Language of document : ECLI:EU:T:2012:145

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

22 ta’ Marzu 2012 (*)

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tintalab informazzjoni — Natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Obbligu ta’ motivazzjoni — Proporzjonalità”

Fil-Kawżi magħquda T-458/09 u T-171/10,

Slovak Telekom a.s., stabbilita fi Bratislava (is-Slovakkja), inizjalment irrappreżentata minn M. Maier, L. Kjølbye u D. Geradin, sussegwentement minn Kjølbye, D. Geradin u G. Berrisch, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, fil-Kawża T-458/09, minn F. Castillo de la Torre u K. Mojzesowicz u, fil-Kawża T-171/10, minn F. Castillo de la Torre, K. Mojzesowicz u J. Bourke, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talbiet għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 6840, tat-3 ta’ Settembru 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Kawża COMP/39.523 — Slovak Telekom) u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 902, tat-8 ta’ Frar 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (Kawża COMP/39.523 — Slovak Telekom).

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro (Relatur) u H. Kanninen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Slovak Telecom a.s., hija kumpannjia kkostitwita fl-1 ta’ April 1999 fir-Repubblika Slovakka, li Deutsche Telekom AG għandha pussess tagħha ta’ 51 % filwaqt li l-Gven Slovakk għandu pussess ta’ 49 %. Hija tipprovdi b’mod partikolari servizzi ta’ telefonija nazzjonali u internazzjonali, servizzi Internet broadband u sensiela wiesgħa ta’ servizzi oħra ta’ telekomunikazzjoni li jinkludu netwerks ta’ data, servizzi b’valur miżjud u kiri ta’ linji.

2        Bejn it-13 u s-16 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wettqet spezzjoni fil-bini tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 (KE) u 82 (KE) tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

3        B’ittra tal-14 ta’ April 2009, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, fit-8 ta’ April 2009, hija ddeċidiet li tiftaħ fir-rigward tagħha proċedura għal ksur tal-Artikolu 82 KE fil-Kawża COMP/39.523. Il-Kummissjoni indikat f’dan ir-rigward li l-ftuħ ta’ din il-proċedura kien jikkonċerna l-eżistenza possibbli, min-naħa tar-rikorrenti u ta’ kumpanniji li hija kienet tikkontrolla, fir-Repubblika Slovakka, ta’ rifjut li tikkonkludi tranżazzjonijiet fir-rigward tal-aċċess separat għal-linja lokali bl-ingrossa u ta’ aċċess ieħor b’veloċità għolja bl-ingrossa, ta’ pressjoni possibbli fuq il-marġni fir-rigward ta’ aċċess separat għal-linji lokali bl-ingrossa u ta’ aċċess ieħor b’veloċità għolja bl-ingrossa, u ta’ prattiki ta’ esklużjoni u diskriminatorji oħra, bħal dawk tal-bejgħ fi gruppi varjati u bejgħ konness fir-rigward ta’ servizzi bl-ingrossa u bl-imnut ta’ aċċess b’veloċità għolja (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-458/09, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata I”; premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-171/10, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata II”).

4        Fis-17 ta’ April 2009, il-Kummissjoni talbet informazzjoni lir-rikorrenti skont l-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata I, premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata II).

5        B’messaġġ elettroniku tal-4 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti indikat lill-Kummissjoni li t-talba għal informazzjoni tas-17 ta’ April 2009 kienet tikkonċerna wkoll perijodu preċedenti għad-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea u li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tapplika l-Artikoli 81 KE u 82 KE għal allegat aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Hija għalhekk enfasizzat li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonstata ksur għal dan il-perijodu, lanqas li titlob b’mod sistematiku informazzjoni relatata ma’ dan il-perijodu. Ir-rikorrenti pproponiet li tkompli tipprovdi informazzjoni ġenerali dwar il-perijodu li ppreċeda l-1 ta’ Mejju 2004. Fir-rigward ta’ data u ta’ kalkoli iktar iddettaljati, hija ssuġġerixxiet li tillimita t-tweġibiet tagħha għal perijodu sussegwenti għal din id-data (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata I, premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata II).

6        B’messaġġ elettroniku tal-5 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni wieġbet lir-rikorrenti, li dan ma kienx każ li jiġi kkonstatat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għall-perijodu li ppreċeda l-1 ta’ Mejju 2004, iżda pjuttost li tinkiseb informazzjoni fattwali konkreta, li parti minnha kienet tkopri wkoll dan il-perijodu. Il-Kummissjoni fil-fatt qieset li din l-informazzjoni kienet rilevanti biex tevalwa l-kompatibbiltà tal-aġir tar-rikorrenti mal-Artikolu 82 KE wara l-1 ta’ Mejju 2004, b’għarfien sħiħ tal-fatti u tal-kuntest ekonomiku korrett tagħhom. Il-Kummissjoni għalhekk insistiet sabiex l-informazzjoni mitluba tiġi trażmessa lilha kollha kemm hi (premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata I; premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata II).

7        B’ittra mehmuża ma’ messaġġ elettroniku tal-11 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti rrepetiet l-oġġezzjonijiet ifformulati fit-tieni messaġġ elettroniku tagħha tal-4 ta’ Ġunju 2009 u ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, ma kienx suffiċjenti li l-informazzjoni tista’ tintuża sabiex l-aġir tagħha jiġi evalwat fil-kuntest ekonomiku tagħha. Hija madankollu kkomunikat lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba minnha, filwaqt li indikat li hija rriżervat id-dritt li topponi kull użu mill-Kummissjoni ta’ din l-informazzjoni fir-rigward tagħha, kif ukoll tad-dokumenti preċedenti għall-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni, miġbura mill-Kummissjoni waqt l-ispezzjoni tax-xahar ta’ Jannar 2009 (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata I, premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata II).

8        Fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni wettqet spezzjoni ġdida.

9        B’ittra tas-17 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali lir-rikorrenti skont l-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, inkluża informazzjoni u dokumenti preċedenti għall-1 ta’ Mejju 2004 (premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata I; premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata II).

10      B’ittra tal-14 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrenti rrepetiet l-oġġezzjonijiet tagħha dwar il-provvista ta’ informazzjoni u dokumenti dwar il-perijodu li ppreċeda l-1 ta’ Mejju 2004. Hija indikat ukoll li hija kienet ipprovdiet volontarjament lill-Kummissjoni, sussegwentement għal talba għal informazzjoni tas-17 ta’ April 2004, informazzjoni ġenerali dwar il-perijodu li ppreċeda l-1 ta’ Mejju 2004 sabiex jiġi kkjarifikat il-kuntest madwar l-informazzjoni kkomunikata lilha, iżda li hija ma kinitx ser tipprovdi informazzjoni u kalkoli iktar iddettaljati li jikkonċernaw dan il-perijodu. Ir-rikorrenti għalhekk indikat li hija kienet iddeċidiet li ma tikkomunikax lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-perijodu ta’ “preadeżjoni” f’dak li jikkonċerna, minn naħa, il-mistoqsijiet 4a) u 4b) tat-talba għal informazzjoni tas-17 ta’ Lulju 1009, dwar l-aggregazzjoni “ATM” (Asynchronous Transfer Mode) u n-netwerk bażiku tagħha u, min-naħa l-oħra, il-mistoqsijiet 16 u 17 ta’ din it-talba għal informazzjoni. Hija madankollu rrilevat li d-deċiżjoni tagħha ma kinitx tikkonċerna ċerta informazzjoni tas-sena 2004 dwar il-profitt ta’ wħud mill-prodotti tagħha, mitluba fil-mistoqsija 12 tat-talba għal informazzjoni tas-17 ta’ Lulju 2009, peress li ma kienx possibbli li l-informazzjoni kkonċernata tiġi maqsuma b’mod li jinftiehem (premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata I; premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata II).

 Id-deċiżjoni kkontestata I

11      Fit-3 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 6840 dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (Każ COMP/39.523 — Slovak Telekom).

12      Fid-deċiżjoni kkontestata I, il-Kummissjoni indikat li, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha minn dan ir-regolament, hija tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, tirrikjedi lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja. Skont il-Kummissjoni, il-kompetenza tagħha sabiex titlob tali informazzjoni ma tistax tkun limitata għall-perijodu li fih hija awtorizzata tikkonstata ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata I).

13      Il-Kummissjoni għalhekk qieset li, bħala amministratur diliġenti, hija għandha tissodisfa l-punti ta’ fatt kollha marbuta mal-kawża. Hija indikat li f’dan il-każ, dawn id-doveri kienu jikkonsistu f’li tevalwa, minbarra l-kuntest tal-bejgħ u tal-iżvilupp tas-servizzi broadband u “triple play” ipprovduti bl-imnut u bl-ingrossa wara l-1 ta’ Mejju 2004, il-kuntest tal-ippjanar, tal-preparazzjoni ta’ dawn is-servizzi, tal-investimenti relatati magħhom u mat-tqegħid fis-suq tagħhom, kif ukoll l-iżvilupp tagħhom sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata I (b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna s-sena 2003 u l-ewwel erba’ xhur tas-sena 2004), indipendentement mill-fatt li wħud minn dawn l-avvenimenti seħħew qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, peress li hija setgħet tinkludi tali konstatazzjonijiet fattwali f’deċiżjoni li timponi multi, hija kienet kompetenti, abbażi tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li titlob l-informazzjoni u dokumenti li kienu jippermettulha li twettaq l-imsemmija konstatazzjonijiet (premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata I).

14      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset, l-ewwel nett, li data preċedenti għall-2004 li tikkonċerna l-iżvilupp tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet u l-attivitajiet tar-rikorrenti f’dawn is-swieq kienet rilevanti għall-analiżi tal-aġir tar-rikorrenti wara l-1 ta’ Mejju 2004, b’mod partikolari għall-finijiet tad-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni u tad-determinazzjoni taż-żamma possibbli mir-rikorrenti ta’ pożizzjoni dominanti f’dawn is-swieq mill-1 ta’ Mejju 2004, peress li fir-rigward ta’ tali evalwazzjonijiet hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ċifri statiċi u kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp ekonomiku, b’mod partikolari matul il-perijodu preċedenti għall-1 ta’ Mejju 2004 (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li l-aggregazzjoni “ATM” u n-netwerk bażiku tar-rikorrenti (punti I u II tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata I) kienu tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li, fid-data ta’ din id-deċiżjoni, hija kienet tużahom dejjem sabiex tipprovdi servizzi broadband bl-ingrossa u bl-imnut (premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata I).

16      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrilevat li d-dokumenti msemmija fil-mistoqsijiet 16 u 17 tal-Anness III tat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni u msemmija fil-punti III u IV tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata I kienu jikkonċernaw servizzi broadband bl-ingrossa u bl-imnut li kienu tqiegħdu fis-suq fl-2003 u li r-rikorrenti kienet kompliet tipprovdihom wara l-1 ta’ Mejju 2004. Hija ppreċiżat li l-informazzjoni inkwistjoni kienet tikkonċerna l-ippjanar ta’ dawn is-servizzi, it-tqegħid fis-suq tagħhom, l-investimenti relatati magħhom u l-iżvilupp tagħhom, il-pożizzjoni tagħhom fis-suq, ir-regolamentazzjoni tagħhom, il-prodotti kompetituri tagħhom kif ukoll ċirkustanzi rilevanti oħra. Il-Kummissjoni żiedet li dokumenti oħra kienu jikkonċernaw l-istrateġija tal-kumpannija fis-suq broadband, l-istrateġija regolamentarja, il-previżjonijiet u d-diskussjonijiet fuq is-sitwazzjoni tas-suq u r-reazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan ir-rigward kif ukoll il-preparazzjoni tal-offerta ta’ riferiment għas-separazzjoni tal-linji lokali u l-kwistjonijiet regolamentari relatati magħha. Minħabba dan il-fatt, dawn id-dokumenti huma utli għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ u neċessarji fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tevalwa l-kuntest ekonomiku u finanzjarju globali tat-tqegħid fis-suq u l-provvsta bl-imnut u bl-ingrossa ta’ servizzi ta’ aċċess broadband fit-territorju tar-Repubblika Slovakka kif ukoll il-kompatibbiltà tal-aġir tar-rikorrenti mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata I).

17      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jinqara kif ġej:

“Artikolu 1

Slovak Telekom a.s. għandha tipprovdi, mhux iktar tard mit-22 ta’ Settembru 2009, l-informazzjoni msemmija fl-Anness I ta’ din id-[d]eċiżjoni. L-Anness I jikkostitwixxi parti integrali minn din id-[d]eċiżjoni.

Artikolu 2

Fin-nuqqas ta’ Slovak Telekom li tipprovdi l-informazzjoni mitluba korrettament u kompleta fil-perijodu ppreċiżat fl-Artikolu 1, ser jiġu imposti fuqha pagamenti ta’ penalità ta’ 1 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha ta’ kull ġurnata matul is-sena finanzjarja preċedenti, li tikkorrispondi għal EUR 28 114 [...], għal kull jum ta’ dewmien, ikkalkolata mid-data stabbilita f’din id-[d]eċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-[d]eċiżjoni hija indirizzata lil Slovak Telekom, a.s., li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fi Karadžičova 10, 825 13 Bratislava, ir-Repubblika Slovakka, kif ukoll lill-impriżi kollha li hija tikkontrolla direttament jew indirettament, waħedha jew konġuntament.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      Fit-22 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti kkomunikat lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha mitluba minnha.

 Id-deċiżjoni kkontestata II

19      Fit-8 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2010) 902 dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (Każ COMP/39.523 — Slovak Telekom).

20      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, essenzjalment, fakkret diversi kunsiderazzjonijiet li diġà jidhru fid-deċiżjoni kkontestata I (premessi 2, 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata II) (ara l-punti 12 u 13 iktar ’il fuq).

21      Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, l-ewwel nett, li r-“rapport tip UNI” dwar is-sena 2003, mitlub fil-punt 1 tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata II, kien fih data ta’ kontabbiltà dwar is-servizzi broad band ipprovduti bl-ingrossa u bl-imnut mir-rikorrenti, bħall-irċevuti, l-ispejjeż u l-profitt. Hija għalhekk qieset li dan id-dokument kien neċessarju sabiex tkun tista’ tevalwa l-profitt tas-servizzi broad band tar-rikorrenti matul il-perijodu kollu inkluż bejn it-tqegħid fis-suq tagħhom fis-sena 2003 u d-data tad-deċiżjoni kkontestata II (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata II).

22      Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li l-informazzjoni u d-dokumenti li jikkonċernaw is-sena 2003, mitluba fil-punti 2 sa 4 tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata II, dwar l-ispejjeż ta’ kisba ta’ klijenti ġodda u ta’ ċerti spejjeż f’kapital ta’ Slovak Telekom għall-provvista ta’ ċerti servizzi broadband kienu neċessarji għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-aġir allegatament abbużiv wara l-1 ta’ Mejju 2004. Hija fil-fatt qieset li l-infiq bħall-ispejjeż f’kapital u l-infiq ta’ funzjonament inkorsi matul sena finanzjarja setgħu jiġu ammortizzati fuq żmien itwal u li dan ikollu riperkussjonijiet fuq il-kalkolu tal-infiq u tal-profitt matul is-snin finanzjarji sussegwenti (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata II).

23      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien xieraq li titlob l-informazzjoni inkwistjoni permezz ta’ deċiżjoni, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskju ta’ dewmien fil-komunikazzjoni tagħha, għall-fatt li r-rikorrenti fil-passat kienet irrifjutat li tipprovdi informazzjoni dwar il-perijodu li ppreċeda l-1 ta’ Mejju 2004 u għar-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata I pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-458/09 (ara punt 25 iktar ’il quddiem) (premessi 7 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata II).

24      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata II jinqara kif ġej:

“Artikolu 1

Slovak Telekom a.s. għandha tipprovdi, mhux iktar tard mit-23 ta’ Frar 2010, l-informazzjoni msemmija fl-Anness I ta’ din id-[d]eċiżjoni. L-Anness I jikkostitwixxi parti integrali minn din id-[d]eċiżjoni.

Artikolu 2

F’każ li Slovak Telekom tonqos milli tipprovdi l-informazzjoin mitluba korrettament u komplet fil-perijodu msemmi fl-Artikolu 1, hija ser tiġi imposta pagamenti ta’ penalità ta’ 1 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull ġurnata matul is-sena finanzjarja preċedenti, li tikkorrispondi għal EUR 28 114 [...], għal kull jum ta’ dewmien, ikkalkolata mid-data stabbilita minn din id-[d]eċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-[d]eċiżjoni hija indirizzata lil Slovak Telekom, a.s., li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fi Karadžičova 10, 825 13 Bratislava, ir-Repubblika Slovakka, kif ukoll lill-impriżi kollha li hija tikkontrolla direttament jew indirettament, waħedha jew konġuntament.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Novembru 2009 u l-15 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dawn il-kawżi dwar, f’dak li jikkonċerna l-Kawża T-458/09, id-deċiżjoni kkontestata I, u, f’dak li jikkonċerna l-Kawża T-171/10, id-deċiżjoni kkontestata II.

26      F’dawn ir-rikorsi, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla rispettivament id-deċiżjoni kkontestata I u d-deċiżjoni kkontestata II;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      F’kull rikors, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

28      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, talbet lill-Kummissjoni tipproduċi dokumenti. Il-Kummissjoni wieġbet fit-terminu mogħti.

29      Sussegwentement għal talba f’dan is-sens mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma opponietx, il-Kawżi T-458/09 u T-171/10 ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali tas-sentenza, b’digriet tal-President tat-Tmien Awla tat-30 ta’ Ġunju 2011.

30      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Settembru 2011.

 Id-dritt

31      Insostenn ta’ kull wieħed minn dawn ir-rikorsi, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-“prinċipju tal-ekwità tal-proċedura”. Fl-aħħar nett, it-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003

32      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003. Skont ir-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tapplika l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 102 TFUE għal attivitajiet fit-territojru tar-Repubblika Slovakka qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, hija ma kinitx awtorizzata titlob, skont l-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament, informazzjoni li tikkonċerna l-perijodu preċedenti għal din l-adeżjoni.

33      Ir-rikorrenti tfakkar f’dan ir-rigward li peress illi l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 102 TFUE ma japplikawx għall-perijodu kopert mid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-kompetenza tal-Kummissjoni hija limitata għall-abbużi mwettqa minn impriżi f’pożizzjoni dominanti fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, sa fejn il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat minn dan. Issa, f’dan il-każ, dawn il-kundizzjonijiet ma kinux ġew sodisfatti qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Fil-fatt, qabel din id-data, is-suq Slovakk tat-telekomunikazzjonijiet ma kienx għamel parti mis-suq komuni u l-aġir tar-rikorrenti ma setax jeffettwa l-iskambji bejn Stati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax dan fid-deċiżjonijiet ikkontestati I u II. Barra minn hekk, il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Slovakka, min-naħa l-oħra (ĠU 1994, L 359, p. 2) ma għamilx l-Artikoli 81 KE u 82 KE u lanqas l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE direttament applikabbli għar-Repubblika Slovakka qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.

34      Skont ir-rikorrenti, l-obbligi u l-kompetenzi tal-Kummissjoni li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 24(1)(d) tiegħu huma ddeterminati u limitati mill-għan tal-investigazzjoni, jiġifieri l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u għalhekk mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, minn naħa, u l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” li jinsab fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jeħtieġ rabta suffiċjenti bejn it-talba għal informazzjoni u l-ksur preżunt. Madankollu, f’dawn il-kawżi, ma teżisti ebda rabta bejn l-informazzjoni mitluba u l-ksur allegat, peress li ebda ksur ma jista’ jiġi kkonstatat qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata sabiex tinvestiga skont l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu TFUE u ma tistax tibbaża ruħha fuq informazzjoni li kienet ittrattat l-aġir tar-rikorrenti matul il-perijodu li ppreċeda l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-prattiki tar-rikorrenti mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni wara din l-adeżjoni.

35      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif il-Kummissjoni espressament indikat b’messaġġ elettroniku tal-5 ta’ Ġunju 2009 indirizzat lir-rikorrenti (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata I u l-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata II, u li rrepetiet fl-iskritturi tagħha u waqt is-seduta, id-deċiżjonijiet ikkontestati I u II għandhom bħala għan li tinkiseb informazzjoni fattwali konkreta, li parti minnha hija preċedenti għall-1 ta’ Mejju 2004, sabiex tinvestiga fuq l-eżistenza possibbli, wara din id-data, ta’ rifjut tar-rikorrenti u ta’ kumpanniji li hija tikkontrolla sabiex jikkonkludu tranżazzjonijiet, ta’ pressjoni possibbli tal-marġni u ta’ kull aġir ieħor possibbli ta’ esklużjoni fir-rigward ta’ servizzi ta’ aċċess separat għal-linji lokali bl-ingrossa, ta’ servizzi oħra ta’ aċċess broadband bl-ingrossa u ta’ servizzi ta’ aċċess broadband bl-imnut. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni indikat, li f’dan l-istadju ma kinitx kwistjoni li jiġi kkonstatat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-perijodu li ppreċeda l-1 ta’ Mejju 2004.

36      Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, l-azzjoni tal-Komunità Ewropea tinkludi, taħt il-kundizzjonijiet u skont ir-ritmi previsti mit-trattat, sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx distorta. Minbarra dan, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern. Dan tal-aħħar, skont il-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, anness mat-Trattati UE u FUE (ĠU 2010, C 83, p. 309), jinkludi sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta.

37      L-Artikoli 81 KE u 82 KE, kif ukoll l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, jappartjenu għan-numru tar-regoli tal-kompetizzjoni li, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b) TFUE, huma neċessarji għall-funzjonament ta’ dan is-suq intern.

38      Fil-fatt, tali regoli għandhom preċiżament l-għan li jiġi evitat li l-kompetizzjoni tiġi distorta bi ħsara għall-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal-konsumaturi, u b’hekk, jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat il-benesseri fl-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonerar, C‑52/09, Ġabra p. I‑527, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Għandu jitfakkar ukoll li r-Regolament Nru 1/2003, applikat skont l-Artikolu 83(1) KE, skont it-termini tal-Artikolu 83(2)(a) tiegħu, għandu bħala għan li jiżgura l-osservanza tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 81 KE u 82 KE.

40      Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni setgħa ta’ investigazzjoni u ta’ verifika wiesgħa meta jipprovdi, fl-Artikolu 18(1) tiegħu, li “[s]abiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja”. Il-premessa 23 ta’ dan ir-regolament tippreċiża f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni “għandha jkollha is-saħħa [fi ħdan l-Unjoni] li tirrekwiżixxi l-informazzjoni li tiġi mogħtija kif neċċessarju biex tiskopri [...] abbuż ta’ posizzjonijiet dominanti projbiti mil-Artikolu 82 [KE]”.

41      Għaldaqstant, sabiex tinżamm l-effettività tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga lil impriża li tipprovdi l-informazzjoni neċessarja kollha li tirrigwarda fatti li hija jista’ jkollha għarfien dwarhom u li tikkomunikalha, skont il-bżonn, id-dokumenti relatati magħha li jinsabu fil-pussess tagħha, anki jekk dawn jistgħu jservu sabiex jistabbilixxu, fir-rigward tagħha jew kontra impriża oħra, l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv [(ara l-premessa 23 tar-Regolament Nru 1/2003; ara wkoll, b’analoġija, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Fra 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli (81 KE) u (82 KE) tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punti 34 u 35; tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 61, u tad-29 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs SGL Carbon, C‑301/04 P, Ġabra p. I‑5915, punt 41; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T-446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 327].

42      Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” għandu jiġi interpretat skont l-għanijiet li fid-dawl tagħhom is-setgħat investigattivi inkwistjoni ngħataw lill-Kummissjoni. Dan jiġi sodisfatt bir-rekwiżit ta’ korrelazzjoni bejn it-talba għal informazzjoni u l-ksur preżunt, peress li, f’dan l-istadju tal-proċedura, din it-talba tista’ tiġi leġittimament ikkunsidrata bħala li tippreżenta relazzjoni mal-ksur preżunt, fis-sens li l-Kummissjoni tista’ raġonevolment tippresupponi li d-dokument ser jgħinha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur allegat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1994, SEP vs Il-Kummissjoni, T-39/90, Ġabra p. II‑1497, punt 29, ikkonfermata fl-istadju tal-appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni, C‑36/92 P, Ġabra p. I‑1911, punt 21, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑1914, punt 21).

43      Minbarra dan, mill-Kummissjoni tista’ tiġi mitluba biss il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tista’ tippermettilha li tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw l-iżvolġiment tal-investigazzjoni u li huma indikati fit-talba għal informazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1991, SEP vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u tat-8 ta’ Marzu 1995, Société Générale vs Il-Kummissjoni, T-34/93, Ġabra p. II‑545, punt 40). Barra minn hekk, fid-dawl tas-setgħa ta’ investigazzjoni u ta’ verifika wiesgħa tal-Kummissjoni, hija din li għandha tevalwa n-neċessità tal-informazzjoni li hija titlob mingħand l-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġutsizzja tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, 155/79, Ġabra p. 1575, punt 17; Orkem vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 15; tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, punt 78, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑573, punt 148).

44      Għandu fl-aħħar nett jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, diversi drabi, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17, li l-impriża li tkun qed tiġi investigata hija suġġetta għal obbligu ta’ kollaborazzjoni attiva, li jimplika li hija żżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-elementi ta’ informazzjoni kollha relatati mas-suġġett tal-investigazzjoni (sentenzi Orkem vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 27, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 62, u Il-Kummissjoni vs SGL Carbon, punt 41 iktar ’il fuq, punt 40).

45      Fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-għan tiegħu u skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 41 sa 44 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-setgħat investigattivi li huma previsti minn din id-dispożizzjoni huma suġġetti biss għar-rekwiżit tan-neċessità tal-informazzjoni mitluba, evalwata mill-Kummissjoni, sabiex tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw l-iżvolġiment tal-investigazzjoni, u b’mod partikolari, f’dan il-każ, li tiġi żvelata l-applikazzjoni abbużiva ta’ pożizzjoni dominanti pprojbita mill-Artikolu 82 KE u mill-Artikolu 102 TFUE. Għalhekk, kull interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li twassal li tipprojbixxi lill-Kummissjoni, bħala prinċipju, li titlob lil impriża informazzjoni dwar perijodu li matulu r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma kinux applikabbli għaliha, filwaqt li tali informazzjoni hija neċessarja sabiex jiġi żvelat ksur possibbli ta’ dawn ir-regoli mill-mument meta dawn ikunu applikabbli għaliha, jista’ jwassal sabiex din id-dispożizzjoni tiġi mċaħħda mill-effettività tagħha u jmur kontra l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’attenzjoni u imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1992, LaCinq vs Il-Kummissjoni, T-44/90, Ġabra p. II‑1, punt 86, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 404).

46      Tali interpretazzjoni hija barra minn hekk ibbażata fuq il-premessa żbaljata li informazzjoni dwar perijodu li matulu r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma kinux applikabbli għal impriża ma tistax tippermetti li jiġi spjegat li avvenimenti kienu seħħew matul dan l-istess perijodu.

47      Issa, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà affermat f’dan ir-rigward, fil-każ tal-investigazzjonijiet deċiżi skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, li saru ma’ impriżi Spanjoli ftit wara l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja mal-Komunità, li ebda regola ma kienet tillimita l-kompetenza ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni għall-uniku aġir li kien seħħ wara l-adeżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni, 97/87 sa 99/87, Ġabra p. 3165, punt 63).

48      Sussegwentement, hekk kif affermat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (T‑198/03, Ġabra p. II‑1429, punt 89), dwar każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 83 KE, l-inklużjoni, f’deċiżjoni li timponi multi, ta’ konstatazzjonijiet fattwali rigward akkordju ma tistax tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun kompetenti biex tikkonstata ksur ta’ liġi relatat miegħu jew mal-kundizzjoni li tkun effettivament ikkonstatat dan il-ksur. Fil-fatt, huwa leġittimu, għall-Kummissjoni, li tiddeskrivi, f’deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi sanzjoni, il-kuntest fattwali u storiku li jagħmel parti minnu l-aġir imputat (ara wkoll il-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata I u l-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata II).

49      Ir-rikorrenti ma tistax f’dan ir-rigward tallega li s-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, hija irrilevanti f’dan il-każ peress li, f’din il-kawża, il-qorti tal-Unjoni ma tatx deċiżjoni dwar il-kompetenzi tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ stabbiliment tal-fatti fiċ-ċirkustanzi fejn ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma japplikawx u li ngħatat deċiżjoni biss dwar id-dritt għall-Kummissjoni li tippubblika ċerta informazzjoni dwar il-perijodu li jippreċedi l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni.

50      Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti f’din il-kawża kienet espressament sostniet li l-pubblikazzjoni tal-partijiet tad-deċiżjoni li timponi l-multi li huma relatati mal-perijodu li ppreċeda l-adeżjoni tar-Repubblka tal-Awstrija mal-Unjoni kienet illegali għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti biex tiddeċiedi dwar ksur li hija kienet wettqet fl-Awstrija matul dan il-perijodu. Min-naħa l-oħra, minn din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali effettivament qieset mhux biss li l-inklużjoni, fid-deċiżjoni li timponi l-multi, ta’ konstatazzjonijiet fattwali li kienu jirrigwardaw akkordju ma tistax tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun kompetenti biex tikkonstata ksur relatat miegħu jew għall-kundizzjoni li hija tkun effettivament ikkonstatat tali ksur, iżda, ukoll, li dan japplika wkoll għall-pubblikazzjoni ta’ tali konstatazzjonijiet, peress li din setgħet tkun utli biex il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jifhem sew ir-raġunijiet ta’ din id-deċiżjoni (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punti 81 u 89).

51      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet in-neċessità għall-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ kawżi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, li titlob informazzjoni dwar perijodu preċedenti għall-perijodu li fih seħħ il-ksur għall-finijiet li jiġi ppreċiżat il-kuntest li fih aġir seħħ matul dan l-aħħar perijodu. Għalhekk, fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni (T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 150), il-Qorti Ġenerali enfasizzat il-leġittimità tad-deskrizzjoni mill-Kummissjoni, f’deċiżjoni li imponiet multi, tal-kuntest iktar wiesa’ li fih seħħ l-aġir li jikkostitwixxi ksur. Iċ-ċirkustanza, sostnuta mir-rikorrenti, li l-impriżi kkonċernati, f’din il-kawża, ma kinux ikkontestaw l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet konkreti li jinsabu fid-deċiżjoni kkonċernata għar-raġuni li huma ma kinux ibbażati fuq provi li jirriżultaw mill-perijodu inkwistjoni (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 151) hija irrilevanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni (T-54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 428), il-Qorti Ġenerali qieset ukoll li nota preċedenti għall-perijodu li fih seħħ il-ksur setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni “sabiex tinbena immaġni globali tal-kuntatti bejn il-kompetituri u [setgħet] għalhekk tikkorrobora l-interpretazzjoni tal-provi l-oħra li skont dawn l-impriżi kompetituri inkwistjoni, f’dan il-każ, kellhom kuntatti bejniethom fuq iż-żieda fil-prezzijiet”.

52      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti fejn skont dawn, bħala prinċipju, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq informazzjoni li ttrattat l-aġir tar-rikorrenti preċedenti għall-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-prattiki tagħha, sussegwenti għal din l-adeżjoni, mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

53      Ir-rikorrenti tafferma barra minn hekk li ebda aġir preċedenti għall-1 ta’ Mejju 2004 ma jista’ jkun rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk hija kisritx l-Artikolu 82 KE jew l-Artikolu 102 TFUE wara l-1 ta’ Mejju 2004. Hija fil-fatt issostni li peress li ma teżisti ebda rabta bejn il-kriterju legali tal-ksur inkwistjoni u l-informazzjoni mitluba, l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 102 TFUE ma humiex applikabbli għall-fatti kkonċernati mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

54      Tali argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkunsidrat li informazzjoni jew dokumenti dwar l-iżvolġiment tas-swieq inkwistjoni u l-impriżi attivi f’dawn is-swieq jistgħu jippermettu lill-Kummissjoni, indipendentement mill-preċedenza tagħhom meta pparagunati mal-perijodu li fih seħħ il-ksur preżunt, li tistabbilixxi s-swieq inkwistjoni jew li tiddetermina jekk l-impriża kkonċernata żżommx pożizzjoni dominanti f’dawn is-swieq (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata I).

55      It-tieni nett, fir-rigward tal-abbużi allegati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-ftuħ tal-proċedura ta’ ksur (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), għandu wkoll jiġi enfasizzat li ċerta informazzjoni dwar l-ispejjeż preċedenti għall-1 ta’ Mejju 2004 setgħu jirriżultaw neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza possibbli ta’ effett ta’ diviżjoni, hekk kif ġie ammess mir-rikorrenti waqt is-seduta. Għalhekk, jista’ jkun li ċerti spejjeż ta’ investiment għandhom ikunu s-suġġett ta’ ammortizzazzjoni fuq perijodu li ma jikkoinċidix neċessarjament mal-perijodu li fih seħħ il-ksur (ara l-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata II). Dan jirriżulta barra minn hekk mill-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar l-abbużi minn pożizzjoni dominanti, invokata mir-rikorrenti [ara l-premessi 76 u 77 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2003 dwar proċedura skont l-Artikolu 82 KE (COMP/38.233 — Wanadoo Interactive); ara wkoll, b’mod partikolari, il-premessi 328, 474 sa 489 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2007 dwar proċedura skont l-Artikolu 82 KE (COMP/38.784 — Wanadoo España vsTelefónica)]. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, ifformulat fil-Kawża T-171/10, li skont dan l-informazzjoni speċifika mitluba mill-Kummissjoni għandha tkun “strettament” neċessarja f’dan il-każ għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-pressjoni tal-marġnijiet. Fil-fatt, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ssuġġerita mir-rikorrenti timponi fuq il-Kummissjoni, qabel kull talba għal informazzjoni, li tkun taf il-kontenut tad-dokumenti mitluba kif ukoll l-importanza tagħhom fir-rigward tal-finijiet tal-investigazzjoni.

56      Barra minn hekk, f’ċerti każijiet, l-informazzjoni disponibbli dwar l-ispejjeż ma tkunx speċifika għal perijodu li ma jkunx relatat mal-ksur [ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2003 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE (COMP/38.233 — Wanadoo Interactive)]. Tali ipoteżi tibqa’ espressament irrikonoxxuta mir-rikorrenti, fejn din indikat lill-Kummissjoni, b’messaġġ elettroniku tal-14 ta’ Awwissu 2009, li hija kienet iddeċidiet li tikkomunikalha ċerta informazzjoni għas-sena 2004, preċedenti għall-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni “peress li ma kienx possibbli li l-informazzjoni kkonċernata tiġi maqsuma b’mod li jinftiehem” (ara l-punt 10 iktar ’il fuq).

57      Fl-aħħar nett, hekk kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, dokumenti li jirreferu għal deċiżjonijiet meħuda mir-rikorrenti jew ftehim konklużi minnha qabel l-1 ta’ Mejju 2004, iżda implementati wara l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni, jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati bħala neċessarji mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tistabbilixxi l-fatti sussegwenti għal din l-adeżjoni u tinterpretahom korrettament.

58      Għalhekk, elementi intiżi sabiex juru intenzjoni possibbli ta’ tneħħija tal-kompetituri jistgħu jirriżultaw rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, għall-finijiet tal-investigazzjoni tal-kwistjoni (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tordna spezzjoni, is-sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 150; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punti 71 u 72, u TeliaSonera, punt 38 iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ permezz ta’ deċiżjoni timponi multi fuq l-impriżi meta, jew intenzjonalment jew b’negliġenza, jiksru l-Artikolu 82 KE. Issa, ġie deċiż li, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni imputabbli lil impriża, sabiex jiġi stabbilit ammont ta’ multa li jkun proporzjonali għaliha, il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità partikolari ta’ ksur li jagħmel parti minn strateġija intenzjonata u koerenti intiża, permezz ta’ prattiki eliminatorji differenti fir-rigward tal-kompetituri, li tinżamm artifiċjalment jew tissaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-swieq fejn il-kompetizzjoni kienet diġà limitata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II‑755, punt 241, u tal-25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T-66/01, Ġabra p. II‑2631, punt 372 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Isegwi li informazzjoni u dokumenti, anki preċedenti għall-perijodu li fih seħħ il-ksur, bħal uħud mill-preżentazzjonijiet interni tar-rikorrenti msemmija fil-punt IV tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata I, u li r-rilevanza tagħhom hija kkontestata mir-rikorrenti, li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ strateġija ta’ esklużjoni tar-rikorrenti jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-gravità tal-ksur possibbli u, għaldaqstant, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala neċessarji sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq id-doveri li ġew assenjati lilha mir-Regolament Nru 1/2003, fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament.

61      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-kunċett ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti għandu kontenut oġġettiv u ma jimplikax l-intenzjoni li ssir ħsara ma jwassalx għall-kunsiderazzjoni li l-intenzjoni li wieħed jirrikorri għal prattiki li ma jaqgħux fil-parametri tal-kompetizzjoni fuq il-merti hija f’kull każ irrilevanti, peress li din tista’ dejjem tittieħed inkunsiderazzjoni insostenn ta’ konklużjoni li l-impriża kkonċernata wettqet abbuż minn pożizzjoni dominanti, anki jekk tali konklużjoni għandha qabelxejn tkun ibbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva ta’ implementazzjoni materjali tal-aġir abbużiv. Għalhekk il-Kummissjoni għandha d-dritt li teżamina d-dokumentazzjoni interna tal-impriżi kkonċernati, peress li din tista’ turi li l-esklużjoni tal-kompetizzjoni kienet maħsuba jew, bil-kontra, tissuġġerixxi spjegazzjoni differenti mill-prattiki eżaminati.

62      Fir-rigward tal-iżviluppi li jidhru iktar ’il fuq, u mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tal-Kummissjoni, imqajma fil-Kawża T-458/09, ibbażati fuq l-użu mir-rikorrenti ta’ elementi ta’ informazzjoni preċedenti għall-1 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti ma tistax tallega li informazzjoni u dokumenti preċedenti għal din id-data huma irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ rifjut possibbli ta’ provvista, ta’ eventwali pressjoni tal-marġni jew ta’ kull aġir possibbli ieħor ta’ esklużjoni (ara l-premessi 1 tad-deċiżjonijiet ikkontestati I u II), minħabba l-fatt li l-konstatazzjoni ta’ tali ksur tista’ tkun ibbażata biss fuq informazzjoni oġġettiva u sussegwenti għall-ksur.

63      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti fl-aħħar nett sostniet li ma kinitx teżisti rabta oġġettiva bejn l-informazzjoni kollha mitluba u l-ksur allegat, li jiġġustifika, sussidjarjament, annullament parzjali tad-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li dawn kienu jikkonċernaw, tal-inqas parzjalment, ċerta informazzjoni li ma tippreżentax rabta oġġettiva mal-ksur allegat. Madankollu, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ tali talba, ikkontestata mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma hija bl-ebda mod sostnuta mir-rikorrenti, b’riżultat li għandha tiġi miċħuda.

64      Fid‑dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-“prinċipju tal-ekwità tal-proċedura”

65      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, billi adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati I u II, il-Kummissjoni kisret il-“prinċipju tal-ekwità tal-proċedura” li huwa stabbilit mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Karta”). Essenzjalment, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tapplikax l-attenzjoni, is-serjetà u d-diliġenza meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha jekk l-analiżi tagħha ta’ aġir sussegwenti għall-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni tkun mittiefsa minn informazzjoni preċedenti għal din l-adeżjoni, meta l-aġir preċedenti għall-adeżjoni inkwistjoni jkun perfettament legali mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-rikorrenti għandha tiġi kkunsidrata, fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, bħala li tibbaża ruħha fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

66      Għandu jitfakkar li l-premessa 37 tar-Regolament Nru 1/2003 tippreċiża li dan “jirrispetta id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji magħrufin b’mod partikolari mil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea” u li “għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett ghal dawk id-drittijiet u il-prinċipji”. Minbarra dan, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Karta, skont l-Artikolu 6(1) TUE, għandu jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

67      L-Artikolu 41 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba” jipprovdi, fl-Artikolu 41(1) tiegħu, li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”.

68      Skont il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni dwar il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu tal-istituzzjoni li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza Technische Universität München, punt 45 iktar ’il fuq, punt 14; sentenzi La Cinq vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 86, u Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 404).

69      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet li għandu jiġi stabbilit jekk, meta adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

70      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex ammissibbli li, sabiex jiġi pprovat ksur tal-Artikolu 82 KE wara l-1 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni tipprova tikseb informazzjoni dwar l-aġir tagħha fis-suq f’mument meta hija ma kinitx obbligata li tosserva din id-dispożizzjoni.

71      Tali argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, huwa b’mod partikolari minħabba l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, li hija għandha tipprepara deċiżjoni bid-diliġenza kollha meħtieġa u li tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi tal-informazzjoni kollha li jista’ jkollha effett fuqha. Il-Kummissjoni għandha, f’dan ir-rigward, is-setgħa li titlob lill-impriżi “l-informazzjoni kollha neċessarja” skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

72      Issa, hekk kif jirriżulta mill-iżviluppi li jidhru fil-kuntest tal-ewwel motiv, informazzjoni u dokumenti, anki preċedenti għall-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni u għall-perijodu li fih seħħ il-ksur, jistgħu jirriżultaw neċessarji sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq id-doveri li huma assenjati lilha mir-Regolament Nru 1/2003 b’mod imparzjali u ekwu.

73      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-investigazzjoni u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni huma distorti fir-rigward tagħha. Hija fil-fatt issostni li d-dokumenti li hija għandha l-obbligu li tipproduċi skont id-deċiżjoni kkontestata I jistgħu jinfluwenzaw il-perċezzjoni li jkollha l-Kummissjoni rigward l-aġir tagħha wara l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea. Madankollu, fid-dawl tal-iżviluppi li jidhru fil-punti 41 sa 62 iktar ’il fuq, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. F’kull każ, tali argument għandu wkoll jiġi miċħud, peress illi huwa bbażat fuq premessa purament ipotetika. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet ikkontestati I u II ma għandhomx bħala għan li janalizzaw l-aġir tar-rikorrenti wara l-1 ta’ Mejju 2004.

74      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

75      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress illi, fid-deċiżjonijiet ikkontestati I u II, hija kienet talbitha informazzjoni u dokumenti dwar il-perijodu preċedenti għall-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni li ma humiex neċessarji għall-evalwazzjoni tal-ksur allegat tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward il-prinċipju fundamentali tal-invjolabbiltà tal-isfera privata, li jeħtieġ li l-Kummissjoni ma teżerċitax is-setgħat investigattivi tagħha lil hinn minn dak li huwa neċessarju. Minbarra dan, mingħajr ma tifformula espressament raġuni bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni kkontestata I, u l-Artikolu 296 TFUE, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni kkontestata II, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tispjegax b’mod plawsibbli għaliex l-informazzjoni mitluba hija neċessarja għall-evalwazzjoni tal-aġir abbużiv allegat wara l-1 ta’ Mejju 2004. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrileva wkoll li l-Kummissjoni diġà kisbet informazzjoni li tkopri iktar minn ħames snin mill-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni.

76      Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti kellha effettivament l-intenzjoni li tifformula motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE u l-Artikolu 296 TFUE, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-istess kif il-Qorti tal-Ġutsizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il-Kummissjoni (136/79, Ġabra p. 2033, punt 25), rigward l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, u kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tagħha Société Générale vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq (punt 62) rigward l-Artikolu 11(3) tal-istess regolament, l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tintalab informazzjoni.

77      Għalhekk, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-Kummissjoni “ħa ssemmi il-bażi legali u ir-raġuni għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi rikjesta u twaħħal limitu ta’ ħin li fih l-informazzjoni għandha tiġi provduta”. Din id-dispożizzjoni tippreċiża barra minn hekk li l-Kummissjoni “tindika ukoll il-pieni previsti mil-Artikolu 23”, li hija “tindika jew timponi il-pieni previsti mil-Artikolu 24” u li “[h]i ħa tindika ukoll id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu li tikkomunika lid-destinatarju ta’ tali deċiżjoni l-informazzjoni kollha li hija għandha rigward il-ksur preżunt, lanqas li tagħmel klassifikazzjoni legali sostanzjali ta’ dan il-ksur, iżda hija għandha tindika b’mod ċar il-preżunzjonijiet li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika (sentenza Société Générale vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 62).

78      F’dan il-każ, minbarra li, minn naħa, il-premessi 20 u 21 u d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata I u, min-naħa l-oħra, il-premessi 17 u 18 u d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata II jirreferu espressament għas-sanzjonijiet u għad-dritt ta’ reviżjoni msemmi fil-punt 77 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, fil-premessi 12 sa 15 tad-deċiżjoni kkontestata I (ara l-punti 13 sa 16 iktar ’il fuq) u l-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata II (ara l-punti 21 u 22 iktar ’il fuq), immotivat suffiċjentement fid-dritt ir-raġunijiet li għalihom l-informazzjoni u d-dokumenti mitluba fl-anness tad-deċiżjonijiet ikkontestati I u II kienu neċessarji għall-investigazzjoni tagħha dwar il-ksur allegat.

79      B’mod partikolari, il-Kummissjoni espressament indikat, minn naħa, fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata I, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li t-talbiet għal informazzjoni li jidhru fil-punti I u II tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata I kienu neċessarji u, min-naħa l-oħra, fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata I, ir-raġunijiet tat-talba tagħha għal produzzjoni tad-dokumenti msemmija fil-punti III u IV ta’ dan l-anness (ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni ġġustifikat ukoll, fil-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata II, in-neċessità tar-“rapport tip UCN” u informazzjoni u dokumenti dwar l-ispejjeż ta’ kisba ta’ klijenti ġodda u dwar ċerti spejjeż fil-kapital ta’ Slovak Telekom għall-provvista ta’ ċerti servizzi broadband (ara l-punti 21 u 22 iktar ’il fuq).

80      Fit-tieni lok, jekk ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati I u II jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità, tali motiv għandu jiġi miċħud.

81      Għandu, l-ewwel nett, jitfakkar li t-talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lil impriża għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi informazzjoni ma għandux jiirrappreżenta għaliha oneru sproporzjonat meta pparagunat man-neċessitajiet tal-investigazzjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1991, SEP vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punti 51 u 52, u Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 418 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minbarra dan, skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati tas-setgħa pubblika fl-isfera ta’ attività privata ta’ kull persuna, indipendentement minn jekk din hijiex fiżika jew ġuridika, huwa rrikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni talbitha informazzjoni u dokumenti dwar il-perijodu li ppreċeda l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni meta tali informazzjoni u dokumenti ma humiex neċessarji u ma jistax jiġi maħsub li huma neċessarji għall-evalwazzjoni tal-ksur allegat. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Kummissjoni diġà kisbet informazzjoni li tkopri iktar minn ħames snin mill-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet ġegħlitha, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, li tinvesti riżorsi umani sinjifikattivi u li tipprovdi bosta informazzjonni mhux pubblika li ma hijiex marbuta mal-perijodu ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE u tal-Artikolu 102 TFUE. Tali konstatazzjoni hija msaħħa mill-eżami tan-natura tal-allegazzjonijiet speċifiċi fformulati kontra r-rikorrenti.

83      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, fil-Kawża T-458/09, ma pprovdiet ebda preċiżazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom l-obbligu li ġie impost fuqha li tipprovdi bosta informazzjoni mhux pubblika jew li tinvesti f’riżorsi umani sinjifikattivi f’dan ir-rigward kienu rrappreżentaw għaliha oneru sproporzjonat meta pparagunat man-neċessitajiet tal-investigazzjoni. Fil-Kawża T-171/10, hija sostniet li l-fatt li l-informazzjoni mitluba ma kinitx tirrigwarda l-perijodu ta’ investigazzjoni, ma tistax tintuża sabiex jiġi kkonstatat abbuż matul il-perijodu li għalih hija tirreferi u ma tirrappreżentax kundizzjoni sine qua non tal-konstatazzjoni ta’ ksur allegatament imwettaq wara l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni, iħalli x’jifhem li d-deċiżjoni kkontestata II tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

84      Madankollu, peress illi l-ilmenti msemmija fil-punti 82 u 83 iktar ’il fuq jitħalltu ma’ dawk li ġew miċħuda fil-kuntest tal-ewwel motiv u peress illi r-rikorrenti ma tifformula ebda spjegazzjoni oħra rigward in-natura sproporzjonata tal-oneru li ġie impost fuqha, ma jistax jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

85      F’kull każ, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fil-kontrorepliki tagħha, hija effettivament illimitat l-oneru impost fuq ir-rikorrenti. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata I, il-Kummissjoni kienet talbet biss lir-rikorrenti li tipprovdilha l-preżentazzjonijiet u dokumenti oħra li hija qieset neċessarji, sussegwentement għal analiżi preċedenti tal-minuti tal-kumitat ta’ direzzjoni tar-rikorrenti. Fid-deċiżjoni kkontestata II, hija llimitat it-talbiet tagħha għal ċerti dokumenti, b’mod partikolari wara intervista mar-rikorrenti dwar it-tipi ta’ rapporti finanzjarji u ta’ kontabbiltà u mal-informazzjoni li r-rikorrenti kellha. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, ifformulat waqt is-seduta, li l-Kummissjoni kienet indirizzatilha, kif ukoll lill-kumpannija parent tagħha, sbatax-il talba għal informazzjoni, uħud fosthom kienu jikkonċeraw l-aġġornament ta’ informazzjoni eżistenti, il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li dawn it-talbiet kienu sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Peress illi l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha ġie adottat l-att, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, France vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7; tas-17 ta’ Mejju 2011, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑449/98 P, Ġabra p. I‑3875, punt 87, u tal-15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C‑485/08 P, Ġabra p. I‑3009, punt 26).

86      It-tieni nett, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta talbet lir-rikorrenti tikkomunikalha informazzjoni li tkopri approssivament il-perijodu li jippreċedi b’sena u nofs l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni, li juri li l-informazzjoni mitluba ma kellhiex rabta suffiċjenti mal-ksur allegat.

87      Madankollu, tali lment huwa intiż ukoll, essenzjalment, sabiex juri li l-informazzjoni mitluba ma kinitx neċessarja fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

88      Issa, tali lment għandu jiġi miċħud fil-kuntest tal-ewwel motiv. F’kull każ, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata I, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-affermazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 14 tagħha li, minn naħa, l-aggregazzjoni “ATM” u n-netwerk bażiku tar-rikorrenti (punti I u II tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata I) kienu tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u, min-naħa l-oħra, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata I, din użathom dejjem sabiex tipprovdi servizzi broadband bl-ingrossa u bl-imnut. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-affermazzjonijiet li jidhru fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata I li d-dokumenti msemmija fil-punti III u IV tal-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, minn naħa, jikkonċernaw servizzi broadband bl-ingrossa u bl-imnut li tqiegħdu fis-suq fl-2003 u li r-rikorrenti kompliet tipprovdi wara 1-1 ta’ Mejju 2004 u, min-naħa l-oħra, huma b’mod partikolari relatati mal-ippjanar ta’ dawn is-servizzi, it-tqegħid fis-suq tagħhom, l-investimenti relatati magħhom u l-iżvilupp tagħhom. Issa, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li tali informazzjoni, anki dik relatata approssivament mal-perijodu li jippreċedi b’sena u nofs l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni, kienet neċessarja. L-istess japplika, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata II, u għar-raġunijiet diġà esposti fil-punt 55 iktar ’il fuq, tat-talbiet għal informazzjoni dwar id-dħul, l-ispejjeż (li għandhom, skont il-każ, jiġu ammortizzati) u l-profitt tar-rikorrenti (ara l-punti 21 u 22 iktar ’il fuq).

89      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rikorrenti ma wrietx li l-prinċipju ta’ proporzjonalità nkiser mill-fatt li d-dokumenti u l-informazzjoni mitluba jkopru approssivament il-perijodu li jippreċedi b’sena u nofs l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni.

90      It-tielet nett, ir-rikorrenti, fil-Kawża T-171/10, takkuża lill-Kummissjoni li ma indirizzatilhiex “talba sempliċi għall-informazzjoni”. Madankollu, il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, titlob informazzjoni lil impriża “permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni” , mingħajr ma din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni għal “talba sempliċi” preċedenti. Sussegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-fatt biss li adottat id-deċiżjoni kkontestata II mingħajr ma indirizzat din it-talba minn qabel lir-rikorrenti. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta talbet informazzjoni lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata II mingħajr ma indirizzatilha tali talba preliminari, fid-dawl taċ-ċirkustanzi msemmija fil-premessi 7 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari tar-riskju ta’ dewmien fil-komunikazzjoni tagħhom, minħabba l-fatt li r-rikorrenti kienet fil-passat irrifjutat li tipprovdi informazzjoni dwar il-perijodu li ppreċeda l-1 ta’ Mejju 2004 u tar-rikors għal annullament dwar id-deċiżjoni kkontestata I (ara l-punt 23 iktar ’il fuq).

91      Isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud, kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

92      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti fil-Kawżi T-458/09 u T-171/10 tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Slovak Telekom a.s. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Truchot

Martins Ribeiro

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Marzu 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.