Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 taʼ April 2013 - T&L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-225/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: T&L Sugars Ltd (Londra, ir-Renju Unit) u Sidul Açúcares, Unipessoal Lda (Santa Iria de Azóia, il-Portugall) (rappreżentanti: D. Waelbroeck, avukat, u D. Slater, Solicitor)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea, f'dan il-każ irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla (i) ir-Regolamenti (UE) Nru 131/2013 2 u Nru 281/2013 4 li jistabbilixxu miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta' zokkor u iżoglukożju 'l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b'imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013; (ii) ir-Regolamenti (UE) Nru 194/2013 6 u Nru 332/2013 8 li jiffissaw koeffiċjent tal-allokazzjoni għal kwantitajiet disponibbli ta' zokkor barra mill-kwota li jkunu se jinbigħu fis-suq tal-Unjoni b'imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013; (iii) ir-Regolament (UE) Nru 36/2013 10 li jiftaħ sejħa permanenti għall-offerti għas-sena tas-suq 2012/2013 għall-importazzjonijiet ta' zokkor tal-Kodiċijiet tan-NM bin-numri 17011410 u 17019910 b'dazju doganali mnaqqas; u (iv) r-Regolament (UE) Nru 67/2013  dwar id-dazju doganali minimu għaz-zokkor li għandu jiġi ffissat bi tweġiba għall-ewwel sejħa parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċedura tal-offerti li nfetħet bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 36/2013, kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 178/2013  dwar id-dazju doganali minimu għaz-zokkor li għandu jiġi ffissat bi tweġiba għat-tieni sejħa parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċedura tal-offerti li nfetħet bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 36/2013;

sussidjarjament, tiddikjara t-talba għad-dikjarazzjoni ta' illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE kontra r-Regolamenti (UE) Nru 131/2013 u Nru 281/2013 u r-Regolament (UE) Nru 36/2013 ammissibbli u fondata;

tiddikjara l-Artikoli 186(a) u 187 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007  illegali skont l-Artikolu 277 TFUE sa fejn dawn ma jittrasponux korrettament id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 ;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, kif irrappreżentata mill-Kummissjoni, tħallas id-danni sofruti mir-rikorrenti b'riżultat tal-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-obbligi legali tagħha, u tiffissa l-ammont ta' dan il-kumpens għad-dannu soffert mir-rikorrenti matul il-perijodu mill-25 ta' Ġunju 2012 sal-31 ta' Marzu 2013 għal EUR 184 725 960, flimkien ma' telf sussegwenti soffert mir-rikorrenti wara dik id-data jew kull ammont ieħor li jirrifletti d-dannu soffert jew li ser jiġi soffert mir-rikorrenti kif ulterjorment stabbilit minnhom matul din il-proċedura, speċjalment sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dannu futur, bl-ammonti kollha msemmija miżjuda bl-interessi mid-data tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali sal-ħlas eventwali;

tordna interessi b'rata stabbilita dak iż-żmien mill-Bank Ċentrali Ewropew għal operazzjonijiet ta' rifinanzjament prinċipali, miżjuda b'żewġ punti perċentwali, jew kull rata oħra xierqa li għandha tiġi ddeterminata mill-Qorti Ġenerali, li għandha titħallas fuq l-ammont dovut mid-data tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali sal-ħlas eventwali;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, peress li, minn naħa, ir-Regolamenti (UE) Nru 131/2013 u Nru 281/2013 jipprovdu għal dazju fiss fuq l-ammont żejjed, applikabbli b'mod ġenerali ta' EUR 224 u EUR 172 għal kull tunnellata, - jiġifieri inqas minn nofs EUR 500 għal kull tunnellata tas-soltu - li japplika għal kwantitajiet speċifiċi (total ta' 300,000 tunnellata) ta' zokkor, maqsum b'mod ugwali biss bejn applikanti li jipproduċu x-xitel tal-pitravi. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament (UE) Nru 36/2013 jipprovdi għal dazju doganali mhux magħruf u mhux prevedibbli, applikabbli biss għal rebbieħa ta' rkant (li jistgħu ikunu raffinaturi ta' kannamieli, proċessuri tax-xitel tal-pitravi, jew kull terz ieħor) u għal ammont totali mhux speċifikat.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u nuqqas ta' bażi legali xierqa, peress li fir-rigward tar-Regolamenti (UE) Nru 131/2013 u Nru 281/2013, il-Kummissjoni ma għandha ebda setgħa li żżid il-kwoti u hija b'mod kuntrarju meħtieġa li timponi dazji għoljin u dissważivi fuq ir-rilaxx ta' zokkor barra mill-kwota fis-suq tal-UE. Fir-rigward tal-irkant tat-taxxa, il-Kummissjoni kjarament ma għandha ebda mandat jew setgħa li tadotta din it-tip ta' miżura, li qatt ma kienet ikkunsidrata fil-leġiżlazzjoni bażi.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali peress li l-Kummissjoni ħolqot sistema li biha d-dazji doganali ma humiex prevedibbli u ffissati permezz tal-applikazzjoni ta' kriterji konsistenti u oġġettivi, iżda minflok huma stabbiliti permezz tal-kapaċità suġġettiva ta' ħlas (u barra minn hekk permezz ta' atturi li huma suġġetti għal pressjonijiet u inċentivi ferm differenti f'dan ir-rigward) mingħajr ebda rabta attwali mal-prodotti attwali li jiġu importati.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, peress li l-Kummissjoni setgħet faċilment tadotta miżuri inqas restrittivi biex tittratta n-nuqqas fil-provvista, li ma kinux jittieħdu unikament għad-detriment tar-raffinaturi li jimportaw.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi, peress li r-rikorrenti leġittimament ingħataw x'jifhmu li l-Kummissjoni kienet ser tuża l-għodda disponibbli fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 biex terġa tistabbilixxi d-disponibbiltà tal-provvista ta' zokkor tal-kannamieli mhux maħdum għar-raffinament. Ir-rikorrenti kienu leġittimament ingħataw x'jifhmu wkoll li l-Kummissjoni kienet ser iżżomm il-bilanċ bejn raffinaturi li jimportaw u produtturi taz-zokkor domestiċi.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' diliġenza, kura u amministrazzjoni tajba, peress li fl-amministrazzjoni tas-suq taz-zokkor, il-Kummissjoni kemm-il darba wettqet żbalji fundamentali u kontradizzjonijiet li, fl-aħjar ipoteżi, juru nuqqas ta' għarfien tal-mekkaniżmi bażiċi tas-suq. Pereżempju, il-karta tal-bilanċ tagħha - li tikkostitwixxi waħda mill-għodod prinċipali għall-kontenut u l-mument ta' interventi fis-suq - kienet żbaljata ħafna u bbażata fuq metodoloġija żbaljata. Barra minn hekk, l-azzjonijiet adottati mill-Kummissjoni kienu manifestament mhux xierqa fid-dawl tan-nuqqas fil-provvista.

Is-seba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 39 TFUE, peress li l-Kummissjoni naqset milli tikseb tnejn mill-għanijiet stabbiliti f'din id-dispożizzjoni tat-Trattat.

It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament (UE) Nru 1006/2011 , peress li d-dazji applikati għaz-zokkor l-abjad huma effettivament ftit biss ogħla minn dawk għaz-zokkor mhux maħdum, fejn id-differenza tammonta għal biss EUR 20 għal kull tunnellata. Dan jikkuntrasta ferm mad-differenza ta' EUR 80 bejn id-dazju fuq l-importazzjoni standard għaz-zokkor raffinat (EUR 419) u għaz-zokkor mhux maħdum għar-raffinament (EUR 339) li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1006/2011.

Barra minn hekk, insostenn tat-talbiet tagħhom għad-danni, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni eċċediet b'mod serju u ċar il-marġni ta' diskrezzjoni mogħtija lilha bir-Regolament (KE) Nru 1234/2007, bill-passività u n-nuqqas ta' azzjoni xierqa tagħha. Minbarra dan, in-nuqqas tal-Kummissjoni milli tadotta miżuri xierqa jikkostitwixxi ksur ċar ta' regola tad-dritt "maħsuba biex tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi". B'mod partikolari, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ġenerali tal-UE ta' ċertezza legali, ta' nondiskriminazzjoni, ta' proporzjonalità, tal-aspettattivi leġittimi u ta' diliġenza, kura u amministrazzjoni tajba.

____________

1 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 131/2013, tal-15 ta' Frar 2013, li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta' zokkor u iżoglukożju 'l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b'imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013 (ĠU L 45, p. 1)

2 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 281/2013, tat-22 ta' Marzu 2013, li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta' zokkor u iżoglukożju 'l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b'imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013 (ĠU L 84, p. 19)

3 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 194/2013, tas-6 ta' Marzu 2013, li jiffissa koeffiċjent tal-allokazzjoni għall-kwantitajiet disponibbli ta' zokkor barra mill-kwota li jkunu se jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni b'imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013 (ĠU L 64, p. 3)

4 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 332/2013, tal-10 ta' April 2013, li jiffissa koeffiċjent tal-allokazzjoni għall-kwantitajiet disponibbli ta' zokkor barra mill-kwota li jkunu se jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni b'imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013 (ĠU L 102, p. 18)

5 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 36/2013, tat-18 ta' Jannar 2013, li jiftaħ sejħa permanenti għall-offerti għas-sena tas-suq 2012/2013 għall-importazzjonijiet ta' zokkor tal-Kodiċijiet tan-NM bin-numri 17011410 u 17019910 b'dazju doganali mnaqqas (ĠU L 16, p. 7)

6 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 67/2013, tal-24 ta' Jannar 2013, dwar id-dazju doganali minimu għaz-zokkor li għandu jiġi ffissat bi tweġiba għall-ewwel sejħa parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċedura tal-offerti li nfetħet bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 36/2013 (ĠU L 22, p. 9)

7 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 178/2013 tat-28 ta' Frar 2013, dwar id-dazju doganali minimu għaz-zokkor li għandu jiġi ffissat bi tweġiba għat-tieni sejħa parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċedura tal-offerti li nfetħet bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 36/2013 (ĠU L 58, p. 3)

8 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta' Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 299, p. 1)

9 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006, tal-20 ta' Frar 2006, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, p. 1)

10 - Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011, tas-27 ta' Settembru 2011, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 282, p. 1)