Language of document : ECLI:EU:C:2006:329

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

tat-18 ta' Mejju 2006 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/43/KEE - Konservazzjoni tal-ħabitat naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Protezzjoni ta' l-ispeċi – Kaċċa b'nassa bil-molla fiż-żoni ta' kaċċa privata – Castilla y León"

Fil-kawża C-221/04

li għanda bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-27 ta' Mejju 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn G. Valero Jordana u M. van Beek, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn F. Díez Moreno, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk, R. Schintgen, P. Kūris (Relatur) u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-1 ta' Diċembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-15 ta' Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi l-awtoritajiet ta' Castille y Léon jawtorizzaw it-tqegħid tan-nases bil-molla f'diversi żoni tal-kaċċa privati, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu skond il-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12(1) u ta' l-Anness VI tad-Direttiva 92/43/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7, iktar 'il quddiem id-"Direttiva").

 Il-Kuntest Ġuridiku

2       Id-Direttiva għanda bħala għan, skond l-Artikolu 2(1), li "tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat".

3       L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva jipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a)      l-forom kollha ta' qbid volontarju jew qtil ta' kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

[…]"

4       L-Anness IV tad-Direttiva, intitolat "Annimali u speċi ta' pjanti ta' interess għall-Komunità li għandhom bżonn ħarsien mill-qrib", ċitata fil-punt a), intitolat "Annimali", il-Lutra lutra (iktar 'il quddiem il-"lontra").

5       L-Anness VI tad-Direttiva, intitolat "Metodi u mezzi ta' qbid u qtil u modi ta' trasport projbiti", imsemmi fil-punt a), intitolat "Mezzi mhux selettivi", fir-rigward tal-mammiferi, in-"[n]ases li mhumiex selettivi skond il-prinċipju tagħhom jew il-kundizzjonijiet tagħhom ta’ użu".

6       L-Artikolu 15 tad-Direttiva jipprovdi li:

"Dwar il-qbid jew il-qtil ta' l-ispeċi tal-fawna selvaġġa elenkati fl-Anness V (a) u f'każijiet fejn, skond l-Artikolu 16, jiġu applikati derogi dwar it-teħid, qbid jew qtil ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness IV (a), l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-mezzi kollha indiskriminati li jistgħu jwasslu għall-għibien lokali ta', jew tfixkil serju ta', popolazzjonijiet ta' dawk l-ispeċi, u b'mod partikolari:

(a) l-użu ta' mezzi ta' qbid u qtil elenkati fl-Anness VI (a);

[…]"

7       L-Artikolu 16 tad-Direttiva jipprovdi li:

"1.      Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta' dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta' l-ispeċi konċernati fi stat ta' konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 12, 13, 14 u 15 (a) u (b):

[…]

(b)      biex jipprevjenu l-ħsara serja, b'mod partikolari lill-uċuh tar-raba', lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta' proprjetà;

[…]"

 Il-fatti u l-proċedura ta' qabel il-kawża

8       Wara lment irreġistrat fl-2000, il-Kummissjoni, fid-19 ta' April 2001, indirizzat lir-Renju ta' Spanja ittra ta' intimazzjoni li fiha hija sostniet li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond l-Artikolu 12 u ta' l-Anness VI tad-Direttiva, li jawtorizza t-tqegħid tan-nases bil-molla f'żona ta' kaċċa fejn huma preżenti ċerti speċi ta' annimali msemmija fl-Annessi II u IV ta' din id-Direttiva. L-awtoritajiet Spantoli rrispondew b'ittra motivata tad-29 ta' Ġunju 2001.

9       Billi rċeviet, matul is-sena 2001, żewġ ilmenti ġodda dwar l-awtorizzazzjonijiet ta' tqegħid tan-nases bil-molla, il-Kummissjoni, fil-21 ta' Diċembru 2001, indirizzat ittra ta' intimazzjoni komplementari lill-awtoritajiet Spanjoli, li rrispondew b'ittra tal-25 ta' Frar 2002.

10     Billi kkunsidrat li l-ksur tad-Direttiva ppersista, il-Kummissjoni, fit-3 ta' April 2003, indirizzat lir-Renju ta' Spanja opinjoni motivata dwar il-ħruġ, mill-awtoritajiet Spanjoli, ta' awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid, fuq territorji differenti ta' kaċċa, ta' nases bil-molla, li ma jikkostitwixxux metodu ta' kaċċa selettiva. Hija stiednet dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn li jibdew jiddekorru min-notifika ta' din ta' l-aħħar.

11     Fir-risposta tiegħu tal-15 ta' Lulju 2003, il-Gvern Spanjol iddikjara li l-Kummissjoni kienet kisret id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 226 KE billi fl-opinjoni motivata ssemmi awtorizzazzjoni tat-13 ta' Diċembru 2002 li ma kinitx ġiet iċċitata la fl-intimazzjoni inizjali u lanqas fl-intimazzjoni komplementari. Barra minn hekk, l-imsemmi Gvern ikkontesta mill-ġdid l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni.

12     Billi kien hemm nuqqas tar-Renju ta' Spanja ta' twettiq ta' ċerti obbligi, li joħorġu mid-Direttiva, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

13     L-imsemmi rikors jikkonċerna tliet awtorizzazzjonijiet ta' użu ta' nases bil-molla għall-kaċċa tal-volpi, maħruġa mill-awtoritajiet ta' Castille y Léon fl-10 ta' Jannar 2000, fit-24 ta' Mejju 2001 u fit-13 ta' Diċembru 2002 (iktar 'il quddiem l-"awtorizzazzjonijiet kontenzjużi"). L-awtorizzazzjonijiet kontenzjużi huma relatati ma' żewġ żoni ta' kaċċa (iktar 'il quddiem iż-"żoni kkonċernati"), jiġifieri ż-żona AV-10.198, li tinsab fuq it-territorju tal-muniċipalità ta' Mediana de la Voltoya, fil-provinċja ta' Ávila, imsemmija fl-awtorizzazzjoni ta' l-24 ta' Mejju 2001, u ż-żona SA-10.328, li tinsab fuq it-territorju tal-muniċipalità ta' Aldeanueva de la Sierra, fil-provinċja ta' Salamanque, imsemmija fl-awtorizzazzjonijiet ta' l-10 ta' Jannar 2000 u tat-13 ta' Diċembru 2002.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

14     Il-Gvern Spanjol iqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà. L-ewwel waħda hija bbażata fuq il-bidla tas-suġġett tar-rikors u, sussidjarjament, fuq in-nuqqas ta' preċiżjoni tiegħu, u t-tieni waħda, fuq motivazzjoni insuffiċjenti tar-rikors.

 Fuq l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà bbażata fuq il-bidla tas-suġġett tar-rikors

15     Il-Gvern Spanjol isostni, prinċipalment, li l-Kummissjoni bidlet is-suġġett tar-rikors wara l-preżentazzjoni tiegħu billi tallega traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva filwaqt li, fl-iskambji preċedenti, hija kienet sempliċement akkużat lir-Renju ta' Spanja bi ksur tad-Direttiva bil-ħruġ ta' l-awtorizzazzjonijiet kontenzjużi.

16     Skond il-Kummissjoni, din hija sottomissjoni żbaljata, billi r-rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandu bħala obbjettiv waħdani dak li jikkontesta l-imsemmija awtorizzazzjonijiet.

17     Jirriżulta mill-inkartament tal-kawża li d-dibattiti fuq it-traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva għandhom bħala oriġini l-pożizzjoni adottata mill-Gvern Spanjol fir-risposta tiegħu, li fih jiġġustifika l-awtorizzazzjonijiet kontenzjużi permezz bid-derogi previsti fid-Direttiva.

18     Għandu jiġi kkonstatat li l-preżenti rikors m'għandux bħala suġġett traspożizzjoni eventwali żbaljata, fid-dritt Spanjol, ta' din id-Direttiva, iżda l-ksur allegat ta' din ta' l-aħħar bil-ħruġ ta' l-awtorizzazzjonijiet kontenzjużi. Konsegwentement, hemm lok li tiġi mwarrba din l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà hekk kif inhi fformulata fil-kawża prinċipali.

19     Taħt titolu sussidjarju, il-Gvern Spanjol isostni li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx biżżejjed is-suġġett tar-rikors. F'dan ir-rigward, l-imsemmi Gvern iqajjem ħames argumenti.

20     Bl-ewwel argument tiegħu, il-Gvern Spanjol huwa kontra li s-suġġett tar-rikors jinkludi l-awtorizzazzjonijiet ta' l-24 ta' Mejju 2001 u tat-13 ta' Diċembru 2002. Fil-fatt, min-naħa, l-awtorizzazzjoni ta' l-24 ta' Mejju kienet ġiet abrogata mill-awtoritajiet kompetenti fid-29 ta' Mejju 2001 u, konsegwentement, hija nieqsa minn kull forza jew valur ġuridiku. Min-naħa l-oħra, l-awtorizzazzjoni tat-13 ta' Diċembru 2002 kienet ġiet imsemmija għall-ewwel darba fl-opinjoni motivata b'tali mod li l-imsemmi gvern ma kellux il-possibbiltà li jifformula osservazzjonijiet.

21     Il-Kummissjoni tirrispondi l-ewwel nett li l-Gvern Spanjol ma pprovax li l-awtorizzazzjoni ta' l-24 ta' Mejju 2001 ġiet abrogata. Skond hi, din l-awtorizzazzjoni turi persistenza tal-prattika amministrattiva ta' ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet ta' kaċċa permezz ta' nases bil-molla fiż-żoni ta' kaċċa fejn tinsab il-lontra u għandha, taħt dan it-titolu, tiġi meħuda in kunsiderazzjoni minkejja l-fatt li hija ma ġietx maħruġa ħlief għal perijodu żgħir ħafna. Fir-rigward ta' l-awtorizzazzjoni tat-13 ta' Diċembru 2002, hija ġiet deċiża u maħruġa bħala proroga ta' l-awtorizzazzjoni ta' l-10 ta' Jannar 2000.

22     Għandu jiġi mfakkar li jirriżulta, mit-termini stess tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 226 KE, li l-Kummissjoni ma tistax tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ħlief jekk l-Istat Membru in kwistjoni ma jkunx ikkonforma ruħu ma' l-opinjoni motivata fil-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni għal dan l-iskop (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-362/90, Ġabra p. I-2353, punt 9, u tas-27 ta' Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-525/03, Ġabra p. I-9405, punt 13).

23     Huwa, barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilità li l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandu jiġi evalwat skond is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru hekk kif kienet fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 10; ta' l-4 ta' Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-173/01, Ġabra p. I-6129, punt 7; ta' l-10 ta' April 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-114/02, Ġabra p. I-3783, punt 9, u tas-27 ta' Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 14).

24     F'dan il-każ, jidher li l-awtorizzazzjoni ta' l-24 ta' Mejju 2001 ġiet maħruġa għal perijodu limitat li jiskadi fil-15 ta' Ġunju 2001, jiġifieri sewwa qabel li l-opinjoni motivata ntbagħtet.

25     Issa, ma ġiex ipprovat li l-imsemmija awtorizzazzjoni kompliet tipproduċi effetti ġuridiċi wara l-iskadenza tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata.

26     Isegwi li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn jirrigwarda l-awtorizzazzjoni maħruġa fl-24 ta' Mejju 2001.

27     Fir-rigward ta' l-awtorizzazzjoni tat-13 ta' Diċembru 2002, għandu jiġi rrilevat li hija ġiet maħruġa bħala proroga għal dik ta' l-10 ta' Jannar 2000.

28     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilità tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett tal-kawża jista' jiġi estiż għal fatti li ġraw wara l-opinjoni motivata sakemm huma ta' l-istess natura u kostituttivi ta' l-istess aġir tal-fatti kkonċernati mill-imsemmija opinjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta' Marzu 1983, Il-Kummissjoni vs Franza, 42/82, Ġabra p. 1013, punt 20, u ta' l-4 ta' Frar 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 113/86, Ġabra p. 607, point 11).

29     F'dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-awtorizzazzjoni tat-13 ta' Diċembru 2002 hija ta' l-istess natura ta' l-awtorizzazzjoni ta' l-10 ta' Jannar 2000, li tippreċiża l-kundizzjonijiet fir-rigward ta' l-użu u tat-tqegħid tan-nases bil-molla, mingħajr ma tbiddel is-sens u l-portata, u li l-ħruġ ta' dawn iż-żewġ awtorizzazzjonijiet hija kostituttiva ta' l-istess aġir. Konsegwentement, il-fatt li l-imsemmija awtorizzazzjoni tat-13 ta' Diċembru 2002 kienet ġiet iċċitata bħala eżempju mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata u li hija rripetuta fl-imsemmi rikors, ma ċaħadx lir-Renju ta' Spanja d-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 226 KE. L-imsemmija awtorizzazzjoni tintegra ruħha għaldaqstant b'mod regolari fis-suġġett tar-rikors.

30     Bit-tieni argument tiegħu, il-Gvern Spanjol isostni li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx l-obbligi li r-Renju ta' Spanja kien naqas milli jwettaq.

31     Madankollu, jirriżulta b'mod manifest mir-rikors tal-Kummissjoni li din ta' l-aħħar takkuża lir-Renju ta' Spanja b'nuqqas ta' twettiq ta' obbligi konkreti li jirriżultaw mill-Artikolu 12(1)(a) u mill-Anness VI tad-Direttiva, jiġifieri, min-naħa, l-obbligu li tiġi stabbilità sistema ta' protezzjoni stretta ta' l-ispeċi ta' l-annimali msemmija fl-Anness IV (a), ta' din id-Direttiva, li fosthom tiffigura l-lontra, li jipprojbixxi kull forma ta' qbid u qtil intenzjonali u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li tipprojbixxi l-mezzi ta' qbid u ta' qtil mhux selettivi bħala prinċipju jew fil-kundizzjonijiet ta' użu tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju ta' Spanja kien konxju ta' l-obbligi li huwa allegat li naqas milli jwettaq.

32     Bit-tielet u r-raba' argumenti tiegħu, il-Gvern Spanjol jakkuża lill-Kummissjoni li kienet irrestrinġiet l-iskop tan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu. Fil-fatt, matul il-proċedura ta' qabel il-kawża, hija kienet qajmet, min-naħa, barra l-protezzjoni tal-lontra, dik ta' ħames speċi oħra ta' annimali oħra u, min-naħa l-oħra, grupp ta' mezzi ta' kaċċa u mhux biss l-użu tan-nassa bil-molla.

33     Għandu jiġi mfakkar, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa possibbli li jiġi ristrett is-suġġett tal-kawża fl-istadju tal-proċedura ta' qabel il-kawża (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta' Settembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-279/94, Ġabra p. I-4743, punti 24 u 25; tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑52/00, Ġabra p. I‑3827, punt 44; tal-11 ta' Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑139/00, Ġabra p. I‑6407, punti 18 u 19, kif ukoll ta' l-14 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑433/03, Ġabra p. I-6985, punt 28). Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet tirrestrinġi, fir-rikors tagħha, l-iskop tan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligi allegat għal waħda mill-ispeċi msemmija matul il-proċedura ta' qabel il-kawża kif ukoll għal mezz wieħed ta' kaċċa.

34     Bil-ħames argument tiegħu, il-Gvern Spanjol isostni li l-Kummissjoni użat il-proċedura ta' qabel il-kawża bħala mezz sabiex tiddetermina progressivament il-motiv tan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu. Issa, proċedura bħal din timplika ksur tal-prinċipji ta' ċertezza ġuridika u tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tad-difiża.

35     Il-Kummissjoni tikkunsidra li, b'dan l-argument, qed jiġu invokati, minn naħa, ir-restrizzjoni tas-suġġett tar-rikors u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas, fl-ittra ta' intimazzjoni, ta' indikazzjonijiet suffiċjenti li jiġġustifikaw il-ftuħ ta' proċedura ta' ksur.

36     Fid-dawl ta' dawn l-elementi ma tistax madankollu tiġi kkontestata l-ammissibbiltà tar-rikors. Fil-fatt, min-naħa, il-Kummissjoni kienet awtorizzata tirrestrinġi s-suġġett tal-kawża fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 33 ta' din il-kawża. Min-naħa l-oħra, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura ta' qabel il-kawża għanda bħala skop li tingħata l-opportunità lill-Istat ikkonċernat, min-naħa, sabiex jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu, li joħorġu mid-dritt komunitarju u, min-naħa l-oħra, sabiex isostni utilment il-motivi tad-difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-117/02, Ġabra p. I-5517, punt 53). Barra minn hekk, l-intimazzjoni m'għandiex tkun suġġetta għar-rekwiżiti stretti ta’ preċiżjoni bħal ta' l-opinjoni motivata, billi din l-intimazzjoni għandha tikkonsisti neċessarjament biss fl-ewwel sunt qasir ta' l-ilmenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Settembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 15).

37     Kif tirrileva l-Avukatessa Ġenerali fil-punt 24 tal-Konklużjonijiet tagħha, jekk huwa minnu li l-ittra ta' intimazzjoni għandha bħala skop li tillimita s-suġġett tal-kawża, il-Kummissjoni għanda tidentifika bi preċiżjoni, fl-opinjoni motivata, l-ilmenti li hija tkun diġà sostniet b'mod iktar globali fl-ittra ta' intimazzjoni. Dan ma jwaqqafhiex madankollu milli tillimita s-suġġett tal-kawża u lanqas milli testendih għall-miżuri ulterjuri li jixbħu, fil-parti l-kbira, il-miżuri kkontestati fl-ittra ta' intimazzjoni.

 Fuq l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tar-rikors

38     It-tieni eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Spanjol hija bbażata, min-naħa, fuq ksur ta' l-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta' motivazzjoni tar-rikors kif ukoll fuq in-nuqqas ta' provi tan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligi allegati.

39     Fuq l-ewwel punt, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi.

40     Fuq it-tieni punt, għandu jiġi kkonstatat li, kif indikat mill-Kummissjoni, l-ilment hekk ifformulat jirriżulta mill-eżami tal-mertu tar-rikors. Isegwi li din l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà ma tistax tintlaqa'.

41     Minn dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors huwa inammissibbli safejn jibbaża ruħu fuq l-awtorizzazzjoni ta' l-24 ta' Mejju 2001 fir-rigward taż-żona ta' kaċċa AV-10.198, li tinsab fuq it-territorju tal-muniċipalità ta' Mediana de la Voltoya, fil-provinċja ta' Ávila, u ammissibbli għall-bqija.

 Fuq il-mertu tar-rikors

42     Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk l-awtorizzazzjoni tat-13 ta' Diċembru 2002 (iktar 'il quddiem l-"awtorizzazzjoni kontenzjuża"), li tikkonċerna ż-żona ta' kaċċa SA-10.328, li tinsab f'Aldeanueva de la Sierra, fil-provinċja ta' Salamanque (iktar 'il quddiem iż-"żona kkonċernata"), inħarġitx mill-awtoritajiet Spanjoli bi ksur tad-Direttiva.

43     Il-Kummissjoni tqajjem żewġ ilmenti in sostenn tar-rikors tagħha. Fl-ewwel lok, l-awtorizzazzjoni li jintużaw nases bil-molla fiż-żona kkonċernata timplika l-qbid jew il-qtil intenzjonali tal-lontra, bi ksur ta' l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta' Spanja kiser ukoll id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness VI (a) tad-Direttiva, billi l-imsemmija awtorizzazzjoni tirrigwarda mezz ta' kaċċa mhux selettiv bħala prinċipju u fil-kundizzjonijiet ta' użu tiegħu.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur ta' l-Anness VI (a) tad-Direttiva

44     Bit-tieni lment tagħha, li għandu jiġi eżaminat l-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li l-awtorizzazzjoni li jintużaw in-nases bil-molla tikkostitwixxi ksur ta' l-Anness VI (a) tad-Direttiva billi tirrigwarda mezz ta' kaċċa mhux selettiva bħala prinċipju u fil-kundizzjonijiet ta' l-użu tiegħu.

45     Jirriżulta mid-Direttiva li l-metodi u l-mezzi ta' qbid u ta' qtil innumerati fl-Anness VI (a) tagħha huma pprojbiti biss fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 15 ta' din id-Direttiva, li huwa l-uniku Artikolu li jagħmel riferiment għall-imsemmi Anness.

46     Minn din il-dispożizzjoni jirriżulta li huwa pprojbit li jintużaw il-mezzi mhux selettivi, b'mod partikolari, dawk innumerati fl-Anness VI (a) tad-Direttiva, sabiex jinqabdu jew jinqatlu l-ispeċi ta' fawna selvaġġa indikati fl-Anness V (a) ta' din id-Direttiva u, fil-każ fejn, skond l-Artikolu 16, ikunu applikabbli xi derogi, jiġu pprelevati, jinqabdu jew jinqatlu l-ispeċi nnumerati fl-Anness IV (a) ta' l-imsemmija Direttiva.

47     Għandu jiġi osservat li l-awtorizzazzjoni kontenzjuża ġiet maħruġa għall-kaċċa tal-volpi, speċi ta' annimal li ma jidhirx la fl-Anness IV (a) u lanqas fl-Anness V (a) tad-Direttiva. Isegwi li l-projbizzjoni tal-mezzi ta' kaċċa mhux selettivi ma tistax tiġi kkontestata kontra, f'dan il-każ, l-awtoritajiet Spanjoli. Għaldaqstant, għandu jiġi mwarrab l-ilment dwar il-ksur ta' l-Anness VI (a) tad-Direttiva.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva

48     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta' protezzjoni stretta ta' l-ispeċi ta' l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) ta' din id-Direttiva fiż-żoni ta' firxa naturali ta' dawn l-ispeċi. Din is-sistema għandha, skond din id-dispożizzjoni, tipprojbixxi l-forom kollha ta’ qbid jew ta' qtil intenzjonali ta' l-ispeċi msemmija.

49     Sabiex jiġi evalwat il-mertu ta' l-ilment iffurmat mill-Kummissjoni, għandu, min-naħa, jiġi vverifikat jekk il-lontra hijiex preżenti fiż-żona kkonċernata u, min-naħa l-oħra, jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom il-qbid jew il-qtil ta' din l-ispeċi għandhomx natura intenzjonali.

 Fuq il-preżenza tal-lontra fiż-żona kkonċernata

–       L-argumenti tal-partijiet

50     Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata, il-Gvern Spanjol irrikonoxxa l-preżenza tal-lontra fiż-żona kkonċernata billi huwa indika fir-risposta tiegħu li l-lontra tinsab fil-kważi totalità tat-territorju ta' Castilla y León.

51     Fit-tieni lok, din il-preżenza hija kkonfermata mill-formuli ta' informazzjoni xjentifiċi "Natura 2000" li r-Renju ta' Spanja bagħat lill-Kummissjoni għas-siti ta' Quilamas (Salamanque) u Encinares de los ríos Adaja y Voltoya (Ávila), billi s-sit ta' Quilamas jinsab maġenb iż-żona kkonċernata.

52     Fit-tielet lok, l-ilma, li huwa indispensabbli għall-ħabitat tal-lontra, jgħaddi minn din iż-żona.

53     Fl-aħħar nett, il-monografija tas-sitwazzjoni tal-lontra fi Spanja tikkonferma wkoll il-preżenza ta' din l-ispeċi fiż-żona kkonċernata.

54     Fir-rigward ta' dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li jekk il-Gvern Spanjol jikkunsidra li l-lontra mhijiex preżenti f'din iż-żona, għandu jistabbilixxih billi jippreżenta studju tekniku mwettaq fuq it-territorju.

55     Il-Gvern Spanjol isostni li l-lontra hija assenti fiż-żona kkonċernata. B'risposta għall-ewwel element imqajjem mill-Kummissjoni, huwa josserva li r-rikonoxximent tal-preżenza ta' speċi ta' annimal partikolari fuq territorju ma jimplikax li din l-ispeċi tokkupa t-totalità ta' l-ħabitat ta' dan it-territorju.

56     L-imsemmi gvern jenfasizza wkoll li l-ilma huwa indispensabbli għall-ħabitat tal-lontra filwaqt li ż-żona kkonċernata mhijiex la żona tal-kosta u lanqas żona ta' maġenb xmara. Huwa jżid li x-xmajjar u n-nixxiegħat li jgħaddu minn din iż-żona għandhom natura staġunali, billi huma suġġetti għal nixfa fis-sajf.

57     Il-monografija magħmula mill-Kummissjoni tikkonferma barra minn hekk in-nuqqas tal-lontra fiż-żona kkonċernata.

58     Fl-aħħar nett, il-Gvern Spanjol jikkunsidra li fl-imsemmija żona teżisti biss probabbiltà ta' preżenza tal-lontra u li l-Kummissjoni ma pprovatx din il-preżenza billi hija m'għandhiex indikazzjonijiet diretti, bħall-qbid ta' kampjuni ta' din l-ispeċi, u lanqas indiretti, bħall-preżenza tat-traċċi tagħhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilità tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta' proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu mressaq skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq kwalunkwe suppożizzjoni (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta' Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, Ġabra p. 1791, punt 6; tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-194/01, Ġabra p. I-4579, punt 34), u ta' l-20 ta' Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-6/04, Ġabra p. I-9017, punt 75).

60     Fir-rigward tal-formoli ta' informazzjoni xjentifika "Natura 2000", għandu jiġi kkonstatat, hekk kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-Konklużjonijiet tagħha, li huma jkopru s-sit ta' Quilamas, li għandu superfiċi ta' iktar minn 10000 ettaru. Ċertament, iż-żona kkonċernata tinsab fil-viċinanzi diretti ta' dan is-sit, fil-majjistral. Madankollu, huwa stabbilit li l-ilmijiet l-iktar importanti ta' l-imsemmi sit, b'mod partikolari l-Arroyo de las Quilamas, jinżlu lejn ix-Xlokk u huma separati miż-żona kkonċernata minn katina ta' għoljiet ta' għoli ta' diversi mijiet ta' metri. Għaldaqstant, huwa ftit probabbli li l-lontri li ġejjin minn popolazzjonijiet li jgħixu fis-sistema idrografika tas-sit ta' Quilamas imorru fiż-żona kkonċernata.

61     Barra minn hekk, kif indika l-Gvern Spanjol, li ma ġiex ikkuntradett fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, filwaqt li l-ilmijiet huma indispensabbli għall-ħabitat tal-lontra, dawk li jaqsmu ż-żona kkonċernata jew li jinżlu fil-prossimità ta' din ta' l-aħħar għandhom natura staġunali.

62     Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-monografija mressqa mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li hija għandha indikazzjonijiet kontradittorji, b'tali mod li minnu ma toħroġ l-ebda ċertezza fir-rigward tal-preżenza tal-lontra fiż-żona kkonċernata.

63     Minn dak li ntqal, jirriżulta li l-Kummissjoni ma ressqitx il-prova skond il-liġi tal-preżenza tal-lontra fiż-żona kkonċernata, billi l-elementi pprovduti jistabbilixxu, l-iżjed, l-eventwalità ta' din il-preżenza.

 Fuq in-natura intenzjonali tal-qbid tal-lontra

–       L-argumenti tal-partijiet

64     Il-Kummissjoni ssostni li l-qbid tal-lontra ma tistax tiġi kkunsidrata bħala aċċidentali u, għaldaqstant, li l-kundizzjoni relatata man-natura intenzjonali prevista fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva, hija sodisfatta meta l-awtoritajiet Spanjoli, minkejja li huma jafu li l-lontra hija preżenti fuq it-territorju, jawtorizzaw xorta waħda, għall-kaċċa tal-volpi, l-użu ta' metodu ta' qbid mhux selettiv li jista' jippreġudika l-lontra.

65     B'hekk, bil-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni kontenzjuża, ir-Renju ta' Spanja naqas mill-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva, li jwaqqaf il-konsegwenzi negattivi għal-lontra u ħoloq riskju ta' qbid intenzjonali ta' kampjuni ta' din l-ispeċi.

66     Il-Gvern Spanjol jirrispondi li l-awtorizzazzjoni kontenzjuża kienet inħarġet għall-kaċċa tal-volpi, mhux tal-lontra. Huwa jirrikonoxxi l-possibbiltà ta' effett indirett fuq il-lontra bil-kundizzjoni li din l-ispeċi ta' annimal tkun preżenti fiż-żona kkonċernata, ħaġa li madankollu ma ġietx ippruvata.

67     Barra minn hekk, l-imsemmi gvern jikkunsidra li n-nassa bil-molla hija metodu ta' kaċċa selettiv kemm bħala prinċipju, billi l-molla tippermetti li jiġi evitat il-qtil ta' l-annimal maqbud, kif ukoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' użu imposti mill-awtorizzazzjoni kontenzjuża, bħall-kontroll ta' kuljum tan-nases V, il-ħtieġa li jiġi lliberat immedjatament kull annimal maqbud mhux ikkonċernat mill-imsemmija awtorizzazzjoni, jew il-modalitajiet ippreċiżati mit-tqegħid ta' dawn in-nases.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68     Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu sistema ta' protezzjoni stretta ta' l-ispeċi ta' l-annimali li jidhru fl-Anness IV(a), ta' din id-Direttiva, fiż-żoni tal-firxa naturali tagħhom, li tipprojbixxi kull forma ta' qbid jew ta' qtil intenzjonali.

69     Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura intenzjonali prevista f'din id-dispożizzjoni, jirriżulta mill-qari ta' verżjonijiet lingwistiċi differenti ta' din ta' l-aħħar li l-imsemmija natura intenzjonali tirreferi fl-istess ħin għall-qbid u għall-qtil ta' l-ispeċi ta' l-annimali protetti.

70     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkwalifika bħala tfixkil intenzjonali, fis-sens ta' l-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva, fatti bħaċ-ċirkulazzjoni ta' roti b'mutur fuq ix-xatt minkejja twissijiet dwar il-preżenza ta' bejtiet ta' fkieren tal-baħar protetti u l-preżenza ta' dgħajjes bil-pedali u dgħajjes żgħar fiż-żona marittima tax-xtut ikkonċernati, u ddeċidiet li Stat Membru jonqos mill-obbligi li huwa għandu skond l-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva fil-każ fejn ma jieħux il-miżuri konkreti kollha li huma meħtieġa sabiex jiġi evitat, min-naħa, it-tfixkil intenzjonali ta' l-ispeċi ta' l-annimal ikkonċernat matul il-perijodu ta' riproduzzjoni u, min-naħa l-oħra, id-deterjorament jew id-destruzzjoni taż-żoni ta' riproduzzjoni tagħhom (ara s-sentenza tat-30 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-103/00, Ġabra p. I-1147, punti 36 u 39, kif ukoll il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Léger f'din il-kawża, punt 57).

71     Sabiex il-kundizzjoni dwar in-natura intenzjonali li tidher fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tkun sodisfatta, għandu jiġi stabbilit li l-awtur ta' l-att ried il-qbid jew il-qtil ta' kampjun ta' speċi ta' annimal protett jew, almenu, aċċetta l-possibbiltà ta' dan il-qbid jew qtil.

72     Issa, huwa stabbilit li l-awtorizzazzjoni kontenzjuża kkonċernat il-kaċċa għall-volpi. Konsegwentement, l-awtorizzazzjoni fiha nnifisha ma tippermettix il-qbid tal-lontra.

73     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-preżenza tal-lontra fiż-żona kkonċernata mhijiex formalment stabbilità b'tali mod li mhuwiex lanqas ipprovat li, bil-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni kontenzjuża għall-kaċċa għall-volpi, l-awtoritajiet Spanjoli kienu jafu li huma rriskjaw li jipperikolaw il-lontra.

74     Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-elementi mitluba sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni dwar in-natura intenzjonali tal-qbid jew tal-qtil ta' kampjun ta' speċi ta' annimal protett, hekk kif iddefiniti fil-punt 71 tal-preżenti sentenza, mhumiex stabbiliti f'dan il-każ.

75     Għaldaqstant hemm lok li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

76     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' Spanja kien talab il-kundanna tal-Kummissjoni u din ta' l-aħħar tilfet, għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.