Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Marzu 2010 - Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-115/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (rappreżentanti: S. Ossowski, li qed jaġixxi bħala aġent, assistit minn D. Wyatt, QC u M. Wood, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/45/UE, tat-22 ta' Diċembru 2009, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE 1, it-tielet lista aġġornata tas-siti ta' importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Mediterran 2, sa fejn telenka s-sit ta' importanza Komunitarja tal-Estrecho Oriental, identifikat bil-kodiċi ES6120032,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jikkontesta l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/45/UE (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10406) sa fejn telenka s-sit ta' importanza Komunitajra tal-Estrecho Oriental, u jitlob l-annullament tal-elenkar tas-sit ta' importanza Komunitarja tal-Estrecho Oriental.

Insostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent iressaq il-motivi li ġejjin.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata bi ksur tad-Direttiva 92/43/KEE, inkwantu l-elenkar tas-sit Spanjol ta' importanza Komunitarja tal-Estrecho Oriental kien inkompatibbli magħha press li:

żona sostanzjali minn dan is-sit tinsab fl-Ibħra Territorjali Britanniċi ta' Ġibiltà (ITBĠ), li jaqgħu taħt il-kontroll effettiv tar-Renju Unit u mhux ta' Spanja, u

huwa jikkoinċidi kompletament mas-sit ta' importanza Komunitarja tas-"Southern Waters of Gibraltar" (Baħar tan-Nofsinhar ta' Ġibiltà) tar-Renju Unit eżistenti.

Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata bi ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali, inkwantu l-elenkar tas-sit ta' importanza Komunitarja tal-Estrecho Oriental huwa intiż sabiex jimponi obbligi fuq Spanja taħt id-Direttiva 92/43/KEE rigward żona li tinsab ġewwa sit ta' importanza Komunitarja eżistenti, li fir-rigward tiegħu, il-Gvern ta' Ġibiltà huwa diġà suġġett għal obbligi identiċi taħt dik id-Direttiva. L-effett huwa li jikkwalifika jew jikkontesta l-awtorità tal-Gvern ta' Ġibiltà li jimplementa d-Direttiva fis-sit ta' importanza Komunitarja tal-Ibħra tan-Nofsinhar ta' Ġibiltà u li tiġi nfurzata l-liġi ta' Ġiblità fl-ITBĠ, filwaqt li tinħoloq inċertezza legali għall-Gvern ta' Ġibiltà u għaċ-ċittadini tal-UE.

Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata bi ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, inkwantu l-enenkar tas-sit Spanjol ta' importanza Komunitarja tal-Estrecho Oriental sabiex jinkludi s-sit ta' importanza Komunitarja tal-Ibħra tan-Nofsinhar ta' Ġibiltà tar-Renju Unit kollu u żoni oħra tal-ITBĠ, la huwa xieraq u lanqas meħtieġ, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali tad-Direttiva 92/43/KEE.

Fl-aħħar lok, ir-rikorrent isostni li l-elenkar ikkontestat tas-sit ta' importanza Komunitarja tal-Estrecho Oriental għandu jiġi annullat fl-intier tiegħu, peress li annullament parzjali tal-elenkar jkollu l-effet li jbiddel is-sustanza tiegħu u jkun jeħtieġ emenda tal-elenkar mill-Qorti tal-Ġustizzja, u li jiġi kkalkolat mill-ġdid il-punt ċentrali tas-sit ta' importanza Komunitarja, u ż-żona tiegħu, flimkien ma' evalwazzjoni ambjentali tal-parti li tibqa mis-sit, jekk hijiex eleġibbli li tikkwalifika bħala sit ta' importanza Komunitarja.

____________

1 - Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102)

2 - ĠU L 30, p. 322