DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)
25 ta’ Marzu 2010
Kawża F-102/08
Luigi Marcuccio
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Servizz Pubbliku — Uffiċjal — Ġarr ta’ beni personali tar-rikorrent — Rikors għad-danni — Rikors manifestament inammissibbli — Rikors manifestament infondat fid-dritt — Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, prinċiparjament, id‑dikjarazzjoni ta’ invalidità jew, għall-inqas, l-annullament tad‑deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tikkomunikalu kopja tar-ritratti meħuda matul il-ġarr mir-residenza pprovduta lilu minn min kien jimpjegah, li kellu f’Luanda (Angola) u tal-qerda ta’ kull dokument relatat ma’ dan il-ġarr, kif ukoll il-kundanna tal‑Kummissjoni sabiex tħallsu għad-danni li rriżultaw mill-fatt li din ipproċediet, kontra r-rieda tiegħu, bl-imsemmi ġarr.
Deċiżjoni: Ir-rikors tar-rikorrent huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u bħala parzjalment manifestament infondat fid-dritt. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż. Ir‑rikorrent huwa kkundannat jirrimborsa lit-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku s-somma ta’ EUR 1 500.
Sommarju
1. Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Talba għall-annullament tad‑deċiżjoni prekontenzjuża li tiċħad talba għad-danni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
2. Atti tal-istituzzjonijiet — Preżunzjoni ta’ validità — Att ineżistenti — Kunċett
(Artikolu 249 KE)
3. Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv imressaq qabel — Termini — Dekadenza — Ftuħ mill-ġdid — Kundizzjoni — Fatt ġdid u sostantiv
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
1. Id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tiċħad talba għad-danni hija parti integrali tal‑proċedura amministrattiva ta’ qabel ir-rikors għad-danni ppreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, konsegwentement, it-talbiet għall-annullament magħmula kontra tagħha ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu meta mqabbla mat-talbiet għad-danni.
(ara l-punt 23)
Referenza: Il-Qorti Ġenerali: 18 ta’ Diċembru 1997, Gill vs Il‑Kummissjoni, T‑90/95, ĠabraSP p. I‑A‑471 u II‑1231, punt 45; 6 ta’ Marzu 2001, Ojha vs Il‑Kummissjoni, T‑77/99, ĠabraSP p. I‑A‑61 u II‑293, punt 68; 5 ta’ Diċembru 2002, Hoyer vs Il‑Kummissjoni, T‑209/99, ĠabraSP p. I‑A‑243 u II‑1211, punt 32
2. Jistgħu jiġu ddikjarati ineżistenti l-atti vvizzjati b’mod partikolarment gravi u evidenti biss. Il-gravità tal-konsegwenzi li huma relatati mal-konstatazzjoni tal‑ineżistenza ta’ att ta’ istituzzjoni timplika li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, din il-konstatazzjoni tkun ristretta biss għal każijiet verament estremi.
Ma tippreżenta ebda illegalità tali deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li jinqerdu dokumenti li din l-istituzzjoni ġġustifikat iż-żamma tagħhom bil-fatt li jikkostitwixxu garanzija li tippermetti, kemm għall-uffiċjal kkonċernat kif ukoll għaliha stess, li jiġi vverifikat li l-beni kollha, li kienu suġġetti għal dan il-ġarr, jiġu kkunsinjati lilu fir-residenza l-ġdida tiegħu.
(ara l-punti 29 u 32)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Diċembru 1957, Société des usines à tubes de la Sarre vs L-Awtorità Għolja, 1/57 u 14/57, Ġabra. p. 201, 220; 15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punt 50; 5 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑475/01, Ġabra p. I‑8923, punt 20
3. Għalkemm, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kull uffiċjal jista’ jitlob lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tieħu deċiżjoni fir-rigward tiegħu, din il-fakultà ma tippermettix lill-uffiċjal li jevita t-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-preżentata ta’ rikors, li timmina indirettament, permezz ta’ talba, deċiżjoni preċedenti li ma kinitx ġiet ikkonstatata fit-termini. Hija biss l-eżistenza ta’ fatti ġodda sostanzjali li tista’ tiġġustifika li ssir talba għal eżami mill-ġdid ta’ tali deċiżjoni.
(ara l-punt 36)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Mejju 1985, Esly vs Il‑Kummissjoni, 127/84, Ġabra p. 1437, punt 10