Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de première instance de Liège (il-Belġju) fit-28 ta’ Jannar 2022 – PL vs État belge

(Kawża C-56/22)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de première instance de Liège

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: PL

Konvenut: État belge

Domanda preliminari

Id-dritt tal-Unjoni, essenzjalment id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment 1 , japplika għal prattika ta’ Stat Membru li tippermettilu li jirregolarizza fil-post lil barrani li jinsab fih illegalment? Jekk iva, l-Artikoli 5, 6, u 13 tad-Direttiva 2008/115/KE, moqrija flimkien mal-[premessi 6 u 24] tagħha, kif ukoll l-Artikoli 1, 7, 14, 20, 21, 24 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta Stat Membru jkun irid jagħti permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ karità, umanitarji jew oħra lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fit-territorju tiegħu illegalment, dan jista’, minn naħa, jeżiġi mingħand l-imsemmi ċittadin li jipprova minn qabel l-impossibbiltà li jressaq l-applikazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, u, min-naħa l-oħra, ma jispeċifikax fil-leġiżlazzjoni tiegħu l-kundizzjonijiet u l-kriterji, a fortiori oġġettivi, li jippermettu li jiġu ġġustifikati dawn il-motivi karitattivi, umanitarji jew oħrajn (kemm jekk fuq il-pjan tal-ammissibbiltà, billi jeżiġi l-prova ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali mingħajr ma jiddefinixxihom jew fuq il-pjan tal-mertu billi ma jipprevedi ebda kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġu ddefiniti l-motivi, b’mod partikolari umanitarji, li jiġġustifikaw permess ta’ residenza) liema ħaġa tagħmel imprevedibbli, u saħansitra arbitrarja, ir-risposta għal tali applikazzjoni? Fil-każ li dawn il-kriterji jistgħu ma jkunux previsti minn leġiżlazzjoni, f’każ ta’ rifjut, id-dritt għal rimedju effettiv ma jkunx miksur mill-fatt li l-uniku rimedju disponibbli jkun wieħed ta’ legalità stretta bl-esklużjoni ta’ kull kunsiderazzjoni ta’ opportunità?

____________

1     ĠU 2008, L 348, p. 98.