Language of document : ECLI:EU:C:2010:80

Kawża C-310/08

London Borough of Harrow

vs

Nimco Hassan Ibrahim

u

Secretary of State for the Home Department

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division))

“Moviment liberu tal-persuni — Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, u tat-tfal tagħhom, li huma ċittadini ta’ Stat Membru — Waqfien mill-attività mħallsa taċ-ċittadin ta’ Stat Membru segwit mit-tluq tiegħu mill-Istat Membru ospitanti — Reġistrazzjoni tat-tfal f’istituzzjoni skolastika — Nuqqas ta’ mezzi ta’ għajxien — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 12 — Direttiva 2004/38/KE”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Dritt tat-tfal ta’ ħaddiem li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni pprovduta mill-Istat Membru ospitanti — Dritt ta’ residenza sabiex jiġu segwiti korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, Artikolu 12)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja — Tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem jew li kien jaħdem fl-Istat Membru ospitanti — Ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ dawn it-tfal

(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, Artikoli 10 u 12; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38)

1.        It-tfal ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li stabbilixxew ruħhom fi Stat Membru meta l-ġenitur tagħhom kien jeżerċita drittijiet ta’ residenza bħala ħaddiem migrant f’dan l-Istat Membru għandhom id-dritt li jirrisjedu hemmhekk sabiex isegwu, f’dan l-istess Stat, korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità. Il-fatt li, fil-frattemp, il-ġenituri tat-tfal ikkonċernati jkunu ddivorzjaw, kif ukoll il-fatt li wieħed biss mill-ġenituri huwa ċittadin tal-Unjoni u li dan il-ġenitur ma jkunx għadu ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti, mhumiex rilevanti f’dan ir-rigward.

(ara l-punt 29)

2.        It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem jew li kien jaħdem fl-Istat Membru ospitanti u l-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom jistgħu jinvokaw, f’dan l-Istat tal-aħħar, dritt ta’ residenza fuq il-bażi biss tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 2434/92, mingħajr ma tali dritt huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn ikollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard f’dan l-Istat.

Fil-fatt, id-dritt rikonoxxut mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 lit-tifel ta’ ħaddiem migrant li jsegwi, fl-aħjar kundizzjonijiet, l-edukazzjoni skolastika tiegħu fl-Istat Membru ospitanti jimplika neċessarjament li dan it-tifel għandu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li effettivament ikollha l-kustodja tiegħu u, għalhekk, li din il-persuna tkun f’pożizzjoni li tirrisjedi miegħu fl-imsemmi Stat Membru matul l-istudji tiegħu. L-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu għandha ssir b’mod awtonomu fil-konfront tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Tali awtonomija ta’ dan l-Artikolu 12 fil-konfront tal-Artikolu 10 tal-istess regolament neċessarjament tippersisti biss fil-konfront tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221, 68/360, 72/194, 73/148, 75/34, 75/35, 90/364, 90/365 u 93/96. Soluzzjoni kuntrarja tkun ta’ natura li tikkomprometti l-għan tal-integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem migrant fi ħdan l-Istat Membru ospitanti, kif previst fil-ħames premessa tar-Regolament Nru 1612/68. Sabiex tali integrazzjoni jkun jista’ jkollha suċċess, huwa indispensabbli li t-tifel ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jkollu l-possibbiltà li jirċievi l-edukazzjoni skolastika u li jwettaq l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti u, jekk ikun il-każ, li jispiċċahom b’suċċess.

Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati jkollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard fl-Istat Membru ospitanti, din ma tinsabx fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv u lanqas, fi kwalunkwe każ, ma jista’ jiġi mċaħħad mill-effettività tiegħu. Id-Direttiva 2004/38 lanqas ma tissuġġetta, f’ċerti sitwazzjonijiet, id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti tat-tfal li jkunu qegħdin isegwu l-istudji tagħhom u tal-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom għall-fatt li dawn tal-aħħar ikollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard.

(ara l-punti 31, 42, 43, 52, 56, 59 u d-dispożittiv)