.

81      Fir-raba’ lok, għandu jiġi żgurat li l-miżura kontenzjuża ma taffettwax b’mod sproporzjonat l-interessi tal-operaturi ekonomiċi.

82      Fir-rigward, l-ewwel nett, l-argument tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ preżunzjoni inkonfutabbli li l-pakketti kollha tas-sigaretti li ma humiex mibjugħa wara l-iskadenza tat-terminu li jinsab fl-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/2007 għandhom jitqiesu bħala li tqiegħdu għall-konsum fi kwantitajiet eċċessivi, il-Kummissjoni rreferiet f’dan ir-rigward għas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et (C-286/94, C-340/95, C-401/95 u C-47/96, EU:C:1997:623), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ miżura ta’ trażżin, bħala miżura ta’ prekawzjoni, ta’ kreditu ta’ taxxa fuq il-valur miżjud li jista’ jitħallas lura, li preżunzjoni inkonfutabbli tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat l-irkupru effettiv u jimmina l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens li hija ma tippermettix lill-persuna taxxabbli li tipproduċi l-prova kuntrarja taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti adita.

83      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-miżura kontenzjuża hija differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et (C-286/94, C-340/95, C-401/95 u C-47/96, EU:C:1997:623), peress li, f’dan il-każ, fil-każ fejn pakketti tas-sigaretti jibqgħu mhux mibjugħa fl-iskadenza tat-terminu msemmi fl-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/2007, l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jistgħu, jew jitolbu r-rimbors tad-dazju tas-sisa mħallsa preċedentement, sakemm dawn il-pakketti jinqerdu taħt il-kontroll doganali, jew jagħmlu rilaxx ġdid għall-konsum tal-imsemmija pakketti, billi jwaħħlu timbru ġdida fiskali taħt kontroll doganali. Konsegwentement, din is-sentenza hija irrilevanti.

84      Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, li wieħed jirrikonoxxi l-possibbiltà għall-operaturi ekonomiċi, kif mitlub l-Kummissjoni, li jipproduċu l-prova li l-pakketti tas-sigaretti ġew irrilaxxati għall-konsum mhux f’ammonti eċċessivi iżda f’ammonti normali jew modesti ikun jirrikjedi eżami każ b’każ u huwa piż amministrattiv sinjifikattiv. Tali sistema hija tali li tagħmel iktar tqila l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Portugiża u twassal għal inċertezzi fir-rigward, pereżempju, tad-determinazzjoni tal-kwantitajiet ta’ riferiment xierqa. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax tiġi kkontestata lill-Istati Membri l-possibbiltà li jilħqu l-għanijiet leġittimi bħall-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-protezzjoni tas-saħħa u l-kompetizzjoni b’saħħitha u ġusta bl-introduzzjoni ta’ regoli li huma faċli sabiex jiġu applikati u kkontrollati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, EU:C:2009:66, punt 67, u tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-400/08, EU:C:2011:172, punt 124).

85      Konsegwentement, l-argument dwar l-eżistenza ta preżunzjoni inkonfutabbli ma jistax jintlaqa’.

86      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tal-Kummissjoni dwar l-ispejjeż li l-operaturi kummerċjali għandhom isostnu minħabba l-miżura kontenzjuża, mill-proċess jirriżulta li, minn Diċembru 2012, operaturi kummerċjali li, fl-iskadenza tat-terminu ffissat fl-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007, ma waslux li jbigħu l-pakketti kollha tas-sigaretti rrilaxxati għall-konsum ikollhom l-għażla bejn li jeqirduhom, flimkien mar-rimbors tat-taxxa mħallsa, li tirrappreżenta 78.08 % tal-prezz tas-sigaretti, u rilaxx ġdid għall-konsum ta’ dawn il-pakketti, billi jitwaħħlu marki fiskali ġodda.

87      Issa, għalkemm huwa paċifiku, f’dan ir-rigward, li dawn iż-żewġ tipi ta’ operazzjonijiet jiġġeneraw spejjeż għall-operaturi ekonomiċi, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li huma sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet leġittimi segwiti mill-miżura kontenzjuża.

88      Fil-fatt, l-operaturi ekonomiċi ma għandhomx ibatu dawn l-ispejjeż jekk dawn jagħmlu rilaxx għall konsum fi kwantità eċċessiva. Issa, ma huwiex ikkontestat li s-suq tas-sigaretti huwa kkaratterizzat minn domanda ftit sew elastika u mill-fatt li l-operaturi ekonomiċi jafu l-aġir ta’ dan is-suq. Barra minn hekk, ir-rata ta’ sisa applikabbli fir-rigward ta’ sena huwa magħruf minn qabel, jiġifieri l-15 ta’ Ottubru tas-sena preċedenti. Minn dan isegwi li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jwettqu ppjanar bir-reqqa tad-domanda għas-sigaretti sabiex jiġi evitat li jinħoloq ħżin żejjed li jista’ jġiegħlhom li jirtiraw mis-suq il-pakketti tas-sigaretti mhux mibjugħa u, għaldaqstant, li jsostnu l-ispejjeż marbuta mal-qerda jew l-ippakkjar mill-ġdid tagħhom. Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni dwar l-ispejjeż iġġenerati mill-miżura kontenzjuża għandu jiġi miċħud.

89      Fir-rigward, fit-tielet nett, tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq li s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 109 tar-RGIT huma sproporzjonati peress li jistgħu jitilgħu sa EUR 165 000, għandu jiġi kkonstatat li, skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 109 tar-RGIT iċċitati mill-Kummissjoni, ir-reati hemm imsemmija huma punibbli b’multa minn EUR 250 sa EUR 165 000 jew minn EUR 500 sa EUR 165 000. Issa, il-Kummissjoni ma wrietx u lanqas allegat li saret applikazzjoni sproporzjonata ta’ dan il-kuntest astratt ta’ sanzjonijiet.

90      Minn dan isegwi li l-inkonvenjenti kkawżati lill-operaturi ekonomiċi ma humiex eċċessivi rigward l-għanijiet segwiti mill-miżura kontenzjuża, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel ilment ma huwiex fondat sa fejn il-miżura kontenzjuża tapplika wkoll fl-assenza ta’ żieda fir-rata ta’ sisa li hija effettiva s-sena segwenti għal li tinsab fuq it-timbru mwaħħal. Il-kumplament tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni ilment, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2008/118 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

92      Il-Kummissjoni ssostni li l-miżura kontenzjuża tikser ukoll l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2008/118, sa fejn toħloq ostakoli għall-moviment ħieles tal-oġġetti suġġetti għas-sisa. Fil-fatt, il-biża tal-importaturi li ma jilħqux, f’każ ta’ żieda fir-rati tas-sisa, ibigħu is-sigaretti fil-perijodu previst fl-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007 jista’ jiskoraġġihom milli jwettqu akkwisti normali, b’mod partikolari minn Stati Membri oħra, u għaldaqstant jaffettwa l-kummerċ f’livell li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġġieldu, b’mod partikolari, kontra r-rilaxx għall-konsum eċċessiv qabel iż-żieda fid-dazju tas-sisa.

93      Ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li l-miżura kontenzjuża ma twassal għal ebda diskriminazzjoni bejn il-prodotti domestiċi u dawk ġejjin minn Stati Membri oħra. Hija tispjega, sostnuta f’dan ir-rigward mill-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja, li din il-miżura hija ġġustifikata bis-sħiħ mill-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni, ta’ prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-kisba ta’ dawn l-għanijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2008/118, l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta ta’ dan l-artikolu u tiġi evitata kwalunkwe forma ta’ evażjoni, evitar jew abbuż, għandhom jiżguraw li l-marki fiskali jew il-marki ta’ identifikazzjoni nazzjonali ma joħolqux ostakoli għall-moviment ħieles tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa.

95      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007 jipprevedi biss li l-pakketti tas-sigaretti jistgħu jkunu suġġetti għal kummerċjalizzazzjoni u għal bejgħ sal-aħħar sa l-aħħar tat-tielet xahar tas-sena segwenti għal dik li tinsab fuq it-timbru fiskali. Tali limitazzjoni ratione temporis għall-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta’ pakketti tas-sigaretti, ikkritikata mill-Kummissjoni, ma hijiex għaldaqstant konsegwenza tal-użu ta’ marka fiskali u ma għandha l-ebda rabta ma’ din il-marka sa fejn tirreferi għas-sena li tinsab fuqha, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha. Barra minn hekk, id-data tar-rilaxx għall-konsum ta’ sigaretti tista’ tiġi indikata fuq mezz ieħor barra t-timbru fiskali.

96      Sa fejn dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda biss l-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007, l-evalwazzjoni tal-konformità ta’ dan id-digriet mad-dritt tal-Unjoni ma tistax, barra minn hekk, tiġi affettwata fid-dawl tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/118.

97      Minn dan isegwi li t-tieni lment għandu jiġi miċħud.

98      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti hemm lok dan ir-rikors jintlaqa’ biss sa fejn il-miżura kontenzjuża tapplika wkoll fl-assenza ta’ żieda fir-rata ta’ sisa li hija effettiva s-sena segwenti għal dik li tinsab fuq it-timbru fiskali, u li l-kumplament tal-imsemmi rikors jiġi miċħud.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Portugiża, meta pprevediet li s-sigaretti li jiġu rrilaxxati għall-konsum f’sena partikolari ma jkunux għadhom jistgħu jiġu kkummerċjalizzati jew mibjugħa lill-pubbliku wara li jkun għadda t-terminu previst fl-Artikolu 27(a) tad-Digriet Nru 1295/2007 meta r-rata ta’ dazju fuq dawn il-prodotti hija effettiva għas-sena segwenti, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118/KE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, ħlief sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix li huwa ġġustifikat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

101    F’dan il-każ, il-Kummissjoni u r-Repubblika Portugiża talbu l-kundanna għall-ispejjeż tal-parti l-oħra. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet biss parzjalment ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hemm lok, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati nofs l-ispejjeż sostnuti minn dan l-Istat.

102    Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn l-istess Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Repubblika Portugiża, meta pprevediet li s-sigaretti li jiġu rrilaxxati għall-konsum f’sena partikolari ma jkunux għadhom jistgħu jiġu kkummerċjalizzati jew mibjugħa lill-pubbliku wara li jkun għadda t-terminu previst fl-Artikolu 27(a) tal-Portaria Nru 1295/2007 do Ministério das Finanças e da Administração Pública (Digriet Nru 1295/2007 tal-ministeru għall-finanzi u għall-amministrazzjoni pubblika), tal-1 ta’ Ottubru 2007, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal dan ir-rikors, meta ma hemmx żieda fir-rata ta’ dazju fuq dawn il-prodotti li hija effettiva s-sena segwenti, naqset mill-obbligi tagħha skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għall dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Portugiża għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati nofs l-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika Portugiża.

5)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu kull wieħed u waħda minnhom, l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.