Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Ottubru 2009 - Tecnoprocess vs Id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Marokk et

(Kawża T-403/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Tecnoprocess Srl (Ruma, L-Italja) (rappreżentant: A. Majoli, avukat)

Konvenuti: Id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Marokk, id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fir-Repubblika tan-Niġerja u l-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tivverifika l-arrikkiment indebitu tad-Delegazzjoni ta' Abuya, tad-Delegazzjoni ta' Rabat u tal-Kummissjoni Ewropea.

għaldaqstant, tikkundanna lid-Delegazzjoni ta' Abuya, lid-Delegazzjoni ta' Rabat u lill-Kummissjoni Ewropea, anki insolidum, sabiex iħallsu lir-rikorrenti l-ammont ta' EUR 114,069,94, flimkien mal-interessi sakemm jitħallas dan l-ammont, jew kwalunkwe ammont ieħor li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra xieraq, barra l-interessi fuq l-ammont stabbilit, sakemm jitħallas.

tikkundanna lid-Delegazzjoni ta' Abuya, lid-Delegazzjoni ta' Rabat u lill-Kummissjoni Ewropea anki insolidum, għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-kumpannija rikorrenti fil-kawża preżenti, li hija l-istess waħda fil-Kawżi T-264/09 Tecnoprecess vs Il-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea u d-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Marokk u T-367/09 Tecnoprocess vs Il-Kummissjoni tal-Komunità u d-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fir-Repubblika tan-Niġerja, issostni li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kuntratti konklużi mal-awtoritajiet Marrokkini u Nigeriani u li huma s-suġġett ta' dawn iż-żewġ kawżi, id-Delegazzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq kif ukoll il-Kummissjoni, irrifjutaw b'mod mhux iġġustifikat li jsolvu, b'mod amikevoli, il-kwistjonijiet diversi relatati mal-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni, u dan minkejja li hija, f'diversi okkażjonijiet, ipproponiet lill-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jikkumpensaw l-pożizzjonijiet tal-attiv u l-passiv li jirrigwardaw l-imsemmija kuntratti.

Bħala riżultat ta' din is-sitwazzjoni, id-Delegazzjonijiet u l-Kummissjoni żammew fil-pussess tagħhom b'mod mhux iġġustifikat ammonti għoljin ħafna li kellhom jiġu ttrasferiti lir-rikorrenti, u b'hekk inħolqot sitwazzjoni li tikkostitwixxi arrikiment indebitu.

____________