Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Frar 2010 - COLT Télécommunications France vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-79/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: COLT Télécommunications France SAS (Pariġi, Franza) (rappreżentant: M. Debroux, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tordna l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, skont il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji previsti fl-Artikoli 49, 64 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ta' ċerti dokumenti, msemmija fid-Deċiżjoni C(2009) 7426 final tal-Kummissjoni (Għajnuna mill-Istat N 331/2008 - Franza)

tannulla d-deċiżjoni sa fejn ikkunsidrat li l-"miżuri nnotifikati ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat";

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni C (2009) 7426 finali tal-Kummissjoni, tat-30 ta' Settembru 2009, li tiddikjara li l-kumpens għal spejjeż ta' servizz pubbliku ta' EUR 59 miljun, mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi lil grupp ta' impriżi għall-istabbiliment u l-użu ta' netwerk ta' komunikazzjonijiet elettroniċi b'veloċità qawwija (proġett THD 92) fid-dipartiment tal-Hauts-de-Seine, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), mill-Kummissjoni. Dan il-motiv huwa maqsum f'seba' partijiet.

-    l-ewwel parti tal-motiv tibbaża fuq il-konstatazzjoni li ż-żmien li ħadet l-istruttorja tad-deċiżjoni, li kien partikolarment twil (15-il xahar), fih innifsu, juri l-komplessità tal-kwistjoni u l-ħtieġa li tinfetaħ investigazzjoni formali;

-    fit-tieni parti tal-motiv ir-rikorrenti ssostni li l-iskeda tal-implementazzjoni, f'żewġ fażijiet, tan-netwerk kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex, a minima, tikkonstata li l-ewwel fażi ta' implementazzjoni tan-newtwerk, ikkonċentrata f'żoni ffollati ħafna u ta'qligħ kbir, ma kienet teħtieġ l-ebda sussidju pubbliku;

-    it-tielet parti tal-motiv tibbaża fuq it-turija li l-metodoloġija użata fid-deċiżjoni sabiex jiġu ddefiniti l-allegati "zoni bla qligħ" hija dubjuża ħafna u kontradittorja mal-konstatazzjonijiet tal-ARCEP, ir-regolatur għas-settur Franċiż; peress li dawn il-kontradizzjonijiet u dawn l-iżbalji metodoloġiċi kellhom iwasslu għal ftuħ ta'fażi ta' eżami fil-fond;

-    ir-raba' parti tal-motiv tibbaża fuq in-numru kbir ta' oġġezzjonijiet immotivati, magħmula mill-operaturi kompetituri, li anki dawn kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ fażi ta' eżami approfondit;

-    fil-ħames parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżerċitatx kontroll, lanqas minimu, intiż sabiex jiżgura li l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux wettqu żball manifest ta' evalwazzjoni fil-ħolqien ta' allegat servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, b'mod partikolari, minħabba nuqqas ta' falliment tas-suq;

-    is-sitt parti tal-motiv jirrigwarda wkoll in-nuqqas ta' kontroll, anki minimu, ta' żball manifest ta' evalwazzjoni mwettaq mill-awtoritajiet Franċiżi fil-ħolqien ta' SIEĠ b'mod partikolari, minħabba n-nuqqas ta' natura speċifika tal-intervent pubbliku maħsub;

-    fl-aħħar nett, fis-seba' parti tal-motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni ma qisitx riskju reali ta' kumpens żejjed għall-allegati spejjeż addizzjonali marbuta mal-allegati obbligi tas-servizz pubbliku.

____________