Language of document : ECLI:EU:T:2015:860

Kawża T-106/13

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

d.d. Synergy Hellas Anonymi Emporiki Etaireia Parochis Ypiresion Pliroforikis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Sitt u Seba’ Programm Qafas ta’ attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Xoljiment antiċipat tal-kuntratti – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità – Bona fede – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors – Koeżistenza ta’ talbiet għal kumpens kuntrattwali u mhux kuntrattwali – Sistema ta’ twissijiet bikrija (EWS) – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Rabta kawżali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ Novembru 2015

1.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Xoljiment antiċipat tal-kuntratti, minħabba irregolaritajiet finanzjarji mwettqa mill-kontroparti – Rikors għal responsabbiltà kuntrattwali – Irtirar tar-rikorrenti mir-rikors tagħha fil-kuntest ta’ kuntratt ieħor – Rikorrenti li tinvoka lmenti identiċi għal dawk invokati fir-rikors l-ieħor – Ammissibbiltà

(Artikolu 272 TFUE)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Xoljiment antiċipat tal-kuntratti, minħabba irregolaritajiet finanzjarji mwettqa mill-kontroparti – Rikors għal responsabbiltà kuntrattwali – Eżistenza ta’ interess effettiv u attwali – Evalwazzjoni pendenti tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati – Assenza ta’ effett

(Artikolu 272 TFUE)

3.      Il-liġi tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni

4.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Xoljiment antiċipat tal-kuntratti, minħabba irregolaritajiet finanzjarji mwettqa mill-kontroparti – Rikors għal responsabbiltà kuntrattwali – Invokazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Inammissibbiltà – Limiti – Osservanza tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni f’bona fede tal-kuntratti

(Artikolu 272 TFUE)

5.      Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 48(2))

6.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Xoljiment antiċipat tal-kuntratti, minħabba irregolaritajiet finanzjarji mwettqa mill-kontroparti – Rikors għal responsabbiltà kuntrattwali – Invokazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ eżekuzzjoni f’bona fede tal-kuntratt

(Artikolu 5(4) TUE; Artikolu 272 TFUE)

7.      Rikors għad-danni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Rikors li fil-verità jirrigwarda tilwima ta’ natura kuntrattwali – Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors – Kundizzjonijiet – Koeżistenza ta’ talbiet għal kumpens kuntrattwali u mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet

(Artikoli 268 TFUE u 272 TFUE)

1.      Fir-rigward ta’ rikors għal responsabbiltà kuntrattwali ppreżentat wara x-xoljiment antiċipat mill-Kummissjoni ta’ kuntratt ta’ sussidju konkluż fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni minħabba irregolaritajiet finanzjarji allegatament imwettqa mill-kontroparti, l-irtirar minn din tal-aħħar minn kawża oħra, li għandha bħala suġġett kuntratt simili, ma jaffettwax id-dritt tagħha, fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet li jirrigwardaw ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Kummissjoni minħabba x-xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni, li tinvoka irregolaritajiet li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tal-kuntratt imsemmi fil-kawża l-oħra.

Fil-fatt, f’każ ta’ rinunzja għall-atti, il-Qorti Ġenerali ma tippronunzja ruħha la dwar l-ammissibbiltà u lanqas dwar il-mertu, iżda tirreġistra r-rieda tar-rikorrenti li ma tkomplix il-proċedura ġudizzjarja. Id-digriet ta’ rinunzja għall-atti ma huwiex res judicata. Meta rikorrenti tirrinunzja għall-atti f’rikors pendenti, it-tilwima li tirriżulta minnu tieqaf teżisti u, għalhekk, is-sitwazzjoni ta’ lis pendens ma rikors ieħor tintemm. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-interess li jiġi evitat li individwi jużaw din il-possibbiltà b’mod kuntrarju għall-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju ma jeħtieġx li sitwazzjoni ta’ lis pendens tippersisti anki fir-rigward ta’ rikors li r-rikorrenti rrinunzjat l-atti għalih, peress li dan l-interess huwa protett biżżejjed mill-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż.

(ara l-punti 46, 47)

2.      Fir-rigward ta’ rikors għal responsabbiltà kuntrattwali ppreżentat wara x-xoljiment antiċipat mill-Kummissjoni ta’ kuntratt ta’ sussidju konkluż fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni minħabba irregolaritajiet finanzjarji allegatament imwettqa mill-kontroparti, il-fatt li l-Kummissjoni tkun fil-fażi li tevalwa jekk l-ispejjeż imressqa mir-rikorrenti humiex eliġibbli u, b’hekk, jekk il-ħlas ta’ ċertu somma jkunx dovut abbażi tal-kuntratt ma jippermettix li tiġi kkonstatata assenza ta’ interess ġuridiku effettiv u attwali tar-rikorrenti milli tikseb mingħand il-Qorti Ġenerali l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas b’eżekuzzjoni tal-kuntratt. Fil-fatt, mal-preżentata tar-rikors, huwa manifest li r-rikorrenti għandha interess li r-rikors tagħha jirnexxi.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka nuqqas ta’ interess ġuridiku min-naħa tar-rikorrenti minħabba li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, in-nuqqas ta’ ħlas minnha lir-rikorrenti tal-ammont dovut b’eżekuzzjoni tal-kuntratt kien inċert jew ipotetiku. Fil-fatt, mal-preżentata tar-rikors, kien ċert li l-Kummissjoni ma kinitx ħalset l-ammont inkwistjoni.

Il-kwistjonijiet jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta li tħallas l-ammont inkwistjoni qabel il-preżentata tar-rikors, jekk hija setgħet tissospendi l-ħlas tiegħu minħabba li l-awditu kien għadu qed isir u jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex tissospendi l-proċedura ġudizzjarja sa meta jintemm l-awditu tal-Kummissjoni jew, b’mod kuntrarju, jekk kellhiex tippronunzja ruħha direttament fuq l-eliġibbiltà tal-ispejjeż jimplikaw l-evalwazzjoni tal-provi fil-mertu tar-rikors u mhux l-ammissibbiltà tiegħu.

Din il-konklużjoni ma titpoġġix indiskussjoni mill-ġurisprudenza li tirrigwarda l-kisba ta’ dikjarazzjoni min-naħa tal-qorti tal-Unjoni li tawtorizza lil parti żżomm somom diġà mħallsa mill-Kummissjoni abbażi tal-kuntratti inkwistjoni. Fil-fatt, għalkemm, fil-kuntest ta’ azzjoni intiża sabiex tinkiseb ordni, li tkun intiża sabiex jiġu ssodisfatti talbiet speċifiċi, l-interess ġuridiku jkun jista’ ġeneralment jiġi dedott direttament mill-kuntest tat-talba stess, l-interess leġittimu tar-rikorrent li jikseb dikjarazzjoni ġuridika astratta mill-qorti fir-rigward tal-eżistenza jew tal-assenza ta’ relazzjoni legali jew ta’ dritt partikolari jeħtieġ, bħala regola ġenerali, motivazzjoni partikolari. Fil-fatt, ma huwiex il-kompitu tal-qrati tal-Unjoni li jagħtu opinjonijiet legali astratti.

(ara l-punti 51-55)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 66)

4.      Fir-rigward ta’ rikors għal responsabbiltà kuntrattwali ppreżentat wara x-xoljiment antiċipat mill-Kummissjoni ta’ kuntratt ta’ sussidju konkluż fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni minħabba irregolaritajiet finanzjarji allegatament imwettqa mill-kontroparti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddikjara inammissibbli lment ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni, fl-eżekuzzjoni minnha tal-kuntratt imsemmi iktar ‘il fuq, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li jirregola r-rapport ta’ subordinazzjoni ta’ persuna amministrata lill-amministrazzjoni.

Fil-fatt, dan il-prinċipju huwa suġġett għall-istħarriġ tal-legalità, b’applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, li l-Qorti Ġenerali tista’ twettaq fuq atti adottati mill-istituzzjonijiet.

Madankollu, f’rikors għal responsabbiltà kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali hija adita fil-kwalità tagħha bħala qorti tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza skont liema l-kuntratt huwa b’mod partikolari rregolat mid-dritt tal-Unjoni ma jippermettix li tiġi emendata l-kompetenza tal-Qorti Ġenerali hekk kif inhi ddefinita mir-rimedju ġudizzjarju magħżul mir-rikorrenti. B’hekk, fit-talba għal kumpens kuntrattwali tagħha, ir-rikorrenti tista’ biss tilmenta kontra l-Kummissjoni ksur tal-liġi applikabbli għall-kuntratt.

Madankollu, fil-liġi tal-kuntratti, ma jistax jiġi eskluż li tista’ tiġi invokata forma ta’ aspettattivi leġittimi meta din tkun tipparteċipa fl-osservanza tal-obbligu tal-partijiet għal-kuntratt li jeżegwuh f’bona fede. Dan jirriżulta mill-fatt li dan il-prinċipju ta’ eżekuzzjoni f’bona fede tal-ftehim jostakola l-eżekuzzjonijiet tal-kuntratt li jikkostitwixxu abbuż ta’ liġi.

(ara l-punti 66-68, 72)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 70)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 87-89)

7.      Fid-dawl tal-awtonomija tar-rimedji kuntrattwali u mhux kuntrattwali u tal-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ kull wieħed minn dawn ir-rimedji, il-Qorti Ġenerali hija marbuta li tiddetermina jekk ir-rikors li għandha quddiemha għandux bħala għan talba għad-danni bbażata oġġettivament fuq drittijiet u obbligi b’oriġini kuntrattwali jew b’oriġini mhux kuntrattwali.

Is-sempliċi invokazzjoni tar-regoli jew tal-prinċipji li ma jirriżultawx mill-kuntratt li jorbot lill-partijiet, iżda li huma imposti fuqhom, ma jistax ikollha l-konsegwenza li tibdel in-natura kuntrattwali ta’ tilwima.

Madankollu, peress li, abbażi tat-Trattat FUE, il-qrati tal-Unjoni huma, fil-prinċipju, kompetenti biex jiddeċiedu kemm fuq rikors li jirrigwarda r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet kif ukoll fuq rikors li jirrigwarda r-responsabbiltà kuntrattwali tal-istituzzjonijiet meta jkunu kkonkludew kuntratt li jkun fih klawżola ta’ arbitraġġ, meta l-Qorti Ġenerali jkollha quddiemha rikors għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, meta t-tilwima tkun, fir-realtà, ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali għandha tikkwalifika mill-ġdid ir-rikors jekk il-kundizzjonijiet għal tali kwalifika mill-ġdid ikunu sodisfatti.

B’mod iktar partikolari, quddiem kwistjoni ta’ tali natura, ikun impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tikklassifika mill-ġdid rikors kemm meta r-rieda espressa mir-rikorrenti li ma tibbażax it-talba tagħha fuq l-Artikolu 272 TFUE tipprekludi tali klassifikazzjoni mill-ġdid, kemm meta r-rikors ma jkun sostnut minn ebda motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, kemm jekk dawn ikunu klawżoli kuntrattwali jew dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali mniżżla fil-kuntratt.

Barra minn hekk, il-ksur ta’ dispożizzjoni kuntrattwali minn istituzzjoni ma jistax, fih innifsu, iwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni msemmija fir-rigward ta’ waħda mill-partijiet li magħha din tkun ikkonkludiet il-kuntratt li fih id-dispożizzjoni msemmija. Fil-fatt, f’tali każ, l-illegalità imputabbli għall-istituzzjoni msemmija għandha oriġini purament kuntrattwali u toriġina mill-obbligu tagħha bħala parti kontraenti u mhux minħabba xi kwalità oħra bħal dik ta’ awtorità amministrattiva. Konsegwentement, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni ta’ ksur ta’ dispożizzjoni kuntrattwali insostenn ta’ talba għal kumpens mhux kuntrattwali għandha tiġi ddikjarata ineffettiva.

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li r-responsabbiltajiet kuntrattwali u mhux kuntrattwali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jistgħu jikkoeżistu fir-rigward ta’ wieħed mill-kontraenti tiegħu. Fil-fatt, in-natura tal-aġiri illegali imputabbli lil istituzzjoni li jikkawżaw dannu li jista’ jkun is-suġġett ta’ talba għad-danni mhux kuntrattwali ma hijiex predefinita. Anki jekk jitqies li teżisti tali koeżistenza tar-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet, din tkun possibbli biss bil-kundizzjoni li, minn naħa, l-illegalità li hija imputata lill-istituzzjoni inkwistjoni tkun tikkostitwixxi nuqqas mhux biss ta’ obbligu kuntrattwali, iżda wkoll ta’ obbligu ġenerali impost fuqha u, min-naħa l-oħra, li din l-illegalità fir-rigward tal-imsemmi obbligu ġenerali, tkun ikkawżat dannu differenti minn dak li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt.

(ara l-punti 145-150)